EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011AE1869

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Il-konklużjoni tal-ewwel semestru Ewropew ta’ koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Gwida għall-politiki nazzjonali fl-2011 u l-2012” COM(2011) 400 finali

ĠU C 43, 15.2.2012, p. 8–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.2.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 43/8


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Il-konklużjoni tal-ewwel semestru Ewropew ta’ koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Gwida għall-politiki nazzjonali fl-2011 u l-2012”

COM(2011) 400 finali

2012/C 43/02

Relatur Ġenerali: is-Sur SMYTH

Nhar is-7 ta’ Ġunju 2011, il-Kummissjoni ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Il-konklużjoni tal-ewwel semestru Ewropew ta’ koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Gwida għall-politiki nazzjonali fl-2011 u l-2012

COM(2011) 400 finali.

Nhar l-14 ta’ Ġunju 2011 il-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lill-Kumitat ta’ Tmexxija Ewropa 2020 sabiex jipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-476 Sessjoni Plenarja tiegħu tas-7 u t-8 ta’ Diċembru 2011 (seduta tat-8 ta’ Diċembru) li jaħtar lis-Sur SMYTH bħala relatur ġenerali, u adotta din l-opinjoni b'136 vot favur, l-ebda vot kontra u 6 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet

1.1   L-Unjoni Ewropea u l-popolazzjoni tagħha qed jesperjenzaw l-agħar kriżi ekonomika, soċjali u politika fl-istorja tagħha, li qed tolqot b'mod sever lill-Istati Membri u l-popolazzjoni tagħhom u qed thedded kisbiet prinċipali bħall-munita unika, il-Patt ta’ Stabbiltà u s-suq intern. Fil-kriżi finanzjarja preċedenti kienet l-azzjoni konġunta, rapida u deċiżiva fost il-mexxejja tal-Ewropa li evitat reċessjoni twila. Issa l-Ewropa qiegħda tiffaċċja sfida oħra daqstant serja u għal darb'oħra hemm bżonn ta’ mġiba politika ta’ kooperazzjoni b'saħħitha ħafna. L-ebda Stat Membru ma jista' jiffaċċja l-kriżi waħdu – l-għażla politika saret ċara ħafna: jew tissaħħaħ l-integrazzjoni Ewropea biex tingħeleb il-kriżi jew il-kriżi ser iddgħajjef b'mod sever l-integrazzjoni Ewropea u tqiegħdha fil-periklu.

1.2   Hemm bżonn ta’ miżuri immedjati sabiex jitnaqqas id-dejn, jiġu kkonsolidati l-finanzi pubbliċi u jiżdied il-livell ta’ fiduċja fost in-nies u l-intrapriżi. Madanakollu, dawk li huma responsabbli għat-tfassil tal-politika għandhom iħarsu lil hinn mill-kriżijiet tal-ġurnata. L-attenzjoni m'għandhiex tkun biss fuq l-azzjonijiet fuq perjodu qasir u medju ta’ żmien. Hemm bżonn ċar ta’ riformi fit-tul. L-azzjoni jew in-nuqqas ta’ azzjoni f'dan ir-rigward ser ikollhom impatt fuq il-perjodu qasir ta’ żmien u saħansitra fuq dak immedjat fuq l-ispejjeż tas-self tal-Istati Membri.

1.3   F'dan il-kuntest, il-Kumitat iqis li l-Istrateġija Ewropa 2020 hija aktar importanti minn qatt qabel peress li toffri aġenda komprensiva għal riformi bil-għan li jiżguraw tkabbir sostenibbli u jagħmlu lill-Unjoni aktar kapaċi tegħleb il-kriżijiet fil-futur.

1.4   Jinħtieġ bilanċ tajjeb bejn l-aspetti kollha tal-Istrateġija – b'mod partikolari l-aspett ekonomiku, soċjali u ambjentali: it-tliet oqsma ta’ prijorità – tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv – huma interkonnessi u jsaħħu lil xulxin b'mod reċiproku. Għandha tingħata attenzjoni indaqs lit-tkabbir ekonomiku, l-intraprenditorija, l-SMEs, il-kompetittività, l-innovazzjoni, is-sostenibbiltà u l-ambjent, id-drittijiet soċjali, il-ħolqien tal-impjiegi u l-appoġġ għall-edukazzjoni.

1.5   F'kuntest ta’ sitwazzjoni ekonomika diffiċli u ta’ pressjoni fuq il-finanzi pubbliċi fl-Istati Membri, l-isfida issa hija aktar minn qatt qabel l-implimentazzjoni adegwata tal-Istrateġija.

1.6   Il-Kumitat jinsab imħasseb ħafna dwar il-fatt li l-impenji li daħlu għalihom l-Istati Membri fil-programmi nazzjonali ta’ riforma tagħhom mhumiex biżżejjed – kif juri l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir (1) – biex jinkisbu l-miri stabbiliti mill-Istrateġija (miri dwar l-edukazzjoni, l-impjieg, ir-riċerka u l-iżvilupp, it-tnaqqis tal-faqar, it-tnaqqis tal-emissjonijiet – l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija – l-enerġija sostenibbli).

1.7   L-Istati Membri għandhom jimpenjaw ruħhom aktar u jidħlu għal aġġustamenti nazzjonali aktar ambizzjużi sabiex ikunu jistgħu jiksbu l-miri sal-2020 filwaqt li jagħtu prijorità lil punti li jsaħħu t-tkabbir (edukazzjoni, innovazzjoni, enerġija, interkonnessjonijiet tat-transport, eċċ.). Huwa importanti ħafna li jimplimentaw b'mod adegwat l-impenji tagħhom.

1.8   Il-Kumitat jikkunsidra li l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili organizzata u tal-imsieħba soċjali fit-twettiq ta’ riformi u strateġija ta’ tkabbir ser tiddetermina s-suċċess tagħhom u ser tħeġġeġ lill-amministrazzjonijiet nazzjonali u lill-UE biex jaslu għal riżultati konkreti. Għalhekk, ser ikompli bil-ħidma konġunta man-netwerk tal-Kumitati Ekonomiċi u Soċjali (KES) nazzjonali u ma’ organizzazzjonijiet simili fil-qafas tal-Istrateġija Ewropa 2020. Minn naħa ser jissensibilizza lill-Istati Membri u, min-naħa l-oħra, ser jassigura li dawk responsabbli għat-tfassil tal-politika fil-livell tal-UE jkunu konxji taċ-ċirkostanzi ekonomiċi u soċjali fil-livell lokali.

2.   Sfond

2.1   L-ewwel semestru Ewropew, li huwa metodu ġdid ta’ governanza bil-għan li jtejjeb il-koordinazzjoni tal-politika ekonomika bejn l-UE u l-Istati Membri, tnieda f'Jannar 2011, meta l-Kummissjoni ppreżentat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir (2), li kien approvat u kkompletat mill-Kunsill Ewropew tar-rebbiegħa (3).

2.2   F'dan il-kuntest, fi tmiem April 2011, l-Istati Membri ppreżentaw Programmi ta’ Stabbiltà jew Konverġenza (PSK) dwar il-finanzi pubbliċi tagħhom u Programmi Nazzjonali ta’ Riforma (PNR) li jippreżentaw miżuri ewlenin ta’ politika sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020. Barra minn hekk, il-parti l-kbira tal-membri tal-Patt Euro Plus ippreżentaw impenji speċifiċi li għamlu skont il-Patt (4).

2.3   Wara li vvalutat dawn il-programmi u l-impenji, il-Kummissjoni ħarġet rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż kif ukoll rakkomandazzjonijiet għaż-żona tal-euro (5). Dawn iffukaw fuq iż-żoni fejn kienet meħtieġa aktar azzjoni mill-Istati Membri bil-għan li jiżdiedu r-riformi strutturali. Il-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju (6) approvahom, u b'hekk ikkonkluda l-ewwel semestru Ewropew u ta bidu għas-“semestru nazzjonali”.

2.4   Dan id-dokument jieħu bħala l-punt ta’ tluq il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Il-konklużjoni tal-ewwel semestru Ewropew ta’ koordinazzjoni tal-politika ekonomika:

Gwida għall-politiki nazzjonali fl-2011 u l-2012” (7) li ġiet ippubblikata f'Ġunju 2011. Għandu l-għan li jiffoka fuq diversi kwistjonijiet importanti, pereżempju:

it-tisħiħ tal-governanza b'rabta mal-Istrateġija,

it-titjib tal-komunikazzjoni dwar l-Istrateġija u

it-titjib tal-implimentazzjoni konkreta tagħha mill-Istati Membri.

2.5   Ser jagħmel parti minn “Rapport Integrat” (8) ġdid li ser jiġi ppreżentat min-netwerk interattiv żviluppat mill-KESE flimkien mal-KES nazzjonali u organizzazzjonijiet imsieħba simili oħra.

2.6   Il-politiki speċifiċi koperti mill-Istrateġija UE 2020 ġew ittrattati aktar fil-fond fl-opinjoni preċedenti dwar “L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir: l-avvanz tar-rispons komprensiv tal-UE għall-kriżi” (9). Fil-fatt, wara l-konsultazzjoni dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2011, il-Kumitat ħareġ opinjoni li fiha appoġġja bi sħiħ l-Istrateġija UE 2020 u s-Semestru Ewropew filwaqt li inkoraġġixxa lill-Kummissjoni sabiex tiddefendi l-integrazzjoni Ewropea. Madankollu, il-Kumitat iddispjaċih li l-ewwel Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir kien tilef l-opportunità li jipprovdi proposti ta’ politika sabiex jinkiseb tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Fid-dawl tad-deterjorament serju tal-kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali, issa għandha tittieħed azzjoni fir-rigward ta’ dawn il-proposti.

2.7   L-opinjoni ressqet ukoll diversi proposti konkreti dwar l-għaxar punti mressqa mill-Kummissjoni: l-implimentazzjoni ta’ konsolidazzjoni fiskali rigoruża, il-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi, l-iżgurar tal-istabbiltà fis-settur finanzjarju, sforz/ħidma biex ix-xogħol isir iktar attraenti, ir-riforma tas-sistema tal-pensjonijiet, ir-riabilitizzazzjoni tal-persuni qiegħda fis-suq tax-xogħol, l-ibbilanċjar tas-sigurtà u l-flessibbiltà, l-isfruttament tal-potenzjal tas-suq uniku, l-attrazzjoni ta’ kapital privat biex jiffinanzja t-tkabbir u l-ħolqien ta’ aċċess kosteffikaċi għall-enerġija.

2.8   B'segwitu għall-pubblikazzjoni mill-Kummissjoni tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2012 (10) u fid-dawl tal-Kunsill Ewropew li ser isir f'Marzu 2012, il-Kumitat beħsiebu jippreżenta opinjoni li tiffoka fuq ir-rapport ta’ progress dwar l-Istrateġija Ewropa 2020.

3.   Governanza

3.1   Il-proċess tal-Ewropa 2020 għandu jkun proċess għal kulħadd u appoġġjat minn kulħadd u mhux qasam riservat biss għal dawk responsabbli għat-tfassil tal-politika, għal-leġislaturi u għall-gruppi ta’ esperti:

Huwa mixtieq kontribut mill-gruppi kollha fis-soċjetà biex jittieħed benefiċċju mill-għarfien espert fil-prattika, jiġu definiti l-aħjar approċċi possibbli għall-isfidi attwali u jiġu eżaminati soluzzjonijiet kreattivi. Eżempju ta’ dan it-tip jista' jkun l-idea ta’ intraprenditorija soċjali li għandha effetti pożittivi ekonomiċi u soċjali.

L-implimentazzjoni adegwata tal-istrateġija fl-Istati Membri tiddependi ħafna mill-impenn u r-responsabbiltà tal-partijiet interessati kkonċernati. Għalhekk, is-sjieda konġunta tal-istrateġija hija kruċjali u tirrikjedi sħubijia bis-sħiħ bil-għan li r-riformi jkunu dinamiċi.

3.2   Il-Kumitat jemmen li għandu jkun hemm titjib fil-konsultazzjoni, fil-parteċipazzjoni u fil-mobilizzazzjoni tas-soċjetà ċivili organizzata kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak Ewropew.

3.3   Is-soċjetà ċivili organizzata fl-Istati Membri għandha tkun involuta bħala msieħba attiva fil-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tal-Istrateġija UE 2020.

3.4   L-imsieħba soċjali Ewropej u s-soċjetà ċivili organizzata għandhom jiġu kkonsultati dwar ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull Stat Membru. F'dan il-kuntest, huwa kruċjali li l-għażla taż-żmien għandha ssir bir-reqqa sabiex is-soċjetà ċivili organizzata tkun tista' tiġi involuta fi stadju bikri fit-tħejjija tal-prospetti tal-ġejjieni għaċ-ċiklu ta’ wara l-2011. Għaldaqstant, a fortiori, għandhom jiġu rispettati l-konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO, li ġew irratifikati mill-Istati Membri, speċjalment il-Konvenzjoni Nru 98 li tiggarantixxi negozjar kollettiv ħieles.

3.5   Il-Kumitat jappella sabiex jissaħħu r-rwol speċjali u l-viżibbiltà tal-KES nazzjonali u tal-organizzazzjonijiet simili. Dan bl-ebda mod mhu ser jinterferixxi fil-mekkaniżmi ta’ konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali fl-Istati Membri.

3.6   Għandhom jiġu adottati miżuri sabiex jissaħħaħ id-dibattitu dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija UE 2020 fl-Istati Membri, u l-gvernijiet għandhom jiżviluppaw proċessi aktar effettivi fir-rigward tar-reazzjonijiet dwar ir-riżultati ta’ djalogu ċivili u soċjali usa' dwar l-Istrateġija.

3.7   Il-KESE jirrakkomanda li jinżammu konferenzi regolari dwar il-monitoraġġ tal-UE 2020 fl-Istati Membri li jinvolvu lill-partijiet interessati u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kollha.

3.8   Il-Kumitat jirrakkomanda li jinħolqu djalogi permanenti fl-Istati Membri bejn il-KES nazzjonali jew l-ekwivalenti tagħhom u msieħba soċjali u partijiet interessati oħra bħall-SMEs, l-atturi tal-ekonomija soċjali, il-gruppi ta’ riflessjoni (think tanks), l-universitajiet u dawk li qed jaħdmu favur il-koeżjoni soċjali u l-opportunitajiet indaqs. Għandhom jiġu kkunsidrati b'mod xieraq il-ftehimiet u l-prattiki dwar id-djalogu ċivili li jeżistu f'xi Stati Membri.

3.9   Għandhom jitneħħew l-ostakli strutturali għal djalogu ġenwin mal-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Dan jinkludi, pereżempju, li jiġu evitati skadenzi stretti, li attwalment saru r-regola, għat-tħejjija tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma.

3.10   Governanza fil-livell Ewropew – il-valur miżjud ta’ dimensjoni Ewropea aktar b'saħħitha

3.10.1   Issa huwa ċar li l-politiki nazzjonali waħedhom mhumiex biżżejjed u li għandha tissaħħaħ il-kooperazzjoni politika fil-livell Ewropew. Politiki makroekonomikiċi, industrijali jew soċjali, asimmetriċi jew iżolati fl-Istati Membri jistgħu jdgħajfu l-Unjoni Ekonomika u Monetarja u s-suq uniku u jista' jkollhom effetti mifruxa negattivi fuq l-Istati Membri l-oħra.

3.10.2   Il-Kumitat jemmen li għandu jinżamm djalogu bejn il-KES nazzjonali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u r-rappreżentanti tal-Kummissjoni dwar ċirkustanzi speċifiċi nazzjonali. Bl-istess mod, il-KES nazzjonali għandhom ikunu involuti aktar mill-qrib fil-konsultazzjonijiet annwali tal-Kummissjoni. Il-KESE jirrakkomanda dan l-approċċ, li huwa konformi ma’ dak adottat mill-Parlament Ewropew, li jwassal għal kooperazzjoni akbar mal-parlamenti nazzjonali, u ma’ dak adottat mill-Kumitat tar-Reġjuni fir-rigward tal-awtoritajiet reġjonali u lokali Ewropej.

3.10.3   Il-funzjonament tal-ewwel semestru Ewropew ġie kkritikat fil-livell tal-Parlament Ewropew, minħabba n-nuqqas ta’ leġittimità, ir-rwol żgħir fdat lill-Parlament Ewropew, l-involviment marġinali tal-parlamenti nazzjonali u n-nuqqas ta’ trasparenza tal-proċess. Ġie propost li tissaħħaħ l-effikaċja tas-semestru Ewropew permezz ta’ djalogu ekonomiku regolari dwar l-iżviluppi konkreti tiegħu. Il-Kumitat jappoġġja l-idea li l-Parlament joħloq sottokumitat li jittratta l-kwistjonijiet marbutin mas-semestru Ewropew u juri x-xewqa tiegħu li jkun assoċjat mill-qrib mal-ħidma tiegħu.

3.10.4   Il-Kumitat jixtieq ukoll ikompli bl-isforzi ta’ kollaborazzjoni mal-Kumitat tar-Reġjuni sabiex tiġi promossa l-approprjazzjoni taċ-ċittadini fil-konfront tal-Istrateġija UE 2020 u l-implimentazzjoni effettiva tagħha.

3.10.5   Il-KESE jemmen li s-soċjetà ċivili organizzata għandha tiġi mistiedna tipparteċipa fil-patti territorjali (11) għall-Istrateġija UE 2020.

3.11   Strumenti disponibbli sabiex titjieb il-governanza

3.11.1   Il-Kumitat jemmen li l-firxa wiesgħa ta’ strumenti disponibbli tal-Unjoni (12) għandhom jintużaw b'mod effettiv sabiex jiġi żgurat is-suċċess tal-Istrateġija Ewropa 2020.

3.11.2   Il-KESE jwissi kontra r-riskju li s-semestru Ewropew jissostitwixxi l-linji gwida wiesgħa tal-politiki ekonomiċi u l-politiki tal-impjieg tal-Istati Membri.

3.11.3   Il-Qafas Finanzjarju Multiannwali għall-2014-2020 għandu jappoġġja l-ksib tal-miri tal-Ewropa 2020.

3.11.4   Il-Fondi Strutturali fil-perjodu 2014-2020 għandhom ikunu kompletament allinjati mal-prijoritajiet tal-Ewropa 2020 (13).

3.11.5   Koordinazzjoni aħjar tal-infiq fil-livell tal-UE u dak nazzjonali tista' ttejjeb l-effiċjenza.

3.11.6   L-investiment pubbliku – fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri – fit-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv jista' jħeġġeġ investiment privat addizzjonali u b'hekk ikollu effett ta’ lieva.

4.   Komunikazzjoni dwar l-Istrateġija Ewropa 2020

4.1   Għandha tiżdied il-viżibilità politika tal-Istrateġija UE 2020 u għandha tissaħħaħ is-sensibilizzazzjoni fost iċ-ċittadini, partikolarment fir-rigward tal-isfidi serji li jridu jiffaċċjaw issa s-soċjetajiet tagħna.

4.2   Għandha tissaħħaħ il-komunikazzjoni fil-livelli kollha (UE, nazzjonali, u speċjalment lokali) peress li f'ħafna Stati Membri, l-Istrateġija UE 2020 tirrappreżenta l-uniku valur miżjud ġdid fil-livell ta’ mod ta’ ħsieb u politika li jagħti lin-nies ftit tama għal futur aħjar. Il-messaġġi prinċipali tal-Istrateġija Ewropa 2020 dwar it-tkabbir, l-impjiegi u l-inklużjoni soċjali jridu jiġu spjegati aktar minn darba.

4.3   Il-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma għandhom jiġu ppreżentati u diskussi fil-parlamenti nazzjonali.

5.   Implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020

5.1   Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jaħdmu ħalli jidentifikaw l-ostakli li jxekklu t-tkabbir fil-livell nazzjonali u internazzjonali. Dawn l-ostakli jidhru f'diversi forom, pereżempju:

il-frammentazzjoni tas-suq uniku,

l-aċċess insuffiċjenti li għandhom l-SMEs għas-suq uniku,

il-bżonn li tiġi żviluppata l-intraprenditorija,

id-dgħufija tal-kuntest intraprenditorjali (inkluż il-qafas regolatorju),

l-ostakli għad-distribuzzjoni mill-ġdid tal-impjiegi u l-forza tax-xogħol (segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol),

in-nuqqas ta’ kompetittività tal-industrija Ewropea minħabba nuqqas ta’ reċiproċità fil-kummerċ dinji u fl-akkwist pubbliku internazzjonali,

il-bżonn li tiżdied il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol,

il-kwalità u l-effiċjenza insuffiċjenti tas-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ,

il-bżonn għal settur finanzjarju li jaħdem sew, li hu stabbli u regolat u jaqdi l-bżonnijiet tal-ekonomija reali.

5.2   Ostakli potenzjali bħal dawn jistgħu jiġu identifikati permezz tad-djalogi permanenti msemmija hawn fuq. Jistgħu jiġu proposti inċentivi ġodda għall-oqsma li qegħdin lura.

5.3   Il-Kumitat jappoġġja l-użu ta’ għodod moderni tal-amministrazzjoni pubblika sabiex tiġi assigurata implimentazzjoni tajba tal-Istrateġija UE 2020 u l-involviment sħiħ tas-soċjetà ċivili organizzata u l-imsieħba soċjali. Dawn l-għodod jistgħu jkunu:

5.3.1    Id-definizzjoni ta’ valuri ta’ riferiment, ta’ miri u ta’ skadenzi: il-Kumitat huwa konxju li attwalment, f'ħafna każijiet hemm nuqqas ta’ objettivi konkreti u li jistgħu jitkejlu, u li l-iskadenzi huma stretti wisq. Huwa favur li jiġu definiti miri ċari u konkreti, akkumpanjati minn skadenzi realistiċi sabiex dawn jinkisbu. Valuri ta’ riferiment preċiżi huma essenzjali sabiex jiġi ffaċilitat l-kejl tal-impatt tal-Istrateġija UE 2020, u, għal dan il-għan, il-Kumitat jirrakkomanda użu akbar tal-ESPON.

5.3.1.1   Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-progress u teżerċita d-dritt tagħha ta’ twissija meta l-Istati Membri ma jżommux mal-impenji miftiehma.

5.3.2   Fir-rigward tal-użu tal- punti ta’ riferiment u l-indikaturi, il-Kumitat ifakkar fl-importanza li jintużaw indikaturi tal-progress u s-suċesss – hemm bżonn ta’ indikaturi kwantitattivi kif ukoll kwalitattivi orjentati lejn ir-riżultati.

5.3.2.1   Punt ta’ riferiment ta’ dan it-tip, ibbażat fuq l-objettivi tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma u stabbiliti mill-partijiet interessati bil-kooperazzjoni tar-rappreżentanti tal-gvern, ikun jipprovdi informazzjoni konkreta sabiex jitkejjel il-progress li jkun sar f'kull Stat Membru fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija UE 2020. Kull KES nazzjonali jew organizzazzjoni simili jkollha bżonn tanalizza u tistabbilixxi l-kriterji prijoritarji tagħha. Xi KES nazzjonali diġà bdew jużaw il-punti ta’ riferimenti f'intervalli regolari, bl-użu ta’ statistika li hija aċċessibbli b'xejn minn fuq is-sit tal-internet tal-Eurostat. KES nazzjonali oħra jistgħu jibdew bl-istess proċess.

5.3.2.2   Il-Kumitat huwa lest li jospita fuq is-sit tal-internet tiegħu (il-CESLink) (14) pjattaforma diġitali għall-iskambju tal-informazzjoni u d-data.

5.3.2.3   Il-KESE jinsab lest ukoll li jorganizza konferenza annwali li matulha jistgħu jiġu analizzati r-riżultati tal-punti ta’ riferiment.

5.3.3    Valutazzjoni regolari tal-implimentazzjoni u l-impatt tal-politika: permezz tal-punti ta’ riferiment, il-partijiet interessati jistgħu jimmonitorjaw kontinwament l-implimentazzjoni tar-riformi. Din għandha tipprovdi wkoll informazzjoni adegwata għar-reviżjoni tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma u għandha tiffaċilita l-identifikazzjoni tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri.

6.   Tixrid tal-aħjar prattiki

6.1   Il-Kumitat iqis li għandu jiġi promoss b'mod attiv l-iskambju tal-prattiki t-tajba fil-livell tal-UE. Għalhekk, qiegħed jorganizza missjonijiet ta’ riċerka fl-Istati Membri sabiex jiġi diskuss u mħeġġeġ l-iskambju tal-aħjar prattiki u l-implimentazzjoni tar-riformi mal-partijiet interessati tas-soċjetà ċivili.

6.2   Il-KESE huwa tal-fehma li l-partijiet interessati għandhom jiżviluppaw metodi ġodda sabiex għall-iskambu ta l-aħjar prattiki: netwerking f'livelli differenti jkun jinkludi l-iskambju ta’ informazzjoni mad-diversi livelli ta’ gvern, filwaqt li kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn żoni konfinali f'żewġ Stati Membri jew aktar twassal biex jiġu stabbiliti objettivi transkonfinali. Barra minn hekk, hemm bżonn jiġu analizzati l-prattiki tajba sabiex ikunu jistgħu jintużaw fil-kuntest nazzjonali ta’ Stati Membri oħra.

6.3   Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-Istati Membri sabiex jagħmlu sforz mill-ġdid ħalli jippromovu l-iskambji transkonfinali tal-aħjar prattika permezz tal-metodi ta’ komunikazzjoni elettroniċi (pereżempju bażijiet tad-data li jinkludu eżempji tal-aħjar prattiki, tabelli ta’ valutazzjoni, eċċ.). Il-metodu msemmi hawn fuq madankollu jiddependi mill-fatt li l-Istati Membri jadottaw qafas Ewropew adegwat li jippermetti dan. Jekk ikun hemm bżonn, għandu jitqies il-ħolqien ta’ strumenti innovattivi.

6.4   Il-Kumitat itenni li jinsab lest li jkun attiv kemm bħala pjattaforma (14) għall-iskambju tal-informazzjoni u għall-kooperazzjoni bejn il-KES nazzjonali, l-imsieħba soċjali u l-atturi tas-soċjetà ċivili u l-istituzzjonijiet Ewropej u bħala pjattaforma għall-iskambju ta’ fehmiet u esperjenzi bejn il-partijiet interessati nazzjonali. Il-Kumitat jieħu din l-opportunità sabiex ifakkar li japprezza ħafna l-kontributi għad-diskussjonijiet li jsiru mill-KES nazzjonali u organizzazzjonijiet simili.

Brussell, 8 ta’ Diċembru 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2012, COM(2011) 815, 23.11.2011, (mhux disponibbli bil-Malti).

(2)  “Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2011: l-avvanz tar-rispons komprensiv tal-UE għall-kriżi” – COM(2011) 11, 12.1.2011, inkluż l-abbozz tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjieg.

(3)  Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-24/25 ta’ Marzu 2011, EUCO 10/1/11 riv. 1.

(4)  Anness I għall-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-24/25 ta’ Marzu 2011, EUCO 10/1/11 riv. 1.

(5)  Għal xi Stati Membri li jirċievu għajnuna finanzjarja mill-Istati Membri fiż-żona tal-euro u mill-FMI, il-Kummissjoni rrakkomandat biss l-implimentazzjoni tal-Memorandum ta’ Ftehim tagħhom u s-supplimenti sussegwenti tiegħu li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet tal-politika ekonomika li abbażi tagħhom tingħata l-għajnuna finanzjarja. Din l-għajnuna finanzjarja għandha tkun konformi mal-ksib tal-Istrateġija Ewropa 2020.

(6)  Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23/24 ta’ Ġunju 2011, EUCO 23/11.

(7)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lil-Kumitat tar-Reġjuni “Il-konklużjoni tal-ewwel semestru Ewropew ta’ koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Gwida għall-politiki nazzjonali fl-2011 u l-2012”, COM(2011) 400 finali.

(8)  L-ewwel “Rapport Integrat dwar l-Istrateġija ta’ Lisbona għal wara l-2010” tressaq mill-Kumitat fid-dawl tat-tħejjija tal-Istrateġija Ewropea l-ġdida għall-perjodu wara l-2010. Din l-opinjoni tfasslet mill-Osservatorju tal-Istrateġija ta’ Lisbona tal-KESE u inkludiet kontributi mill-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali (KES) nazzjonali u mill-organizzazzjonijiet imsieħba kif ukoll l-Opinjoni tal-KESE dwar l-Istrateġija ta’ Lisbona għal wara l-2010 (Relatur: is-Sur Greif).

(9)  Opinjoni tal-KESE dwar “L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir”, ĠU C 132, 3.5.2011, p. 26-38.

(10)  Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2012, COM(2011) 815.

(11)  “Patt Territorjali għall-Ewropa 2020” huwa ftehim bejn il-livelli ta’ gvern ta’ pajjiż (lokali, reġjonali, nazzjonali). Il-partijiet li jiffirmaw Patt Territorjali jimpenjaw ruħhom li jikkoordinaw u jissinkronizzaw l-aġendi politiċi tagħhom sabiex jiffokaw l-azzjonijiet u r-riżorsi finanzjarji tagħhom fuq l-għanijiet u l-miri tal-Istrateġija Ewropa 2020 – Ara http://portal.cor.europa.eu/europe2020/news/Pages/TPUsefuldocuments.aspx.

(12)  Strumenti bħal regolamenti, direttivi, rakkomandazzjonijiet, opinjonijiet u standards għal-linji gwida, objettivi komuni, programmi komuni, fondi strutturali, koordinazzjoni tal-politiki u strumenti tal-azzjoni esterna tal-UE.

(13)  Ara b'mod partikolari l-opinjoni tal-KESE dwar “Il-Futur tal-Fond Soċjali Ewropew wara l-2013”, ĠU C 132/8, 3.5.2011.

(14)  Ara http://www.eesc.europa.eu/ceslink


Top