EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Strateġija tal-Unjoni Ewropea għall-foresti u s-settur ibbażat fuq il-foresti

Strateġija tal-Unjoni Ewropea għall-foresti u s-settur ibbażat fuq il-foresti

Bil-kontribut tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea (UE) u l-partijiet interessati (bħal sidien tal-foresti, l-industrija u gruppi ambjentali), il-Kummissjoni Ewropea fl-2013 ppubblikat strateġija biex tiżgura li l-foresti tal-UE u s-settur tal-foresti jkunu lesti biex jiffaċċjaw sfidi futuri.

ATT

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Strateġija ġdida tal-UE għall-Foresti: għall-foresti u s-settur ibbażat fuq il-foresti (COM(2013) 659 final tal-20.9.2013).

SOMMARJU

Bil-kontribut tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea (UE) u l-partijiet interessati (bħal sidien tal-foresti, l-industrija u gruppi ambjentali), il-Kummissjoni Ewropea fl-2013 ppubblikat strateġija biex tiżgura li l-foresti tal-UE u s-settur tal-foresti jkunu lesti biex jiffaċċjaw sfidi futuri.

X’TAGĦMEL DIN L-ISTRATEĠIJA TAL-FORESTRIJA TAL-UE?

  • 1.

    Din tenfasizza l-kontribut tal-forestrija lil diversi setturi, bħall-iżvilupp rurali (l-impjiegi u d-dħul), il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima (l-assorbiment tal-karbonju), il-bijodiversità, ir-riżorsi għall-enerġija u l-industrija, eċċ.

  • 2.

    Din tqis l-isfidi li jiffaċċja s-settur u kif għandhom jiġu indirizzati.

  • 3.

    Tenfasizza l-ħtieġa għal approċċ olistiku, filwaqt li jiġi kkunsidrat l-effetti ta’ politiki oħra fuq il-foresti.

  • 4.

    Tidentifika modi li jtejbu l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti.

  • 5.

    Tħeġġeġ politiki tal-UE relatati mal-foresti li għandhom jiġu kkunsidrati bis-sħiħ fil-politiki nazzjonali tal-forestrija.

  • 6.

    Titlob l-istabbiliment ta’ Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Foresti biex tiġbor dejta armonizzata dwar il-foresti fl-UE kollha.

  • 7.

    Din timmira wkoll li ssaħħaħ il-kooperazzjoni u l-koerenza politika ta’ inizjattivi relatati mal-foresti.

PUNTI EWLENIN

Huwa meħtieġ qafas ta’ politika ġdid biex jiżgura li d-diversi rwoli tal-forestrija jitwasslu b’mod ibbilanċjat. Il-politiki relatati mal-foresti jeħtieġ li jiġu kkoordinati u jinvolvu sinerġiji ma’ setturi oħrajn. Il-foresti għandhom ikunu pożizzjonati b’tali mod li tkun żgurata l-kontribuzzjoni massima tagħhom għall-objettivi tal-UE.

L-istrateġija tidentifika tmien prijoritajiet:

  • L-appoġġ għall-komunitajiet: il-politika ta’ żvilupp rurali tal-UE hija waħda mill-istrumenti ewlenin użati għall-implimentazzjoni tal-istrateġija. Jistgħu jintużaw fondi tal-UE, pereżempju, biex jgħinu fl-immodernizzar tat-teknoloġiji tal-forestrija jew itejbu r-reżiljenza (jiġifieri l-kapaċità ta' reazzjoni għal xokkijiet, bħal nirien u maltempati), il-valur ambjentali u l-potenzjal ta’ mitigazzjoni (jiġifieri l-assorbiment tad-dijossidu tal-karbonju mill-atmosfera) ta’ ekosistemi tal-foresti. Dan għandu jagħti spinta lill-kompetittività, il-kwalità tal-ħajja u d-diversifikazzjoni ekonomika.
  • Il-promozzjoni ta’ industriji tal-UE bbażati fuq il-foresti kompetittivi u sostenibbli, il-bijoenerġija u l-ekonomija ekoloġika usa': l-injam huwa naturali, rinnovabbli, jista’ jintuża mill-ġdid u huwa riċiklabbli. Il-foresti u l-materja prima miksuba minnhom, jistgħu jiġġeneraw l-impjiegi u jiddiversifikaw id-dħul.
  • Tibdil fil-klima: Iż-żamma u ż-żieda tal-kapaċità għar-reżiljenza u l-adattament tal-foresti, bħal permezz tal-prevenzjoni tan-nirien u soluzzjonijiet oħra ta' adattament (eż speċijiet xierqa, varjetajiet ta’ pjanti, eċċ.); żieda fil-potenzjali ta’ mitigazzjoni tal-foresti.
  • Il-ħarsien tal-foresti u t-tisħiħ tas-servizzi tal-ekosistema: l-ekosistemi tal-foresti jipprovdi servizzi u materja prima u jospitaw il-bijodiversità. Dawn jeħtieġu protezzjoni biex jiġu żgurati r-reżiljenza u l-multifunzjonalità tagħhom.
  • Titjib fil-bażi tal-għarfien tal-foresti: l-espansjoni tal-għarfien relatat mal-foresti jippermetti fehim aħjar tal-isfidi ambjentali u soċjetali kumplessi li jiffaċċja s-settur.
  • Forestrija ġdida u innovattiva u prodotti b’valur miżjud: żona ta’ riċerka koerenti u ambizzjuża tal-UE bbażata fuq il-foresti (jiġifieri fejn ikun hemm fluss ħieles ta' għarfien, teknoloġija u riċerkaturi) hija meħtieġa biex titkattar l-innovazzjoni fis-settur kollu.
  • Naħdmu flimkien biex namministraw u nifhmu l-foresti: il-koordinazzjoni, il-kooperazzjoni u l-komunikazzjoni huma vitali għal politika konsistenti.
  • Il-foresti minn perspettiva globali: l-iżgurar tal-konsistenza bejn il-politiki tal-UE u tal-pajjiżi tal-UE u l-impenji dwar kwistjonijiet relatati mal-foresti (bħad-deforestazzjoni jew l-appoġġ għal ġestjoni sostenibbli) fil-livell globali.

SFOND

L-istrateġija tal-2013 tibni fuq l-Istrateġija tal-UE għall-Foresti preċedenti (1998). Din ħolqot qafas għal azzjonijiet li jappoġġaw il-ġestjoni sostenibbli fejn il-pajjiżi tal-UE jaħdmu flimkien fuq firxa ta’ politiki u inizjattivi.

Għal aktar informazzjoni ara l-websajt tal-Kummissjoni Ewropea.

l-aħħar aġġornament 03.04.2015

Top