EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0257

Regolament (UE) Nru 257/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 26 ta’ Frar 2014 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2368/2002 fir-rigward tal-inklużjoni tal-Groenlandja fl-implimentazzjoni tal-iskema ta’ ċertifikazzjoni tal-Kimberley Process

ĠU L 84, 20.3.2014, p. 69–71 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/257/oj

20.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 84/69


REGOLAMENT (UE) Nru 257/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-26 ta’ Frar 2014

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2368/2002 fir-rigward tal-inklużjoni tal-Groenlandja fl-implimentazzjoni tal-iskema ta’ ċertifikazzjoni tal-Kimberley Process

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2368/2002 (2) jistabbilixxi sistema ta’ ċertifikazzjoni tal-Komunità u ta’ kontrolli fuq l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet għad-djamanti mhux maħduma għall-għanijiet ta’ implimentazzjoni tal-iskema ta’ ċertifikazzjoni tal-Kimberley Process.

(2)

Il-Groenlandja mhijiex parti mit-territorju tal-Unjoni iżda hija inkluża fil-lista ta’ pajjiżi u territorji barranin stipulati fl-Anness II għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). F’konformità mal-Artikolu 198 tat-TFUE, l-għan tal-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u territorji estra-Ewropej mal-Unjoni huwa li jiġi promoss l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-pajjiżi u t-territorji estra-Ewropej u li jiġu stabbiliti relazzjonijiet ekonomiċi mill-qrib bejnhom u l-Unjoni fl-intier tagħha.

(3)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/136/UE (3) tistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri li jippermettu s-sehem tal-Groenlandja fl-iskema ta’ ċertifikazzjoni tal-Kimberley Process fir-rigward ta’ djamanti mhux maħduma permezz tal-kooperazzjoni tagħha mal-Unjoni. Tali kooperazzjoni ssaħħaħ ir-relazzjonijiet ekonomiċi bejn l-Unjoni u l-Groenlandja fl-industrija tad-djamanti, u b’mod partikolari dan ikun jippermetti lill-Groenlandja tesporta djamanti mhux maħduma akkumpanjati miċ-Ċertifikat tal-UE maħruġ għall-finijiet tal-iskema ta’ ċertifikazzjoni, bil-ħsieb li jiġi promoss l-iżvilupp ekonomiku tal-Groenlandja.

(4)

Ir-Regolament (KE) Nru 2368/2002 għandu jiġi emendat biex jippermetti li d-Deċiżjoni 2014/136/UE tidħol fis-seħħ u b’mod partikolari biex jipprovdi għall-inklużjoni tal-Groenlandja fl-iskema ta’ ċertifikazzjoni.

(5)

Għaldaqstant, il-Groenlandja se tkun ipprojbita milli taċċetta importazzjonijiet jew esportazzjonijiet tad-djamanti mhux maħduma lejn jew minn parteċipant barra t-territorju tal-Unjoni mingħajr ċertifikat validu. L-emendi li jinsabu f’dan ir-Regolament se jippermettu l-esportazzjoni ta’ djamanti mhux maħduma mill-Groenlandja lejn pajjiżi terzi sakemm dawn ikunu akkumpanjati miċ-ċertifikat tal-UE.

(6)

Barra minn hekk, flimkien mal-kundizzjoni eżistenti għaċ-ċertifikazzjoni li teħtieġ l-evidenza li d-djamanti mhux maħduma kienu importati legalment lejn l-Unjoni, għandha tiġi introdotta kundizzjoni alternattiva għal djamanti mminati u estratti fil-Groenlandja li qatt ma ġew esportati qabel, b’mod partikolari biex tipprovdi evidenza f’dan ir-rigward.

(7)

Barra minn hekk, għandhom isiru emendi għall-arranġamenti dettaljati għas-sottomissjoni tad-djamanti mhux maħduma lill-awtoritajiet tal-Unjoni għal verifika, waqt li jiġu estiżi għall-Groenlandja r-regoli speċjali għat-tranżitu, li jippermettu l-parteċipazzjoni tal-Groenlandja fil-Kumitat għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2368/2002 u jipprovdu għar-rappreżentanza tal-Groenlandja fil-Proċess Kimberley u l-kooperazzjoni ma’ Stati Membri oħra permezz tal-Kummissjoni.

(8)

Ir-Regolament (KE) Nru 2368/2002 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 2368/2002 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 1

Dan ir-Regolament jistabbilixxi sistema ta’ ċertifikazzjoni tal-Unjoni u ta’ kontrolli fuq l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet fir-rigward ta’ djamanti mhux maħduma għall-għanijiet ta’ implimentazzjoni tal-iskema ta’ ċertifikazzjoni tal-Kimberley Process.

Għall-għanijiet tal-iskema ta’ ċertifikazzjoni, it-territorju tal-Unjoni u dak tal-Groenlandja għandhom jitqiesu bħala entità waħda mingħajr fruntieri interni.

Dan ir-Regolament ma jippreġudikax jew jibdel xi dispożizzjonijiet li huma fis-seħħ li jirrelataw mal-formalitajiet prattiċi u mal-kontrolli.”;

(2)

fl-Artikolu 3, il-frażi ta’ introduzzjoni hija sostitwita b’dan li ġej:

“L-importazzjoni ta’ djamanti mhux maħduma lejn it-territorju tal-Komunità (*) jew il-Groenlandja għandha tkun ipprojbita kemm-il darba l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin ma jiġux sodisfatti:

(*)  B’effett mill-1 ta’ Diċembru 2009 t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea introduċa ċerti bidliet fit-terminoloġija, bħas-sostituzzjoni ta’ ‘Komunità’ b’‘Unjoni’.”;"

(3)

fl-Artikolu 4, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Il-kontenituri u ċ-ċertifikati li jikkorrispondu magħhom għandhom, mingħajr dewmien, jiġu sottomessi għall-verifikazzjoni flimkien lil awtorità tal-Komunità jew tal-Istat Membru fejn ikunu qed jiġu importati jew tal-Istat Membru li għalih ikunu destinati, skont kif indikat fid-dokumenti ta’ akkompanjament. Il-kontenituri maħsubin għall-Groenlandja għandhom jitressqu għal verifika lil waħda mill-awtoritajiet tal-Komunità, jew fl-Istat Membru fejn ikunu qed jiġu importati, jew f’wieħed mill-Istati Membri l-oħra fejn tkun stabbilita awtorità tal-Komunità.”

(4)

fl-Artikolu 8, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-parteċipanti dwar arranġamenti prattiċi biex l-awtorità kompetenti tal-parteċipant esportatur li kkonvalida xi ċertifikat tiġi pprovduta bil-konfermazzjoni tal-importazzjonijiet fit-territorju tal-Komunità jew il-Groenlandja.”;

(5)

fl-Artikolu 11, il-frażi ta’ introduzzjoni hija sostitwita b’dan li ġej:

“L-esportazzjoni mit-territorju tal-Komunità jew il-Groenlandja ta’ djamanti mhux maħduma għandha tkun projbita sakemm dawn iż-żewġ kondizzjonijiet li ġejjin ma jiġux sodisfatti:”

(6)

fl-Artikolu 12(1), il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

l-esportatur ipprovda prova konklużiva li:

(i)

id-djamanti mhux maħduma li għalihom qed jintalab iċ-ċertifikat kienu importati skont il-liġi skont l-Artikolu 3; jew

(ii)

id-djamanti mhux maħduma li għalihom qed jintalab iċ-ċertifikat kienu mminati jew estratti fil-Groenlandja f’każ li d-djamanti mhux maħduma ma kinux preċedentement esportati lil parteċipant għajr l-Unjoni.”;

(7)

L-Artikolu 18 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 18

L-Artikoli 4, 11, 12, u 14 ma għandhomx jgħoddu għad-djamanti mhux maħduma li jidħlu fit-territorju tal-Komunità jew il-Groenlandja għall-għanijiet ta’ transitu biss għal parteċipant barra dawk it-territorji, bil-kondizzjoni li la l-kontenitur oriġinali fejn ikunu qegħqin jinġarru d-djamanti mhux maħduma u lanqas iċ-ċertifikat oriġinali ta’ akkumpanjament maħruġ minn awtorità kompetenti ta’ parteċipant ma jkun ġie mbagħbas fid-dħul jew il-ħruġ mit-territorju tal-Komunità jew il-Groenlandja, u l-għan ta’ transitu jkun jaqbel ċar maċ-ċertifikat ta’ akkumpanjament.”;

(8)

L-Artikolu 21 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 21

1.   L-Unjoni, inkluża l-Groenlandja, għandha tkun parteċipant fl-iskema ta’ ċertifikazzjoni KP.

2.   Il-Kummissjoni, li tirrappreżenta l-Unjoni, flimkien mal-Groenlandja, fl-iskema ta’ ċertifikazzjoni tal-Kimberley Process, għandha timmira li tiżgura l-aqwa implimentazzjoni tal-iskema ta’ ċertifikazzjoni KP, b’mod partikolari permezz tal-kooperazzjoni bejn il-parteċipanti. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni għandha, b’mod partikolari, tiskambja l-informazzjoni mal-parteċipanti dwar il-kummerċ internazzjonali tad-djamanti mhux maħduma u, fejn xieraq, tikkoopera fil-monitoraġġ tal-attivitajiet u ssib soluzzjoni għat-tilwim li jista’ jinqala’.”;

(9)

L-Artikolu 23 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 23

Il-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 22 jista’ jeżamina kull mistoqsija li tikkonċerna l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Dawn il-mistoqsijiet jistgħu jitqajmu jew mill-President jew minn rappreżentant ta’ Stat Membru jew tal-Groenlandja.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, is-26 ta’ Frar 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta’ Frar 2014 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal- 20 ta’ Frar 2014.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2368/2002 tal-20 ta’ Diċembru 2002 li jimplimenta l-iskema ta’ ċertifikazzjoni tal-Kimberley Process fil-kummerċ internazzjonali ta’ djamanti mhux maħduma (ĠU L 358, 31.12.2002, p. 28).

(3)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/136/UE tal-20 ta’ Frar 2014 li tistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri biex tippermetti l-parteċipazzjoni tal-Groenlandja fl-iskema ta’ ċertifikazzjoni tal-Kimberley Process (Ara paġna 99 ta’ dan il-Ġurnal).


Top