EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R1953

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1953 tal-10 ta’ Novembru 2021 li jemenda d-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-limiti stabbiliti għall-kuntratti ta’ provvista, xogħlijiet u servizzi, u għall-kompetizzjonijiet ta’ disinn (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2021/7935

ĠU L 398, 11.11.2021, p. 25–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2021/1953/oj

11.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 398/25


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1953

tal-10 ta’ Novembru 2021

li jemenda d-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-limiti stabbiliti għall-kuntratti ta’ provvista, xogħlijiet u servizzi, u għall-kompetizzjonijiet ta’ disinn

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (1), u b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(4) tagħha,

Billi:

(1)

Permezz tad-Deċiżjoni 2014/115/UE (2), il-Kunsill approva l-Protokoll li jemenda l-Ftehim dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern (3) konkluż fil-qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ. Il-Ftehim dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern emendat (“il-Ftehim”) huwa strument plurilaterali u għandu l-għan li jiftaħ is-swieq tal-akkwist pubbliku b’mod reċiproku fost il-partijiet kontraenti tiegħu. Il-Ftehim japplika għal kwalunkwe kuntratt ta’ akkwist pubbliku b’valur li jilħaq jew li jaqbeż l-ammonti (“il-limiti stabbiliti”) stipulati fih u espressi bħala drittijiet speċjali ta’ prelevament.

(2)

Wieħed mill-objettivi tad-Direttiva 2014/25/UE huwa li l-entitajiet kontraenti li japplikaw dik id-Direttiva jkunu jistgħu, fl-istess waqt, jikkonformaw mal-obbligi stabbiliti fil-Ftehim. F’konformità mal-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2014/25/UE, kull sentejn (2) il-Kummissjoni trid tivverifika li l-limiti stabbiliti għall-kuntratti ta’ kuntratti ta’ provvista, xogħlijiet u servizzi, u għall-kompetizzjonijiet ta’ disinn stipulati fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 15 ta’ dik id-Direttiva, jikkorrispondu għal-limiti stabbiliti fil-Ftehim. Billi l-valur tal-limiti stabbiliti kkalkolat f’konformità mal-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2014/25/UE huwa differenti mill-valur tal-limiti stabbiliti fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 15 ta’ dik id-Direttiva, jeħtieġ li dawn il-limiti jiġu riveduti.

(3)

L-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2014/25/UE jeħtieġ li kull sentejn il-limiti stabbiliti jiġu riveduti mill-Kummissjoni b’effett mill-1 ta’ Jannar. Għalhekk, jenħtieġ li l-limiti għas-snin 2022–2023 japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2022.

(4)

Għalhekk jenħtieġ li d-Direttiva 2014/25/UE tiġi emendata skont dan.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2014/25/UE huwa emendat kif ġej:

(1)

fil-punt (a), “EUR 428 000” huwa sostitwit b’“EUR 431 000”;

(2)

fil-punt (b), “EUR 5 350 000” huwa sostitwit b’“EUR 5 382 000”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2022.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Novembru 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/115/UE tat-2 ta’ Diċembru 2013 dwar il-konklużjoni tal-Protokoll li jemenda l-Ftehim dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern, (ĠU L 68, 7.3.2014, p. 1).

(3)  ĠU L 68, 7.3.2014, p. 2.


Top