EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D0442

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/442 tas- 16 ta' Marzu 2015 li tniedi l-Missjoni Konsultattiva Militari tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUMAM RCA) u li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2015/78

ĠU L 72, 17.3.2015, p. 39–40 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/442/oj

17.3.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 72/39


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2015/442

tas-16 ta' Marzu 2015

li tniedi l-Missjoni Konsultattiva Militari tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUMAM RCA) u li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2015/78

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 42(4) u l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/78 tad-19 ta' Jannar 2015 dwar Missjoni Konsultattiva Militari tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUMAM RCA) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4 tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fid-19 ta' Jannar 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/78.

(2)

Fid-9 ta' Frar 2015, il-Kunsill approva r-Regoli tal-Ingaġġ tal-EUMAM RCA.

(3)

Fis-6 ta' Marzu 2015, il-Kunsill approva l-Pjan tal-Missjoni tal-EUMAM RCA.

(4)

Fil-11 ta' Marzu 2015, il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà laqa' l-ittra mill-Kmandant tal-Missjoni rigward ir-rakkomandazzjoni biex titnieda l-EUMAM RCA u l-perijodu ta' żmien previst għad-dikjarazzjoni tal-Kapaċità Operattiva Inizjali tal-EUMAM RCA.

(5)

L-EUMAM RCA għandha titnieda fis-16 ta' Marzu 2015.

(6)

F'konformità mal-Artikolu 5 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka ma tiħux sehem fl-elaborazzjoni u fl-implementazzjoni ta' deċiżjonijiet u azzjonijiet tal-Unjoni li għandhom implikazzjonijiet ta' difiża. Id-Danimarka mhix tieħu sehem fl-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni u għaldaqstant ma tikkontribwixxix għall-finanzjament ta' din il-missjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Missjoni Konsultattiva Militari tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (“EUMAM RCA”) għandha titnieda fis-16 ta' Marzu 2015.

Artikolu 2

Il-Kmandant tal-Missjoni tal-UE tal-EUMAM RCA huwa b'dan awtorizzat b'effett immedjat li jagħti bidu għall-eżekuzzjoni tal-missjoni.

Artikolu 3

L-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2015/78 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   EUMAM RCA għandha titnieda permezz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill fil-jum irrakkomandat mill-Kmandant tal-Missjoni, wara approvazzjoni tal-Pjan tal-Missjoni u, jekk meħtieġ, ta' Regoli ta' Ingaġġ addizzjonali.”

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Marzu 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

F. MOGHERINI


(1)  ĠU L 13, 20.1.2015, p. 8.


Top