EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02019R1890-20220413

Consolidated text: Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/1890 tal-11 ta’ Novembru 2019 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-attivitajiet ta’ tħaffir mhux awtorizzat tat-Turkija fil-Lvant tal-Mediterran

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/1890/2022-04-13

02019R1890 — MT — 13.04.2022 — 004.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2019/1890

tal-11 ta’ Novembru 2019

dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-attivitajiet ta’ tħaffir mhux awtorizzat tat-Turkija fil-Lvant tal-Mediterran

(ĠU L 291 12.11.2019, p. 3)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/274 tas-27 ta’ Frar 2020

  L 56I

1

27.2.2020

 M2

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1655 tas-6 ta’ Novembru 2020

  L 372I

1

9.11.2020

►M3

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/1960 tal-11 ta’ Novembru 2021

  L 400

11

12.11.2021

►M4

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/595 tal-11 ta’ April 2022

  L 114

60

12.4.2022


Ikkoreġut bi:

►C1

Rettifika, ĠU L 316, 6.12.2019, p.  108 (2019/1890)




▼B

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2019/1890

tal-11 ta’ Novembru 2019

dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-attivitajiet ta’ tħaffir mhux awtorizzat tat-Turkija fil-Lvant tal-Mediterran



Artikolu 1

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

“pretensjoni” jfisser kwalunkwe pretensjoni, kemm jekk iddikjarata bi proċedimenti legali kif ukoll jekk le, li ssir qabel jew wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, skont kuntratt jew tranżazzjoni, jew b’rabta magħhom, u b’mod partikolari:

(i) 

pretensjoni ta’ prestazzjoni ta’ kwalunkwe obbligu li jirriżulta skont kuntratt jew tranżazzjoni, jew b’rabta magħhom;

(ii) 

pretensjoni ta’ estensjoni jew ta’ ħlas ta’ bond, garanzija finanzjarja jew indennizz ta’ liema forma tkun;

(iii) 

pretensjoni ta’ kumpens fir-rigward ta’ kuntratt jew tranżazzjoni;

(iv) 

kontrotalba;

(v) 

pretensjoni għar-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni, inkluż permezz tal-proċedura ta’ exequatur, ta’ sentenza, ta’ deċiżjoni arbitrali jew ta’ deċiżjoni ekwivalenti, tkun fejn tkun saret jew ingħatat;

(b) 

“kuntratt jew tranżazzjoni” tfisser kwalunkwe tranżazzjoni ta’ liema forma tkun u tkun xi tkun il-liġi applikabbli, kemm jekk tikkonsisti f’kuntratt wieħed jew aktar jew f’obbligi simili magħmula bejn l-istess partijiet jew bejn partijiet differenti; għal dak l-iskop “kuntratt” tinkludi bond, garanzija jew indennizz, b’mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, u kreditu, kemm jekk legalment indipendenti kif ukoll jekk le, kif ukoll kwalunkwe dispożizzjoni relatata li tiġi mit-tranżazzjoni jew b’konnessjoni magħha;

(c) 

“awtoritajiet kompetenti” tfisser l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kif identifikati fis-siti web elenkati fl-Anness II;

(d) 

“riżorsi ekonomiċi” tfisser assi ta’ kull xorta, kemm tanġibbli kif ukoll intanġibbli, mobbli jew immobbli, li mhumiex fondi, iżda li jistgħu jintużaw biex jinkisbu fondi, beni jew servizzi;

(e) 

“iffriżar ta’ riżorsi ekonomiċi” tfisser il-prevenzjoni tal-użu ta’ riżorsi ekonomiċi biex jinkisbu fondi, beni jew servizzi bi kwalunkwe mod, inkluż, iżda mhux limitat għall-bejgħ, il-kiri jew l-użu tagħhom bħala ipoteka;

(f) 

“iffriżar ta’ fondi” tfisser il-prevenzjoni ta’ kwalunkwe ċaqliq, trasferiment, alterazzjoni, użu, aċċess, jew trattar ta’ fondi bi kwalunkwe mod li jirriżulta fi kwalunkwe bidla fil-volum, fl-ammont, fil-post, fis-sjieda, fil-pussess, fil-karattru, fid-destinazzjoni tagħhom jew fi bdil ieħor li jippermetti li l-fondi jintużaw, inkluż ġestjoni ta’ portafolli;

(g) 

“fondi” tfisser assi finanzjarji u benefiċċji ta’ kull tip, inkluż, iżda mhux limitat għal:

(i) 

flus kontanti, ċekkijiet, pretensjonijiet fuq flus, kambjali, money orders u strumenti oħra ta’ pagament;

(ii) 

depożiti ma’ istituzzjonijiet finanzjarji jew entitajiet oħra, bilanċi fuq kontijiet, djun u obbligi ta’ dejn;

(iii) 

titoli u strumenti ta’ dejn innegozjati pubblikament u privatament, inkluż l-istokks u l-ishma, iċ-ċertifikati li jirrappreżentaw titoli, bonds, noti, warrants, obbligazzjonijiet u kuntratti tad-derivattivi;

(iv) 

imgħax, dividendi jew introjtu ieħor minn assi jew valur li jirriżulta minnhom jew li huwa ġġenerat minnhom;

(v) 

kreditu, dritt ta’ tpaċija, garanziji, garanziji ta’ eżekuzzjoni jew impenji finanzjarji oħrajn;

(vi) 

ittri ta’ kreditu, poloz ta’ kargu, atti ta’ bejgħ;

(vii) 

dokumenti li jagħtu prova ta’ interess f’fondi jew f’riżorsi finanzjarji;

(h) 

“territorju tal-Unjoni” tfisser it-territorji tal-Istati Membri li t-Trattat huwa applikabbli għalihom, skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattat, inkluż l-ispazju tal-ajru tagħhom.

Artikolu 2

1.  
Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, li huma l-proprjetà lil, jew li huma fil-pussess jew taħt il-kontroll ta’ kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkat fl-Anness I għandhom jiġu ffriżati.
2.  
L-ebda fondi jew riżorsi ekonomiċi ma għandhom isiru disponibbli, direttament jew indirettament, lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness I, jew għall-benefiċċju tagħhom.
3.  

L-Anness I għandu jinkludi persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi li, skont l-Artikoli 1(1) u 2(1) tad-Deċiżjoni (PESK) 2019/1894, ġew identifikati mill-Kunsill bħala li:

(a) 

huma responsabbli għal jew involuti fi, inkluż bl-ippjanar, it-tħejjija, il-parteċipazzjoni fi, it-tmexxija, jew l-assistenza ta’, attivitajiet ta’ tħaffir b’rabta mal-esplorazzjoni u l-produzzjoni ta’ idrokarburi, jew l-estrazzjoni ta’ idrokarburi li jirriżultaw minn tali attivitajiet, li ma ġewx awtorizzati mir-Repubblika ta’ Ċipru, fil-baħar territorjali tagħha jew fiż-żona ekonomika esklużiva tagħha jew fil-blata kontinentali tagħha, inkluż f’każijiet fejn iż-żona ekonomika esklużiva jew il-blata kontinentali ma tkunx ġiet delimitata f’konformità mad-dritt internazzjonali ma’ Stat li jkollu kosta faċċata, attivitajiet li jistgħu jipperikolaw jew ixekklu li jintlaħaq ftehim ta’ delimitazzjoni;

(b) 

jipprovdu appoġġ finanzjarju, tekniku jew materjali għal attivitajiet ta’ tħaffir b’rabta mal-esplorazzjoni u l-produzzjoni ta’ idrokarburi, jew l-estrazzjoni ta’ idrokarburi li jirriżultaw minn tali attivitajiet, imsemmija fil-punt (a);

(c) 

huma assoċjati ma’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi msemmija fil-punti (a) u (b).

Artikolu 3

1.  

B’deroga mill-Artikolu 2, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jew jagħmlu disponibbli ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi, skont dawk il-kondizzjonijiet li jqisu xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li l-fondi jew riżorsi ekonomiċi kkonċernati jkunu:

(a) 

neċessarji biex jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi elenkati fl-Anness I u tal-membri dipendenti tal-familji ta’ dawn il-persuni fiżiċi, inkluż ħlasijiet għal oġġetti tal-ikel, kera jew ipoteki, mediċini u trattament mediku, taxxi, primjums tal-assigurazzjoni, u imposti ta’ servizzi pubbliċi;

(b) 

maħsuba esklużivament għall-ħlas ta’ tariffi professjonali raġonevoli jew għar-rimborż ta’ spejjeż assoċjati mal-għoti ta’ servizzi legali;

(c) 

maħsuba esklużivament għall-ħlas ta’ tariffi jew imposti għal servizzi ta’ kustodja jew ġestjoni normali ta’ fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati;

(d) 

neċessarji għal spejjeż straordinarji, bil-kondizzjoni li l-awtorità kompetenti rilevanti tkun innotifikat lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bir-raġunijiet li għalihom hija tqis li għandha tingħata awtorizzazzjoni speċifika, mill-inqas ġimagħtejn qabel l-awtorizzazzjoni; jew

(e) 

ser jitħallsu f’kont jew minn kont ta’ missjoni diplomatika jew konsulari jew ta’ organizzazzjoni internazzjonali li tgawdi immunitajiet f’konformità mad-dritt internazzjonali, sa fejn tali pagamenti jkunu maħsuba biex jintużaw għal finijiet uffiċjali tal-missjoni diplomatika jew konsulari jew tal-organizzazzjoni internazzjonali.

2.  
L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma fi żmien ġimagħtejn lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont il-paragrafu 1.

Artikolu 4

1.  

B’deroga mill-Artikolu 2(1), l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jekk jintlaħqu l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi huma soġġetti għal deċiżjoni arbitrarja mogħtija qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp imsemmija fl-Artikolu 2 kienu elenkati fl-Anness I, jew għal deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva mogħtija fl-Unjoni, jew deċiżjoni ġudizzjarja infurzabbli fl-Istat Membru kkonċernat, qabel jew wara dik id-data;

(b) 

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jkunu ser jintużaw esklużivament biex jiġu ssodisfati pretensjonijiet iggarantiti minn tali deċiżjoni jew rikonoxxuti bħala validi f’tali deċiżjoni, fil-limiti stabbiliti mil-liġijiet u r-regolamenti applikabbli li jirregolaw id-drittijiet ta’ persuni li jkollhom tali pretensjonijiet;

(c) 

id-deċiżjoni ma tkunx għall-benefiċċju ta’ persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkat fl-Anness I; u

(d) 

ir-rikonoxximent tad-deċiżjoni ma jmurx kontra l-ordni pubbliku fl-Istat Membru kkonċernat.

2.  
L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma fi żmien ġimagħtejn lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont il-paragrafu 1.

Artikolu 5

1.  

B’deroga mill-Artikolu 2(1) u bil-kondizzjoni li pagament minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkat fl-Anness I ikun dovut skont kuntratt jew ftehim li ġie konkluż minn, jew skont obbligu li rriżulta għall-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp ikkonċernat qabel id-data ta’ meta dik il-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp iddaħħlu fl-Anness I, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw, skont il-kondizzjonijiet li jqisu li jkunu adattati, ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, bil-kondizzjoni li l-awtorità kompetenti kkonċernata tkun iddeterminat li:

(a) 

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi ser jintużaw għal pagament minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness I; u

(b) 

il-pagament ma jkunx bi ksur tal-Artikolu 2(2).

2.  
L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma fi żmien ġimagħtejn lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont il-paragrafu 1.

Artikolu 6

1.  
L-Artikolu 2(2) ma għandux iwaqqaf l-ikkreditar ta’ kontijiet iffriżati minn istituzzjonijiet finanzjarji jew ta’ kreditu li jirċievu fondi trasferiti minn partijiet terzi fil-kont ta’ persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkat fl-Anness I, bil-kondizzjoni li kwalunkwe żieda f’tali kontijiet tiġi ffriżata wkoll. L-istituzzjoni finanzjarja jew ta’ kreditu għandha tinforma lill-awtorità kompetenti rilevanti bi kwalunkwe tranżazzjoni ta’ dan it-tip, mingħajr dewmien.
2.  

L-Artikolu 2(2) ma għandux japplika għaż-żieda f’kontijiet iffriżati ta’:

(a) 

imgħax jew qligħ ieħor fuq dawk il-kontijiet;

(b) 

pagamenti dovuti skont kuntratti, ftehimiet jew obbligi li jkunu ġew konklużi jew li nħolqu qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp imsemmi fl-Artikolu 2 jkun ġie inkluż fl-Anness I; jew

(c) 

pagamenti dovuti skont deċiżjonijiet ġudizzjarji, amministrattivi jew arbitrali mogħtija fi Stat Membru jew eżegwibbli fl-Istat Membru kkonċernat,

bil-kondizzjoni li kwalunkwe tali mgħax, dħul u pagamenti oħrajn jibqgħu soġġetti għall-miżuri previsti fl-Artikolu 2(1).

Artikolu 7

1.  

Mingħajr preġudizzju għar-regoli applikabbli li jikkonċernaw ir-rappurtar, il-kunfidenzjalità u s-segretezza professjonali, il-persuni fiżiċi u ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi għandhom:

(a) 

jipprovdu minnufih kwalunkwe informazzjoni li tiffaċilita l-konformità ma’ dan ir-Regolament, bħall-informazzjoni fuq kontijiet u ammonti ffriżati f’konformità mal-Artikolu 2, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fejn ikunu residenti jew fejn ikunu jinsabu, u għandhom jibagħtu din l-informazzjoni, direttament jew permezz tal-Istat Membru, lill-Kummissjoni; u

(b) 

jikkooperaw mal-awtorità kompetenti fi kwalunkwe verifika ta’ din l-informazzjoni.

2.  
Kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li l-Kummissjoni tirċievi direttament għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri.
3.  
Kwalunkwe informazzjoni pprovduta jew li tasal f’konformità ma’ dan l-Artikolu għandha tintuża biss għall-finijiet li tkun għalihom ingħatat jew waslet.

Artikolu 8

Għandha tkun ipprojbita l-parteċipazzjoni b’mod konxju u bi ħsieb, f’attivitajiet li għandhom l-għan jew l-effett li jevitaw il-miżuri msemmija fl-Artikolu 2.

Artikolu 9

1.  
L-iffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi jew ir-rifjut li tali fondi jew riżorsi ekonomiċi jsiru disponibbli, imwettaq b’rieda tajba fuq il-bażi li tali azzjoni tkun konformi ma’ dan ir-Regolament, ma għandux joħloq responsabbiltà ta’ kwalunkwe tip min-naħa tal-persuna fiżika jew ġuridika jew l-entità jew il-korp li jkun qed jimplimentah, jew tad-diretturi jew l-impjegati tiegħu, sakemm ma jiġix ippruvat li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ġew iffriżati jew miżmuma b’riżultat ta’ negliġenza.
2.  
Azzjonijiet minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi ma għandhom joħolqu l-ebda tip ta’ responsabbiltà min-naħa tagħhom jekk ma kinux jafu, u ma kellhom l-ebda raġuni valida li jissuspettaw, li l-azzjonijiet tagħhom jiksru l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament.

Artikolu 10

1.  

Ebda pretensjoni b’konnessjoni ma’ xi kuntratt jew tranżazzjoni, li l-prestazzjoni tagħhom tkun ġiet affettwata, direttament jew indirettament, totalment jew parzjalment, mill-miżuri imposti skont dan ir-Regolament, inkluż pretensjonijiet għal indennizz jew kwalunkwe pretensjoni oħra ta’ dan it-tip, bħal pretensjoni għal kumpens jew pretensjoni taħt garanzija, partikolarment pretensjoni għal estensjoni jew għall-ħlas ta’ bond, garanzija jew indennizz, b’mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, ta’ kwalunkwe għamla, ma għandha tiġi ssodisfata, jekk din issir minn:

(a) 

persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi ddeżinjati, elenkati fl-Anness I;

(b) 

kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jaġixxu permezz ta’ waħda mill-persuni, entitajiet jew korpi msemmija fil-punt (a) jew f’isimhom.

2.  
Fi kwalunkwe proċediment għall-eżekuzzjoni ta’ pretensjoni, l-oneru tal-prova li l-issodisfar tal-pretensjoni mhux ipprojbit mill-paragrafu 1 għandu jkun fuq il-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp li jkun qed ifittex l-eżekuzzjoni ta’ dik il-pretensjoni.
3.  
Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, tal-entitajiet u tal-korpi msemmija fil-paragrafu 1 għal stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ obbligi kuntrattwali f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 11

1.  

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jinfurmaw minnufih lil xulxin bil-miżuri meħuda skont dan ir-Regolament u jikkondividu kwalunkwe informazzjoni oħra rilevanti li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom b’rabta ma’ dan ir-Regolament, partikolarment informazzjoni:

(a) 

dwar il-fondi ffriżati skont l-Artikolu 2 u l-awtorizzazzjonijiet mogħtija skont l-Artikoli 3 sa 5;

(b) 

dwar ksur u problemi ta’ eżekuzzjoni u sentenzi mogħtija minn qrati nazzjonali.

2.  
L-Istati Membri għandhom jinfurmaw minnufih lil xulxin u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra għad-dispożizzjoni tagħhom li tista’ taffettwa l-implimentazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 12

1.  
►C1  Meta l-Kunsill jiddeċiedi li jissoġġetta persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp għall-miżuri msemmija fl-Artikolu 2, għandu jemenda l-Anness I kif xieraq. ◄
2.  
Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1, inkluż ir-raġunijiet għall-elenkar, lill-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp ikkonċernat, jew direttament, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż, li jipprovdi lil tali persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp b’opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet.
3.  
Fejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet, jew fejn tiġi ppreżentata evidenza sostanzjali ġdida, il-Kunsill għandu jirrieżamina d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 u jinforma lill-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp ikkonċernat skont il-każ.
4.  
Il-lista fl-Anness I għandha tiġi rieżaminata f’intervalli regolari u mill-inqas kull 12-il xahar.
5.  
Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li temenda l-Anness II abbażi ta’ informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri.

Artikolu 13

1.  
L-Anness I għandu jinkludi r-raġunijiet għall-elenkar tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, tal-entitajiet jew tal-korpi kkonċernati.
2.  
L-Anness I għandu jinkludi l-informazzjoni disponibbli meħtieġa biex jiġu identifikati l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi kkonċernati. Fir-rigward ta’ persuni fiżiċi, tali informazzjoni tista’ tinkludi ismijiet u psewdonimi, id-data u l-post tat-twelid, iċ-ċittadinanza, in-numri tal-passaport u tal-karta tal-identità, il-ġeneru, l-indirizz, jekk magħruf, u l-funzjoni jew il-professjoni. Fir-rigward ta’ persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi, tali informazzjoni tista’ tinkludi l-ismijiet, il-post u d-data tar-reġistrazzjoni, in-numru tar-reġistrazzjoni u l-post tan-negozju.

Artikolu 14

1.  
L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-pieni previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.
2.  
L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawk ir-regoli lill-Kummissjoni mingħajr dewmien wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien bi kwalunkwe emenda sussegwenti.

Artikolu 15

1.  

Il-Kunsill, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (“ir-Rappreżentant Għoli”) jistgħu jipproċessaw id-data personali sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom skont dan ir-Regolament. Dawn il-kompiti jinkludu:

(a) 

fir-rigward tal-Kunsill, it-tħejjija u l-emendar tal-Anness I;

(b) 

fir-rigward tar-Rappreżentant Għoli, it-tħejjija ta’ emendi għall-Anness I;

(c) 

fir-rigward tal-Kummissjoni:

(i) 

iż-żieda tal-kontenut tal-Anness I fil-lista elettronika konsolidata tal-persuni, il-gruppi u l-entitajiet soġġetti għall-miżuri restrittivi finanzjarji tal-Unjoni u fil-mappa interattiva tas-sanzjonijiet, li huma t-tnejn disponibbli għall-pubbliku;

(ii) 

l-ipproċessar tal-informazzjoni dwar l-impatt tal-miżuri ta’ dan ir-Regolament, bħall-valur tal-fondi ffriżati u l-informazzjoni dwar l-awtorizzazzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti.

2.  
Il-Kunsill, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli jistgħu jipproċessaw, fejn applikabbli, data rilevanti relatata ma’ reati kriminali mwettqa minn persuni fiżiċi elenkati, ma’ kundanni kriminali ta’ tali persuni jew ma’ miżuri ta’ sigurtà li jikkonċernaw lit-tali persuni, biss sa fejn tali pproċessar ikun meħtieġ għat-tħejjija tal-Anness I.
3.  
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, il-Kunsill, is-servizz tal-Kummissjoni elenkat fl-Anness II għal dan ir-Regolament u r-Rappreżentant Għoli huma ddeżinjati bħala “kontrolluri” fit-tifsira tal-punt (8) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2018/1725, sabiex ikun żgurat li l-persuni fiżiċi kkonċernati jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom skont ir-Regolament (UE) 2018/1725.

Artikolu 16

1.  
L-Istati Membri għandhom jaħtru l-awtoritajiet kompetenti u jidentifikawhom fuq is-siti web elenkati fl-Anness II. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe bidla fl-indirizzi tas-siti web tal-awtoritajiet kompetenti elenkati fl-Anness II.
2.  
L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-awtoritajiet kompetenti tagħhom, inkluż id-dettalji ta’ kuntatt ta’ dawk l-awtoritajiet kompetenti, mingħajr dewmien wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, u għandhom jinnotifikawha bi kwalunkwe emenda sussegwenti.
3.  
Meta dan ir-Regolament jistipula rekwiżit li l-Kummissjoni tiġi nnotifikata, infurmata, jew li ssir xi komunikazzjoni magħha b’xi mod ieħor, l-indirizz u d-dettalji l-oħra ta’ kuntatt li jridu jintużaw għal din il-komunikazzjoni għandhom ikunu dawk indikati fl-Anness II.

Artikolu 17

Dan ir-Regolament għandu japplika:

(a) 

fit-territorju tal-Unjoni, inkluż fl-ispazju tal-ajru tagħha;

(b) 

abbord kwalunkwe inġenju tal-ajru jew kwalunkwe bastiment fil-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru;

(c) 

għal kwalunkwe persuna fiżika fit-territorju jew barra mit-territorju tal-Unjoni li tkun ċittadina ta’ Stat Membru;

(d) 

għal kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp, fit-territorju jew barra mit-territorju tal-Unjoni, li jkun inkorporat jew kostitwit skont il-liġi ta’ Stat Membru;

(e) 

għal kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp fir-rigward ta’ kwalunkwe negozju mwettaq, kollu kemm hu jew parti minnu, fl-Unjoni.

Artikolu 18

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




ANNESS I

LISTA TA’ PERSUNI FIŻIĊI U ĠURIDIĊI, ENTITAJIET U KORPI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 2

▼M1



 

Isem

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

▼M3

1.

Mehmet Ferruh AKALIN

Data tat-twelid: 9.12.1960

Numru tal-passaport jew tal-karta tal-identità: 13571379758

Nazzjonalità: Torka

Ġeneru: maskil

Mehmet Ferruh Akalın huwa Viċi President (Assistant General Manager) u membru tal-Bord tad-Diretturi tat-Turkish Petroleum Corporation (TPAO). Huwa l-kap tad-Dipartiment tal-Esplorazzjoni tat-TPAO.

Fil-kapaċità tiegħu bħala Viċi President tat-TPAO u kap tad-Dipartiment għall-Esplorazzjoni tagħha, Mehmet Ferruh Akalın huwa responsabbli għall-ippjanar, id-direzzjoni u l-implimentazzjoni tal-attivitajiet tat-TPAO għall-esplorazzjoni għall-idrokarburi fil-baħar. Dawk jinkludu l-attivitajiet ta’ tħaffir tat-TPAO li ma ġiex awtorizzat mir-Repubblika ta’ Ċipru, kif jidher hawn taħt.

Dawk l-attivitajiet ta’ tħaffir mhux awtorizzat twettqu minn:

(a)  il-bastiment tat-TPAO għat-tħaffir Yavuz fil-baħar territorjali tar-Repubblika ta’ Ċipru bejn Lulju u Settembru 2019;

(b)  il-bastiment tat-TPAO għat-tħaffir Yavuz f’parti miż-żona ekonomika esklussiva tar-Repubblika ta’ Ċipru nnotifikata minnha lin-Nazzjonijiet Uniti u delimitata fi ftehim mal-Eġittu, bejn Ottubru 2019 u Jannar 2020;

(c)  il-bastiment tat-TPAO għat-tħaffir Yavuz f’parti miż-żona ekonomika esklussiva tar-Repubblika ta’ Ċipru nnotifikata minnha lin-Nazzjonijiet Uniti u delimitata fi ftehim mal-Eġittu, kif ukoll fi ftehim mal-Iżrael, bejn Jannar u April 2020;

(d)  il-bastiment tat-TPAO għat-tħaffir Yavuz f’parti miż-żona ekonomika esklussiva tar-Repubblika ta’ Ċipru nnotifikata minnha lin-Nazzjonijiet Uniti u delimitata fi ftehim mal-Eġittu, bejn April u Ottubru 2020;

(e)  il-bastiment tat-TPAO għat-tħaffir Fatih f’parti miż-żona ekonomika esklużiva tar-Repubblika ta’ Ċipru nnotifikata minnha lin-Nazzjonijiet Uniti, qrib ħafna għall-baħar territorjali tagħha, bejn Novembru 2019 u Jannar 2020;

(f)  il-bastiment tat-TPAO għat-tħaffir Fatih f’parti tal-punent taż-żona ekonomika esklussiva tar-Repubblika ta’ Ċipru nnotifikata minnha lin-Nazzjonijiet Uniti, bejn Mejju u Novembru 2019.

27.2.2020

2.

Ali Coscun NAMOGLU

Data tat-twelid: 27.11.1956

Numru tal-passaport jew tal-karta tal-identità: 11096919534

Nazzjonalità: Torka

Ġeneru: maskil

Ali Coscun Namoglu huwa l-Viċi Direttur tad-Dipartiment għall-Esplorazzjoni tat-Turkish Petroleum Corporation (TPAO).

F’dik il-kapaċità, Ali Coscun Namoglu huwa involut fl-ippjanar, id-direzzjoni u l-implimentazzjoni tal-attivitajiet tat-TPAO għall-esplorazzjoni għall-idrokarburi fil-baħar. Dawk jinkludu l-attivitajiet ta’ tħaffir tat-TPAO, li ma ġewx awtorizzati mir-Repubblika ta’ Ċipru, kif jidher hawn taħt.

Dawk l-attivitajiet ta’ tħaffir mhux awtorizzat twettqu minn:

(a)  il-bastiment tat-TPAO għat-tħaffir Yavuz fil-baħar territorjali tar-Repubblika ta’ Ċipru bejn Lulju u Settembru 2019;

(b)  il-bastiment tat-TPAO għat-tħaffir Yavuz f’parti miż-żona ekonomika esklussiva tar-Repubblika ta’ Ċipru nnotifikata minnha lin-Nazzjonijiet Uniti u delimitata fi ftehim mal-Eġittu, bejn Ottubru 2019 u Jannar 2020;

(c)  il-bastiment tat-TPAO għat-tħaffir Yavuz f’parti miż-żona ekonomika esklussiva tar-Repubblika ta’ Ċipru nnotifikata minnha lin-Nazzjonijiet Uniti u delimitata fi ftehim mal-Eġittu, kif ukoll fi ftehim mal-Iżrael, bejn Jannar 2020 u April 2020;

(d)  il-bastiment tat-TPAO għat-tħaffir Yavuz f’parti miż-żona ekonomika esklussiva tar-Repubblika ta’ Ċipru nnotifikata minnha lin-Nazzjonijiet Uniti u delimitata fi ftehim mal-Eġittu, bejn April u Ottubru 2020;

(e)  il-bastiment tat-TPAO għat-tħaffir Fatih f’parti miż-żona ekonomika esklużiva tar-Repubblika ta’ Ċipru nnotifikata minnha lin-Nazzjonijiet Uniti, qrib ħafna għall-baħar territorjali tagħha, bejn Novembru 2019 u Jannar 2020;

(f)  il-bastiment tat-TPAO għat-tħaffir Fatih f’parti tal-punent taż-żona ekonomika esklussiva tar-Repubblika ta’ Ċipru nnotifikata minnha lin-Nazzjonijiet Uniti, bejn Mejju u Novembru 2019.

27.2.2020

▼B




ANNESS II

SITI WEB B’INFORMAZZJONI DWAR L-AWTORITAJIET KOMPETENTI U L-INDIRIZZ GĦAN-NOTIFIKI LILL-KUMMISSJONI

▼M4

IL-BELĠJU

https://diplomatie.belgium.be/en/policy/policy_areas/peace_and_security/sanctions

IL-BULGARIJA

https://www.mfa.bg/en/EU-sanctions

IĊ-ĊEKJA

www.financnianalytickyurad.cz/mezinarodni-sankce.html

ID-DANIMARKA

http://um.dk/da/Udenrigspolitik/folkeretten/sanktioner/

IL-ĠERMANJA

https://www.bmwi.de/Redaktion/DE/Artikel/Aussenwirtschaft/embargos-aussenwirtschaftsrecht.html

L-ESTONJA

https://vm.ee/et/rahvusvahelised-sanktsioonid

L-IRLANDA

https://www.dfa.ie/our-role-policies/ireland-in-the-eu/eu-restrictive-measures/

IL-GREĊJA

http://www.mfa.gr/en/foreign-policy/global-issues/international-sanctions.html

SPANJA

https://www.exteriores.gob.es/es/PoliticaExterior/Paginas/SancionesInternacionales.aspx

FRANZA

http://www.diplomatie.gouv.fr/fr/autorites-sanctions/

IL-KROAZJA

https://mvep.gov.hr/vanjska-politika/medjunarodne-mjere-ogranicavanja/22955

L-ITALJA

https://www.esteri.it/it/politica-estera-e-cooperazione-allo-sviluppo/politica_europea/misure_deroghe/

ĊIPRU

https://mfa.gov.cy/themes/

IL-LATVJA

http://www.mfa.gov.lv/en/security/4539

IL-LITWANJA

http://www.urm.lt/sanctions

IL-LUSSEMBURGU

https://maee.gouvernement.lu/fr/directions-du-ministere/affaires-europeennes/organisations-economiques-int/mesures-restrictives.html

L-UNGERIJA

https://kormany.hu/kulgazdasagi-es-kulugyminiszterium/ensz-eu-szankcios-tajekoztato

MALTA

https://foreignandeu.gov.mt/en/Government/SMB/Pages/SMB-Home.aspx

IN-NETHERLANDS

https://www.rijksoverheid.nl/onderwerpen/internationale-sancties

L-AWSTRIJA

https://www.bmeia.gv.at/themen/aussenpolitik/europa/eu-sanktionen-nationale-behoerden/

IL-POLONJA

https://www.gov.pl/web/dyplomacja/sankcje-miedzynarodowe

https://www.gov.pl/web/diplomacy/international-sanctions

IL-PORTUGALL

https://www.portaldiplomatico.mne.gov.pt/politica-externa/medidas-restritivas

IR-RUMANIJA

http://www.mae.ro/node/1548

IS-SLOVENJA

http://www.mzz.gov.si/si/omejevalni_ukrepi

IS-SLOVAKKJA

https://www.mzv.sk/europske_zalezitosti/europske_politiky-sankcie_eu

IL-FINLANDJA

https://um.fi/pakotteet

L-IŻVEZJA

https://www.regeringen.se/sanktioner

Indirizz għal notifiki lill-Kummissjoni Ewropea:

Il-Kummissjoni Ewropea

Id-Direttorat Ġenerali għall-Istabbiltà Finanzjarja, is-Servizzi Finanzjarji u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali (DĠ FISMA)

Rue de Spa 2

B-1049 Brussell, il-Belġju

Posta elettronika: relex-sanctions@ec.europa.eu

Top