EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R1482

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/1482 tal-4 ta' Ottubru 2018 li jemenda l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kafeina u tat-teobromina (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

C/2018/6355

ĠU L 251, 5.10.2018, p. 19–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1482/oj

5.10.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 251/19


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1482

tal-4 ta' Ottubru 2018

li jemenda l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kafeina u tat-teobromina

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1334/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar aromatizzanti u ċerti ingredjenti tal-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti għall-użu fl-ikel u fuq l-ikel u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 1601/91, ir-Regolamenti (KE) Nru 2232/96 u (KE) Nru 110/2008 u d-Direttiva 2000/13/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 11(3) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta' awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 7(5) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008 jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta' aromatizzanti u ta' materjali tas-sors approvati għall-użu fl-ikel u fuq l-ikel, u l-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom.

(2)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 872/2012 (3) adotta l-lista ta' sustanzi aromatizzanti u introduċa dik il-lista fil-Parti A tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008.

(3)

Dik il-lista tista' tiġi aġġornata f'konformità mal-proċedura komuni msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, jew fuq inizjattiva tal-Kummissjoni jew wara li Stat Membru jew parti interessata jressqu applikazzjoni għal dan.

(4)

Il-Parti A tal-lista tal-Unjoni fiha kemm is-sustanzi aromatizzanti evalwati, li għalihom mhumiex assenjati l-ebda noti ta' qiegħ il-paġna kif ukoll is-sustanzi aromatizzanti taħt evalwazzjoni, li huma identifikati bin-noti ta' qiegħ il-paġna 1 sa 4.

(5)

Is-sustanzi kafeina [FL Nru 16.016] u teobromina [FL Nru 16.032] kienu elenkati fin-nota ta' qiegħ il-paġna 1 li skontha l-evalwazzjoni għal dawk is-sustanzi tlestiet mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà tal-Ikel (“l-Awtorità”).

(6)

Fil-31 ta' Jannar 2017, l-Awtorità lestiet l-evalwazzjoni tas-sikurezza tal-kafeina [FL Nru 16.016] u tat-teobromina [FL Nru 16.032] meta jintużaw bħala sustanzi aromatizzanti (4), u kkonkludiet li l-użu tagħhom bħala sustanzi aromatizzanti ma jagħtix lok għal tħassib dwar is-sikurezza abbażi tal-livelli stmati tagħhom ta' konsum f'ċerti kategoriji tal-ikel. Il-kundizzjonijiet tal-użu diġà stabbiliti fil-lista tal-Unjoni jistgħu, għalhekk, jinżammu.

(7)

Għalhekk, il-kafeina [FL Nru 16.016] u t-teobromina [FL Nru 16.032] jenħtieġ li jiġu elenkati bħala sustanzi evalwati fil-lista ta' sustanzi aromatizzanti tal-Unjoni mingħajr in-nota f'qiegħ il-paġna li hemm fl-entrati attwali tagħhom fil-lista tal-Unjoni.

(8)

Għaldaqstant, il-Parti A tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008 jenħtieġ li tiġi emendata skont dan.

(9)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-Parti A tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008 hija b'dan emendata f'konformità mal-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Ottubru 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 34.

(2)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1.

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 872/2012 tal-1 ta' Ottubru 2012 li jadotta l-lista ta' sustanzi aromatizzanti stipulati bir-Regolament (KE) Nru 2232/96 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, jintroduċiha fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1565/2000 u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/217/KE (ĠU L 267, 2.10.2012, p. 1).

(4)  EFSA Journal 2017;15(4):4729.


ANNESS

L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008 huwa emendat kif ġej:

1.

L-entrata dwar is-sustanza bin-Nru FL 16.016 fit-Taqsima 2 tal-Parti A tiġi sostitwita b'din li ġejja:

“16.016

Kafeina

58-08-2

 

11741

 

Restrizzjonijiet għall-użu bħala sustanza aromatizzanti:

Fil-kategorija 1. – mhux iktar minn 70 mg/kg

Fil-kategorija 3 – mhux iktar minn 70 mg/kg

Fil-kategorija 5 – mhux iktar minn 100 mg/kg

Fil-kategorija 14.1 – mhux iktar minn 150 mg/kg

 

EFSA”

2.

L-entrata dwar is-sustanza bin-Nru FL 16.032 fit-Taqsima 2 tal-Parti A tiġi sostitwita b'din li ġejja:

“16.032

Teobromina

83-67-0

 

 

 

Restrizzjonijiet għall-użu bħala sustanza aromatizzanti:

Fil-kategorija 1. – mhux iktar minn 70 mg/kg

Fil-kategorija 14.1 – mhux iktar minn 100 mg/kg

 

EFSA”


Top