EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0203

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-21 ta’ Diċembru 2016.
Tele2 Sverige AB vs Post- och telestyrelsen u Secretary of State for the Home Department vs Tom Watson et.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Komunikazzjonijiet elettroniċi – Ipproċessar ta’ data personali – Kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi – Protezzjoni – Direttiva 2002/58/KE – Artikoli 5, 6 u 9 kif ukoll Artikolu 15(1) – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll Artikolu 52(1) – Leġiżlazzjoni nazzjonali – Fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Obbligu dwar iż-żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni – Awtoritajiet nazzjonali – Aċċess għad-data – Assenza ta’ kontroll minn qabel minn qorti jew minn awtorità amministrattiva indipendenti – Kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni.
Kawżi magħquda C-203/15 u C-698/15.

Court reports – general

Kawżi magħquda C-203/15 u C-698/15

Tele2 Sverige AB

vs

Post- och telestyrelsen

u

Secretary of State for the Home Department

vs

Tom Watson et

(talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Kammarrätten i Stockholm u mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Komunikazzjonijiet elettroniċi – Ipproċessar ta’ data personali – Kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi – Protezzjoni – Direttiva 2002/58/KE – Artikoli 5, 6 u 9 kif ukoll Artikolu 15(1) – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll Artikolu 52(1) – Leġiżlazzjoni nazzjonali – Fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Obbligu dwar iż-żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni – Awtoritajiet nazzjonali – Aċċess għad-data – Assenza ta’ kontroll minn qabel minn qorti jew minn awtorità amministrattiva indipendenti – Kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-21 ta’ Diċembru 2016

  1. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet-Settur tat-telekomunikazzjonijiet-Ipproċessar ta’ data personali u protezzjoni tal-ħajja privata fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi-Direttiva 2002/58-Possibbiltà għall-Istati Membri li jillimitaw il-portata ta’ ċerti drittijiet u obbligi-Kamp ta’ applikazzjoni-Miżura leġiżlattiva li tobbliga lill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jżommu d-data dwar it-traffiku u d-data dwar il-lokalizzazzjoni tal-utenti-Inklużjoni

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/58, kif emendata bid-Direttiva 2009/136, Artikoli 5(1) u 15(1))

  2. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet-Settur tat-telekomunikazzjonijiet-Ipproċessar ta’ data personali u protezzjoni tal-ħajja privata fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi-Direttiva 2002/58-Possibbiltà għall-Istati Membri li jillimitaw il-portata ta’ ċerti drittijiet u obbligi-Interpretazzjoni stretta-Raġunijiet li jistgħu jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ limitazzjoni-Natura eżawrjenti

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/58, kif emendata bid-Direttiva 2009/136, Artikoli 5(1) u 15(1))

  3. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet-Settur tat-telekomunikazzjonijiet-Ipproċessar ta’ data personali u protezzjoni tal-ħajja privata fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi-Direttiva 2002/58-Possibbiltà għall-Istati Membri li jillimitaw il-portata ta’ ċerti drittijiet u obbligi-Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni tal-utenti, għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità-Inammissibbiltà-Indħil gravi fid-drittijiet għar-rispett tal-ħajja privata, għall-protezzjoni tad-data personali u għal-libertà ta’ espressjoni

    (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 7, 8, 11 u 52(1); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/58, kif emendata bid-Direttiva 2009/136, Artikolu 15(1))

  4. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet-Settur tat-telekomunikazzjonijiet-Ipproċessar ta’ data personali u protezzjoni tal-ħajja privata fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi-Direttiva 2002/58-Possibbiltà għall-Istati Membri li jillimitaw il-portata ta’ ċerti drittijiet u obbligi-Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti ż-żamma mmirata ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni tal-utenti, għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità gravi-Ammissibbiltà-Kundizzjonijiet

    (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 7, 8, 11 u 52(1); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/58, kif emendata bid-Direttiva 2009/136, Artikolu 15(1))

  5. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet-Settur tat-telekomunikazzjonijiet-Ipproċessar ta’ data personali u protezzjoni tal-ħajja privata fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi-Direttiva 2002/58-Possibbiltà għall-Istati Membri li jillimitaw il-portata ta’ ċerti drittijiet u obbligi-Leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola l-protezzjoni u s-sigurtà tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni tal-utenti-Possibbiltà għall-awtoritajiet nazzjonali li jkollhom aċċess għall-imsemmija data mingħajr kontroll ġudizzjonarju jew amministrattiv minn qabel-Inammissibbiltà-Assenza ta’ obbligu, għall-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, li jżommu din id-data fit-territorju tal-Unjoni-Inammissibbiltà

    (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 7, 8, 11 u 52(1); Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46, Artikolu 22, u 2002/58, kif emendata bid-Direttiva 2009/136, Artikolu 15(1) u (2))

  6. Drittijiet fundamentali-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem-Strument li formalment ma huwiex integrat fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni

    (Artikolu 6(3) TUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 52(3))

  7. Domandi preliminari-Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja-Limiti-Domandi ġenerali jew ipotetiċi-Domanda li għandha natura astratta u purament ipotetika fir-rigward tas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali-Inammissibbiltà

    (Artikolu 267 TFUE)

  1.  L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika), kif emendata bid-Direttiva 2009/136, jawtorizza lill-Istati Membri jadottaw, b’osservanza tal-kundizzjonijiet previsti minnu, miżuri leġiżlattivi sabiex jirrestrinġu l-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikolu 5, fl-Artikolu 6, fl-Artikolu 8(1) sa (4), u fl-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva.

    B’mod partikolari, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni miżura leġiżlattiva li tobbliga lill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jżommu d-data dwar it-traffiku u d-data dwar il-lokalizzazzjoni peress li tali attività timplika neċessarjament ipproċessar, minn dawn il-fornituri, ta’ data personali. Taqa’ wkoll fl-imsemmi kamp ta’ applikazzjoni miżura leġiżlattiva li tikkonċerna l-aċċess mill-awtoritajiet nazzjonali għad-data miżmuma mill-imsemmija fornituri. Fil-fatt, il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u tad-data dwar it-traffiku marbuta ma’ dawn il-komunikazzjonijiet, iggarantita fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2002/58, tapplika għall-miżuri meħuda minn kwalunkwe persuna oħra li ma tkunx l-utent, kemm jekk din tkun persuna jew entità privata u kemm jekk tkun entità Statali.

    (ara l-punti 71, 75-77)

  2.  L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika), kif emendata bid-Direttiva 2009/136, jippermetti lill-Istati Membri jintroduċu eċċezzjonijiet għall-obbligu fuq livell ta’ prinċipju, stabbilit fl-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva, li tiġi ggarantita l-kunfidenzjalità tad-data personali kif ukoll għall-obbligi korrispondenti, imsemmija b’mod partikolari fl-Artikoli 6 u 9 tal-imsemmija direttiva. Madankollu, sa fejn l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 jippermetti lill-Istati Membri jillimitaw il-portata tal-imsemmi obbligu fuq livell ta’ prinċipju, dan l-artikolu għandu jiġi interpretat b’mod strett. Għaldaqstant, tali dispożizzjoni ma tistax tiġġustifika li d-deroga minn dan l-obbligu fuq livell ta’ prinċipju u, b’mod partikolari, mill-projbizzjoni li tinħażen din id-data, prevista fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, issir ir-regola, għaliex kieku kien hekk din id-dispożizzjoni tal-aħħar tiġi fil-parti l-kbira tagħha mċaħħda mill-portata tagħha.

    F’dan ir-rigward, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 tipprevedi li l-miżuri leġiżlattivi msemmija fiha u li jidderogaw mill-prinċipju ta’ kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u tad-data dwar it-traffiku relatata magħhom għandu jkollhom l-għan li tiġi salvagwardata s-sigurtà nazzjonali – jiġifieri s-sigurtà tal-Istat –, id-difiża, is-sigurtà pubblika, u l-prevenzjoni, l-investigazzjoni, l-iskoperta u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew ta’ użu mhux awtorizzat tas-sistema ta’ komunikazzjoni elettronika, jew għandhom isegwu wieħed mill-għanijiet l-oħra previsti fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data. Tali lista ta’ għanijiet hija ta’ natura eżawrjenti, kif jirriżulta mit-tieni sentenza tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, li tipprovdi li l-miżuri leġiżlattivi għandhom ikunu ġġustifikati permezz ta’ waħda mir-raġunijiet stabbiliti fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(1) tal-imsemmija direttiva. Għaldaqstant, l-Istati Membri ma jistgħux jadottaw tali miżuri għal finijiet oħra għajr dawk elenkati f’din l-aħħar dispożizzjoni.

    (ara l-punti 88-90)

  3.  L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika), kif emendata bid-Direttiva 2009/136, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11, kif ukoll tal-Artikolu 52(1), tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità, żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni tad-data kollha dwar it-traffiku u tad-data kollha dwar il-lokalizzazzjoni tal-abbonati u tal-utenti rreġistrati kollha fir-rigward tal-mezzi kollha ta’ komunikazzjoni elettronika.

    Fil-fatt, meħuda flimkien, dawn id-diversi elementi ta’ data jistgħu jippermettu li jinsiltu konklużjonijiet preċiżi ħafna dwar il-ħajja privata tal-persuni li d-data tagħhom tkun inżammet, bħalma huma l-użanzi tal-ħajja ta’ kuljum, il-postijiet ta’ soġġorn permanenti jew temporanji, il-vjaġġi ta’ kuljum jew oħrajn, l-attivitajiet eżerċitati, ir-relazzjonijiet soċjali ta’ dawn il-persuni u l-ambjenti soċjali ffrekwentati minnhom. B’mod partikolari, din id-data tipprovdi l-mezzi sabiex jiġi stabbilit il-profil tal-persuni kkonċernati, informazzjoni li hija daqstant ieħor sensittiva fid-dawl tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata bħalma huwa l-kontenut stess tal-komunikazzjonijiet. L-indħil fid-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta li timplika tali leġiżlazzjoni huwa ta’ portata wiesgħa ħafna u għandu jitqies li huwa partikolarment gravi. Il-fatt li ż-żamma tad-data titwettaq mingħajr ma jiġu informati l-utenti tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jista’ joħloq, f’moħħ il-persuni kkonċernati, is-sensazzjoni li l-ħajja privata tagħhom hija s-suġġett ta’ sorveljanza kostanti. Għalkemm tali leġiżlazzjoni ma tawtorizzax iż-żamma tal-kontenut ta’ komunikazzjoni, u, għaldaqstant, ma hijiex ta’ natura li tippreġudika l-kontenut essenzjali tal-imsemmija drittijiet, iż-żamma tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni xorta waħda jista’ jkollha effett fuq l-użu tal-mezzi ta’ komunikazzjoni elettronika u, għaldaqstant, fuq l-eżerċizzju mill-utenti ta’ dawn il-mezzi tal-libertà ta’ espressjoni tagħhom, iggarantita fl-Artikolu 11 tal-Karta.

    Fid-dawl tal-gravità tal-indħil fid-drittijiet fundamentali inkwistjoni li tikkostitwixxi tali leġiżlazzjoni nazzjonali, hija biss il-ġlieda kontra l-kriminalità gravi li tista’ tiġġustifika tali miżura. Madankollu, għalkemm l-effettività tal-ġlieda kontra l-kriminalità gravi, b’mod partikolari kontra l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu, tista’ tiddependi b’mod kunsiderevoli mill-użu tat-tekniki moderni ta’ investigazzjoni, tali għan ta’ interess ġenerali, fundamentali kemm huwa fundamentali, ma jistax jiġġustifika, waħdu, li leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi ż-żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni tad-data kollha dwar it-traffiku u tad-data kollha dwar il-lokalizzazzjoni titqies li hija neċessarja għall-finijiet tal-imsemmija ġlieda. Minn naħa, tali leġiżlazzjoni għandha l-effett li ż-żamma tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni hija r-regola, filwaqt li s-sistema stabbilita permezz tad-Direttiva 2002/58 teżiġi li din iż-żamma ta’ data tkun l-eċċezzjoni. Min-naħa l-oħra, tali leġiżlazzjoni nazzjonali, li tkopri b’mod ġeneralizzat l-abbonati u l-utenti rreġistrati kollha u li tkopri l-mezzi ta’ komunikazzjoni elettronika kollha kif ukoll id-data kollha dwar it-traffiku, ma tipprevedi ebda distinzjoni, limitazzjoni jew eċċezzjoni skont l-għan segwit. Tali leġiżlazzjoni tapplika anki għal persuni li fir-rigward tagħhom ma jeżisti l-ebda indizju ta’ natura li jagħti x’jifhem li l-aġir tagħhom jista’ jkun marbut, anki jekk b’mod indirett jew distanti, ma’ reati kriminali gravi. Għalhekk, tali leġiżlazzjoni tmur lil hinn mil-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju u ma tistax titqies li hija ġġustifikata, f’soċjetà demokratika, kif jeżiġi l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11, kif ukoll tal-Artikolu 52(1), tal-Karta.

    (ara l-punti 99-105, 107, 112, u d-dispożittiv 1)

  4.  L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika), kif emendata bid-Direttiva 2009/136, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11, kif ukoll tal-Artikolu 52(1), tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li Stat Membru jadotta leġiżlazzjoni li tippermetti, b’mod preventiv, iż-żamma mmirata ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni, għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità gravi, bil-kundizzjoni li ż-żamma tad-data tkun, fir-rigward tal-kategoriji ta’ data li għandha tinżamm, tal-mezzi ta’ komunikazzjoni koperti, tal-persuni kkonċernati kif ukoll tal-perijodu taż-żamma, limitata għal dak li jkun strettament neċessarju.

    Sabiex tissodisfa dawn ir-rekwiżiti, din il-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha, fl-ewwel lok, tipprevedi regoli ċari u preċiżi dwar il-portata u l-applikazzjoni ta’ tali miżura ta’ żamma ta’ data u għandha timponi rekwiżiti minimi, b’tali mod li l-persuni li d-data tagħhom tkun inżammet ikollhom garanziji suffiċjenti li jippermettulhom jipproteġu b’mod effikaċi d-data personali tagħhom kontra r-riskji ta’ abbuż. B’mod partikolari, hija għandha tindika f’liema ċirkustanzi u taħt liema kundizzjonijiet tista’ tittieħed miżura ta’ żamma ta’ data, b’mod preventiv, filwaqt li b’hekk tiggarantixxi li tali miżura tkun limitata għal dak li jkun strettament neċessarju.

    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kundizzjonijiet materjali li għandha tissodisfa tali leġiżlazzjoni nazzjonali, sabiex jiġi ggarantit li din tkun limitata għal dak li jkun strettament neċessarju, għalkemm dawn il-kundizzjonijiet jistgħu jvarjaw skont il-miżuri meħuda għall-finijiet tal-prevenzjoni, tal-investigazzjoni, tal-iskoperta u tal-prosekuzzjoni tal-kriminalità gravi, iż-żamma ta’ data għandha xorta waħda tissodisfa, f’kull każ, kriterji oġġettivi, li jistabbilixxu rabta bejn id-data li għandha tinżamm u l-għan segwit. B’mod partikolari, tali kundizzjonijiet għandhom ikunu, fil-prattika, ta’ natura li jiddefinixxu effettivament il-limiti tal-portata tal-miżura u, għalhekk, il-pubbliku kkonċernat. Fir-rigward ta’ din id-definizzjoni tal-limiti, il-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi li jippermettu li jiġi kopert pubbliku li d-data dwaru jista’ jkollha rabta, minn tal-inqas indiretta, ma’ atti ta’ kriminalità gravi, tista’ tikkontribwixxi b’mod jew ieħor għall-ġlieda kontra l-kriminalità gravi, jew tista’ tevita riskju gravi għas-sigurtà pubblika. Tali definizzjoni tal-limiti tista’ tiġi żgurata permezz ta’ kriterju ġeografiku meta l-awtoritajiet nazzjonali jqisu, fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi, li, f’żona ġeografika waħda jew iktar, jeżisti riskju għoli ta’ preparazzjoni jew ta’ twettiq ta’ tali atti.

    (ara l-punti 108-111)

  5.  L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika), kif emendata bid-Direttiva 2009/136, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11, kif ukoll tal-Artikolu 52(1), tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola l-protezzjoni u s-sigurtà tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni, b’mod partikolari l-aċċess mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għad-data miżmuma, mingħajr ma tillimita, fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-kriminalità, dan l-aċċess għall-finijiet biss tal-ġlieda kontra l-kriminalità gravi, mingħajr ma tissuġġetta l-imsemmi aċċess għal kontroll minn qabel minn qorti jew minn awtorità amministrattiva indipendenti, u mingħajr ma teżiġi li d-data inkwistjoni tinżamm fit-territorju tal-Unjoni.

    F’dan ir-rigward, sabiex jiġi ggarantit li l-aċċess mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għad-data miżmuma jkun limitat għal dak li jkun strettament neċessarju, huwa ċertament id-dritt nazzjonali li għandu jiddetermina l-kundizzjonijiet li fihom il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għandhom jagħtu tali aċċess. Madankollu, il-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata ma tistax teżiġi sempliċement li l-aċċess għandu jissodisfa wieħed mill-għanijiet previsti fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, lanqas jekk dan l-għan ikun il-ġlieda kontra l-kriminalità gravi. Fil-fatt, tali leġiżlazzjoni nazzjonali għandha tipprevedi wkoll il-kundizzjonijiet materjali u proċedurali li jirregolaw l-aċċess mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għad-data miżmuma. B’hekk, u peress li aċċess ġenerali għad-data miżmuma kollha, indipendentement minn kwalunkwe rabta, minn tal-inqas indiretta, mal-għan segwit, ma jistax jitqies li huwa limitat għal dak li jkun strettament neċessarju, il-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata għandha tibbaża ruħha fuq kriterji oġġettivi sabiex tiddefinixxi ċ-ċirkustanzi u l-kundizzjonijiet li fihom l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jingħataw aċċess għad-data tal-abbonati jew tal-utenti rreġistrati. F’dan ir-rigward, inkonnessjoni mal-għan tal-ġlieda kontra l-kriminalità, bħala prinċipju jista’ jingħata biss aċċess għad-data ta’ persuni ssuspettati li qegħdin jippjanaw, li qegħdin iwettqu jew li wettqu reat gravi jew inkella li huma implikati b’xi mod jew ieħor f’tali reat. Madankollu, f’sitwazzjonijiet partikolari, bħalma huma dawk li fihom interessi essenzjali tas-sigurtà nazzjonali, tad-difiża jew tas-sigurtà pubblika jkunu mhedda minn attivitajiet ta’ terroriżmu, l-aċċess għad-data ta’ persuni oħra jista’ jingħata wkoll meta jkun hemm elementi oġġettivi li jippermettu li jitqies li din id-data tista’, f’każ partikolari, tagħti kontribuzzjoni effettiva għall-ġlieda kontra tali attivitajiet.

    Sabiex tiġi ggarantita, fil-prattika, l-osservanza sħiħa ta’ dawn il-kundizzjonijiet, huwa essenzjali li l-aċċess mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għad-data miżmuma jkun, bħala prinċipju, ħlief f’każijiet urġenti debitament iġġustifikati, suġġett għal kontroll minn qabel imwettaq jew minn qorti jew minn entità amministrattiva indipendenti, u li d-deċiżjoni ta’ din il-qorti jew ta’ din l-entità tingħata fuq talba mmotivata minn dawn l-awtoritajiet imressqa, b’mod partikolari, fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ prevenzjoni, ta’ skoperta jew ta’ prosekuzzjoni kriminali. Bl-istess mod, huwa meħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jingħataw aċċess għad-data miżmuma jinformaw b’dan lill-persuni kkonċernati, fil-kuntest tal-proċeduri nazzjonali applikabbli, hekk kif din il-komunikazzjoni ma tkunx ta’ natura li tista’ tikkomprometti l-investigazzjonijiet imwettqa minn dawn l-awtoritajiet. Fil-fatt, din l-informazzjoni hija effettivament meħtieġa sabiex dawn il-persuni jkunu jistgħu jeżerċitaw, b’mod partikolari, id-dritt għal rimedju ġudizzjarju, previst espliċitament fl-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2002/58, moqri flimkien mal-Artikolu 22 tad-Direttiva 95/46, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, fil-każ ta’ ksur tad-drittijiet tagħhom.

    Barra minn hekk, fid-dawl tal-kwantità tad-data miżmuma, tan-natura sensittiva ta’ din id-data kif ukoll tar-riskju ta’ aċċess illegali għaliha, il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għandhom, sabiex jiżguraw l-integrità sħiħa u l-kunfidenzjalità sħiħa tal-imsemmija data, jiggarantixxu livell partikolarment għoli ta’ protezzjoni u ta’ sigurtà permezz ta’ miżuri tekniki u organizzattivi adegwati. B’mod partikolari, il-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha tipprevedi ż-żamma fit-territorju tal-Unjoni kif ukoll il-qerda irrimedjabbli tad-data meta jintemm il-perijodu taż-żamma tagħha.

    (ara l-punti 118-122, 125 u d-dispożittiv 2)

  6.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 127-129)

  7.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punt 130)

Top