EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-protezzjoni tal-annimali li jintużaw fil-laboratorju

Il-protezzjoni tal-annimali li jintużaw fil-laboratorju

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva 2010/63/UE dwar il-protezzjoni tal-annimali li jintużaw għal skopijiet xjentifiċi

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

  • Hija tistabbilixxi miżuri mfassla biex jipproteġu l-annimali li jintużaw għal skopijiet xjentifiċi, inkluż annimali użati f’riċerka bażika u applikata, partikolarment għall-produzzjoni ta’ prodotti mediċinali għall-bnedmin u għall-annimali kif ukoll għall-ittestjar tas-sigurtà u l-effikaċità tal-prodotti u tas-sustanzi.
  • Hija tintroduċi wkoll miżuri protettivi għall-annimali li jintużaw għall-iskopijiet ta’ edukazzjoni iktar għolja u għat-taħriġ vokazzjonali.
  • Id-direttiva tirrappreżenta pass importanti lejn l-għan finali ta’ sostituzzjoni sħiħa ta’ proċeduri fuq annimali ħajjin għal skopijiet xjentifiċi u edukattivi hekk kif ikun xjentifikament possibbli.
  • Hija tissostitwixxi u tħassar id-Direttiva 86/609/KEE.

PUNTI EWLENIN

Għall-protezzjoni tal-annimali fil-laboratorju u għall-faċilitazzjoni ta’ iktar avvanz tar-riċerka dawn il-miżuri jimmiraw biex jillimitaw l-ittestjar tal-annimali għall-minimu assolut u biex jiġu stabbiliti standards obbligatorji rigward l-użu, l-akkomodazzjoni u l-kura tal-annimali. Bi standards għoljin ta’ benesseri tal-annimali jibbenefikaw kemm l-annimali kif ukoll ix-xjenza.

Kamp ta’ applikazzjoni

  • Id-direttiva tapplika għall-annimali ħajjin, mhux umani vertebrati kif ukoll għal ċerti invertebrati li x’aktarx iħossu uġiegħ (siċċ, qarnit, eċċ.).
  • L-użu għall-ittestjar ta’ primati mhux umani huwa suġġett għal restrizzjonijiet, u l-użu ta’ xadini kbar (chimpanzees, bonobos, gorillas u orangutans) huwa pprojbit.

Oqsma soġġetti għal ittestjar fuq annimali

L-ittestjar fuq l-annimali huwa awtorizzat biss fi proċeduri li għalihom l-għan huwa:

  • riċerka bażika;
  • riċerka translazzjonali u applikata mmirata lejn il-prevenzjoni, id-dijanjosi jew it-trattament tal-mard tal-bniedem jew tal-annimali;
  • L-iżvilupp, il-manifattura jew l-ittestjar tal-kwalità, tal-effettività u tas-sikurezza tad-drogi, tal-ikel u l-għalf tal-annimali, tal-kimiċi, eċċ.;
  • il-protezzjoni tal-ambjent naturali fl-interessi tas-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali;
  • ir-riċerka intenzjonata għall-preservazzjoni tal-ispeċi;
  • edukazzjoni ogħla jew taħriġ;
  • investigazzjoni forensika.

Evalwazzjoni ta’ proġetti li jinvolvu l-esperimentazzjoni fuq l-annimali

  • L-użu ta’ annimali għal skopijiet sperimentali huwa awtorizzat f’każijiet fejn ma jeżisti l-ebda metodu ta’ sostituzzjoni sodisfaċenti.
  • Proġetti li jinvolvu esperimenti fuq annimali ħajjin għandhom jiġu vvalutati mill-awtorità kompetenti. Ma jistgħux jibdew sakemm ikunu rċevew assessjar pożittiv li juri li l-użu tal-annimali huwa ġustifikat u li l-vantaġġi mistennija huma iktar mill-ħsara kkawżata lill-annimal, filwaqt li jitqiesu kunsiderazzjonijiet etiċi.
  • In-numru ta’ annimali użati fi proġett jeħtieġ li jiġi mnaqqas għal minimu, iżda mingħajr ma jikkompormetti l-oġġettivi tal-proġett.
  • Il-kundizzjonijiet tal-għajxien u l-metodi użati fil-proċeduri għandhom jimminimizzaw kwalunkwe uġigħ, tbatija jew skumdità għall-annimali.

Il-benessri tal-annimali

  • L-annimali li jintużaw għal skopijiet esperimentali jeħtieġ li jirċievu l-kura u t-trattament xieraq.
  • L-istabbilimenti għandhom jassiguraw dan li ġej.
    • L-annimali jiġu akkomodati f’gaġeġ li huma kbar biżżejjed għalihom u f’ambjent li huwa adattat għall-ispeċi tagħhom skont l-istandards elenkati fl-Anness III tad-direttiva.
    • L-annimali soċjali jiġu akkomodati f’gaġeġ u “tekniki” ta’ arrikkiment jintużaw biex iżidu l-firxa tal-attivitajiet tal-annimali, partikolarment billi jinkoraġġixxu l-eżerċizzju fiżiku, l-esplorazzjoni u l-attivitajiet konjittivi skont l-imġiba naturali tagħhom.
    • Korp għall-benessri tal-annimali ser jiġi stabbilit biex jipprovdi pariri “l-użu tal-annimali jiġi” sostitwit, imnaqqas u rfinat (dan huwa magħruf bħala l-prinċipju tat- “Tliet Rs”). Dan il-korp għandu jinkludi l-persuna responsabbli għall-benessri tal-annimali u jirċievi pariri minn vetterinarju nominat. Ix-xogħol tagħhom huwa megħjun mill-kumitati nazzjonali stabbiliti f’kull Stat Membru tal-UE għall-protezzjoni tal-annimali użati.
  • Il-metodi ta’ qtil għandhom jillimitaw l-uġigħ, it-tbatija u l-iskumdità li jinħassu mill-annimali. L-annimali jistgħu jinqatlu biss minn persuna bil-ħiliet meħtieġa fl-istabbiliment ta’ min irabbi, iforni jew juża, skont il-metodi mniżżla fl-Anness IV ta’ mad-direttiva.
  • B’mod iktar ġenerali, l-individwi kollha li jiġu f’interazzjoni mal-annimali għandhom ikollhom it-taħriġ u l-prattika xierqa u għandu jkollhom assessjar tal-kompetenza tagħhom qabel ma jaħdmu mingħajr superviżjoni.

Proċeduri

  • L-uniċi proċeduri awtorizzati huma dawk li ġew approvati bħala parti minn proġett awtorizzat.
  • Il-proċeduri huma:
    • klassifikati skont il-grad tas-severità, bbażat fuq Anness VIII ta’ mad-direttiva;
    • jitwettqu taħt loppju jew billi jużaw metodu ieħod bħall-analġeżija, ħlief jekk ma jkunx xieraq jew jekk l-analġeżija tkun iġġudikata li tkun iktar trawmatika għall-annimal mill-proċedura nnifisha.
  • Sa fejn ikun possibbli, l-annimal m’għandux jinqatel. Il-proċeduri huma mfassla biex jirriżultaw fil-mewta ta’ kemm jista’ jkun ftit annimali; u biex inaqqsu d-dewmien u l-intensità tat-tbatija.
  • L-użu mill-ġdid ta’ annimal huwa metodu kif jitnaqqsu n-numru totali ta’ annimali fil-laboratorju. Qabel ma jerġa’ jintuża annimal, is-severità attwali tal-proċeduri akkumulati, is-saħħa tal-annimal u l-opinjoni tal-veterinarju jeħtieġ li jittieħdu in kunsiderazzjoni.
  • Fit-tmiem ta’ proċedura, il-veterinarju jew il-persuna kompetenti, għandhom jiddeċiedu jekk l-annimal jistax jinżamm ħaj. Annimali miżmuma ħajjin għandhom jirċievu kura u akkomodazzjoni xierqa kif definiti fl-Anness III.

Awtorizzazzjoni

  • Min irabbi, iforni u juża, kif ukoll l-istabbilimenti tagħhom jeħtieġ li jkunu awtorizzati minn awtorità kompetenti u jeħtieġ li jiġu reġistrati magħha.
  • Stabbilimenti awtorizzati jeħtieġ li jkollhom installazzjonijiet u tagħmir adattat għall-ispeċi ta’ annimali akkomodati u fejn isiru proċeduri, għall-prestazzjoni tal-proċeduri.
  • Għandu jkollhom rekords fejn huma jieħdu nota ta’ kull tagħrif ġdid dwar l-annimali, l-oriġini tagħhom u l-għan. Dawn ir-rekords jinżammu għal ħames (5) snin u għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku.
  • Barra minn hekk, kull kelb, qattus u primat mhux uman għandu jkollu identifikazzjoni individwali u fajl dwar l-istorja li jkun fih l-informazzjoni riproduttiva, veterinarja u soċjali rilevanti, inkluż il-proġetti fejn ġie intużat.

Spezzjonijiet

  • L-awtoritajiet kompetenti jwettqu spezzjonijiet regolari ta’ min irabbi, ta’ fornituri u tal-utenti kollha u tal-istabbilimenti tagħhom sabiex jiżguraw il-konformità mar-rekwiżiti ta’ din id-direttiva.
  • Il-frekwenza tal-ispezzjonijiet hija determinata mir-riskji speċifiċi għal kull stabbiliment. Minkejja dan, tal-inqas terz tal-istabbilimenti tal-utenti jiġu spezzjonati kull sena u proporzjon ta’ dawn jiġu spezzjonati għall-għarrieda.
  • Min irabbi, fornituri u utenti ta’ primati mhux umani jiġu spezzjonati mill-inqas darba fis-sena.

Trasparenza

  • Kull sena, Stati Membri jeħtieġ li jiġbru u jagħmlu pubblikament disponibbli informazzjoni statistika dwar l-użu tal-annimali fi proċeduri, inkluż informazzjoni fuq is-severità attwali tal-proċeduri u fuq l-oriġini u l-ispeċi tal-primati mhux umani li jintużaw fil-proċeduri.
  • Barra minn hekk, l-Istati Membri jeħtieġ li jippubblikaw it-taqsiriet mhux tekniċi tal-proġett (NTSs) ta’ proġetti awtorizzati fi żmien 6 xhur mill-awtorizzazzjoni. L-NTSs jeħtieġ li ma jiksrux l-anonimità tal-utenti.
  • L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li dawn it-taqsiriet jispeċifikaw jekk proġett huwiex ser jgħaddi minn assessjar retrospettiv u sa meta hemm skadenza. F’każ bħal dan, jeħtieġ li jassiguraw li t-taqsira tiġi aġġornata bir-riżultati tal-assessjar.
  • Il- Kummissjoni Ewropea stabbiliet żewġ bażi tad-data b’aċċess liberu li fihom id-data statistika annwali tal-Istati Membri (il-Bażi tad-Data Statistika tal-UE Alures) u taqsiriet mhux tekniċi ta’ proġetti (il- Bażi tad-Data Alures NTS tal-UE).

Rapportar

  • L-Istati Membri jeħtieġ li sal-10 ta’ Novembru 2023, u kull 5 snin minn dakinhar, jibgħatu informazzjoni fuq l-implimentazzjoni tad-direttiva lill-Kummissjoni u jissottomettu u jippbblikawha fil-format stabbilit fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/569. Il-Kummissjoni jeħtieġ li tippubblika u li taġġorna regolarment ħarsa ġenerali madwar l-UE abbażi tad-data sa mhux iktar tard minn 6 xhur wara.
  • L-Istati Membri jeħtieġ li jiġbru u jagħmlu pubblikament disponibbli, fuq bażi annwali, l-informazzjoni statistika dwar l-użu tal-annimali fi proċeduri, inkluż informazzjoni dwar is-severità attwali tal-proċeduri kif ukoll dwar l-oriġini u l-ispeċi tal-primati mhux umati li ntużaw fil-proċeduri. Huma għandhom jissottomettu dawn l-istatistiċi lill-Kummissjoni sa mill-iktar tard sal-10 ta’ Novembru tas-sena ta’ wara f’format stabbilit mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni ser tippubblika rapport ta’ sinteżi annwali tad-data statistika sottomessa mill-Istati Membri.

MINN META SER JAPPLIKAW DAWN IR-REGOLI?

Id-Direttiva kellha tiġi trasposta f’liġi nazzjonali sal- 10 ta’ Novembru 2012. Dawn ir-regoli applikaw mill- 1 ta’ Jannar 2013.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT PRINĊIPALI

Id-Direttiva 2010/63/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2010 dwar il-protezzjoni tal-annimali li jintużaw għal skopijiet xjentifiċi (ĠU L 276, 20.10.2010, pp. 33-79).

Emendi suċċessivi għad-Direttiva 2010/63/UE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/569 tas-16 ta’ April 2020 li tistabbilixxi format komuni u kontenut tal-informazzjoni għas-sottomissjoni tal-informazzjoni li trid tiġi rrapportata mill-Istati Membri skont id-Direttiva 2010/63/EU tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-annimali li jintużaw għal skopijiet xjentifiċi u li tħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/707/EU (ĠU L 129, 24.4.2020, pp. 16-50).

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2007/526/KE tat-18 ta’ Ġunju 2007 dwar linji ta’ gwida għaż-żamma u l-kura ta’ annimali għal għanijiet sperimentali u għal skopijiet xjentifiċi oħra (ĠU L 197, 30.7.2007, pp. 1-89).

l-aħħar aġġornament 02.09.2022

Top