EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02016R1139-20190814

Consolidated text: Regolament (UE) 2016/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2016 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-bakkaljaw, l-aringi u l-laċċ ikħal fil-Baħar Baltiku u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005 u li jirrevoka r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1098/2007

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1139/2019-08-14

02016R1139 — MT — 14.08.2019 — 003.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

▼C1

REGOLAMENT (UE) 2016/1139 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-6 ta' Lulju 2016

li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-bakkaljaw, l-aringi u l-laċċ ikħal fil-Baħar Baltiku u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005 u li jirrevoka r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1098/2007

▼B

(ĠU L 191 15.7.2016, p. 1)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT (UE) 2018/976 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-4 ta' Lulju 2018

  L 179

76

16.7.2018

►M2

REGOLAMENT (UE) 2019/472 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tad-19 ta' Marzu 2019

  L 83

1

25.3.2019

►M3

REGOLAMENT (UE) 2019/1241 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-20 ta’ Ġunju 2019

  L 198

105

25.7.2019


Ikkoreġut bi:

►C1

Rettifika, ĠU L 122, 17.5.2018, p.  36 (2016/1139)




▼B

▼C1

REGOLAMENT (UE) 2016/1139 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-6 ta' Lulju 2016

li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-bakkaljaw, l-aringi u l-laċċ ikħal fil-Baħar Baltiku u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005 u li jirrevoka r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1098/2007

▼B



KAPITOLU I

SUĠĠETT, KAMP TA' APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONJIET

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.  Dan ir-Regolament jistabbilixxi pjan pluriennali (“il-pjan”) għall-istokkijiet li ġejjin (“l-istokkijiet ikkonċernati”) fl-ilmijiet tal-Unjoni tal-Baħar Baltiku u għas-sajd li jisfrutta l-istokkijiet ikkonċernati:

(a) bakkaljaw (Gadus morhua) fis-Suddiviżjonijiet tal-ICES 22-24 (bakkaljaw tal-Baltiku tal-Punent);

(b) bakkaljaw(Gadus morhua) fis-Suddiviżjonijiet tal-ICE 25-32 (bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant);

(c) aringi (Clupea harengus) fis-Suddiviżjonijiet tal-ICES 25, 26, 27, 28.2, 29 u 32 (aringi tal-Baltiku Ċentrali);

(d) aringi (Clupea harengus) fis-Suddiviżjoni tal-ICES 28.1 (aringi tal-Golf ta' Riga);

▼M1

(e) aringi (Clupea harengus) fis-subdiviżjonijiet tal-ICES 30-31 (aringi tal-Golf ta' Botnija);

▼M1 —————

▼B

(g) aringi (Clupea harengus) fis-Suddiviżjonijiet tal-ICES 22-24 (aringi tal-Baltiku tal-Punent);

(h) laċċ ikħal (Sprattus sprattus) fis-Suddiviżjonijiet tal-ICES 22-32 (Laċċa kaħla tal-Baltiku).

2.  Dan ir-Regolament japplika wkoll għall-qabdiet inċidentali tal-barbun tat-tbajja' (Pleuronectes platessa), il-barbun (Platichthys flesus), il-barbun imperjali (Scophthalmus maximus) u l-barbun lixx (Scophthalmus rhombus) fis-Suddiviżjonijiet tal-ICES 22-32 maqbuda meta jsir sajd għall-istokkijiet ikkonċernati.

▼M2

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 u l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 2187/2005 japplikaw. Barra minn hekk japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) “stokkijiet pelaġiċi” tfisser l-istokkijiet elenkati fil-punti (c) sa (h) tal-Artikolu 1(1) ta' dan ir-Regolament u kull kombinazzjoni tagħhom;

(2) “il-medda tal-FMSY” tfisser medda ta' valuri li jingħataw fl-aħjar parir xjentifiku disponibbli, b'mod partikolari dak tal- ICES jew korp xjentifiku indipendenti simili rikonoxxut fil-livell tal-Unjoni jew f'dak internazzjonali, li fiha l-livelli kollha tal-mortalità mis-sajd jagħtu r-rendiment massimu sostenibbli (MSY) fuq żmien twil ibbażat fuq mudell tas-sajd partikolari u f'kundizzjonijiet ambjentali medji attwali, mingħajr ma taffettwa b'xi mod sinifikanti l-proċess tar-riproduzzjoni tal-istokk ikkonċernat. Hija dderivata b'tali mod li r-rendiment fit-tul ma jitnaqqasx b'aktar minn 5 % meta mqabbel mal-MSY. Din għandha limitu massimu biex il-probabbiltà li l-istokk jinżel għal inqas mill-punt ta' referenza tal-bijomassa riproduttiva tal-istokk (Blim) ma tkunx ta' iktar minn 5 %;

(3) “MSY Flower” tfisser l-iżgħar valur fil-medda tal-FMSY;

(4) “MSY Fupper” tfisser l-ogħla valur fil-medda tal-FMSY;

(5) “il-punt ta' valur tal-FMSY” huwa l-valur tal-mortalità mis-sajd stmat li bbażat fuq mudell tas-sajd partikolari u taħt il-kundizzjonijiet ambjentali medji attwali jagħti r-rendiment massimu fuq terminu ta' żmien twil;

(6) “l-aktar medda baxxa tal-FMSY” tfisser medda ta' valuri li fiha l-valuri minn MSY Flower sal-punt ta' valur tal-FMSY;

(7) “l-ogħla medda tal-FMSY” tfisser medda ta' valuri li fiha l-valuri mill-punt ta' valur tal-FMSY sal-MSY Fupper;

(8) “Blim” tfisser il-punt ta' referenza tal-bijomassa riproduttiva tal-istokk li jingħata fl-aħjar parir xjentifiku disponibbli, b'mod partikolari dak tal-ICES jew korp xjentifiku indipendenti simili rikonoxxut fil-livell tal-Unjoni jew f'dak internazzjonali, li taħtu tista' titnaqqas il-kapaċità riproduttiva;

(9) “MSY Btrigger” tfisser il-punt ta' referenza tal-bijomassa riproduttiva tal-istokk li jingħata fl-aħjar parir xjentifiku disponibbli, b'mod partikolari dak tal-ICES jew korp xjentifiku indipendenti simili rikonoxxut fil-livell tal-Unjoni jew f'dak internazzjonali, li taħtu għandha tittieħed azzjoni ta' ġestjoni speċifika u xierqa biex jiġi żgurat li r-rati tal-isfruttament flimkien mal-varjazzjonijiet naturali jirripristinaw l-istokkijiet 'il fuq mil-livelli li jkunu kapaċi jipproduċu l-MSY fuq terminu ta' żmien twil;

(10) “L-Istati Membri kkonċernati” tfisser l-Istati Membri li għandhom interess ta' ġestjoni dirett, jiġifieri d-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, il-Finlandja u l-Iżvezja.

▼B



KAPITOLU II

OBJETTIVI U MIRI

Artikolu 3

Objettivi

1.  Il-pjan għandu jikkontribwixxi għall-ksib tal-objettivi tal-politika komuni tas-sajd (PKS) elenkati fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, b'mod partikolari billi japplika l-approċċ prekawzjonarju għall-ġestjoni tas-sajd, u għandu jimmira li jiżgura li l-isfruttar tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar ħajjin iġib lura u jżomm il-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet mistada 'l fuq minn livelli li jistgħu jipproduċu l-MSY.

2.  Il-pjan għandu jikkontribwixxi għall-eliminazzjoni tar-rimi, billi jiġu evitati u jitnaqqsu, kemm jista' jkun, il-qabdiet mhux mixtieqa, u għall-implimentazzjoni tal-obbligu tal-iżbark stabbilit fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għall-ispeċi li huma soġġetti għal-limiti tal-qabdiet u li għalihom japplika dan ir-Regolament.

3.  Il-pjan jimplimenta l-approċċ abbażi tal-ekosistema għall-ġestjoni tas-sajd sabiex jiżgura li l-impatti negattivi tal-attivitajiet tas-sajd fuq l-ekosistema tal-baħar jiġu minimizzati. Dan ikun koerenti mal-leġislazzjoni ambjentali tal-Unjoni, b'mod partikolari mal-objettiv li jinkiseb stat ambjentali tajjeb sal-2020, kif stipulat fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2008/56/KE.

B'mod partikolari, il-pjan għandu l-għan li:

(a) jiżgura li l-kundizzjonijiet deskritti fid-deskrittur 3 inkluż fl-Anness I tad-Direttiva 2008/56/KE jiġu ssodisfati; u

(b) jikkontribwixxi għat-twettiq ta' deskritturi oħra relevanti inklużi fl-Anness I ta' dik id-Direttiva bi proporzjon mar-rwol tas-sajd fl-issodisfar tagħhom.

4.  Il-miżuri taħt il-pjan jittieħdu bi qbil mal-aħjar parir xjentifiku disponibbli.

▼M2

Artikolu 4

Miri

1.  Il-mortalità mis-sajd fil-mira bi qbil mal-meded tal-FMSY iddefiniti fl-Artikolu 2 għandha tinkiseb kemm jista' jkun malajr, u fuq bażi progressivament inkrementali sal-2020 rigward l-istokkijiet elenkati fl-Artikolu 1(1), u minn dik is-sena 'l quddiem għandha tinżamm fil-meded tal-FMSY bi qbil ma' dan l-Artikolu.

2.  Il-meded tal-FMSY ibbażati fuq il-pjan għandhom jintalbu b'mod partikolari mingħand l-ICES jew mingħand korp xjentifiku indipendenti simili rikonoxxut fil-livell tal-Unjoni jew f'dak internazzjonali.

3.  Bi qbil mal-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, meta l-Kunsill jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd għal stokk partikolari, għandu jistabbilixxi dawk l-opportunitajiet fil-medda l-iktar baxxa tal-FMSY disponibbli f'dak iż-żmien għal dak l-istokk.

4.  Minkejja dak li jinsab fil-paragrafi 1 u 3, l-opportunitajiet tas-sajd jistgħu jiġu ffissati f'livelli li huma aktar baxxi mill-meded tal-FMSY.

5.  Minkejja dak li jinsab fil-paragrafi 3 u 4, l-opportunitajiet tas-sajd għal stokk jistgħu jiġu ffissati skont l-ogħla medda tal-FMSY disponibbli f'dak iż-żmien għal dak l-istokk, dejjem jekk l-istokk imsemmi fl-Artikolu 1(1) ikun ikbar mill MSY Btrigger:

(a) jekk, abbażi tal-parir jew tal-evidenza xjentifiċi jkun meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 fil-każ tas-sajd imħallat;

(b) jekk, abbażi tal-parir xjentifiku jew tal-evidenza xjentifika, ikun meħtieġ biex tiġi evitata ħsara serja lil stokk ikkawżata mid-dinamika tal-istokkijiet fost speċi waħda jew bejn speċijiet differenti; jew

(c) biex ikun hemm limitazzjoni fil-varjazzjonijiet fl-opportunitajiet tas-sajd għal mhux inqas minn 20 % minn sena għal sena konsekuttivi.

6.  Fi kwalunkwe każ, l-opportunitajiet tas-sajd għandhom jiġu ffissati b'mod li jiżgura probabbiltà ta' inqas minn 5 % li l-bijomassa riproduttiva ta' stokk jinżel inqas mill-Blim.

▼M2

Artikolu 4a

Punti ta' referenza għall-konservazzjoni

Il-punti ta' referenza għall-konservazzjoni li ġejjin għas-salvagwardja tal-kapaċità riproduttiva kollha tal-istokkijiet imsemmijin fl-Artikolu 1(1) għandhom, abbażi tal-pjan, jintalbu mingħand l-ICES jew mingħand korp xjentifiku indipendenti simili rikonoxxut fil-livell tal-Unjoni jew f'dak internazzjonali:

(a) L-MSY Btrigger għall-istokkijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1);

(b) Il-Blim għall-istokkijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1).

▼B



KAPITOLU III

PUNT TA' REFERENZA GĦALL-KONSERVAZZJONI

▼M2

Artikolu 5

Salvagwardji

1.  Meta l-parir xjentifiku jindika li għal sena partikolari l-bijomassa riproduttiva ta' xi wħud mill-istokkijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) tkun inqas mil-livell tal-MSY Btrigger, għandhom jiġu adottati l-miżuri ta' rimedju kollha biex jiżguraw ir-ripristinament malajr tal-istokk ikkonċernat għal livelli ogħla minn dawk li huma kapaċi jipproduċu l-MSY. B'mod partikolari, minkejja l-Artikolu 4(3), l-opportunitajiet tas-sajd għandhom jiġu ffissati f'livelli li jkunu konsistenti ma' mortalità mis-sajd li tkun tnaqqset għal inqas mill-ogħla medda tal-FMSY, meta jitqies it-tnaqqis fil-bijomassa.

2.  Meta l-parir xjentifiku jindika li l-bijomassa riproduttiva tal-istokk ta' xi wħud mill-istokkijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) tkun inqas mil-livell Blim, għandhom jittieħdu aktar miżuri ta' rimedju biex jiżguraw ir-ripristinament malajr tal-istokk ikkonċernat għal livelli ogħla minn dawk li huma kapaċi jipproduċu l-MSY. B'mod partikolari, dawk il-miżuri ta' rimedju jistgħu jinkludu, minkejja l-Artikolu 4(3), is-sospensjoni tas-sajd fil-mira għall-istokk ikkonċernat u t-tnaqqis xieraq tal-opportunitajiet tas-sajd.

3.  Il-miżuri ta' rimedju msemmija f'dan l-Artikolu jistgħu jinkludu:

(a) miżuri ta' emerġenza skont l-Artikoli 12 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

(b) miżuri skont l-Artikoli 7 u 8 ta' dan ir-Regolament.

4.  L-għażla tal-miżuri msemmijin f'dan l-Artikolu għandha ssir skont in-natura, is-serjetà, it-tul fiż-żmien u kemm tirrepeti ruħha s-sitwazzjoni li fiha l-bijomassa riproduttiva tal-istokk tkun inqas mil-livelli msemmijin fl-Artikolu 4a.

▼B



KAPITOLU IV

MIŻURI SPEĊIFIĊI TA' KONSERVAZZJONI GĦALL-BARBUN TAT-TBAJJA', IL-BARBUN, IL-BARBUN IMPERJALI U L-BARBUN LIXX

Artikolu 6

Miżuri għall-barbun tat-tbajja', barbun, il-barbun imperjali u l-barbun lixx maqbudin b'mod inċidentali

1.  Meta l-parir xjentifiku jindika li jkunu meħtieġa miżuri ta' rimedju biex ikun żgurat li l-istokkijiet tal-Baltiku tal-barbun tat-tbajja', tal-barbun, tal-barbun imperjali jew tal-barbun lixx, li jinqabad b'mod inċidentali waqt is-sajd għall-istokkijiet ikkonċernati, jiġu ġestiti bi qbil mal-objettivi tal-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati bi qbil mal-Artikolu 16 ta' dan ir-Regolament u l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 dwar:

(a) il-karatteristiċi tal-irkaptu tas-sajd, b'mod partikolari d-daqs tax-xibka, id-daqs tas-sunnara, il-bini tal-irkaptu, il-ħxuna tal-ispag, id-daqs tal-irkaptu jew l-użu ta' tagħmir ta' selettività, sabiex tkun żgurata jew titjieb is-selettività;

(b) l-użu tal-irkaptu tas-sajd, b'mod partikolari l-ħin ta' immersjoni u l-fond tal-irkaptu użat sabiex tkun żgurata jew titjieb is-selettività;

(c) projbizzjoni jew limitazzjoni fuq is-sajd f'żoni speċifiċi sabiex jiġi protett il-ħut riproduttiv jew ħut żgħir jew il-ħut taħt id-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni jew l-ispeċijiet ta' ħut mhux fil-mira;

(d) projbizzjoni jew limitazzjoni fuq is-sajd jew l-użu ta' ċerti tipi ta' rkaptu tas-sajd matul perjodi ta' żmien speċifiċi, sabiex jiġi protett il-ħut riproduttiv jew ħut taħt id-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni tal-ħut jew speċijiet ta' ħut mhux fil-mira;

(e) daqsijiet minimi ta' referenza għall-konservazzjoni, sabiex tkun żgurata l-protezzjoni ta' ħut żgħir tal-organiżmi tal-baħar;

(f) karatteristiċi oħra marbuta mas-selettività.

2.  Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jikkontribwixxu biex jinkisbu l-objettivi stipulati fl-Artikolu 3.



KAPITOLU V

DIŻPOŻIZZJONIJIET RELATATI MAL-OBBLIGU TAL-IŻBARK

Artikolu 7

Dispożizzjonijiet relatati mal-obbligu tal-iżbark

1.  Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 16 ta' dan ir-Regolament u l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 dwar il-miżuri li ġejjin:

(a) eżenzjonijiet mill-applikazzjoni tal-obbligu tal-iżbark għal speċijiet li l-evidenza xjentifika għalihom turi rati għolja ta' sopravivenza, b'kunsiderazzjoni tal-karatteristiċi tal-irkaptu, tal-prattiki tas-sajd u tal-ekosistema, sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-obbligu tal-iżbark;

(b) eżenzjonijiet de minimis imsemmijin sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-obbligu tal-iżbark; tali eżenzjonijiet de minimis jiġu previsti għall-każijiet imsemmija, u għandhom ikunu f'konformità mal-kundizzjonijiet stipulati fil-punt (c) tal-Artikolu 15(5) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

(c) dispożizzjonijiet speċifiċi dwar id-dokumentazzjoni tal-qabdiet, b'mod partikolari għall-fini ta' monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-obbligu tal-iżbark; u

(d) l-iffissar ta' daqsijiet minimi ta' referenza għall-konservazzjoni, sabiex tkun żgurata l-protezzjoni tal-ħut żgħir tal-organiżmi tal-baħar.

2.  Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-objettivi stipulati fl-Artikolu 3.

▼M2

3.  L-obbligu ta' ħatt l-art previst fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 ma għandux japplika għas-sajd rikreattiv, inkluż f'każijiet fejn il-Kunsill jistabbilixxi limiti għas-sajjieda rikreattivi.

▼B



KAPITOLU VI

MIŻURI TEKNIĊI

Artikolu 8

Miżuri tekniċi

▼M3

1.  Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 16 ta’ dan ir-Regolament u f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 fir-rigward tal-miżuri tekniċi li ġejjin, sa fejn ma jkunux koperti mir-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ):

▼B

(a) speċifikazzjonijiet ta' karatteristiċi ta' rkapti tas-sajd u r-regoli għall-użu tagħhom biex tiġi żgurata jew titjieb is-selettività, jitnaqqsu l-qabdiet mhux mixtieqa jew jiġi minimizzat l-impatt negattiv fuq l-ekosistema;

(b) speċifikazzjonijiet ta' modifiki jew apparat addizzjonali mal-irkapti tas-sajd biex tiġi żgurata jew titjieb is-selettività, jitnaqqsu l-qabdiet mhux mixtieqa jew jiġi minimizzat l-impatt negattiv fuq l-ekosistema;

(c) limitazzjonijiet jew projbizzjonijiet fuq l-użu ta' ċerti rkapti tas-sajd u dwar l-attivitajiet tas-sajd, f'ċerti żoni jew perjodi sabiex jiġi protett il-ħut riproduttiv, il-ħut taħt id-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni jew l-ispeċijiet tal-ħut mhux fil-mira, jew sabiex jiġi minimizzat l-impatt negattiv fuq l-ekosistema; u

(d) l-iffissar ta' daqsijiet minimi ta' referenza għall-konservazzjoni għal kwalunkwe mill-istokkijiet li għalihom japplika dan ir-Regolament, sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-ħut żgħir tal-organiżmi tal-baħar.

▼M3

2.  Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament u għandhom ikunu konformi mal-Artikolu 15(4) tar-Regolament (UE) 2019/1241.

▼B



KAPITOLU VII

REĠJONALIZZAZZJONI

Artikolu 9

Kooperazzjoni reġjonali

1.  L-Artikolu 18(1) sa (6) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 japplika għall-miżuri msemmija fl-Artikoli 6, 7 u 8 ta' dan ir-Regolament.

2.  Għall-finijiet tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, l-Istati Membri kkonċernati jistgħu jissottomettu rakkomandazzjonijiet konġunti għall-ewwel darba mhux aktar tard mill-21 ta' Lulju 2017 u mbagħad kull 12-il xahar wara kull sottomissjoni tal-evalwazzjoni tal-pjan skont l-Artikolu 15. Huma jistgħu wkoll jissottomettu tali rakkomandazzjonijiet meta jitqies neċessarju mill-Istati Membri kkonċernati, b'mod partikolari fil-każ ta' tibdil f'daqqa fis-sitwazzjoni għal kwalunkwe wieħed mill-istokkijiet li għalihom japplika dan ir-Regolament. Ir-rakkomandazzjonijiet konġunti fir-rigward tal-miżuri li jikkonċernaw sena kalendarja partikolari jiġu sottomessi sa mhux aktar tard mill-1 ta' Lulju tas-sena preċedenti.

3.  L-għoti ta' setgħat mogħtija taħt l-Artikoli 6, 7 u 8 ta' dan ir-Regolament ikunu mingħajr preġudizzju għas-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni skont dispożizzjonijiet oħra tal-dritt tal-Unjoni, inklużi dawk taħt ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013.



KAPITOLU VIII

KONTROLL U INFURZAR

Artikolu 10

Relazzjoni mar-Regolament (KE) Nru 1224/2009

Il-miżuri ta' kontroll previsti f'dan il-Kapitolu japplikaw flimkien ma' dawk previsti fir-Regolament (KE) Nru 1224/2009, ħlief fejn previst mod ieħor f'dan il-Kapitolu.

Artikolu 11

Notifiki minn qabel

1.  B'deroga mill-Artikolu 17(1) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, l-obbligu ta' notifika minn qabel stabbilit f'dak l-Artikolu japplika għall-kaptani tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni ta' tul totali ta' tmien metri jew iżjed li jżommu abbord mill-inqas 300 kg bakkaljaw jew żewġ tunnellati stokkijiet pelaġiċi.

2.  B'deroga mill-Artikolu 17(1) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, il-perjodu ta' notifika minn qabel stabbilit f'dak l-Artikolu jkun ta' mill-inqas siegħa qabel il-ħin stmat tal-wasla fil-port. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kostali jistgħu, fuq bażi ta' każ b'każ, jagħtu permess għal dħul aktar bikri fil-port.

Artikolu 12

Il-ġurnali ta' abbord

B'deroga mill-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, kaptani tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni b'tul globali ta' tmien metri jew aktar involuti f'sajd fil-mira għall-bakkaljaw iżommu ġurnal ta' abbord tas-sajd dwar l-operazzjonijiet tagħhom bi qbil mal-Artikolu 14 ta' dak ir-Regolament.

Artikolu 13

Marġni ta' tolleranza fil-ġurnal ta' abbord

B'deroga mill-Artikolu 14(3) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, għall-qabdiet li jiġu żbarkati mħallta, il-marġini permess ta' tolleranza fil-kwantitajiet reġistrati fil-ġurnal ta' abbord tas-sajd tal-kwantitajiet f'kilogrammi ta' ħut miżmuma abbord għandu jkun ta' 10 % tal-kwantità totali miżmuma abbord.

Artikolu 14

Portijiet magħżula

Il-limitu massimu applikabbli għall-piż ħaj ta' speċijiet soġġett għall-pjan, li jekk jinqabeż il-bastiment tas-sajd ikollu jiżbarka l-qabdiet tiegħu f'port magħżul jew f'post qrib ix-xatt kif stipulat fl-Artikolu 43 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 hu:

(a) 750 kilogramma bakkaljaw;

(b) 5 tunnellati stokkijiet pelaġiċi.



KAPITOLU IX

SEGWITU

Artikolu 15

Evalwazzjoni tal-pjan

Sal-21 ta' Lulju 2019, u kull ħames snin minn dakinhar 'il quddiem, il-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-riżultati u l-impatt tal-pjan fuq l-istokkijiet li għalihom japplika dan ir-Regolament u fuq is-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, b'mod partikolari fir-rigward tal-ksib tal-objettivi stipulati fl-Artikolu 3. Il-Kummissjoni tista' tirrapporta f'data iktar bikrija jekk dan jitqies meħtieġ mill-Istati Membri kollha kkonċernati jew mill-Kummissjoni nnifisha.



KAPITOLU X

DISPOŻIZZJONIJIET PROĊEDURALI

Artikolu 16

Eżerċizzju tad-delega

1.  Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.  Is-setgħa li jiġu adottati atti delegati msemmija fl-Artikoli 6, 7 u 8 tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta' ħames snin mill-20 ta' Lulju 2016. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa mhux iktar tard minn disa' xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta' ħames snin. Id-delega tas-setgħa tiġi estiża b'mod taċitu għal perjodi tal-istess tul, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux tali estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perjodu.

3.  Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 6, 7 u 8 tista' tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka ttemm d-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Din ma taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.  Qabel ma' tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti innominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.  Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.  Att delegat adottat skont l-Artikoli 6, 7 u 8 jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu nfurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.



KAPITOLU XI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 17

Appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd

Il-miżuri ta' waqfien temporanju adottati sabiex jinkisbu l-objettivi tal--pjan għandhom jitqiesu bħala waqfien temporanju tal-attivitajiet tas-sajd għall-finijiet tal-punti (a) u (c) tal-Artikolu 33(1) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014.

Artikolu 18

Emendi għar-Regolament (KE) Nru 2187/2005

Ir-Regolament (KE) Nru 2187/2005 huwa emendat kif ġej:

(1) L-Artikolu 13(3) jitħassar;

(2) Jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 16a

Restrizzjoni għas-sajd skont iż-żona

1.  Huwa projbit li titwettaq kwalunkwe attività tas-sajd mill-1 ta' Mejju sal-31 ta' Ottubru fiż-żoni magħluqin bit-tgħaqqid f'sekwenza b'linji ta' rombu tal-pożizzjonijiet li ġejjin, li jitkejlu f'konformità mas-sistema tal-koordinati WGS84:

(a) Żona 1:

 55° 45′ N, 15° 30′ E

 55° 45′ N, 16° 30′ E

 55° 00′ N, 16° 30′ E

 55° 00′ N, 16° 00′ E

 55° 15′ N, 16° 00′ E

 55° 15′ N, 15° 30′ E

 55° 45′ N, 15° 30′ E

(b) Żona 2:

 55° 00′ N, 19° 14′ E

 54° 48′ N, 19° 20′ E

 54° 45′ N, 19° 19′ E

 54° 45′ N, 18° 55′ E

 55° 00′ N, 19° 14′ E

(c) Żona 3:

 56° 13′ N, 18° 27′ E

 56° 13′ N, 19° 31′ E

 55° 59′ N, 19° 13′ E

 56° 03′ N, 19° 06′ E

 56° 00′ N, 18° 51′ E

 55° 47′ N, 18° 57′ E

 55° 30′ N, 18° 34′ E

 56° 13′ N, 18° 27′ E.

2.  B'deroga mill-paragrafu 1, is-sajd b'għeżul mitfugħa fil-qiegħ, xbieki tat-tħabbil u pariti ta' malji b'daqs ekwivalenti għal 157 mm jew aktar jew bil-lanez tal-mitlaq huwa permess. L-ebda rkaptu ieħor ma jinżamm abbord.”;

(3) Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 28aa

Proċedura għall-adozzjoni ta' miżuri tekniċi fil-kuntest ta' pjanijiet pluriennali

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa, għall-finijiet tal-adozzjoni tal-atti msemmija fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) 2016/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( *1 ) u għat-tul ta' żmien tiegħu, li tadotta miżuri tekniċi. Tali miżuri tekniċi għandhom jiġu stabbiliti permezz ta' atti delegati adottati f'konformità mal-Artikolu 28b ta' dan ir-Regolament u l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, u jistgħu, meta jkun xieraq, jidderogaw minn dawn li ġejjin:

(a) l-ispeċifikazzjonijiet tal-ispeċijiet fil-mira, id-daqsijiet tal-malja u d-daqsijiet minimi ta' referenza għall-konservazzjoni stipulati fl-Annessi II, III u IV għal, u msemmija fl-Artikoli 3 u 4 u l-Artikolu 14(1) ta', dan ir-Regolament;

(b) l-istrutturi, il-karatteristiċi u r-regoli għall-użu ta' rkapti attivi stabbiliti fl-Artikolu 5(2), (3) u (4) u l-Artikolu 6 ta', u fl-Anness II għal, dan ir-Regolament;

(c) l-istrutturi, il-karatteristiċi u r-regoli li jirregolaw l-użu ta' rkapti passivi stabbiliti fl-Artikolu 8 ta' dan ir-Regolament;

(d) il-lista/i u l-koordinati ta' żoni u perjodi fejn japplikaw projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet tas-sajd kif stabbiliti fl-Artikolu 16 u fl-Artikolu 16a ta' dan ir-Regolament;

(e) l-ispeċijiet li għalihom japplika l-Artikolu 18a(1) ta' dan ir-Regolament, kif ukoll iż-żoni ġeografiċi u l-perjodi ta' applikazzjoni tar-restrizzjonijiet fuq is-sajd għal ċerti stokkijiet stabbiliti f'dak il-paragrafu, kif ukoll id-dettalji tekniċi tad-deroga stabbilita fl-Artikolu 18a(2) ta' dan ir-Regolament.

(4) Fl-Artikolu 28b(2), (3) u (5), il-kliem “Artikoli 14a u 28a” jiġu sostitwiti bil-kliem “Artikoli 14a, 28a u 28aa”.

Artikolu 19

Revoka tar-Regolament (KE) Nru 1098/2007

Ir-Regolament (KE) Nru 1098/2007 huwa revokat. Ir-referenzi għar-Regolament revokat għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

Artikolu 20

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-ħames jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

▼M2 —————



( 1 ) Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni ta’ ekosistemi tal-baħar permezz ta’ miżuri tekniċi, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006, (KE) Nru 1224/2009 u r-Regolamenti (UE) Nru 1380/2013, (UE) 2016/1139, (UE) 2018/973, (UE) 2019/472 u (UE) Nru 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 894/97, (KE) Nru 850/98, (KE) Nru 2549/2000, (KE) Nru 254/2002, (KE) Nru 812/2004 u (KE) Nru 2187/2005 (ĠU L 198, 25.7.2019, p. 105).

( *1 ) Regolament (UE) 2016/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2016 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-merluzz, l-aringi u l-laċċ ikħal fil-Baħar Baltiku u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005 u li jirrevoka r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1098/2007 (ĠU L 191, 15.7.2016, p. 1).”;

Top