EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-prinċipji li jirregolaw SOLVIT, in-netwerk ta' solvien ta' problemi għaċ-ċittadini u n-negozji

Il-prinċipji li jirregolaw SOLVIT, in-netwerk ta' solvien ta' problemi għaċ-ċittadini u n-negozji

In-netwerk SOLVIT ifittex li jsib soluzzjonijiet għal ilmenti miċ-ċittadini u n-negozji tal-UE li jkollhom suspett li d-drittijiet tal-UE tagħhom ġew miksura minn awtorità pubblika.

ATT

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/461/UE tas-17 ta’ Settembru 2013 fuq il-prinċipji li jirregolaw is-SOLVIT (ĠU L 249 tad-19.9.2013).

SOMMARJU

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tistabbilixxi r-regoli għall-kooperazzjoni bejn iċ-ċentri ta' SOLVIT.

L-Istati Membri tal-UE kollha kif ukoll in-Norveġja, l-Islanda u l-Liechtenstein ħolqu ċentru ta' SOLVIT nazzjonali, f'ħafna każijiet fi ħdan l-uffiċċju tal-Prim Ministru tagħhom jew fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin jew Ekonomiċi tagħhom.

Dawn iċ-ċentri jikkooperaw direttament permezz ta' database online sabiex isolvu problemi sottomessi minn ċittadini u negozji b'mod pragmatiku u fi żmien għaxar ġimgħat. Il-Kummissjoni hija responsabbli għall-iffaċilitar u għall-koordinazzjoni tan-netwerk ta' SOLVIT.

Is-servizz huwa bla ħlas u s-soluzzjonijiet mhumiex vinkolanti minħabba li huwa netwerk informali.

Sabiex SOLVIT jintervjeni, għandu jkun hemm:

  • ksur tal-liġi tal-UE,
  • minn awtorità pubblika,
  • f'sitwazzjoni transfruntiera.

L-applikant ma għandux ikun beda proċeduri formali, għaliex hekk ma jkunx aktar possibbli li tinstab soluzzjoni informali għall-problema.

SOLVIT jindirizza problemi f'oqsma bħalma huma s-sigurtà soċjali, id-drittijiet ta' residenza, il-moviment liberu ta' servizzi u oġġetti, ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali, it-tassazzjoni u r-reġistrazzjoni ta' vetturi.

Dan li ġej huwa sommarju ta' xi eżempji tas-servizzi li r-rakkomandazzjoni tissuġġerixxi li ċ-ċentri ta' SOLVIT għandhom joffru (NB: Qarrejja li jkunu jridu jifhmu l-prinċipji b'mod sħiħ għandhom jaqraw ir-rakkomandazzjoni sħiħa):

  • Iċ-ċentri ta' SOLVIT għandhom ikunu disponibbli biex jintlaħqu bit-telefown jew b'email u għandhom iwieġbu fil-pront għal mistoqsijiet;
  • L-applikanti għandhom jirċievu l-ewwel reazzjoni għall-problema tagħhom fi żmien ġimgħa;
  • Fi żmien xahar mill-ewwel valutazzjoni u diment li l-fajl tagħhom ikun komplet, l-applikant għandhom jirċievu konferma dwar jekk il-każ tagħhom ikunx infetaħ bħala każ ta' SOLVIT;
  • Meta problema ma tkunx tista' tittieħed bħala każ ta' SOLVIT, l-applikanti għandhom jingħataw ir-raġunijiet u għandhom jingħataw parir dwar kors ta' azzjoni ieħor possibbli li jista' jgħinhom jegħlbu l-problema;
  • Fi żmien 10 ġimgħat mid-data tal-ftuħ tal-każ, l-applikant għandu jirċievi soluzzjoni għall-problema tiegħu/tagħha, li tista' tinkludi kjarifika tal-liġi tal-UE relevanti.

Il-visibilità tan-netwerk ta' SOLVIT

Ir-rakkomandazzjoni tissuġġerixxi li l-pajjiżi tal-UE għandhom jiżguraw li jkun hemm disponibbli aċċess għal informazzjoni li tkun faċli għall-utent u aċċess faċli għas-servizzi ta' SOLVIT, b'mod partikolari fuq is-siti elettroniċi relevanti kollha tal-amministrazzjoni pubblika. Tħeġġeġ ukoll lill-pajjiżi tal-UE sabiex iwettqu attivitajiet li jżidu l-għarfien dwar SOLVIT.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Skadenza għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Rakkomandazzjoni 2013/461/UE

-

-

ĠU L 249 tad-19.9.2013

L-aħħar aġġornament: 22.04.2014

Top