EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22014D0799

2014/799/UE: Deċiżjoni Nru 4/2014 tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE tat- 23 ta' Ottubru 2014 rigward il-mandat li għandu jingħata lill-Bord Eżekuttiv taċ-Ċentru għall-Iżvilupp tal-Intrapriżi (ĊŻI)

ĠU L 330, 15.11.2014, p. 61–62 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/799/oj

15.11.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 330/61


DEĊIŻJONI Nru 4/2014 TAL-KUMITAT TAL-AMBAXXATURI AKP-UE

tat-23 ta' Ottubru 2014

rigward il-mandat li għandu jingħata lill-Bord Eżekuttiv taċ-Ċentru għall-Iżvilupp tal-Intrapriżi (ĊŻI)

(2014/799/UE)

IL-KUMITAT TAL-AMBAXXATURI AKP-UE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000 (1) (“il-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE”), u b'mod partikolari l-Artikolu 2 tal-Anness III tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 2(6)(d) tal-Anness III tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE jeħtieġ li l-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE jissorvelja l-istrateġija ġenerali taċ-ĊŻI u jagħmel superviżjoni tal-ħidma tal-Bord Eżekuttiv taċ-ĊŻI.

(2)

Il-Bord Eżekuttiv taċ-ĊŻI għandu jagħmel superviżjoni tal-ħidma taċ-ĊŻI (Artikolu 2(7)(b)), jadotta l-programm u l-baġit taċ-ĊŻI (Artikolu 2(7)(c)) u jippreżenta rapporti u evalwazzjonijiet perjodiċi lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE (Artikolu 2(7)(d)).

(3)

L-Istatuti u r-Regoli ta' Proċedura taċ-ĊŻI adottati permezz tad-Deċiżjoni Nru 8/2005 tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-KE (l-“Istatuti taċ-ĊŻI”) u r-Regolament Finanzjarju taċ-ĊŻI adottat permezz tad-Deċiżjoni Nru 5/2004 tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-KE (ir-“Regolament Finanzjarju taċ-ĊŻI”), jipprovdu s-salvagwardji f'termini ta' informazzjoni u superviżjoni mill-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE.

(4)

Fid-39 sessjoni tiegħu li saret fid-19 u l-20 ta' Ġunju 2014 f'Najrobi, il-Kunsill tal-Ministri AKP-UE qabel, f'Dikjarazzjoni Konġunta, li jkompli bl-għeluq ordnat taċ-ĊŻI u bl-emendament tal-Anness III tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE u, għal dan il-għan, iddeċieda li jagħti delega ta' setgħat lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE biex imexxi din il-materja 'l quddiem bil-ħsieb li jiġu adottati d-deċiżjonijiet meħtieġa.

(5)

Id-Dikjarazzjoni Konġunta hawn fuq imsemmija tal-Kunsill tal-Ministri AKP-UE stabbilixxiet il-Grupp ta' Ħidma Konġunt AKP-UE (il-“GĦK”) biex jiżgura li ċ-ĊŻI jingħalaq taħt l-aħjar kondizzjonijiet possibbli,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Suġġett għall-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 2, 3 u 4 ta' din id-Deċiżjoni, il-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE b'dan jawtorizza lill-Bord Eżekuttiv taċ-ĊŻI biex jieħu, b'effett immedjat, il-miżuri xierqa kollha biex jipprepara għall-għeluq taċ-ĊŻI.

2.   L-għeluq taċ-ĊŻI għandu jirrispetta l-kompetenzi tal-awtoritajiet superviżorji taċ-ĊŻI stabbiliti fl-Anness III tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE u l-modalitajiet stipulati mill-Kunsill tal-Ministri AKP-UE fid-Dikjarazzjoni Konġunta tiegħu tal-20 ta' Ġunju 2014.

Artikolu 2

1.   Il-Bord Eżekuttiv taċ-ĊŻI għandu kemm jista' jkun malajr, u mhux aktar tard mit-23 ta' Diċembru 2014, iqabbad Kuratur b'kuntratt biex jipprepara u jimplimenta pjan ta' għeluq, kif ukoll biex imexxi ċ-ĊŻI waqt il-proċess li jwassal għall-għeluq tiegħu.

2.   Il-pjan tal-għeluq għandu jippermetti l-għeluq taċ-ĊŻI b'mod ordnat, waqt li jirrispetta d-drittijiet tal-partijiet terzi kollha involuti, u jassigura li l-proġetti ta' appoġġ lis-settur privat li għaddejjin bħalissa jitlestew miċ-ĊŻI stess jew minn entità li lilha tista' tiġi assenjata t-tmexxija tagħhom.

3.   Il-pjan tal-għeluq għandu jipprevedi l-finalizzazzjoni tal-għeluq gradwali taċ-ĊŻI sal-31 ta' Diċembru 2016. Il-pjan tal-għeluq għandu jinkludi ż-żmien meħtieġ biex isiru l-pagamenti finali, ir-rapporti finali u l-awditi finanzjarji u statutorji bil-ħsieb tal-għeluq taċ-ĊŻI sal-31 ta' Diċembru 2016.

Artikolu 3

1.   F'konformità mal-proċeduri stabbiliti fil-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE, l-Istatuti taċ-ĊŻI u r-Regolament Finanzjarju taċ-ĊŻI, il-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE għandu jirċievi l-pjan tal-għeluq adottat mill-Bord Eżekuttiv taċ-ĊŻI.

2.   Il-Bord Eżekuttiv taċ-ĊŻI għandu jipprovdi rapporti ta' kull tliet xhur lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE dwar il-progress li jkun sar fil-proċess tal-għeluq.

Artikolu 4

Il-Bord Eżekuttiv taċ-ĊŻI ser jikkonsulta lill-GĦK dwar l-abbozz tat-Termini ta' Referenza għall-Kuratur imsemmi fl-Artikolu 2(1), kif ukoll dwar l-abbozz tal-pjan tal-għeluq u l-abbozz tal-proposta għall-kwittanza.

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell fit-23 ta' Ottubru 2014.

Għall-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE

Il-President

S. SANNINO


(1)  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3. Ftehim kif emendat mill-Ftehim iffirmat fil-Lussemburgu fil-25 ta' Ġunju 2005 (ĠU L 209, 11.8.2005, p. 27) u mill-Ftehim iffirmat f'Ouagadougou fit-22 ta' Ġunju 2010 (ĠU L 287, 4.11.2010, p. 3).


Top