EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013D0743

2013/743/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 3 ta’ Diċembru 2013 li tistabbilixxi l-programm speċifiku li jimplimenta Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li tħassar id-Deċiżjonijiet 2006/971/KE, 2006/972/KE, 2006/973/KE, 2006/974/KE u 2006/975/KE Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 965–1041 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 01/01/2021

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/743/oj

20.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 347/965


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-3 ta’ Diċembru 2013

li tistabbilixxi l-programm speċifiku li jimplimenta Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li tħassar id-Deċiżjonijiet 2006/971/KE, 2006/972/KE, 2006/973/KE, 2006/974/KE u 2006/975/KE

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2013/743/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 182(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li ntbagħat l-abbozz tal-att leġislattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġislattiva speċjali,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 182(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni 2014-2020 ("Orizzont 2020"), stabbilit mir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 (3), għandu jiġi implimentat permezz ta’ programm speċifiku li jiddetermina l-objettivi speċifiċi u r-regoli għall-implimentazzjoni tagħhom, jiffissa t-tul ta' żmien tiegħu u jipprovdi għall-mezzi meqjusa meħtieġa.

(2)

L-objettiv ġenerali ta' Orizzont 2020 għandu jiġi indirizzat permezz ta' tliet prijoritajiet immirati li jiġġeneraw xjenza eċċellenti (“Xjenza eċċellenti”), joħolqu tmexxija industrijali (“Tmexxija industrijali”) u jindirizzaw l-isfidi tas-soċjetà (“Sfidi tas-soċjetà”). L-objettiv ġenerali għandu jiġi indirizzat ukoll permezz ta' objettivi speċifiċi "Tixrid tal-eċċellenza u twessigħ tal-parteċipazzjoni" u "Xjenza mas-soċjetà u għas-soċjetà". Dawk il-prijoritajiet u l-objettivi speċifiċi għandhom ikunu implimentati permezz ta' programm speċifiku li jistipula Parti waħda għal kull waħda mit-tliet prijoritajiet, Parti waħda għall-objettiv speċifiku "Tixrid tal-eċċellenza u twessigħ tal-parteċipazzjoni", Parti waħda għall-objettiv speċifiku "Xjenza mas-soċjetà u għas-soċjetà" u Parti waħda għall-azzjonijiet diretti mhux nukleari taċ-Ċentru Konġunt ta' Riċerka (JRC).

(3)

Il-prijoritajiet u l-objettivi speċifiċi kollha ta' Orizzont 2020 għandhom jinkludu dimensjoni internazzjonali. L-attivitajiet ta' kooperazzjoni internazzjonali għandhom jinżammu mill-anqas fil-livell tas-Seba' Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-attivitajiet ta' dimostrazzjoni (2007-2013) ("Is-Seba' Programm Kwadru") adottat bid-Deċiżjoni 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(4)

Filwaqt li r-Regolament (UE) Nru 1291/2013 jistabbilixxi l-objettiv ġenerali ta' Orizzont 2020, il-prijoritajiet u l-linji ġenerali tal-objettivi u attivitajiet speċifiċi li jridu jitwettqu, il-programm speċifiku għandu jiddefinixxi objettivi speċifiċi u linji ġenerali tal-attivitajiet li huma speċifiċi għal kull waħda mill-Partijiet. Id-dispożizzjonijiet dwar l-implimentazzjoni stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 Orizzont 2020 japplikaw bis-sħiħ għall-programm speċifiku, inkluż dawk relatati għal prinċipji etiċi.

(5)

Kull Parti għandha tkun kumplimentari mal-Partijiet l-oħra tal-programm speċifiku u implimentata b’mod koerenti magħhom.

(6)

Hemm ħtieġa kritika għar-rinfurzar, it-twessigħ u l-estensjoni tal-eċċellenza tal-bażi xjentifika tal-Unjoni u li tiġi żgurata provvista ta' riċerka u talent ta' klassi dinjija biex jiġu żgurati l-kompetittività u l-benesseri fit-tul tal-Ewropa. Il-prijorità “Xjenza eċċellenti” għandha tappoġġa l-attivitajiet tal-Kunsill Ewropew għar-Riċerka (ERC) dwar riċerka fil-fruntiera tal-għarfien, teknoloġiji futuri u emerġenti, azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie u l-infrastrutturi Ewropej tar-riċerka. Dawn l-attivitajiet għandhom l-għan li tinbena kompetenza fit-tul, b'enfasi qawwija fuq il-ġenerazzjoni ta' xjenza, sistemi u riċerkaturi li jmiss, u jipprovdu appoġġ għat-talent emerġenti minn madwar l-Unjoni u minn pajjiżi assoċjati. Attivitajiet tal-Unjoni li jappoġġaw xjenza eċċellenti għandhom jgħinu biex jikkonsolidaw iż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER) u jagħmlu sistema tax-xjenza tal-Unjoni aktar kompetittiva u attraenti fuq skala globali.

(7)

L-attivitajiet ta’ riċerka mwettqa taħt il-prijorità "Xjenza eċċellenti" għandhom jiġu determinati skont li-ħtiġijiet u l-opportunitajiet tax-xjenza. L-aġenda tar-riċerka se tiġi stabbilita b’kollaborazzjoni mill-qrib mal-komunità xjentifika. Ir-riċerka għanda tiġi ffinanzjata abbażi tal-eċċellenza.

(8)

L-ERC stabbilit fl-ambitu ta' din id-Deċiżjoni għandu jissostitwixxi u jkun is-suċċessur tal-ERC stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/134/KE (5). Għandu jopera skont prinċipji stabbiliti ta' eċċellenza xjentifika, awtonomija, effiċjenza u trasparenza.

(9)

Sabiex tinżamm u tissaħħaħ it-tmexxija industrijali tal-Unjoni hemm bżonn urġenti li jiġu stimulati r-riċerka u l-iżvilupp fis-settur privat u l-investiment fl-innovazzjoni, tiġi promossa r-riċerka u l-innovazzjoni b’aġenda xprunata min-negozju u jitħaffef l-iżvilupp tat-teknoloġiji ġodda li ser isostnu negozji futuri u t-tkabbir ekonomiku. Il-prijorità "Tmexxija industrijali" għandha tappoġġa investimenti f'riċerka u innovazzjoni eċċellenti f’teknoloġiji abilitanti ewlenin u teknoloġiji industrijali oħra, tiffaċilita l-aċċess għal finanzjament ta’ riskju għal kumpaniji u proġetti innovattivi u tipprovdi appoġġ madwar l-Unjoni tal-Innovazzjoni fl-impriżi mikro, żgħar u ta’daqs medju (SME).

(10)

Ir-riċerka u l-innovazzjoni fl-ispazju, li hija kompetenza kondiviża tal-Unjoni, għandhom ikunu inklużi bħala element koerenti fil-prijorità "Tmexxija industrijali" sabiex jiġi mmassimizzat l-impatt xjentifiku, ekonomiku u dak fuq is-soċjetà u, biex tiġi żgurata implimentazzjoni effiċjenti u kosteffettiv.

(11)

Biex jiġu indirizzati sfidi tas-soċjetà ewlenin identifikati fl-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv ("strateġija Ewropa 2020") jeħtieġu investimenti kbar fir-riċerka u l-innovazzjoni biex jiġu żviluppati u implimentati soluzzjonijiet ġodda u rivoluzzjonarji li jkollhom l-iskala u ambitu meħtieġa. Dawn l-isfidi jirrappreżentaw ukoll opportunitajiet ekonomiċi ewlenin għal kumpaniji innovattivi u għalhekk jikkontribwixxu għall-kompetittività tal-Unjoni u l-impjiegi.

(12)

Il-prijorità “Sfidi tas-soċjetà” għandha żżid l-effettività tar-riċerka u l-innovazzjoni bħala reazzjoni għall-isfidi prinċipali tas-soċjetà billi tappoġġa l-attivitajiet ta' riċerka u innovazzjoni eċċellenti. Dawk l-attivitajiet għandhom jiġu implimentati permezz ta' approċċ imsejjes fuq l-isfidi li jiġbor flimkien riżorsi u għarfien bejn oqsma, teknoloġiji u dixxiplini differenti. Ix-xjenzi soċjali u r-riċerka fl-istudji umanistiċi huma element importanti għall-indirizzar tal-isfidi kollha. L-attivitajiet għandhom ikopru l-firxa sħiħa ta’ riċerka u innovazzjoni, inklużi attivitajiet relatati mal-innovazzjoni bħall-pilotaġġ, id-dimostrazzjoni, il-bażijiet sperimentali u l-appoġġ għall-akkwist pubbliku, riċerka prenormattiva u l-istabbiliment ta’ standards, u l-użu tal-innovazzjonijiet mis-suq. L-attivitajiet għandhom jappoġġaw direttament il-kompetenzi tal-politika settorjali korrispondenti fil-livell tal-Unjoni, fejn adatt. It-tibdiliet kollha għandhom jikkontribwixxu lill-objettiv prevalenti tal-iżvilupp sostenibbli.

(13)

Għandu jkun hemm bilanċ xieraq bejn il-proġetti ż-żgħar u l-kbar fi ħdan il-prijorità "Sfidi tas-soċjetà" u l-objettiv speċifiku "Tmexxija f'teknoloġiji abilitanti u industrijali".

(14)

L-objettiv speċifiku "Tixrid tal-eċċellenza u twessigħ tal-parteċipazzjoni" għandu jisfrutta b'mod sħiħ il-potenzjal tar-riżorsa tat-talent Ewropew u jiżgura li l-benefiċċji ta’ ekonomija mmexxija mill-innovazzjoni jkunu massimizzati kif ukoll mifruxa sew madwar l-Unjoni, skont il-prinċipju tal-eċċellenza.

(15)

L-objettiv speċifiku 'Ix-Xjenza mas-soċjetà u għas-soċjetà' għandu jibni kooperazzjoni effettiva bejn ix-xjenza u s-soċjetà, irawwem ir-reklutaġġ ta' talent ġdid għax-xjenza u jikkombina flimkien l-eċċellenza xjentifika mal-kuxjenza u r-responsabbiltà soċjali.

(16)

Bħala Parti integrali tal-Orizzont 2020, il-JRC għandu jkompli jipprovdi sostenn xjentifiku u tekniku xprunat mill-klijent għat-tfassil, l-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-politiki tal-Unjoni. Sabiex iwettaq il-missjoni tiegħu l-JRC għandu jwettaq riċerka tal-ogħla kwalità. Fit-twettiq tal-azzjonijiet diretti skont il-missjoni tiegħu, l-JRC għandu jagħmel enfasi partikolari fuq oqsma ta’ importanza ewlenija għall-Unjoni, jiġifieri tkabbir intelliġenti, inklużiv u sostenibbli, u l-intestaturi "Sigurtà u ċittadinanza" u "Ewropa Globali" tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-2014-2020.

(17)

L-azzjonijiet diretti tal-JRC għandhom ikunu implimentati b'mod flessibbli, effiċjenti u trasparenti, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġiet rilevanti tal-utenti tal-JRC u l-ħtiġijiet tal-politiki tal-Unjoni, u billi jiġi rrispettat l-objettiv li jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Dawk l-azzjonijiet ta' riċerka għandhom jiġu adattati, fejn xieraq, għal dawn il-ħtiġijiet u għall-iżviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi u għandhom jimmiraw li jiksbu l-eċċellenza xjentifika.

(18)

Il-JRC għandu jkompli jiġġenera riżorsi addizzjonali permezz ta' attivitajiet kompetittivi, inkluż il-parteċipazzjoni fl-azzjonijiet indiretti ta' Orizzont 2020, ħidma ta' parti terza u, f’livell inqas, l-isfruttar tal-proprjetà intellettwali.

(19)

Il-programm speċifiku għandu jikkumplimenta l-azzjonijiet imwettqa fl-Istati Membri kif ukoll azzjonijiet oħra tal-Unjoni li huma meħtieġa għall-isforz strateġiku ġenerali għall-implimentazzjoni tal-istrateġija Ewropa 2020.

(20)

F'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/882/KE (6) entitajiet legali tal-pajjiżi u t-territorji barranin huma eliġibbli biex jipparteċipaw f'Orizzont 2020 soġġetti għall-kondizzjonijiet speċifiċi stabbiliti f'dan tal-aħħar.

(21)

Sabiex jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet speċifiċi għall-użu tal-faċilitajiet ta' finanzjament jirriflettu l-kundizzjonijiet tas-suq, is-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 TFUE għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni sabiex tadatta jew telabora aktar il-kundizzjonijiet speċifiċi għall-użu tal-faċilitajiet finanzjarji. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet adatti matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti.

Il-Kummissjoni, waqt li tkun qiegħda tħejji u tfassal atti ddelegati, għandha tiżgura trażmissjoni fil-ħin u xierqa ta’ dokumenti rilevanti lill-Kunsill.

(22)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-programm speċifiku, għandhom jiġu kkonferiti setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni sabiex tadotta programmi ta' ħidma għall-implimentazzjoni tal-programm speċifiku.

(23)

Is-setgħat implimentattivi relatati mal-programmi ta' ħidma għall-prijoritajiet "Xjenza eċċellenti", "Tmexxija industrijali" u "Sfidi tas-soċjetà" u għall-objettivi speċifiċi "It-tixrid tal-eċċellenza u twessigħ tal-parteċipazzjoni" u "Ix-Xjenza mas-soċjetà u għas-soċjetà" għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

(24)

Il-Bord tal-Gvernaturi tal-JRC, stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 96/282/Euratom (8), ġie kkonsultat dwar il-kontenut xjentifiku u teknoloġiku tal-programm speċifiku dwar l-azzjonijiet diretti mhux nukleari tal-JRC.

(25)

Għal raġunijiet ta’ ċertezza u ċarezza legali, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/971/KE (9), id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2006/972/KE (10), id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2006/973/KE (11), id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2006/974/KE (12), u d-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2006/975/KE (13), għandhom jiġu mħassra,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

TITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-programm speċifiku li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 1291/2013 u jiddetermina l-objettivi speċifiċi għal appoġġ tal-Unjoni għall-attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 1 ta' dak ir-Regolament kif ukoll ir-regoli għall-implimentazzjoni.

Artikolu 2

Stabbiliment tal-programm speċifiku

1.   Il-programm speċifiku li jimplimenta Orizzont 2020 – Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) (il-'programm speċifiku') huwa b'dan stabbilit għall-perijodu mill-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2020.

2.   Skont l-Artikolu 5(2), (3) u (4) tar-Regolament (UE) Nru 1291/2013, il-programm speċifiku għandu jikkonsisti mill-Partijiet li ġejjin:

(a)

Parti I ‘Xjenza eċċellenti’;

(b)

Parti II ‘Tmexxija industrijali’;

(c)

Parti III “Sfidi tas-soċjetà”;

(d)

Parti IV ‘Tixrid tal-eċċellenza u twessigħ tal-parteċipazzjoni’;

(e)

Parti V ‘Xjenza mas-soċjetà u għas-soċjetà’;

(f)

Parti VI ‘Azzjonijiet diretti mhux nukleari tal-Kunsill taċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka (JRC)’.

Artikolu 3

Objettivi speċifiċi

1.   Il-Parti I ‘Xjenza eċċellenti’ għandha issaħħaħ l-eċċellenza tar-riċerka Ewropea skont il-prijorità ‘Xjenza’ eċċellenti stabbilita fil-punt (a) tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) Nru 1291/2013 billi tilħaq l-objettivi speċifiċi li ġejjin:

(a)

it-tisħiħ tar-riċerka fil-fruntiera tal-għarfien, permezz tal-attivitajiet tal-Kunsill Ewropew għar-Riċerka (ERC) ("Il-Kunsill Ewropew għar-Riċerka (ERC)");

(b)

it-tisħiħ tar-riċerka f’teknoloġiji futuri u emerġenti ("Teknoloġiji Futuri u Emerġenti (TFE)");

(c)

it-tisħiħ tal-ħiliet, it-taħriġ u l-iżvilupp tal-karriera, permezz tal-azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie ("azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie");

(d)

it-tisħiħ tal-infrastrutturi Ewropej tar-riċerka, inklużi l-infrastrutturi elettroniċi ("Infrastrutturi tar-riċerka").

Il-linji ġenerali tal-attivitajiet għal dawk l-objettivi speċifiċi huma stabbiliti fil-Parti I tal-Anness I.

2.   Il-Parti II ‘Tmexxija industrijali’ għandha ssaħħaħ it-tmexxija industrijali u l-kompetittività skont il-prijorità ‘Tmexxija industrijali’ stabbilita fil-punt (b) tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1291/2013 billi tilħaq l-objettivi speċifiċi li ġejjin:

(a)

tingħata spinta lit-tmexxija industrijali Ewropea permezz tar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku, id-dimostrazzjoni u l-innovazzjoni fit-teknoloġiji abilitanti u industrijali ("Tmexxija f'teknoloġiji abilitanti u industrijali") li ġejjin:

(i)

it-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni ("ICT");

(ii)

in-nanoteknoloġiji;

(iii)

il-materjali avvanzati;

(iv)

il-bijoteknoloġija;

(v)

il-manifattura u pproċessar avvanzati;

(vi)

l-ispazju;

(b)

it-titjib tal-aċċess għal finanzjament ta’ riskju għal investiment fir-riċerka u l- innovazzjoni ("Aċċess għal finanzjament ta' riskju");

(c)

iż-żieda fl-innovazzjoni fl-SMEs ("Innovazzjoni fl-SMEs").

Il-linji ġenerali tal-attivitajiet għal dawk l-objettivi speċifiċi huma stabbiliti fil-Parti III tal-Anness I.

Għandu jkun hemm kundizzjonijiet speċifiċi għall-użu ta' faċilitajiet ta' finanzjament taħt l-objettiv speċifiku fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu. Dawk il-kundizzjonijiet huma stipulati fit-taqsima 2 tal-Parti II tal-Anness I.

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 11 dwar il-modifiki tas-sehem tal-investiment mill-Faċilità ta' ekwità ta' Orizzont 2020 tal-investiment totali tal-Unjoni fl-investimenti fl-istadju ta' espansjoni u tkabbir rigward l-istrumenti finanzjarji msemmija fit-taqsima 2 tal-Parti II tal-Anness I.

3.   Il-Parti III ‘Sfidi tas-soċjetà’ għandha tikkontribwixxi lill-prijorità ‘Sfidi tas-soċjetà’ stabbiliti fil-punt (c) tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1291/2013 billi jitwettqu azzjonijiet ta' riċerka, żvilupp teknoloġiku, dimostrazzjoni u innovazzjoni li jikkontribwixxu għall-objettivi speċifiċi li ġejjin:

(a)

titjib tas-saħħa u l-benesseri tul il-ħajja għal kulħadd ("Saħħa, tibdil demografiku u benesseri");

(b)

l-iżgurar ta' biżżejjed provvisti ta' ikel sikur, tajjeb għas-saħħa u ta' kwalità għolja u prodotti b'bażi bijoloġika oħrajn, billi jiġu żviluppati sistemi ta' produzzjoni primarja produttivi, sostenibbli u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, li jrawmu servizzi tal-ekosistemi relatati u l-irkupru tad-diversità bijoloġika, flimkien ma’ ktajjen tal-provvista, tal-ipproċessar u tal-kummerċjalizzazzjoni kompetittivi u b’livell baxx ta' emissjonijiet ta’ karbonju ("Sigurtà tal-ikel, agrikoltura u forestrija sostenibbli, riċerka tal-baħar, marittima u tal-passaġġi tal-ilma interni, u l-bijoekonomija");

(c)

l-iżgurar tat-transizzjoni għal sistema tal-enerġija affidabbli, bi prezzijiet raġonevoli, aċċettata pubblikament, sostenibbli u kompetittiva, bil-għan li tnaqqas id-dipendenza fuq il-karburanti fossili fid-dawl tal-fatt li r-riżorsi huma dejjem aktar skarsi, żieda fil-ħtiġijiet tal-enerġija u t-tibdil fil-klima ("Enerġija sikura, nadifa u effiċjenti");

(d)

il-kisba ta' sistema Ewropea tat-trasport li hija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, favur il-klima u l-ambjent, sikura u bla intoppi għall-benefiċċju taċ-ċittadini kollha, l-ekonomija u s-soċjetà ("Trasport intelliġenti, ekoloġiku u integrat");

(e)

il-kisba ta' ekonomija u soċjetà effiċjenti fl-użu tar-riżorsi -u tal-ilma- u reżistenti għat-tibdil fil-klima, il-protezzjoni u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali u l-ekosistemi u provvista u użu sostenibbli ta' materja prima, sabiex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet ta' popolazzjoni globali li qed tikber, fil-limiti sostenibbli tar-riżorsi naturali u l-ekosistemi tal-pjaneta "(Azzjoni dwar il-klima, ambjent, effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u materja prima");

(f)

it-trawwim ta' intendiment akbar tal-Ewropa, l-għoti ta' soluzzjonijiet u appoġġ lis-soċjetajiet Ewropej inklużivi, innovattivi u riflessivi f’kuntest ta’ trasformazzjonijiet mingħajr preċedent u interdipendenzi globali li qed jikbru "L-Ewropa f'dinja li qed tinbidel - Soċjetajiet inklużivi, innovattivi u riflessivi");

(g)

it-trawwim ta' soċjetajiet Ewropej sikuri f’kuntest ta’ trasformazzjonijiet mingħajr preċedent u interdipendenzi u theddid globali li qed jikbru filwaqt li tissaħħaħ il-kultura Ewropea ta' libertà u ġustizzja.

Il-linji ġenerali tal-attivitajiet għal dawk l-objettivi speċifiċi huma stabbiliti fil-Parti III tal-Anness I.

4.   Il-Parti IV 'Tixrid tal-eċċellenza u twessiegħ tal-parteċipazzjoni' tikkontribwixxi għall-objettiv speċifiku "Tixrid tal-eċċellenza u twessiegħ tal-parteċipazzjoni" stipulata fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament (UE) Nru 1291/2013 billi tisfrutta bis-sħiħ il-potenzjal tal-għażla ta' talent fl-Ewropa u tiżgura li l-benefiċċji ta' ekonomija mmexxija mill-innovazzjoni jiġu kemm massimizzati kif ukoll imqassma b'mod mifrux madwar l-Unjoni skont il-prinċipju tal-eċċellenza.

Il-linji miftuħa tal-attivitajiet għal dan l-objettiv speċifiku huma stabbiliti fil-Parti IV tal-Anness I.

5.   Il-Parti V 'Xjenza mas-soċjetà u għas-soċjetà' għandha tikkontribwixxi għall-objettiv speċifiku "Xjenza mas-soċjetà u għas-soċjetà" stabbilita fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament (UE) Nru 1291/2013 billi tibni kooperazzjoni effettiva bejn ix-xjenza u s-soċjetà, tirrekluta talent ġdid għax-xjenza u żżewweġ l-eċċellenza xjentifika mal-għarfien u r-responsabbiltà soċjali.

Il-linji miftuħa tal-attivitajiet għal dan l-objettiv speċifiku huma stabbiliti fil-Parti V tal-Anness I.

6.   Il-Parti VI 'Azzjonijiet diretti mhux nukleari taċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka (JRC)' għandha tikkontribwixxi għall-prioritajiet kollha stabbiliti fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) Nru 1291/2013 bl-objettiv speċifiku li tipprovdi appoġġ xjentifiku u tekniku integrat u f'waqtu lill-proċess tat-tfassil tal-politika Ewropea.

Il-linji ġenerali tal-attivitajiet għal dak l-objettiv speċifiku huma stipulati fil-Parti VI tal-Anness I.

7.   Il-programm speċifiku għandu jiġi vvalutat fir-rigward ta' riżultati u impatt kif imkejla fil-konfront ta' indikaturi tal-prestazzjoni.

Dettallji ulterjuri dwar l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni huma stipulati fl-Anness II.

Artikolu 4

Baġit

1.   Skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) Nru 1291/2013, il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-programm speċifiku għandu jkun ta' EUR 74 316,9 miljun.

2.   L-ammont imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandu jitqassam bejn is-sitt Partijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(2) ta' din id-Deċiżjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament (UE) Nru 1291/2013. It-tqassim indikattiv tal-baġit għall-objettivi speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 3 ta’ din id-Deċiżjoni u l-ammont massimu globali tal-kontribuzzjoni għall-azzjonijiet tal-JRC huma stabbiliti fl-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 1291/2013.

3.   Mhux aktar minn 5 % tal-ammonti msemmija fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament (UE) Nru 1291/2013 għall-Partijiet I sa V tal-programm speċifiku għandhom ikunu għan-nefqa amministrattiva tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li matul il-programm tonqos in-nefqa amministrattiva tagħha u tagħmel ħilitha biex tilħaq mira ta' 4,6 % jew anqas fl-2020. Dawn iċ-ċifri għandhom ikunu soġġetti għal rieżami bħala parti mill-evalwazzjoni interim ta' Orizzont 2020 kif stabbilit fl-Artikolu 32(3) tar-Regolament (UE) Nru 1291/2013.

4.   Fejn meħtieġ, l-approprjazzjonijiet jistgħu jiddaħħlu fil-baġit għal wara l-2020 biex ikopru spejjeż tekniċi u amministrattivi, sabiex jippermettu l-ġestjoni ta’ azzjonijiet li jkunu għadhom ma tlestewx sal-31 ta’ Diċembru 2020.

TITOLU II

IMPLIMENTAZZJONI

Artikolu 5

Programmi ta’ ħidma

1.   Il-programm speċifiku għandu jiġi implimentat permezz ta’ programmi ta’ ħidma.

2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta programmi ta’ ħidma komuni jew separati għall-implimentazzjoni tal-Partijiet I sa V ta' dan il-programm speċifiku msemmija fil-punti (a) sa (e) tal-Artikolu 2(2), għajr għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet taħt l-għan speċifiku "Il-Kunsill Ewropew għar-Riċerka' (ERC)" imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 3(1). Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 10(4).

3.   Il-programmi ta' ħidma għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet taħt l-objettiv speċifiku "Il-Kunsill Ewropew għar-Riċerka (ERC)" msemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 3(1), kif stabbilit mill-Kunsill Xjentifiku taħt il-punt (b) tal-Artikolu 7(2), għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni, permezz ta’ att ta' implimentazzjoni, f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 10(3). Il-Kummissjoni għandha titbiegħed mill-programm ta’ ħidma stabbilit mill-Kunsill Xjentifiku biss meta tqis li dan mhuwiex skont id-dispożizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni. F 'dak il-każ, il-Kummissjoni għandha tadotta l-programm ta’ xogħol permezz ta’ att ta' implimentazzjoni skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 10(4). Il-Kummissjoni għandha tagħti motivazzjoni b'mod dovut għal din il-miżura.

4.   Il-Kummissjoni għandha tadotta programm ta’ ħidma pluriennali separat, permezz ta’ att ta' implimentazzjoni, għall-Parti VI tal-programm speċifiku msemmija fil-punt (f) tal-Artikolu 2(2).

Dan il-programm ta’ ħidma għandu jqis il-parir mogħti mill-Bord tal-Gvernaturi tal-JRC imsemmi fid-Deċiżjoni 96/282/Euratom.

5.   Il-programmi ta’ ħidma għandhom iqisu l-istat tax-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni fuq livell nazzjonali, dak tal-Unjoni u dak internazzjonali kif ukoll l-iżviluppi rilevanti fil-politiki, is-suq u s-soċjetà. Dawn għandhom jinkludu, fejn adatt, informazzjoni dwar il-koordinazzjoni mal-attivitajiet ta' riċerka u innovazzjoni mwettqa mill-Istati Membri (inklużi r-reġjuni tagħhom), inkluż f'oqsma fejn hemm inizjattivi ta’ programmazzjoni konġunta. Dawn għandhom jiġi aġġornat fejn huwa xieraq.

6.   Il-programmi ta' ħidma għall-implimentazzjoni tal-Partijiet I sa V msemmija fil-punti (a) sa (e) tal-Artikolu 2(2) ta' din id-Deċiżjoni għandhom jistabbilixxu l-objettivi indirizzati, ir-riżultati mistennija, il-metodu ta' implimentazzjoni u l-ammont totali tagħhom, inkluża, fejn xieraq, informazzjoni indikattiva dwar l-ammont tan-nefqa relatata mal-klima. Għandhom jinkludu ukoll deskrizzjoni tal-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati, indikazzjoni tal-ammont allokat għal kull azzjoni, skeda indikattiva ta' implimentazzjoni, kif ukoll approċċ pluriennali u orjentazzjonijiet strateġiċi għas-snin sussegwenti ta' implimentazzjoni. Għandhom jinkludu għotjiet għall-prijoritajiet, il-kriterji ta' għażla u għoti u l-piż relattiv tal-kriterji differenti ta' għoti u r-rata massima tal-finanzjament tal-spejjeż totali eliġibbli. Dawn għandhom jindikaw ukoll kwalunkwe obbligu addizzjonali ta' sfruttament u disseminazzjoni għall-parteċipanti, f'konformità mal-Artikolu 43 tar-Regolament (UE) Nru 1290/2013 (14) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Għandhom jippermettu approċċi strateġiċi minn fuq għal isfel kif ukoll minn isfel għal fuq, kif ikun xieraq, li jindirizzaw l-objettivi b’modi innovattivi.

Barra minn hekk, dawk il-programmi ta' ħidma għandhom jinkludu taqsima li tidentifika kwistjonijiet trasversali kif imsemmi fl-Artikolu 14 u taħt is-subtitolu "Kwistjonijiet trasversali u miżuri ta' appoġġ f'Orizzont 2020" fl-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 1291/2013, li jkopru żewġ objettivi speċifiċi jew aktar, it-tnejn fi ħdan l-istess prijorità jew fuq żewġ prijoritajiet jew aktar. Dawk l-azzjonijiet għandhom ikunu implimentati b'mod integrat.

7.   Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 10(4) l-miżuri li ġejjin:

(a)

id-deċiżjoni dwar l-approvazzjoni tal-finanzjament ta' azzjonijiet indiretti, meta l-ammont stmat tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni taħt il-programm speċifiku hija daqs jew aktar minn EUR 2,5 miljun bl-eċċezzjoni ta' azzjonijiet taħt l-objettiv speċifiku "Il-Kunsill Ewropew għar-Riċerka (ERC)" msemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 3(1) ta' din id-Deċiżjoni u bl-eċċezzjoni ta' azzjonijiet iffinanzjati skont il-pilota "Rotta Rapida lejn l-Innovazzjoni", imsemmija fl-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 1291/2013;

(b)

id-deċiżjoni dwar l-approvazzjoni tal-finanzjament ta' azzjonijiet li jinvolvu l-użu ta' embriji umani u ċelloli staminali embrijoniċi umani u ta' azzjonijiet taħt l-objettiv speċifiku "Soċjetajiet siguri - Protezzjoni tal-libertà u s-sigurtà tal-Ewropa u ċ-ċittadini tagħha" msemmi fil-punt (g) tal-Artikolu 3(3);

(c)

id-deċiżjoni dwar l-approvazzjoni tal-finanzjament ta' azzjonijiet, meta l-ammont stmat tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni taħt il-programm speċifiku hija daqs jew aktar minn EUR 0,6 miljun għal azzjonijiet taħt l-objettiv speċifiku "L-Ewropa f'dinja li qiegħda tinbidel - Soċjetajiet inklużivi, innovattivi u riflessivi" msemmi fil-punt (f) tal-Artikolu 3(3) u għal azzjonijiet taħt l-objettivi speċifiċi "Tixrid tal-eċċellenza u twessigħ tal-parteċipazzjoni" u "Xjenza mas-soċjetà u għas-soċjetà" msemmija fl-Artikolu 3(4) u (5) rispettivament.

(d)

it-tfassil tat-termini ta' referenza għall-evalwazzjonijiet previsti fl-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) Nru 1291/2013.

Artikolu 6

Kunsill Ewropew għar-Riċerka

1.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi Kunsill Ewropew għar-Riċerka (“ERC”), permezz ta' att ta' implimentazzjoni, li għandu jkun il-mezz ta' implimentazzjoni fl-ambitu tal-Parti I 'Xjenza eċċellenti' li huma relatati mal-objettiv speċifiku "Kunsill Ewropew għar-Riċerka (ERC)", msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 3(1) ta' din id-Deċiżjoni. L-ERC għandu jieħu post l-ERC stabbilit bid-Deċiżjoni 2007/134/KE.

2.   L-ERC għandu jkun magħmul minn Kunsill Xjentifiku indipendenti previst fl-Artikolu 7 u l-istruttura speċifika ta’ implimentazzjoni prevista fl-Artikolu 8.

3.   L-ERC għandu jkollu President, li jintgħażel minn xjenzati superjuri u internazzjonalment rispettati.

Il-President għandu jinħatar mill-Kummissjoni wara proċess trasparenti ta' reklutaġġ li jinvolvi kumitat indipendenti dedikat għat-tiftix, għal terminu limitat ta' erba' snin, li jiġġedded darba. Il-proċess ta’ reklutaġġ u l-kandidat magħżul għandu jkollhom l-approvazzjoni tal-Kunsill Xjentifiku.

Il-President għandu jippresjedi l-Kunsill Xjentifiku u għandu jiżgura t-tmexxija u l-kollaborazzjoni tiegħu mal-istruttura dedikata ta' implimentazzjoni, u għandu jirrappreżentah fid-dinja tax-xjenza.

4.   L-ERC għandu jaħdem skont il-prinċipji tal-eċċellenza xjentifika, l-awtonomija, l-effiċjenza, l-effettività, it-trasparenza u r-responsabbiltà. Għandu jiżgura kontinwità mal-azzjonijiet tal-ERC mwettqa skont id-Deċiżjoni 2006/972/KE.

5.   L-attivitajiet tal-ERC għandhom jappoġġaw riċerka mwettqa fl-oqsma kollha minn timijiet individwali u transnazzjonali f'kompetizzjoni fuq livell Ewropew. L-għotjiet tar-riċerka tal-ERC għandhom jingħataw fuq il-kriterju uniku tal-eċċellenza.

6.   Il-Kummissjoni għandha taġixxi bħala garanti tal-awtonomija u l-integrità tal-ERC u għandha tiżgura t-twettiq xieraq tal-kompiti fdati lilu.

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet tal-ERC hija skont il-prinċipji stabbiliti fil-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu kif ukoll l-istrateġija xjentifika globali għall-ERC imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 7(2), stabbilita mill-Kunsill Xjentifiku.

Artikolu 7

Kunsill Xjentifiku

1.   Il-Kunsill Xjentifiku għandu jkun kompost minn xjentisti, inġiniera u akkademiċi tal-ogħla reputazzjoni u b’kompetenza xierqa, kemm ta' nisa kif ukoll irġiel minn gruppi ta' età differenti, li jiżguraw diversità ta’ oqsma ta’ riċerka, jaġixxu fil-kapaċità personali tagħhom, indipendentement minn interessi estranji.

Il-membri tal-Kunsill Xjentifiku għandhom jinħatru mill-Kummissjoni, wara proċedura indipendenti u trasparenti għall-identifikazzjoni tagħhom miftiehma mal-Kunsill Xjentifiku, inkluża konsultazzjoni mal-komunità xjentifika u rapport lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

Il-mandat għandu jkun limitat għal erba' snin, li jiġġedded darba, abbażi ta’ sistema ta’ rotazzjoni li għandha tiżgura l-kontinwità tax-xogħol tal-Kunsill Xjentifiku.

2.   Il-Kunsill Xjentifiku għandu jistabbilixxi:

(a)

l-istrateġija ġenerali għall-ERC;

(b)

il-programm ta’ ħidma għall-implimentazzjoni tal-attivitajiet tal-ERC;

(c)

il-metodi u l-proċeduri għall-analiżi inter pares u l-evalwazzjoni ta’ proposti li abbażi tagħhom jiġu determinati l-proposti li għandhom jiġu ffinanzjati;

(d)

il-pożizzjoni tiegħu dwar kwalunkwe kwistjoni li minn perspettiva xjentifika tista’ ssaħħaħ il-kisbiet u l-impatt tal-ERC u l-kwalità tar-riċerka mwettqa;

(e)

il-kodiċi ta’ kondotta li tindirizza, fost oħrajn, l-evitar ta’ kunflitt ta’ interessi.

Il-Kummissjoni għandha titbiegħed mill-pożizzjonijiet stabbiliti mill-Kunsill Xjentifiku skont il-punti (a), (c), (d), u (e) tal-ewwel subparagrafu biss meta tqis li d-dispożizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni ma ġewx rispettati. F'dak il-każ il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri li jżommu l-kontinwità fl-implimentazzjoni tal-programm speċifiku u l-kisbiet tal-objettivi tiegħu, li jistabbilixxu punti ta' tbegħid mill-pożizzjonijiet tal-Kunsill Xjentifiku u billi tiġġustifikahom b'mod dovut.

3.   Il-Kunsill Xjentifiku għandu jaġixxi skont il-mandat stabbilit fit-taqsima 1.1 tal-Parti I tal-Anness I.

4.   Il-Kunsill Xjentifiku għandu jaġixxi esklużivament fl-interess li jintlaħaq l-objettiv speċifiku "Il-Kunsill Ewropew għar-Riċerka (ERC)", imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 3(1), skont il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 6(4). Għandu jaġixxi b'integrità u b'mod rett u għandu jwettaq xogħlu b'effiċjenza u bl-akbar trasparenza possibbli.

Artikolu 8

Struttura ddedikata għall-implimentazzjoni

1.   L-istruttura ddedikata għall-implimentazzjoni għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni amministrattiva u l-eżekuzzjoni tal-programm, kif deskritt fit-taqsima 1.2 tal-Parti I tal-Anness I. Din għandha tappoġġa l-Kunsill Xjentifiku fit-twettiq tal-kompiti kollha tiegħu.

2.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-istruttura ddedikata għall-implimentazzjoni ssegwi b’mod strett, b’mod effiċjenti u bil-flessibbiltà neċessarja l-objettivi u r-rekwiżiti tal-ERC waħdu.

TITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 9

Monitoraġġ u informazzjoni dwar l-implimentazzjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha kull sena tagħmel monitoraġġ u tirrapporta dwar l-implimentazzjoni ta' Orizzont 2020 f'konformità mal-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) Nru 1291/2013 u l-Anness III għal din id-Deċiżjoni.

2.   Il-Kummissjoni għandha tinforma regolarment lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 10 bil-progress ġenerali tal-implimentazzjoni tal-azzjonijiet indiretti tal-programm speċifiku biex il-Kumitat ikun jista' jipprovdi kontribut bikri adatt dwar it-tħejjija tal-programmi ta' ħidma b'mod partikolari l-approċċ pluriennali u l-orjentazzjonijiet strateġiċi, u għandha tagħtih informazzjoni fil-ħin dwar l-azzjonijiet kollha proposti jew finanzjati taħt Orizzont 2020 kif speċifikat fl-Anness IV.

Artikolu 10

Proċedura tal-kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat (il-Kumitat tal-Programm). Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat fit-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Il-kumitat għandu jiltaqa' f'konfigurazzjonijiet differenti kif stabbilit fl-Anness V, b'kont meħud tas-suġġett li għandu jiġi diskuss.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

4.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

5.   Fejn l-opinjoni tal-kumitat tinkiseb bi proċedura bil-miktub, dik il-proċedura għandha tintemm mingħajr riżultat meta, fil-limitu ta’ żmien għall-għoti tal-opinjoni, dan jiġi deċiż mill-president tal-kumitat jew meta dan jintalab minn maġġoranza sempliċi tal-membri tal-kumitat.

Artikolu 11

Eżerċitar tad-delega

1.   Is-setgħa li jiġu adottati atti delegati qiegħda tiġi kkonferita lill-Kummissjoni soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa li jiġu adottati atti ddelegati msemmija fl-Artikolu 3(2) għandha tiġi kkonferita lill-Kummissjoni għad-durata ta' Orizzont 2020.

3.   Id-delegazzjoni tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 3(2) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data iktar tard speċifikata f’dan. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li diġà jkun fis-seħħ.

4.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Kunsill b’dan.

5.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 3(2) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahar fuq l-inizjattiva tal-Kunsill.

6.   Il-Parlament Ewropew għandu jiġi infurmat bl-adozzjoni tal-atti delegati mill-Kummissjoni, jew dwar kwalunkwe oġġezzjoni formulata lilhom, jew dwar ir-revoka tad-delega tas-setgħat mill-Kunsill.

Artikolu 12

Dispożizzjonijiet ta’ tħassir u transizzjonali

1.   Id-Deċiżjonijiet 2006/971/KE, 2006/972/KE, 2006/973/KE, 2006/974/KE u 2006/975/KE huma mħassra b’effett mill-1 ta’ Jannar 2014.

2.   Madankollu, l-azzjonijiet mibdija taħt id-Deċiżjonijiet msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u l-obbligi finanzjarji relatati ma’ azzjonijiet indirizzati taħt dawk id-Deċiżjonijiet għandhom ikomplu jiġu rregolati minn dawk id-Deċiżjonijiet sat-tlestija tagħhom. Fejn meħtieġ, kwalunkwe kompiti li jifdal tal-Kumitati stabbiliti bid-Deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandhom jitwettqu mill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 10.

3.   L-allokazzjoni finanzjarja għall-programm speċifiku tista' tkopri wkoll l-ispejjeż tal-assistenza teknika u amministrattiva meħtieġa biex tiġi żgurata t-transizzjoni bejn il-programm speċifiku u l-miżuri koperti bid-Deċiżjonijiet 2006/971/KE, 2006/972/KE, 2006/973/KE, 2006/974/KE u 2006/975/KE.

Artikolu 13

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 14

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Diċembru 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

E. GUSTAS


(1)  ĠU C 181, 21.6.2012, p. 111.

(2)  ĠU C 277, 13.9.2012, p. 143.

(3)  Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta'11 Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE (Ara paġna 104 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar is-Seba' Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta' riċerka, ta' żvilupp teknoloġiku u ta' dimostrazzjoni (2007-2013) (ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1).

(5)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Frar 2007 li twaqqaf il-Kunsill Ewropew tar-Riċerka (ĠU L 57, 24.2.2007, p. 14.).

(6)  Deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2001 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji lil hinn mill-baħar mal-Komunità Ewropea ("Deċiżjoni dwar Assoċjazzjoni ta' Pajjiżi Barranin") (ĠU L 314, 30.11.2001, p. 1).

(7)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(8)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ April 1996 dwar l-organizzazzjoni mill-ġdid taċ-Ċentru ta’ Riċerka Konġunt (ĠU L 107, 30.4.1996, p. 12).

(9)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/971/KE tad-19 ta' Diċembru 2006 dwar il-Programm Speċifiku 'Kooperazzjoni' li jimplimenta s-Seba Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea dwar ir-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u attivitajiet ta' dimostrazzjoni (2007-2013) (ĠU L 400, 30.12.2006, p. 86).

(10)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/972/KE tad-19 ta' Diċembru 2006 dwar il-programm speċifiku: 'Ideat' li jimplimenta s-Seba' Programm Kwadru (2007-2013) tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta' riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u dimostrazzjoni (ĠU L 400, 30.12.2006, p. 242).

(11)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/973/KE tad-19 ta' Diċembru 2006 dwar il-programm speċifiku 'Nies' li jimplimenta s-7 Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta' riċerka, żvilupp teknoloġiku u dimostrazzjoni (2007-2013) (ĠU L 400, 30.12.2006, p. 269).

(12)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/974/KE tad-19 ta' Diċembru 2006 dwar il-Programm Speċifiku: 'Kapaċitajiet' li jimplimenta s-Seba' Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta' riċerka, żvilupp teknoloġiku u dimostrazzjoni (2007-2013) (ĠU L 400, 30.12.2006, p. 298).

(13)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/975/KE tad-19 ta' Diċembru 2006 dwar il-Programm Speċifiku li għandu jitwettaq permezz ta' azzjonijiet diretti miċ-Ċentru ta' Riċerka Konġunta taħt is-7 Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u attivitajiet ta' dimostrazzjoni (2007-2013) (ĠU L 400, 30.12.2006, p. 367).

(14)  Regolament (UE) Nru 1290/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' 11 Diċembru 2013 li jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni ta' 'Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020)' u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1906/2006 (Ara paġna 81 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).


ANNESS I

LINJI ĠENERALI TAL-ATTIVITAJIET

Elementi komuni għall-azzjonijiet indiretti

1.   PROGRAMMAZZJONI

1.1.   Ġenerali

Ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 jipprovdi sett ta’ prinċipji sabiex jitrawwem approċċ programmatiku li permezz tiegħu l-attivitajiet jikkontribwixxu b'mod strateġiku u integrat għall-objettivi tiegħu u sabiex jiżgura kumplementarjetajiet b'saħħithom ma’ politika u programmi relatati oħrajn madwar l-Unjoni.

L-azzjonijiet indiretti ta' Orizzont 2020 ser ikunu implimentati permezz ta' forom ta' finanzjament previsti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), partikolarment għotjiet, premjijiet, akkwisti u strumenti finanzjarji. Il-forom kollha ta' finanzjament ser jintużaw b’mod flessibbli fl-objettivi ġenerali u speċifiċi kollha ta' Orizzont 2020, u l-użu tagħhom jiġi ddeterminat abbażi tal-ħtiġijiet u l-aspetti speċifiċi tal-objettiv speċifiku partikolari.

Ser tingħata attenzjoni partikolari biex ikun żgurat approċċ bilanċjat għar-riċerka u l-innovazzjoni, li ma jkunx limitat biss għall-iżvilupp ta’ prodotti u servizzi ġodda abbażi ta' avvanzi xjentifiċi u teknoloġiċi, iżda li jinkorpora wkoll aspetti bħall-użu ta' teknoloġiji eżistenti f’applikazzjonijiet ġodda, titjib kontinwu u innovazzjoni mhux teknoloġika u innovazzjoni soċjali. Huwa biss approċċ ħolistiku għall-innovazzjoni li jista' jindirizza fl-istess ħin l-isfidi tas-soċjetà u jibni negozji u industriji kompetittivi ġodda.

B'mod partikolari għall-prijorità "Sfidi tas-soċjetà" u l-objettiv speċifiku "Tmexxija f'teknoloġiji abilitanti u industrijali" b’mod partikolari, ser ikun hemm enfasi partikolari fuq attivitajiet ta' riċerka u l-innovazzjoni kkumplementati minn attivitajiet li joperaw qrib l-utenti aħħarin u s-suq, bħal dimostrazzjoni, il-pilotaġġ jew il-prova tal-kunċett. Dan ser jinkludi wkoll, fejn xieraq, attivitajiet li jappoġġaw l-innovazzjoni soċjali, u appoġġ għal approċċi min-naħa tad-domanda bħall-prestandardizzazzjoni jew l-akkwist prekummerċjali, l-akkwist ta’ soluzzjonijiet innovattivi, l-istandardizzazzjoni u miżuri oħrajn ċentrati fuq l-utent biex jgħinu fl-aċċellerazzjoni tal-użu u t-tixrid ta’ prodotti u servizzi innovattivi fis-suq. Barra minn hekk, ser ikun hemm biżżejjed lok għal approċċi axxendenti biex issir sejħa għal proposti, u l-attivitajiet fil-programmi ta' ħidma ser jiġu definiti f'termini wiesa'. Ser ikun hemm skemi miftuħa, ħfief u rapidi taħt kull waħda mill-isfidi u teknoloġiji biex jipprovdu lill-aħjar riċerkaturi, intraprendituri u impriżi tal-Ewropa l-opportunità li jippreżentaw soluzzjonijiet rivoluzzjonarji li jagħżlu huma.

L-iffissar dettaljat tal-prijoritajiet matul l-implimentazzjoni ta' Orizzont 2020 ser jinvolvi approċċ strateġiku għall-programmazzjoni tar-riċerka, bl-użu ta' modi ta' governanza li jallinjaw mill-qrib mal-iżvilupp tal-politika iżda li jaqsmu l-konfini tal-politiki settorjali tradizzjonali. Dan ser ikun imsejjes fuq evidenza soda, analiżi u ħsieb bil-quddiem, bi progress li jitkejjel permezz ta' sett robust ta' indikaturi tal-prestazzjoni. B'dan l-approċċ trasversali għall-programmazzjoni u l-governanza ser tkun possibbli koordinazzjoni effettiva bejn l-objettivi speċifiċi kollha ta' Orizzont 2020 u ser ikun possibbli li jiġu indirizzati l-isfidi li jolqtuhom, bħal is-sostenibbiltà, it-tibdil fil-klima, ix-xjenzi soċjali u l-umanitajiet jew ix-xjenzi u t-teknoloġiji tal-baħar.

L-iffissar tal-prijoritajiet bl-istess mod ser ikun imsejjes fuq firxa wiesgħa ta' kontributi u pariri. Ser jinkludi, fejn xieraq, gruppi ta’ esperti indipendenti mwaqqfa speċifikament biex jagħtu parir dwar l-implimentazzjoni ta' Orizzont 2020 jew kwalunkwe mill-objettivi speċifiċi tiegħu. Dawn il-gruppi ta' esperti għandhom juru l-livell xieraq ta’ kompetenza u għarfien fl-oqsma koperti u varjetà ta’ sfondi professjonali, inklużi l-akkademiċi, l-industrija u l-involviment tas-soċjetà ċivili. Pariri dwar l-identifikazzjoni u t-tfassil ta' prijoritajiet strateġiċi mill-Kumitat taż-Żona Ewropea tar-Riċerka u l-Innovazzjoni (KŻER), Gruppi oħrajn relatati maż-ŻER u l-Grupp dwar il-Politika tal-Intrapriża (GPI) għandhom, fejn adatt, ukoll jiġu meqjusa.

L-iffissar ta' prijoritajiet jista' wkoll iqis l-aġendi ta' riċerka strateġika tal-Pjattaformi Ewropej tat-Teknoloġija, Inizjattivi ta' Programmazzjoni Konġunta jew kontributi mis-Sħubijiet Ewropej għall-Innovazzjoni. Fejn xieraq, sħubijiet pubbliċi-pubbliċi u sħubijiet pubbliċi-privati appoġġati permezz ta' Orizzont 2020 ser jikkontribwixxu wkoll għall-proċess tal-iffissar tal-prijoritajiet u għall-implimentazzjoni, b'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1291/2013. Interazzjonijiet regolari ma' utenti, ċittadini u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, permezz ta’ metodoloġiji xierqa bħal konferenzi ta' kunsens, valutazzjonijiet parteċipatorji tat-teknoloġija jew impenn dirett fil-proċessi ta' riċerka u innovazzjoni, ser ikunu wkoll pedament tal-proċess tal-iffissar tal-prijoritajiet.

Peress li Orizzont 2020 huwa programm għal seba' snin, il-kuntest ekonomiku, tas-soċjetà u dak politiku li fih ser jaħdem jista’ jinbidel b’mod sinifikanti matul il-ħajja tiegħu. Jeħtieġ li Orizzont 2020 ikun kapaċi jadatta għal dawn il-bidliet. Għaldaqstant taħt kull wieħed mill-objettivi speċifiċi, ser ikun hemm il-possibbiltà li jiġi inkluż appoġġ għal attivitajiet lil hinn mid-deskrizzjonijiet stipulati hawn taħt, fejn dan jiġi ġustifikat kif xieraq biex jiġu indirizzati żviluppi ewlenin, ħtiġijiet tal-politika jew ġrajjiet mhux imbassra.

L-attivitajiet appoġġati taħt il-Partijiet differenti u l-objettivi speċifiċi tagħhom għandhom jiġu implimentati b'tali mod li jiżgura l-komplementarjetà u l-konsistenza fosthom, kif adatt.

1.2.   Aċċess għal finanzjament ta’ riskju

Orizzont 2020 ser jgħin lill-kumpaniji u tipi oħrajn ta’ entitajiet jiksbu aċċess għal self, garanziji u finanzjament ta' ekwità permezz ta' żewġ faċilitajiet.

Il-Faċilità ta' Dejn ser tipprovdi self lil benefiċjarji uniċi għal investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni; garanziji lill-intermedjarji finanzjarji li jagħtu self lil benefiċjarji; kombinazzjonijiet ta’ self u garanziji, u garanziji jew kontrogaranziji għal skemi nazzjonali, reġjonali u lokali ta' finanzjament tad-dejn. Din ser tinkludi tieqa għall-SMEs li timmira għall-SMEs xprunati mir-riċerka u l-innovazzjoni (R&I) b'ammonti ta' self li jikkumplimentaw il-finanzjament lill-SMEs mill-Faċilità ta' Garanzija tas-Self taħt il-Programm għall-Kompetittività tal-Impriżi u impriżi żgħar u ta' daqs medju (COSME) (2014-2020).

Il-Faċilità ta' Ekwità ser tipprovdi kapital ta' riskju u/jew intermedju lil impriżi individwali fl-istadju bikri (opportunità għal intrapriżi li jkunu għadhom jibdew). Il-faċilità ser ikollha wkoll il-possibbiltà li tagħmel investimenti fl-istadju ta' espansjoni u tkabbir flimkien mal-Faċilità ta' Ekwità għat-Tkabbir taħt il-COSME, inkluż fil-fondi-tal-fondi.

Dawn il-faċilitajiet ser ikunu ċentrali għall-objettiv speċifiku ‚Aċċess għal finanzjament ta’ riskju’ iżda, fejn rilevanti, jistgħu jintużaw ukoll għall-objettivi speċifiċi oħrajn kollha ta' Orizzont 2020.

Il-Faċilità tal-ekwità u l-opportunità tal-SME tal-Faċilità tad-dejn ser jiġu implimentati bħala parti minn żewġ strumenti finanzjarji tal-Unjoni li jipprovdu ekwità u dejn biex jappoġġaw ir-R&I u t-tkabbir tal-SMEs, flimkien mal-faċilitajiet tal-ekwità u d-dejn taħt il-COSME.

1.3.   Komunikazzjoni, użu u disseminazzjoni

Valur miżjud ewlieni tar-riċerka u l-innovazzjoni ffinanzjati fil-livell tal-Unjoni huwa l-possibbiltà li jiġu ddisseminati, użati u kkomunikati r-riżultati fuq skala kontinentali wiesgħa biex jissaħħaħ l-impatt tagħhom. Għaldaqstant, Orizzont 2020 ser jinkludi, taħt l-objettivi speċifiċi kollha tiegħu, appoġġ dedikat għad-disseminazzjoni (inkluż permezz ta' aċċess miftuħ għall-pubblikazzjonijiet xjentifiċi), azzjonijiet ta' komunikazzjoni u djalogu, b’enfasi qawwija fuq il-komunikazzjoni tar-riżultati lill-utenti aħħarin, iċ-ċittadini, l-akkademiċi, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-industrija u dawk li jfasslu l-politika. Għal dan il-għan, Orizzont 2020 jista' jagħmel użu minn netwerks għat-trasferiment tal-informazzjoni. Attivitajiet ta' komunikazzjoni mwettqa fil-kuntest ta' Orizzont 2020 ser jippromwovu l-fatt li r-riżultati nkisbu bl-appoġġ tal-fondi u r-rieda tal-Unjoni u ser jippruvaw iżidu wkoll il-kuxjenza pubblika dwar l-importanza tar-riċerka u l-innovazzjoni permezz ta’ pubblikazzjonijiet, avvenimenti, maħżna ta' għarfien, bażijiet ta' data, siti tal-internet jew użu mmirat tal-mezzi tal-informazzjoni soċjali.

2.   KUMPLEMENTARITAJIET, KWISTJONIJIET TRASVERSALI U MIŻURI TA' APPOĠĠ

Orizzont 2020 huwa strutturat madwar l-objettivi definiti għat-tliet prijoritajiet tagħha: "Xjenza eċċellenti", "Tmexxija industrijali" u "Sfidi tas-soċjetà". Ser tingħata attenzjoni partikolari biex tiġi żgurata koordinazzjoni adegwata bejn dawn il-prijoritajiet u l-isfruttament sħiħ tas-sinerġiji iġġenerati bejn l-objettivi speċifiċi kollha li jimmassimizzaw l-impatt ikkombinat tagħhom fuq l-objettivi ta’ politika tal-Unjoni ta' livell ogħla. Għaldaqstant l-objettivi ta' Orizzont 2020 ser jiġu indirizzati permezz ta' enfasi qawwija fuq is-sejbien ta' soluzzjonijiet effiċjenti, li tmur lil hinn sew minn approċċ ibbażat sempliċiment fuq dixxiplini xjentifiċi u teknoloġiċi u setturi ekonomiċi tradizzjonali.

L-azzjonijiet trasversali ser jiġu promossi fost il-Parti I ‚Xjenza Eċċellenti’, Parti II 'Tmexxija Industrijali' u Parti III 'Sfidi għas-Soċjetà', Parti IV 'Tixrid tal-eċċellenza u twessigħ tal-parteċipazzjoni' u Parti V 'Xjenza mas-soċjetà u għas-soċjetà' biex b'mod konġunt jiżviluppaw għarfien ġdid, teknoloġiji futuri u emerġenti, infrastrutturi tar-riċerka u kompetenzi ewlenin. L-infrastrutturi tar-riċerka ser jiġu promossi wkoll għal użu usa’ fis-soċjetà, pereżempju fis-servizzi pubbliċi, għall-promozzjoni tax-xjenza, is-sigurtà ċivili u l-kultura. Barra minn hekk, l-iffissar ta' prijoritajiet matul l-implimentazzjoni għall-azzjonijiet diretti tal-JRC u l-attivitajiet tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija ser ikunu kkoordinati kif adatt mal-partijiet l-oħra ta' Orizzont 2020.

Barra minn hekk, f'ħafna każijiet, kontribuzzjoni effettiva għall-objettivi ta' Ewropa 2020 u l-inizjattiva ewlenija "Unjoni tal-Innovazzjoni" ser titlob li jiġu żviluppati soluzzjonijiet li huma interdixxiplinari fin-natura tagħhom u għalhekk jolqtu bosta objettivi speċifiċi ta' Orizzont 2020. Orizzont 2020 jinkludi dispożizzjonijiet speċifiċi biex jinċentiva azzjonijiet trasversali bħal dawn, inkluż permezz ta' raggruppament effiċjenti tal-baġits. Dan jinkludi wkoll pereżempju l-possibilità għall-prijorità "Sfidi tas-soċjetà" u l-objettiv speċifiku "Tmexxija f'teknoloġiji abilitanti u industrijali" li jagħmlu użu mid-dispożizzjonijiet għal strumenti finanzjarji u l-istrument iddedikat għall-SMEs.

Azzjonijiet trasversali ser ikunu wkoll vitali biex jiġu stimulati l-interazzjonijiet bejn il-prijorità "Sfidi tas-soċjetà" u l-objettiv speċifiku "Tmexxija f'teknoloġiji abilitanti u industrijali" meħtieġa biex jiġġeneraw kisbiet teknoloġiċi ewlenin. Eżempji ta' meta tali interazzjonijiet jistgħu jiġu żviluppati huma: l-isfera tas-saħħa elettronika, il-grilji intelliġenti, is-sistemi intelliġenti ta' trasport, l-integrazzjoni ta’ azzjonijiet favur il-klima, in-nanomediċina, il-materjal avvanzat għal vetturi ħfief jew l-iżvilupp ta' proċessi industrijali u prodotti b'bażi bijoloġika. Għaldaqstant ser jitrawmu sinerġiji b'saħħithom bejn il-prijorità "Sfidi tas-soċjetà" u l-iżvilupp ta' teknoloġiji abilitanti u industrijali ġeneriċi. Dan ser jitqies espliċitament fl-iżvilupp ta' strateġiji pluriennali u l-iffissar ta' prijoritajiet għal kull wieħed minn dawn l-objettivi speċifiċi. Dan ser jitlob li l-partijiet interessati li jirrappreżentaw il-perspettivi differenti jkunu involuti bis-sħiħ fl-implimentazzjoni u f'ħafna każijiet, ser jitlob ukoll azzjonijiet li jiġbru flimkien il-finanzjament mill-objettiv speċifiku "Tmexxija f'teknoloġiji abilitanti u industrijali" u l-objettivi speċifiċi rilevanti "Sfidi tas-soċjetà".

Ser tingħata wkoll attenzjoni partikolari għall-koordinazzjoni tal-attivitajiet iffinanzjati permezz ta' Orizzont 2020 ma’ dawk appoġġati taħt programmi ta' finanzjament oħrajn tal-Unjoni, bħall-Politika Agrikola Komuni, il-Politika Komuni tas-Sajd, il-Programm Life, il-Programm Erasmus+ jew il-Programm Saħħa għat-Tkabbir u l-programmi ta' finanzjament esterni u ta' żvilupp tal-Unjoni. Din tinkludi artikolazzjoni xierqa mal-politika ta’ koeżjoni fil-kuntest tal-istrateġiji R&I nazzjonali u reġjonali għal speċjalizzazzjoni intelliġenti, fejn l-appoġġ għall-bini ta’ kapaċità għar-riċerka u innovazzjoni fuq livell reġjonali jista' jaġixxi bħala ‘taraġ għall-eċċellenza’, l-istabbiliment ta' ċentri reġjonali ta' eċċellenza jistgħu jgħinu biex tonqos id-differenza fl-innovazzjoni fl-Ewropa jew fl-appoġġ għall-proġetti ta’ dimostrazzjoni u linja pilota fuq skala kbira jista’ jgħin fil-kisba tal-objettiv ta' ġenerazzjoni ta’ tmexxija industrijali fl-Ewropa.

A.   Xjenzi soċjali u studji umanistiċi

Ir-riċerka fix-xjenzi soċjali u l-istudji umanistiċi ser tiġi integrata bis-sħiħ f’kull wieħed mill-objettivi speċifiċi ta' Orizzont 2020. Dan ser jinkludi bosta opportunitajiet ta' appoġġ għal riċerka bħal din permezz tal-objettivi speċifiċi "Kunsill Ewropew għar-Riċerka (ERC)", "Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie" jew "Infrastrutturi ta’ Riċerka".

Għal dan il-għan, ix-xjenzi soċjali u l-istudji umanistiċi ser jiġu integrati bħala element essenzjali tal-attivitajiet meħtieġa biex tissaħħaħ it-tmexxija industrijali u biex jiġu indirizzati kull waħda mill-isfidi tas-soċjetà. Għal tal-aħħar, dan jinkludi: fehim tad-determinanti tas-saħħa u l-ottimizzazzjoni tal-effettività tal-għoti ta' kura tas-saħħa; appoġġ għall-politiki li jagħtu setgħa liż-żoni rurali; ir-riċerka u l-preservazzjoni tal-wirt u r-rikkezza kulturali tal-Ewropa; il-promozzjoni ta' għażliet infurmati mill-konsumatur; il-ħolqien ta' ekosistema diġitali bbażata fuq l-għarfien u l-informazzjoni; it-teħid sod ta' deċiżjonijiet dwar il-politika tal-enerġija u fl-iżgurar ta' grilja Ewropea tal-elettriku favur il-konsumatur u transizzjoni għal sistema tal-enerġija sostenibbli; politika u tbassir tat-trasport ibbażati fuq evidenza ta' sostenn; appoġġ għal strateġiji ta' mitigazzjoni tat-tibdil tal-klima u ta' adattament għalih, inizjattivi ta' użu effiċjenti tar-riżorsi u miżuri lejn ekonomija ekoloġika u sostenibbli; u l-fehim ta' aspetti kulturali u soċjoekonomiċi ta' kwistjonijiet ta' sigurtà, riskju u ġestjoni (inklużi aspetti legali tad-drittijiet u tal-bniedem).

Barra minn hekk, l-objettiv speċifiku ‚L-Ewropa f'dinja li qed tinbidel - Soċjetajiet inklużivi, innovattivi u siguri’ ser jappoġġa r-riċerka fix-xjenzi soċjali u l-istudji umanistiċi fi kwistjonijiet ta' natura orizzontali bħall-ħolqien ta’ tkabbir intelliġenti u sostenibbli, trasformazzjonijiet soċjali, kulturali u fl-imġiba fis-soċjetajiet Ewropej, l-innovazzjoni soċjali, l-innovazzjoni fis-settur pubbliku jew il-pożizzjoni tal-Ewropa bħala attur globali.

B.   Ix-Xjenza u s-Soċjetà

Ir-relazzjoni u l-interazzjoni bejn ix-xjenza u s-soċjetà kif ukoll il-promozzjoni ta' riċerka u innovazzjoni responsabbli u l-edukazzjoni xjentifika, il-komunikazzjoni xjentifika u l-kultura għandhom jiġu approfonditi u l-fiduċja tal-pubbliku fix-xjenza u l-innovazzjoni għandha tissaħħaħ permezz ta' attivitajiet ta' Orizzont 2020 li jiffavorixxu l-involviment infurmat taċ-ċittadini u s-soċjetà ċivili u d-djalogu magħhom fir-riċerka u l-innovazzjoni.

C.   Sessi

Il-promozzjoni ta' ugwaljanza bejn is-sessi fix-xjenza u l-innovazzjoni hija impenn tal-Unjoni. F'Orizzont 2020, il-kwistjoni tas-sessi ser tiġi indirizzata bħala kwistjoni trasversali sabiex jiġu rettifikati l-iżbilanċi bejn in-nisa u l-irġiel, u biex tiġi integrata dimensjoni tas-sessi fil-programmazzjoni u l-kontenut tar-riċerka u l-innovazzjoni.

D.   SMEs

Orizzont 2020 ser jinkoraġġixxi u jappoġġa parteċipazzjoni akbar mill-SMEs b'mod integrat fl-objettivi speċifiċi kollha.

Minbarra l-istabbiliment ta' kundizzjonijiet aħjar għall-SMEs biex jieħdu sehem f'Orizzont 2020, skont l-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 1291/2013, miżuri dedikati stabbiliti fl-objettiv speċifiku "Innovazzjoni fl-SMEs" (strument iddedikat lill-SMEs) għandhom jiġu applikati fl-objettiv speċifiku "Tmexxija f'teknoloġiji abilitanti u industrijali" u l-prijorità "Sfidi tas-soċjetà". Dan l-approċċ integrat għandu jwassal għal minimu ta' 20 % tal-baġits ikkombinati totali tagħhom li jmorru għall-SMEs.

Ser tingħata attenzjoni partikolari lir-rappreżentanza xierqa tal-SMEs fi sħubijiet pubbliċi-privati msemmija fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 1291/2013.

E.   Rotta Rapida lejn l-Innovazzjoni (FTI)

L-FTI ser tnaqqas iż-żmien mill-idea sas-suq u mistennija li tkabbar il-parteċipazzjoni tal-industrija u ta' dawk li japplikaw l-ewwel darba f'Orizzont 2020.

L-FTI, kif stipulat fl-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) Nru 1291/2013, ser tappoġġa azzjonijiet ta' innovazzjoni taħt l-objettiv speċifiku "Tmexxija f'teknoloġiji abilitanti u industrijali" u taħt il-prijorità "Sfidi tas-soċjetà", b'loġika mmexxija minn isfel għal fuq abbażi ta' sejħa kontinwament miftuħa, u "żmien għall-għotja" li ma jeċċedix sitt xhur. L-FTI ser tikkontribwixxi għall-innovazzjoni fl-Ewropa, u ssostni l-kompetittività tal-Unjoni.

F.   Twessigħ tal-parteċipazzjoni

Il-potenzjal ta’ riċerka u innovazzjoni tal-Istati Membri, minkejja xi konverġenza reċenti, jibqa' differenti ħafna, b’diskrepanzi kbar bejn "il-mexxejja fl-innovazzjoni" u l-"innovaturi modesti". L-attivitajiet għandhom jgħinu biex jingħalaq id-distakk bejn ir-riċerka u l-innovazzjoni fl-Ewropa billi jiġu promossi sinerġiji mal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (Fondi ESI) kif ukoll permezz ta' miżuri speċifiċi biex jiġi sfruttat il-potenzjal tal-eċċellenza f'reġjuni tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni (RŻI) bi prestazzjoni baxxa, biex b'hekk tikber il-parteċipazzjoni f'Orizzont 2020 u jingħata kontribut għar-realizzazzjoni taż-ŻER.

G.   Kooperazzjoni internazzjonali

Il-kooperazzjoni internazzjonali mal-imsieħba f'pajjiżi terzi hija meħtieġa biex tindirizza b' mod effettiv bosta objettivi speċifiċi definiti f’Orizzont 2020, partikolarment dawk marbuta mal-politika esterna u ta' żvilupp u l-impenji internazzjonali tal-Unjoni. Dan huwa l-każ għall-isfidi kollha tas-soċjetà indirizzati minn Orizzont 2020, li huma tal-istess natura. Il-kooperazzjoni internazzjonali hija wkoll essenzjali għal riċerka fil-fruntiera tal-għarfien u dik bażika biex jinkisbu l-benefiċċji minn opportunitajiet tax-xjenza u t-teknoloġija emerġenti. Għaldaqstant, li jiġu promossi riċerkaturi u mobbiltà ta' persunal marbut mal-innovazzjoni fuq skala internazzjonali huwa kruċjali biex tissaħħaħ din il-kooperazzjoni globali. Attivitajiet fuq il-livell internazzjonali huma daqstant importanti għat-tisħiħ tal-kompetittività tal-industrija Ewropea billi jippromwovu l-użu u n-negozjar ta' teknoloġiji ġodda, pereżempju permezz tal-iżvilupp ta’ standards mad-dinja kollha u linji gwida dwar l-interoperabbiltà, u permezz tal-promozzjoni tal-aċċettazzjoni u l-użu ta' soluzzjonijiet Ewropej barra mill-Ewropa. L-attivitajiet internazzjonali kollha għandhom jiġu appoġġati minn qafas ta' trasferiment tal-għarfien effiċjenti u ġust li huwa kritiku għall-innovazzjoni u t-tkabbir.

L-enfasi tal-kooperazzjoni internazzjonali f’Orizzont 2020 ser tkun fuq kooperazzjoni bi tliet gruppi ewlenin ta' pajjiżi:

(1)

ekonomiji industrijalizzati u emerġenti;

(2)

pajjiżi tat-tkabbir u tal-viċinat; u

(3)

pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw.

Fejn xieraq, Orizzont 2020 ser jippromwovi l-kooperazzjoni fuq livell bireġjonali jew multilaterali. Il-kooperazzjoni internazzjonali fir-riċerka u l-innovazzjoni hija aspett ewlieni tal-impenji globali tal-Unjoni u għandha rwol importanti x'taqdi fis-sħubija tal-Unjoni ma' pajjiżi li qed jiżviluppaw, bħall-progress lejn il-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp għall-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti.

L-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) Nru 1291/2013 jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni ta’ entitajiet legali minn pajjiżi terzi u ta' organizzazzjonijiet internazzjonali. Peress li r-riċerka u l-innovazzjoni ġeneralment, fil-biċċa l-kbira tagħhom, jibbenefikaw minn ftuħ lejn pajjiżi terzi, ta' Orizzont 2020 ser ikompli mal-prinċipju ta' attitudni miftuħa ġenerali, filwaqt li jinkoraġġixxi l-aċċess reċiproku għall-programmi ta' pajjiżi terzi. Fejn adatt, u b'mod partikolari biex jiġi salvagwardjat l-interess Ewropew fir-rigward tal-proprjetà intellettwali, jista' jiġi adottat approċċ aktar kawt.

Barra minn hekk, ser tiġi implimentata firxa ta’ azzjonijiet immirati billi jittieħed approċċ strateġiku għall-kooperazzjoni internazzjonali abbażi ta' interess komuni, prijoritajiet u benefiċċju reċiproku u l-promozzjoni tal-koordinazzjoni u sinerġiji ma' attivitajiet tal-Istati Membri. Dan ser jinkludi mekkaniżmu biex jiġu appoġġati sejħiet konġunti u l-possibbiltà ta' programmi ta' kofinanzjament flimkien ma' pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali. Ser jiġu mfittxija sinerġiji ma' politiki oħra tal-Unjoni.

Ser tkompli tiġi mfittxija konsulenza strateġika mal-Forum Strateġiku għall-Kooperazzjoni Xjentifika u Teknoloġika Internazzjonali (SFIC).

Mingħajr preġudizzju għal opportunitajiet oħrajn ta' kollaborazzjoni, eżempji ta' oqsma fejn tista' tiġi żviluppata kooperazzjoni internazzjonali huma:

(a)

it-tkomplija ta' Sħubija għall-Provi Kliniċi bejn Pajjiżi Ewropej u Pajjiżi li qed Jiżviluppaw (EDCTP2) dwar provi kliniċi għal interventi mediċi kontra l-HIV, il-malarja, it-tuberkolożi u l-mard minsi;

(b)

appoġġ permezz ta' abbonament annwali għall-Programm tal-Fruntiera tax-Xjenza Umana (HFSP) biex Stati Membri li mhumiex pari mill-G7 ikunu jistgħu igawdu bis-sħiħ mill-finanzjament mogħti mill-HSFP;

(c)

konsorzju internazzjonali dwar mard rari, ma' għadd ta' Stati Membri u pajjiżi terzi. L-għan ta’ din l-inizjattiva huwa li sal-2020 jiġu żviluppati testijiet dijanjostiċi għal ħafna mill-mard rari u 200 terapija ġdida għal mard rari;

(d)

appoġġ għall-attivitajiet tal-Forum Internazzjonali dwar il-Bijoekonomija Bbażata fuq l-Għarfien u t-Task Force bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar ir-Riċerka tal-Bijoteknoloġija kif ukoll rabtiet kollaborattivi ma' organizzazzjonijiet u inizjattivi internazzjonali rilevanti, bħall-alleanzi globali tar-riċerka dwar il-gassijiet serra agrikoli u dwar is-saħħa tal-annimali;

(e)

kontribuzzjoni għal proċessi u inizjattivi multilaterali, bħall-Bord Intergovernattiv dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC), il-Pjattaforma Intergovernattiva dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi (IPBES), u l-Grupp dwar l-Osservazzjonijiet tad-Dinja (GEO);

(f)

id-Djalogi dwar l-Ispazju bejn l-Unjoni u l-Istati Uniti u r-Russja, iż-żewġ pajjiżi ewlenin b'attivitajiet fl-ispazju, huma estremament importanti u jifformaw l-bażi għall-istabbiliment tas-sħubijiet ta' kooperazzjoni strateġika relatati mal-ispazju;

(g)

l-arranġament ta' implimentazzjoni bejn l-Unjoni u l-Istati Uniti tal-Amerika għal attivitajiet ta’ kooperazzjoni fil-qasam tas-Sigurtà Interna/is-Sigurtà Ċivili/Riċerka, iffirmat fit-18 ta' Novembru 2010;

(h)

il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi li qed jiżviluppaw, l-aktar mill-Afrika sub-Saħarjana, fil-qasam tal-produzzjoni deċentralizzata tal-enerġija biex jittaffa l-faqar;

(i)

il-kontinwazzjoni tal-kollaborazzjoni fir-riċerka mal-Brażil fuq ġenerazzjoni ġdida ta' bijofjuwils u użi oħra tal-bijomassa.

Barra minn hekk, ser jiġu appoġġati attivitajiet orizzontali apposta biex ikun żgurat l-iżvilupp koerenti u effettiv tal-kooperazzjoni internazzjonali f'Orizzont 2020.

H.   Żvilupp sostenibbli u tibdil fil-klima

Orizzont 2020 ser iħeġġeġ u jappoġġa attivitajiet għall-isfruttament tat-tmexxija tal-Ewropa fit-tiġrija biex jiġu żviluppati proċessi u teknoloġiji ġodda li jippromwovu l-iżvilupp sostenibbli, f'sens wiesa', u li jiġġieldu t-tibdil fil-klima. Tali approċċ orizzontali, integrat kompletament fil-prijoritajiet kollha ta' Orizzont 2020, ser jgħin lill-Unjoni tirnexxi f'dinja b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju u ristretta minn riżorsi limitati filwaqt li tibni ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, sostenibbli u kompetittiva.

I.   Passaġġ li jgħaqqad l-iskoperta mal-applikazzjoni fis-suq

L-azzjonijiet ta' kollegament f'Orizzont 2020 għandhom l-għan li jwasslu l-iskoperta għall-applikazzjoni fis-suq, u jwasslu għall-isfruttament u l-kummerċjalizzazzjoni tal-ideat kull meta xieraq. L-azzjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq kunċett wiesa' ta' innovazzjoni u jistimulaw l-innovazzjoni transettorjali.

J.   Miżuri ta' appoġġ trasversali

Il-kwistjonijiet trasversali ser jiġu appoġġati minn għadd ta' miżuri ta' appoġġ orizzontali, inkluż appoġġ biex: il-professjoni tar-riċerka ssir aktar attraenti, inklużi l-prinċipji ġenerali tal-Karta Ewropea għar-Riċerkaturi, kif stipulat fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2005 (2); tissaħħaħ il-bażi tal-evidenza u l-iżvilupp ta' u l-appoġġ għaż-ŻER (inklużi l-ħames inizjattivi taż-ŻER) u l-inizjattiva ewlenija "Unjoni tal-Innovazzjoni"; jiġu rikonoxxuti benefiċjarji u proġetti ta' Orizzont 2020 bl-aqwa prestazzjoni fl-oqsma differenti permezz ta' premji simboliċi; jitjiebu l-kundizzjonijiet qafas b'appoġġ għall-inizjattiva ewlenija "Unjoni tal-Innovazzjoni", inklużi l-prinċipji tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ġestjoni ta' proprjetà intellettwali (3), u l-esplorazzjoni tal-possibbiltà li jiġi stabbilit strument ta' valorizzazzjoni tad-Drittijiet Ewropej tal-Proprjetà Intellettwali; u l-amministrazzjoni u l-koordinazzjoni ta' netwerks internazzjonali għar-riċerkaturi u l-innovaturi eċċellenti, bħall-Kooperazzjoni Ewropea fix-Xjenza u t-Teknoloġija (COST).

3.   SĦUBIJA

Sabiex jintlaħaq tkabbir sostenibbli fl-Ewropa, il-kontribut tal-atturi pubbliċi u privati irid jiġi ottimizzat. Dan huwa essenzjali biex tiġi kkonsolidata ż-ŻER u għat-twettiq tal-inizjattivi ewlenin -"Unjoni tal-Innovazzjoni", "Aġenda Diġitali għall-Ewropa" u inizjattivi ewlenin oħrajn ta' Ewropa 2020. Barra minn hekk, riċerka u innovazzjoni responsabbli jitolbu li l-aħjar soluzzjonijiet jiġu minn interazzjonijiet bejn imsieħba li jkollhom diversi perspettivi iżda interessi komuni.

Orizzont 2020 jinkludi ambitu u sett ċar ta' kriterji għall-istabbiliment ta' sħubijiet pubbliċi-pubbliċi u dawk pubbliċi-privati. Sħubijiet pubbliċi-privati jistgħu jkunu bbażati fuq arranġament kuntrattwali bejn atturi pubbliċi u privati u jistgħu, f'każijiet limitati, ikunu sħubijiet pubbliċi-privati istituzzjonalizzati, bħal Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti (ITK) u impriżi konġunti oħrajn.

Is-sħubijiet pubbliċi-pubbliċi u dawk pubbliċi-privati eżistenti jistgħu jirċievu appoġġ minn Orizzont 2020, sakemm dawn jindirizzaw l-objettivi ta' Orizzont 2020, jikkontribwixxu għat-twettiq tal-ERA, jissodisfaw il-kriterji stabbiliti f’Orizzont 2020 u juru li għamlu progress sinifikanti taħt is-Seba' Programm Kwadru.

Inizjattivi skont l-Artikolu 185 TFUE appoġġati taħt is-Sitt Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-attivitajiet ta' dimostrazzjoni ("is-Sitt Programm Kwadru"), adottat mid-Deċiżjoni Nru 1513/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), u/jew taħt is-Seba' Programm Kwadru li għalihom jista' jingħata aktar appoġġ skont il-kundizzjonijiet ta' hawn fuq jinkludu: is-Sħubija għall-Provi Kliniċi bejn Pajjiżi Ewropej u Pajjiżi li qed Jiżviluppaw (EDCTP), Programm Konġunt "Għajxien Megħjun Kontestwalment" (AAL), il-Programm ta’ Riċerka u Żvilupp dwar il-Baħar Baltiku (BONUS), il-Programm Eurostars u l-Programm Ewropew ta' Riċerka dwar il-Metroloġija (EMRP). Aktar appoġġ jista' jingħata wkoll lill-Alleanza Ewropea għar-Riċerka dwar l-Enerġija (EERA) stabbilita taħt il-Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija tal-Enerġija (Pjan SET). Inizjattivi ta' Programmazzjoni Konġunta jistgħu jiġu appoġġati minn Orizzont 2020 permezz tal-istrumenti msemmija fl-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 1291/2013, fost l-oħrajn permezz ta' inizjattivi skont l-Artikolu 185 TFUE.

Impriżi Konġunti stabbiliti fis-Seba' Programm Kwadru skont l-Artikolu 187 TFUE, li għalihom jista' jingħata aktar appoġġ skont il-kundizzjonijiet ta' hawn fuq huma: l-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi (IMI), Clean Sky, Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Ajru tal-Ajru Uniku Ewropew (SESAR), l-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu (FCH) u s-Sistemi u l-Komponenti Elettroniċi għall-Inizjattiva ta' Tmexxija Ewropea għal Teknoloġija Konġunta (ECSEL).

Is-sħubijiet pubbliċi-privati oħrajn appoġġati taħt is-Seba' Programm Kwadru li għalihom jista' jingħata aktar appoġġ skont il-kundizzjonijiet ta' hawn fuq huma: Fabbriki tal-Futur, Bini Effiċjenti fl-Użu tal-Enerġija, l-Inizjattiva Ewropea tal-Karozzi Ekoloġiċi u Internet Futur. Aktar appoġġ jista' jingħata wkoll lill-Inizjattivi Industrijali Ewropej (EIIs) stabbiliti taħt il-Pjan SET.

Aktar sħubijiet pubbliċi-pubbliċi u sħubijiet pubbliċi-privati jistgħu jiġu varati taħt l-inizjattiva Orizzont 2020 meta jissodisfaw kriterji definiti.

PARTI I

XJENZA EĊĊELLENTI

1.   KUNSILL EWROPEW GĦAR-RIĊERKA (ERC)

L-ERC ser jippromwovi l-aħjar riċerka fil-fruntieri tal-għarfien. Ir-riċerka fil-fruntieri u lil hinn mill-fehim attwali hija kemm ta’ importanza kritika għall-benesseri ekonomiku u soċjali, kif ukoll inizjattiva intrinsikament riskjuża, li tavvanza f'oqsma ġodda ta’ riċerka u li joffru l-akbar sfida u hi kkaratterizzata minn nuqqas ta' konfini dixxiplinari.

Sabiex jiġu stimulati avvanzi sostanzjali fil-fruntieri tal-għarfien, l-ERC ser jappoġġa lill-gruppi individwali sabiex iwettqu riċerka fi kwalunkwe qasam tar-riċerka xjentifika u teknoloġika bażika li taqa’ fl-ambitu ta' Orizzont 2020, inklużi l-inġinerija, ix-xjenzi soċjali u l-istudji umanistiċi. Kif xieraq, il-gruppi fil-mira speċifiċi (eż. ir-riċerkaturi li jkunu għadhom kif bdew/timijiet emerġenti) jistgħu jiġu kkunsidrati, b'segwitu għall-objettivi tal-ERC u l-ħtiġijiet għall-implimentazzjoni effiċjenti. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-oqsma emerġenti u li qed jikbru b'rata mgħaġġla fil-fruntiera tal-għarfien, u fl-interfaċċja bejn id-dixxiplini.

Ir-riċerkaturi indipendenti ta’ kwalunkwe età u sess, inklużi r-riċerkaturi li għadhom jibdew, li jagħmlu t-transizzjoni sabiex ikunu mexxejja indipendenti tar-riċerka individwalment, minn kwalunkwe pajjiż fid-dinja għandhom ikunu appoġġati sabiex iwettqu r-riċerka tagħhom fl-Ewropa.

L-ERC għandu jagħti prijorità partikolari li jassisti lill-aħjar riċerkaturi li jkunu għadhom jibdew li jkollhom ideat eċċellenti sabiex jagħmlu t-transizzjoni għall-indipendenza billi jipprovdilhom appoġġ adegwat fl-istadju kritiku li fih dawn ikunu qed jistabbilixxu jew jikkonsolidaw it-tim jew il-programm ta’ riċerka tagħhom. L-ERC ser ikompli wkoll jipprovdi livelli adatti ta' appoġġ għal riċerkaturi stabbiliti.

Ser jiġi segwit l-approċċ investigattiv. Dan ifisser li l-ERC ser jappoġġa l-proġetti mwettqa mir-riċerkaturi dwar suġġetti tal-għażla tagħhom fl-ambitu tas-sejħiet għall-proposti. Il-proposti ser jiġu evalwati skont il-kriterju uniku ta’ eċċellenza kif iġġudikat minn rieżami inter pares, filwaqt li titqies l-eċċellenza fil-gruppi l-ġodda, ir-riċerkaturi li jkunu għadhom jibdew, kif ukoll timijiet stabbiliti, u b’attenzjoni partikolari għall-proposti ferm pijuneristiċi u li korrispondentement jinvolvu riskji xjentifiċi għolja.

L-ERC ser jopera bħala korp awtonomu ta' finanzjament immexxi mix-xjenza magħmul minn Kunsill Xjentifiku indipendenti, appoġġat minn struttura ddedikata għall-implimentazzjoni li hija ħafifa u kosteffettiva.

Il-Kunsill Xjentifiku jistabbilixxi l-istrateġija xjentifika globali u ser jkollu l-awtorità sħiħa fuq deċiżjonijiet dwar it-tip ta’ riċerka li ser tiġi ffinanzjata.

Il-Kunsill Xjentifiku ser jistabbilixxi l-programm ta’ ħidma biex jintlaħqu l-objettivi tal-ERC bbażati fuq l-istrateġija xjentifika tiegħu kif deskritt hawn taħt. Dan għandu jistabbilixxi l-inizjattivi ta’ kooperazzjoni internazzjonali meħtieġa f'konformità mal-istrateġija xjentifika tiegħu, inklużi l-attivitajiet ta’ komunikazzjoni sabiex tiżdied il-viżibbiltà tal-ERC għall-aħjar riċerkaturi minn madwar il-kumplament tad-dinja.

Il-Kunsill Xjentifiku ser jissorvelja kontinwament l-operazzjoni tal-ERC u l-proċeduri ta' evalwazzjoni tiegħu u jikkunsidra kif l-aħjar jikseb l-objettivi usa’ tiegħu. Dan ser jiżviluppa t-taħlita tal-ERC ta’ miżuri ta' appoġġ kif meħtieġ sabiex iwieġeb għall-ħtiġijiet emerġenti.

L-ERC ser jimmira għall-eċċellenza fl-operazzjonijiet proprji tiegħu. L-ispejjeż amministrattivi u tal-persunal għall-ERC fir-rigward tal-Kunsill Xjentifiku u l-istruttura ta’ implimentazzjoni ddedikata għandhom ikunu konsistenti ma’ ġestjoni ekonomika u kosteffettiva. In-nefqa amministrattiva ser tinżamm baxxa kemm jista’ jkun, konsistenti mal-iżgurar tal-aħjar implimentazzjoni possibbli tar-riżorsi neċessarji, sabiex ikun hemm l-akbar finanzjament possibbli tar-riċerka fil-fruntieri tal-għarfien.

Il-premji tal-ERC ser jingħataw u l-għotjiet operati skont proċeduri sempliċi u trasparenti li jżommu l-attenzjoni fuq l-eċċellenza, jinkoraġġixxu l-inizjattivi u jassoċjaw il-flessibbiltà mar-responsabbiltà. L-ERC għandu jħares kontinwament lejn modi ulterjuri sabiex jissimplifika u jtejjeb il-proċeduri tiegħu sabiex jiġi żgurat li dawn il-prinċipji jiġu sodisfatti.

Minħabba l-istruttura unika u r-rwol tal-ERC bħala korp tal-finanzjament immexxi mix-xjenza, l-implimentazzjoni u l-ġestjoni tal-attivitajiet tal-ERC għandhom jiġu rieżaminati u evalwati fuq bażi kontinwa bl-involviment sħiħ tal-Kunsill Xjentifiku sabiex il-kisbiet tiegħu jiġu vvalutati u sabiex il-proċeduri u l-istrutturi jiġu aġġustati u mtejba abbażi tal-esperjenza.

1.1.   Il-Kunsill Xjentifiku

Sabiex iwettaq il-kompiti tiegħu, kif stipulat fl-Artikolu 7, il-Kunsill Xjentifiku ser:

(1)

Strateġija xjentifika:

jistabbilixxi l-istrateġija xjentifika globali għall-ERC, fid-dawl tal-opportunitajiet xjentifiċi u l-ħtiġijiet xjentifiċi Ewropej;

jiżgura fuq bażi permanenti, f'konformità mal-istrateġija xjentifika, l-istabbiliment tal-programm ta’ ħidma u l-modifiki neċessarji, inklużi s-sejħiet għall-proposti u l-kriterji u, skont il-ħtieġa, id-definizzjoni ta’ gruppi fil-mira speċifiċi (eż. timijiet li jkunu għadhom kif jibdew/emerġenti);

(2)

Ġestjoni, monitoraġġ u kontroll tal-kwalità xjentifiċi:

Kif xieraq, minn perspettiva xjentifika, jistabbilixxi pożizzjonijiet dwar l-implimentazzjoni u l-ġestjoni ta' sejħiet għal proposti, kriterji ta' evalwazzjoni, proċessi tar-reviżjoni bejn pari inkluża l-għażla ta' esperti, l-metodi għar-reviżjoni bejn pari u evalwazzjoni tal-proposti u r-regoli ta' implimentazzjoni u l-linji gwida meħtieġa, li abbażi ta' dan jiġi determinat liema proposta tiġi ffinanzjata taħt is-superviżjoni tal-Kunsill Xjentifiku, u jiġu stabbiliti pożizzjonijiet dwar kwalunkwe kwistjoni oħra li taffettwa l-kisbiet u l-impatt tal-attivitajiet tal-ERC, u l-kwalità tar-riċerka mwettqa, inklużi d-dispożizzjonijiet prinċipali tal-Mudell tal-Ftehim ta' Għotja tal-ERC;

jissorvelja l-kwalità tal-operazzjonijiet u jevalwa l-implimentazzjoni u l-kisbiet u jagħmel rakkomandazzjonijiet għall-azzjonijiet ta' korrezzjoni jew futuri.

(3)

Komunikazzjoni u disseminazzjoni:

jiżgura trasparenza fil-komunikazzjoni mal-komunità xjentifika, partijiet interessati ewlenin u l-pubbliku inġenerali dwar l-attivitajiet u l-kisbiet tal-ERC;

jirrapporta b’mod regolari lill-Kummissjoni dwar l-attivitajiet proprji tiegħu.

Il-Kunsill Xjentifiku għandu l-awtorità sħiħa fuq deċiżjonijiet dwar it-tip ta’ riċerka li għandha tiġi ffinanzjata u huwa l-garanti tal-kwalità tal-attività mill-perspettiva xjentifika.

Fejn adatt, il-Kunsill Xjentifiku għandu jikkonsulta mal-komunità xjentifika, tal-inġinerija u akkademika, l-aġenziji ta' finanzjament tar-riċerka reġjonali u nazzjonali u partijiet interessati oħrajn.

Il-membri tal-Kunsill Xjentifiku għandhom ikunu kkumpensati għall-kompiti li huma jwettqu permezz ta' onorarja u, fejn adatt, ir-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza.

Il-President tal-ERC ser jirrisjedi ġewwa Brussell għat-tul ta' żmien tal-ħatra u jiddedika l-biċċa l-kbira tal-ħin tax-xogħol tiegħu/tagħha (5) għall-ħidma tal-ERC. Hu/hi ser j/tkun irrimunerat(a) f'livell komparabbli mal-maniġment għoli tal-Kummissjoni.

Il-Kunsill Xjentifiku għandu jeleġġi minn fost il-membri tiegħu tliet Viċi Presidenti li għandhom jassistu lill-President fir-rappreżentanza tiegħu u fl-organizzazzjoni tal-ħidma tiegħu. Huma jista’ jkollhom ukoll t-titlu ta' Viċi President tal-ERC.

Ser jiġi pprovdut appoġġ lit-tliet Viċi Presidenti sabiex tiġi żgurata assistenza amministrattiva lokali adegwata fl-istituti ta' oriġini tagħhom.

1.2.   Struttura ddedikata għall-implimentazzjoni

L-istruttura ddedikata għall-implimentazzjoni għandha tkun responsabbli għall-aspetti kollha tal-implimentazzjoni amministrattiva u l-eżekuzzjoni tal-programm, kif previst fil-programm ta’ ħidma. Din ser timplimenta, b’mod partikolari, il-proċeduri ta’ evalwazzjoni, ir-rieżami inter pares u l-proċess tal-għażla f'konformità mal-istrateġija stabbilita mill-Kunsill Xjentifiku u għandha tiżgura l-ġestjoni finanzjarja u xjentifika tal-għotjiet.

L-istruttura ddedikata għall-implimentazzjoni ser tappoġġa lill-Kunsill Xjentifiku fit-twettiq tal-kompiti kollha tiegħu stipulati hawn fuq, tipprovdi aċċess għad-dokumenti neċessarji u d-data fil-pussess tagħha, u żżomm lill-Kunsill Xjentifiku infurmat dwar l-attivitajiet tagħha.

Sabiex tiġi żgurata kollaborazzjoni effettiva mal-istruttura ddedikata għall-implimentazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ strateġija u operattivi, it-tmexxija tal-Kunsill Xjentifiku u d-Direttur tal-istruttura ddedikata għall-implimentazzjoni għandhom jorganizzaw laqgħat ta' koordinazzjoni regolari.

Il-ġestjoni tal-ERC ser titwettaq minn persunal impjegat għal dak l-għan, inklużi, fejn meħtieġ, uffiċjali mill-istituzzjonijiet tal-UE, u ser tkopri biss il-ħtiġijiet amministrattivi reali sabiex tiġi żgurata l-istabbiltà u l-kontinwità neċessarji għal amministrazzjoni effettiva.

1.3.   Rwol tal-Kummissjoni

Sabiex jiġu sodisfatti r-responsabbiltajiet tagħha, kif stabbiliti fl-Artikoli 6, 7 u 8 l-Kummissjoni ser:

tiżgura l-kontinwità u t-tiġdid tal-Kunsill Xjentifiku u tipprovdi appoġġ għal Kumitat ta' Identifikazzjoni permanenti għall-identifikazzjoni tal-membri futuri tal-Kunsill Xjentifiku;

tiżgura l-kontinwità tal-istruttura ddedikata għall-implimentazzjoni u d-delega ta’ kompiti u responsabbiltajiet għaliha, filwaqt li jitqiesu l-fehmiet tal-Kunsill Xjentifiku;

taħtar id-Direttur u l-Persunal Superjuri tal-istruttura ddedikata għall-implimentazzjoni, filwaqt li jitqiesu l-fehmiet tal-Kunsill Xjentifiku;

tiżgura l-adozzjoni f’waqtha tal-programm ta’ ħidma, il-pożizzjonijiet fir-rigward tal-metodoloġija ta’ implimentazzjoni u r-regoli ta’ implimentazzjoni meħtieġa kif previst fir-Regoli relatati mas-Sottomissjoni tal-ERC u l-Mudell tal-Ftehim ta' Għotja tal-ERC, filwaqt li jitqiesu l-pożizzjonijiet tal-Kunsill Xjentifiku;

tinforma u tikkonsulta b’mod regolari mal-Kumitat tal-Programm dwar l-implimentazzjoni tal-attivitajiet tal-ERC.

2.   TEKNOLOĠIJI FUTURI U EMERĠENTI

L-attivitajiet tat-Teknoloġiji Futuri u Emerġenti (TFE) ser jikkonkrettizzaw it-tipi differenti ta' loġika ta’ intervent, minn dik kompletament miftuħa għal dik ta' gradi li jvarjaw ta’ strutturar ta’ suġġetti, komunitajiet u finanzjament, strutturati madwar tliet fergħat - TFE Miftuħin, TFE Proattivi u TFE Ewlenin.

2.1.   TFE Miftuħin: trawwim ta’ ideat ġodda

L-appoġġ għal sett kbir ta’ proġetti ta’ riċerka kollaborattiva embrijoniċi, ta' xjenza u teknoloġija viżjonarja b'riskju għoli huwa neċessarju għall-esplorazzjoni ta' suċċess ta' sisien ġodda għal teknoloġiji xjentifiċi futuri radikalment ġodda. Din l-attività, peress li hija espliċitament mhux topika u mhux preskritta, tippermetti ideat ġodda kull meta dawn jiffaċċjaw u minn kull fejn jiġu, fi ħdan l-ispettru l-aktar wiesa' ta’ temi u dixxiplini, u tistimula attivament il-ħsieb kreattiv u innovattiv (out-of-the-box). It-trawwim ta’ tali ideat fraġli jesiġi approċċ ta’ riċerka aġili, li jipproteġi mir-riskju u b’interdixxiplinarjetà għolja, li jmur lil hinn sew mill-isferi strettament teknoloġiċi. L-attirar u l-istimular tal-parteċipazzjoni ta’ atturi ġodda b’potenzjal għoli fir-riċerka u l-innovazzjoni, bħal pereżempju riċerkaturi żgħażagħ u SMEs, b’teknoloġija għolja huma wkoll importanti għat-trawwim tal-mexxejja xjentifiċi u industrijali tal-futur.

2.2.   TFE Proattivi: trawwim ta’ temi u komunitajiet emerġenti

Jeħtieġ li oqsma u temi ġodda jiġu mmaturati, permezz tal-ħidma lejn l-istrutturar ta’ komunitajiet emerġenti u l-appoġġ għat-tfassil u l-iżvilupp ta’ temi ta’ riċerka trasformattivi. Il-benefiċċji prinċipali ta’ dan l-approċċ ta' strutturar, li madankollu huwa esplorattiv, huma l-oqsma emerġenti ġodda li għadhom mhux lesti għall-inklużjoni fil-pjan direzzjonali tar-riċerka industrijali, u l-bini u l-istrutturar ta’ komunitajiet ta’ riċerka madwarhom. Dan iwettaq il-pass minn kollaborazzjonijiet bejn għadd żgħir ta’ riċerkaturi, għal raggruppament ta’ proġetti li kull wieħed minnhom jindirizza aspetti ta’ tema ta’ riċerka u jiskambja r-riżultati. Dan ser isir f'assoċjazzjoni aktar mill-qrib mal-prijoritajiet "Tmexxija Industrijali" u "Sfidi tas-soċjetà".

2.3.   TFE Ewlenin: twettiq tal-isfidi xjentifiċi u teknoloġiċi interdixxiplinari kbar

L-inizjattivi ta’ riċerka fi ħdan din il-fergħa huma mmexxija mix-xjenza u t-teknoloġija, fuq skala kbira, multidixxiplinari u msejsa fuq objettiv viżjonarju li jgħaqqad. Dawn jindirizzaw l-isfidi l-kbar tax-xjenza u teknoloġija li jesiġu kooperazzjoni fost firxa ta’ dixxiplini, komunitajiet u programmi. Il-progress xjentifiku u teknoloġiku għandu jipprovdi bażi b'saħħitha u wiesgħa għall-innovazzjoni futura u l-isfruttar ekonomiku, kif ukoll benefiċċji ġodda għas-soċjetà ta' impatt għoli potenzjali. In-natura u d-daqs ġenerali jimplikaw li jistgħu biss jiġu realizzati permezz ta’ sforz sostnut, kollaborattiv u fit-tul.

2.4.   Aspetti speċifiċi ta' implimentazzjoni

Il-Bord Konsultattiv tat-TFE, li jinkludi xjentisti u inġiniera tal-ogħla reputazzjoni u kompetenza, ser jipprovdi l-kontribut tal-partijiet interessati dwar l-istrateġija xjentifika u teknoloġika globali, inklużi pariri dwar id-definizzjoni tal-programm ta’ ħidma.

It-TFE ser ikomplu jkunu mmexxija mix-xjenza u t-teknoloġija b'appoġġ minn struttura ta’ implimentazzjoni ħafifa u effiċjenti. Ser jiġu adottati proċeduri amministrattivi sempliċi sabiex jinżamm l-iffokar fuq l-eċċellenza fl-innovazzjoni teknoloġika mmexxija mix-xjenza, jiġu inkuraġġiti l-inizjattivi u sabiex ir-rapidità fit-teħid ta' deċiżjonijiet tiġi assoċjata mal-flessibbiltà fir-rigward tar-responsabbiltà. L-aktar approċċi xierqa ser jintużaw biex jiġi eżaminat ix-xenarju tar-riċerka tat-TFE (eż l-analiżi tal-portafoll) u biex jinvolvu komunitajiet ta’ partijiet interessati (eż, il-konsultazzjonijiet). L-għan ser ikun it-titjib kontinwu, u t-tfittxija għal modi ulterjuri biex il-proċeduri jiġu ssimplifikati u mtejjba sabiex jiġi żgurat li dawn il-prinċipji huma sodisfatti. Ser jitwettqu valutazzjonijiet tal-effikaċja u l-impatt tal-attivitajiet TFE, li jikkumplementaw dawk fil-livell tal-programm.

Minħabba l-missjoni tagħhom ta’ trawwim ta’ riċerka mmexxija mix-xjenza lejn teknoloġiji futuri, it-TFE jippruvaw jiġbru flimkien l-atturi mix-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni, inkluż fejn adatt, l-utenti, u sa fejn possibbli, kemm mis-settur pubbliku kif ukoll minn dak privat. It-TFE għandhom għalhekk ikollhom rwol attiv u katalittiku fl-istimular ta’ mentalitajiet ġodda, prattiki ġodda u kollaborazzjonijiet ġodda.

It-TFE-Miftuħin jiġbru fi grupp l-attivitajiet għal tfittxija kompletament axxendenti għal ideat ġodda promettenti. Ir-riskju għoli implikat minn tali idea huwa indirizzat permezz tal-esplorazzjoni ta' ħafna minnhom. L-effiċjenza f’termini ta’ ħin u riżorsi, l-ispiża baxxa tal-opportunità għall-proponenti, u l-aċċess mhux kontestat għall-ideat mhux konvenzjonali u interdixxiplinari huma l-karatteristiċi prinċipali ta' dawn l-attivitajiet. Skemi ta’ sottomissjoni ħfief u rapidi u kontinwament miftuħin ser ifittxu ideat ġodda ta’ riċerka promettenti b'riskju għoli u ser jinkludu binarji għal atturi tal-innovazzjoni ġodda u b'potenzjal qawwi, bħal pereżempju riċerkaturi żgħażagħ u SMEs b'teknoloġija avvanzata. Sabiex jikkomplementaw l-attivitajiet b'TFE Miftuħin, l-attivitajiet taħt il-prijoritajiet "Tmexxija Industrijali" u "Sfidi għas-Soċjetà" jistgħu jrawmu użu radikalment ġdid tal-għarfien u t-teknoloġiji.

It-TFE Proattivi ser jiftħu regolarment sejħiet dwar diversi temi b’riskju għoli u b’potenzjal innovattiv qawwi, iffinanzjati f’tali livell li jistgħu jintgħażlu diversi proġetti. Dawn il-proġetti ser jkollhom l-appoġġ tal-azzjonijiet ta’ bini tal-komunità li jrawmu attivitajiet bħal avvenimenti konġunti, l-iżvilupp ta’ kurrikula u pjani direzzjonali ta’ riċerka ġodda. L-għażla tat-temi ser tqis l-eċċellenza fir-riċerka mmexxija mix-xjenza lejn teknoloġiji futuri, il-potenzjal għall-ħolqien ta' massa kritika u l-impatt fuq ix-xjenza u teknoloġija.

Għadd ta' inizjattivi ffokati fuq skala kbira (TFE Ewlenin) jistgħu jiġu implimentati soġġett għall-eżitu pożittiv tal-proġetti preparatorji tat-TFE. Huma għandhom ikunu bbażati fuq sħubijiet miftuħa li jippermettu li jingħaqdu flimkien il-kontributi tal-UE, dawk nazzjonali u dawk privati, b'governanza bbilanċjata li tippermetti lis-sidien tal-programmi li jkollhom influwenza adatta, kif ukoll grad għoli ta’ awtonomija u flessibbiltà fl-implimentazzjoni, li jippermettu li l-Inizjattiva Ewlenija ssegwi mill-qrib pjan direzzjonali ta’ riċerka appoġġat b’mod wiesa’. L-għażla tas-suġġetti li għandhom jiġu implimentati bħala Inizjattivi Ewlenin ser tkun ibbażata fuq eċċellenza xjentifika u teknoloġika u ser tqis l-għan li jgħaqqad, l-impatt potenzjali, l-integrazzjoni tal-partijiet interessati u r-riżorsi taħt pjan direzzjonali koeżiv ta' riċerka u, fejn adatt, l-appoġġ mill-partijiet interessati u l-programmi ta' riċerka nazzjonali/reġjonali. Dawn l-attivitajiet għandhom jitwettqu permezz tal-istrumenti ta' finanzjament eżistenti.

L-attivitajiet fit-tliet fergħat tat-TFE huma kkumplementati, permezz ta' attivitajiet ta' netwerking u bbażati fuq il-komunità għall-ħolqien ta’ bażi Ewropea fertili u vibranti għal riċerka mmexxija mix-xjenza lejn teknoloġiji futuri. Dawn għandhom jappoġġaw l-iżviluppi futuri tal-attivitajiet tat-TFE, irawmu d-dibattitu dwar l-implikazzjonijiet ta’ teknoloġiji ġodda, u jaċċelleraw l-impatt.

3.   AZZJONIJIET MARIE SKŁODOWSKA-CURIE

3.1.   Trawwim ta’ ħiliet ġodda permezz ta’ taħriġ inizjali eċċellenti tar-riċerkaturi

L-Ewropa teħtieġ bażi ta’ riżorsi umani b’saħħitha u kreattiva, mobbli fost il-pajjiżi u s-setturi, b’kombinazzjoni tajba ta’ ħiliet biex ikun hemm innovazzjoni u biex l-għarfien u l-ideat jiġu kkonvertiti fi prodotti u servizzi għall-benefiċċju ekonomiku u soċjali.

Dan ser jinkiseb b’mod partikolari permezz tal-istrutturar tal-eċċellenza u eċċellenza akbar f’sehem sostanzjali tat-taħriġ inizjali ta’ kwalità għolja tar-riċerkaturi fl-istadju bikri u kandidati għad-dottorat fost l-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati inkluż, fejn adatt, il-parteċipazzjoni mill-pajjiżi terzi. Billi r-riċerkaturi jiġu mgħammra, fl-istadju bikri, b’diversità ta’ ħiliet li permezz tagħhom ser ikunu jistgħu jaffrontaw l-isfidi kurrenti u futuri, il-ġenerazzjoni li jmiss ta’ riċerkaturi ser tibbenefika mill-prospetti mtejba ta’ karriera kemm fis-setturi pubbliku kif ukoll f'dak privat, biex b'hekk ukoll tiżdied l-inċentiva għaż-żgħażagħ sabiex jagħżlu karrieri fir-riċerka.

L-azzjoni ser tiġi implimentata permezz tal-appoġġ għall-programmi ta' riċerka relatati mat-taħriġ magħżula b'mod kompetittiv madwar l-Unjoni u implimentati minn sħubijiet ta' universitajiet, istituzzjonijiet ta' riċerka, infrastrutturi tar-riċerka, negozji, SMEs u atturi soċjoekonomiċi oħra minn pajjiżi differenti madwar l-Ewropea u lil hinn minnha. L-istituzzjonijiet individwali li huma kapaċi jipprovdu l-istess ambjent arrikkanti għandhom jiġu appoġġati. Il-flessibbiltà fl-implimentazzjoni tal-objettivi ser tkun żgurata sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet differenti. Normalment, is-sħubijiet ta’ suċċess ser jieħdu l-għamla ta’ netwerks ta’ riċerka relatati mat-taħriġ li jistgħu joffru tipi ta' taħriġ bħal dottorati konġunti jew multipli jew dottorati industrijali, filwaqt li l-istituzzjonijiet individwali ser ikunu normalment involuti fil-programmi dottorali innovattivi. Id-dottorati industrijali huma element importanti biex jitrawwem spirtu innovattiv fost ir-riċerkaturi u jinħolqu rabtiet aktar mill-qrib bejn l-industrija u d-dinja akkademika. F’dan il-qafas, l-appoġġ huwa previst għall-aħjar riċerkaturi fl-istadju bikri minn kwalunkwe pajjiż sabiex jingħaqdu f’dawn il-programmi eċċellenti, li jista' jinkludi, fost l-oħrajn, l-iggwidar sat-trasferiment tal-għarfien u l-esperjenza.

Dawn il-programmi ta’ taħriġ ser jindirizzaw l-iżvilupp u t-twessiegħ tal-kompetenzi bażiċi ta’ riċerka, filwaqt li r-riċerkaturi jingħataw taħriġ dwar kif ikollhom moħħ kreattiv, perspettiva intraprenditorjali u ħiliet ta' innovazzjoni li jikkorrispondu għall-ħtiġijiet futuri tas-suq tax-xogħol. Il-programmi ser jipprovdu wkoll taħriġ f’kompetenzi li jistgħu jiġu trasferiti, bħax-xogħol f'tim, it-teħid ta' riskji, il-ġestjoni ta’ proġetti, l-istandardizzazzjoni, l-intraprenditorija, l-etika, id-dritt ta' proprjetà intellettwali, il-komunikazzjoni u l-komunikazzjoni fis-soċjetà li huma essenzjali għall-ġenerazzjoni, l-iżvilupp, il-kummerċjalizzazzjoni u d-diffużjoni tal-innovazzjoni.

3.2.   Trawwim tal-eċċellenza permezz tal-mobbiltà transkonfinali u transettorjali

L-Ewropa għandha tkun attraenti għall-aħjar riċerkaturi, kemm dawk Ewropej kif ukoll dawk mhux Ewropej. Dan ser jinkiseb b’mod partikolari permezz ta’ appoġġ għal opportunitajiet ta’ karriera attraenti għar-riċerkaturi b’esperjenza fis-settur pubbliku u dak privat, u billi jiġu mħeġġa li jiċċaqalqu bejn il-pajjiżi, setturi u dixxiplini sabiex iżidu l-potenzjal kreattiv u innovattiv tagħhom.

Il-finanzjament ser jingħata lill-aħjar riċerkaturi u dawk l-iktar promettenti, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom, li jixtiequ jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom permezz ta’ esperjenza ta' mobbiltà transnazzjonali jew internazzjonali. Dawn jistgħu jkunu appoġġati matul l-istadji differenti tal-karriera tagħhom, inklużi dawk l-iktar subordinati eżatt wara l-grad dottorali tagħhom jew l-esperjenza ekwivalenti. Dawn ir-riċerkaturi ser jirċievu fondi bil-kondizzjoni li huma jiċċaqalqu minn pajjiż għall-ieħor sabiex iwessgħu jew japprofondixxu l-kompetenzi tagħhom fl-universitajiet, l-istituzzjonijiet ta’ riċerka, l-infrastrutturi tar-riċerka, in-negozji, l-SMEs jew atturi soċjoekonomiċi oħra tal-għażla tagħhom (eż. organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili), li jaħdmu fuq proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni li jaqblu mal-ħtiġijiet u l-interessi personali tagħhom. Dawn ser ikunu mħeġġa jiċċaqalqu mis-settur pubbliku għal dak privat jew viċiversa permezz tal-appoġġ ta' postijiet ta' impjieg temporanju. Dan għandu jtejjeb l-innovazzjoni tas-settur privat u jippromwovi l-mobbiltà transettorjali. L-opportunitajiet part-time li jippermettu pożizzjonijiet kombinati kemm fis-settur pubbliku kif ukoll dak privat ser ikunu wkoll appoġġati sabiex jiżdied it-trasferiment ta' għarfien bejn is-setturi u jiġi mħeġġeġ ukoll il-ħolqien ta' bidu ta’ negozji. Tali opportunitajiet ta’ riċerka mfassla apposta ser jgħinu lil riċerkaturi promettenti jsiru kompletament indipendenti u jiffaċilitaw iċ-ċaqliq bejn is-settur pubbliku u dak privat.

Sabiex jiġi sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal eżistenti tar-riċerkaturi, ser jiġu appoġġati wkoll possibiltajiet ta' taħriġ u l-akkwist ta' għarfien ġdid f'istituzzjoni ta' riċerka ta' livell għoli ta' pajjiż terz, għall-bidu mill-ġdid ta’ karriera ta’ riċerka wara waqfa u biex ir-riċerkaturi jiġu integrati (mill-ġdid) f'pożizzjoni ta' riċerka aktar fit-tul fl-Ewropa, inkluż fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom, wara esperjenza ta' mobbiltà transnazzjonali/internazzjonali li tkopri aspetti ta' ritorn u integrazzjoni.

3.3.   Stimulazzjoni tal-innovazzjoni permezz ta’ transfertilizzazzjoni tal-għarfien

L-isfidi tas-soċjetà qed isiru dejjem aktar globali u transkonfinali u l-kollaborazzjonijiet transettorjali huma kruċjali sabiex dawn jiġu affrontati b’suċċess. Il-kondiviżjoni ta’ għarfien u ideat mir-riċerka għas-suq (u viċiversa) huwa għalhekk vitali u jista’ jinkiseb biss permezz tal-konnessjoni tal-persuni. Dan ser ikun promoss permezz ta' appoġġ għal skambji flessibbli ta’ persunal b'ħiliet għolja fir-riċerka u l-innovazzjoni bejn is-setturi, il-pajjiżi u d-dixxiplini.

Il-finanzjament Ewropew ser jappoġġa l-iskambji tal-persunal involut fir-riċerka u l-innovazzjoni fi ħdan l-isħubijiet tal-universitajiet, l-istituzzjonijiet ta' riċerka, l-infrastrutturi tar-riċerka, in-negozji, l-SMEs u atturi soċjoekonomiċi oħrajn madwar l-Ewropa, kif ukoll bejn l-Ewropa u l-pajjiżi terzi sabiex tiġi rinfurzata l-kooperazzjoni internazzjonali. Dan ser ikun miftuħ għall-persunal involut fir-riċerka u l-innovazzjoni fil-livelli kollha tal-karriera, minn dak l-aktar subordinat (postuniversitarju) għal dak l-aktar superjuri (management), inkluż ukoll il-persunal amministrattiv u tekniku.

3.4.   Impatt strutturali akbar permezz tal-kofinanzjament tal-attivitajiet

L-istimular tal-programmi reġjonali, nazzjonali jew internazzjonali sabiex titrawwem l-eċċellenza u jinfirxu l-aħjar prattiki tal-Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie f’termini ta' possibbiltajiet ta’ mobbiltà madwar l-Ewropa għat-taħriġ tar-riċerkaturi, l-iżvilupp tal-karriera u l-iskambju ta’ persunal ser iżid l-impatt numeriku u strutturali tal-Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie. Dan ser iżid ukoll l-attraenza taċ-ċentri ta’ eċċellenza madwar l-Ewropa.

Dan ser jinkiseb permezz tal-kofinanzjament ta’ programmi reġjonali, nazzjonali u internazzjonali ġodda jew eżistenti, kemm pubbliċi kif ukoll privati, biex jinfetħu u jipprovdu taħriġ ta' riċerka internazzjonali, intersettorjali u interdixxiplinari, kif ukoll il-mobbiltà tar-riċerkaturi u l-persunal tal-innovazzjoni transkonfinali u intrasettojrali u fl-istadji kollha tal-karriera tagħhom.

Dan ser jippermetti l-isfruttar ta' sinerġiji bejn l-azzjonijiet tal-Unjoni u dawk fil-livell reġjonali u nazzjonali, billi tiġi miġġielda l-frammentazzjoni f’termini ta’ objettivi, metodi ta’ evalwazzjoni u kondizzjonijiet tax-xogħol tar-riċerkaturi. Fil-qafas tal-attivitajiet ta' kofinanzjament, l-utent tal-kuntratti ta' impjieg ser jiġi promoss bis-sħiħ.

3.5.   Appoġġ u azzjonijiet ta' politika speċifiċi

Sabiex l-isfida tintlaqa' b'mod effiċjenti ser ikun essenzjali li jiġi ssorveljat il-progress. L-azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie ser jappoġġaw l-iżvilupp ta’ indikaturi u l-analiżi tad-data relatata mal-mobbiltà, il-ħiliet, il-karrieri u l-ugwaljanza bejn is-sessi tar-riċerkaturi bl-għan li jikkontribwixxu għall-identifikazzjoni ta' distakki u ostakoli f'dawn l-azzjonijiet u t-titjib tal-impatt tagħhom. Dawn l-attivitajiet ser jiġu implimentati billi jiġu mfittxija sinerġiji u koordinazzjoni mill-qrib mal-azzjonijiet ta’ appoġġ tal-politika fir-rigward tar-riċerkaturi, dawk li jħaddmuhom u jiffinanzjawhom, imwettqa taħt l-objettiv speċifiku ‚L-Ewropa f'dinja li qiegħda tinbidel - Soċjetajiet inklużivi, innovattivi u riflessivi’. L-azzjonijiet speċifiċi ser jiġu ffinanzjati b'appoġġ għal inizjattivi ta' sensibilizzazzjoni dwar l-importanza ta’ karriera fir-riċerka u biex jiġu disseminati r-riżultati tar-riċerka u l-innovazzjoni li joħorġu mill-ħidma appoġġata mill-Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie.

Sabiex ikompli jiżdied l-impatt tal-azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie, in-netwerking bejn ir-riċerkaturi Marie Skłodowska-Curie (attwali u tal-passat) ser jissaħħaħ permezz ta' strateġija tas-servizzi tal-alumni. Dawn ser jvarjaw mill-appoġġ għal forum ta' kuntatt u skambju bejn ir-riċerkaturi, b'possibbiltajiet ta' esplorazzjoni ta' kollaborazzjonijiet u opportunitajiet ta’ impjiegi, għall-organizzazzjoni ta’ avvenimenti konġunti u l-involviment tal-imsieħba fl-attivitajiet ta’ komunikazzjoni bħala ambaxxaturi għall-Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie u għaż-ŻER.

3.6.   Aspetti speċifiċi ta' implimentazzjoni

L-Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie ser ikunu miftuħa għall-attivitajiet ta’ taħriġ u żvilupp tal-karriera fi ħdan l-isferi kollha ta’ riċerka u innovazzjoni indirizzati taħt it-TFUE, minn riċerka bażika sa użu mis-suq u servizzi ta’ innovazzjoni. L-oqsma tar-riċerka u l-innovazzjoni kif ukoll is-setturi ser jintgħażlu liberament mill-applikanti.

Biex jibbenefikaw mill-bażi tal-għarfien dinjija, l-azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie ser ikunu miftuħa għar-riċerkaturi u l-persunal tal-innovazzjoni, kif ukoll għall-universitajiet, l-istituzzjonijiet ta’ riċerka, l-infrastrutturi tar-riċerka, in-negozji u atturi soċjoekonomiċi oħra mill-pajjiżi kollha, inkluż pajjiżi terzi bil-kondizzjonijiet iddefiniti fir-Regolament (UE) Nru 1290/2013.

Matul l-attivitajiet kollha deskritti hawn fuq, ser tingħata attenzjoni lill-inkoraġġiment ta' parteċipazzjoni b'saħħitha tal-impriżi, b'mod partikolari l-SMEs, kif ukoll ta' atturi soċjoekonomiċi oħra fl-implimentazzjoni u impatt ta' suċċess tal-azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie. Il-kollaborazzjoni fit-tul bejn l-edukazzjoni għolja, l-organizzazzjonijiet ta’ riċerka u s-settur pubbliku u dak privat, li tqis il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, hija promossa matul l-azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie kollha.

L-azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie ser jiġu żviluppati f'sinerġija mill-qrib ma' programmi oħra li jappoġġaw dawn l-objettivi ta' politika, inkluż il-programm Erasmus+ u l-Komunitajiet tal-Għarfien u l-Innovazzjoni tal-EIT.

Tinżamm il-possibbiltà, jekk ikun hemm il-ħtieġa speċifika, li jiġu mmirati ċerti attivitajiet taħt l-azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie fir-rigward tal-isfidi tas-soċjetà, it-tipi ta’ istituzzjonijiet ta’ riċerka u innovazzjoni, jew il-postijiet ġeografiċi speċifiċi sabiex jirreaġixxu għall-evoluzzjoni tar-rekwiżiti tal-Ewropa f’termini ta’ ħiliet, taħriġ fir-riċerka, żvilupp tal-karriera u kondiviżjoni tal-għarfien.

Sabiex ikunu miftuħin għas-sorsi kollha ta’ talent, ser ikunu żgurati miżuri ġenerali biex tingħeleb kwalunkwe distorsjoni fl-aċċess għall-għotjiet pereżempju, billi jiġu mħeġġa opportunitajiet ugwali għal riċerkaturi rġiel u nisa fl-azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie kollha u permezz ta’ parametri relatati mal-parteċipazzjoni skont il-ġens. Barra minn hekk, l-azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie ser jappoġġaw ir-riċerkaturi biex jiġu stabbiliti f’karriera iktar stabbli u jiżguraw li dawn ikunu jistgħu jiksbu l-bilanċ xieraq bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, filwaqt li titqies is-sitwazzjoni familjari tagħhom, u jiffaċilitaw t-tkomplija ta’ karriera fir-riċerka wara żmien ta' waqfien. Il-prinċipji tal-Karta Ewropea tar-Riċerkaturi u l-Kodiċi ta’ Kondotta għar-Reklutaġġ ta' Riċerkaturi li jippromwovu reklutaġġ miftuħ u kondizzjonijiet ta' xogħol attraenti huma rakkomandati li jiġu approvati u applikati mill-parteċipanti ffinanzjati kollha.

Sabiex ikomplu jissaħħu d-disseminazzjoni u l-involviment pubbliku, il-benefiċjarji tal-azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie jistgħu jkunu meħtieġa jippjanaw attivitajiet ta' komunikazzjoni xierqa għall-pubbliku ġenerali. Dan il-pjan ser ikun ivvalutat matul il-proċess ta’ evalwazzjoni kif ukoll matul is-segwitu tal-proġett.

4.   INFRASTRUTTURI TA' RIĊERKA

L-attivitajiet ser ikollhom l-għan li jiżviluppaw infrastrutturi tar-riċerka Ewropej eċċellenti għall-2020 u lil hinn, irawmu l-potenzjal ta' innovazzjoni u r-riżorsi umani tagħhom u jirrinfurzaw il-politika Ewropea. Il-koordinazzjoni mas-sorsi ta’ finanzjament ta’ koeżjoni ser ikunu indirizzati sabiex jiġu żgurati sinerġiji u approċċ koerenti għall-iżvilupp tal-infrastrutturi tar-riċerka. Ser jiġu mħeġġa sinerġiji mal-azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie.

4.1.   Żvilupp tal-infrastrutturi tar-riċerka Ewropej għall-2020 u lil hinn

4.1.1.   Żvilupp ta' infrastrutturi tar-riċerka ġodda mill-aqwa

L-għan huwa li jiġu ffaċilitati u appoġġati t-tħejjija, l-implimentazzjoni, is-sostenibbiltà fit-tul u t-tħaddim effiċjenti tal-infrastrutturi tar-riċerka identifikati mill-Forum Strateġiku Ewropew għall-Infrastrutturi tar-Riċerka (ESFRI) u ta' infrastrutturi tar-riċerka mill-aqwa oħrajn, li ser jgħinu lill-Ewropa twieġeb għall-isfidi l-kbar fix-xjenza, l-industrija u s-soċjetà. Dan l-objettiv ser jindirizza speċifikament dawk l-infrastrutturi li qed jippjanaw li jistabbilixxu, qegħdin jistabbilixxu jew stabbilixxew il-governanza tagħhom, eż. abbażi tal-Konsorzju Ewropew għal Infrastruttura ta’ Riċerka (ERIC) jew kwalunkwe struttura ekwivalenti fuq livell Ewropew jew internazzjonali.

Il-fondi tal-Unjoni ser jikkontribwixxu, kif xieraq, għal:

(a)

il-fażi preparatorja tal-infrastrutturi futuri (eż. pjani dettaljati ta’ kostruzzjoni, arranġamenti legali, pjanar pluriennali, u l-involviment bikri tal-industrija);

(b)

il-fażi ta’ implimentazzjoni (eż. riċerka u żvilupp u xogħol ta’ inġinerija b'mod konġunt mal-industrija u l-utenti, u l-Iżvilupp ta’ Faċilitajiet Reġjonali tal-Imsieħba (6) bl-għan ta’ żvilupp aktar ibbilanċjat taż-ŻER); u/jew

(c)

il-fażi operattiva (eż. aċċess, immaniġġjar tad-data, attivitajiet ta’ komunikazzjoni, taħriġ u ta' kooperazzjoni internazzjonali).

Din l-attività ser tappoġġa wkoll l-istudji ta' tfassil għall-infrastrutturi tar-riċerka ġodda b'approċċ axxendenti.

4.1.2.   Integrazzjoni u ftuħ ta' infrastrutturi tar-riċerka nazzjonali u reġjonali eżistenti ta’ interess Ewropew

L-għan huwa li, fejn adatt, l-infrastrutturi tar-riċerka nazzjonali u reġjonali prinċipali jinfetħu għar-riċerkaturi Ewropej kollha, kemm mid-dinja akkademika kif ukoll mill-industrija, u li jiġi żgurat l-użu ottimali u l-iżvilupp konġunt ta' dawn l-infrastrutturi.

L-Unjoni ser tappoġġa n-netwerks u r-raggruppamenti li jgħaqqdu u jintegraw, fuq skala Ewropea, l-infrastrutturi tar-riċerka nazzjonali prinċipali. Il-finanzjament ser jiġi pprovdut, b’mod partikolari, bħala appoġġ għall-aċċess transnazzjonali u virtwali tar-riċerkaturi u l-armonizzazzjoni u t-titjib tas-servizzi li jipprovdu l-infrastrutturi.

4.1.3.   Żvilupp, użu u tħaddim ta' infrastrutturi elettroniċi bbażati fuq l-ICT  (7)

L-għan huwa li sal-2020 tinkiseb l-aqwa kapaċità fid-dinja fin-netwerking, il-kompjuterizzazzjoni u d-data xjentifika fi spazju Ewropew uniku u miftuħ għar-riċerka online fejn ir-riċerkaturi igawdu minn servizzi affidabbli, li jinsabu kullimkien u mill-aktar avvanzati għan-netwerking u l-komputerizzazzjoni, u aċċess bla xkiel u miftuħ għall-ambjenti tax-Xjenza elettronika u r-riżorsi tad-data globali.

Sabiex jintlaħaq dan l-għan, ser jingħata appoġġ lil: netwerks globali ta' riċerka u edukazzjoni li jipprovdu servizzi fuq talba bejn id-dominji, li huma avvanzati, standardizzati u li jistgħu jiġu adattati; infrastrutturi tan-netwerk u infrastrutturi cloud li jipprovdu kapaċità komputerizzazzjonali u tal-ipproċessar tad-data virtwalment mingħajr limiti; ekosistema ta’ faċilitajiet għas-superkomputerizzazzjoni, li tavvanza lejn l-exascale; infrastruttura għal software u servizzi, eż. għas-simulazzjoni u l-viżwalizzazzjoni; għodod ta’ kollaborazzjoni f'ħin reali; u infrastruttura tad-data xjentifika interoperabbli, miftuħa u fdata.

4.2.   Trawwim tal-potenzjal ta' innovazzjoni ta’ infrastrutturi tar-riċerka u r-riżorsi umani tagħhom

4.2.1.   Sfruttament tal-potenzjal ta’ innovazzjoni tal-infrastrutturi tar-riċerka:

L-għan huwa li tiġi stimulata l-innovazzjoni kemm fl-infrastrutturi innifishom kif ukoll fl-industriji, bħall-industrija tal-fornitur u tal-utent.

Għal dan il-għan, għandu jingħata appoġġ lil:

(a)

is-sħubijiet tar-R&Ż mal-industrija biex jiżviluppaw il-kapaċitajiet tal-Unjoni u l-provvista industrijali fl-oqsma ta' teknoloġija għolja bħall-istrumentazzjoni xjentifika jew l-ICT;

(b)

l-akkwist prekummerċjali minn atturi tal-infrastruttura tar-riċerka sabiex imexxu 'l quddiem l-innovazzjoni u jkunu minn tal-ewwel li jadottaw jew jiżviluppaw it-teknoloġiji l-aktar avvanzati;

(c)

lill-istimular tal-użu ta' infrastrutturi tar-riċerka mill-industrija, eż. bħala faċilitajiet għall-ittestjar sperimentali jew ċentri bbażati fuq l-għarfien; u

(d)

l-inkoraġġiment tal-integrazzjoni tal-infrastrutturi tar-riċerka f'ekosistemi ta' innovazzjoni lokali, reġjonali u globali.

L-azzjonijiet tal-Unjoni ser jippromwovu wkoll l-użu tal-infrastrutturi tar-riċerka, partikolarment l-infrastrutturi elettroniċi, għas-servizzi pubbliċi, l-innovazzjoni soċjali, il-kultura, l-edukazzjoni u t-taħriġ.

4.2.2.   Tisħiħ tal-kapital uman tal-infrastrutturi tar-riċerka

Il-kumplessità tal-infrastrutturi tar-riċerka u l-isfruttar tal-potenzjal sħiħ tagħhom jesiġu ħiliet adegwati għall-maniġers, l-inġiniera u l-persuni tekniċi tagħhom, kif ukoll l-utenti.

Il-finanzjament tal-Unjoni ser jappoġġa t-taħriġ tal-persunal li jimmaniġġja u jopera l-infrastrutturi tar-riċerka ta’ interess pan-Ewropew, l-iskambju ta’ persunal u l-aħjar prattiki bejn il-faċilitajiet, u l-provvista adegwata ta' riżorsi umani fid-dixxiplini prinċipali, inkluż il-ħolqien ta’ kurrikula edukattivi speċifiċi. Sinerġiji mal-azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie ser jiġu mħeġġa.

4.3.   Rinfurzar tal-politika dwar l-infrastrutturi tar-riċerka Ewropej u l-kooperazzjoni internazzjonali

4.3.1.   Rinfurzar tal-politika dwar l-infrastrutturi tar-riċerka Ewropej.

L-għanijiet huma li jiġu sfruttati s-sinerġiji bejn l-inizjattivi nazzjonali u tal-Unjoni permezz tal-istabbiliment ta' sħubijiet bejn dawk li jfasslu l-politika, il-korpi ta' finanzjament jew il-gruppi konsultattivi rilevanti (eż. l-ESFRI, il-Grupp ta’ Riflessjoni dwar l-Infrastruttura elettronika (e-IRG), l-organizzazzjonijiet tal-EIROForum, u l-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali), kif ukoll l-iżvilupp ta’ komplementarjetajiet u kooperazzjoni bejn l-infrastrutturi tar-riċerka u attivitajiet li jimplimentaw politiki oħrajn tal-Unjoni, (bħall-politika reġjonali, ta' koeżjoni, industrijali, tas-saħħa, ambjentali, tal-impjiegi jew tal-iżvilupp), u li jiżguraw l-koordinazzjoni bejn is-sorsi ta’ finanzjament differenti tal-Unjoni. L-azzjonijiet tal-Unjoni ser jappoġġaw ukoll l-istħarriġ, il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-infrastrutturi tar-riċerka fuq il-livell tal-Unjoni, kif ukoll studji tal-politika u kompiti ta' komunikazzjoni rilevanti.

Orizzont 2020 ser jiffaċilita l-isforzi tal-Istati Membri biex itejbu bl-aħjar mod il-faċilitajiet ta' riċerka tagħhom permezz ta' appoġġ għal bażi tad-data aġġornata għall-Unjoni kollha dwar infrastrutturi tar-riċerka apertament aċċessibbli fl-Ewropa. 4.3.2.

4.3.2.   Faċilitazzjoni tal-kooperazzjoni internazzjonali strateġika

L-għan huwa li jiġi ffaċilitat l-iżvilupp tal-infrastrutturi tar-riċerka globali, jiġifieri l-infrastrutturi tar-riċerka li jesiġu finanzjament u ftehimiet fuq skala globali. L-għan huwa wkoll li tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni tal-infrastrutturi Ewropej tar-riċerka mal-kontropartijiet mhux Ewropej tagħhom, billi tiġi żgurata l-interoperabbiltà u l-kopertura globali tagħhom, u jinkisbu ftehimiet internazzjonali dwar l-użu, il-ftuħ jew il-kofinanzjament reċiproċi tal-infrastrutturi. F’dan ir-rigward ser jiġu kkunsidrati r-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp Carnegie ta' Uffiċjali Superjuri dwar Infrastrutturi tar-Riċerka Globali. Ser tingħata wkoll attenzjoni sabiex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni xierqa tal-Unjoni fil-koordinazzjoni mal-korpi internazzjonali bħan-Nazzjonijiet Uniti (NU) jew l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD).

4.4.   Aspetti speċifiċi ta' implimentazzjoni

Matul l-implimentazzjoni, ser jiġu kkonsultati gruppi ta’ esperti indipendenti, kif ukoll partijiet interessati u korpi konsultattivi, bħall-ESFRI u l-e-IRG.

L-implimentazzjoni ser ssegwi approċċ fuq tliet binarji: minn isfel għal fuq fejn il-kontenut preċiż u l-isħubija ta’ proġetti mhumiex magħrufa; immirat fejn l-infrastrutturi tar-riċerka speċifiċi u/jew il-komunitajiet indirizzati huma definiti sew; u benefiċjarji msemmija, pereżempju fejn tiġi pprovduta kontribuzzjoni għall-ispejjeż operattivi lil (konsorzju ta’) operatur(i) tal-infrastruttura.

L-għanijiet tal-linji ta' attività stabbiliti taħt it-taqsimiet 4.2 u 4.3 għandhom jinkisbu permezz ta' azzjonijiet iddedikati, kif ukoll fi ħdan l-azzjonijiet żviluppati taħt it-taqsima 4.1, meta adatt.

PARTI II

TMEXXIJA INDUSTRIJALI

1.   TMEXXIJA F'TEKNOLOĠIJI ABILITANTI U INDUSTRIJALI

Ġenerali

Is-suċċess fil-ħakma, l-integrazzjoni u l-użu ta' teknoloġiji abilitanti mill-industrija Ewropea huwa fattur ewlieni biex jissaħħu l-produttività u l-kapaċità innovattiva tal-Ewropa u biex jiġi żgurat li l-Ewropa għandha ekonomija avvanzata, sostenibbli u kompetittiva, tmexxija globali fis-setturi tal-applikazzjonijiet teknoloġiċi avvanzati u ħila biex tiżviluppa soluzzjonijiet effettivi u sostenibbli għall-isfidi tas-soċjetà filwaqt li jiġu meqjusa, fost l-oħrajn, il-ħtiġijiet tal-utenti. L-attivitajiet ta' innovazzjoni se jingħaqdu mar-riċerka u l-iżvilupp bħala parti integrali mill-finanzjament.

Approċċ integrat għat-Teknoloġiji Abilitanti Essenzjali

Komponent ewlieni tal-objettiv speċifiku ‘Tmexxija f'Teknoloġiji Abilitanti u Industrijali’ huma t-Teknoloġiji Abilitanti Essenzjali ("Key Enabling Technologies - KETs"), iddefiniti bħala l-mikro- u nanoelettronika, il-fotonika, in-nanoteknoloġija, il-bijoteknoloġija, il-materjali avvanzati u s-sistemi avvanzati ta’ manifattura. Ħafna prodotti innovattivi jinkorporaw diversi minn dawn it-teknoloġijai b’mod simultanju, bħala partijiet uniċi jew integrati. Filwaqt li kull teknoloġija toffri innovazzjoni teknoloġika, il-benefiċċju akkumulat min-numru kbir ta' interazzjonijiet tal-KETs u teknoloġiji industrijali abilitanti oħrajn u l-kombinazzjonijiet tagħhom, jista' wkoll iwassal għal progress teknoloġiku kbir. L-isfruttar tat-teknoloġiji abilitanti essenzjali trasversali jsaħħaħ il-kompetittività u l-impatt tal-prodotti, jistimula t-tkabbir u l-impjiegi u jipprovdi opportunitajiet ġodda biex jiġu ttrattati l-isfidi għas-soċjetà. Għaldaqstant, se jiġu sfruttati l-interazzjonijiet numerużi ta' dawn it-teknoloġiji. Ser jingħata appoġġ dedikat għal proġetti ta' linji pilota u dimostrazzjoni ta' skala ikbar biex jiġu implimentati f'diversi ambjenti u kundizzjonijiet.

Dan se jinkludi l-attivitajiet ta' KETs u KETs trasversali (multi KETs) li jgħaqqdu u jintegraw diversi teknoloġiji individwali, li jirriżulta fil-validazzjoni ta' teknoloġiji ġewwa ambjent industrijali għal sistema kompluta u kwalifikata, lesta għas-suq jew qrib li tidħol fih. L-involviment qawwi tas-settur privat f’tali attivitajiet u d-dimostrazzjoni ta' kif ir-riżultati tal-proġett ser jikkontribwixxu għall-valur tas-suq għall-Unjoni ser ikunu prerekwiżiti u għalhekk l-implimentazzjoni tista' tieħu l-forma ta' sħubijiet pubbliċi-privati. Għal dan il-għan u permezz tal-istruttura ta' implimentazzjoni ta' Orizzont 2020, ser jiġi żviluppat programm konġunt ta' ħidma għall-attivitajiet trasversali tal-KETs. Filwaqt li jqis il-ħtiġijiet tas-suq u r-rekwiżiti tal-isfidi tas-soċjetà, il-programm se jkollu l-għan li jipprovdi moduli ġeneriċi tal-KETs u l-multi-KETs għall-oqsma differenti ta' applikazzjoni, inklużi l-isfidi tas-soċjetà. Barra minn hekk, se jitfittxu sinerġiji, fejn adatt, bejn attivitajiet tal-KET u l-attivitajiet taħt il-qafas tal-politika ta' koeżjoni fil-kuntest tal-istrateġiji R&I nazzjonali u reġjonali għal speċjalizzazzjoni intelliġenti, kif ukoll mal-EIT, il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u, fejn adatt, mal-attivitajiet imħaddma mill-Istati Membri fl-ambitu tal-Inizjattivi tal-Ipprogrammar Konġunt.

Aspetti speċifiċi ta' implimentazzjoni

L-attivitajiet ta' innovazzjoni se jinkludu l-integrazzjoni ta' teknoloġiji individwali; dimostrazzjonijiet tal-kapaċitajiet li joħolqu u jipprovdu prodotti, sistemi, proċessi u servizzi innovattivi; piloti tal-utenti u l-klijenti li jagħtu prova tal-fattibbiltà u l-valur miżjud; u dimostraturi fuq skala kbira biex tiġi ffaċilitata l-penetrazzjoni fis-suq tar-riżultati tar-riċerka. Se tingħata attenzjoni adegwata lil proġetti ta' skala żgħira u medja. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni taħt din il-Parti ser tinkoraġġixxi l-involviment ta' timijiet ta' riċerka żgħar u ta' daqs medju, li jikkontribwixxi għal parteċipazzjoni aktar attiva mill-SMEs.

Se jiġu integrati teknoloġiji individwali varji, li jirriżulta f'validazzjoni tat-teknoloġiji f’ambjent industrijali għal sistema kwalifikata u kompleta, lesta għas-suq. L-involviment qawwi tas-settur privat f'tali attivitajiet se jkun prerekwiżit, inklużi s-sħubijiet pubbliċi-privati.

Azzjonijiet orjentati lejn id-domanda se jikkomplementaw l-ispinta teknoloġika tal-inizjattivi ta' riċerka u ta' innovazzjoni. Dawn jinkludu li jsir l-aħjar użu ta' akkwist pubbliku tal-innovazzjoni; l-iżvilupp ta' standards tekniċi adatti u attivitajiet tekniċi b'appoġġ għall-istandardizzazzjoni u r-regolazzjoni; domanda privata u involviment tal-utenti biex jinħolqu swieq aktar miftuħa għall-innovazzjoni.

Għan-nanoteknoloġia u l-bijoteknoloġija b'mod partikolari, l-involviment ta' partijiet interessati u tal-pubbliku ġenerali se jkollhom l-għan li jqajmu kuxjenza dwar il-benefiċċji u r-riskji. Il-valutazzjoni tas-sikurezza u l-ġestjoni tar-riskji globali fl-introduzzjoni ta’ dawn it-teknoloġiji se tkun indirizzata sistematikament. Fejn adatt, ix-xjenzi soċjali u l-umanitajiet ser jikkontribwixxu biex jittieħed kont tal-preferenzi u l-aċċettazzjoni tal-ħtiġijiet tal-utent kif ukoll biex jiġu żgurati l-impenn tas-soċjetà u l-għażla infurmata tal-konsumaturi.

L-attivitajiet appoġġati taħt dan l-objettiv speċifiku ser jikkumplimentaw l-appoġġ għar-riċerka u l-innovazzjoni f’teknoloġiji abilitanti, li jistgħu jiġu pprovduti mill-awtoritajiet nazzjonali jew reġjonali taħt il-Fondi tal-Politika ta' Koeżjoni, fil-qafas tal-istrateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti.

Dan l-objettiv speċifiku għandu, bħala parti mill-funzjonament ta' azzjonijiet, jappoġġa wkoll l-attivitajiet ta' trasferiment tat-teknoloġija (kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak reġjonali), inkluż l-iżvilupp tar-raggruppamenti internazzjonali u reġjonali tal-innovazzjoni, għall-promozzjoni ta' rabtiet aktar effettivi bejn l-universitajiet u l-industrija.

Se jitfittxu inizjattivi strateġiċi ta' kooperazzjoni internazzjonali fl-oqsma ta’ interess u benefiċċju reċiproku mal-pajjiżi imsieħba prinċipali. Ta’ interess partikolari, iżda mhux esklużiv, għat-teknoloġiji abilitanti u industrijali huma:

l-aċċess għall-aqwa kompetenza xjentifika u teknoloġika fid-dinja;

l-iżvilupp ta’ standards globali;

it-tneħħija ta’ konġestjonijiet fl-isfruttar industrijali, il-kollaborazzjoni fl-R&D u l-kundizzjonijiet għall-kummerċ;

is-sikurezza tal-prodotti bbażati fuq in-nanoteknoloġija u l-bijoteknoloġija u l-impatt fit-tul tal-użu tagħhom

l-iżvilupp ta’ materjali u metodi sabiex jitnaqqas il-konsum ta’ enerġija u riżorsi;

inizjattivi kollaborattivi internazzjonali mmexxija mill-industrija fi ħdan il-komunità tal-manifattura; u

l-interoperabbiltà tas-sistemi.

1.1.   Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (ICT)

Għadd ta’ linji ta’ attivitajiet se jimmiraw għall-isfidi ta’ tmexxija industrijali u teknoloġika tal-ICT fil-katina kollha ta' valur u jkopru l-aġendi ġeneriċi tar-riċerka u innovazzjoni fl-ICT, inklużi notevolment:

1.1.1.   Ġenerazzjoni ġdida ta' komponenti u sistemi: Inġinerija ta' komponenti u sistemi inkorporati, avvanzati u effiċjenti fl-użu tal-enerġija u r-riżorsi

L-objettiv huwa li tinżamm u tissaħħaħ it-tmexxija Ewropea fit-teknoloġiji marbuta mal-komponenti u s-sistemi inkorporati, avvanzati, robusti u effiċjenti fl-użu tal-enerġija u r-riżorsi. Dan jinkludi wkoll mikro-nano-bijosistemi, l-elettronika organika, l-integrazzjoni fuq medda kbira, it-teknoloġiji sottostanti għall-Internet tal-Oġġetti (IoT) (8), inklużi pjattaformi bħala appoġġ għall-forniment ta' servizzi avvanzati, sensuri, sistemi integrati intelliġenti, sistemi inkorporati u distribwiti, sistemi ta' sistemi u sistemi kumplessi tal-inġinerija.

1.1.2.   Informatika tal-ġenerazzjoni li jmiss: Sistemi u teknoloġiji tal-informatika avvanzati u siguri, inkluż il-cloud computing

L-objettiv huwa li jiġu mobilizzati assi Ewropej fl-arkitettura tal-ipproċessar u tas-sistemi, teknoloġiji ta' interkonnessjoni u lokalizzazzjoni tad-data, cloud computing, informatika parallela, immudellar u software tas-simulazzjoni għas-segmenti kollha tas-suq, inkluż applikazzjonijiet tal-inġinerija (bħal, fost l-oħrajn, kwantifikazzjoni tal-inċertezza, analiżi tar-riskju u deċiżjonijiet dwar l-inġinerija).

1.1.3.   Internet tal-Futur: Software, ħardwer, infrastrutturi, teknoloġiji u servizzi

L-objettiv huwa li tiġi rinfurzata l-kompetittività tal-industrija Ewropea fl-iżvilupp, il-kontroll u l-iffurmar tal-Internet tal-ġenerazzjoni li jmiss li gradwalment se jissostitwixxi u jissupera l-Web attwali, in-netwerks fissi u mobbli u l-infrastrutturi ta' servizz attwali, u li tkun possibbli l-interkonnessjoni ta' triljuni ta' apparati (IoT) fost operaturi u dominji multipli li se jbiddlu l-mod ta’ kif nikkomunikaw, naċċessaw u nużaw l-għarfien. Dan jinkludi riċerka u innovazzjoni (R&I) fuq netwerks, software, proċessi u servizzi, ċibersigurtà, privatezza, affidabbiltà u fiduċja, komunikazzjoni mingħajr wires (9) u n-netwerks ottiċi kollha, multimedja interattiva immersiva u fuq l-impriża kkollegata tal-futur.

1.1.4.   Teknoloġiji tal-kontenut u ġestjoni tal-informazzjoni: ICT għal kontenut diġitali u għal industriji kulturali u kreattivi

L-objettiv huwa li tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-Ewropa bħala fornitur ta' prodotti u servizzi bbażati fuq il-kreattività individwali u kummerċjali. Huwa ser jagħmel dan billi jagħti lill-professjonisti u liċ-ċittadini għodod ġodda sabiex joħolqu, jaċċessaw, jisfruttaw, jippreżervaw u jużaw mill-ġdid il-forom kollha ta’ kontenut diġitali fi kwalunkwe lingwa u sabiex jimmudellaw, janalizzaw u jivviżwalizzaw l-ammonti vasti ta’ data (data avvanzata), inkluża d-data kkollegata. Dan jinkludi teknoloġiji ġodda għall-arti, il-lingwa, it-tagħlim, l-interazzjoni, il-preżervazzjoni diġitali, id-disinn tal-web, l-aċċess għall-kontenut, l-analitika u l-mezzi ta' komunikazzjoni; u sistemi intelliġenti u li jadattaw ruħhom ta' ġestjoni tal-informazzjoni bbażati fuq estrazzjoni avvanzata tad-data, tagħlim awtomatiku, analiżi statistika u teknoloġiji viżwali tal-informatika.

1.1.5.   Interfacċji avvanzati u robots: Robotika u spazji intelliġenti

L-objettiv huwa li tiġi rinfurzata t-tmexxija xjentifika u industrijali Ewropea fir-robotika industrijali u tas-servizzi, sistemi konjittivi u komunikattivi, interfaċċji avvanzati u spazji intelliġenti, u magni senzjenti, li jibnu fuq iż-żidiet fil-prestazzjoni tal-informatika u n-netwerking u progress fil-kapaċità li jitfasslu u jinbnew sistemi li jistgħu jitgħallmu, jimmontaw lilhom infushom, jadattaw u jirreaġixxu jew li jottimizzaw l-interazzjonijiet bejn il-bnedmin u l-magni. Fejn ikun opportun, is-sistemi żviluppati u l-avvanzi minn ta' quddiem nett għandhom jiġu vvalidati f'ambjenti tad-dinja reali.

1.1.6.   Mikro- u nanoelettronika u fotonika: Teknoloġiji abilitanti essenzjali relatati ma' mikro- u nanoelettronika u ma' fotonika, li jkopru wkoll it-teknoloġiji quantum

L-objettiv huwa tiġi sfruttata l-eċċellenza tal-Ewropa f'dawn it-teknoloġiji abilitanti essenzjali u biex tiġi appoġġata u tkompli tittejjeb il-kompetittività u t-tmexxija tas-suq tal-industrija tagħha. L-attivitajiet se jinkludu wkoll ir-riċerka u l-innovazzjoni dwar id-disinn, proċessi avvanzati, linji pilota għall-manifattura, teknoloġiji ta' produzzjoni relatati u azzjonijiet ta' dimostrazzjoni li jivvalidaw l-iżviluppi teknoloġiċi u l-mudelli kummerċjali innovattivi kif ukoll it-teknoloġiji sottostanti tal-ġenerazzjoni li jmiss li jisfruttaw l-avvanzi fil-fiżika quantum.

Dawn is-sitt linji ta’ attività ewlenin huma mistennija li jkopru l-firxa sħiħa tal-ħtiġijiet, b'kont meħud tal-kompetittività tal-industrija Ewropea fuq skala globali. Dawn jistgħu jinkludu t-tmexxija industrijali f'soluzzjonijiet, prodotti u servizzi ġeneriċi bbażati fuq l-ICT, meħtieġa biex jiġu indirizati l-isfidi tas-soċjetà ewlenin kif ukoll riċerka fl-ICT xprunata mill-applikazzjoni u aġendi tal-innovazzjoni li se jkunu appoġġati flimkien mal-isfida rilevanti tas-soċjetà. Fid-dawl tal-avvanz dejjem akbar tat-teknoloġija fl-oqsma kollha tal-ħajja, l-interazzjoni bejn il-bnedmin u t-teknoloġija se tkun importanti f'dan ir-rigward, u parti mir-riċerka fl-ICT xprunata mill-applikazzjoni msemmija hawn fuq. Ir-riċerka b'perspettiva ffokata fuq id-domanda ser tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' soluzzjonijiet kompetittivi.

Inklużi taħt kull waħda minn dawn is-sitt linji maġġuri ta’ attività huma wkoll l-infrastrutturi tar-riċerka speċifiċi għall-ICT, bħal-laboratorji ħajjin għall-isperimentazzjoni, u infrastrutturi għat-teknoloġiji abilitanti essenzjali sottostanti u l-integrazzjoni tagħhom fi prodotti avvanzati u sistemi intelliġenti innovattivi, inkluż it-tagħmir, għodod, servizzi ta' appoġġ, swali nodfa u aċċess għall-funderiji għall-ħolqien tal-prototipi.

Dan għandu jiġi implimentat b'mod li jiżgura komplimentarjetà u konsistenza mal-objettiv speċifiku "Infrastrutturi tar-Riċerka" taħt il-prijorità "Xjenza Eċċellenti".

L-attivitajiet ser jappoġġaw ir-riċerka u l-iżvilupp ta' sistemi tal-ICT fir-rispett sħiħ tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-persuni naturali u b'mod partikolari d-dritt tagħhom għall-privatezza.

1.2.   Nanoteknoloġiji

1.2.1.   Żvilupp ta’ nanomaterjali, nanoapparati u nanosistemi tal-ġenerazzjoni li jmiss

L-iżvilupp u l-integrazzjoni tal-għarfien ta' fenomeni ta' nanoskala f'salib it-toroq ta’ dixxiplini xjentifiċi differenti, li jimmiraw għal prodotti u sistemi fundamentalment ġodda li jippermettu soluzzjonijiet sostenibbli fuq firxa wiesgħa ta' setturi.

1.2.2.   Żgurar tal-iżvilupp u l-applikazzjoni sikuri u sostenibbli tan-nanoteknoloġiji

L-avvanzar tal-għarfien xjentifiku dwar l-impatt potenzjali tan-nanoteknoloġiji fuq is-saħħa jew fuq l-ambjent għal governanza proattiva, ibbażata fuq ix-xjenza, tan-nanoteknoloġiji, u l-forniment ta’ għodod, metodi u pjattaformi xjentifiċi vvalidati għall-valutazzjoni u ġestjoni tal-periklu, l-esponiment u r-riskju matul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja tan-nanomaterjali u n-nanosistemi, li jinkludi kwistjonijiet ta' standardizzazzjoni.

1.2.3.   Żvilupp tad-dimensjoni tas-soċjetà fir-rigward tan-nanoteknoloġija

L-indirizzar tal-bżonnijiet umani u fiżiċi tal-introduzzjoni tan-nanoteknoloġija u l-iffokar fuq il-governanza tan-nanoteknoloġija għall-benefiċċju tas-soċjetà u l-ambjent, li jinkludi strateġiji ta' komunikazzjoni biex jiżguraw impenn soċjali.

1.2.4.   Sintesi u manifattura effiċjenti u sostenibbli ta’ nanomaterjali, komponenti u sistemi

Iffokar fuq operazzjonijiet ġodda, flessibbli, skalabbli u repetibbli, integrazzjoni intelliġenti ta’ proċessi ġodda u eżistenti, inkluż konverġenza teknoloġika bħan-nanobijoteknoloġija, kif ukoll titjib biex ikun hemm produzzjoni sostenibbli fuq skala kbira u bi preċiżjoni kbira ta' prodotti u flessibbiltà u impjanti għal ħafna skopijiet li jiżgura t-trasferiment effiċjenti tal-għarfien f'innovazzjoni industrijali.

1.2.5.   Żvilupp u standardizzazzjoni ta’ tekniki, metodi ta’ kejl u tagħmir li jtejbu l-kapaċità

L-iffokar fuq it-teknoloġiji sottostanti, li jappoġġaw l-iżvilupp u l-introduzzjoni fis-suq ta' nanomaterjali u nanosistemi sikuri u kumplessi, inkluż in-nanometroloġija, il-karatterizzazzjoni u l-manipulazzjoni tal-materja fuq in-nanoskala, l-immudellar, id-disinn fuq kompjuter u l-inġinerija avvanzata fuq livell atomiku.

1.3.   Materjali avvanzati

1.3.1.   Teknoloġiji tal-materjali trasversali u abilitanti

Riċerka dwar materjali ddisinjati, materjali funzjonali, materjali multifunzjonali b'kontenut ogħla ta' għarfien, funzjonalitajiet ġodda u prestazzjoni mtejba, bħalma huma materjali ta' awtotiswija jew bijokompatibbli, materjali awtoriġeneranti, materjali manjetiċi ġodda u materjali strutturali, għal innovazzjoni fis-setturi kollha industrijali b'mod partikolari għal swieq ta' valur għoli, u inklużi l-industriji kreattivi.

1.3.2.   Żvilupp u trasformazzjoni ta' materjali

Riċerka u żvilupp sabiex jiġi żgurat żvilupp u skalar ’il fuq effiċjenti, sikur u sostenibbli li jippermetti l-manifattura industrijali ta' prodotti futuri bbażati fuq disinn lejn ġestjoni "mingħajr skart" tal-materjali fl-Ewropa eż. fl-industriji tal-metall, kimiċi jew bijoteknoloġiċi, u biex jitjieb l-għarfien dwar il-mekkaniżmi tad-degradazzjoni tal-materjali (xedd, korrużjoni u affidabbiltà mekkanika).

1.3.3.   Ġestjoni tal-komponenti tal-materjali

Riċerka u żvilupp għal tekniki ġodda u innovattivi għal materjali, komponenti u sistemi, l-immuntar, l-adeżjoni, is-separazzjoni, l-assemblaġġ, l-awtoassemblaġġ u ż-żarmar, id-dekompożizzjoni u d-dekostruzzjoni ta' komponenti ta' materjali, u l-ġestjoni tal-ispejjeż tul il-ċiklu tal-ħajja u l-impatti ambjentali permezz tal-użu ġdid ta' teknoloġija ta' materjali avvanzati.

1.3.4.   Materjali għal industrija sostenibbli, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u b'emissjonijiet baxxi

L-iżvilupp ta’ prodotti u applikazzjonijiet ġodda, mudelli kummerċjali u mġiba responsabbli tal-konsumatur li jżidu l-użu tar-riżorsi rinnovabbli għal applikazzjonijiet sostenibbli, inaqqsu d-domanda għall-enerġija fiċ-ċiklu sħiħ tal-ħajja tal-prodott u jiffaċilitaw il-produzzjoni b’livell baxx ta’ emissjonijiet, kif ukoll l-intensifikazzjoni tal-proċessi, ir-riċiklaġġ, id-dekontaminazzjoni, il-materjali għall-ħażna tal-enerġija u l-materjali b’potenzjali għal valur miżjud għoli mill-iskart u l-manifattura mill-ġdid.

1.3.5.   Materjali għal industriji kreattivi, inkluż il-patrimonju

L-applikazzjoni ta’ disinn u l-iżvilupp ta’ teknoloġiji konverġenti sabiex jinħolqu opportunitajiet ġodda ta’ neġozju, inkluż il-preservazzjoni u r-restawr tal-wirt u l-materjali tal-Ewropa li għandhom valur storiku jew kulturali, kif ukoll materjali ġodda.

1.3.6.   Metroloġija, karatterizzazzjoni, standardizzazzjoni u kontroll tal-kwalità

Promozzjoni ta’ teknoloġiji bħall-karatterizzazzjoni, l-evalwazzjoni mhux distruttiva, il-valutazzjoni u l-monitoraġġ kontinwi u l-immudellar tal-prestazzjoni mbassra għal progress u l-impatt fix-xjenza u l-inġinerija tal-materjali.

1.3.7.   Ottimizzazzjoni tal-użu tal-materjali

Riċerka u żvilupp biex jiġu investigati s-sostituzzjoni u alternattivi għall-użu ta’ materjali, inkluż l-indirizzar tal-isfida tal-materja prima permezz ta' materjali magħmulin apposta jew is-sostituzzjoni ta' materjali skarsi, kritiċi jew perikolużi, u approċċi ta’ mudelli kummerċjali innovattivi u l-identifikazzjoni ta' riżorsi kritiċi.

1.4.   Bijoteknoloġija

1.4.1.   Tingħata spinta lill-bijoteknoloġiji l-aktar avvanzati bħala xprun tal-innovazzjoni fil-futur

L-objettiv huwa li jitqiegħdu s-sisien għall-industrija Ewropea sabiex tibqa' fuq quddiem fl-innovazzjoni, anke fuq perjodu medju taż-żmien kif ukoll fil-tul. Dan jinkludi l-iżvilupp ta’ oqsma teknoloġiċi emerġenti bħalma hi l-bijoloġija sintetika, il-bijoinformatika u l-bijoloġija tas-sistemi, kif ukoll l-isfruttar tal-konverġenza ma' teknoloġiji abilitanti oħra bħan-nanoteknoloġija (eż. l-bijonanoteknoloġija), l-ICT (eż. l-bijoelettronika) u t-teknoloġija tal-inġinerija. Dawn u oqsma mill-aktar avvanzati oħra jistħoqqhom il-miżuri xierqa f’termini ta’ riċerka u żvilupp sabiex jiffaċilitaw it-trasferiment u l-implimentazzjoni effettiva f'applikazzjonijiet ġodda.

1.4.2.   Proċessi u prodotti industrijali u bbażati fuq il-bijoteknoloġija

L-objettiv huwa maqsum fi tnejn: fuq naħa, li l-industrija Ewropea (eż. dik tas-sustanzi kimiċi, is-saħħa, it-tħaffir ta' minjieri, l-enerġija, il-polpa u karta, il-prodotti u l-injam ibbażati fuq fibra, tessuti, lamtu, u l-industriji tal-ipproċessar tal-ikel) tkun tista' tiżviluppa prodotti u proċessi ġodda li jissodisfaw id-domanda industrijali u tas-soċjetà preferibbilment bl-użu ta' metodi ta' produzzjoni favur l-ambjent u sostenibbli; u alternattivi bbażati fuq il-bijoteknoloġija li huma kompetittivi u msaħħa sabiex jissostitwixxu dawk stabbiliti; min-naħa l-oħra, jiġi sfruttat il-potenzjal tal-bijoteknoloġija għall-kxif, monitoraġġ, l-prevenzjoni u t-tneħħija tat-tniġġis. Huwa jinkludi r-riċerka u l-innovazzjoni fuq enżimi ġodda b'funzjonijiet bijokatalittiċi ottimizzati, perkorsi enżimatiċi u metaboliċi, disinn ta' bijoproċess fuq skala industrijali, integrazzjoni ta' bijoproċessi fi proċessi ta' produzzjoni industrijali, fermentazzjoni avvanzata, l-ipproċessar fil-bidu u fl-aħħar, u l-kisba tal-għarfien dwar id-dinamika tal-komunitajiet mikrobiċi. Jinkludi wkoll l-iżvilupp ta' prototipi għall-valutazzjoni tal-fattibilità teknoekonomika kif ukoll is-sostenibbiltà tal-prodotti u proċessi żviluppati.

1.4.3.   Teknoloġiji tal-pjattaforma innovattivi u kompetittivi

L-objettiv huwa li jiġu żviluppati teknoloġiji pjattaforma (pereżempju ġenomika, metaġenomika, proteomatika, metabolomika, għodod molekolari, sistemi ta' espressjoni, pjattaformi ta' fenotipa u pjattaformi bbażati fuq iċ-ċelluli) li jwasslu għal tmexxija u vantaġġ kompetittiv f'għadd wiesa' ta' setturi ekonomiċi u li jħallu impatt ekonomiku. Huwa jinkludi aspetti bħas-sostenn tal-iżvilupp ta’ bijoriżorsi bi proprjetajiet ottimizzati u applikazzjonijiet lil hinn mill-alternattivi konvenzjonali; il-mezzi għall-esplorazzjoni, komprensjoni u sfruttar b'mod sostenibbli tal-bijodiversità terrestri u marina għal applikazzjonijiet, proċessi u prodotti ta' bażi bijoloġika ġodda; u s-sostenn tal-iżvilpp ta’ soluzzjonijiet ta’ kura tas-saħħa bbażati fuq il-bijoteknoloġija (pereżempju apparat dijanjostiku, bijoloġiku u bijomediku).

1.5.   Manifatturar u Pproċessar Avvanzati

1.5.1.   Teknoloġiji għall-Fabbriki tal-Futur

Promozzjoni tat-tkabbir industrijali sostenibbli bil-faċilitazzjoni ta’ bidla strateġika fl-Ewropa minn manifattura bbażata fuq l-ispejjeż għal approċċ ibbażat fuq il-ħolqien ta’ prodotti ta' valur miżjud għoli u manifattura ta' prestazzjoni ogħla, intelliġenti u abilitata bl-ICT f'sistema integrata. Dan jesiġi l-indirizzar tal-isfida ta’ iktar produzzjoni, filwaqt li jiġi konsumat inqas materjal, bl-użu ta’ inqas enerġija u b'inqas ġenerazzjoni ta' skart u tniġġis bl-għan ta' effiċjenza ekoloġika għolja. -Ser tingħata attenzjoni lill-iżvilupp u l-integrazzjoni tas-sistemi adattivi ta’ produzzjoni tal-futur, b’enfasi partikolari fuq il-ħtiġijet tal-SMEs Ewropej, sabiex jinkisbu sistemi u proċessi ta’ manifattura avvanzati u sostenibbli. Għandu jingħata attenzjoni wkoll għall-metodoloġiji għat-tisħiħ tal-produzzjoni flessibbli, sigura u intelliġenti fejn f'ambjenti favorevoli għall-ħaddiema jiġu applikati livelli adegwati ta' awtomatizzazzjoni.

1.5.2.   Teknoloġiji li jippermettu sistemi b'użu effiċjenti tal-enerġija u bini b'użu effiċjenti tal-enerġija b'impatt ambjentali baxx

It-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija u emissjonijiet ta’ CO2 permezz tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ teknoloġiji u sistemi ta’ kostruzzjoni sostenibbli u permezz tal-implimentazzjoni u r-replika ta’ miżuri għal aktar użu ta’ sistemi u materjali effiċjenti fl-enerġija f’bini ġdid, rinnovat u mgħammar b'sistemi ġodda u effiċjenti fl-użu tal-enerġija (retrofit). Il-konsiderazzjonijiet taċ-ċiklu tal-ħajja u l-importanza dejjem tikber ta' kunċetti ta' disinn-bini-operat se jkunu fatturi prinċipali fl-indirizzar tal-isfidi ta' tranżizzjoni, sal-2020, għal bini li ma jaħli kważi l-ebda enerġija fl-Ewropa u r-realizzazzjoni ta' distretti effiċjenti fl-enerġija permezz tal-involviment tal-komunità wiesgħa tal-partijiet interessati.

1.5.3.   Teknoloġiji sostenibbli, effiċjenti fir-riżorsi u b’użu baxx ta' karbonju f’industriji ta’ pproċessar intensivi fl-enerġija

Iż-żieda tal-kompetittività tal-industriji tal-ipproċessar, bħall-kimika, siment, polpa u karta, ħġieġ, industriji ta' minerali jew metalli mhux tal-ħadid u azzar, billi jittejbu drastikament l-effiċjenzi fir-riżorsi u l-enerġija u jonqos l-impatt ambjentali ta’ dawn l-attivitajiet industrijali. L-attenzjoni se tkun fuq l-iżvilupp, u l-validazzjoni ta’ teknoloġiji abilitanti għal sustanzi, materjali u soluzzjonijiet teknoloġiċi innovattivi għal prodotti b’użu baxx ta’ karbonju u proċessi u servizzi inqas intensivi fl-enerġija matul il-katina ta' valur, kif ukoll fuq l-adozzjoni ta' teknoloġiji u tekniki ta' produzzjoni b'użu baxx immens ta’ karbonju sabiex jinkiseb tnaqqis speċifiku fl-intensità tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra.

1.5.4.   Mudelli kummerċjali sostenibbli ġodda

Il-kooperazzjoni transettorjali f'kunċetti u metodoloġiji għall-produzzjoni speċjalizzata “bbażata fuq l-għarfien” tista’ tagħti spinta lit-tagħlim fl-organizzazzjonijiet, il-kreattività u l-innovazzjoni b’attenzjoni fuq mudelli kummerċjali f'approċċi li jistgħu jiġu adattati għall-ħtiġijiet ta' katini ta' valur u ta' netwerks globalizzati, swieq li jinbidlu, u industriji emerġenti u futuri. Dan jinkludi l-indirizzar ta' mudelli kummerċjali sostenibbli billi jkun kopert iċ-ċiklu tal-ħajja sħiħ tal-prodott u l-proċess.

1.6.   L-Ispazju

Fil-kamp tar-riċerka spazjali, l-azzjoni fuq il-livell tal-Unjoni se titwettaq flimkien mal-attivitajiet ta' riċerka spazjali tal-Istati Membri u l-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA), bl-għan li tinbena l-komplementarjetà fost l-atturi differenti.

1.6.1.   Iffaċilitar tal-kompetittività, l-awtonomija u l-innovazzjoni Ewropej tas-settur spazjali Ewropew

L-objettiv huwa li jinżamm rwol ta’ tmexxija globali fl-ispazju billi tiġi salvagwardjata u tkompli tiġi żviluppata industrija (inkluż SMEs) u komunità tar-riċerka spazjali kosteffettivi, kompetittivi u innovattivi billi titrawwem l-innovazzjoni bbażata fuq l-ispazju.

1.6.1.1.   Nissalvagwardjaw u nkomplu niżviluppaw industrija u komunità tar-riċerka spazjali kompetittivi, sostenibbli u imprenditorjali u nsaħħu l-awtonomija Ewropea fis-sistemi spazjali

L-Ewropa għandha rwol prinċipali fir-riċerka spazjali u fl-iżvilupp ta' teknoloġiji spazjali, u qed tiżviluppa kontinwament l-infrastrutturi spazjali operattivi proprji tagħha (pereżempju l-programm Galileo u l-programm Copernicus). Fil-fatt, l-industrija Ewropea stabbilixxiet lilha nnifisha bħala esportatur tal-prima klassi ta’ satelliti u teknoloġiji oħrajn relatati mal-ispazju. Madankollu, din il-pożizzjoni qiegħda ssib sfida mill-kompetizzjoni minn potenzi spazjali ewlenin oħrajn. L-objettiv ta' din il-miżura hu l-iżvilupp ta’ bażi ta’ riċerka billi tiġi pprovduta kontinwità fil-programmi ta’ riċerka u innovazzjoni spazjali, pereżempju b’sekwenza ta’ proġetti iżgħar u iktar frekwenti ta’ dimostrazzjoni fl-ispazju. Dan jippermetti lill-Ewropa tiżviluppa l-bażi industrijali u l-komunità tar-riċerka u żvilupp teknoloġiku spazjali tagħha, u b’hekk jikkontribwixxi għal teknoloġiji li jmorru lil hinn mill-istat attwalment l-aktar avvanzat u għall-awtonomija tagħha mill-importazzjoni ta' teknoloġiji kritiċi.

Għandu jingħata appoġġ lill-istandardizzazzjoni biex jitjiebu bl-aħjar mod l-investimenti u jiġi żviluppat l-aċċess għas-suq.

1.6.1.2.   Nagħtu spinta lill-innovazzjoni bejn is-settur spazjali u dak u mhux spazjali

Għadd ta’ sfidi fit-teknoloġiji spazjali għandhom aspetti paralleli mal-isfidi terrestri, pereżempju fl-oqsma tal-aeronawtika, enerġija, ambjent, telekomunikazzjoni u ICTs, esplorazzjoni tar-riżorsi naturali, sensuri, robotika, materjali avvanzati, sigurtà u saħħa. Dawn l-aspetti komuni joffru opportunitajiet għal kożvilupp bikri, b’mod partikolari minn SMEs, ta’ teknoloġiji fost komunitajiet spazjali u nonspazjali, inklużi industriji nonspazjali, li potenzjalment jirriżultaw f’innovazzjonijiet rivoluzzjonarji aktar malajr milli permezz ta' żviluppi sekondarji fi stadju iktar tard. L-isfruttar tal-infrastruttura spazjali eżistenti Ewropea għandu jkun stimulat bil-promozzjoni tal-iżvilupp ta’ prodotti u servizzi innovattivi bbażati fuq it-telerilevament, ġeopożizzjonar jew tipi oħra ta' data abilitata bis-satellita. Barra minn hekk, l-Ewropa għandha ssaħħaħ, fejn adatt, b'miżuri mmirati tajjeb, l-iżvilupp li qed jinbeda ta' settur imprenditorjali spazjali, inkluż bl-appoġġ għal inizjattivi għat-trasferiment tat-teknoloġija spazjali.

1.6.2.   Iffaċilitar ta' avvanzi fit-teknoloġiji spazjali

L-objettiv huwa l-iżvilupp ta' teknoloġiji spazjali u kunċetti operattivi avvanzati u abilitanti mill-idea sad-dimostrazzjoni fl-ispazju.

Il-kapaċità ta’ aċċess għall-ispazju u tal-iżvilupp, il-manutenzjoni u t-tħaddim ta’ sistemi spazjali f'orbita madwar id-dinja u lil hinn, huma vitali għall-futur tas-soċjetà Ewropea. Il-kapaċitajiet neċessarji jesiġu investimenti ta' riċerka u innovazzjoni f’multitudni ta’ teknoloġiji spazjali (pereżempju għal pjattaformi tal-varar u vetturi oħrajn, satelliti, robotika, strumenti u sensuri), u f'kunċetti operattivi mill-idea sad-dimostrazzjoni fl-ispazju. Bħalissa, l-Ewropa hi waħda mit-tliet potenzi spazjali ewlenin prinċipalment immexxija mill-investimenti mill-Istati Membri permezz tal-ESA u ta' programmi nazzjonali, iżda meta mqabbel mal-livell ta’ investiment fir-riċerka u żvilupp spazjali fl-Istati Uniti (eż. madwar 20 % tal-baġit totali tan-NASA) il-fokus Ewropew fit-teknoloġiji spazjali u applikazzjonijiet futuri għandu bżonn jissaħħaħ tul il-katina kollha:

(a)

riċerka b'livell baxx ta’ preparazzjoni tat-teknoloġija (TRL), li spiss tiddependi ħafna mit-teknoloġiji abilitanti essenzjali, bil-potenzjal ta’ ġenerazzjoni ta’ teknoloġiji rivoluzzjonarji b’applikazzjonijiet terrestri;

(b)

titjib tat-teknoloġiji eżistenti, eż. permezz ta' minjaturizzazzjoni, effiċjenza ogħla fl-enerġija, u sensittività sensorjali ogħla;

(c)

dimostrazzjoni u validazzjoni ta’ teknoloġiji u kunċetti ġodda fl-ispazju u ambjenti analogi terrestri;

(d)

kuntest tal-missjoni, eż. analiżi tal-ambjent spazjali, stazzjonijiet fuq l-art, protezzjoni tas-sistemi u l-infrastruttura spazjali mill-ħsara jew distruzzjoni minħabba kolliżjoni ma' fdalijiet jew oġġetti oħra spazjali, kif ukoll l-effetti tal-avvenimenti tat-temp spazjali inklużi eruzzjonijiet solari (Għarfien tas-Sitwazzjoni Spazjali, SSA), trawwim tal-ġbir u t-trasmissjoni ta' data innovattiva u infrastruttura innovattiva għall-arkivjar tal-kampjuni;

(e)

teknoloġiji ta’ telerilevament, navigazzjoni avvanzata, u komunikazzjoni bis-satellita, li jkopru r-riċerka essenzjali għall-ġenerazzjonijiet futuri ta' sistemi spazjali tal-Unjoni (eż. Galileo u Copernicus).

1.6.3.   Iffaċilitar tal-isfruttar tad-data spazjali

L-objettiv huwa li jiġi żgurat użu iktar estensiv tad-data spazjali mill-missjonijiet Ewropej eżistenti, arkivjati u futuri fl-isfera xjentifika, pubblika u kummerċjali.

Is-sistemi spazjali jipproduċu informazzjoni li spiss ma tista’ tinkiseb b'ebda mod ieħor. Minkejja missjonijiet Ewropej fost l-aħjar fid-dinja, ċifri ppubblikati juru li d-data mill-missjonijiet Ewropej tintuża inqas mid-data mill-missjonijiet tal-Istati Uniti. Tista’ tinkiseb żieda konsiderevoli fl-użu ta’ data minn satelliti Ewropej (xjentifika, pubblika jew kummerċjali) jekk isir aktar sforz għal ipproċessar, arkivjar, validazzjoni, standardizzazzjoni u disponibbiltà sostenibbli ta' data spazjali minn missjonijiet Ewropej kif ukoll biex ikun appoġġat l-iżvilupp ta' prodotti u servizzi ġodda ta' informazzjoni b'riżultat ta' dik id-data u, fejn meħtieġ, flimkien mad-data minn osservazzjonijiet ibbażati fuq l-art. L-innovazzjonijiet fil-kisba u pproċessar ta' data, fużjoni tad-data u disseminazzjoni ta' data u interoperabbiltà, b'mod partikolari l-promozzjoni tal-aċċess għalu l-iskambju ta' data u metadata tax-xjenza tad-dinja, bl-użu wkoll ta’ forom ta' kollaborazzjoni ffaċilitati bl-ICT, jistgħu jiżguraw redditu ogħla fuq l-investiment tal-infrastruttura spazjali u jikkontribwixxu biex jittrattaw sfidi tas-soċjetà. L-ikkalibrar u l-validazzjoni tad-data spazjali (għal strumenti individwali, bejn strumenti u missjonijiet, u fir-rigward ta' oġġetti fil-post) huma fattur ewlenin għall-użu effiċjenti tad-data spazjali fl-isferi kollha u jeħtieġ titjieb l-istandardizzazzjoni ta' data u oqfsa ta' referenza miġbura mill-ispazju. L-aċċess għad-data u l-isfruttar ta’ missjonijiet spazjali hija kwistjoni li teħtieġ koordinazzjoni globali.

Għad-data mill-osservazzjoni tad-dinja, l-approċċi armonizzati u l-aħjar prattiki jinkisbu parzjalment bil-koordinazzjoni mal-organizzazzjoni intergovernattiva, Grupp dwar l-Osservazzjoni tad-Dinja (GEO), li timmira biex issostni Netwerk Globali tas-Sistemi ta' Osservazzjoni tad-Dinja (GEOSS), li fiha tipparteċipa l-UE, jiġifieri l-isfruttar komplet tal-programm Copernicus. Se tkun appoġġata l-introduzzjoni rapida ta' dawn l-innovazzjonijiet fl-applikazzjoni u fil-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet rilevanti. Dan jinkludi wkoll l-isfruttar ta' data għal aktar investigazzjoni xjentifika.

1.6.4.   Iffaċilitar ta' riċerka Ewropea b'appoġġ għal sħubijiet spazjali internazzjonali

L-objettiv huwa l-appoġġ għall-kontribut ta' riċerka u innovazzjoni Ewropea għal sħubijiet spazjali internazzjonali fit-tul.

Minkejja li l-informazzjoni spazjali tipprovdi benefiċċji lokali kbar, l-impriżi spazjali għandhom karattru fundamentalment globali. Dan huwa partikolarment ċar għat-theddida kożmika fuq is-sistemi spazjali u tad-dinja. It-telf ta’ satelliti minħabba t-temp spazjali u l-fdalijiet spazjali hu stmat li jiswa madwar EUR 100 miljun fis-sena. Ugwalment globali huma bosta proġetti tax-xjenza u l-esplorazzjoni spazjali. L-iżvilupp tat-teknoloġija spazjali ta' fuq quddiem nett qiegħed kulma jmur iseħħ fi sħubijiet internazzjonali bħal dawn, li jrendi l-aċċess għal dawn il-proġetti internazzjonali fattur importanti għas-suċċess tar-riċerkaturi u l-industrija Ewropej. Il-kontribut tal-Unjoni għal attivitajiet spazjali globali bħal dawn jeħtieġ ikun definit fi pjani direzzjonali strateġiċi fit-tul (10 snin u iktar), b'allinjament mal-prioritajiet tal-politika spazjali tal-Unjoni, u b'koordinazzjoni mal-Istati Membri u ma' sħab interni Ewropej, bħall-ESA u l-Aġenziji Spazjali Nazzjonali, u f'każijiet rilevanti, ma' sħab internazzjonali u mal-aġenziji spazjali ta’ nazzjonijiet b'attivitajiet spazjali.

1.6.5.   Aspetti speċifiċi ta' implimentazzjoni

L-implimentazzjoni tal-prijoritajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni spazjali taħt l-Orizzont 2020 huma skont il-prijoritajiet tal-politika spazjali tal-Unjoni kif iddefiniti mill-Kunsill Spazju u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tar-4 ta' April 2011 intitolata "Lejn strateġija tal-ispazju tal-Unjoni Ewropea għas-servizz taċ-ċittadini". Fejn adatt, l-implimentazzjoni ser tiġi bbażata fuq aġendi strateġiċi ta' riċerka żviluppati f'konsultazzjoni mal-Istati Membri u l-Aġenziji Spazjali Nazzjonali, l-ESA, partijiet interessati mill-industrija spazjali Ewropea (inkluż SMES), il-korpi akkademiċi, l-istituti teknoloġiċi u l-Grupp Konsultattiv dwar l-Ispazju. Fir-rigward tal-parteċipazzjoni f'impriżi internazzjonali, l-aġenda tar-riċerka u l-innovazzjoni se tiġi ddefinita f'kollaborazzjoni ma' partijiet interessati Ewropej u sħab internazzjonali (eż. in-NASA, ROSCOSMOS u JAXA).

L-applikazzjoni ta' teknoloġiji spazjali għandha tiġi appoġġata permezz tal-objettivi speċifiċi tal-prijorità "Sfidi għas-Soċjetà" rispettivi, fejn adatt.

2.   AĊĊESS GĦAL FINANZJAMENT TA' RISKJU

Orizzont 2020 se jistabbilixxi żewġ faċilitajiet (il-"Faċilità ta' Ekwità" u l-"Faċilità ta' Dejn"), magħmulin minn taqsimiet differenti. Il-Faċilità ta' Ekwità u t-taqsima tal-SMEs tal-Faċilità ta' Dejn se jiġu implimentati b'interdipendenza mal-COSME, bħala parti minn żewġ Strumenti Finanzjarji tal-Unjoni li jipprovdu ekwità u dejn b'appoġġ lir-R&I u tkabbir tal-SMEs.

Il-Faċilità ta' Ekwità u l-Faċilità ta' Dejn jistgħu, fejn xieraq, jippermettu r-raggruppament tar-riżorsi finanzjarji mal-Istati Membri jew ir-reġjuni li lesti jikkontribwixxu parti mill-Fondi Ewropej Strutturali u tal-Investiment allokati lilhom, skont ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10).

Minflok jingħataw pereżempju, self, garanziji jew ekwità, direttament lil benefiċjarji finali, il-Kummissjoni ser tiddelega lil istituzzjonijiet finanzjarji l-għoti ta' appoġġ, b'mod partikolari, permezz ta' kondiviżjoni tar-riskju, skemi ta' garanzija u investimenti ta’ ekwità u kważi ekwità.

2.1.   Faċilità ta' Dejn

Il-Faċilità ta' Dejn ser tipprovdi self lil benefiċjarji uniċi għal investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni; (kontro-) garanziji lill-intermedjarji finanzjarji li jagħtu self lil benefiċjarji; kombinazzjonijiet ta’ self u (kontro-) garanziji; u garanziji u/jew kontrogaranziji għal skemi nazzjonali jew reġjonali tal-iffinanzjar tad-dejn. Il-Faċilità ta' Dejn se twettaq attivitajiet ta’ tisħiħ tal-maturità, u se tappoġġa l-Istrument iddedikat għall-SMEs, soġġetta għal-livell ta' domanda (ara t-taqsima 3 ‚Innovazzjoni fl-SMEs’ tal-Parti II). Kontribuzzjonijiet mill-Faċilità ta' Dejn jistgħu jiġu kkombinati, biż-żieda possibbli ta’ għotjiet (inklużi somom f’daqqa), b'kontribuzzjonijiet mill-Faċilità ta’ ekwità fi skema integrata waħda jew iktar. Self b'imgħax baxx, self konvertibbli, self subordinat, self parteċipanti, self b'kiri u sekuritizzazzjoni jista' jkun possibbli wkoll.

Flimkien mal-għoti ta’ self u garanziji abbażi tal-prinċipju li jinqeda minn jiġi l-ewwel u li jkunu mmexxija mis-suq, il-Faċilità ta' Dejn se timmira għal politiki u setturi partikolari, taħt serje ta' kompartimenti. Kontribuzzjonijiet baġitarji separati għal dan il-għan jistgħu, fejn adatt, jiġu minn:

(a)

partijiet oħra tal-Orizzont 2020, b'mod partikolari l-Parti III 'Sfidi tas-Soċjetà';

(b)

oqfsa, programmi u intestaturi tal-baġit oħra fil-baġit ġenerali tal-Unjoni;

(c)

reġjuni partikolari u Stati Membri li jixtiequ jikkontribwixxu bir-riżorsi disponibbli mill-Fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni; u

(d)

entitajiet (bħal Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti) jew inizjattivi speċifiċi.

Kontribuzzjonijiet baġitarji minn dawn jistgħu jsiru jew jiġu kkumplimentati fi kwalunkwe hin waqt l-Orizzont 2020.

Il-kondivizjoni tar-riskju u parametri oħra jistgħu jvarjaw fi ħdan il-kompartimenti tal-politika jew tas-settur, sakemm il-valuri jew l-istati tagħhom ikunu konformi mar-regoli komuni għall-istrumenti tad-dejn. Barra minn hekk, il-kompartimenti jista' jkollhom strateġiji speċifiċi ta’ komunikazzjoni fi ħdan il-kampanja promozzjonali ġenerali għall-Faċilita ta' dejn. Barra minn hekk, jekk tkun meħtieġa kompetenza speċfika biex jiġi evalwat is-self prospettiv fl-isfera ta’ kompartiment partikolari jistgħu jintużaw intermedjarji speċjalisti fuq livell nazzjonali.

It-taqsima tal-SMEs taħt il-Faċilità ta' Dejn għandha timmira għall-SMEs xprunati mir-R&I u l-impriżi b'kapitali żgħar jew medji b'ammonti ta' self li jaqbżu l-EUR 150 000, u b'hekk tikkumplimenta l-finanzjament lill-SMEs mill-Faċilità ta' Garanzija tas-Self taħt il-COSME. It-taqsima għall-SMEs tal-Faċilità ta' Dejn għandha tkopri wkoll self ta' inqas minn EUR 150 000 għal SMEs xprunati mir-R&I u l-impriżi b'kapitali żgħar jew medji.

L-ingranaġġ tal-Faċilità ta' Dejn – iddefinit bħala l-finanzjament totali (jiġifieri l-finanzjament tal-Unjoni flimkien mal-kontribuzzjoni minn istituzzjonijiet finanzjarji oħra) diviż bil-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni – huwa mistenni li jvarja minn medja ta' 1,5 sa 6,5, skont it-tip ta’ operazzjonijiet involuti (livell ta’ riskju, benefiċjarji mmirati, u l-faċilità partikolari tal-instrument finanzjarju tad-dejn ikkonċernat). L-effett multiplikatur – iddefinit bħala t-total tal-investimenti mwettqa minn benefiċjarji appoġġati diviż bil-kontribuzzjoni finanzjarja tal-UE – huwa mistenni li jkun 5 sa 20, mill-ġdid skont it-tip ta' operazzjonijiet involuti.

2.2.   Faċilità ta' Ekwità

Il-Faċilità ta' Ekwità se tiffoka fuq fondi ta' kapital ta' riskju ta' stadju bikri u fondi tal-fondi pubbliċi u privati li jipprovdu kapital ta' riskju u/jew kapital mezzanin lil impriżi individwali. Dawn l-impriżi jistgħu jfittxu, b'żieda ma' dan, finanzjament ta' dejn minn intermedjarji finanzjarji li jimplimentaw il-Faċilità ta' Dejn. Barra minn hekk, il-Faċilità ta' Ekwità se tesplora wkoll possibbiltajiet li jappoġġaw "business angels" u għejun oħra potenzjali ta' finanzjament ta' ekwità. Dan jista' jinkludi wkoll appoġġ fl-istadju tat-tielet fażi tal-Istrument tal-SME soġġett għal-livell ta' domanda, kif ukoll għat-trasferiment tat-teknoloġija (inkluż it-trasferiment ta' riżultati tar-riċerka u invenzjonijiet li joriginaw mill-isfera tar-riċerka pubblika għas-settur produttiv, pereżempju permezz tal-prova tal-kunċett).

Il-Faċilità ta' Ekwità ser ikollha wkoll il-possibbiltà li tagħmel investimenti fl-istadju ta' espansjoni u tkabbir flimkien mal-Faċilità ta' Ekwità għat-Tkabbir (EFG) taħt il-COSME (dan jinkludi investimenti fil-fondi ta' fondi b'bażi wiesgħa ta' investituri u jinkludi investituri istituzzjonali u strateġiċi privati kif ukoll istituzzjonijiet finanzjarji pubbliċi u semipubbliċi nazzjonali). Fil-każ ta' dan tal-aħħar, l-investiment mill-Faċilità ta' Ekwità ta' Orizzont 2020 m'għandux jissupera l-20 % tal-investiment totali tal-Unjoni għajr f'każijiet ta' fondi ta' ħafna stadji, fejn il-finanzjament mill-EFG u l-Faċilità ta' Ekwità ta' Orizzont 2020 ser jiġi pprovdut fuq bażi pro rata, abbażi tal-politika ta' investiment tal-fondi. Bħall-EFG, il-Faċilità ta' Ekwità għandha tevita l-kapital ta' akkwiżizzjoni jew sostituzzjoni intenzjonat għall-iżmantellar ta' impriża akkwistata. Il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li temenda l-limitu ta' 20 % fid-dawl ta' kundizzjonijiet tas-suq li qed jinbidlu.

L-Istrument Finanzjarju ta' Ekwità tal-Unjoni għar-R&I u t-Tkabbir tal-SMEs imsemmi fl-ewwel paragrafu tat-Taqsima 2 għandu jkun ta' daqs u skala adatti biex jirfed kumpanniji innovattivi mill-ewwel stadju nett sat-tkabbir u l-espansjoni, b'approċċ integrat.

Il-parametri ta' investiment se jkunu stabbiliti b'tali mod li jistgħu jinkisbu l-objettivi speċifiċi tal-politika, inkluż l-identifikazzjoni ta' gruppi partikolari ta’ benefiċjarji potenzjali, filwaqt li jiġi ppreservat l-approċċ ta’ dan l-istrument orjentat lejn is-suq u mmexxi mid-domanda.

Il-Faċilità ta' Ekwità tista’ tkun appoġġata minn kontribuzzjonijiet baġitarji minn:

(a)

partijiet oħra tal-Orizzont 2020;

(b)

oqfsa, programmi u intestaturi tal-baġit oħra fil-baġit ġenerali tal-Unjoni;

(c)

Stati Membri u reġjuni partikolari; u

(d)

entitajiet jew inizjattivi speċifiċi.

L-ingranaġġ tal-Faċilità ta' Ekwità – iddefinit bħala l-finanzjament totali (jiġifieri l-finanzjament tal-Unjoni flimkien mal-kontribuzzjoni minn istituzzjonijiet finanzjarji oħra) diviż bil-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni – mistenni li jkun ta' madwar 6, skont l-ispeċifiċitajiet tas-suq, b’effett multiplikatur previst – iddefinit bħala t-total tal-investimenti mwettqa minn benefiċjarji appoġġati diviż bil-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni – li huwa medja ta' 18.

2.3.   Aspetti speċifiċi ta' implimentazzjoni

L-implimentazzjoni taż-żewġ faċilitajiet se tkun iddelegata lill-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI u l-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI)) u/jew lil istituzzjonijiet finanzjarji oħra li jistgħu jiġu fdati bl-implimentazzjoni tal-istrumenti finanzjarji f'konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012. Fid-disinn u l-implimentazzjoni tagħhom se jkunu allinjati mad-dispożizzjonijiet ġenerali għal strumenti finanzjarji stabbiliti f'dak ir-Regolament u ma' rekwiżiti operattivi aktar speċifiċi li għandhom jingħataw fi gwida tal-Kummissjoni. L-użu ta' strumenti finanzjarji għandu jkollu valur miżjud Ewropew ċar u għandu jipprovdi ingranaġġ u jiffunzjona b'mod li jikkomplimenta strumenti nazzjonali.

L-intermedjarji finanzjarji, magħżulin minn entitajiet fdati għall-implimentazzjoni tal-istrumenti finanzjarji skont l-Artikolu 139(4) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 abbażi ta’ proċeduri miftuħa, trasparenti, proporzjonati u non-diskriminatorji, jistgħu jinkludu istituzzjonijiet finanzjarji privati kif ukoll istituzzjonijiet finanzjarji governattivi u semigovernattivi, banek pubbliċi nazzjonali u reġjonali kif ukoll banek tal-investiment nazzjonali u reġjonali.

L-elementi tagħhom jistgħu jiġu kombinati, biż-żieda possibbli ta’ għotjiet (inklużi somom f’daqqa), fi skema integrata waħda jew iktar li jappoġġaw kategoriji partikolari ta’ benefiċjarju jew proġetti bi skop speċjali, bħall-SMEs u impriżi b'kapitali medji b'potenzjal ta' tkabbir, jew dimostrazzjoni fuq skala kbira ta' teknoloġiji innovattivi.

L-implimentazzjoni tagħhom se tkun appoġġata minn ġabra ta’ miżuri li jakkumpanjawhom. Dawn jistgħu jinkludu assistenza teknika għall-intermedjarji finanzjarji involuti fil-valutazzjoni tal-eliġibbiltà ta’ applikazzjonijiet għal self jew il-valur ta’ assi ta’ għarfien; skemi ta’ prontezza għall-investiment li jkopru l-inkubazzjoni, l-ikkowċjar u l-iggwidar tal-SMEs u t-trawwim tal-interazzjoni tagħhom mal-investituri potenzjali; miżuri li jżidu l-kuxjenza ta' kumpaniji ta' kapital ta' riskju u ta' business angels dwar il-potenzjal ta' tkabbir tal-SMEs innovattivi involuti fi programmi ta' finanzjament tal-Unjoni; skemi li jattiraw investituri privati biex jappoġġaw it-tkabbir ta SMEs innovattivi u impriżi b'kapital medju; azzjonijiet li jtejbu l-finanzjament ta' dejn u ekwità transkonfinali u f'diversi pajjiżi; skemi għall-inkoraġġiment ta' fondazzjonijiet filantropiċi u individwi biex jappoġġaw ir-riċerka u l-innovazzjoni; u skemi biex jitrawwmu r-riskji korporattivi u jinkoraġġixxu l-attivitajiet ta' uffiċċji ta' familji u business angels.

Korpi bħall-awtoritajiet reġjonali, l-assoċjazzjonijiet tal-SMEs, il-kmamar tal-kummerċ u l-intermedjarji finanzjarji rilevanti jistgħu jiġu kkonsultati, kif xieraq, fir-rigward tal-preparazzjoni u l-implimentazzjoni ta' dawn l-attivitajiet.

Il-kumplimentarjetà ser tiġi żgurata bil-faċilitajiet tal-COSME.

3.   INNOVAZZJONI FL-SMES

3.1.   L-integrazzjoni tal-appoġġ għall-SMEs speċjalment permezz ta' strument dedikat

L-SMEs se jkunu appoġġati tul l-Orizzont 2020. Għal dan il-għan, għandhom jiġu stabbiliti kondizzjonijiet aħjar għall-SMEs biex dawn jipparteċipaw fl-Orizzont 2020. Barra minn hekk, strument iddedikat għall-SMEs huwa mmirat għat-tipi kollha ta’ SMEs innovattivi li juru ambizzjoni qawwija li jiżviluppaw, jikbru u jinternazzjonalizzaw ruħhom. Dan se jiġi pprovdut għat-tipi kollha ta’ innovazzjoni, inkluż innovazzjonijiet mhux teknoloġiċi, soċjali, u ta’ servizz, ladarba kull attività għandha valur-miżjud Ewropew ċar. L-objettiv huwa li dan jgħin biex jimtela l-vojt fil-finanzjament għar-riċerka u l-innovazzjoni ta’ stadju bikri b’riskju għoli, jistimula l-innovazzjonijiet rivoluzzjonarji u jżid il-kummerċjalizzazzjoni fis-settur privat tar-riżultati tar-riċerka.

L-objettivi speċifiċi kollha tal-prijorità "Sfidi tas-soċjetà" u l-objettiv speċifiku "Tmexxija f'teknoloġiji abilitanti u industrijali" għandhom kollha japplikaw l-istrument iddedikat għall-SMEs u jallokaw ammont adatt lilu, biex tintlaħaq il-mira minima ta' 20 % tal-baġits kombinati totali għall-objettivi speċifiċi kollha tal-prijorità "Sfidi tas-soċjetà" u l-objettiv speċifiku "Tmexxija f'teknoloġiji abilitanti u industrijali" iddedikat għall-SMEs.

Huma biss l-SMEs li se jitħallew japplikaw għal finanzjament u appoġġ. Huma jistgħu jifformaw kollaborazzjonijiet skont il-ħtiġijiet tagħhom, inkluż għas-sottokuntrattar tax-xogħol ta’ riċerka u żvilupp. Il-proġetti għandhom ikunu ta’ interess u benefiċċju potenzjali ċar għall-SMEs u jkollhom dimensjoni Ewropea ċara.

L-istrument tal-SMEs se jkopri l-oqsma kollha ta’ xjenza, teknoloġija u innovazzjoni f’approċċ minn isfel 'il fuq fi ħdan sfida tas-soċjetà jew teknoloġija abilitanti partikolari sabiex jitħalla spazju biżżejjed għal finanzjament ta' kull tip ta' idea promettenti, b'mod partikolari proġetti trasversali u interdixxiplinari.

L-istrument tal-SMEs ser jopera taħt sistema ta' ġestjoni ċentralizzata unika, sistema amministrattiva sempliċi u punt ta' dħul uniku. Hu għandu jiġi implimentat primarjament b'mod minn isfel għal fuq permezz ta' sejħa kontinwament miftuħa.

L-istrument tal-SMEs se jipprovdi appoġġ simplifikat u fi stadji. It-tliet fażijiet tiegħu se jkopru ċ-ċiklu kollu tal-innovazzjoni. It-tranżizzjoni minn fażi waħda għal li jmiss se tkun kontinwa dment li jkun intwera waqt fażi preċedenti li hu opportun li l-proġett tal-SME jibqa' jiġi ffinanzjat. M'hemm l-ebda obbligu għall-applikanti biex b'mod sekwenzjali jkopru t-tliet fażijiet kollha. Fl-istess ħin kull fażi għandha tkun miftuħa għall-SMEs kollha:

Fażi 1: Valutazzjoni tal-kunċett u fattibilità:

L-SMEs jirċievu finanzjament sabiex jesploraw il-fattibilità xjentifika jew teknika u l-potenzjal kummerċjali ta’ idea ġdida (prova tal-kunċett) sabiex jiżviluppaw proġett innovattiv. Riżultat pożittiv ta’ din il-valutazzjoni, li fiha r-rabta bejn il-proġett-suġġett u l-ħtiġijiet tal-utenti/xerrejja potenzjali hija kwistjoni importanti, ser jippermetti finanzjament taħt il-fażi(jiet) segwenti.

Fażi 2: Riċerka u żvilupp, dimostrazzjoni, replikar fis-suq:

B'attenzjoni partikolari mogħtija lill-innovazzjoni tal-kunċett tal-irċevuti, ir-riċerka u żvilupp ikunu appoġġati b'attenzjoni partikolari fuq attivitajiet ta’ dimostrazzjoni (ittestjar, prototip, studji ta’ skalar ’il fuq, disinn, pilotaġġ ta’ proċessi, prodotti u servizzi innovattivi, validazzjoni, verifika tal-prestazzjoni, eċċ) u replikar fis-suq li jinkoraġġixxi l-involviment tal-utenti finali jew ta' klijenti potenzjali. L-Irċevuti ta' Innovazzjoni ser jippromwovu l-parteċipazzjoni ta' intraprendituri żgħażagħ.

Fażi 3: Kummerċjalizzazzjoni:

Din il-fażi ma tipprovdix finanzjament dirett għajr attivitajiet ta’appoġġ, iżda timmira għall-iffaċilitar tal-aċċess għal kapital privat u ambjenti miftuħa għall-innovazzjoni. Huma previsti rabtiet mal-istrumenti finanzjarji (ara t-taqsima 2 ‚Aċċess għal Finanzjament ta' Riskju’ ta’ Parti II), pereżempju billi tingħata prijorità lil SMEs li lestew b'suċċess il-fażi 1 u/jew 2 fi ħdan il-volum separat ta’ riżorsi finanzjarji. L-SMEs jibbenefikaw ukoll minn miżuri ta’ appoġġ bħal netwerking, taħriġ, ikkowċjar u pariri. Barra minn hekk, din il-fażi tista’ torbot ma' miżuri li jippromwovu l-akkwist prekummerċjali u l-akkwist ta’ soluzzjonijiet innovattivi.

Il-promozzjoni, implimentazzjoni u monitoraġġ uniformi tal-istrument tal-SME tul l-Orizzont 2020 se jiżguraw aċċess faċli għall-SMEs. B'dipendenza fuq netwerks eżistenti ta’appoġġ għall-SMEs, bħan-Netwerk Ewropew tal-Impriżi u fornituri oħra ta’ servizzi għall-innovazzjoni, għandha tiġi stabbilita skema ta' konsulenza għall-SMEs benefiċjarji sabiex jitħaffef l-impatt mill-appoġġ ipprovdut. Barra minn hekk, se jiġu esplorati rabtiet mal-intermedjarji nazzjonali u/jew reġjonali rilevanti biex jiżguraw implimentazzjoni effiċjenti tal-iskema ta' konsulenza.

Se jiġi ffurmat korp iddedikat ta’ partijiet interessanti u esperti fir-riċerka u l-innovazzjoni tal-SMEs bil-ħsieb li jippromwovi u jakkumpanja l-miżuri speċifiċi għall-SMEs tal-Orizzont 2020.

3.2.   Appoġġ speċifiku

3.2.1.   Appoġġ lil SMEs ta’ riċerka intensiva

Azzjoni speċifika se tippromwovi l-innovazzjoni transnazzjonali orjentata lejn is-suq tal-SMEs li jwettqu riċerka u żvilupp. Hija timmira għall-SMEs ta’ riċerka intensiva fi kwalunkwe settur li wkoll jeħtieġ juri l-ħila tiegħu li jisfrutta kummerċjalment ir-riżultati tal-proġetti.

L-azzjoni se tkopri l-qasam kollu tax-xjenza u t-teknoloġija b’approċċ minn isfel 'il fuq sabiex tissodisfa l-ħtiġijiet tal-SMEs li jwettqu riċerka u żvilupp.

L-azzjoni tiġi implimentata minn inizjattiva skont l-Artikolu 185 TFUE msejsa fuq il-Programm Eurostars u l-orjentazzjoni mill-ġdid tiegħu għal-linji ddikjarati fl-evalwazzjoni interim tagħha.

3.2.2.   Tisħiħ tal-kapaċità ta’ innovazzjoni tal-SMEs

Se jkunu appoġġati l-attivitajiet transnazzjonali li jassistu l-implimentazzjoni u l-ikkumplimentar tal-miżuri speċifiċi għall-SMEs tul l-Orizzont 2020, b'mod partikolari biex tissaħħaħ il-kapaċità innovattiva tal-SMEs. L-attivitajiet jistgħu jinkludu sensibilizzazzjoni, tagħrif u disseminazzjoni, attivitajiet ta' taħriġ u mobbiltà, netwerking u skambju tal-aħjar prattiki, żvilupp ta' mekkaniżmi u servizzi ta’ appoġġ għal innovazzjoni ta' kwalità għolja b'valur miżjud qawwi mill-Unjoni għall-SMEs (eż. ġestjoni tal-proprjetà intellettwali u l-innovazzjoni, trasferiment tal-għarfien, użu innovattiv tal-ICT u ħiliet elettroniċi fl-SMEs), kif ukoll assistenza lill-SMEs biex ikollhom kuntatt ma' sħab ta’ riċerka u innovazzjoni madwar l-Unjoni, li jippermettilhom jiġbdu lejhom it-teknoloġija u jiżviluppaw il-kapaċità innovattiva tagħhom. Organizzazzjonijiet intermedjarji li jirrappreżentaw gruppi ta' SMEs innovattivi għandhom jiġu mistiedna jmexxu attivitajiet transreġjonali u transettorjali ta' innovazzjoni ma' SMEs li għandhom kompetenzi reċiprokament rinforzanti, sabiex jiżviluppaw ktajjen ta' valur industrijali ġodda.

Dawn l-attivitajiet għandhom ikunu kkoordinati ma' miżuri nazzjonali simili meta jkun il-każ. Hi prevista kooperazzjoni mill-qrib man-Netwerk ta' Punti ta' Kuntatt Nazzjonali. Se jitfittxu sinerġiji mal-politika ta’ koeżjoni tal-Unjoni fil-kuntest tal-istrateġiji nazzjonali u reġjonali ta’ innovazzjoni għall-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti.

Hi prevista rabta rinfurzata man-Netwerk Ewropew tal-Impriżi (taħt il-COSME) li tiżgura l-koordinazzjoni tiegħu mal-Punti ta' Kuntatt Nazzjonali. L-appoġġ jista’ jvarja minn servizzi mtejba ta' informazzjoni u pariri permezz ta' attivitajiet ta’ gwida, ikkowċjar u tiftix ta' sħab għal SMEs li jixtiequ jiżviluppaw proġetti ta’ innovazzjoni transkonfinali, sal-forniment ta' servizzi ta' appoġġ għall-innovazzjoni. Dan jikkonsolida l-approċċ ta’ ‘one stop shop’ tan-Netwerk Ewropew tal-Impriżi għall-appoġġ tal-SMEs, flimkien ma’ preżenza qawwija reġjonali u lokali tan-netwerk.

3.2.3.   Appoġġ għall-innovazzjoni xprunata mis-suq

Dawn l-attivitajiet ser jagħtu appoġġ għall-innovazzjoni transnazzjonali mmexxija mis-suq bil-għan li tiżdied il-kapaċità innovattiva tal-SMEs billi jitjiebu l-kundizzjonijiet ta' qafas għall-innovazzjoni kif ukoll billi jiġu indirizzati l-ostakli speċifiċi li jimpedixxu t-tkabbir tal-SMEs innovattivi b’potenzjal għal tkabbir rapidu. Se jingħata wkoll appoġġ speċjalizzat għall-innovazzjoni (eż. għal sfruttar tal-proprjetà intellettwali, netwerks ta' akkwirenti, appoġġ lil uffiċċji għat-trasferiment tat-teknoloġija, u disinn strateġiku) u għal reviżjonijiet tal-politiki pubbliċi marbuta mal-innovazzjoni.

PARTI III

SFIDI TAS-SOĊJETÀ

1.   SAĦĦA, BIDLA DEMOGRAFIKA U BENESSERI

Il-promozzjoni effettiva tas-saħħa, appoġġata minn bażi ta' evidenza robusta, tipprevjeni l-mard, tikkontribwixxi għall-benesseri u hija kosteffettiva. Il-promozzjoni tas-saħħa, it-tixjiħ attiv, il-benesseri u l-prevenzjoni tal-mard jiddependu wkoll minn fehim tad-determinanti tas-saħħa, minn għodod preventivi effettivi, bħat-tilqim, minn sorveljanza u tħejjija effettivi fir-rigward tas-saħħa u l-mard, u minn programmi effettivi ta' screening.

L-isforzi b'suċċess għall-prevenzjoni, l-iskoperta bikrija, il-ġestjoni, it-trattament u l-kura ta' mard, diżabilità, il-fraġilità u funzjonalità mnaqqsa huma sostnuti mill-fehim fundamentali tal-kawżi, il-proċessi u l-impatti tagħhom, kif ukoll minn fatturi sottostanti għas-saħħa u l-benesseri. Fehim imtejjeb tas-saħħa u l-mard ser jirrikjedi rabta mill-qrib bejn riċerka fundamentali, klinika, epidemjoloġika u soċjoekonomika. It-tqassim effettiv tad-data u r-rabta ta' din id-data mal-istudji ta' koorti ta' skala kbira tad-dinja reali huma wkoll essenzjali, kif inhi t-traduzzjoni tar-riżultati tar-riċerka fil-klinika, b'mod partikolari permezz tat-twettiq ta' provi kliniċi.

Hija sfida tas-soċjetà li taġġusta għal domandi ulterjuri fis-setturi tas-saħħa u l-kura minħabba l-popolazzjoni li qed tixjieħ. Biex is-saħħa u l-kura jinżammu effettivi għall-etajiet kollha, meħtieġa sforzi biex jittejjeb u jitħaffef it-teħid ta' deċiżjonijiet fil-forniment ta' prevenzjoni u trattament, biex tiġi identifikata u appoġġata d-disseminazzjoni tal-aħjar prattika fis-settur tas-saħħa u tal-kura tas-saħħa, biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni u biex tiġi appoġġata l-kura integrata. Fehim aħjar tal-proċessi tat-tixjiħ u l-prevenzjoni ta' mard relatat mal-età huma l-bażi biex iċ-ċittadini Ewropej jibqgħu b'saħħithom u attivi tul ħajjithom kollha. Daqstant importanti hija l-adozzjoni wiesgħa ta' innovazzjonijiet teknoloġiċi, organizzattivi u soċjali lil persuni akbar fl-età, persuni b'mard kroniku kif ukoll persuni b'diżabbiltà li tagħtihom is-setgħa jibqgħu attivi u indipendenti. Jekk dan isir, huwa għandu jikkontribwixxi biex iżid il-benesseri fiżiku, soċjali u mentali tagħhom u jtawwal il-perijodu tagħhom.

Dan l-objettiv speċifiku għandu jindirizza fl-attivitajiet rilevanti l-kundizzjonijiet u l-mard kroniċi inkluż imma mhux limitat għal: mard kardjovaskulari, kanċer, mard metaboliku u fatturi ta' riskju inklużi dijabete, uġigħ kroniku, is-saħħa newroloġika, newrodeġenerattiva u mentali u diżordnijiet relatati mal-użu ta' sustanza, mard rari, il-piż żejjed u l-obesità, mard awtoimmuni, diżordnijiet rewmatiċi u muskuloskeletali u diversi mard li jaffettwa organi differenti kif ukoll kondizzjonijiet akuti u diversi limitazzjonijiet funzjonali. Bl-istess mod għandhom jiġu indirizzati l-mard infettiv li jinkludi iżda mhux limitat għall-HIV/AIDS, it-tuberkulożi u l-malarja, mard li ġie traskurat u mard relatat mal-faqar u mard li jinġarr mill-annimali, epidemiji emerġenti, mard li jittieħed li qed jerġa' jitfaċċa (inkluż mard relatat mal-ilma) kif ukoll it-theddida taż-żieda tar-resistenza kontra l-mikrobi u mard okkupazzjonali u diżordnijiet relatati max-xogħol.

Għandha tiġi żviluppata mediċina personalizzata biex tkun adatta għal approċċi preventivi u terapewtiċi skont il-ħtiġijiet tal-pazjent, u għandha tkun sostnuta mill-identifikazzjoni bikrija tal-mard.

Dawn l-attivitajiet kollha ser jitwettqu b'tali mod li jipprovdu appoġġ tul iċ-ċiklu tar-riċerka u l-innovazzjoni, waqt li jsaħħu l-kompetittività ta' industriji bbażati fl-Ewropa u l-iżvilupp ta' opportunitajiet ġodda tas-suq. Ser jingħata appoġġ għal approċċi translazzjonali li jintegraw diversi passi tal-proċess ta' innovazzjoni fl-industrija tal-kura tas-saħħa.

L-attivitajiet speċifiċi huma deskritti hawn taħt.

1.1.   Fehim tas-saħħa, il-benesseri u l-mard

1.1.1.   Fehim tad- determinanti tas-saħħa, it-titjib tal-promozzjoni tas-saħħa u l-prevenzjoni tal-mard

Fehim aħjar tad-determinanti tas-saħħa huwa meħtieġ sabiex tiġi provduta evidenza għall-promozzjoni effettiva tas-saħħa u l-prevenzjoni tal-mard, u għandu jippermetti wkoll l-iżvilupp ta' indikaturi komprensivi tas-saħħa u l-benesseri fl-Unjoni abbażi ta' sorsi ta' data eżistenti u sistemi ta' indikaturi. Ser jiġu studjati fatturi ambjentali, tal-imġiba (inkluż l-istil ta' ħajja), psikoloġiċi, organizzazzjonali, kulturali, soċjoekonomiċi, bijoloġiċi u ġenetiċi, fis-sensi l-aktar wiesa' tagħhom. L-approċċi ser jinkludu studju fit-tul tal-koorti u tar-rabta tagħhom mad-data miġbura mir-riċerka "-omika", il-bijomediċina tas-sistemi inklużi applikazzjonijiet rilevanti tal-bijoloġija tas-sistemi u metodi oħrajn.

B'mod partikolari, il-fehim aħjar tal-ambjent bħala determinant tas-saħħa ser jirrikjedi approċċ interdixxiplinari li jintegra fost oħrajn, l-approċċi bijoloġiċi molekulari, epidemjoloġiċi u tossikoloġiċi u d-data rilevanti għall-bniedem li tirriżulta għall-istudju tal-modi ta' azzjoni ta' diversi kimiċi, ta' esponiment ikkombinat għal inkwinanti u ta' fatturi oħra li jagħmlu pressjoni fuq l-ambjent u l-klima, għat-twettiq ta' ittestjar tossikoloġiku integrat u għat-tfittxija ta' alternattivi għall-ittestjar fuq l-annimali. Approċċi innovattivi għall-valutazzjoni tal-esponiment huma meħtieġa bl-użu ta' bijomarkaturi tal-ġenerazzjoni ġdida bbażata fuq l-'omika' u l-epiġenetika, bijomonitoraġġ uman, valutazzjonijiet tal-esponiment personali u mmudellar għall-fehim ta' esponimenti kkombinati, kumulattivi u emerġenti, li jintegraw fatturi soċjoekonomiċi, kulturali, okkupazzjonali, psikoloġiċi u ta' imġiba. Rabtiet imtejba mad-data ambjentali bl-użu tas-sistemi ta' informazzjoni avvanzati ser jiġu appoġġati.

B'dan il-mod, il-politiki u l-programmi eżistenti u ppjanati jkunu jistgħu jiġu vvalutati u jkun jista' jiġi pprovdut appoġġ għall-politika. Bl-istess mod, jistgħu jiġu żviluppati interventi ta' imġiba mtejba, programmi ta' prevenzjoni u edukattivi, inklużi dawk li jappartjenu għal-litteriżmu tas-saħħa fin-nutrizzjoni, l-attività fiżika, it-tilqim u interventi tal-kura primarja oħrajn.

1.1.2.   Fehim tal-mard

Meħtieġ fehim imtejjeb tas-saħħa u l-mard, matul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja tal-bniedem, sabiex ikunu jistgħu jiġu żviluppati miżuri ġodda u aħjar ta' prevenzjoni, dijanjosi, trattament u miżuri ta' riabilitazzjoni. Ir-riċerka interdixxiplinari, bażika u ta' traduzzjoni dwar il-patofiżjoloġija tal-mard hija essenzjali sabiex jitjieb il-fehim tal-aspetti kollha tal-proċessi tal-mard, inkluża r-riklassifikazzjoni tal-varjazzjoni normali u mard ibbażat fuq data molekulari, u sabiex tivvalida u tuża r-riżultati tar-riċerka f'applikazzjonijiet kliniċi.

Ir-riċerka sottostanti ser tinkludi u tinkoraġġixxi l-iżvilupp u l-użu ta' għodod u approċċi ġodda għall-ġenerazzjoni ta' data bijomedika u ser tinkludi l-bijoimmaġni, l"-omika", approċċi mediċinali ta' fluss għoli u abbażi tas-sistemi. Dawn l-attivitajiet ser jirrikjedu rabta mill-qrib bejn ir-riċerka fundamentali u klinika u l-istudji ta' koorti fit-tul (u l-isferi ta' riċerka korrispondenti) kif deskritt hawn fuq. Rabtiet mill-qrib mal-infrastrutturi ta' riċerka u dawk mediċinali (bażijiet ta' data, bijobanek, eċċ) ser ikunu wkoll meħtieġa għall-istandardizzazzjoni, il-ħżin, it-tqassim u l-aċċess għad-data, li huma kollha essenzjali biex tiġi massimizzata l-utilità tad-data u biex jiġu stimulati aktar modi innovattivi u effettivi ta' analizzar u kkombinar ta' settijiet ta' data.

1.1.3.   Titjib tas-sorveljanza u t-tħejjija

Popolazzjonijiet ta' bnedmin huma mhedda minn infezzjonijiet ġodda u emerġenti, inkluż ta' oriġini żoonotika, kif ukoll minn dawk li jirriżultaw minn resistenza għad-droga għal patoġeni eżistenti u minn konsegwenzi oħra diretti u indiretti tat-tibdil fil-klima u mill-moviment internazzjonali tan-nies. Metodi ġodda jew imtejba għal sorveljanza, dijanjosi, netwerks ta' twissija bikrija, organizzazzjoni tas-servizz tas-saħħa u kampanji ta' tħejjija huma meħtieġa għall-immudellar tal-epidemiji u għal rispons effettiv għall-pandemiji. Jinħtieġu wkoll sforzi sabiex jinżammu u jissaħħu l-kapaċitajiet li jiġġieldu l-mard infettiv li huwa reżistenti għad-droga.

1.2.   Prevenzjoni ta' mard

1.2.1.   Żvilupp ta' programmi ta' prevenzjoni u ta' screening effettivi u titjib tal-valutazzjoni tas-suxxettibbiltà għall-mard

L-iżvilupp ta' programmi ta' prevenzjoni u ta' screening jiddependi mill-identifikazzjoni ta' bijomarkaturi (inkluż dawk funzjonali u tal-imġiba) ta' riskji u ta' tfaċċar ta' mard, u t-tfassil tagħhom għandu jkun informat minn kriterji aċċettati internazzjonalment. L-iskjerament tagħhom jiddependi mill-ittestjar u l-validazzjoni ta' metodi u programmi ta' screening. L-għarfien għandu jiġi ġġenerat u għandhom jiġu żviluppati metodi għall-identifikazzjoni ta' individwi u popolazzjonijiet li huma f'riskju akbar ta' mard klinikament rilevanti. L-identifikazzjoni ta' individwi u popolazzjonijiet f'riskju għoli ta' mard ser twassal għal strateġiji personalizzati, stratifikati u kollettivi biex tiġi żviluppata prevenzjoni għall-mard effettiva u kosteffettiva.

1.2.2.   Titjib tad-dijanjosi u l-pronjosi

Fehim imtejjeb tas-saħħa, il-mard u l-proċessi tal-mard matul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja huwa meħtieġ għall-iżvilupp ta' dijanjostika u teranostika ġodda u aktar effettivi. Ser jiġu żviluppati metodi, teknoloġiji u għodod innovattivi u eżistenti bil-għan li jittejbu b'mod sinifikanti r-riżultati tal-mard permezz ta' dijanjosi u pronjosi aktar bikrija u preċiżi u billi jkun possibbli trattament aċċessibbli, aktar adattat għall-pazjent.

1.2.3.   Żvilupp ta' tilqim preventiv u terapewtiku aħjar

Meħtieġa interventi u tilqim preventivi u terapewtiċi aktar effettivi u skemi ta' tilqim ibbażati fuq evidenza għal firxa usa' ta' mard, inkluż mard relatat mal-faqar bħall-HIV/AIDS, it-tuberkulożi, il-malarja u mard infettiv li ġie traskurat kif ukoll għal mard ewlieni ieħor. Dan jiddependi minn fehim aħjar tal-mard u l-proċessi tal-mard u l-epidemiji konsegwenti tagħhom u mit-twettiq ta' provi kliniċi u studji assoċjati.

1.3.   Trattament u ġestjoni tal-mard

1.3.1.   Trattament tal-mard, inkluż l-iżvilupp ta' mediċina riġenerattiva

Meħtieġ li jiġi appoġġat it-titjib ta' teknoloġiji trasversali ta' appoġġ għad-drogi, il-bijoterapiji, it-tilqim u approċċi terapewtiċi oħra, inkluż it-trapjant, il-kirurġija, it-terapija tal-ġene u taċ-ċelloli u l-mediċina nukleari; sabiex jiżdied is-suċċess fil-proċess ta' żvilupp ta' drogi u tilqim (inklużi metodi alternattivi li jissostitwixxu l-ittestjar klassiku tas-sikurezza u l-effettività, eż. l-iżvilupp ta' metodi ġodda); biex jiġu żviluppati approċċi ta' mediċina riġenerattiva, inklużi approċċi bbażati fuq iċ-ċelloli staminali; biex jiġu żviluppati bijofarmaċewtiċi ġodda, inklużi tilqimiet terapewtiċi; biex jiġu żviluppati bijofarmaċewtiċi ġodda, inklużi tilqimiet terapewtiċi; biex jittejbu t-terapiji paljattivi; biex tinżamm u tiġi msaħħa l-kapaċità li niġġieldu l-mard u nwettqu interventi mediċi li jiddependu mid-disponibbilità ta' drogi antimikrobjali effettivi u siguri; u biex jiġu żviluppati approċċi komprensivi li jittrattaw komorbożitajiet fl-etajiet kollha u tiġi evitata l-polifarmaċija. Dan it-titjib għandu jiffaċilita l-iżvilupp ta' trattamenti ġodda, aktar effiċjenti, effettivi, sostenibbli u personalizzati għall-mard u għall-ġestjoni tad-diżabilità u l-fraġilità, inklużi terapiji avvanzati u terapiji ċellolari għat-trattament ta' mard kroniku.

1.3.2.   Trasferiment tal-għarfien għall-prattika klinika u azzjonijiet ta' innovazzjoni li jistgħu jiġu adattati

Il-provi kliniċi huma mezz importanti għat-trasferiment tal-għarfien bijomediku għal applikazzjoni fil-pazjenti, u ser jiġi pprovdut appoġġ għal dawn, kif ukoll għat-titjib tal-prattika tagħhom. L-eżempji jinkludu l-iżvilupp ta' metodoloġiji aħjar li jippermettu li l-provi jiffokaw fuq il-gruppi ta' popolazzjoni rilevanti, inklużi dawk li jbatu minn mard ieħor konkomitanti u/jew li diġà għaddejjin bit-trattament, id-determinazzjoni ta' effettività komparattiva ta' interventi u soluzzjonijiet; u t-tisħiħ tal-użu ta' bażijiet ta' data u rekords elettroniċi tas-saħħa bħala sorsi ta' data għall-provi u t-trasferiment tal-għarfien. Ser jiġi appoġġat l-iżvilupp prekliniku u/jew kliniku ta' mediċini orfni speċifikati. B'mod simili, ser jingħata appoġġ għat-trasferiment ta' tipi oħra ta' interventi bħal dawk relatati mal-għajxien indipendenti fl-ambjenti tad-dinja reali.

1.4.   Tixjiħ attiv u awtoġestjoni tas-saħħa

1.4.1.   Tixjiħ attiv u għajxien indipendenti u assistit

Riċerka u innovazzjoni multidixxiplinari avvanzati u applikati flimkien ma' xjenzi soċjoekonomiċi, ta' imġiba, ġerontoloġiċi, diġitali u oħrajn huma meħtieġa għal soluzzjonijiet aċċessibbli għall-utenti u kosteffettivi għal għajxien ta' kuljum attiv indipendenti u assistit (fid-dar, fuq il-post tax-xogħol, fi spazji pubbliċi, eċċ) għall-popolazzjoni li qed tixjieħ u l-persuni b'diżabilità b'kont meħud tad-differenzi bejn is-sessi. Dan japplika f'varjetà ta' ambjenti u għal teknoloġiji u sistemi u servizzi li jtejbu l-kwalità tal-ħajja u l-funzjonalità tal-bniedem inklużi l-mobbiltà, teknoloġiji ta' assistenza intelliġenti u personalizzata, robotika ta' servizz u soċjali, u ambjenti ta' assistenza. Ser jiġu appoġġati l-piloti ta' riċerka u innovazzjoni biex jivvalutaw l-implimentazzjoni u l-adozzjoni wiesa' tas-soluzzjonijiet. Ser jiġi enfasizzat l-involviment tal-utenti finali, komunitajiet ta' utenti u persuni li jindukraw b'mod formali/informali.

1.4.2.   Sensibilizzazzjoni u għoti ta' setgħa individwali għall-awtoġestjoni tas-saħħa

L-għoti ta' setgħa lill-individwi biex itejbu u jiġġestixxu saħħithom matul ħajjithom ser jirriżulta f'sistemi tas-saħħa u tal-kura tas-saħħa aktar kosteffettivi billi jippermetti l-ġestjoni ta' mard kroniku barra l-istituzzjonijiet u jtejjeb ir-riżultati tas-saħħa. Dan jirrikjedi riċerka dwar fatturi soċjoekonomiċi u valuri kulturali, il-mudelli ta' imġiba, attitudnijiet u aspirazzjonijiet soċjali u kulturali, fir-rigward tat-teknoloġiji tas-saħħa personalizzati, għodod mobbli u/jew portabbli, dijanjostika ġdida, sensuri u tagħmir għal servizzi personalizzati u ta' monitoraġġ inklużi iżda mhux limitati għal għodod ibbażati fuq nanomediċina li jippromwovu stil ta' ħajja b'saħħitha, benesseri, saħħa mentali, kura personali, interazzjoni professjonali mtejba bejn iċ-ċittadin u l-kura tas-saħħa, programmi personalizzati għall-ġestjoni ta' mard u diżabbiltà biex, fost l-oħrajn, tissaħħaħ l-awtonomija tal-pazjenti, kif ukoll appoġġ għall-infrastrutturi tal-għarfien. Ser jiġu żviluppati u ttestjati soluzzjonijiet bl-użu ta' pjattaformi ta' innovazzjoni miftuħa bħal dimostraturi fuq skala kbira għal innovazzjoni soċjali u ta' servizz.

1.5.   Metodi u data

1.5.1.   Titjib ta' informazzjoni dwar is-saħħa u użu aħjar ta' data dwar is-saħħa

L-integrazzjoni ta' infrastrutturi u strutturi u sorsi ta' informazzjoni (inklużi dawk derivati minn studji ta' koorti, protokolli, ġbir tad-data, indikaturi, stħarriġ ta' eżami tas-saħħa, eċċ.) kif ukoll l-istandardizzazzjoni, l-interoperabbiltà, il-ħżin, il-kondiviżjoni ta' data u l-aċċess għaliha, ser jiġu appoġġati sabiex ikun possibbli li tali data tkun sostenibbli fuq perijodu twil u tiġi sfruttata sew. Għandha tingħata attenzjoni lill-ipproċessar tad-data, il-ġestjoni ta' għarfien, l-immudellar, il-viżwalizzazzjoni, is-sigurtà tal-ICT u l-kwistjonijiet relatati mal-privatezza. B'mod partikolari għandu jkun hemm titjib fid-disponibbiltà tal-informazzjoni u d-data dwar riżultati negattivi u effetti negattivi ta' trattament.

1.5.2.   Titjib ta' għodod u metodi xjentifiċi biex jappoġġaw il-ħtiġijiet tat-tfassil ta' politika u dawk regolatorji

Huwa meħtieġ appoġġ għar-riċerka, l-iżvilupp, l-integrazzjoni u l-użu ta' għodod, metodi u statistika xjentifiċi għal valutazzjoni rapida, preċiża u ta' tbassir dwar is-sikurezza, l-effikaċja u l-kwalità ta' interventi u teknoloġiji tas-saħħa, inklużi drogi, bijoloġika, terapiji avvanzati u apparat mediku ġodda. Dan huwa partikolarment rilevanti għal żviluppi ġodda fi sferi li jirrigwardaw il-bijofarmaċewtiċi, it-tilqim, l-antimikrobiċi, it-terapiji ta' ċelloli/tessut u ġene, l-organi u t-trapjant, il-manifatturar speċjalizzat, il-bijobanek, l-apparat mediku ġdid, prodotti ta’ kombinazzjoni, il-proċeduri dijanjostiċi/ta' trattament, l-ittestjar ġenetiku, l-interoperabbiltà u s-saħħa elettronika, inklużi l-aspetti ta' privatezza. B'mod simili, huwa meħtieġ appoġġ għal metodoloġiji mtejba ta' valutazzjoni tar-riskju, oqfsa ta' konformità, approċċi tal-ittestjar u strateġiji relatati mal-ambjent u s-saħħa. Meħtieġ ukoll appoġġ għall-iżvilupp ta' metodi rilevanti biex tiġi assistita l-valutazzjoni ta' aspetti etiċi tal-isferi msemmija hawn fuq.

1.5.3.   Użu tal-mediċina in-silico għat-titjib tal-ġestjoni u t-tbassir tal-mard

Sistemi mediċinali bbażati fuq is-simulazzjoni bil-kompjuter bl-użu ta' data speċifika tal-pazjent u abbażi ta' approċċi mediċinali skont is-sistema u l-immudellar fiżjoloġiku tista' tintuża għat-tbassir tas-suxxettibilità għal mard, evoluzzjoni tal-mard u s-suċċess probabbli ta' trattamenti mediċi. Is-simulazzjoni bbażata fuq mudell tista' tintuża għall-appoġġ ta' provi kliniċi, prevedibbilità tar-rispons għat-trattament, u l-personalizzazzjoni u l-ottimizzazzjoni tat-trattament.

1.6.   Forniment ta' kura tas-saħħa u kura integrata

1.6.1.   Promozzjoni tal-kura integrata

L-appoġġ għall-ġestjoni ta' mard kroniku barra l-istituzzjonijiet, inklużi pazjenti b'diżabbiltà, jiddependi wkoll minn kooperazzjoni mtejba bejn il-fornituri tal-kura tas-saħħa u l-kura soċjali jew informali. L-applikazzjonijiet ta' riċerka u dawk innovattivi ser ikunu appoġġati għat-teħid ta' deċiżjonijiet abbażi ta' informazzjoni distribwita li tindirizza kemm is-saħħa fiżika kif ukoll dik mentali, inklużi aspetti psikosoċjali, u għall-forniment ta' evidenza għall-iskjerament fuq skala kbira u l-isfruttar tas-suq ta' soluzzjonijiet ġodda, inklużi s-servizzi interoperabbli tat-telesaħħa u t-telekura. B'mod partikolari fil-kuntest tat-tibdil demografiku, ser jiġu appoġġati wkoll ir-riċerka u l-innovazzjoni biex tittejjeb l-organizzazzjoni tat-twassil ta' kura fit-tul kif ukoll l-innovazzjoni ta' politika u ġestjoni. L-implimentazzjoni ta' soluzzjonijiet ġodda u integrati tal-kura għandha timmira lejn l-għoti ta' setgħa personali u t-tisħiħ ta' kapaċitajiet eżistenti kif ukoll tikkonċentra fuq il-kumpens ta' nuqqasijiet.

1.6.2.   Ottimizzar tal-effiċjenza u effettività tal-forniment tal-kura tas-saħħa u t-tnaqqis tal-inugwaljanzi permezz ta' teħid ta' deċiżjonijiet u disseminazzjoni tal-aħjar prattiki abbażi ta' evidenza, u teknoloġiji u approċċi innovattivi

Meħtieġ appoġġ għall-iżvilupp ta' approċċ sistemiku għall-valutazzjoni tat-teknoloġija tas-saħħa u ekonomiji tas-saħħa, kif ukoll il-ġbir ta' evidenza u d-disseminazzjoni tal-aħjar prattika u teknoloġiji u approċċi innovattivi fis-settur tas-saħħa u tal-kura tas-saħħa, inklużi l-applikazzjonijiet tal-ICT u tas-saħħa elettronika. Ser tiġi appoġġata l-analiżi komparattiva tar-riforma fis-sistemi tas-saħħa pubblika fl-Ewropa u f'pajjiżi terzi u l-valutazzjonijiet tal-impatt ekonomiku u soċjali tagħhom fuq perijodu medju ta' fit-tul. Ser tiġi appoġġata l-analiżi tal-ħtiġijiet tal-forza tax-xogħol futura f'termini kemm ta' għadd kif ukoll ta' ħiliet meħtieġa fir-rigward ta' mudelli ġodda ta' kura. Ser tiġi appoġġata r-riċerka dwar l-evoluzzjoni ta' inugwaljanzi fis-saħħa, dwar l-interkonnessjonijiet tagħhom ma' inugwaljanzi ekonomiċi u soċjali oħrajn u dwar l-effettività tal-politika bl-għan li jitnaqqsu fl-Ewropa u lil hinn minnha. Fl-aħħarnett, meħtieġ appoġġ għall-valutazzjoni tas-soluzzjonijiet ta' sikurezza tal-pazjent u s-sistemi tal-assigurazzjoni ta' kwalità, inkluż ir-rwol tal-pazjenti.

1.7.   Aspetti speċifiċi ta' implimentazzjoni

L-implimentazzjoni ta' dan l-objettiv speċifiku ser tinkludi appoġġ għat-trasferiment ta' għarfien u teknoloġija u forom oħra ta' disseminazzjoni, għal azzjonijiet pilota u ta' dimostrazzjoni fuq skala kbira, u għal standardizzazzjoni. B'dan il-mod, ser jiġi aċċellerat l-iskjerament ta' prodotti u servizzi fis-suq, u ser jiġu vvalidati soluzzjonijiet adattabbli għall-Ewropa u lil hinn minnha. Azzjonijiet bħal dawn mhux biss ser jappoġġaw il-kompetittività industrijali Ewropea u l-involviment ta' SMEs innovattivi iżda ser jirrikjedu l-involviment attiv tal-partijiet interessati kollha. Ser jissegwew programmi u attivitajiet rilevanti oħra, kemm pubbliċi kif ukoll privati fil-livell tal-Unjoni, u fil-livelli nazzjonali u internazzjonali. B'mod partikolari, ser jiġu mfittxija sinerġiji ma' attivitajiet żviluppati fil-kuntest tal-Programm Saħħa għat-Tkabbir.

Il-Bord Xjentifiku għas-Saħħa ser ikun pjattaforma tal-partijiet interessati mmexxija mix-xjenza li jelabora l-kontribut xjentifiku li jikkonċerna din l-isfida tas-soċjetà. Huwa ser jipprovdi analiżi koerenti ta' riċerka ffukata fuq ix-xjenza u l-ostakoli għall-innovazzjoni u opportunitajiet relatati ma' din l-isfida tas-soċjetà, jikkontribwixxi għad-definizzjoni tal-prijoritajiet tiegħu għar-riċerka u l-innovazzjoni, u jħeġġeġ parteċipazzjoni xjentifika fih mill-Unjoni kollha. Permezz ta' kooperazzjoni attiva mal-partijiet interessati, huwa ser jgħin biex jinbnew kapaċitajiet u biex titrawwem il-kondiviżjoni tal-għarfien u kollaborazzjoni aktar b'saħħitha madwar l-Unjoni f'dan il-qasam.

Jista' jiġi kkunsidrat appoġġ għal Inizjattivi għall-Iprogrammar Konġunt (JPI) rilevanti u sħubijiet pubbliċi-pubbliċi u pubbliċi-privati rilevanti.

Ser jiġu stabbiliti wkoll rabtiet adatti mal-azzjonijiet tas-Sħubijiet Ewropej għall-Innovazzjoni rilevanti u l-aspetti rilevanti tal-aġendi tar-riċerka u l-innovazzjoni ta' Pjattaformi Ewropej għat-Teknoloġija.

2.   SIGURTÀ TAL-IKEL, AGRIKOLTURA U FORESTRIJA SOSTENIBBLI, RIĊERKA TAL-BAĦAR, MARITTIMA U TAL-ILMIJIET INTERNI, U L-BIJOEKONOMIJA

2.1.   Agrikoltura u forestrija sostenibbli

Meħtieġa għarfien, għodod, servizzi u innovazzjonijiet adatti biex jappoġġaw sistemi ta' agrikoltura u forestrija aktar produttivi, li jirrispettaw l-ambjent, jużaw ir-riżorsi b'effiċjenza, huma reżiljenti, jipprovdu biżżejjed ikel, għalf, bijomassa u materja prima oħra filwaqt li jħarsu l-bijodiversità u jipprovdu servizzi tal-ekosistemi u jappoġġaw l-iżvilupp ta' għajxien rurali li jrendi. Ir-riċerka u l-innovazzjoni ser jipprovdu alternattivi għall-integrazzjoni tal-miri agronomiċi u ambjentali fil-produzzjoni sostenibbli, biex b'hekk: jiżdiedu l-produttività u l-effiċjenza tar-riżorsi, inkluż effiċjenza fl-użu tal-ilma, tal-agrikoltura; tiżdied is-sigurtà tal-annimali u l-produzzjoni tal-pjanti; jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra agrikoli; titnaqqas il-produzzjoni tal-iskart; titnaqqas il-lissija ta' nutrijenti u ta' sustanzi kimiċi oħra minn artijiet ikkultivati f'ambjenti terresti u akwatiċi; titnaqqas id-dipendenza mill-importazzjonijiet lejn l-Ewropa ta' proteina derivata minn pjanta internazzjonali; jiżdied il-livell tad-diversità f'sistemi ta' produzzjoni primarji; u jissaħħaħ l-irkupru tad-diversità bijoloġika.

2.1.1.   Żieda fl-effiċjenza tal-produzzjoni u adattament għat-tibdil fil-klima, filwaqt li jiġu żgurati s-sostenibbiltà u r-reżiljenza

L-attivitajiet ser isaħħu l-produttività kif ukoll il-kapaċità ta' adattament ta' pjanti, annimali u sistemi ta' produzzjoni biex ilaħħqu mal-kondizzjonijiet ambjentali/klimatiċi li qed jinbidlu b'rata mgħaġġla u mar-riżorsi naturali dejjem aktar skarsi. L-innovazzjonijiet riżultanti ser jgħinu fiċ-ċaqliq lejn ekonomija b'użu baxx tal-enerġija, emissjonijiet baxxi u livell baxx ta' skart, u għal tnaqqis fid-domanda għar-riżorsi naturali matul il-katina kollha tal-provvista tal-ikel u l-għalf. Minbarra l-kontribuzzjoni għas-sigurtà tal-ikel, ser jinħolqu opportunitajiet ġodda għall-użu tal-bijomassa u prodotti sekondarji mill-agrikoltura għal firxa wiesgħa ta' applikazzjonijiet industrijali mhux tal-ikel.

Ser jiġu mfittxa approċċi multidixxiplinarji li jtejbu l-prestazzjoni tal-pjanti, l-annimali u l-mikroorganiżmi, filwaqt li jiżguraw l-użu effiċjenti tar-riżorsi (ilma, art, ħamrija, nutrijenti, enerġija u oħrajn) u l-integrità ekoloġika taż-żoni rurali. L-enfasi ser titqiegħed fuq is-sistemi ta' produzzjoni u prattiki agronomiċi integrati u differenti, inkluż l-użu ta' teknoloġiji ta' preċiżjoni u approċċi ta' intensifikazzjoni ekoloġika sabiex tibbenefika kemm l-agrikoltura konvenzjonali kif ukoll dik organika. Ser tiġi promossa wkoll l-ekoloġizzazzjoni urbana, b'forom ġodda ta' agrikoltura, ortikultura u forestrija f'żoni urbani u peri-urbani. Dawn għandhom jiġu kkunsidrati bl-indirizzar ta' rekwiżiti ġodda għal karatteristiċi ta' pjanti, metodi ta' kultivazzjoni, teknoloġiji, kummerċjalizzazzjoni u disinn urban, fir-rigward tas-saħħa u l-benesseri tal-bniedem, l-ambjent u t-tibdil fil-klima. It-titjib ġenetiku tal-pjanti u l-annimali għall-karatteristiċi ta’ adattament, saħħa u produttività ser jesiġi l-approċċi kollha ta’ tgħammir konvenzjonali u modern u l-preservazzjoni u użu aħjar ta’ riżorsi ġenetiċi.

Ser tingħata attenzjoni debita għall-ġestjoni tal-ħamrija biex tiżdied il-produttività tal-prodotti tar-raba' li jinħadem. B'kont meħud tal-objettiv ġenerali tal-iżgurar tal-kwalità għolja u l-produzzjoni sana tal-ikel, ser tiġi promossa s-saħħa tal-annimali u tal-pjanti. L-attivitajiet fil-qasam tas-saħħa tal-pjanti u l-protezzjoni tal-pjanti ser iżidu l-għarfien u jappoġġaw l-iżvilupp ta' strateġiji integrati favur l-ambjent għall-ġestjoni ta' pesti, prodotti u għodod għall-prevenzjoni tal-introduzzjoni ta' patoġeni, għall-kontroll ta' pesti u mard u biex jitnaqqas it-telf ta' rendiment fil-livelli ta' qabel u wara l-ħsad. Fil-qasam tas-saħħa tal-annimali, ser jiġu promossi strateġiji għall-eradikazzjoni jew il-ġestjoni effettiva tal-mard, inkluż iż-żoonosi, u riċerka dwar resistenza antimikrobjali. Il-kontroll integrat tal-mard, tal-parassiti u tal-pesti ser jissaħħaħ, minn fehim aħjar tal-interazzjonijiet ta' aġenti patoġeni, sa sorveljanza, dijanjostika u trattament. L-istudju tal-effetti tal-prattiki fuq il-benesseri tal-annimali ser jgħin sabiex jiġi indirizzat it-tħassib tas-soċjetà. L-oqsma elenkati hawn fuq ser ikunu sostnuti minn aktar riċerka fundamentali biex jiġu indirizzati kwistjonijiet bijoloġiċi rilevanti kif ukoll jiġu appoġġati l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika tal-Unjoni u appoġġati minn valutazzjoni adegwata tal-potenzjal ekonomiku u kummerċjali tagħhom.

2.1.2.   Forniment ta' servizzi tal-ekosistema u beni pubbliċi

L-agrikoltura u l-forestrija huma sistemi uniċi li jqassmu l-prodotti kummerċjali iżda wkoll beni pubbliċi tas-soċjetà usa' (inkluż il-valur kulturali u rikreazzjonali) u servizzi ekoloġiċi importanti bħal bijodiversità funzjonali u fil-post, pollinazzjoni, ħżin u regolazzjoni tal-ilma, pajsaġġ, funzjonalità tal-ħamrija, tnaqqis tal-erożjoni, reżiljenza għall-għargħar u n-nixfa u s-sekwestru tal-karbonju / mitigazzjoni tal-gassijiet serra. L-attivitajiet ta' riċerka ser jikkontribwixxu għal fehim aħjar ta' interazzjonijiet kumplessi bejn is-sistemi ta' produzzjoni primarja u s-servizzi tal-ekosistemi u ser jappoġġaw il-forniment ta' dawn il-beni u servizzi pubbliċi, permezz tat-twassil ta' soluzzjonijiet ta' ġestjoni, għodod li jappoġġaw id-deċiżjonijiet u l-valutazzjoni tal-valur tas-suq u mhux tas-suq tagħhom. Il-kwistjonijiet speċifiċi li għandhom jiġu indirizzati jinkludu l-identifikazzjoni tas-sistemi tal-biedja/foresti rurali u (peri-)urbani u l-mudelli tal-pajsaġġ li x'aktarx jilħqu dawn il-miri. Ċaqliq fil-ġestjoni attiva tas-sistemi agrikoli - inklużi l-użu tat-teknoloġiji u t-tibdil tal-prattiki - ser iżid il-mitigazzjoni tal-gassijiet serra u l-kapaċità ta' adattament tas-settur agrikolu għall-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima.

2.1.3.   Għoti ta' setgħa liż-żoni rurali, appoġġ għall-politika u l-innovazzjoni rurali

L-opportunitajiet ta' żvilupp għall-komunitajiet rurali ser jiġu mmobilizzati permezz tat-tisħiħ tal-kapaċità tagħhom għall-produzzjoni primarja u t-twassil ta' servizzi tal-ekosistemi, kif ukoll permezz tal-ftuħ ta' possibilitajiet għall-produzzjoni ta' prodotti ġodda u diversifikati (inkluż ikel, għalf, materjali u enerġija), li jissodisfaw id-domanda dejjem tikber għal sistemi ta' katina qasira ta' forniment b'livell baxx ta' karbonju. Ir-riċerka soċjoekonomika u l-istudji tax-xjenza u s-soċjetà flimkien mal-iżvilupp ta' kunċetti ġodda u innovazzjonijiet istituzzjonali huma meħtieġa sabiex jiżguraw il-koeżjoni ta' żoni rurali u jipprevjenu l-marġinalizzazzjoni ekonomika u soċjali, irawwmu d-diversifikazzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi (inkluż is-settur tas-servizzi), jiżguraw ir-relazzjonijiet xierqa bejn iż-żoni rurali u urbani, kif ukoll jiffaċilitaw l-iskambju tal-għarfien, id-dimostrazzjoni, l-innovazzjoni u d-disseminazzjoni u t-trawwim tal-ġestjoni parteċipattiva ta' riżorsi. Minbarra dan, jeħtieġ li wieħed iħares lejn il-modi li bihom il-beni pubbliċi fiż-żoni rurali jistgħu jiġu kkonvertiti f'benefiċċji soċjoekonomiċi lokali/reġjonali. Il-ħtiġijiet tal-innovazzjoni ddefiniti fuq livelli reġjonali u lokali ser ikunu kkumplimentati b'azzjonijiet ta' riċerka trasversali fil-livell internazzjonali, interreġjonali u Ewropew. Billi jiġu pprovduti għodod analitiċi, indikaturi, mudelli integrati u attivitajiet li jħarsu 'l quddiem meħtieġa, il-proġetti ta' riċerka ser jappoġġaw lil dawk li jfasslu l-politika u atturi oħra fl-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-istrateġiji, politiki u leġislazzjoni rilevanti, mhux biss għaż-żoni rurali iżda għall-bijoekonomija kollha. L-għodod u d-data huma meħtieġa wkoll sabiex jippermettu valutazzjoni tajba ta' kompromessi potenzjali bejn it-tipi diversi ta' użu ta' riżorsi (art, ilma, ħamrija, nutrijenti, enerġija u oħrajn) u prodotti bijoekonomiċi. Ser tiġi indirizzata l-valutazzjoni soċjoekonomika u komparattiva tas-sistemi ta' biedja/foresti u l-prestazzzjoni ta' sostenibbilità tagħhom.

2.1.4.   Forestrija sostenibbli

L-għan huwa li jiġu prodotti b'mod sostenibbli bijoprodotti, ekosistemi, servizzi (inklużi servizzi relatati mal-ilma u mal-mitigazzjoni tal-klima) u bijomassa suffiċjenti, b'kondisderazzjoni debita tal-aspetti ekonomiċi, ekoloġiċi u soċjali tal-forestrija kif ukoll differenzi reġjonali. B'mod ġenerali, l-attivitajiet fis-settur tal-forestrija ser ifittxu li jippromwovu foresti multifunzjonali li jipprovdu diversi benefiċċji ekoloġiċi, ekonomiċi u soċjali. L-attivitajiet ser jiffokaw fuq l-iżvilupp ulterjuri ta' sistemi ta' forestrija sostenibbli li jistgħu jindirizzaw sfidi u domandi soċjetali, inklużi l-ħtiġijiet tas-sidien ta' foresti, bl-istabbiliment ta' approċċi multifunzjonali li jirrikonċiljaw il-ħtieġa li jinkiseb tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv li jieħdu kont tat-tibdil fil-klima. Dawn is-sistemi ta' forestrija sostenibbli huma strumentali fit-tisħiħ tar-reżiljenza tal-foresti u l-protezzjoni tal-bijodiversità u l-ħtieġa li tiġi sodisfatta d-domanda li qed tikber għall-bijomassa. Dan ser jeħtieġ li jkun sostnut minn riċerka dwar is-saħħa tas-siġar u dwar il-protezzjoni u l-irkupru tal-foresti min-nar.

2.2.   Settur agroalimentari sostenibbli u kompetittiv għal dieta sikura u tajba għas-saħħa

Għandhom jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-konsumatur għal ikel sikur, tajjeb għas-saħħa, ta' kwalità għolja u bi prezz raġonevoli, filwaqt li jitqiesu l-impatti tal-imġiba tal-konsum tal-ikel u tal-produzzjoni tal-ikel u l-għalf fuq is-saħħa tal-bniedem, l-ambjent u l-ekosistema globali. Ser jiġu indirizzati s-sikurezza u s-sigurtà tal-ikel u l-għalf, il-kompetittività tal-industrija agroalimentari u s-sostenibbilità tal-produzzjoni, il-forniment u l-konsum tal-ikel, b'kopertura tal-katina kollha tal-ikel u s-servizzi relatati, kemm jekk konvenzjonali jew organiċi, mill-produzzjoni primarja sal-konsum. Dan l-approċċ se jikkontribwixxi għall-ksib ta’ sikurezza u sigurtà tal-ikel għall-Ewropej kollha u l-eradikazzjoni tal-ġuħ fid-dinja; it-tnaqqis tal-piż tal-mard relatat mal-ikel u dieti u l-obeżità billi tiġi promossa l-qalba lejn dieti tajbin għas-saħħa u sostenibbli, permezz tal-edukazzjoni tal-konsumatur u innovazzjonijiet fl-agrikoltura u fl-industrija tal-agrikoltura u tal-ikel; it-tnaqqis tal-konsum tal-ilma u tal-enerġija fl-ipproċessar tal-ikel, trasport u distribuzzjoni; u t-tnaqqis tal-ikel mormi b'50 % sal-2030; u l-għoti ta' diversità wiesgħa ta' ikel tajjeb għas-saħħa, ġenwin, ta' kwalità għolja u sikur għal kulħadd.

2.2.1.   Għazliet informati tal-konsumatur

Ser jiġu indirizzati l-preferenzi, l-attitudnijiet, il-ħtiġijiet, l-imġiba, l-istil ta’ ħajja u l-edukazzjoni tal-konsumatur kif ukoll il-komponent kulturali tal-kwalità tal-ikel, u ser tissaħħaħ il-komunikazzjoni bejn il-konsumaturi u l-komunità ta’ riċerka tal-katina tal-ikel u l-partijiet interessati tagħha sabiex jitjieb il-fehim pubbliku tal-produzzjoni tal-ikel b'mod ġenerali u sabiex jippermettu għażla informata, konsum sostenibbli u b'saħħtu u l-impatti tagħhom fuq il-produzzjoni, tkabbir inklużiv u kwalità ta’ ħajja, speċjalment ta’ gruppi vulnerabbli. L-innovazzjoni soċjali ser tirrispondi għall-isfidi tas-soċjetà, u l-mudelli u metodoloġiji innovattivi ta' tbassir fix-xjenza tal-konsumatur ser jipprovdu data komparabbli u jħejju t-triq għar-reazzjoni għall-ħtiġijiet tal-politika tal-Unjoni.

2.2.2.   Ikel u dieti tajbin għas-saħħa u sikuri għal kulħadd

Ser jiġu indirizzati l-ħtiġijiet nutrizzjonali, dieta bilanċjata u l-impatt tal-ikel fuq il-funzjonijiet fiżjoloġiċi u għall-prestazzjoni fiżika u mentali kif ukoll ir-rabtiet bejn id-dieta, ix-xejriet demografiċi (bħat-tixjiħ) u mard u disturbi kroniċi. Ser jiġu identifikati soluzzjonijiet u innovazzjonijiet tad-dieta li jwasslu għal titjib fis-saħħa u l-benesseri. Il-kontaminazzjoni, ir-riskji u l-esponiment tal-kimika u dawk mikrobjali fuq l-ikel u l-għalf kif ukoll l-allerġeni ser jiġu analizzati, ivvalutati, immonitorjati, ikkontrollati u ttraċċjati tul il-ktajjen ta' provvista tal-ikel, l-għalf u tal-ilma tax-xorb mill-produzzjoni u l-ħżin sal-ipproċessar, l-ippakkjar, id-distribuzzjoni, il-forniment tal-ikel u l-preparazzjoni fid-dar. L-innovazzjonijiet tas-sikurezza tal-ikel, għodod imtejba għar-riskji u għall-valutazzjoni tal-benefiċċji u r-riskji u għall-komunikazzjoni tar-riskji u standards imtejba dwar is-sikurezza tal-ikel li għandhom jiġu implimentati matul il-katina tal-ikel ser iwasslu għal fiduċja msaħħa tal-konsumatur u protezzjoni fl-Ewropa. Standards mtejba globalment tas-sikurezza tal-ikel ser jgħinu wkoll biex tissaħħaħ il-kompetittività tal-industrija Ewropea tal-ikel.

2.2.3.   Industrija agroalimentari sostenibbli u kompetittiva

Il-ħtiġijiet għall-industrija tal-ikel u l-għalf sabiex ilaħħqu mal-bidla tas-soċjali, ambjentali, klimatika u ekonomika minn livell lokali għal dak globali ser jiġu indirizzati fl-istadji kollha tal-katina ta' produzzjoni tal-ikel u l-għalf, inkluż id-disinn tal-ikel, l-ipproċessar, l-ippakkjar, il-kontroll tal-proċess, it-tnaqqis tal-iskart, il-valorizzazzjoni tal-prodotti sekondarji u l-użu jew rimi sikur tal-prodotti sekondarji tal-annimali. Ser jiġu ġġenerati teknoloġiji u proċessi innovattivi u sostenibbli li jużaw ir-riżorsi b'effiċjenza, kif ukoll prodotti diversifikati, sikuri, tajbin għas-saħħa, bi prezz raġonevoli u ta' kwalità għolja u ser jiġu sostnuti b'evidenza bbażata fuq ix-xjenza. Dan għandu jsaħħaħ il-potenzjal ta' innovazzjoni tal-katina Ewropea tal-provvista tal-ikel, itejjeb il-kompetittività tagħha, joħloq tkabbir ekonomiku u impjiegi u jippermetti lill-industrija Ewropea tal-ikel li tadatta għall-bidliet. Aspetti oħra li għandhom jiġu indirizzati huma t-traċċabiltà, il-loġistika u s-servizzi, il-fatturi soċjoekonomiċi u kulturali, il-benesseri tal-annimali u kwistjonijiet etiċi oħra, ir-reżiljenza tal-katina tal-ikel kontra r-riskji ambjentali u klimatiċi, u l-limitazzjoni tal-impatti negattivi fuq l-attivitajiet tal-katina tal-ikel u ta' dieti li jinbidlu u s-sistemi ta' produzzjoni fuq l-ambjent.

2.3.   Sfruttar tal-potenzjal ta' riżorsi akkwatiċi ħajjin

Waħda mill-karatteristiċi prinċipali tar-riżorsi akkwatiċi ħajjin hija li dawn huma rinnovabbli u l-isfruttar sostenibbli tagħhom jiddependi minn għarfien dettalljat u grad għoli ta' kwalità u produttività tal-ekosistemi akwatiċi. L-għan ġenerali huwa li r-riżorsi akkwatiċi ħajjin jiġu ġestiti sabiex jiġu massimizzati l-benefiċċji/qligħ soċjali u ekonomiċi mill-oċeani, l-ibħra u l-ilmijiet interni tal-Ewropa.

Dan jinkludi l-ħtieġa li tiġi ottimizzata l-kontribuzzjoni sostenibbli tas-sajd u l-akkwakultura għas-sigurtà tal-ikel fil-kuntest tal-ekonomija globali li titnaqqas id-dipendenza qawwija tal-Unjoni fuq l-importazzjonijiet tal-frott tal-baħar (madwar 60 % tat-total tal-konsum ta' frott tal-baħar Ewropew jiddependi mill-importazzjoni u l-Unjoni hija l-akbar importatriċi fid-dinja ta' prodotti tas-sajd), u li tissaħħaħ l-innovazzjoni tal-baħar u marittima permezz tal-bijoteknoloġiji sabiex tingħata spinta lil tkabbir ‚blu’ intelliġenti. Skont l-oqfsa attwali tal-politika, b'mod partikolari l-Politika Marittima Integrata u d-Direttiva Qafas dwar l-Istrateġija Marittima (11), l-attivitajiet ta' riċerka ser isostnu l-approċċ tal-ekosistema għall-ġestjoni u l-isfruttar ta' riżorsi naturali, filwaqt li jippermettu l-użu sostenibbli ta' oġġetti u servizzi marittimi, u l-'iżvilupp ekoloġiku' tas-setturi involuti.

2.3.1.   Żvilupp ta' sajd sostenibbli u li jħares l-ambjent

Il-Politika Komuni tas-Sajd ġdida, id-Direttiva Qafas dwar l-Istrateġija Marittima u l-Istrateġija tal-Unjoni dwar il-Bijodiversità 2020 jesiġu li s-sajd Ewropew ikun aktar sostenibbli, kompetittiv, u li jħares l-ambjent. Iċ-ċaqliq lejn approċċ tal-ekosistema għal ġestjoni tas-sajd ser jesiġi għarfien dettaljat tal-ekosistemi tal-baħar. Ser jiġu żviluppati għarfien, għodod u mudelli ġodda biex jitjiet il-fehim ta' dak li jagħmel l-ekosistemi tal-baħar tajbin għas-saħħa u produttivi u biex jiġi evalwat u mitigat l-impatt tas-sajd fuq l-ekosistemi tal-baħar (inkluż il-baħar fond). Ser jiġu żviluppati strateġiji u teknoloġiji ġodda tal-ħsad li jipprovdu servizzi lis-soċjetà filwaqt li jinżammu ekosistemi tal-baħar b'saħħithom. Ser jitkejlu l-effetti soċjoekonomiċi tal-għażliet ta' ġestjoni. L-effetti u l-adattament għat-tibdiliet ambjentali, inkluż it-tibdil fil-klima, ser jiġu investigati wkoll flimkien ma' għodod ġodda ta' valutazzjoni u ġestjoni sabiex jiġu indirizzati r-riskji u l-inċertezzi. L-attivitajiet ser jappoġġaw ir-riċerka dwar il-bijoloġija, il-ġenetika u d-dinamika tal-popolazzjonijiet tal-ħut, dwar ir-rwol ta' speċi prinċipali fl-ekosistemi, dwar l-attivitajiet tas-sajd u l-monitoraġġ tagħhom, dwar l-imġiba tas-settur tas-sajd u l-adattament għas-swieq ġodda (pereżempju l-ekotikkettar) u fuq l-involviment tal-industrija tas-sajd fit-tfassil ta' deċiżjonijiet. Ser jiġu indirizzati wkoll l-użu kondiviż tal-ispazju marittimu ma' attivitajiet oħra, b'mod partikolari ż-żona kostali, u l-impatt soċjoekonomiku tiegħu.

2.3.2.   Żvilupp ta' akkwakultura Ewropea kompetittiva u li tħares l-ambjent

L-akkwakultura sostenibbli għandha potenzjal kbir għall-iżvilupp ta' prodotti tajbin għas-saħħa, sikuri u kompetittivi mfassla għall-ħtiġijiet u l-preferenzi tal-konsumatur kif ukoll għal servizzi ambjentali (bijorimedjazzjoni, ġestjoni tal-art u l-ilma, eċċ.) u għall-produzzjoni tal-enerġija iżda teħtieġ tiġi sfruttata bis-sħiħ fl-Ewropa. L-għarfien u t-teknoloġiji ser jissaħħu fl-aspetti kollha tad-domestikazzjoni tal-ispeċi stabbiliti u d-diversifikazzjoni għall-ispeċi ġodda filwaqt li jittieħed kont tal-interazzjonijiet bejn l-akkwakultura u l-ekosistemi akkwatiċi sabiex jitnaqqas l-impatt tal-akkwakultura fuq l-ambjent, u l-effetti tat-tibdil fil-klima u ta' kif is-settur jista' jadatta għalihom. B'mod partikolari jeħtieġ li jitkomplew l-isforzi ta' riċerka dwar is-saħħa u l-mard ta' organiżmi akwatiċi mrobbija ġo farm (inklużi għodod u metodi ta' prevenzjoni u mitigazzjoni), dwar kwistjonijiet ta' nutrizzjoni (inkluż l-iżvilupp ta' ingredjenti alternattivi mfasslin apposta u għalf għall-akwakultura), u dwar ir-riproduzzjoni u t-trobbija li huma fost l-ostakoli prinċipali fl-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura Ewropea. Ser tiġi wkoll promossa l-innovazzjoni għas-sistemi ta' produzzjoni sostenibbli fiż-żona interna, fuq il-kosta u lil hinn mill-kosta. Ser jitqiesu wkoll l-ispeċifiċitajiet tal-ultra-periferija Ewropea. Ser isir enfasi wkoll fuq il-fehim tad-dimensjonijiet soċjali u ekonomiċi tas-settur sabiex tiġi sostnuta l-produzzjoni kosteffiċjenti u effiċjenti fl-użu tal-enerġija li tissodisfa d-domandi tas-suq u tal-konsumatur, filwaqt li jiġu żgurati kompetittività u prospetti attraenti għall-investituri u produtturi.

2.3.3.   Spinta għall-innovazzjoni tal-baħar u marittima permezz tal-bijoteknoloġija

Aktar minn 90 % tal-bijodiversità tal-baħar għadha mhijiex esplorata, u toffri potenzjal enormi għall-iskoperta ta' speċi u applikazzjonijiet ġodda fil-qasam tal-bijoteknoloġiji tal-baħar, li huwa previst li jiġġenera 10 % ta' tkabbir annwali għal dan is-settur. Ser jingħata appoġġ biex jiġi esplorat u sfruttat aktar il-potenzjal kbir offrut mill-bijodiversità tal-baħar u l-bijomassa akkwatika biex jinħolqu proċessi, prodotti u servizzi ġodda, innovattivi u sostenibbli, fuq is-swieq b'applikazzjonijiet potenzjali f'setturi li jinkludu l-industriji kimiċi u tal-materjali, is-sajd u l-akkwakultura, u l-industriji tal-farmaċewtika, il-provvista tal-enerġija u l-kożmetika.

2.4.   Industriji b'bażi bijoloġika sostenibbli u kompetittivi u appoġġ għall-iżvilupp ta' bijoekonomija Ewropea

L-għan ġenerali huwa li tiġi aċċellerata l-konverzjoni tal-industriji Ewropej ibbażati fuq il-fossili għal industriji b'livelli baxxi ta' emissjonijiet ta' karbonju, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u sostenibbli. Ir-riċerka u l-innovazzjoni ser jipprovdu l-mezzi biex titnaqqas id-dipendenza tal-Unjoni fuq fjuwils fossili u jikkontribwixxu għall-ksib tal-miri tagħha tal-politika tal-enerġija u tat-tibdil fil-klima għall-2020 (10 % tal-fjuwils tat-trasport minn sorsi rinnovabbli u tnaqqis ta' 20 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra). L-istimi jikkonkludu li ċaqliq favur materja prima bijoloġika u metodi ta' pproċessar bijoloġiku jistgħu jiffrankaw sal-ekwivalenti ta' 2,5 biljun tunnellata ta' CO2 kull sena sal-2030, b'żieda sostanzjali fis-swieq għal materja prima b'bażi bijoloġika u prodotti ġodda tal-konsumatur. Il-ħsad ta' dawn l-elementi potenzjali jesiġi l-bini ta' bażi ta' għarfien wiesgħa u l-iżvilupp ta' (bijo)teknoloġiji rilevanti, b'iffokar prinċipalment fuq tliet elementi essenzjali: a) trasformazzjoni tal-proċessi attwali bbażati fuq il-fossili fi proċessi bbażati fuq bijoteknoloġija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u l-enerġija; b) stabbiliment ta' ktajjen ta' provvista affidabbli, sostenibbli u adatti ta' flussi ta' bijomassa, prodotti sekondarji u skart u netwerk wiesa' ta' bijoraffineriji madwar l-Ewropa; u c) appoġġ għall-iżvilupp tas-suq għal prodotti u proċessi b'bażi bijoloġika, b'kont meħud tar-riskji u l-benefiċċji assoċjati. Ser jiġu segwiti sinerġiji mal-objettiv speċifiku "Tmexxija f'Teknoloġiji Abilitanti u Industrijali".

2.4.1.   Trawwim tal-bijoekonomija għall-industriji b'bażi bijoloġika

Il-progress kbir lejn industriji b'livell baxx ta' karbonju, b'użu effiċjenti tar-riżorsi u sostenibbli ser jiġi appoġġat permezz tal-iskoperta u l-isfruttament ta' riżorsi bijoloġiċi terrestri u akwatiċi, filwaqt li jiġu minimizzati l-impatti ħżiena fuq l-ambjent u l-impronta tal-ilma, pereżempju permezz tal-istabbiliment ta' ċirkwiti magħluqa ta' nutrijenti, inkluż bejn żoni urbani u dawk rurali. Għandhom jiġu eżaminati kompromessi potenzjali bejn l-użi differenti tal-bijomassa. L-attivitajiet għandhom jiffukaw fuq il-bijomassa mhux kompetittiva mal-ikel u jikkunsidraw ukoll is-sostenibbiltà ta' sistemi relatati mal-użu tal-art. Ser jiġu mmirati l-iżvilupp tal-prodotti b'bażi bijoloġika u l-komposti bijoloġikament attivi għall-industriji u konsumaturi bi kwalitajiet u funzjonalitajiet ġodda u sostenibbiltà mtejba. Il-valur ekonomiku tar-riżorsi rinnovabbli, il-bijoskart u l-prodotti sekondarji ser jiġu massimizzati permezz ta' proċessi ġodda u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, inkluża t-trasformazzjoni ta' bijoskart urban f'input agrikolu.

2.4.2.   Żvilupp ta' bijoraffineriji integrati

Ser jiġu appoġġati attivitajiet li jagħtu spinta lil prodotti b'bażi bijoloġika, lil prodotti intermedji u lill-bijoenerġija/bijofjuwils sostenibbli filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lil approċċ kaskata, u tingħata prijorità lill-ġenerazzjoni ta' prodotti ta' valur miżjud għoli. Ser jiġu żviluppati teknoloġiji u strateġiji li jiżguraw il-provvista tal-materja prima. It-titjib tad-diversi tipi ta' bijomassa għal użu fit-tieni u t-tielet ġenerazzjoni ta' bijoraffineriji, inkluża l-forestrija, il-bijoskart u prodotti industrijali sekondarji, ser jgħin biex jiġu evitati konflitti tal-ikel u l-fjuwil u jappoġġa l-iżvilupp ekonomiku u favur l-ambjent ta' oqsma rurali u kostali fl-Unjoni.

2.4.3.   L-appoġġ għall-iżvilupp tas-suq għal prodotti u proċessi b'bażi bijoloġika

Miżuri orjentati lejn id-domanda ser jiftħu swieq ġodda għall-innovazzjoni tal-bijoteknoloġija. L-istandardizzazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni fil-livell tal-Unjoni u dak internazzjonali huma meħtieġa, fost oħrajn, għad-determinazzjoni ta' kontenut b'bażi bijoloġika u l-funzjonalitajiet u l-bijodegradabbiltà tal-prodott. Il-metodoloġiji u l-approċċi għall-analiżi taċ-ċiklu tal-ħajja jeħtieġu li jiġu żviluppati aktar u jiġu kontinwament adattati għall-avvanzi xjentifiċi u industrijali. L-attivitajiet ta’ riċerka li jappoġġaw l-istandardizzazzjoni tal-prodott u l-proċess (inkluża l-armonizzazzjoni ta' standards internazzjonali) u l-attivitajiet regolatorji fil-qasam tal-bijoteknoloġija huma meqjusa essenzjali għall-appoġġ tal-ħolqien ta’ swieq ġodda u t-twettiq ta' opportunitajiet kummerċjali.

2.5.   Riċerka tal-baħar u marittima trasversali

L-għan huwa li jiżdied l-impatt tal-ibħra u l-oċeani tal-Unjoni fuq is-soċjetà u t-tkabbir ekonomiku permezz tal-isfruttar tar-riżorsi tal-baħar kif ukoll l-użu ta' sorsi differenti ta' enerġija tal-baħar u l-firxa wiesgħa ta' użi differenti li ssir mill-ibħra. L-attivitajiet għandhom jiffukaw fuq sfidi trasversali tal-baħar u marittimi xjentifiċi u teknoloġiċi bil-ħsieb li jiġi sfruttat il-potenzjal tal-ibħra u l-ilmijiet interni fil-firxa kollha tal-industriji tal-baħar u marittimi, filwaqt li jiġi protett l-ambjent u jsir adattament għat-tibdil fil-klima. Approċċ strateġiku u koordinat għar-riċerka tal-baħar u marittima fl-isfidi u l-prijoritajiet kollha ta' Orizzont 2020 jappoġġa wkoll l-implimentazzjoni ta' politiki rilevanti tal-Unjoni biex jgħinu biex jinkisbu l-objettivi ewlenin tat-tkabbir blu.

Minħabba n-natura multidixxiplinarja tar-riċerka tal-baħar u marittima, ser issir ħidma biex ikun hemm koordinazzjoni mill-qrib u attivitajiet konġunti ma' partijiet oħra ta' Orizzont 2020, speċjalment l-objettiv speċifiku "Azzjoni klimatika, ambjent, effiċjenza tar-riżorsi u l-materja prima" tal-prijorità "Sfida tas-Soċjetà".

2.5.1.   Impatt tat-tibdil fil-klima fuq l-ekosistemi tal-baħar u l-ekonomija marittima

Ser jiġu appoġġati attivitajiet biex jiżdied l-għarfien attwali tal-funzjonament tal-ekosistemi tal-baħar u tal-interazzjonijiet bejn l-oċeani u l-atmosfera. Dan ser iżid l-abbiltà li jiġi vvalutat ir-rwol tal-oċeani fil-klima u l-impatt tat-tibdil fil-klima u tal-aċidifikazzjoni tal-oċeani fuq l-ekosistemi tal-baħar u ż-żoni kostali.

2.5.2.   Żvilupp tal-potenzjal tar-riżorsi tal-baħar permezz ta' approċċ integrat

Il-promozzjoni ta' tkabbir marittimu sostenibbli u fit-tul u l-ħolqien ta' sinerġiji fis-setturi marittimi kollha jeħtieġu approċċ integrat. L-attivitajiet ta' riċerka se jiffukaw fuq il-ħarsien tal-ambjent tal-baħar kif ukoll fuq l-impatt tal-attivitajiet u l-prodotti marittimi fuq is-setturi mhux marittimi. Dan ser jippermetti avvanzi fil-qasam tal-ekoinnovazzjoni bħal prodotti u proċessi ġodda u l-applikazzjoni ta' kunċetti, għodda u miżuri ta' ġestjoni biex jiġi vvalutat u mitigat l-impatt tal-pressjonijiet eżerċitati mill-bniedem fuq l-ambjent tal-baħar sabiex navvanzaw lejn ġestjoni sostenibbli tal-attivitajiet marittimi.

2.5.3.   Kunċetti u teknoloġiji trasversali li jippermettu tkabbir marittimu

L-avvanzi fit-teknoloġiji trasversali (eż. ICT, elettronika, nanomaterjali, liġi, bijoteknoloġiji, eċċ.) u żviluppi u kunċetti ġodda fl-inġinerija ser ikomplu jippermettu t-tkabbir. L-attivitajiet jippermettu li jsiru avvanzi kbar fil-qasam tar-riċerka marittima u tal-baħar u l-osservazzjoni tal-oċeani (eż. riċerka fl-ibħra fondi, sistemi ta' osservazzjoni, sensuri, sistemi awtomatiċi għall-monitoraġġ tal-attivitajiet u s-sorveljanza, skrinjar tal-bijodiversità tal-baħar u tal-ġeoperikli u vetturi mħaddma b'mod remot, eċċ.). L-għan huwa li jitnaqqas l-impatt fuq l-ambjent tal-baħar (eż. l-istorbju taħt l-ilma u l-introduzzjoni ta' speċijiet invażivi u sustanzi li jniġġsu mill-baħar u mill-art, eċċ.) u biex titnaqqas kemm jista' jkun l-impronta tal-karbonju tal-attivitajiet tal-bniedem. It-teknoloġiji trasversali jappoġġaw l-implimentazzjoni ta' politiki marittimi u tal-baħar tal-Unjoni.

2.6.   Aspetti speċifiċi ta' implimentazzjoni

Lil hinn mis-sorsi ġenerali ta' parir estern, ser jintalbu konsultazzjonijiet speċifiċi mill-Kumitat Permanenti dwar ir-Riċerka Agrikola (SCAR) dwar firxa ta' kwistjonijiet, inkluż dwar l-aspetti strateġiċi permezz tal-attivitajiet ta' antiċipazzjoni tiegħu u l-koordinazzjoni ta' riċerka agrikola bejn il-livelli nazzjonali u tal-Unjoni. Ser jiġu stabbiliti wkoll rabtiet adatti mal-azzjonijiet tas-Sħubijiet Ewropej għall-Innovazzjoni rilevanti u l-aspetti rilevanti tal-aġendi tar-riċerka u l-innovazzjoni ta' Pjattaformi Ewropej għat-Teknoloġija.

L-impatt u d-disseminazzjoni tar-riżultati tar-riċerka ser jiġu appoġġati b'mod attiv permezz ta' azzjonijiet speċifiċi dwar il-komunikazzjoni, l-iskambju ta' għarfien u l-involviment ta' diversi atturi matul il-proġetti. L-implimentazzjoni ser tikkombina firxa wiesgħa ta' attivitajiet, inklużi attivitajiet sostanzjali ta' dimostrazzjoni u pilota. Ser jitrawwmu l-aċċess faċli u miftuħ għar-riżultati ta' riċerka u l-aqwa prattiki.

Permezz ta' appoġġ speċifiku lill-SMEs ser tkun possibbli parteċipazzjoni akbar ta' azjendi agrikoli, sajjieda u tipi oħra ta' SMEs fl-attivitajiet ta' riċerka u dimostrazzjoni. Ser jittieħed kont tal-ħtiġijiet speċifiċi tas-settur tal-produzzjoni primarja għas-servizzi ta' appoġġ għall-innovazzjoni u l-istrutturi ta' komunikazzjoni. L-implimentazzjoni ser tgħaqqad firxa wiesgħa ta' attivitajiet, inklużi azzjonijiet tal-iskambju ta' għarfien fejn l-involviment tal-bdiewa jew produtturi primarji oħra u tal-intermedjarji ser ikun żgurat attivament bl-għan li jinġabru fil-qosor il-ħtiġijiet ta' riċerka tal-utenti finali. Ser jitrawwmu l-aċċess faċli u miftuħ għar-riżultati ta' riċerka u l-aqwa prattiki.

L-appoġġ għall-istandardizzazzjoni u l-aspetti regolatorji ser jintuża biex jgħin jaċċellera l-iskjerament fis-suq ta' oġġetti u servizzi b'bażi bijoloġika.

Jista' jiġi kkunsidrat appoġġ għal Inizjattivi għall-Iprogrammar Konġunt (JPI) rilevanti u sħubijiet pubbliċi-pubbliċi u pubbliċi-privati rilevanti.

Ser jiġu mfittxija sinerġiji ma' fondi oħra tal-Unjoni, u l-iskjerament ulterjuri tagħhom, li huma relatati ma' din l-isfida tas-soċjetà, bħall-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS).

Ser jitwettqu attivitajiet li jħarsu 'l quddiem fost is-setturi tal-bijoekonomija, inkluż l-iżvilupp ta' bażijiet ta' data, indikaturi u mudelli li jindirizzaw dimensjonijiet globali, Ewropej, nazzjonali u reġjonali. Ser jiġi żviluppat osservatorju Ewropew tal-bijoekonomija għall-immappjar u l-monitoraġġ tal-attivitajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni globali tal-Unjoni u dawk globali inkluża l-valutazzjoni tat-teknoloġija, billi jiġu żviluppati indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni, u l-monitoraġġ tal-politiki ta' innovazzjoni fil-bijoekonomija.

3.   ENERĠIJA, SIKURA, NADIFA U EFFIĊJENTI

3.1.   Tnaqqis fil-konsum tal-enerġija u l-impronta tal-karbonju permezz ta' użu intelliġenti u sostenibbli

Is-sorsi tal-Enerġija u x-xejriet ta' konsum tal-industriji, is-sistemi ta' trasport, il-bini, id-distretti l-irħula u l-ibliet tal-Ewropa, ġeneralment mhumiex sostenibbli u jwasslu għal impatti ambjentali u tibdil fil-klima sinifikanti. Il-ġestjoni tal-enerġija fi żmien reali għal bini ġdid u eżistenti li ma joħloq kważi l-ebda emissjoni, bini li ma juża kważi l-ebda enerġija u enerġija pożittiva, bini mgħammar b'sistemi ġodda u effiċjenti fl-użu tal-enerġija (retrofit) kif ukoll bini attiv, industriji effiċjenti ħafna u użu massiv ta' approċċi li huma effiċjenti fl-użu tal-enerġija minn kumpanniji, individwi, komunitajiet, bliet u distretti ser jirrikjedu mhux biss avvanzi teknoloġiċi, iżda wkoll soluzzjonijiet mhux teknoloġiċi bħal servizzi ġodda konsultattivi, finanzjarji u li jiġġestixxu d-domanda u kontribut mix-xjenza komportamentali u dik soċjali filwaqt li fl-istess ħin jittieħed kont tal-kwistjonijiet ta' aċċettazzjoni pubblika. B'dan il-mod, effiċjenza mtejba fl-użu tal-enerġija tista' tipprovdi wieħed mill-aktar modi kosteffettivi sabiex titnaqqas il-domanda għall-enerġija, b'hekk tissaħħaħ is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, bit-tnaqqis tal-impatti ambjentali u klimatiċi u tissaħħaħ il-kompetittività. Biex jintlaħqu dawn l-isfidi l-iżvilupp ulterjuri tal-enerġiji rinnovabbli u l-użu tal-potenzjali tal-effiċjenza tal-enerġija huma importanti.

3.1.1.   Jinġiebu lis-suq tal-massa tekonoloġiji u servizzi għal użu intelliġenti u effiċjenti tal-enerġija

It-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija u l-eliminazzjoni tal-ħela tal-enerġija, filwaqt li jiġu pprovduti s-servizzi meħtieġa mis-soċjetà u l-ekonomija, jeħtieġu mhux biss li jinġiebu fis-suq tal-massa aktar tagħmir, prodotti u servizzi effiċjenti, kostkompetittivi, li jħarsu l-ambjent u aktar intelliġenti iżda wkoll li jiġu integrati komponenti u apparat b'tali mod li dawn jikkooperaw biex jottimizzaw l-użu globali tal-enerġija mill-bini, is-servizzi u l-industrija.

Sabiex jiġu żgurati l-adozzjoni u l-benefiċċji sħaħ għall-konsumaturi (inkluża l-possibbiltà li huma jimmonitorja il-konsum tagħhom stess), il-prestazzjoni tal-enerġija ta' dawn it-teknoloġiji u servizzi teħtieġ tkun addattata u ottimizata għall-ambjenti ta' applikazzjoni tagħhom u fihom. Dan jeħtieġ riċerka, żvilupp u ttestjar ta’ ICT innovattivi u tekniki ta' monitoraġġ u kontroll kif ukoll proġetti ta’ dimostrazzjoni u attivitajiet ta’ skjerament prekummerċjali sabiex jiġu żgurati l-interoperabbiltà u l-iskalabbiltà. Proġetti bħal dawn għandhom jimmiraw li jikkontribwixxu għal tnaqqis jew ottimizzazzjoni sinifikanti tal-konsum ġenerali tal-enerġija u tal-ispejjeż tal-enerġija bl-iżvilupp ta' proċeduri komuni għall-ġbir, il-koordinazzjoni u l-analiżi ta' data dwar il-konsum u l-emissjonijiet tal-enerġija sabiex jittejbu l-kejl, it-trasparenza, l-aċċettazzjoni pubblika, l-ippjanar u l-viżibbiltà tal-użu tal-enerġija u l-impatti ambjentali tiegħu. F'dawn il-proċessi għandhom jiġu ssalvagwardjati s-sigurtà u l-privatezza mid-disinn għall-protezzjoni ta' tekniki ta' monitoraġġ u kontroll. L-iżvilupp ta' pjattaformi u l-applikazzjoni tagħhom għall-verifika tal-istabbiltà ta' sistemi bħal dawn ser jgħinu biex tiġi żgurata l-affidabbiltà.

3.1.2.   Sfruttar tal-potenzjal ta' sistemi ta' tisħin u tkessiħ effiċjenti u rinnovabbli

Parti sostanzjali tal-enerġija hija kkonsumata għal finijiet ta' tisħin jew tkessiħ madwar l-Unjoni u l-iżvilupp ta' teknoloġiji kosteffettivi u effiċjenti, u tekniki ta' integrazzjoni tas-sistemi, bħal konnettività tan-netwerk bil-lingwi u s-servizzi standardizzati f'dan il-qasam, jista' jkollhom impatt kbir fuq it-tnaqqis tad-domanda għall-enerġija. Dan jeħtieġ riċerka u dimostrazzjoni ta’ tekniki ta' disinn u sistemi u komponenti ġodda għall-applikazzjonijiet industrijali, kummerċjali u residenzjali, pereżempju fil-provvista deċentralizzata u distrettwali tal-ilma sħun u t-tisħin u tkessiħ tal-ispazju. Dan għandu jinkludi wkoll teknoloġiji differenti, bħal pompi termali solari, ġeotermali, tal-bijomassa u tat-tistħin, sħana u enerġija kombinata, u l-irkupru ta' enerġija skartata, u jissodisfa r-rekwiżiti ta' bini u distretti bi kważi l-ebda enerġija u jappoġġa bini intelliġenti. Aktar skoperti rivoluzzjonarji huma meħtieġa, b'mod partikolari, fil-ħżin ta' enerġija termali minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli u biex jitrawwem l-iżvilupp u l-iskjerament ta' kombinazzjonijiet effiċjenti ta' tisħin ibridu u sistemi ta' tkessiħ, għal applikazzjonijiet ċentralizzati u deċentralizzati.

3.1.3.   Trawwim ta' Bliet u Komunitaiet Ewropej Intelliġenti

Iż-żoni urbani huma wieħed mill-akbar konsumaturi ta' enerġija fl-Unjoni u jemettu parti kbira korrispondenti ta' gassijiet serra, filwaqt li jiġġeneraw ammont sostanzjali ta' inkwinanti tal-arja. Fl-istess ħin, iż-żoni urbani huma affettwati minn tnaqqis fil-kwalità tal-arja u tibdil fil-klima u għandhom jiżviluppaw l-istrateġiji ta' mitgazzjoni u adattament tagħhom stess. Is-sejba ta’ soluzzjonijiet ta’ enerġija innovattivi (eż.effiċjenza tal-enerġija, sistemi ta' provvista tal-elettriku u tat-tisħin u t-tkessiħ, u integrazzjoni ta' riżorsi rinnovabbli fl-ambjent mibni), integrati ma' sistemi tat-trasport, soluzzjonijiet intelliġenti ta' kostruzzjoni u ppjanar urban, l-iskart u t-trattament tal-ilma, kif ukoll soluzzjonijiet tal-ICT għall-ambjent urban hija għalhekk kruċjali fit-trasformazzjoni lejn soċjetà b'livell baxx ta' karbonju. Jeħtieġ li jiġu previsti inizjattivi mmirati bħala appoġġ għall-konvergenza tal-ktajjen ta' valur industrijali tal-enerġija, it-trasport u s-settur tal-ICT għal applikazzjonijiet urbani intelliġenti. Fl-istess ħin, jeħtieġ li jiġu żviluppati mudelli ta' ppjanar u mudelli kummerċjali teknoloġiċi u organizzattivi ġodda u li dawn jiġu ttestjati fuq skala sħiħa skont il-ħtiġijiet u l-mezzi tal-ibliet u l-komunitajiet u ċ-ċittadini tagħhom. Ir-riċerka hija wkoll meħtieġa sabiex jinftiehmu l-kwistjonijiet soċjali, ekonomiċi u kulturali li huma involuti f'din it-trasformazzjoni.

3.2.   Provvista tal-elettriku bi spiża baxxa u b'livell baxx ta' karbonju

L-elettriku ser ikollu rwol ċentrali fl-istabbiliment ta' ekonomija ambjentalment sostenibbli b'livell baxx ta' karbonju. Is-sorsi ta' enerġija rinnovabbli huma fiċ-ċentru ta' dan l-iżvilupp. L-adozzjoni ta' ġenerazzjoni tal-elettriku b'livell baxx ta' karbonju qed isseħħ bil-mod wisq minħabba l-ispejjeż kbar involuti. Jeħtieġ urġentement li jinstabu soluzzjonijiet li jnaqqsu l-ispejjeż b’mod sinifikattiv, bi prestazzjoni, sostenibbiltà u aċċettazzjoni pubblika msaħħa, sabiex jiġi aċċellerat l-iskjerament fis-suq tal-ġenerazzjoni tal-elettriku bi spiża baxxa, affidabbli u b’livell baxx ta’ karbonju. L-attivitajiet għandhom jiffokaw fuq ir-riċerka, l-iżvilupp u dimostrazzjoni fuq skala sħiħa ta' riżorsi rinnovabbli innovattivi, inklużi sistemi tal-enerġija żgħar u ta' skala mikro, impjanti tal-enerġija li jaħdmu b'karburanti fossili effiċjenti, flessibbli u b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju u ta' qbid u ħżin ta' diossidu tal-karbonju, jew ta' teknoloġiji li jerġgħu jużaw is-CO2.

3.2.1.   Żvilupp tal-potenzjal sħiħ tal-enerġija mir-riħ

L-għan għall-enerġija mir-riħ huwa li titnaqqas l-ispiża tal-produzzjoni tal-elettriku ta' riħ fuq l-art u lil hinn mill-kosta sa madwar 20 % sal-2020 meta mqabbla mal-2010, favur dejjem aktar il-produzzjoni lil hinn mill-kosta, u li tkun possibbli integrazzjoni xierqa fil-grilja tal-elettriku. L-attenzjoni ser tkun fuq l-iżvilupp, l-ittestjar u d-dimostrazzjoni tas-sistemi ta' konverżjoni tal-enerġija mir-riħ tal-ġenerazzjoni li jmiss ta' skala ikbar (inklużi sistemi inovattivi ta’ ħżin ta’ enerġija), effiċjenzi ogħla fil-konverżjoni u disponibbilitajiet ogħla għas-sistemi fuq l-art u dawk lil hinn mill-kosta (inklużi l-postijiet remoti u ambjenti b'temp ostili) kif ukoll proċessi ġodda ta' manifatturar tas-serje. Ser jittieħed kont tal-aspetti ambjentali u tal-bijodiversità tal-iżvilupp tal-enerġija mir-riħ.

3.2.2.   Żvilupp ta' sistemi tal-enerġija solari effiċjenti, affidabbli u kostkompetittivi

L-ispiża tal-enerġija solari, li tkopri l-fotovoltajċi (PV) u l-konċentrazzjoni tal-enerġija solari (CSP), għandha titnaqqas bin-nofs sal-2020 meta mqabbla mal-2010, sabiex iżżid b'mod sostanzjali s-sehem tagħha fis-suq tal-elettriku.

Għall-PV, dan ser jeħtieġ aktar riċerka dwar, fost oħrajn, kunċetti u sistemi ġodda kif ukoll dimostrazzjoni u ttestjar ta' produzzjoni tal-massa bil-ħsieb ta' skjerament u integrazzjoni ta' bini tal-PV fuq skala kbira.

Għas-CSP, l-enfasi ser ikun fuq l-iżvilupp ta' modi biex tiżdied l-effiċjenza filwaqt li jitnaqqsu l-ispejjeż u l-impatt ambjentali, li jippermettu skalar industrijali 'il fuq tat-teknoloġiji dimostrati bil-bini ta' impjanti tal-enerġija bla preċedent. Ser jiġu ttestjati soluzzjonijiet li jikkombinaw b'mod effiċjenti l-produzzjoni tal-elettriku solari mad-desalinizzazzjoni tal-ilma.

3.2.3.   Żvilupp ta' teknoloġiji kompetittivi u ambjentalment sikuri għall-qbid, it-trasport, il-ħżin u l-użu mill-ġdid ta' CO2

Il-qbid u l-użu tal-karbonju (CCS) hija alternattiva ewlenija li għandha tintuża b'mod wiesa' fuq skala kummerċjali f'livell globali biex tiġi indirizzata l-isfida ta' ġenerazzjoni ta' enerġija dekarbonizzata u industrija b'livell baxx ta' karbonju sal-2050. L-għan huwa li tiġi minimizzata l-ispiża żejda tas-CCS fis-settur tal-enerġija għall-impjanti mħaddma bil-faħam, bil-gass u bix-shale bituminuż meta mqabbla ma’ impjanti ekwivalenti mingħajr CCS u installazzjonijiet industrijali li huma intensivi fl-enerġija.

Ser jingħata appoġġ, b'mod partikolari, biex tiġi dimostrata l-katina kollha tas-CCS għal portafoll rappreżentattiv ta' għażliet teknoloġiċi differenti ta' qbid, trasport, ħżin u użu mill-ġdid. Dan ser ikun akkumpanjat minn riċerka biex dawn it-teknoloġiji jiġu żviluppati aktar u biex jitwasslu teknoloġiji ta' qbid aktar kompetittivi, komponenti mtejba, sistemi u proċessi integrati, ħżin ġeoloġiku sikur u soluzzjonijiet razzjonali u aċċettazzjoni pubblika għall-użu mill-ġdid fuq skala kbira ta' CO2 maqbud sabiex ikun possibbli l-iskjerament kummerċjali ta' teknoloġiji tas-CCS għall-impjanti tal-enerġija mħaddma b'fjuwils fossili u industriji oħra intensivi fil-karbonju li jkomplu jitħaddmu wara l-2020. Ser jingħata wkoll appoġġ għal teknoloġiji nodfa tal-faħam bħal teknoloġiji komplementari għas-CCS.

3.2.4.   Żvilupp ta' għażliet ta' enerġija ġeotermali, idro, tal-baħar u rinnovabbli oħrajn

L-enerġija ġeotermali, idro u tal-baħar kif ukoll enerġiji rinnovabbli oħra jistgħu jikkontribwixxu għad-dekarbonizzazzjoni tal-provvista Ewropea tal-enerġija filwaqt li jssaħħu l-flessibilità tagħha għal produzzjoni u użu varjabbli tal-enerġija. L-għan huwa li jiġu żviluppati aktar u jitwasslu sal-maturità kummerċjali teknoloġiji kosteffettivi u sostenibbli, u b'hekk jintlaħaq skjerament ta' skala kbira fuq skala industrijali inkluża l-integrazzjoni tal-grilja. Is-sistemi ġeotermali msaħħa huma teknoloġija li għandha tiġi riċerkata, żviluppata u dimostrata aktar notevolment fl-oqsma tal-esplorazzjoni, it-tħaffir u l-produzzjoni ta' sħana. L-enerġiji tal-oċean bħall-enerġija tal-mareati, tal-kurrenti jew tal-mewġ u l-enerġija osmotika joffru enerġija bi kważi l-ebda emissjoni u enerġija prevedibbli u jistgħu wkoll jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-potenzjal sħiħ tal-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta (kombinazzjoni ta' enerġiji tal-baħar). L-attivitajiet ta' riċerka għandhom jinkludu riċerka innovattiva fuq skala ta' laboratorju f'komponenti u materjali affidabbli u ta' spiża baxxa f'ambjent b'livell għoli ta' korruzzjoni u akkumulu ta' organiżmi bijoloġiċi mhux mixtieqa kif ukoll dimostrazzjonijiet taħt il-kondizzjonijiet varjati li jinsabu fl-ilmijiet Ewropej.

3.3.   Fjuwils alternattivi u sorsi mobbli ta' enerġija

Biex jintlaħqu l-miri tal-enerġija u tat-tnaqqis tas-CO2 tal-Ewropa jeħtieġ ukoll li jkun hemm żvilupp ta' fjuwils u sorsi mobbli ta' enerġija ġodda. Dan huwa partikolarment importanti biex tiġi indirizzata l-isfida ta' trasport intelliġenti, ekoloġiku u integrat. Il-ktajjen tal-valur għal dawn it-teknoloġiji u fjuwils alternattivi mhumiex żviluppati biżżejjed u għandhom jiġu aċċellerati għal skala ta' dimostrazzjoni.

3.3.1.   Biex il-bijoenerġija issir aktar kompetittiva u sostenibbli

L-objettiv għall-bijoenerġija huwa li t-teknoloġiji l-iktar promettenti jitwasslu sal-maturità kummerċjali, li twassal għal produzzjoni sostenibbli fuq skala kbira ta' bijofjuwils tat-tieni ġenerazzjoni ta’ ktajjen ta’ valuri differenti f'approċċ ta' bijoraffineriji għat-trasport bis-superfiċje, dak marittimu u bl-ajru, u sħana u enerġija kombinata u effiċjenti ħafna u green gas mill-bijomassa u l-iskart, inkluż is-CCS. L-għan huwa li tiġi żviluppata u murija t-teknoloġija għal perkorsi differenti tal-bijoenerġija fi skali differenti, billi jitqiesu l-kundizzjonijiet ġeografiċi u klimatiċi differenti u r-restrizzjonijiet loġistiċi, waqt li jiġu minimizzati impatti ambjentali u soċjali negattivi marbuta mal-użu tal-art. Riċerka iktar fit-tul ser tappoġġa l-iżvilupp ta' industrija sostenibbli tal-bijoenerġija wara l-2020. Dawn l-attivitajiet ser jikkomplimentaw l-attivitajiet ta’ riċerka upstream (eż. materjal użat għall-produzzjoni, bijoriżorsi) u downstream (eż. integrazzjoni fil-flotot tal-vetturi) imwettqa f'objettivi speċifiċi rilevanti oħra tal-prijorità "Sfidi tas-Soċjetà".

3.3.2.   Tnaqqis tal-ħin għall-kummerċjalizzazzjoni tat-teknoloġiji tal-idrogenu u ċelloli tal-fjuwil

Ċelloli tal-fjuwils u l-idroġenu għandhom potenzjal kbir sabiex jikkontribwixxu għall-indirizzar tal-isfidi fl-enerġija li l-Ewropa qed taffronta. Biex dawn it-teknoloġiji jaslu għall-kompetittività kummerċjali jeħtieġ li jkun hemm tnaqqis sinifikanti fl-ispiża. Pereżempju l-ispiża tas-sistemi taċ-ċelloli tal-fjuwils għat-trasportazzjoni ser ikollhom jitnaqqsu b’fattur ta’ għaxra matul l-10 snin li ġejjin. Sabiex dan isir, ser jingħata appoġġ lil dimostrazzjonijiet u attivitajiet ta' skjerament prekummerċjali għall-applikazzjonijiet portabbli, stazzjonarji u mikrostazzjonarji u tat-trasport u s-servizzi relatati, kif ukoll riċerka fit-tul u żvilupp ta’ teknoloġija sabiex tinbena katina kompetittiva taċ-ċellola tal-fjuwils u produzzjoni u infrastruttura sostenibbli tal-idroġenu madwar l-Unjoni. Kooperazzjoni nazzjonali u internazzjonali b'saħħitha hija meħtieġa sabiex tippermetti l-iskoperti rivoluzzjonarji tas-suq ta' skala suffiċjenti, inkluż l-iżvilupp ta' standards xierqa.

3.3.3.   Fjuwils alternattivi ġodda

Hemm firxa ta' alternattivi ġodda b’potenzjal fit-tul, bħal pereżempju fjuwils tal-metall fi trab, fjuwils minn mikroorganiżmi fotosintetiċi (f’ambjenti tal-ilma u l-art) u minn imitazzjonijiet artifiċjali fotosintetiċi u fjuwils solari. Dawn il-perkorsi ġodda joffru potenzjal għal iktar konverżjoni effiċjenti tal-enerġija u iktar teknoloġiji kostkompetittivi u sostenibbli. L-appoġġ ser jingħata notevolment sabiex minn skala ta’ laboratorju dawn it-teknoloġiji ġodda u oħrajn potenzjali jitwasslu sa skala ta’ dimostrazzjoni bl-għan ta' dimostrazzjoni prekummerċjali sal-2020.

3.4.   Grilja tal-elettriku Ewropea unika u intelliġenti

In-netwerks tal-elettriku jridu jwiegbu għal tliet sfidi interkonnessi sabiex tiġi permessa sistema tal-elettriku li hija aċċessibbli għall-konsumatur u dejjem aktar dekarbonizzata: ħolqien ta’ suq pan-Ewropew; integrazzjoni ta’ żieda massiva ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli; u l-immaniġġjar tal-interazzjoni bejn miljuni ta’ fornituri u klijenti (fejn id-djar ser ikunu, dejjem aktar, it-tnejn), inklużi s-sidien tal-vetturi elettriċi. In-netwerks futuri tal-elettriku ser ikollhom rwol ewlieni għat-transizzjoni għal sistema tal-enerġija dekarbonizzata, filwaqt li tipprovdi flessibbiltà u kostbenefiċċji addizzjonali għall-konsumaturi. L-għan prevalenti sal-2020 huwa li jiġi trasmess u distribwit madwar 35 % (12) tal-elettriku minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli mxerrda u kkonċentrati.

Sforz b'saħħtu ta' riċerka integrata u dimostrazzjoni ser jappoġġaw l-iżvilupp ta' komponenti, teknoloġiji, u proċeduri ġodda li ser jirrispondu għall-partikolaritajiet ta' kemm in-naħa tat-trasmissjoni kif ukoll dik tad-distribuzzjoni tal-grilja, kif ukoll l-ħżin flessibbli tal-enerġija.

Għandhom jitqiesu l-alternattivi kollha sabiex jiġu bbilanċjati b’suċċess il-provvista u d-domanda sabiex jimminimizzaw l-emissjonijiet u l-ispejjeż. Għandhom jiġu żviluppati teknoloġiji intelliġenti ġodda tal-grilji tal-enerġija, teknoloġiji ta' appoġġ u bilanċ li jippermettu flessibbiltà u effiċjenza aktar għolja, inklużi l-impjanti tal-enerġija konvenzjonali, għandhom jiġu żviluppati komponenti ġodda tal-grilja sabiex itejbu l-kapaċità u l-kwalità tat-trasmissjoni kif ukoll l-affidabbiltà tal-grilji. Teknoloġiji ġodda tas-sistemi tal-enerġija u infrastruttura ta’ komunikazzjoni diġitali bidirezzjonali għandhom ikunu riċerkati u integrati fil-grilja tal-elettriku kif ukoll tintuża biex jiġu stabbiliti interazzjonijiet intelliġenti ma' grilji oħra tal-enerġija. Dan se jikkontribwixxi għal ippjanar, monitoraġġ, kontroll u tħaddim sikur aħjar tan-netwerks, inklużi kwistjonijiet ta' standardizzazzjoni, f’kundizzjonijiet normali u ta’ emerġenza, kif ukoll għall-immaniġġjar tal-interazzjonijiet bejn il-fornituri u l-klijenti u għat-trasport, l-immanniġġjar u n-negozjar tal-fluss tal-enerġija. Għall-iskjerament tal-infrastruttura futura, indikaturi u analiżi tal-benefiċċju tal-ispiża għandhom iqisu l-kunsiderazzjonijiet tas-sistema tal-enerġija kollha. Barra minn hekk, is-sinerġiji bejn il-grilji intelliġenti u n-netwerks ta’ telekomunikazzjoni ser ikunu mmassimizzati sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni ta’ investimenti, biex tiżdied is-sikurezza u titħaffef l-adozzjoni tas-servizzi ta’ enerġija intelliġenti.

Mezzi ta’ ħżin tal-enerġija (inkluż kemm il-batteriji kif ukoll mezzi ta' ħżin fuq skala kbira bħall-elettriku għal gass) u sistemi tas-twassil ġodda ser jipprovdu l-flessibbiltà meħtieġa bejn il-produzzjoni u d-domanda. Teknoloġiji tal-ICT imtejba ser iżidu aktar il-flessibbiltà tad-domanda għall-elettriku billi l-klijenti (industrijali, kummerċjali u residenzjali) jiġu pprovduti bl-għodod neċessarji ta' awtomazzjoni. Hawnhekk is-sigurtà, l-affidabbiltà u l-privatezza huma kwistjonijiet importanti wkoll.

It-tfassil ġdid tal-ippjanar, tas-suq u dak regolatorju jeħtieġu li jixprunaw l-effiċjenza ġenerali u l-kosteffettività tal-katina ta’ provvista tal-elettriku u l-interoperabbiltà tal-infrastrutturi kif ukoll il-ħolqien ta’ suq miftuħ u kompetittiv għat-teknoloġiji tal-grilja, prodotti u servizzi intelliġenti. Il-proġetti ta’ dimostrazzjoni ta’ skala kbira huma meħtieġa biex jittestjaw u jikkonvalidaw is-soluzzjonijiet u jivvalutaw il-benefiċċji għas-sistema u l-partijiet interessati individwali, qabel ma jintużaw madwar l-Ewropa. Dan għandu jkun akkumpanjat b’riċerka sabiex jinftiehem kif il-konsumaturi u negozji jirreaġixxu għall-inċentivi ekonomiċi, bidliet fl-imġiba, servizzi ta’ informazzjoni u opportunitajiet innovattivi oħra pprovduti mill-grilji intelliġenti.

3.5.   Għarfien u teknoloġiji ġodda

Teknoloġiji ġodda, iktar effiċjenti u kostkompetittivi kif ukoll dawk nodfa, sikuri u tal-enerġija sostenibbli ser ikunu meħtieġa fit-tul. Il-progress għandu jitħaffef permezz tar-riċerka multidixxiplinarja u l-implimentazzjoni konġunta ta' programmi ta' riċerka pan-Ewropej u faċilitajiet ta' klassi dinjija biex jinkisbu skoperti xjentifiċi deċiżivi fil-kunċetti relatati mal-enerġija u teknoloġiji abilitanti (pereżempju nanoxjenza, xjenza tal-materjali, fiżika tal-istat solidu, ICT, bijoxjenza, ġeoxjenza, komputazzjoni u spazju). Ser jiġu appoġġat wkoll, fejn xieraq, l-esplorazzjoni u l-produzzjoni ta' riżorsi tal-gass u taż-żejt mhux konvenzjonali, sikuri u ambjentalment sostenibbli kif ukoll l-iżvilupp ta’ innovazzjonijiet fit-teknoloġiji futuri u emerġenti.

Ir-riċerka avvanzata ser tkun meħtieġa wkoll sabiex tipprovdi soluzzjonijiet għall-adattament ta’ sistemi ta’ enerġija għall-kundizzjonijiet klimatiċi li qed jinbidlu. Il-prijoritajiet jistgħu jiġu aġġustati għall-ħtiġijiet xjentifiċi u teknoloġiċi ġodda jew fenomeni osservati ġodda li jistgħu jindikaw żviluppi promettenti jew riskji għas-soċjetà u li jistgħu joħorġu matul l-implimentazzjoni tal-Orizzont 2020.

3.6.   Teħid tad-deċiżjonijiet u involviment tal-pubbliku robusti

Ir-riċerka dwar l-enerġija għandha tappoġġa u tkun allinjata b'mod qawwi mal-politika dwar l-enerġija. L-għarfien estensiv u r-riċerka dwar l-involviment u l-użu tat-teknoloġiji u servizzi tal-enerġija, infrastrutturi, swieq (inklużi l-oqfsa regolatorji) u l-imġiba tal-konsumatur huma meħtieġa sabiex jipprovdu analiżi robusta lil dawk li jfasslu l-politika. Ser jingħata appoġġ, b’mod partikolari, fil-qafas tas-Sistema ta’ Informazzjoni tal-Kummissjoni tal-Pjan-SET (SETIS), sabiex jiġu żviluppati teoriji, għodod, metodi, mudelli u xenarji progressivi u ta' perspettiva robusti u trasparenti sabiex jiġu vvalutati l-kwistjonijiet ekonomiċi u soċjali prinċipali relatati mal-enerġija; biex jinbnew bażijiet tad-data u xenarji għal Unjoni mkabbra u għall-valutazzjoni tal-impatt tal-enerġija u tal-politiki dwar l-enerġija fuq is-sigurtà tal-provvista, il-konsum, l-ambjent, ir-riżorsi naturali, it-tibdil fil-klima, is-soċjetà u l-kompetittività tal-industrija tal-enerġija; u biex jiwettqu attivitajiet ta' riċerka soċjoekonomika kif ukoll xjenza fl-istudji soċjali.

L-isfruttar tal-possibilitajiet offruti mit-teknoloġiji tal-internet u soċjali, u l-imġiba tal-konsumatur, inkluża dik tal-konsumaturi vulnerabbli bħall-persuni bid-diżabilitajiet u tibdiliet komportamentali, ser ikunu studjati fil-pjattaformi miftuħa ta’ innovazzjoni bħal pereżempju laboratorji ħajjin u d-dimostraturi ta’ skala kbira għall-innovazzjoni tas-servizz kif ukoll permezz ta' stħarriġ lonġitudinali (panel surveys) filwaqt li tiġi żgurata l-privatezza.

3.7.   Użu mis-suq tal-innovazzjoni tal-enerġija - nibnu fuq l-Enerġija Intelliġenti - Ewropa (IEE)

L-użu tas-suq innovattiv u s-soluzzjonijiet ta' replikazzjoni huma essenzjali sabiex jinħarġu teknoloġiji tal-enerġija ġodda f'waqthom u permezz ta’ implimentazzjoni li hija kosteffettiva. Flimkien mar-riċerka u dimostrazzjoni xprunati mit-teknoloġija, jeħtieġu azzjonijiet b’valur miżjud ċar tal-Unjoni bl-għan ta' żvilupp, applikazzjoni, tqassim u replikazzjoni tal-innovazzjonijiet mhux teknoloġiċi b’fattur għoli ta’ influwenza fis-swieq tal-enerġija sostenibbli tal-Unjoni fost id-dixxiplini u livelli ta’ governanza.

Tali innovazzjonijiet ser jiffukaw fuq il-ħolqien ta’ kundizzjonijiet tas-suq favorevoli fuq il-livell regolatorju, amministrattiv u ta’ finanzjament għat-teknoloġiji u soluzzjonijiet b’livelli baxxi ta’ karbonju, rinnovabbli u effiċjenti fl-użu tal-enerġija. L-appoġġ ser jingħata għal miżuri li jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-politika tal-enerġija, li jippreparaw l-isfond għat-tnedija tal-investimenti, li jappoġġaw il-bini ta’ kapaċità u li jaġixxu fuq l-aċċettazzjoni pubblika. Ser tingħata attenzjoni wkoll lill-innovazzjoni għall-użu intelliġenti u sostenibbli ta' teknoloġiji eżistenti.

Ir-riċerka u l-analiżi ripetutament jikkonfermaw ir-rwol kruċjali tal-fattur uman fis-suċċess u falliment tal-politiki ta’ enerġija sostenibbli. L-istrutturi organizzattivi innovattivi, id-disseminazzjoni u l-iskambju ta’ prattiki tajbin u taħriġ speċifiku u bini tal-kapaċità ser ikunu mħeġġa.

3.8.   Aspetti speċifiċi ta' implimentazzjoni

L-iffissar tal-prijoritajiet għall-implimentazzjoni tal-attivitajiet f'din l-isfida tas-soċjetà hija xprunata mill-bżonn li tissaħħaħ ir-riċerka u l-innovazzjoni fl-enerġija fil-livell Ewropew. Għan ewlieni ser ikun l-appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Aġenda ta’ riċerka u innovazzjoni tal-Pjan Strateġiku Ewropew tat-Teknoloġija tal-Enerġija (Pjan SET) (13) sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-politika dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima tal-Unjoni. Għaldaqstant il-pjanijiet direzzjonali u l-pjanijiet ta’ implimentazzjoni tal-Pjan-SET ser jipprovdu kontribuzzjoni ta’ valur għall-formulazzjoni tal-programmi ta’ ħidma. L-istruttura ta’ governanza tal-Pjan SET ser tkun użata bħala bażi ta' prinċipji għall-iffissar tal-prijoritajiet strateġiċi u l-koordinazzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni fl-enerġija madwar l-Unjoni.

L-aġenda mhux teknoloġika ser tkun iggwidata mill-politika u l-leġislazzjoni dwar l-enerġija tal-Unjoni. Għandu jiġi appoġġat l-ambjent li jippermetti skjerament ta' massa ta' soluzzjonijiet teknoloġiċi u ta' servizz murija, proċessi u inizjattivi ta’ politika għal teknoloġiji b’livell baxx ta' karbonju u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija madwar l-Unjoni. Dan jista' jinvolvi appoġġ għall-assistenza teknika għall-iżvilupp u l-introduzzjoni ta’ investimenti fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u fl-enerġija rinnovabbli.

Fil-qasam tal-użu mis-suq, l-attivitajiet għandhom jibnu fuq u jsaħħu aktar dawk imwettqa fi ħdan il-programm Enerġija Intelliġenti - Ewropa (IEE).

Sħubija mal-partijiet interessati Ewropej ser tkun importanti għat-tqassim tar-riżorsi u l-implimentazzjoni ta' attivitajiet konġunti. Jista’ jkun previst, abbażi ta' każijiet individwali, li l-Inizjattivi Industrijali Ewropej (EIIs) eżistenti tal-Pjan SET jinqalbu fi sħubijiet privati pubbliċi formalizzati, jekk jitqies xieraq, sabiex jiżdiedu l-livell u l-koerenza tal-finanzjament u jiġu stimulati azzjonijiet konġunti ta’ riċerka u innovazzjoni kemm fost il-partijiet interessati pubbliċi kif ukoll dawk privati. Ser jitqies l-għoti ta' appoġġ, inkluż ma’ Stati Membri, lill-alleanzi tal-atturi ta' riċerka pubblika, partikolarment, l-Alleanza Ewropea għar-Riċerka fl-Enerġija (EERA) stabbilita taħt il-Pjan SET sabiex jiġu raggruppati riżorsi u infrastrutturi pubbliċi tar-riċerka biex jiġu indirizzati oqsma kritiċi ta' interess Ewropew. Azzjonijiet ta' koordinazzjoni internazzjonali għandhom jappoġġaw il-prijoritajiet tal-Pjan SET skont il-prinċipju ta’ ġeometrija varjabbli, filwaqt li jitqiesu l-kapaċitajiet u speċifiċitajiet tal-pajjiżi. Ser jiġu stabbiliti wkoll rabtiet adatti mal-azzjonijiet tas-Sħubijiet Ewropej għall-Innovazzjoni rilevanti u l-aspetti rilevanti tal-aġendi tar-riċerka u l-innovazzjoni ta' Pjattaformi Ewropej għat-Teknoloġija.

Jista' jiġi kkunsidrat appoġġ għal Inizjattivi għall-Iprogrammar Konġunt (JPI) rilevanti u sħubijiet pubbliċi-pubbliċi u pubbliċi-privati rilevanti. L-attivitajiet għandhom jikkonċentraw ukoll biex iżidu l-appoġġ u l-promozzjoni tal-involviment tal-SMEs.

Is-Sistema ta' Informazzjoni tal-Kummissjoni għall-Pjan SET (SETIS) ser tiġi mmobilizzata biex tiżviluppa, flimkien mal-partijiet interessati, indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs) li jimmonitorjaw il-progress tal-implimentazzjoni. Dawn il-KPIs ser jiġu riveduti fuq bażi regolari sabiex jitqiesu l-aħħar żviluppi. Fuq livell aktar ġenerali, l-implimentazzjoni taħt din l-isfida tas-soċjetà ser tipprova ttejjeb l-koordinazzjoni tal-programmi, inizjattivi u politiki rilevanti tal-Unjoni, bħall-politika ta’ koeżjoni, partikolarment permezz ta' strateġiji nazzjonali u reġjonali għall-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti, u l-iskemi għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet (ETS), pereżempju fir-rigward tal-appoġġ għal proġetti ta’ dimostrazzjoni.

4.   TRASPORT INTELLIĠENTI, EKOLOĠIKU U INTEGRAT

4.1.   Trasport effiċjenti fir-riżorsi li jirrispetta l-ambjent

L-Ewropa stabbiliet mira ta' politika li jinkiseb tnaqqis ta' 60 % ta' CO2 sal-2050 meta mqabbel mal-livelli tal-1990. L-għan tagħha huwa li l-użu ta' karozzi bi 'fjuwil konvenzjonali' fl-ibliet jitnaqqas bin-nofs u tinkiseb loġistika fl-ibliet li hija ħielsa mis-CO2 fiċ-ċentri urbani ewlenin sal-2030. Fjuwils b'livelli baxxi ta' karbonju fl-avjazzjoni għandhom ilaħħqu l-40 % sal-2050, u l-emissjonijiet ta' CO2 mill-fjuwils tal-bunkers marittimi għandhom jitnaqqsu b'40 % sal-2050 (14) meta mqabbel mal-livelli tal-2005.

Huwa essenzjali li jitnaqqas dan l-impatt ambjentali permezz ta' titjib teknoloġiku mmirat, b'kunsiderazzjoni li kull mod ta' trasport jiffaċċja sfidi varji u huwa karatterizzat minn ċikli speċifiċi ta' integrazzjoni teknoloġika.

Ir-riċerka u l-innovazzjoni ser jikkontribwixxu sostanzjalment għall-iżvilupp u l-adozzjoni tas-soluzzjonijiet neċessarji għall-modi kollha tat-trasport, li ser inaqqsu drastikament l-emissjonijiet tat-trasport li huma ta' ħsara għall-ambjent (bħal pereżempju CO2, NOx, SOx u l-istorbju), inaqqsu d-dipendenza tat-trasport fuq il-fjuwils fossili, u b’hekk inaqqsu l-impatt tat-trasport fuq l-bijodiversità u t-tibdil fil-klima u jħarsu r-riżorsi naturali.

Dan ser isir permezz tal-ħidma fuq l-attivitajiet speċifiċi li ġejjin:

4.1.1.   Inġenji tal-ajru, vetturi u bastimenti iktar nodfa u inqas storbjużi ser itejbu l-prestazzjoni ambjentali u jnaqqsu l-istorbju u vibrazzjoni perċepiti

L-attivitajiet f'din l-isfera se jiffukaw fuq il-prodotti aħħarin, iżda wkoll jindirizzaw id-disinn ħafif u ekoloġiku tal-proċessi ta' manifattura, b'kunsiderazzjoni tal-proċess taċ-ċiklu tal-ħajja kollu u b'kapaċità ta' riċiklaġġ integrata fil-fażi ta' disinn. L-attivitajiet ser ikopru wkoll l-aġġornar tal-prodotti u s-servizzi eżistenti permezz tal-integrazzjoni ta' teknoloġiji ġodda.

(a)

L-iżvilupp u l-aċċelerazzjoni tal-involviment ta' teknoloġiji ta’ propulsjoni iktar nodfa u silenzjużi huma importanti sabiex jitnaqqsu jew jiġu eliminati l-impatti fuq il-klima u s-saħħa taċ-ċittadini Ewropej eż. CO2, l-istorbju u t-tniġġis mit-trasport. Soluzzjonijiet ġodda u innovattivi huma neċessarji, imsejsa fuq magni u batteriji elettriċi, l-idroġenu u ċ-ċelloli tal-fjuwil, magni li jaħdmu bil-gass, arkitetturi u teknoloġiji avvanzati fil-magni jew propulsjoni ibrida. L-iskoperti rivoluzzjonjarji teknoloġiċi ser jgħinu wkoll fit-titjib tal-prestazzjoni ambjentali tas-sistemi ta’ propulsjoni tradizzjonali u dawk ġodda.

(b)

L-esplorazzjoni tal-alternattivi għall-użu ta’ enerġiji alternattivi b'emissjonijiet baxxi ser jgħinu fit-tnaqqis tal-konsum ta’ fjuwils fossili. Dan jinkludi l-użu ta’ fjuwils u elettriku sostenibbli mis-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fil-modi kollha ta’ trasport, inkluż l-avjazzjoni, it-tnaqqis tal-konsum tal-fjuwil permezz tal-ħsad ta’ enerġija jew provvista diversifikata ta’ enerġija u soluzzjonijiet innovattivi oħra. Approċċi ħolistiċi ġodda ser ikunu segwiti u jinkludu l-vetturi, ħżin tal-enerġija, provvista tal-enerġija, infrastruttura għall-provvista tal-fjuwil u l-iċċarġjar, inklużi l-interfaċċji tal-mezz ta' twassil għall-grilja u s-soluzzjonijiet innovattivi għall-użu ta’ fjuwils alternattivi.

(c)

Titjib fil-prestazzjoni ġenerali tal-inġenji tal-ajru, il-bastimenti u l-vetturi permezz tat-tnaqqis tal-piż tagħhom u r-reżistenza aerodinamika idrodinamika jew għad-dawrien bl-użu ta' materjali eħfef, strutturi eħfef u disinn innovattiv, ser jikkontribwixxu għal inqas konsum ta’ fjuwil.

4.1.2.   Żvilupp ta’ tagħmir, infrastrutturi u servizzi intelliġenti

Dan ser jgħin fl-ottimizzazzjoni tal-operazzjonijiet tat-trasport u fit-tnaqqis tal-konsum tar-riżorsi. L-attenzjoni ser tkun fuq soluzzjonijiet għall-ippjanar, it-tfassil, l-użu u l-ġestjoni effiċjenti tal-ajruporti, portijiet, pjattaformi loġistiċi u infrastrutturi ta' trasport bis-superfiċje, kif ukoll fuq sistemi ta' manutenzjoni, monitoraġġ u spezzjoni awtonomi u effiċjenti. Ser jiġu adottati politiki, mudelli ta' negozju, kunċetti, teknoloġiji u soluzzjonijiet tal-IT ġodda biex tiżdied il-kapaċità. Attenzjoni partikolari ser tingħata lir-reżiljenza kontra l-klima tat-tagħmir u tal-infrastrutturi, soluzzjonijiet kosteffiċjenti bbażati fuq approċċ taċ-ċiklu tal-ħajja, u adozzjoni usa’ ta’ materjali ġodda u teknoloġiji li jippermettu manutenzjoni iktar effiċjenti u spejjeż iktar baxxi. Ser tingħata attenzjoni wkoll lill-aċċessibbiltà, il-faċilità tal-użu mill-utenti u l-inklużività soċjali.

4.1.3.   Titjib tat-trasport u l-mobbiltà fiż-żoni urbani

Dan ser jibbenefika minn sehem kbir li qiegħed dejjem jikber tal-popolazzjoni li tgħix u taħdem fl-ibliet jew li tużahom għas-servizzi u divertiment. Kunċetti ta’ mobbiltà, organizzazzjoni tat-trasport, mudelli għall-aċċessibbiltà multimodali, loġistika, forniment ta' vetturi innovattivi u servizzi pubbliċi urbani u soluzzjonijiet ta’ ppjanar ġodda jeħtieġu jiġu żviluppati u ttestjati, li ser jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-konġestjoni, it-tniġġis fl-arja u l-istorbju, u jtejbu l-effiċjenza tat-trasport urban. Għandhom jiġu żviluppati trasport pubbliku u mhux motorizzat kif ukoll alternattivi oħra ta’ trasport effiċjenti fir-riżorsi għall-passiġġieri u l-merkanzija bħala alternattiva reali għall-użu tal-vetturi privati bil-mutur, appoġġati minn użu ikbar tas-sistemi ta’ trasport intelliġenti kif ukoll minn ġestjoni innovattiva tal-provvista u tad-domanda. Għandha tingħata enfasi fuq l-interazzjoni bejn is-sistema ta' trasport u sistemi urbani oħra.

4.2.   Mobbiltà aħjar, anqas konġestjoni, aktar sikurezza u sigurtà

Il-miri rilevanti tal-politika Ewropea għat-trasport għandhom l-għan li jottimizzaw il-prestazzjoni u l-effiċjenza fid-dawl tad-domanda dejjem akbar għall-mobbiltà, sabiex l-Ewropa issir l-iktar reġjun sikur għall-avjazzjoni, il-ferroviji u trasport fuq l-ilma u tersaq lejn il-mira ta' żero fatalitajiet fit-trasport fit-triq sal-2050 u tnaqqas bin-nofs l-imwiet fit-toroq sal-2020. Sal-2030, 30 % tat-trasport tal-merkanzija bit-triq ta' iktar minn 300 kilometru għandu jaqleb għal trasport bil-ferrovija jew fuq l-ilma. Trasport pan-Ewropew kontinwu, aċċessibbli, bi prezz raġonevoli, orjentat lejn l-utent u effiċjenti għan-nies u l-oġġetti, li jinternalizza wkoll l-ispejjeż esterni, jeħtieġ ġestjoni, informazzjoni u sistema ta’ pagament tat-trasport multimodali Ewropew, kif ukoll interfaċji effiċjenti bejn netwerks fuq distanza twila u dawk ta' mobbiltà urbana.

Sistema ta' trasport Ewropew aħjar ser tikkontribwixxi għal użu aktar effiċjenti ta' trasport, ser ittejjeb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini u tappoġġa ambjent aktar b'saħħtu.

Ir-riċerka u l-innovazzjoni ser jagħmlu kontribuzzjonijiet importanti lejn dawn il-miri ambizzjużi tal-politika, permezz ta’ attivitajiet fl-attivitajiet speċifiċi li ġejjin:

4.2.1.   Tnaqqis sostanzjali tal-konġestjoni tat-traffiku

Dan jista’ jinkiseb permezz tal-implimentazzjoni ta' sistema ta’ trasport intelliġenti, multimodali u kompletament intermodali ‘minn bieb għal bieb’ u permezz tal-evitar ta’ użu mhux meħtieġ tat-trasport. Dan ifisser promozzjoni ta’ iktar integrazzjoni bejn il-modi ta’ trasport, l-ottimizzazzjoni tal-ktajjen ta’ trasport u operazzjonijiet u servizzi ta’ trasport integrati aħjar. Tali soluzzjonijiet innovattivi ser jiffaċilitaw ukoll l-aċċessibbiltà u l-għażliet tal-passiġġieri, inkluż għall-popolazzjoni li qed tixjieħ u l-utenti vulnerabbli u jipprovdu opportunitajiet biex titnaqqas il-konġestjoni billi titjieb il-ġestjoni tal-inċidenti u l-iżvilupp ta' skemi għall-ottimizzazzjoni tat-traffiku.

4.2.2.   Titjib sostanzjali fil-mobbiltà tan-nies u tal-merkanzija

Dan jista’ jinkiseb permezz tal-iżvilupp, id-dimostrazzjoni u l-użu mifrux ta’ applikazzjonijiet u sistemi ta’ ġestjoni intelliġenti tat-trasport. Dan jesiġi: ippjanar ta' analiżi u ġestjoni tad-domanda, sistemi ta’ informazzjoni u ħlas li huma interoperabbli madwar l-Ewropa; u l-integrazzjoni sħiħa tal-flussi ta’ informazzjoni, sistemi ta' ġestjoni, netwerks tal-infrastruttura u servizzi ta' mobbiltà f’qafas multimodali komuni ġdid imsejjes fuq pjattaformi miftuħa. Dan ser jiżgura wkoll flessibbiltà u reazzjonijiet rapidi għall-ġrajjiet ta’ kriżi u kundizzjonijiet estremi tat-temp billi jiġi kkonfigurat mill-ġdid l-ivjaġġar u t-trasport tul il-modi. Applikazzjonijiet ġodda ta’ pożizzjonament, navigazzjoni u tal-ħin, li huma possibbli permezz tas-sistemi ta’ navigazzjoni bis-satellita Galileo u s-Sistema Ewropea ta' Navigazzjoni b'Kopertura Ġeostazzjonarja (EGNOS), ser ikunu strumentali fil-kisba ta’ dan l-objettiv.

(a)

It-teknoloġiji innovattivi tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru ser jikkontribwixxu għal avvanz fis-sikurezza u effiċjenza b’domanda dejjem akbar, għall-kisba ta' puntwalità mtejba, sabiex jitnaqqas il-ħin moħli fi proċeduri relatati mal-ivvjaġġar fl-ajruporti u sabiex tinkiseb reżiljenza fis-sistema tat-trasport bl-ajru. L-implimentazzjoni u l-iżvilupp ulterjuri tal-'Ajru Uniku Ewropew' ser ikunu appoġġati b'attivitajiet ta' riċerka u innovazzjoni li jipprovdu soluzzjonijiet għal awtomazzjoni u awtonomija akbar fil-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u l-operazzjoni u l-kontroll tal-inġenji tal-ajru, integrazzjoni aħjar tal-komponenti tal-ajru u l-art, u soluzzjonijiet ġodda għall-immaniġġar effiċjenti u kontinwu tal-passiġġieri u l-merkanzija tul is-sistema ta’ trasport.

(b)

Għat-trasport bl-ilma, l-ippjanar u teknoloġiji ta' ġestjoni mtejba u integrati ser jikkontribwixxu għall-ħolqien ta' ‚Ċinturin Blu’ fl-ibħra madwar l-Ewropa, sabiex jittejbu l-operazzjonijiet fil-port, għal qafas xieraq għall-passaġġi tal-ilma fuq l-art.

(c)

Għall-ferroviji u t-trasport bit-triq, l-ottimizzazzjoni tal-ġestjoni u l-interoperabbiltà tan-netwerk ser ittejjeb l-użu effiċjenti tal-infrastruttura u tagħmel l-operazzjonijiet transkonfinali iktar faċli. Ġestjoni tat-traffiku fit-triq u sistemi ta’ informazzjoni kooperattivi u komprensivi se jiġu żviluppati, billi jkunu msejsa fuq il-komunikazzjoni minn vettura għal vettura u minn vettura għall-infrastruttura.

4.2.3.   L-iżvilupp ta' kunċetti ġodda tat-trasport tal-merkanzija u l-loġistika

Dan jista’ jnaqqas mill-pressjoni fuq is-sistema ta’ trasport u l-ambjent, u jtejjeb is-sikurezza u l-kapaċità tal-merkanzija. L-attivitajiet jistgħu, pereżempju, jikkombinaw il-vetturi ta’ prestazzjoni għolja u impatt ambjentali baxx b'sistemi intelliġenti, siguri abbord u bbażati fuq l-infrastruttura. Dan għandu jkun ibbażat fuq approċċ integrat tal-loġistika fil-qasam tat-trasport. L-attivitajiet ser jappoġġaw ukoll l-iżvilupp tal-viżjoni tal-Merkanzija-e ta' proċess ta' trasport tal-merkanzija mingħajr karti, fejn il-flussi ta' informazzjoni elettronika, servizzi u pagamenti huma marbuta mal-flussi fiżiċi tal-merkanzija tul il-modi ta’ trasport.

4.2.4.   Tnaqqis tar-rati ta’ inċidenti, fatalitajiet u mwiet u titjib tas-sigurtà

Dan ser jinkiseb permezz ta’ indirizzar tal-aspetti inerenti għall-organizzazzjoni, ġestjoni u monitoraġġ tal-prestazzjoni u riskju tas-sistemi ta’ trasport u permezz ta' ffukar fuq it-tfassil, il-manifatturar u l-operazzjonijiet tal-inġenji tal-ajru, vetturi, bastimenti, infrastrutturi u terminali. L-attenzjoni ser tkun fuq is-sikurezza passiva u attiva, sikurezza preventiva, u proċessi ta' awtomazzjoni u taħriġ imsaħħa biex jitnaqqas ir-riskju u l-impatt tal-iżbalji umani. Sabiex jiġi antiċipat, evalwat u mitigat aħjar l-impatt tat-temp, il-perikli naturali u sitwazzjonijiet oħra ta' kriżi ser ikunu mfassla għodod u tekniki speċjali. L-attivitajiet ser jiffukaw ukoll fuq l-integrazzjoni tal-aspetti ta’ sigurtà fl-ippjanar u ġestjoni tal-flussi tal-passiġġieri u l-merkanzija, fuq il-konċepiment tal-ajruplani, vetturi u bastimenti, fuq il-ġestjoni tat-traffiku u tas-sistema u fuq it-tfassil ta' infrastrutturi tat-trasport u tat-terminali tal-merkanzija u l-passiġġieri. It-trasport intelliġenti u l-applikazzjonijiet tal-konnettività jistgħu jipprovdu wkoll għodod utli għal sigurtà mtejba. L-attivitajiet ser jiffukaw ukoll fuq it-titjib tas-sigurtà tal-utenti kollha tat-triq speċjalment dawk fl-akbar riskju, partikolarment f'żoni urbani.

4.3.   Tmexxija globali tal-industrija Ewropea tat-trasport

Billi jkunu fuq quddiem fl-iżvilupp teknoloġiku u fit-titjib tal-kompetittività ta' proċessi ta' manifattura eżisteni, ir-riċerka u l-innovazzjoni ser jikkontribwixxu għat-tkabbir u impjiegi ta’ ħiliet għolja fl-industrija Ewropea tat-trasport, fid-dawl tal-kompetizzjoni dejjem akbar. F'riskju huwa l-iżvilupp ulterjuri tal-kompetittività ta’ settur ekonomiku kbir li jirrappreżenta direttament 6,3 % tal-prodott domestiku gross (PDG) tal-Unjoni u li jħaddem 13-il miljun ruħ fl-Ewropa. Objettivi speċifiċi jinkludu l-iżvilupp ta’ mezzi ta’ trasport innovattivi tal-ġenerazzjoni li jmiss u mezzi ta' trasport li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, fl-ajru, it-trasport fuq l-ilma u dak bl-art, li jiżgura manifatturar sostenibbli ta' sistemi innovattivi u tagħmir u tħejjija tal-bażi għall-mezzi tat-trasport futuri, permezz tal-ħidma fuq teknoloġiji, kunċetti u disinni ġodda, sistemi ta' kontroll intelliġenti, proċessi ta' żvilupp u produzzjoni effiċjenti, servizzi innovattivi u proċeduri ta' ċertifikazzjoni. L-Ewropa għandha l-għan li ssir il-mexxej dinji fl-effiċjenza, il-prestazzjoni ambjentali u s-sigurtà fil-modi kollha ta’ trasport u li ssaħħaħ it-tmexxija tagħha fis-swieq globali kemm għall-prodotti aħħarin kif ukoll għas-sottosistemi.

Ir-riċerka u l-innovazzjoni għandhom jiffukaw fuq l-attivitajiet speċifiċi li ġejjin:

4.3.1.   L-iżvilupp tal-mezzi ta’ trasport tal-ġenerazzjoni li jmiss bħala l-mezz ta' kif jiġi żgurat is-sehem tas-suq fil-futur

Dan ser jgħin fit-tisħiħ tat-tmexxija Ewropea fl-oqsma tal-ingenji tal-ajru, ferroviji ta’ veloċità għolja, trasport tal-ferrovija konvenzjonali u (sub)urban, vetturi tat-triq, elettromobbiltà, vapuri tal-passigieri, laneċ tal-passigieri u vapuri b'teknoloġija għolja u pjattaformi marittimi. Dan ser jistimula wkoll il-kompetittività tal-industriji Ewropej fit-teknoloġiji u sistemi li jmiss u jappoġġa d-diversifikazzjoni tagħhom lejn is-swieq ġodda, inkluż fis-setturi oħra għajr dawk tat-trasport. Dan jinkludi l-iżvilupp ta’ inġenji tal-ajru, vetturi u bastimenti innovattivi, sikuri u li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent u li jinkorporaw sistemi effiċjenti ta' propulsjoni, prestazzjoni għolja u sistemi ta' operazzjoni u kontroll intelliġenti.

4.3.2.   Sistemi ta' kontroll abbord u intelliġenti

Dawn huma meħtieġa sabiex jiġu rrealizzati livelli ogħla ta’ prestazzjoni u integrazzjoni tas-sistemi fit-trasport. L-interfaċċji xierqa għall-komunikazzjonijiet bejn l-inġenji tal-ajru, vetturi u infrastrutturi fil-kombinazzjonijiet kollha rilevanti ser jiġu żviluppati, b'kont meħud tal-impatti tal-kampijiet elettromanjetiċi, bil-ħsieb li jiġu definiti standards operattivi komuni. Dawn jistgħu jinkludu it-twassil ta' informazzjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku u l-utenti direttament lit-tagħmir fil-vetturi, appoġġati minn data dwar it-traffiku f'ħin reali dwar il-kondizzjonijiet u l-konġestjoni fit-toroq mill-istess tagħmir.

4.3.3.   Proċessi ta' produzzjoni avvanzati

Dawn ser jippermettu l-addattar, spiża taċ-ċiklu tal-ħajja u ħin għall-iżvilupp iktar baxxi u l-iffaċilitar tal-istandardizzazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni tal-inġenji tal-ajru, vetturi u bastimenti kif ukoll il-komponenti tagħhom, tagħmir u infrastruttura relatata. L-attivitajiet f'dan il-qasam ser jiżviluppaw disinn u tekniki ta’ manifattura mgħaġġla u kosteffiċjenti, inkluż l-assemblaġġ, kostruzzjoni, manutenzjoni u reċiklaġġ, permezz tal-għodod u awtomazzjoni diġitali, u kapaċità li jiġu integrati s-sistemi kumplessi. Dan ser irawwem ktajjen ta’ provvista kompetittivi li huma kapaċi li jfornu lis-suq fi żmien qasir u b'inqas spejjeż mingħajr ma jikkompromettu s-sikurezza u s-sigurtà operattiva. L-applikazzjonijiet tat-trasport ta' materjali innovattivi huma wkoll prijorità kemm għall-objettivi ambjentali u kompetittivi kif ukoll għal aktar sikurezza u sigurtà.

4.3.4.   Esplorazzjoni ta’ kunċetti ta’ trasport kompletament ġodda

Dan ser jgħin biex jissaħħaħ il-vantaġġ kompetittiv Ewropew f'perspettiva fit-tul. Ir-riċerka multidixxiplinari strateġika u l-attivitajiet tal-prova kunċettwali għandhom jindirizzaw soluzzjonijiet ta’ trasport innovattivi. Dan ser jinkludi tipi kompletament awtomatizzati u tipi oħrajn ġodda ta’ inġenji tal-ajru, vetturi u bastimenti b’potenzjal fit-tul u prestazzjoni ambjentali għolja kif ukoll servizzi ġodda.

4.4.   Riċerka soċjoekonomika u dwar l-imġiba u attivitajiet li jħarsu 'l quddiem għat-tfassil tal-politika

Azzjonijiet għall-appoġġ tal-analiżi u l-iżvilupp tal-politika inkluż il-ġbir ta' evidenza biex wieħed jifhem l-imġiba dwar l-aspetti spazjali, soċjoekonomiċi u soċjetali tat-trasport huma neċessarji għall-promozzjoni tal-innovazzjoni u għall-ħolqien ta' bażi ta' evidenza kondiviża biex l-jintlaħqu l-isfidi mqajma mit-trasport. L-attivitajiet ser jimmiraw għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tar-riċerka u innovazzjoni tal-politiki Ewropej għat-trasport u l-mobbiltà, studji prospettivi u antiċipazzjoni teknoloġika, u lejn it-tisħiħ taż-ŻER.

L-intendiment tal-ispeċifiċitajiet lokali u reġjonali, l-imġiba u l-perċezzjonijiet tal-utenti, l-aċċettazzjoni soċjali, l-impatt tal-miżuri tal-politika, il-mobbiltà, ħtiġijiet u xejriet li jinbidlu, l-evoluzzjoni tad-domanda futura, mudelli tan-negozju huma ta’ importanza vitali għall-evoluzzjoni tas-sistema Ewropea tat-trasport. Ser jitwettaq żvilupp tax-xenarji li jqisu x-xejriet soċjetali, evidenza dwar il-kawżalitajiet, objettivi tal-politika u antiċipazzjoni teknoloġika f’perspettiva tal-2050. Fid-dawl tal-intendiment aħjar tar-rabtiet bejn l-iżvilupp territorjali, il-koeżjoni soċjali u s-sistema Ewropea tat-trasport, hemm bżonn ta’ mudelli robusti li fuqhom jistgħu jittieħdu deċiżjonijiet tal-politika sodi.

Ir-riċerka ser tiffoka fuq kif għandhom jonqsu l-inugwaljanzi soċjali u territorjali fl-aċċess għall-mobbiltà u fuq kif għandha titjieb il-pożizzjoni tal-utenti tat-trasport vulnerabbli. Il-kwistjonijiet ekonomiċi għandhom ukoll ikunu indirizzati, bl-iffukar tal-modi ta' internalizzazzjoni tal-esternalitajiet tat-trasport fost il-modi, kif ukoll il-mudelli ta' tassazzjoni u pprezzar. Hija meħtieġa riċerka prospettiva biex tivvaluta r-rekwiżiti futuri għall-ħiliet u impjiegi, l-iżvilupp u l-adattament tar-riċerka u l-innovazzjoni kif ukoll il-kooperazzjoni transnazzjonali.

4.5.   Aspetti speċifiċi ta' implimentazzjoni

L-attivitajiet ser jiġu organizzati b'mod li jiġi permess approċċ integrat u speċifiku għal kull mezz kif adatt. Ser tkun meħtieġa viżibbiltà u kontinwità pluriennali sabiex jittieħed kont tal-ispeċifiċitajiet ta' kull mezz ta' trasport u n-natura olistika tal-isfidi kif ukoll aspetti rilevanti tal-aġendi ta' riċerka u innovazzjoni strateġiċi tal-Pjattaformi Ewropej tat-Teknoloġija.

Jista' jiġi kkunsidrat appoġġ għal Inizjattivi ta' Ipprogrammar Konġunt (JPI) rilevanti u l-isħubijiet pubbliċi-pubbliċi u pubbliċi-privati rilevanti. Ser jiġu stabbilit wkoll rabtiet adegwati mal-azzjonijiet tas-Sħubijiet Ewropej għall-Innovazzjoni rilevanti. L-attivitajiet għandhom jikkonċentraw ukoll biex iżidu l-appoġġ u l-promozzjoni tal-involviment tal-SMEs.

5.   AZZJONI KLIMATIKA, AMBJENT, EFFIĊJENZA TAR-RIŻORSI U L-MATERJA PRIMA

5.1.   Ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u adattament għalih

Il-konċentrazzjonijiet attwali ta’ CO2 fl-atmosfera huma kważi 40 % ogħla minn dawk fil-bidu tar-rivoluzzjoni industrijali u fl-ogħla livelli esperjenzati fl-aħħar 2 miljun sena. Gassijiet serra mhux ta’ CO2 jikkontribwixxu wkoll għat-tibdil fil-klima u għandhom rwol sinifikanti li qiegħed dejjem jikber. Mingħajr azzjoni deċiżiva, it-tibdil fil-klima jista’ jiswa lid-dinja mill-inqas 5 % tal-PDG kull sena, u sa 20 % taħt xi xenarji. B’kuntrast ma' dan, b'azzjoni bikrija u effettiva, l-ispejjeż netti jistgħu jkunu limitati għal madwar 1 % tal-PDG kull sena. Li tintlaħaq il-mira ta’ 2°C u l-evitar tal-agħar impatti tat-tibdil fil-klima ser jesiġu li l-pajjiżi żviluppati jaqtgħu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra sa 80-95 % sal-2050 meta mqabbla mal-livelli tal-1990.

Għalhekk, l-għan ta’ din l-attività huwa li jiġu żviluppati u vvalutati miżuri u strateġiji innovattivi, kosteffettivi u sostenibbli ta’ adattament u ta' mitigazzajoni, li jindirizzaw kemm il-gassijiet u aerosols serra b’CO2 kif ukoll dawk mingħajr CO2, u jenfasizzaw kemm soluzzjonijiet ekoloġiċi teknoloġiċi u dawk li mhumiex, permezz tal-ġenerazzjoni ta’ evidenza għal azzjoni infurmata, bikrija u effettiva u n-netwerking tal-kompetenzi meħtieġa.

Sabiex jintlaħaq dan, ir-riċerka u l-innovazzjoni għandha tiffoka fuq dan li ġej:

5.1.1.   Titjib fl-intendiment tat-tibdil fil-klima u l-għoti ta’ projezzjonijiet tal-klima li huma affidabbli

Intendiment aħjar tal-kawżi u l-evoluzzjoni tat-tibdil fil-klima u projezzjonijiet klimatiċi iktar preċiżi huma kruċjali sabiex is-soċjetà tipproteġi l-ħajjiet, oġġetti u infrastrutturi u tiżgura t-teħid effettiv ta’ deċiżjonijiet u alternattivi adatti ta' mitigazzjoni u adattament. Huwa essenzjali li titjieb iktar il-bażi ta’ għarfien xjentifiku tal-katalizzaturi klimatiċi, proċessi, mekkaniżmi, reazzjonijiet u livelli limitu assoċjati mal-iffunzjonar tal-ekosistemi terrestri, marittimi u polari u l-atmosfera. Intendiment aħjar ser jippermetti ukoll li ssir identifikazzjoni aktar preċiża tat-tibdil fil-klima u l-attribuzzjoni għal fatturi naturali u antropoġeniċi kawżali. L-affidabbiltà mtejba tal-previżjonijiet u tbassir klimatiċi fuq skali temporali u spazjali pertinenti ser ikunu appoġġati permezz tat-titjib fil-kalkoli u permezz tal-iżvilupp ta' xenarji u mudelli aktar preċiżi, inkluż mudelli tas-sistema tad-Dinja akkoppjati kompletament b'kont meħud tal-istorja tal-paleoklima.

5.1.2.   Valutazzjoni tal-impatti u l-vulnerabbiltajiet u l-iżvilupp ta’ miżuri ta' adattament, ta' prevenzjoni u ġestjoni tar-riskju innovattivi u kosteffettivi

Hemm għarfien mhux komplut dwar l-kapaċità tas-soċjetà, l-ekonomija u l-ekosistemi li jadattaw għat-tibdil fil-klima. Hemm għarfien mhux komplut dwar l-kapaċità tas-soċjetà, l-ekonomija u l-ekosistemi li jadattaw għat-tibdil fil-klima. Miżuri effettivi, ġusti u soċjalment aċċettabbli lejn ambjent, ekonomija u soċjetà reżiljenti għall-klima jesiġu analiżi integrata tal-impatti, vulnerabbiltajiet, esponiment tal-popolazzjoni, riskji u l-ġestjoni tagħhom, effetti sekondarji bħall-migrazzjoni u l-kunflitti, spejjeż u opportunitajiet assoċjati mat-tibdil u varjabbiltà fil-klima, filwaqt li jitqiesu l-avvenimenti estremi u perikli ikkaġunati mill-klima u r-rikorrenza tagħhom. Din l-analiżi ser tkun żviluppata ukoll fuq l-impatti avversi tat-tibdil fil-klima fuq il-bijodiversità, ekosistemi u servizzi tal-ekosistema, riżorsi tal-ilma, infrastrutturi u assi ekonomiċi u naturali. Ser ikun hemm enfasi fuq l-ekosistemi naturali tal-iktar valur u ambjenti mibnija, kif ukoll setturi soċjali, kulturali u ekonomiċi ewlenin madwar l-Ewropa. L-azzjonijiet ser jinvestigaw l-impatti u r-riskji dejjem jibkru għas-saħħa tal-bniedem li jirriżultaw mit-tibdil fil-klima, il-perikli li jiġu mill-klima u l-konċentrazzjonijiet miżjuda tal-gassijiet serra fl-atmosfera. Ir-riċerka ser tevalwa it-tweġibiet innovattivi, distribwiti b’mod ġust u kosteffettivi ta’ adattament għat-tibdil fil-klima, inkluż il-protezzjoni u l-adattament ta’ riżorsi naturali u ekosistemi, u effetti relatati, sabiex tinforma u tappoġġa l-iżvilupp tagħhom u l-implimentazzjoni fuq il-livelli u skali kollha. Dan ukoll ser jinkludi l-impatti, spejjeż, riskji u benefiċċji potenzjali ta’ alternattivi ta’ ġeoinġinerija. L-interkonnessjonijiet ‚ kunflitti u sinerġiji kumplessi ta’ alternattivi ta' adattament u ta' politiki ta' prevenzjoni tar-riskju ma' politiki tal-klima u settorjali oħra ser jkunu investigati, inklużi l-impatti fuq l-impjiegi u l-istandards ta' għajxein ta' gruppi vulnerabbli.

5.1.3.   Appoġġ ta' politiki ta' mitigazzjoni, inkluż studji li jiffukaw fuq l-impatt minn politiki settorjali oħrajn

It-transizzjoni tal-Unjoni għal ekonomija u soċjetà kompetittivi, li jużaw ir-riżorsi b’effiċjenza u reżiljenti għat-tibdil fil-klima sal-2050 tesiġi d-disinn ta’ strateġiji effettivi u fit-tul, b’emissjonijiet baxxi u avvanzi ewlenin fil-ħila tagħna li ninnovaw. Ir-riċerka se tivvaluta r-riskji ambjentali u soċjoekonomiċi, l-opportunitajiet u l-impatti tal-alternattivi tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima. Hija ser tivvaluta wkoll l-impatt fuq politiki settorjali oħra. Ir-riċerka ser tappoġġa l-iżvilupp u l-validazzjoni ta’ mudelli ġodda ta’ klima-enerġija-ekonomija, filwaqt li tqis l-istrumenti ekonomiċi u esternalitajiet rilevanti, bl-għan li jiġu ttestjati l-alternattivi ta' politika ta' mitigazzjoni u perkorsi ta' teknoloġija b’livell baxx ta’ karbonju fi skali differenti u għas-setturi ekonomiċi u soċjali ewlenin fil-livell tal-Unjoni u dak globali. L-azzjonijiet ser jiffaċilitaw l-innovazzjoni teknoloġika, istituzzjonali soċjoekonomika billi jitjiebu r-rabtiet bejn ir-riċerka u l-applikazzjoni u bejn l-intraprendituri, utenti aħħarin, riċerkaturi, dawk li jfasslu l-politika u istituzzjonijiet ta’ għarfien.

5.2.   Protezzjoni tal-ambjent, ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali, l-ilma, il-bijodiversità u l-ekosistemi

Is-soċjetajiet jaffrontaw sfida ewlenija biex jistabbilixxu bilanċ sostenibbli bejn il-ħtiġijiet tal-bniedem u l-ambjent. Ir-riżorsi ambjentali, inkluż l-ilma, l-arja, il-bijomassa, il-ħamrija fertili, il-bijodiversità u l-ekosistemi, u s-servizzi li dawn jipprovdu, isostnu l-iffunzjonar tal-ekonomija Ewropea u globali u l-kwalità tal-ħajja. L-opportunitajiet kummerċjali globali relatati mar-riżorsi naturali huma mistennija li jammontaw għal iktar minn EUR 2 triljuni sal-2050 (15). Minkejja dan, l-ekosistemi fl-Ewropa u globalment, qed jiġu degradati lil hinn mill-kapaċità naturali li jiġu riġenerati, u r-riżorsi ambjentali qed jiġu sfruttati iżżejjed u saħansitra distrutti. Pereżempju, 1 000 km2 ta' whud mill-iktar ħamrija fertili u ekosistemi ta’ valur jintilfu kull sena fl-Unjoni, filwaqt li jintilef kwart tal-ilma. Il-kontinwazzjoni ta’ dawn il-mudelli mhijiex alternattiva. Ir-riċerka għandha tikkontribwixxi sabiex jinqelbu x-xejriet li jagħmlu ħsara lill-ambjent u sabiex jiġi żgurat li l-ekosistemi jkomplu jipprovdu riżorsi, oġġetti u servizzi li huma essenzjali għall-benesseri, prosperità ekonomika u l-iżvilupp sostenibbli.

Għalhekk, il-mira ta' din l-attività hija li jiġu pprovduti għarfien u għodod għall-ġestjoni u l-protezzjoni tar-riżorsi naturali, filwaqt li jinkiseb bilanċ sostenibbli bejn ir-riżorsi limitati u l-ħtiġijiet tal-preżent u tal-futur tas-soċjetà u l-ekonomija.

Sabiex jintlaħaq dan, ir-riċerka u l-innovazzjoni għandha tiffoka fuq dan li ġej:

5.2.1.   Approfondiment tal-intendiment tagħna tal-bijodiversità u l-funzjonament tal-ekosistemi, l-interazzjonijiet tagħhom mas-sistemi soċjali u r-rwol tagħhom fl-appoġġ tal-ekonomija u l-benesseri tal-bniedem.

Azzjoni mill-bniedem tista' tiskattabidliet fl-ambjent li huma irriversibbli u li jbiddlu l-karattru tal-ekosistemi u tal-bijodiversità tagħhom. Huwa vitali li dawn ir-riskji jiġu antiċipati permezz tal-valutazzjoni, monitoraġġ u tbassir tal-impatt tal-attivitajiet tal-bniedem, inkluż il-bdil fl-użu tal-art, u l-bidliet ambjentali fuq il-benesseri tal-bniedem. Ir-riċerka dwar l-ekosistemi tal-baħar (miż-żoni kostali għall-baħar fond inkluża s-sostenibbiltà tar-riżorsi tal-baħar), polari, tal-ilma ħelu, terrestri u urbani, inkluż l-ekosistemi dipendenti fuq l-ilma ta' taħt l-art, ser ittejjeb l-intendiment tagħna tal-interazzjonijiet kumplessi bejn ir-riżorsi naturali u s-sistemi soċjali, ekonomiċi u ekoloġiċi, inklużi l-punti kritiċi naturali, u r-reżiljenza, jew fraġilità, tas-sistemi umani u bijoloġiċi. Dan ser jeżamina kif il-bijodiversità u l-ekosistemi jiffunzjonaw u jirreaġixxu għall-impatti antropoġeniċi, kif dawn jistgħu jiġu rrestawrati, u kif dan ser jaffettwa l-ekonomiji u l-benesseri tal-bniedem. Dan ser jinvestiga wkoll soluzzjonijiet għall-indirizzar tal-isfidi għar-riżorsi fil-kuntest Ewropew u internazzjonali. Dan ser jikkontribwixxi għall-politiki u prattiki li jiżguraw li l-attivitajiet soċjali u ekonomiċi joperaw fi ħdan il-limiti tas-sostenibbiltà u l-adattabilità tal-ekosistemi u l-bijodiversità.

5.2.2.   Żvilupp ta' approċċi integrati biex jiġu indirizzati sfidi relatati mal-ilma u t-transizzjoni għall-ġestjoni sostenibbli u l-użu tar-riżorsi u s-servizzi tal-ilma

Id-disponibbiltà u l-kwalità tal-ilma ħelu saru kwistjonijiet globali b'implikazzjonijiet ekonomiċi u soċjali ta' portata kbira. Bid-domanda dejjem tikber għal użi differenti u sikwit konfliġġenti (eż. agrikoltura, industrija, attivitajiet rekreattivi, servizzi pubbliċi, ekosistemi u manutenzjoni tal-pajsaġġ, restawr u titjib tal-ambjent), il-vulnerabbiltà akbar tar-riżorsi aggravata bit-tibdil tal-klima u dak globali, l-urbanizzazzjoni, it-tniġġis u l-isfruttament eċċessiv tar-riżorsi ta' ilma ħelu, il-manteniment u t-titjib tal-kwalità u d-disponibbiltà tal-ilma, u t-tnaqqis tal-impatt tal-attivitajiet tal-bnedmin fuq l-ekosistemi tal-ilma ħelu qed issir sfida kritika għall-utenti tal-ilma f'diversi setturi kif ukoll għall-ekosistemi akkwatiċi.

Ir-riċerka u l-innovazzjoni ser jindirizzaw dawn il-pressjonijiet u ser jipprovdu strateġiji integrati, strumenti, teknoloġiji u soluzzjonijiet innovattivi biex jintlaħqu l-ħtiġijiet attwali u futuri. Dan ser jimmira li jiżviluppa strateġiji ta' ġestjoni adatti tal-ilma, għat-titjib tal-kwalità tal-ilma, jiġu ffaċċjati żbilanċi bejn id-domanda għall-ilma u d-disponibbiltà jew il-provvista f'livelli u skala differenti, jingħalaq iċ-ċiklu tal-ilma, tiġi promossa mġieba sostenibbli mill-utent aħħari u għall-indirizzar tar-riskji relatati mal-ilma waqt li jiġu sostnuti l-integrità, l-istruttura u l-funzjonament tal-ekosistemi akkwatiċi f'konformità mal-politiki tal-Unjoni tal-mument.

5.2.3.   Jiġu pprovduti għarfien u għodod għat-teħid ta' deċiżjonijiet u involviment pubbliku effettivi

Sistemi soċjali ekonomiċi u ta’ governanza għad iridu jindirizzaw l-eżawriment tar-riżorsi u l-ħsara lill-ekosistemi. Ir-riċerka u l-innovazzjoni ser isostnu d-deċiżjonijiet tal-politika meħtieġa sabiex jiġu mmaniġġjati r-riżorsi naturali u l-ekosistemi sabiex jevitaw, jew jadattaw għal tibdil klimatiku u ambjentali ta' sfrattu u sabiex jippromwovu tibdil istituzzjonali, ekonomika, komportamentali u teknoloġika li jiżgura s-sostenibbiltà. Għalhekk ir-riċerka ser issostni l-iżvilupp ta' sistemi li jagħtu valur lill-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistemi, inkluż l-intendiment tal-istokk ta' kapital naturali u l-fluss tas-servizzi tal-ekosistemi. Ser titqiegħed enfasi fuq l-ekosistemi u s-servizzi tal-ekosistema kritiċi rilevanti għall-politika, bħall-ilma ħelu, l-ibħra u l-oċeani (inklużi ż-żoni kostali), il-foresti, ir-reġjuni polari, il-kwalità tal-arja, il-bijodiversità, l-użu tal-art u l-ħamrija. Ir-reżiljenza tas-soċjetajiet u l-ekosistemi għas-sustanzi li jniġġsu u l-patoġeni u għall-avvenimenti katastrofiċi, inklużi l-perikli naturali (bħall-perikli siżmiċi u volkaniċi, l-għargħar u n-nixfa) u n-nirien tal-foresti, ser jkunu appoġġati permezz tat-titjib tal-kapaċitajiet għat-tbassir, avviż bikri u valutazzjoni tal-vulnerabbiltajiet u l-impatti, inkluża d-dimensjoni ta’ bosta riskji. B'hekk ir-riċerka u l-innovazzjoni ser jipprovdu appoġġ għall-politiki ambjentali u tal-użu effiċjenti tar-riżorsi, u l-alternattivi għal governanza effettiva bbażata fuq l-evidenza fi ħdan il-limiti ta' operat sikur. Ser jiġu żviluppati modi innovattivi sabiex tiżdied il-koerenza tal-politika, jissolvew il-kompromessi u jiġu mmaniġġjati l-interessi kunfliġġenti u sabiex titjieb il-kuxjenza pubblika dwar ir-riżultati tar-riċerka u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fit-teħid tad-deċiżjonijiet.

5.3.   L-iżgurar tal-provvista sostenibbli ta’ materja prima mhux tal-enerġija u mhux agrikola

Is-setturi bħal dawk tal-kostruzzjoni, kimika, vetturi, aerospazju, makkinarju u tagħmir, li għandhom valur miżjud kkombinat ta' iktar minn EUR 1 000 biljun u jipprovdu impjieg għal madwar 30 miljun persuna, kollha jiddependu fuq l-aċċess għall-materja prima. L-Unjoni hija awtosuffiċjenti fil-minerali ta’ kostruzzjoni. Madankollu, filwaqt li l-Unjoni hija waħda mill-ikbar manifatturi tad-dinja ta’ ċerti minerjali industrijali, tibqa’ importatriċi netta ta’ ħafna minnhom. Minbarra dan, l-UE hija dipendenti ħafna fuq l-importazzjoni ta’ minerali metalliċi u hija totalment dipendenti fuq l-importazzjoni ta’ ċerta materja prima kritika.

Ix-xejriet riċenti jindikaw li d-domanda għall-materja prima ser tkun xprunata mill-iżvilupp ta’ ekonomiji emerġenti u minn diffużjoni rapida ta’ teknoloġiji abilitanti ewlenin. L-Ewropa trid tiżgura ġestjoni sostenibbli u tassigura provvista sostenibbli ta’ materja prima minn ġewwa u barra l-konfini tagħha għas-setturi kollha li jiddependu fuq l-aċċess għall-materja prima. Il-miri tal-politika għall-materja prima kritika huma deskritti fl-Inizjattiva tal-Kummissjoni dwar il-Materja Prima (16).

Għalhekk l-għan ta’ din l-attività huwa t-titjib tal-bażi ta’ għarfien dwar il-materja prima u jiġu żviluppati soluzzjonijiet innovattivi għall-esplorazzjoni, estrazzjoni, ipproċessar, użu mill-ġdid, riċiklaġġ u rkupru kosteffettivi, u li jħarsu l-ambjent, tal-materja prima u għas-sostituzzjoni tagħhom b'alternattivi ekonomikament attraenti u ambjentalment sostenibbli b’inqas impatt ambjentali.

Sabiex jintlaħaq dan, ir-riċerka u l-innovazzjoni għandha tiffoka fuq dan li ġej:

5.3.1.   Titjib tal-bażi ta' għarfien dwar id-disponibbiltà tal-materja prima

Ser tittejjeb il-valutazzjoni tad-disponibbiltà fit-tul tar-riżorsi globali u tal-Unjoni, inkluż l-aċċess għall-minjieri urbani (skart li ġej mill-miżbla u mill-minjieri), riżorsi tal-baħar kostali u tal-fond tal-baħar (pereżempju t-tħaffir f'qiegħ il-baħar għal minerali tal-art rari) u l-inċertezzi assoċjati. Dan l-għarfien ser jgħin is-soċjetà tilħaq użu, riċiklaġġ u użu mill-ġdid iktar effiċjenti ta’ materja prima skarsa jew li tagħmel ħsara lill-ambjent. Dan ser jiżviluppa wkoll regoli, prattiki u standards globali li jirregolaw l-esplorazzjoni, estrazzjoni u ipproċessar ekonomikament vijabbli, ambjentalment sodi u soċjalment aċċettabbli, inklużi l-prattiki fl-użu tal-art u l-ippjanar spazjali fil-baħar abbażi ta' approċċ tal-ekosistemi.

5.3.2.   Promozzjoni tal-provvista u l-użu sostenibbli tal-materja prima, inkluż ir-riżorsi minerali, mill-art u l-baħar, li jkopru l-esplorazzjoni estrazzjoni, ipproċessar, użu mill-ġdid, riċiklaġġ u rkupru

Ir-riċerka u l-innovazzjoni huma meħtieġa tul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja tal-materjali, sabiex tiġi żgurata provvista u ġestjoni affordabbli, affidabbli u sostenibbli tal-materja prima li hija essenzjali għall-industriji tal-UE. L-iżvilupp u l-iskjerament ta' teknoloġiji tal-esplorazzjoni, estrazzjoni u ipproċessar ekonomikament vijabbli, soċjalment aċċettabbli u li jħarsu l-ambjent ser jagħtu spinta lill-użu tar-riżorsi. Dan ser jinkludi r-riżorsi minerali, mill-art u l-baħar, u ser jisfrutta wkoll il-potenzjal tal-minjieri urbani. Teknoloġiji ta’ riċiklaġġ u rkupru tal-materjal, mudelli kummerċjali u proċessi ġodda u ekonomikament vijabbli u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, inklużi proċessi u sistemi ta' ċirkwit magħluq, ser jikkontribwixxu wkoll għat-tnaqqis tad-dipendenza tal-Unjoni fuq il-provvista ta' materja prima primarja. Dan ser jinkludi l-bżonn ta' użu itwal, riċiklaġġ u rkupru ta’ kwalità ogħla, u l-bżonn li titnaqqas drastikament il-ħela tar-riżorsi. Ser jiġi applikat approċċ taċ-ċiklu tal-ħajja sħiħ, mill-provvista ta’ materja prima disponibbli għat-tmiem tal-ħajja, b’rekwiżiti minimi ta’ enerġija u riżorsi.

5.3.3.   Is-sejba ta' alternattivi għall-materja prima kritika

B’antiċipazzjoni għat-tnaqqis possibbli tad-disponibbiltà globali ta’ ċerta materja prima, minħabba pereżempju restrizzjonijiet kummerċjali, ser ikunu investigati u żviluppati sostituti sostenibbli u alternattivi għall-materja prima kritika, bi prestazzjoni funzjonali simili. Dan għandu jnaqqas id-dipendenza tal-Unjoni fuq il-materja prima primarja u jtejjeb l-impatt fuq l-ambjent.

5.3.4.   Titjib tal-kuxjenza u ħiliet tas-Soċjetà dwar il-materja prima

Il-bidla neċessarja għal ekonomija iktar awtodipendenti u li tuża r-riżorsi b’effiċjenza ser jesiġi bidla kulturali, fl-imġiba, soċjoekonomika, sistemika u istituzzjonali. Sabiex tiġi indirizzata l-problema dejjem akbar tan-nuqqas ta’ ħiliet fis-settur tal-materja prima fl-Unjoni inkluża l-industrija Ewropea tal-minjieri, ser jiġu mħeġġa aktar sħubijiet effettivi bejn l-universitajiet, l-istħarriġ ġeoloġiku, l-industrija u l-partijiet interessati l-oħra. Dan ukoll ser jkun essenzjali biex jappoġġa l-iżvilupp ta’ ħiliet ekoloġiċi innovattivi. Flimkien ma' dan għad hemm kuxjenza pubblika limitata dwar l-importanza ta' materja prima domestika għall-ekonomija Ewropea. Sabiex jiġu ffaċilitati l-bidliet strutturali meħtieġa, ir-riċerka u l-innovazzjoni ser ikollhom l-għan li jagħtu s-setgħa liċ-ċittadini, dawk li jfasslu l-politika, professjonisti u istituzzjonijiet.

5.4.   Iffaċilitar tat-transizzjoni lejn ekonomija u soċjetà ekoloġiċi permezz tal- ekoinnovazzjoni

L-Unjoni ma tistax tirnexxi f’dinja ta’ konsum ta’ riżorsi, degradazzjoni ambjentali u telf tal-bijodiversità dejjem akbar. Id-diżakkoppjament tat-tkabbir mill-użu tar-riżorsi naturali jesiġi bidliet strutturali ta’ kif tali riżorsi huma użati, użati mill-ġdid u mmaniġġjati, filwaqt li jiġi salvagwardjat l-ambjent tagħna. L-ekoinnovazzjonijiet ser jippermettulna nnaqqsu l-pressjoni fuq l-ambjent, inżidu l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, u nqiegħdu l-Unjoni fit-triq lejn ekonomija li tuża r-riżorsi u l-enerġija b’effiċjenza. L-ekoinnovazzjoni toħloq ukoll l-opportunitajiet ewlenin għat-tkabbir u impjiegi, u żżid il-kompetittività Ewropea fi ħdan is-suq globali, li huwa stmat li jikber għal suq ta’ triljun euro wara l-2015 (17). 45 % tal-kumpaniji diġà introduċew ċertu tip ta’ ekoinnovazzjoni. Huwa stmat li madwar 4 % tal-ekoinnovazzjonijiet wasslu għal tnaqqis ta' iktar minn 40 % fl-użu materjali kull unità ta' output (18), b'enfasi fuq il-potenzjal qawwi għall-futur. Madankollu, mhix ħaġa rari li teknoloġiji, proċessi, servizzi u prodotti ekoinnovattivi li jippromettu ħafna u jkunu teknikament avvanzati ma jidhrux fis-suq minħabba sfidi ta’ qabel il-kummerċjalizzazzjoni u ma jilħqux il-potenzjal ambjentali u ekonomiku sħiħ tagħhom għax it-titijib u l-introduzzjoni tagħhom fis-suq jitqiesu wisq riskjużi minn investituri privati.

Għaldaqstant l-għan ta’ din l-attività huwa li jitrawwmu l-forom kollha tal-eko-innovazzjoni li jippermettu t-transizzjoni għal ekonomija ekoloġika.

Sabiex jintlaħaq dan, ir-riċerka u l-innovazzjoni għandha tiffoka fuq dan li ġej:

5.4.1.   Tisħiħ tat-teknoloġiji, proċessi, servizzi u prodotti ekoinnovattivi, inkluż l-esplorazzjoni ta' mezzi biex jitnaqqsu tal-kwanitiajiet ta' materja prima fil-produzzjoni u l-konsum, biex jingħelbu l-ostakoli f'dan il-kuntest u biex tingħata ispinta għall-adozzjoni tagħhom fis-suq

Ser ikunu appoġġati l-forom kollha ta’ ekoinnovazzjoni, kemm inkrementali u radikali, li jikkombinaw l-innovazzjoni teknoloġika, organizzattivi, tas-soċjetà, komportamentali, kummerċjali u ta' politika, u t-tisħiħ tal-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili. Dan ser isostni ekonomija aktar ċirkolari, filwaqt li jitnaqqsu l-impatti ambjentali, tiżdied ir-reżiljenza ambjentali u jitqiesu l-effetti ta' reazzjoni fuq l-ambjent u potenzjalment fuq setturi oħra. Dan ser jinkludi innovazzjoni orjentata lejn l-utenti, mudelli kummerċjali, simbjożi industrijali, sistemi ta’ servizz tal-prodott, disinn tal-prodott, approċċi taċ-ċiklu tal-ħajja sħiħ u ta’ minn nieqa sa nieqa kif ukoll l-esplorazzjoni ta' mezzi għat-tnaqqis tal-kwantitajiet ta' materja prima fil-produzzjoni u l-konsum, u biex jingħelbu ostakoli f'dan il-kuntest. Ser jiġi indirizzat il-potenzjal għal bidla lejn xejriet ta’ konsum aktar sostenibbli. L-għan ser ikun it-titjib tal-effiċjenza fl-użu ta’ riżorsi billi jitnaqqsu, f’termini assoluti, il-fatturi ta' produzzjoni, skart u r-rilaxx ta’ sustanzi ta' ħsara (eż. dawk indikati taħt ir-Regolament(KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19)) tul il-katina ta’ valur u li jitrawwem l-użu mill-ġdid, riċiklaġġ u s-sostituzzjoni tar-riżorsi.

Ser tingħata attenzjoni lill-iffaċilitar tat-transizzjoni mir-riċerka għas-suq, bl-involviment tal-industrija u notevolment in-negozji ġodda u l-SMEs innovattivi, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-utenti aħħarin, mill-iżvilupp ta’ prototipi u d-dimostrazzjoni tal-prestazzjoni teknika, soċjali u ambjentali, sal-ewwel applikazzjoni u r-replikazzjoni tas-swieq ta' tekniki, prodotti, servizzi jew prattiki eko-innovattivi ta' rilevanza għall-Unjoni. L-azzjonijiet ser jikkontribwixxu għat-tneħħija ta' ostakoli għall-iżvilupp u l-applikazzjoni wiesgħa tal-eko-innovazzjoni, il-ħolqien jew it-tkabbir tas-swieq għas-soluzzjonijiet ikkonċernati u t-titjib tal-kompetittività tal-intrapriżi tal-Unjoni, speċjalment l-SMEs, fis-swieq dinjin. In-netwerking fost l-eko-innovaturi ser ifittex ukoll li jtejjeb id-disseminazzjoni u l-isfruttament tal-għarfien u jorbot b'mod aħjar il-provvista mad-domanda.

5.4.2.   Appoġġ għall-politiki innovattivi u bidliet tas-soċjetà

Il-bidliet strutturali u istituzzjonali huma meħtieġa biex jippermettu t-transizzjoni lejn ekonomija u soċjetà ekoloġika. Ir-riċerka u l-innovazzjoni ser jinidirizzaw l-ostakli ewlenin għall-bidla tas-soċjetà u tas-suq u ser jimmiraw għall-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi, mexxejja kummerċjali u dawk li jfasslu l-politika sabiex tiġi adottata mġieba innovattiva u sostenibbli, b'kontributi mix-xjenzi soċjali u l-istudji umanistiċi. Ser ikunu żviluppati għodod, metodi u mudelli robusti u trasparenti li jivvalutaw u jwasslu għall-bidliet ekonomiċi, soċjetali, kulturali u istituzzjonali ewlenin meħtieġa sabiex tinkiseb bidla fundamentali lejn ekonomija u soċjetà ekoloġiċi. Ir-riċerka ser tesplora kif għandhom jiġu promossi stili ta' ħajja u l-mudelli ta' konsum sostenibbli, bl-inklużjoni ta’ riċerka soċjoekonomika, xjenza komportamentali, involviment tal-utent u aċċettazzjoni pubblika tal-innovazzjoni, kif ukoll attivitajiet sabiex tittejjeb il-komunikazzjoni u l-kuxjenza pubblika. Ser isir użu sħiħ mill-azzjonijiet ta’ dimostrazzjoni.

5.4.3.   Kejl u valutazzjoni tal-progress lejn ekonomija ekoloġika

Huwa neċessarju li jiġu żviluppati indikaturi robusti fl-iskali spazjali xierqa li huma kumplimentari għall-PDG, metodi u sistemi li jappoġġaw u jivvalutaw it-transizzjoni lejn ekonomija ekoloġika u l-effettività tal-alternattivi tal-politika rilevanti. Xprunati minn approċċ taċ-ċiklu tal-ħajja, ir-riċerka u l-innovazzjoni ser itejbu l-kwalità u l-disponibbiltà tad-data, metodi u sistemi ta’ kejl rilevanti għall-użu effiċjenti tar-riżorsi u l-ekoinnovazzjoni u jiffaċilitaw l-iżvilupp ta' skemi ta' kumpens innovattivi. Ir-riċerka soċjoekonomika ser tipprovdi intendiment aħjar tal-kawżi primarji tal-imġiba tal-manifattur u konsumatur u b’hekk tikkontribwixxi għad-disinn ta’ iktar strumenti ta' politika effettivi sabiex jiffaċilitaw it-transizzjoni għal ekonomija li tuża r-riżorsi b’effiċjenza u reżiljenti għat-tibdil fil-klima. Minbarra dan, il-metodoloġiji ta’ valutazzjoni tat-teknoloġija u l-immudellar integrat ser ikunu żviluppati biex jappoġġaw il-politiki ta' użu effiċjenti tar-riżorsi u ekoinnovazzjoni fil-livelli kollha, filwaqt li tiżdied il-politika ta' koerenza u jissolvew il-kompromessi. Ir-riżultati ser jippermettu l-monitoraġġ, valutazzjoni u tnaqqis fil-flussi ta’ materjal u enerġija involvuti fil-produzzjoni u konsum, u ser jippermettu lil dawk li jfasslu l-politika u lin-negozji biex jintegraw l-ispejjeż ambjentali u l-esternalitajiet fl-azzjonijiet u deċiżjonijiet tagħhom.

5.4.4.   Trawwim tal-użu effiċjenti tar-riżorsi permezz tas-sistemi diġitali

L-innovazzjonijiet fit-teknoloġiji tal-informazzjoni u komunikazzjoni jistgħu jikkostitwixxu għodda prinċipali għall-appoġġ tal-użu effiċjenti tar-riżorsi. Sabiex jintlaħaq dan l-objettiv, ICT moderna u innovattiva ser tikkontribrixxi għal gwadann sinifikanti ta' effiċjenza fil-produttività, notevolment permezz tal-proċessi awtomatizzati, monitoraġġ fil-ħin reali u sistemi ta' appoġġ għad-deċiżjoni. L-użu tal-ICT ser jimmira li jaċċellera d-dimaterjalizzazzjoni progressiva tal-ekonomija, billi jiżdied iċ-ċaqliq lejn servizzi diġitali, u sabiex jiffaċilita l-bidliet ta' imġiba tfil-konsum u mudelli kummerċjali permezz tal-użu tal-ICT tal-futur.

5.5.   L-iżvilupp ta’ sistemi ta’ osservazzjoni u informazzjoni globali ambjentali komprensivi u miżmuma

L-osservazzjoni ambjentali komprensiva u s-sistemi ta’ informazzjoni huma essenzjali sabiex jiżguraw il-forniment tad-data u informazzjoni fit-tul meħtieġa sabiex tiġi indirizzata din l-isfida tas-soċjetà. Dawn is-sistemi ser jintużaw sabiex tiġi ssorveljata, ivvalutata u mbassra l-kondizzjoni, status u xejriet tal-klima, riżorsi naturali inkluża l-materja prima, ekosistemi terrestri u marittimi (miż-żoni kostali għall-baħar fond) u servizzi tal-ekosistema, kif ukoll sabiex jevalwaw politiki u alternattivi ta' livell baxxi ta' karbonju u ta' mitigazzjoni u adattament klimatiċi fost is-setturi kollha tal-ekonomija. L-informazzjoni u l-għarfien minn dawn is-sistemi ser jintużaw sabiex jistimulaw l-użu intelliġenti tar-riżorsi strateġiċi, sabiex jappoġġaw l-iżvilupp tal-politiki bbażati fuq l-evidenza, sabiex irawwmu is-servizzi ambjentali u klimatiċi ġodda, u sabiex jiżviluppaw opportunitajiet ġodda fis-swieq globali.

Il-kapaċitajiet, teknoloġiji, u infrastrutturi tad-data għall-osservazzjoni u l-monitoraġġ tad-Dinja għandhom ikunu msejsa fuq l-avvanzi fl-ICT, teknoloġiji tal-ispazju u netwerks abilitanti, osservazzjonijiet mit-telerilevament, sensuri fil-post ġodda, servizzi mobbli, netwerks ta’ komunikazzjoni, għodod parteċipatorji tas-servizz tal-web u informatika u infrastruttura tal-immudellar mtejba, bil-għan li kontinwament tiġi provduta informazzjoni previżjonijiet u projezzjonijiet fil-ħin u preċiżi. Ser jiġi mħeġġeġ l-aċċess liberu, miftuħ u mingħajr restrizzjonijiet għad-data u informazzjoni interoperabbli, kif ukoll il-ħżin, il-ġestjoni u d-disseminazzjoni effettivi u, jekk meħtieġ, siguri tar-riżultati tar-riċerka. L-attivitajiet ser jgħinu biex jiġu ddefiniti attivitajiet operattivi futuri tal-programm Copernicus u jittejjeb l-użu ta' data ta' Copernicus għal attivitajiet ta' riċerka.

5.6.   Patrimonju kulturali

L-assi tal-wirt kulturali huma uniċi u ma jistgħux jiġu sostitwiti fil-forma tanġibbli tagħhom kif ukoll fil-valur intanġibbli, l-importanza kulturali u s-sinifikat tagħhom. Dawn huma mutur importanti tal-koeżjoni fis-soċjetà, l-identità u l-benesseri, u huma jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għat-tkabbir sostenibbli u l-ħolqien ta' impjiegi. Madankollu, il-wirt kulturali Ewropew huwa soġġett għad-deterjorament u ħsara, aggravat ulterjorment mill-espożizzjoni dejjem tiżdied għall-attivitajiet tal-bnedmin (eż. turiżmu) u avvenimenti estremi ta' maltemp li jirriżultaw mit-tibdil fil-klima kif ukoll minħabba perikli u diżastri naturali oħrajn.

L-għan ta' din l-attività huwa li tipprovdi tagħrif u soluzzjonijiet innovattivi, permezz tal-adattament ta' strateġiji, metodoloġiji, teknoloġiji, prodotti u servizzi ta' mitigazzjoni għall-preservazzjoni u l-ġestjoni tal-wirt kulturali tanġibbli fl-Ewropa li jinsab fil-periklu minħabba t-tibdil fil-klima.

Sabiex jintlaħaq dan, ir-riċerka u l-innovazzjoni multidixxiplinarja ser tiffoka fuq dan li ġej:

5.6.1.   Identifikazzjoni tal-livelli ta' reżiljenza permezz ta' osservazzjonijiet, moritoraġġ u mudellar

Ser jiġu żviluppati tekniki ġodda u mtejba għall-valutazzjoni, il-monitoraġġ u l-mudellar tal-ħsara biex tittejjeb il-bażi ta' tagħrif xjentifiku tal-impatt fuq il-wirt kulturali tat-tibdil fil-klima u fatturi oħra ambjentali u umani tar-riskju. Il-konoxxenza u l-intendiment iġġenerati bl-għajnuna ta' xenarji, mudelli u strumenti, inkluż l-analiżi tal-perċezzjoni tal-valur, ser jgħinu biex tingħata bażi xjentifika solida għall-iżvilupp ta' strateġiji, politiki u standards, f'qafas koerenti għall-valutazzjoni tar-riskji u l-ġestjoni tal-assi tal-wirt kulturali.

5.6.2   Intendiment aħjar dwar kif komunitajiet jipperċepixxu u jirreaġixxu għat-tibdil fil-klima u l-perikli siżmiċi u volkaniċi

Ir-riċerka u l-innovazzjoni, permezz ta' approċċi integrati, ser jiżviluppaw soluzzjonijiet effiċjenti fl-użu tar-riżorsi għall-prevenzjoni, l-adattament u l-mitigazzjoni, li jinvolvu metodoloġiji, teknoloġiji, prodotti u servizzi innovattivi għall-preżervazzjoni tal-assi tal-wirt kulturali, pajsaggi kulturali u habitats storiċi 5.7.

5.7.   Aspetti speċifiċi ta' implimentazzjoni

L-attivitajiet għandhom isaħħu l-parteċipazzjoni tal-UE fil-proċessi multilaterali u inizjattivi u l-kontribuzzjoni finanzjarja lejhom, bħall-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar il-Tibdil fil-Klima (IPCC), il-Pjattaforma Intergovernattiva dwar is-Servizzi tal-Bijodiversità u l-Ekosistema (IPBES), u l-Grupp dwar l-Osservazzjonijiet tad-Dinja (GEO). Il-kooperazzjoni mal-finanzjaturi pubbliċi u privati tar-riċerka ewlenin kif ukoll ma' netwerks importanti ta' riċerka ser ittejjeb l-effiċjenza tar-riċerka globali u Ewropea u tikkontribwixxi lill-governanza tar-riċerka globali.

Il-kooperazzjoni fix-xjenza u t-teknoloġija għandha tikkontribwixxi lill-mekkaniżmu ta’ teknoloġija globali tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u tiffaċilita l-iżvilupp tat-teknoloġija, innovazzjoni u trasferiment bħala appoġġ għall-adattament tal-klima u l-mitigazzjoni tal-gassijiet serra.

Għandu jiġi esplorat mekkaniżmu, imsejjes fuq ir-riżultati tal-Konferenza tal-NU RIO+20, li b'mod sistematiku jiġbor, iqabbel u janalizza l-għarfien xjentifiku u teknoloġiku dwar il-kwistjonijiet ewlenin ta' żvilupp sostenibbli u l-ekonomija ekoloġika, li għandu jinkludi qafas għall-kejl tal-progress. Dan għandu jikkumplimenta l-gruppi u korpi xjentifiċi eżistenti u jfittex is-sinerġiji magħhom.

L-azzjonijiet ta’ riċerka taħt din l-isfida tas-soċjetà ser jikkontribwixxu għas-servizzi operattivi ta' Copernicus billi tiġi provduta bażi ta’għarfien ta' żvilupp għall-Copernicus.

Jista' jiġi kkunsidrat appoġġ għal Inizjattivi għall-Iprogrammar Konġunt (JPI) rilevanti u sħubijiet pubbliċi-pubbliċi u pubbliċi-privati rilevanti.

Ser jiġu stabbiliti wkoll rabtiet adatti mal-azzjonijiet tas-Sħubijiet Ewropej għall-Innovazzjoni rilevanti u l-aspetti rilevanti tal-aġendi tar-riċerka u l-innovazzjoni ta' Pjattaformi Ewropej għat-Teknoloġija.

Miżuri speċifiċi ser jiżguraw li r-riżultati mir-riċerka u innovazzjoni fl-oqsma tal-klima, l-użu effiċjenti tar-riżorsi u l-materja prima huma użati b'mod mifrux minn programmi oħrajn tal-Unjoni, bħal pereżempju l-programm LIFE, Fondi strutturali u ta' investiment Ewropej, u programmi ta’ kooperazzjoni esterna.

Fost l-oħrajn, l-attivitajiet ser jibbażaw u jtejbu wkoll dawk li saru fil-Programm Eko-Innovazzjoni.

L-azzjonijiet ser jipprovdu wkoll: l-analiżi kontinwa tal-progress xjentifiku u teknoloġiku fl-Unjoni u l-pajjiżi u reġjuni msieħba tagħha, investigazzjoni bikrija tal-opportunitajiet tas-suq għat-teknoloġiji u prattiki ambjentali, u antiċipazzjoni għall-politika dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni.

6.   L-EWROPA F'DINJA LI QED TINBIDEL – SOĊJETAJIET INKLUŻIVI, INNOVATTIVI U RIFLESSIVI

Din it-taqsima tinkludi attivitajiet ta' riċerka u innovazzjoni li jikkontribwixxu biex is-soċjetajiet isiru aktar inklużivi, innovattivi u riflessivi, u wkoll għal miżuri speċifiċi li jappoġġaw kwistjonijiet trasversali partikolari msemmija f'din l-isfida għas-soċjetà (20).

6.1.   Soċjetajiet inklużivi

Ix-xejriet attwali prezenti fis-soċjetajiet Ewropej iġibu magħhom opportunitajiet għal Ewropa iktar magħquda iżda ukoll riskji u sfidi. Dawn l-opportunitajiet, riskji u sfidi jeħtieġu li jkun mifhuma u antiċipati sabiex l-Ewropa tevolvi bis-solidarjetà u kooperazzjoni adegwata fuq livelli soċjali, ekonomiċi, politiċi, edukattivi u kulturali, filwaqt li titqies id-dinja dejjem aktar interkonnessa u interdipendenti.

F’dan il-kuntest, l-objettiv huwa li nifhmu, nanalizzaw u niżviluppaw l-inklużjoni soċjali, ekonomika u politika, kif ukoll swieq tax-xogħol aktar inklużivi, jiġu miġġielda l-faqar u l-marġinalizzazzjoni, jiġu msaħħa d-drittijiet tal-bniedem, l-inklużività diġitali, l-ugwaljanza, is-solidarjetà u d-dinamiċi interkulturali permezz tal-appoġġ għax-xjenza mill-aktar avvanzata, ir-riċerka interdixxiplinarja, l-iżvilupp ta' indikaturi, l-avvanzi teknoloġiċi, l-innovazzjonijiet organizzattivi, l-iżvilupp ta' ragguppamenti reġjonali tal-innovazzjoni u forom ġodda ta' kollaborazzjoni u kokreazzjoni. Ir-riċerka u attivitajiet oħra għandhom jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-istrateġija Ewropa 2020, kif ukoll politiki oħra rilevanti tal-Unjoni. Ix-Xjenzi soċjali u r-riċerka fl-umanistika għandhom rwol prinċipali f'dan il-kuntest. L-ispeċifikazzjoni, il-monitoraġġ, il-valutazzjoni u l-indirizzar tal-objettivi tal-istrateġiji u l-politiki Ewropej ser jesiġu riċerka ffukata li tippermetti lil dawk li jfasslu l-politika li janalizzaw u jivvalutaw l-impatt u l-effettività tal-miżuri previsti, partikolarment dawk favur l-inklużjoni soċjali. Għal dan il-għan, l-inklużjoni soċjetali sħiħa u l-parteċipazzjoni għandhom jinkludu l-oqsma kollha tal-ħajja u l-etajiet kollha.

Ser jiġu segwiti l-objettivi speċifiċi li ġejjin biex wieħed jifhem u jrawwem jew jimplimenta:

6.1.1.   Il-mekkaniżmi biex jiġi promoss tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv

L-Ewropa żviluppat kombinazzjoni speċifika u pjuttost unika ta' progress ekonomiku, politiki soċjali mmirati lejn livell għoli ta' koeżjoni soċjali, valuri kulturali u umanistiċi kondiviżi li jħaddnu d-demokrazija u l-istat tad-dritt għal kulħadd, id-drittijiet tal-bniedem, ir-rispett u l-preservazzjoni tad-diversità, kif ukoll il-promozzjoni tal-edukazzjoni u x-xjenza, l-arti u d-dixxiplini umanistiċi bħala muturi fundamentali tal-progress u tal-ġid soċjali u ekonomiku. It-tiftixa kostanti għal tkabbir ekonomiku iġġorr għadd ta' spejjeż umani, soċjali, ambjentali u ekonomiċi importanti. Tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv fl-Ewropa jimplika bidliet sostanzjali fil-mod kif it-tkabbir u benesseri soċjetali huma ddefiniti, imkejla (anke permezz tal-kejl tal-progress lil hinn mill-indikatur tal-PDG użat normalment), iġġenerati u sostnuti biż-żmien.

Ir-riċerka ser tanalizza l-iżvilupp tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini, l-istili ta’ ħajja sostenibbli, il-konoxxenza kulturali u l-imġiba u l-valuri soċjoekonomiċi u kif dawn jirrelataw għall-attitudnijiet, politiki u funzjonament ta' istituzzjonijiet, komunitajiet, swieq, ditti, sistemi ta' governanza u twemmin fl-Ewropa u r-relazzjonijiet tagħhom ma' reġjuni u ekonomiji oħrajn. Din ser tiżviluppa għodod għal valutazzjoni aħjar tal-impatti kuntestwali u reċiproki ta' tali evoluzzjonijiet, tqabbel il-politiki pubbliċi mal-varjetà ta' sfidi fl-Ewropa kollha, u tanalizza alternattivi ta' politika u mekkaniżmi tat-teħid ta' deċiżjonijiet f’oqsma bħall-impjiegi, tassazzjoni, inklużjoni soċjali, edukazzjoni u ħiliet, żvilupp tal-komunità, kompetittività u s-suq intern bil-ħsieb li wieħed jifhem il-kundizzjonijiet u opportunitajiet ġodda għal integrazzjoni Ewropea akbar u r-rwol tal-komponenti u s-sinerġiji soċjali, kulturali, xjentifiċi u ekonomiċi tagħha bħala sorsi ta' vantaġġi komparattivi tal-Unjoni fil-livell dinji.

It-tibdil demografiku minħabba soċjetajiet li qed jixjieħu u movimenti migratorji ser jiġi analizat f'termini tal-implikazzjonijiet għat-tkabbir, is-suq tax-xogħol u l-benesseri. F'dan il-kuntest, sabiex l-isfida tat-tkabbir futur tkun tista' tiġi affrontata, huwa importanti li jittieħed kont tal-komponenti differenti tat-għarfien, billi r-riċerka tiffoka fuq kwistjonijiet ta' tagħlim, ta' edukazzjoni u ta' taħriġ, jew fuq ir-rwol u l-post taż-żgħażagħ fis-socjetà. Ir-riċerka ser tiżviluppa wkoll strumenti aħjar għall-valutazzjoni tal-impatti għas-sostenibbiltà tal-linji ta' politika ekonomiċi differenti. Din ser tanalizza wkoll kif jevolvu l-ekonomiji nazzjonali u liema forom ta’ governanza fuq livell Ewropew u internazzjonali jistgħu jgħinu sabiex jiġu evitati l-iżbilanċi, diffikultajiet monetarji, kompetizzjoni fiskali, qgħad u problemi ta’ impjiegi u forom oħra ta’ diżordni soċjetali, ekonomiċi u finanzjarji. Din ser tqis interdipendenzi, dejjem jikbru, bejn l-ekonomiji, swieq u sistemi finanzjarji tal-UE u dawk globali u l-isfidi li jirriżultaw għall-iżvilupp istituzzjonali u l-amministrazzjoni pubblika. Fl-isfond tal-kriżi tad-dejn pubbliku Ewropew, ser ikun hemm enfasi fuq ir-riċerka sabiex tiddefinixxi l-kondizzjonijiet għal qafas biex ikun hemm sistemi finanzjarji u ekonomiċi Ewropej stabbli.

6.1.2.   Organizzazzjonijiet affidabbli, prattiki, servizzi u linji politiċi li huma neċessarji biex jinbnew soċjetajiet reżiljenti, inklużivi, parteċipatorji, miftuħa u kreattivi fl-Ewropa, b'mod partikolari b'kont meħud tal-migrazzjoni, l-integrazzjoni u t-tibdil demografiku

Il-intendiment tat-trasformazzjonijiet soċjali, kulturali u politiċi ġewwa l-Ewropa jesiġi l-analiżi ta’ prattiki demokratiċi u aspettattivi li qed jinbidlu kif ukoll l-evoluzzjoni storika tal-identitajiet, id-diversità, it-territorji, ir-reliġjonijiet, il-kulturi, il-lingwi u l-valuri. Dan jinkludi intendiment tajjeb tal-istorja tal-integrazzjoni Ewropea. Ir-riċerka ser tidentifika l-modi sabiex jiġu adattati u mtejba s-sistemi ta' protezzjoni soċjali Ewropej, servizzi pubbliċi u dimensjoni usa’ tas-sigurtà soċjali tal-politiki sabiex tinkiseb koeżjoni u l-ugwaljanza bejn is-sessi, sabiex jittrawmu soċjetajiet parteċipatorji, miftuħin u kreattivi u sabiex tiġi promossa ugwaljanza soċjali u ekonomika u solidarjetà interġenerazzjonali. Ir-riċerka ser tanalizza kif is-soċjetajiet u politiki isiru aktar Ewropej fis-sens wiesa’ permezz tal-evoluzzjonijiet tal-identitajiet, kulturi u valuri, iċ-ċirkolazzjoni tal-konoxxenza, ideat u twemmin u kombinazzjoni ta' prinċipji u prattiki ta’ reċiproċità, komunalità u ugwaljanza, b'attenzjoni partikolari għall-migrazzjoni, l-integrazzjoni u t-tibdil demografiku. Għandu jiġi analizzat kif il-popolazzjonijiet li huma vulnerabbli (eż. Roma) jistgħu jipparteċipaw bis-sħiħ fl-edukazzjoni, fis-soċjetà u fid-demokrazija, notevolament permezz tal-kisbiet ta’ diversi ħiliet u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem. Għaldaqstant, l-analiżi ta' kif is-sistemi politiċi jevolvu u wkoll jirreaġixxu għall-evoluzzjonijiet soċjali msemmija hawn fuq għandha tkun ċentrali.

Ir-riċerka ser tindirizza wkoll l-evoluzzjoni ta’ sistemi ewlenin li jipprovdu forom sottostanti ta’ rabtiet umanu u soċjali, bħall-familja, ix-xogħol, l-edukazzjoni u l-impjiegi, u li jgħinu fil-ġlieda kontra l-inugwaljanzi, l-esklużjoni soċjali u l-faqar. Il-koeżjoni soċjali u l-ġustizzja ġusta u affidabbli, l-edukazzjoni, id-demokrazija, it-tolleranza u d-diversità huma fatturi li jeħtieġ li jkunu kkunsidrati b'attenzjoni bil-għan li jiġu identifikati u sfruttati aħjar il-vantaġġi komparattivi Ewropej fuq livell dinji u li jingħata appoġġ aħjar u bbażat fuq provi għall-politiki. Ir-riċerka għandha tqis l-importanza tal-mobbiltà u l-migrazzjoni, inkluż il-flussi intra-Ewropej, u d-demografija fl-iżvilupp futur tal-politiki Ewropej.

Minbarra dan, intendiment tad-diffikultajiet u opportunitajiet li jirriżultaw mill-adozzjoni tal-ICT, kemm fuq livelli individwali kif ukoll dawk kollettivi, huwa importanti sabiex jinfetħu toroq ġodda ta’ innovazzjoni inklużiva. Minħabba l-importanza soċjoekonomika dejjem akbar tal-inklużjoni diġitali, azzjonijiet ta' riċerka u innovazzjoni ser jippromwovu s-soluzzjonijiet tal-ICT inklużivi u l-kisba effettiva tal-ħiliet diġitali li jwasslu għall-għoti ta’ setgħa liċ-ċittadini u forza tax-xogħol kompetittiva. L-enfasi ser tingħata lill-avvanzi teknoloġiċi ġodda li jippermettu titjib radikali fil-personalizzazzjoni, faċilità u aċċessibbiltà għall-utent permezz ta’ intendiment aħjar tal-imġiba u valuri tal-utenti, taċ-ċittadini u l-konsumaturi, inklużi l-persuni b’diżabilità. Din ser tesiġi approċċ ta’ riċerka u innovazzjoni bl-“inklużjoni mid-disinn”.

6.1.3.   Ir-rwol tal-Ewropa bħala attur globali, b'mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġustizzja globali

Is-sistema storika, politika, soċjali u kulturali distinta tal-Ewropa hija dejjem iktar konfrontata mill-impatt tal-bidliet globali. Sabiex tiġi żviluppata iktar l-azzjoni esterna tagħha fil-viċinat tagħha stess u lil hinn kif ukoll ir-rwol tagħha bħala attriċi globali, l-Ewropa għandha ttejjeb il-kapaċitajiet tagħha ta' definizzjoni, prijoritizzazzjoni, spjegazzjoni, valutazzjoni u promozzjoni tal-objettivi ta' politika tagħha f'interazzjoni ma' reġjuni tad-dinja u soċjetatjiet oħra sabiex ikun hemm aktar kooperazzjoni jew prevenzjoni jew soluzzjoni tal-kunflitti. F’dan ir-rigward, għandha ttejjeb ukoll il-kapaċitajiet tagħha ta’ antiċipazzjoni u reazzjoni għall-evoluzzjoni u impatti tal-globalizzazzjoni. Dan jesiġi intendiment akbar u tagħlim mill-istorja, kulturi u sistemi politiċi u ekonomiċi ta' reġjuni oħrajn tad-dinja, kif ukoll ir-rwol u l-influwenza tal-atturi transnazzjonali. Finalment, l-Ewropa għandha wkoll tikkontribwixxi lill-governanza globali u lill-ġustizzja globali, fi sferi ewlenin bħall-kummerċ, żvilupp, xogħol, kooperazzjoni ekonomika, ambjent, edukazzjoni, ugwaljanza bejn is-sessi u drittijiet tal-bniedem, difiża u sigurtà. Dan jimplika l-potenzjal li jinbnew kapaċitajiet ġodda kemm jekk f’termini ta’ għodod, servizzi, sistemi u strumenti ta’ analiżi jew f’termini ta’ diplomazija fl-arena internazzjonali formali u informali ma' atturi governattivi u dawk mhux governattivi.

6.1.4.   Il-promozzjoni ta' ambjenti sostenibbli u inklużivi permezz ta' ppjanar u disinn spazjali u urban innovattivi

80 % taċ-ċittadini tal-Unjoni illum jgħixu fi u madwar bliet u għalhekk ippjanar u disinn urban inadegwat jistgħu jkollhom konsegwenzi tremendi fuq ħajjithom. Li wieħed jifhem kif dawn jaħdmu għaċ-ċittadini kollha kif ukoll li wieħed jifhem it-tfassil tagħhom, kemm huma tajbin għall-għajxien u l-attrazzjoni tagħhom għal, fost l-oħrajn, l-investiment u l-ħiliet huwa kritiku għas-suċċess tal-Ewropa fil-ħolqien ta' tkabbir, impjiegi u futur sostenibbli.

L-istituzzjonijiet Ewropej tar-riċerka u l-innovazzjoni għandhom jipprovdu strumenti u metodi għall-ippjanar u disinn urbani u peri-urbani aktar sostenibbli, miftuħin u inklużivi; intendiment aħjar tad-dinamika tas-soċjetajiet urbani u tat-tibdil soċjali u tar-rabta tal-enerġija, l-ambjent, it-trasport u l-użu tal-art inkluż l-interazzjoni maż-żoni rurali tal-madwar; intendiment aħjar tad-disinn u l-użu tal-ispazju pubbliku fl-ibliet ukoll fil-kuntest tal-migrazzjoni sabiex jittejbu l-inklużjoni soċjali u l-iżvilupp u jonqsu r-riskji urbani u l-kriminalità; metodi ġodda biex jonqsu l-pressjonijiet fuq ir-riżorsi naturali u jistimolaw it-tkabbir ekonomiku sostenibbli filwaqt li tittejjeb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini urbani Ewropej; u viżjoni ta' prospettiva dwar it-transizzjoni soċjoekonomika lejn mudell ġdid ta' żvilupp urban li jsaħħaħ l-ibliet tal-Unjoni bħala ċentri ta' innovazzjoni u ċentri ta' ħolqien tal-impjiegi u tal-koeżjoni soċjali.

6.2.   Soċjetajiet innovattivi

Is-sehem tal-Unjoni tal-produzzjoni tal-għarfien globali għadu konsiderevoli, iżda hemm il-ħtieġa li l-impatti tagħha soċjoekonomiċi jiġu massimizzati. Ser isiru sforzi biex tiżdied l-effiċjenza tal-politiki ta' riċerka u innovazzjoni u tas-sinerġiji transnazzjonali tal-politiki u l-koerenza tagħhom. L-innovazzjoni għandha tkun indirizzata f'sens wiesa’, inklużi l-politika, innovazzjoni xprunata mis-soċjal, mill-utent u mis-suq ta’ skala kbira. Ser jittieħed kont tal-esperjenza u l-qawwa innovattiva tal-industriji kreattivi u kulturali. Dawn l-attivitajiet ser jappoġġaw l-iżvilupp u l-iffunzjonar taż-ŻER u b’mod partikolari l-inizjattivi ewlenin tal-istrateġija Ewropa 2020 Unjoni tal-Innovazzjoni’ u l-‘Aġenda Diġitali għall-Ewropa’.

Ser jiġu indirizzati l-objettivi li ġejjin:

6.2.1.   Tisħiħ tal-bażi tal-evidenza u l-appoġġ għall-Unjoni ta' Innovazzjoni u ż-ŻER

Sabiex jiġu vvalutati u prijoritizzati l-investimenti u jissaħħu l-Unjoni tal-Innovazzjoni u ż-ŻER, ser jiġu appoġġati l-analiżi tal-politiki ‚ sistemi u atturi tar-riċerka, l-edukazzjoni u l-innovazzjoni fl-Ewropa u pajjiżi terzi, kif ukoll l-iżvilupp ta’ indikaturi, infrastrutturi ta’ data u informazzjoni. Attivitajiet li jħarsu 'l quddiem u inizjattivi pilota, analiżi ekonomika u tad-dimensjoni tal-ġeneru, monitoraġġ tal-politika, tagħlim reċiproku, għodod ta’ koordinazzjoni u attivitajiet u l-iżvilupp ta’ metodoloġiji għall-valutazzjoni tal-impatt u evalwazzjonijiet ser ikunu wkoll, bl-isfruttar tar-reazzjonijiet diretti mill-partijiet interessati, l-impriżi, l-awtoritajiet pubbliċi, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u ċ-ċittadini. Din l-analiżi għandha titmexxa f'koerenza mal-istudji dwar is-sistemi ta’ edukazzjoni ogħla fl-Ewropa u f'pajjiżi terzi fi ħdan il-programm "Erasmus+".

Sabiex jiġi żgurat suq uniku għar-riċerka u innovazzjoni, għandhom jiġu implimentati miżuri biex jinċentivaw imġiba kompatibbli maż-ŻER. Għandhom ikunu appoġġati l-attivitajiet li jsostnu l-politiki relatati mal-kwalità tat-taħriġ fir-riċerka, mobbiltà u żvilupp tal-karriera tar-riċerkaturi, inklużi inizjattivi li jipprovdu għas-servizzi ta' mobbiltà, reklutaġġ miftuħ, il-parteċipazzjoni tan-nisa fix-xjenzi, drittijiet tar-riċerkaturi u konnessjonijiet mal-komunitajiet ta' riċerkaturi globali. Dawn l-attivitajiet ser ikunu implimentati filwaqt li jfittxu sinerġiji u koordinazzjoni mill-qrib mal-Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie taħt il-prijorità “Xjenza eċċellenti”. L-istituzzjonijiet li jippreżentaw kunċetti innovattivi għall-implimentazzjoni rapida tal-prinċipji taż-ŻER, inkluż il-Karta Ewropea għar-Riċerkaturi u l-Kodiċi ta' Kondotta għar-Reklutaġġ tar-Riċerkaturi, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ġestjoni tal-proprjetà intellettwali f'attivitajiet ta' trasferiment tal-għarfien u l-Kodiċi ta' Prattika għall-universitajiet u istituzzjonijiet pubbliċi ta' riċerka oħrajn (21), ser jkunu appoġġati.

Fir-rigward tal-koordinazzjoni tal-politiki, għandha tiġi stabbilita faċilita għall-parir ta' politika sabiex il-parir espert dwar il-politika jkun disponibbli għall-awtoritajiet nazzjonali meta jiġu ddefiniti l-Programmi ta’ Riforma Nazzjoni u l-istrateġiji ta’ riċerka u innovazzjoni.

Sabiex tiġi implimentata l-inizjattiva ewlenija tal-Unjoni tal-Innovazzjoni, hemm ukoll il-ħtieġa ta’ appoġġ għall-innovazzjoni xprunata mis-suq, innovazzjoni miftuħa, innovazzjoni tas-settur pubbliku u soċjali bl-għan ta’ tisħiħ tal-kapaċità ta’ innovazzjoni tad-ditti u t-trawwim tal-kompetittività Ewropea. Dan ser jesiġi titjib fil-kundizzjonijiet qafas globali għall-innovazzjoni kif ukoll l-indirizzar tal-ostakli speċifiċi li jipprevjenu t-tkabbir ta ‚kumpaniji innovattivi. Ser ikunu appoġġati mekkaniżmi b'saħħithom ta' appoġġ għall-innovazzjoni (bħal ġestjoni mtejba tar-raggruppamenti, netwerking ta' proprjetarji u utenti IPR, sħubijiet privati pubbliċi u kooperazzjoni tan-netwerk), servizzi ta’ appoġġ għall-innovazzjoni ta' speċjalizzazzjoni għolja (pereżempju ġestjoni/sfruttar tal-Proprjetà Intellettwali, ġestjoni tal-innovazzjoni, kapaċitajiet intraprenditorjali, netwerks ta' akkwirenti) u analiżi tal-politiki pubbliċi b'konnessjoni mal-innovazzjoni. Kwistjonijiet speċifiċi għall-SMEs ser jiġu appoġġati taħt l-għan speċifiku "Innovazzjoni fl-SMEs".

6.2.2.   Jiġu esplorati forom ġodda ta' innovazzjoni, b'enfasi speċjali fuq l-innovazzjoni soċjali u l-kreattività, u jinftiehem kif kull forma ta' innovazzjoni tiġi żviluppata, tirnexxi jew tfalli

L-innovazzjoni soċjali tiġġenera oġġetti, servizzi, proċessi u mudelli ġodda li jissodisfaw il-ħtiġijiet tas-soċjetà u joħolqu relazzjonijiet soċjali ġodda. Minħabba li l-mezzi ta' innovazzjoni qed jinbidlu kontinwament, jeħtieġ aktar riċerka fl-iżvilupp tal-forom kollha ta' innovazzjoni u l-mod kif l-innovazzjoni tilħaq il-ħtiġijiet tas-soċjetà. Huwa importanti li jinftiehem kif l-innovazzjoni u l-kreattività soċjali jistgħu jwasslu għal bidla fl-istrutturi, il-prattiki u l-politiki eżistenti u kif dawn jistgħu jkunu mħeġġa u skalati 'l fuq. Huwa importanti li ssir valutazzjoni tal-impatt ta' pjattaformi on-line fuq in-netwerking bejn ċittadini. Ser jingħata wkoll appoġġ għall-użu tad-disinn fil-kumpanniji, in-netwerking u l-isperimentazzjoni tal-użu tal-ICT biex itejbu l-proċessi tat-tagħlim, kif ukoll għan-networks ta' intraprendituri u innovaturi soċjali. Ir-riċerka ser tiffoka wkoll fuq il-proċessi ta' innovazzjoni u kif dawn jiżviluppaw, ikollhom suċċess jew ifallu (inkluż it-teħid ta' riskju u r-rwol ta' ambjenti regolatorji differenti).

Għandu jkun essenzjali li tiġi promossa l-innovazzjoni sabiex jitrawwmu servizzi pubbliċi effiċjenti, miftuħa u li jiffukaw fuq iċ-ċittadin (eż. Gvern elettroniku). Dan jeħtieġ riċerka multidixxiplinari fuq teknoloġiji u innovazzjoni ġodda fuq skala kbira relatati b’mod partikolari mal-privatezza diġitali, interoperabbiltà, identifikazzjoni elettronika ppersonifikata, data miftuħa, interfaċċji dinamiċi għall-utent, pjattaformi għat-tagħlim tul il-ħajja u t-tagħlim informatiku, sistemi ta’ tagħlim distribwit, konfigurazzjoni u integrazzjoni innovazzjoni tas-servizz pubbliku li jiffoka fuq iċ-ċittadini xrpunati mill-utenti, inklużi x-xjenzi soċjali u l-istudji umanistiċi. Tali azzjonijiet ser jindirizzaw ukoll id-dinamika tan-netwerk soċjali u l-crowd-sourcing u smart-sourcing għall-koproduzzjoni ta’ soluzzjonijiet li jindirizzaw il-problemi soċjali, bbażati, pereżempju, fuq settijiet ta’ data miftuħa. Dawn ser jgħinu fl-immaniġġjar tat-teħid ta' deċiżjonijiet kumplessi, b’mod partikolari l-immaniġġjar u l-analiżi ta' kwantitajiet enormi ta' data għall-immudellar kollaborattiv tal-politika, simulazzjoni tat-teħid tad-deċiżjoni, tekniki ta' viżwalizzazzjoni, immudellar tal-proċess u sistemi parteċipatorji, kif ukoll fl-analiżi tar-relazzjonijiet li jinbidlu bejn iċ-ċittadini u s-settur pubbliku.

Ser jiġu żviluppati miżuri speċifiċi biex jinvolvu s-settur pubbliku bħala aġent għall-innovazzjoni u t-tibdil, fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni, b'mod partikolari permezz ta' appoġġ ta' politika u miżuri transkonfinali ta' innovazzjoni fil-livell ġeografiku l-aktar wiesa' li jippermettu l-użu intelliġenti tal-ICT fl-amministrazzjonijiet pubbliċi u minnhom għal forniment kontinwu ta' servizzi pubbliċi liċ-ċittadini u n-negozji.

6.2.3.   Isir użu mill-potenzjal innovattiv, kreattiv u produttiv tal-ġenerazzjonijiet kollha

L-attivitajiet ser jikkontribwixxu biex jiġu esplorati l-opportunitajiet tal-Ewropa li tinnova f'termini ta' prodotti u teknoloġiji ġodda, servizzi mtejba u mudelli ta' negozju u soċjali aħjar adattati għall-istruttura demografika tas-soċjetà li qed tinbidel. L-attivitajiet ser jippermettu li jittieħed aktar vantaġġ tal-potenzjal tal-ġenerazzjonijiet kollha billi jrawmu l-iżvilupp ta' politiki intelliġenti li jagħmlu realtà mit-tixjiħ attiv f'kuntest interġenerazzjonali li qed jevolvi u billi jappoġġaw l-integrazzjoni tal-ġenerazzjonijiet ta' żgħażagħ Ewropej fl-oqsma kollha tal-ħajja soċjali, kulturali u ekonomika, b'kont meħud, fost l-oħrajn, tal-perċezzjoni tal-opportunitajiet għal innovazzjoni fil-kuntest ta' qgħad għoli f'ħafna reġjuni tal-Unjoni.

6.2.4.   Promozzjoni ta' kooperazzjoni koerenti u effettiva ma’ pajjiżi terzi.

L-attivitajiet orizzontali ser jiżguraw l–iżvilupp strateġiku tal-kooperazzjoni internazzjonali tul l-Orizzont 2020 u jindirizzaw l-objettivi trasversali tal-politika. L-attivitajiet li jappoġġaw il-djalogi bilaterali, multilaterali u bireġjonali, fir-riċerka u innovazzjoni, ma’ pajjiżi terzi, reġjuni, fora internazzjonali u organizzazzjonijiet ser jiffaċilitaw l-iskambju ta’ politika, tagħlim reċiproku u iffissar tal-prijoritajiet, jippromwovu l-aċċess reċiproku għall-programmi u jimmonitorjaw l-impatt tal-kooperazzjoni. L-attivitajiet ta’ netwerking u ġemellaġġ ser jiffaċilitaw l-isħubija ottimali bejn l-atturi tar-riċerka u l-innovazzjoni fuq iż-żewġ naħat u jtejbu l-kompetenzi u l-kapaċità ta’ kooperazzjoni f’pajjiżi terzi inqas avvanzati. L-attivitajiet ser jippromwovu l-koordinazzjoni ta' politiki u programmi ta’ kooperazzjoni tal-Unjoni u dawk nazzjonali, kif ukoll azzjonijiet konġunti tal-Istati Membri u pajjiżi assoċjati ma’ pajjiżi terzi sabiex isaħħu l-impatt ġenerali. Finalment, il-preżenza tar-riċerka u innovazzjoni Ewropea fil-pajjiżi terzi għandha tkun ikkonsolidata u msaħħa, b'mod partikolari bl-esplorazzjoni tal-ħolqien tad-'djar ta’ xjenza u innovazzjoni' virtwali Ewropej, l-għoti ta' servizzi lill-organizzazzjonijiet Ewropej li jestendu l-attivitajiet tagħhom f’pajjiżi terzi, u l-ftuħ ta’ ċentri ta’ riċerka, stabbiliti b’mod konġunt ma’ pajjiżi terzi, għal organizzazzjonijiet jew riċerkaturi minn Stati Membri oħra u pajjiżi assoċjati.

6.3.   Soċjetajiet riflessivi – Patrimonju kulturali u identità Ewropea

L-għan hu l-kontribuzzjoni għal fehim tal-bażi intellettwali tal-Ewropa: l-istorja tagħha u l-ħafna influwenzi Ewropej u mhux Ewropej, bħala ispirazzjoni għal ħajja tagħna fil-preżent. L-Ewropa hija karatterizzata minn varjetà ta' nies (inklużi minoranzi u popli indiġeni), tradizzjonijiet u identitajiet nazzjonali u reġjonali differenti kif ukoll b'livelli differenti ta' żvilupp ekonomiku u tas-soċjetà. Il-migrazzjoni u l-mobbiltà, il-mezzi tax-xandir, l-industrija u t-trasport jikkontribwixxu għad-diversità tal-fehmiet u l-istili tal-ħajja. Din id-diversità u l-opportunitajiet tagħha għandhom ikunu rikonoxxuti u kkunsidrati.

Ġabriet Ewropej f'libreriji, inklużi dawk diġitali, arkivji, mużewijiet, galleriji u istituzzjonijiet pubbliċi oħrajn għandhom rikkezza ta' dokumentazzjoni u oġġetti rikki mhux sfruttati għal studju. Dawn ir-riżorsi fl-arkivji, flimkien mal-wirt mhux tanġibbli, jirrappreżentaw l-istorja ta' Stati Membri individwali iżda wkoll il-patrimonju kollettiv ta' Unjoni li żviluppat maż-żmien. Tali materjal għandu jsir aċċessibbli, ukoll permezz ta' teknoloġiji ġodda, għar-riċerkaturi u ċ-ċittadini sabiex wieħed ikun jista' jħares lejn il-futur permezz tal-arkivju tal-passat. L-aċċessibbiltà u l-preservazzjoni tal-patrimonju kulturali f'dawn il-forom hija meħtieġa għall-vitalità tal-impenji ħajjin fil-kulturi Ewropej u bejn kultura Ewropea u oħra issa u jikkontribwixxu għal tkabbir ekonomiku sostenibbli.

Il-fokus tal-attivitajiet għandu jkun dan li ġej:

6.3.1.   Studju tal-patrimonju, il-memorja, l-identità, l-integrazzjoni u l-interazzjoni u t-traduzzjoni kulturali, inkluż ir-rappreżentazzjonijiet tagħha f'kollezzjonijiet, arkivji u mużewijiet kulturali u xjentifiċi, biex il-preżent ikun infurmat u mifhum aħjar b'interpretazzjonijiet aktar rikki tal-passat

L-attivitajiet ser jikkontribwixxu għal analiżi kritika ta' kif partimonju tanġibbli u mhux tanġibbli Ewropew żviluppa tul iż-żmien, inkluż il-lingwi, il-memorji, il-prattiki, l-istituzzjonijiet u l-identitajiet. Dawn ser jinkludu studji tal-interpretazzjonijiet u l-prattiki ta' interazzjonijiet kulturali, integrazzjoni u esklużjoni.

Proċess ta' integrazzjoni Ewropea intensifikat issottolinja li teżisti sfera usa' ta' identità Ewropea – waħda li tikkomplementa tipi oħra ta' identitajiet fl-Ewropa. Spettru wiesa' ta' evidenza u testimonjanzi tal-identità Ewropea jista' jinstab f'kollezzjonijiet, arkivji, mużewijiet u libreriji xjentifiċi Ewropej u mhux Ewropej u siti ta' patrimonju kulturali Ewropej u mhux Ewropej. Huma joffru materjali u dokumenti li jippermettu intendiment aħjar tal-proċessi li jibnu l-identità u li jippermettu riflessjonijiet dwar proċessi soċjali, kulturali jew anki ekonomiċi li jikkontribwixxu għall-forom passati, preżenti u futuri tal-identità Ewropea. L-objettiv hu li wieħed jiżviluppa innovazzjonijiet u juża u janalizza oġġetti u/jew dokumentazzjoni f'kollezzjonijiet kulturali u xjentifiċi, arkivji u mużewijiet biex jittejjeb l-intendiment tagħna dwar kif l-identità Ewropea tista' tiġi traċċjata, mibnija jew dibattuta.

Ser jiġu esplorati l-kwistjonijiet tal-multilingwiżmu, it-traduzzjoni u ċ-ċirkolazzjoni ta' ideat tul l-Ewropa u minn u lejn l-Ewropa u kif dawn jiffurmaw parti minn patrimonju intelletwali Ewropew komuni.

6.3.2.   Riċerka fl-istorja, il-letteratura, l-arti, il-filosofija u r-reliġjonijiet tal-pajjiżi u r-reġjuni Ewropej u kif dawn informaw id-diversità Ewropea kontemporanja

Id-diversità kulturali hija aspett importanti li tikkostitwixxi s-singularità Ewropea u li tipprovdi sors ta' qawwa, dinamiċità u kreattività. L-attivitajiet ser jindirizzaw id-diversità Ewropea kontemporanja u kif din id-diversità ħadet forma permezz tal-istorja, waqt li ser jgħinu wkoll biex issir analiżi dwar kif tali diversità twassal għal żviluppi interkulturali ġodda, jew anki tensjonijiet u kunflitti. Ir-rwol tal-arti, il-mezzi ta' komunikazzjoni, l-pajsaġġi, il-letteratura, il-lingwi, il-filosofija u r-reliġjonijiet, fir-rigward ta' din id-diversità, ser ikun ċentrali għaliex huma joffru diversi interpretazzjonijiet tar-realtajiet soċjali, politiċi u kulturali u jinfluwenzaw il-viżjonijiet u l-prattiki tal-individwi u l-atturi soċjali.

6.3.3.   Riċerka dwar ir-rwol tal-Ewropa fid-dinja, l-influwenza reċiproka u r-rabtiet bejn ir-reġjuni tad-dinja, u ħarsa minn barra fuq il-kulturi Ewropej

L-attivitajiet ser jindirizzaw il-kumplessità tar-rabtiet soċjoekonomiċi u kulturali bejn l-Ewropa u r-reġjuni l-oħra tad-dinja u jivvalutaw il-potenzjalità għal skambji interkulturali u djalogi mtejbin b'kont meħud ta' żviluppi soċjali, politiċi u ekonomiċi aktar ġenerali. Huma ser jgħinu fl-analiżi tal-iżvilupp tal-opinjonijiet diversi fl-Ewropa dwar ir-reġjuni l-oħra tad-dinja u viċi versa.

6.4.   Aspetti speċifiċi ta' implimentazzjoni

Sabiex tiġi promossa kombinazzjoni ottimali ta' approċċi, ser tiġi stabbilita kooperazzjoni bejn din l-isfida tas-soċjetà u l-prijorità "Tmexxija Industrijali" fil-forma ta' azzjonijiet trasversali li jolqtu l-qasam ta' interazzjoni bejn il-bnedmin u t-teknoloġija. L-innovazzjoni teknoloġika bbażata fuq l-ICT ser ikollha rwol importanti fit-tisħiħ tal-produttività u fl-involviment tal-kreattività taċ-ċittadini mill-ġenerazzjonijiet kollha f'soċjetà innovattiva.

L-implimentazzjoni taħt din l-isfida tas-soċjetà ser tgawdi wkoll mill-appoġġ tal-amministrazzjoni u l-koordinazzjoni ta' netwerks internazzjonali għal riċerkaturi u innovaturi eċċellenti bħal COST u EURAXESS, u għalhekk tikkontribwixxi wkoll għaż-ŻER.

Jista' jiġi kkunsidrat appoġġ għal Inizjattivi għall-Iprogrammar Konġunt (JPI) rilevanti u sħubijiet pubbliċi-pubbliċi u pubbliċi-privati rilevanti.

Ser jiġu stabbiliti wkoll rabtiet adatti mal-azzjonijiet tas-Sħubijiet Ewropej għall-Innovazzjoni rilevanti u l-aspetti rilevanti tal-aġendi tar-riċerka u l-innovazzjoni ta' Pjattaformi Ewropej għat-Teknoloġija.

L-azzjonijiet ta' riċerka u innovazzjoni taħt din l-isfida tas-soċjetà ser jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-attivitajiet tal-Unjoni ta' kooperazzjoni internazzjonali fir-riċerka u l-innovazzjoni, billi tinvolvi ruħha b'mod aktar strateġiku fil-kooperazzjoni xjentifika, teknoloġika u ta' innovazzjoni mal-imsieħba prinċipali tagħha f'pajjiżi terzi. F'dan ir-rigward, il-Forum Strateġiku għall-Kooperazzjoni Xjentifika u Teknoloġika Internazzjonali (SFIC) ser ikompli jagħti konsulenza strateġika lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar id-dimensjoni internazzjonali taż-ŻER.

7.   SOĊJETAJIET SIGURI - PROTEZZJONI TAL-LIBERTÀ U S-SIGURTÀ TAL-EWROPA U Ċ-ĊITTADINI TAGĦHA

L-Unjoni, iċ-ċittadini tagħha u l-imsieħba internazzjoni tagħha huma affrontati b’firxa ta’ theddid u sfidi għas-sigurtà bħall-kriminalità, terroriżmu u emerġenzi tal-massa minħabba diżastri magħmula mill-bniedem jew naturali. Dawn jistgħu jinfirxu tul il-konfini u jiġu mmirati lejn miri fiżiċi jew iċ-ċiberspazju. L-attakki kontra infrastrutturi kritiċi, netwerks u siti tal-Internet tal-awtoritajiet pubbliċi u l-entitajiet privati, mhux biss jimminaw il-fiduċja taċ-ċittadin iżda jistgħu wkoll jaffettwaw serjament is-setturi essenzjali bħall-enerġija, it-trasport, is-saħħa, il-finanzi u t-telekomunikazzjonijiet.

Sabiex jiġu antiċipati, evitati u mmaniġġati dawn it-theddidiet, jeħtieġ li jiġu żviluppati u applikati teknoloġiji, soluzzjonijiet, għodda ta' antiċipazzjoni u għarfien innovattivi, tiġi stimulata l-kooperazzjoni bejn il-fornituri u l-utenti, jinstabu soluzzjonijiet tas-sigurtà ċivili, titjieb il-kompetittività tas-sigurtà Ewropea, l-industrija u s-servizzi, inkluż l-ICT, u jiġi evitat u miġġieled l-abbuż tal-privatezza u ksur tad-drittijiet tal-bniedem fuq l-Internet, u f'postijiet oħra, filwaqt li jiġu żgurati d-drittijiet individwali u l-libertà taċ-ċittadini Ewropej.

Għaldaqstant il-koordinazzjoni u t-titjib taż-żona ta’ riċerka u innovazzjoni tas-sigurtà ser ikunu element essenzjali u ser jgħinu fl-immappjar tal-isforzi ta’ riċerka preżenti, inkluż l-antiċipazzjoni, u jtejbu il-kundizzjonijiet legali u proċeduri rilevanti għall-koordinazzjoni, inklużi l-attivitajiet prenormativi.

L-attivitajiet f'din l-isfida tas-soċjetà għandhom jiffokaw b'mod esklużiv fuq applikazzjonijiet ċivili li ser isegwu approċċ orjentat lejn il-missjoni, jippromwovu l-kooperazzjoni effiċjenti tal-utenti finali, l-industrija u r-riċerkaturi, u jintegraw id-dimensjonijiet soċjetali rilevanti filwaqt li jikkonformaw ma' prinċipji etiċi. Huma ser jappoġġaw il-politiki tal-Unjoni għas-sigurtà interna u esterna, inkluż il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni u l-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni tagħha, u jtejbu iċ-ċibersigurtà, fiduċja u privatezza fis-Suq Diġitali Uniku. L-attivitajiet ser jinkludu konċentrazzjoni fuq ir-riċerka u l-iżvilupp tal-ġenerazzjoni li jmiss ta' soluzzjonijiet innovattivi, permezz tal-ħidma fuq kunċetti u disinni oriġinali, u standards interoperabbli. Dan ser isir billi jiġu żviluppati teknoloġiji u soluzzjonijiet innovattivi li jindirizzaw lakuni fis-sigurtà u jwasslu għal tnaqqis fir-riskju minn theddid għas-sigurtà.

Ser jiġu indirizzati l-objettivi li ġejjin:

7.1.   Il-ġlieda kontra l-kriminalità, it-traffikar illegali u t-terroriżmu, inkluż l-intendiment u l-indirizzar ta' ideat u twemmin terroristiċi

L-ambizzjoni hija kemm li jkunu evitat inċidenti kif ukoll li jkunu mmitigati l-konsegwenzi potenzjali tagħhom. Din tesiġi teknoloġiji u kapaċitajiet ġodda għall-ġlieda kontra u l-prevenzjoni tal-kriminalità (inkluż iċ-ċiberkriminalità), it-traffikar illegali u t-terroriżmu (inkluż iċ-ċiberterroriżmu), inkluż l-intendiment tal-kawżi u l-impatti tar-radikalizzazzjoni u l-estremiżmu vjolenti, u l-indirizzar ta' ideat u twemmin terroristiċi wkoll biex jiġi evitat theddid relatat mal-avjazzjoni.

7.2.   Il-protezzjoni u t-titjib tar-reżiljenza ta' infrastrutturi kritiċi, ktajjen tal-provvista u mezzi ta' trasport

Teknoloġiji, proċessi, metodi u kapaċitajiet dedikati ġodda ser jgħinu biex jiġu protetti infrastrutturi (inklużi f'żoni urbani), sistemi u servizzi kritiċi li huma essenzjali għall-funzjonament tajjeb tas-soċjetà u l-ekonomija (inklużi l-komunikazzjonijiet, trasport, finanzi, saħħa, ikel, ilma, enerġija, loġistika u l-katina tal-provvista, u l-ambjent). Dan ser jinkludi l-analizzar u l-assigurar tal-infrastrutturi kritiċi pubbliċi u privati b'netwerks u servizzi kontra kwalunkwe tip ta’ theddid, inkluż theddid relatat mal-avjazzjoni. Dan ser jinkludi wkoll il-protezzjoni tar-rotot tat-trasport marittimu.

7.3.   Tisħiħ tas-sigurtà permezz ta' mmaniġġjar tal-fruntieri

It-teknoloġiji u kapaċitajiet huma wkoll meħtieġa sabiex isaħħu s-sistemi, tagħmir, għodod, proċessi u metodi għall-identifikazzjoni rapida sabiex tittejjeb is-sigurtà u l-ġestjoni tal-fruntieri tal-art, marittimi u dawk kostali, inklużi kemm il-kwistjonijiet ta’ kontroll kif ukoll dawk ta’ sorveljanza, filwaqt li jiġi sfruttat il-potenzjal kollu tas-Sistema Ewropea ta' Sorveljanza tal-Fruntieri (EUROSUR). Dawn ser jiġu żviluppati u ttestjati filwaqt li jitqiesu l-effettività, konformità mal-prinċipji legali u etiċi, proporzjonalità, aċċettazzjoni soċjali u r-rispett tad-drittijiet fundamentali tagħhom. Ir-riċerka ser tappoġġa wkoll it-titjib tal-ġestjoni integrata tal-fruntieri Ewropej, anke permezz ta’ iktar kooperazzjoni mal-pajjiżi kandidati, kandidati potenzjali u pajjiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat.

7.4.   Titjib taċ-ċibersigurtà

Iċ-ċibersigurtà hija prerekwiżit għan-nies, negozji u servizzi pubbliċi sabiex jibbenefikaw mill-opportunitajiet offruti mill-Internet jew minn kwalunkwe netwerk ieħor addizzjonali tad-data u infrastrutturi tal-komunikazzjoni. Din tesiġi li tiġi provduta sigurtà mtejba għas-sistemi, netwerks, apparat ta’ aċċess, software u servizzi, inkluż il-cloud computing, filwaqt li titqies l-interoperabbiltà ta' teknoloġiji multipli. Ir-riċerka u l-innovazzjoni ser jiġu appoġġati biex jgħinu fil-prevenzjoni, l-iskoperta u l-ġestjoni ta' ċiberattakki f'ħin reali madwar id-dominji u ġurisdizzjonijiet multipli, u tipproteġi l-infrastrutturi kritiċi tal-ICT. Is-soċjetà diġitali hija fi żvilupp sħiħ b'użi u abbużi, li jinbidlu b’mod kostanti, tal-Internet, modi ġodda ta’ interazzjoni soċjali, servizzi ġodda mobbli u bbażati fil-post u t-tfaċċar tal-Internet tal-Affarijiet. Dan jesiġi tip ta' riċerka ġdida li għandha tkun attivata mill-applikazzjonijiet u xejriet ta' użu u tas-soċjetà emerġenti. Ser jitwettqu inizjattivi ta’ riċerka bi prontezza, inkluża r-Riċerka u l-Iżvilupp proattivi sabiex jirreaġixxu malajr għall-iżviluppi komtemporanji ġodda fil-fiduċja u sigurtà. Ser tingħata attenzjoni partikolari lill-protezzjoni tat-tfal, għaliex dawn huma ferm vulnerabbli għall-forom emerġenti ta' ċiberkriminalità u ċiberabbuż.

Il-ħidma f'dan il-qasam għandha titwettaq f'koordinazzjoni mill-qrib mal-fergħa tal-ICT tal-prijorità "Tmexxija Industrijali".

7.5.   Żieda tar-reżiljenza tal-Ewropa għall-kriżijiet u d-diżastri

Din tesiġi l-iżvilupp ta' teknoloġiji u kapaċitajiet ddedikati li jappoġġaw it-tipi differenti ta’ operazzjonijiet ta’ ġestjoni ta’ emerġenza f'sitwazzjonijiet ta' kriżi u ta' diżastru (bħal pereżempju protezzjoni ċivili, tifi tan-nar, kontaminazzjoni ambjentali, tniġġis tal-baħar, difiża ċivili, żvilupp ta’ infrastrutturi ta’ informazzjoni medika, kompiti ta’ salvataġġ u proċessi ta’ rkupru minn diżastru) kif ukoll l-infurzar tal-liġi. Ir-riċerka ser tkopri l-katina sħiħa tal-ġestjoni tal-kriżijiet u r-reżiljenza, u tappoġġa t-twaqqif ta' kapaċità Ewropea ta' reazzjoni għall-emerġenzi.

7.6.   Żgurar tal-privatezza u l-libertà, inkluż fl-Internet u t-titjib tal-intendiment legali u etiku tas-soċjetà tal-oqsma kollha tas-sigurtà, ir-riskju u l-ġestjoni

Is-salvagwardja tad-dritt tal-bniedem tal-privatezza inkluż fis-soċjetà diġitali tesiġi l-iżvilupp ta’ oqfsa u teknoloġiji ta' privatezza mid-disinn biex ikunu ta' bażi għal prodotti u servizzi ġodda. Ser jiġu żviluppati teknoloġiji li jippermettu lill-utenti biex jikkontrollaw id-data personali tagħhom u l-użu tagħha minn partijiet terzi, kif ukoll għodod għall-iskoperta u mblukkar ta’ kontenut illegali u ksur tal-privatezza tad-data u biex jitħarsu d-drittijiet tal-bniedem online, filwaqt li jiġi impedut li l-imġieba ta' individwi jew gruppi jiġi limitat minn tiftix illegali jew profiling.

Kwalunkwe soluzzjoni u teknoloġija ġdida ta' sigurtà għandha bżonn li tkun aċċettabbli għas-soċjetà, tkun konformi mal-liġi tal-Unjoni u dik internazzjonali, u tkun effettiva u proporzjonata fl-identifikazzjoni u l-indirizzar tat-theddida għas-sigurtà. Għaldaqstant huwa essenzjali l-intendiment aħjar tad-dimensjonijiet soċjoekonomiċi, kulturali u antropoloġiċi tas-sigurtà, tal-kawżi ta’ nuqqas ta’ sigurtà, ir-rwol tal-midja u komunikazzjoni u l-perċezzjonijiet taċ-ċittadin. Ser jiġu indirizzati l-kwistjonijiet etiċi u legali u l-protezzjoni tal-valuri umani u d-drittijiet fundamentali, kif ukoll kwistjonijiet ta' riskju u ta' ġestjoni.

7.7.   Titjib tal-istandardizzazzjoni u l-interoperabbiltà tas-sistemi, inkluż għal finijiet ta' emerġenza

L-attivitajiet prenormattivi u ta' standardizzazzjoni ser jiġu appoġġati fost l-oqsma kollha ta' missjoni. Ser tingħata attenzjoni lid-distakki ta' standardizzazzjoni u l-ġenerazzjoni li jmiss ta' strumenti u teknoloġiji. L-attivitajiet fost l-oqsma kollha ta' missjoni ser jindirizzaw ukoll l-integrazzjoni u l-interoperabbiltà tas-sistemi u servizzi, inklużi l-aspetti bħall-komunikazzjoni, arkitetturi distribwiti u fatturi umani, inkluż għal finijiet ta' emerġenza.

7.8.   Appoġġ għall-politiki esterni ta' sigurtà tal-Unjoni inkluż permezz tal-prevenzjoni tal-kunflitti u l-konsolidazzjoni tal-paċi

Huma meħtieġa teknoloġiji, kapaċitajiet u soluzzjonijiet ġodda biex jappoġġaw il-politiki esterni ta' sigurtà tal-Unjoni fil-kompiti ċivili, li jvarjaw mill-protezzjoni ċivili għall-għajnuna umanitarja, il-ġestjoni tal-fruntieri jew iż-żamma tal-paċi u l-istabbilizzazzjoni wara l-kriżi, inkluż il-prevenzjoni tal-konflitti, il-konsolidazzjoni tal-paċi u l-medjazzjoni. Dan ser jeħtieġ riċerka dwar ir-riżoluzzjoni tal-konflitti u r-restawr tal-paċi u l-ġustizzja, dwar l-identifikazzjoni bikrija tal-fatturi li jwasslu għal kunflitt u dwar l-impatt ta' proċessi ta' ġustizzja restorattiva.

Dan jesiġi ukoll il-promozzjoni ta' interoperabbiltà bejn il-kapaċitajiet ċivili u militari fil-kompiti ċivili li jvarjaw mill-protezzjoni ċivili għall-għajnuna umanitarja, ġestjoni tal-fruntieri jew żamma tal-paċi. Dan ser jinkludi l-iżvilupp teknoloġiku fil-qasam sensittiv tat-teknoloġiji ta’ użu doppju sabiex itejjeb l-interoperabbiltà bejn il-protezzjoni ċivili u l-forzi militari u fost il-forzi tal-protezzjoni ċivili madwar id-dinja, kif ukoll l-aspetti ta’ affidabbilità, ta’ organizzazzjoni, legali u etiċi, kwistjonijiet kummerċjali, protezzjoni tal-kunfidenzjalità u l-integrità tal-informazzjoni u t-traċċabilità tat-tranżazzjonijiet u proċessi kollha.

7.9.   Aspetti speċifiċi ta' implimentazzjoni

Peress li l-attivitajiet ta' riċerka u ta' innovazzjoni ser ikollhom orjentazzjoni esklużiva fuq applikazzjonijiet ċivili, il-koordinazzjoni mal-attivitajiet tal-Aġenzija Ewropea tad-Difiża (EDA) ser tkun segwita b’mod attiv sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-EDA, notevolment permezz tal-Qafas Ewropew ta' Kooperazzjoni diġà stabbilit, u b'hekk ikun rikonoxxut li jeżistu oqsma ta' teknoloġija ta' użu doppju. Mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni mal-aġenziji rilevanti tal-Unjoni, bħal pereżempju l-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (FRONTEX), l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA), l-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Networks u l-Informazzjoni (ENISA) u l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol), ser jiġu wkoll msaħħa aktar sabiex titjieb il-koordinazzjoni ta’ programmi u politiki tal-Unjoni fil-qasam kemm tas-sigurtà interna kif ukoll dik esterna, u inizjattivi oħra tal-Unjoni.

Filwaqt li titqies in-natura partikolari tas-sigurtà, ser jiġu stabbiliti arranġamenti speċifiċi fir-rigward tal-ipprogrammar u governanza, inklużi arranġamenti mal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 10. Informazzjoni klassifikata jew sensittiva relatata mas-sigurtà ser tkun protetti u rekwiżiti partikolari u kriterji partikolari għal kooperazzjoni internazzjonali jistgħu jkunu speċifikati fi programmi ta’ ħidma. Dan ser ikun rifless ukoll fl-ipprogrammar u l-arranġamenti ta' governanza għall-objettiv speċifiku "Soċjetajiet siguri - Protezzjoni tal-libertà u s-sigurtà tal-Ewropa u ċ-ċittadini tagħha" (inklużi aspetti komitoloġiċi).

PARTI IV

TIXRID TAL-EĊĊELLENZA U TWESSIGĦ TAL-PARTEĊIPAZZJONI

L-għan hu li jiġi sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal tal-għażla ta' talent fl-Ewropa u jiġi żgurat li l-benefiċċji ta' ekonomija mmexxija mill-innovazzjoni jiġu massimizzati kif ukoll imqassma b'mod mifrux madwar l-Unjoni skont il-prinċipju ta' eċċellenza.

Hemm differenzi sinifikanti madwar l-Ewropa fil-prestazzjoni tar-riċerka u innovazzjoni li jeħtieġ li jiġu indirizzati b'miżuri speċifiċi. Dawn il-miżuri ser jimmiraw għall-isfruttar tal-eċċellenza u innovazzjoni u ser ikunu distinti minn, u fejn adatt, komplimentari u sinerġistiċi ma' politiki u azzjonijiet tal-Fondi ESI. Dawn jinkludu:

(a)

Il-kombinament ta' istituzzjonijiet ta' riċerka ta' eċċellenza u reġjuni tar-RŻI bi prestazzjoni baxxa: Il-kombinament għandu l-għan li joħloq ċentri ta' eċċellenza ġodda (jew jaġġorna b'mod sinifikanti dawk eżistenti) fi Stati Membri u reġjuni tar-RŻI bi prestazzjoni baxxa. Huwa ser jiffoka fuq il-fażi preparatorja għall-istabbiliment jew l-aġġornament u l-immodernizzar ta' tali istituzzjoni ffaċilitata bi proċess ta' kombinament ma' kontroparti ewlenija fl-Ewropa, inkluż l-appoġġ għall-iżvilupp ta' pjan ta' negozju. Huwa mistenni li jittieħed impenn mir-reġjun jew l-Istat Membru riċevitur (pereżempju appoġġ permezz tal-Fondi ESI). Soġġett għall-kwalità tal-pjan ta' negozju, il-Kummissjoni tista' tipprovdi aktar appoġġ finanzjarju għall-ewwel passi tal-implimentazzjoni taċ-ċentru.

Ser jitqiesu l-ħolqien ta' rabtiet ma' raggruppamenti innovattivi u r-rikonoxximent tal-eċċellenza fl-Istati Membri u fir-reġjuni tar-RŻI bi prestazzjoni baxxa, inkluż mill-analiżi inter pares u l-għoti ta' tikketti ta' eċċellenza lil dawk l-istituzzjonijiet li jissodisfaw l-istandards internazzjonali;

(b)

Il-ġemellaġġ ta' istituzzjonijiet ta' riċerka: Il-ġemellaġġ għandu l-għan li jsaħħaħ b'mod sinifikanti qasam definit ta' riċerka f'istituzzjoni emerġenti permezz ta' rabtiet ma' tal-anqas żewġ istituzzjonijiet mexxejja fuq livell internazzjonali f'qasam definit. Ser ikun appoġġat sett komprensiv ta' miżuri li jsaħħu din ir-rabta (pereżempju skambji tal-persunal, żjarat minn esperti, taħriġ fuq il-post jew virtwali għal żmien qasir u workshops; attendenza għal konferenzi; organizzazzjoni ta' attivitajiet konġunti tat-tip skolasajf; attivitajiet ta' disseminazzjoni u ta' komunikazzjoni);

(c)

‚Presidenti taż-ŻER’: L-istabbiliment tal-“President taż-ŻER” għandu l-għan li jattira akkademiċi brillanti lejn istituzzjonijiet b'potenzjal ċar ta' riċerka ta' eċċellenza, sabiex jgħinu lil dawn l-istituzzjonijiet jisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal u għalhekk joħolqu kundizzjonijiet ugwali għar-riċerka u innovazzjoni fiż-ŻER. Dan ser jinkludi appoġġ istituzzjonali għall-ħolqien ta’ ambjent kompetittiv ta’ riċerka u l-kundizzjonijiet qafas neċessarji għall-attirar, żamma u żvilupp tal-aħjar talent ta’ riċerka fi ħdan dawn l-istituzzjonijiet. Għadhom jiġu esplorati sinerġiji possibbli ma' attivitajiet tal-ERC;

(d)

Faċilità ta' Appoġġ tal-Politika: Din ser ikollha l-għan li ttejjeb it-tfassil, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-politiki ta' riċerka u innovazzjoni nazzjonali/reġjonali. Hija ser toffri konsulenza esperta lill-awtoritajiet pubbliċi f'livell nazzjonali jew reġjonali fuq bażi volontarja, li tkopri l-ħtiġijiet biex isir aċċess għal korp rilevanti ta' għarfien, biex wieħed jibbenefika mill-għarfien ta' esperti internazzjonali, biex jintużaw metodoloġiji u għodod mill-aktar avvanzati u biex tingħata konsulenza mfassla apposta;

(e)

L-appoġġ għall-aċċess għan-netwerks internazzjonali għal riċerkaturi u innovaturi eċċellenti li neqsin minn involviment suffiċjenti fin-netwerks Ewropej u internazzjonali. Dan għandu jinkludi l-appoġġ provdut permezz tal-COST;

(f)

It-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva u operattiva ta' netwerks transnazzjonali ta' Punti ta' Kuntatt Nazzjonali, permezz ta' appoġġ finanzjarju u tekniku filwaqt li jittejbu l-qafas għat-tħaddim tal-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali u ċ-ċirkolazzjoni tal-informazzjoni bejniethom u l-korpi ta' implimentazzjoni tal-Orizzont 2020, sabiex il-Punti ta' Kuntatt Nazzjonali jistgħu jipprovdu appoġġ aħjar lill-parteċipanti potenzjali.

PARTI V

XJENZA MAS-SOĊJETÀ U GĦAS-SOĊJETÀ

L-għan huwa li tinbena kooperazzjoni effettiva bejn ix-xjenza u s-soċjetà, jiġi reklutat talent ġdid għax-xjenza u l-eċċellenza xjentifika tiġi kkombinata mal-kuxjenza u r-responsabbiltà soċjali.

Il-qawwa ta’ sistema xjentifika u teknoloġika Ewropea tiddependi mill-kapaċità tagħha li tiġbor it-talent u l-ideat kull fejn jeżistu. Dan jista’ jinkiseb biss jekk jiġu żviluppati djalogu produttiv u rikk u kooperazzjoni attiva bejn ix-xjenza u s-soċjetà biex jiżguraw xjenza aktar responsabbli u jippermettu l-iżvilupp ta’ linji ta' politika aktar rilevanti għaċ-ċittadini. Avvanzi rapidi fir-riċerka xjentifika u l-innovazzjoni kontemporanji wasslu biex qamu kwistjonijiet importanti etiċi, legali u soċjali li jaffettwaw ir-relazzjoni bejn ix-xjenza u s-soċjetà.

It-titjib tal-kooperazzjoni bejn ix-xjenza u s-soċjetà biex ikun jista’ jitwessa’ l-appoġġ soċjali u politiku tax-xjenza u tat-teknoloġija fl-Istati Membri kollha huwa dejjem aktar kwistjoni kruċjali li l-kriżi ekonomika attwali aggravat ħafna. L-investiment pubbliku fix-xjenza jirrikjedi kostitwenza soċjali u politika vasta li tikkondividi l-valuri tax-xjenza, li għandha edukazzjoni u li tkun impenjata fil-proċessi tagħha u kapaċi tirrikonoxxi l-kontributi tagħha lill-għarfien, is-soċjetà u l-progress ekonomiku.

Il-fokus tal-attivitajiet għandu jkun:

(a)

li l-karrieri xjentifiċi u teknoloġiċi jsiru attraenti għal studenti żgħażagħ, u titrawwem interazzjoni sostenibbli bejn skejjel u istituzzjonijiet ta’ riċerka, l-industrija u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

(b)

il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi, b’mod partikolari permezz tal-appoġġ għall-bidliet fl-organizzazzjoni tal-istituzzjonijiet tar-riċerka u fil-kontenut u disinn tal-attivitajiet ta' riċerka;

(c)

l-integrazzjoni tas-soċjetà fi kwistjonijiet, politiki u attivitajiet tax-xjenza u l-innovazzjoni sabiex l-interessi u l-valuri taċ-ċittadini jiġu integrati u jiżdiedu l-kwalità, ir-rilevanza, l-aċċettazzjoni soċjali u s-sostenibbiltà tal-eżiti tar-riċerka u l-innovazzjoni f'oqsma ta' attività differenti mill-innovazzjoni soċjali għal oqsma bħal bijoteknoloġija u n-nanoteknoloġija;

(d)

li ċ-ċittadini jitħeġġu biex jinvolvu ruħhom fix-xjenza permezz ta' edukazzjoni xjentifika formali u informali, u jiġi promoss it-tixrid ta' attivitajiet ibbażati fuq ix-xjenza, jiġifieri f'ċentri tax-xjenza u permezz ta' mezzi xierqa oħra;

(e)

l-iżvilupp tal-aċċessibbiltà u l-użu tar-riżultati tar-riċerka ffinanzjata pubblikament;

(f)

l-iżvilupp tal-governanza għall-avvanz tar-riċerka u l-innovazzjoni responsabbli mill-partijiet interessati kollha (riċerkaturi, awtoritajiet pubbliċi, industrija u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili), li hija sensittiva għall-ħtiġijiet u d-domandi tas-soċjetà u titlob u l-promozzjoni ta' qafas ta' etika għar-riċerka u l-innovazzjoni;

(g)

it-teħid ta' prekawzjonijiet xierqa u proporzjonali fl-attivitajiet ta' riċerka u innovazzjoni billi jantiċipaw u jevalwaw l-impatti ambjentali, tas-saħħa u s-sigurtà potenzjali;

(h)

it-titjib tal-għarfien dwar il-komunikazzjoni tax-xjenza sabiex jitjiebu l-kwalità u l-effettività tal-interazzjonijiet bejn ix-xjentisti, il-mezzi tal-informazzjoni ġenerali u l-pubbliku.

PARTI VI

AZZJONIJIET DIRETTI MHUX NUKLEARI TAĊ-ĊENTRU KONĠUNT TAR-RIĊERKA (JRC)

Il-JRC għandu jikkontribwixxi għall-objettivi u l-prijoritajiet ġenerali tal-Orizzont 2020 billi jipprovdi appoġġ xjentifiku u tekniku għall-politiki tal-Unjoni b'kollaborazzjoni mal-partijiet interessati tar-riċerka nazzjonali u reġjonali rilevanti, fejn xieraq. L-attivitajiet tal-JRC ser jitwettqu b'kont meħud tal-inizjattivi rilevanti fil-livell tar-reġjuni, l-Istati Membri jew l-Unjoni, fil-perspettiva tat-tfassil taż-ŻER.

1.   XJENZA EĊĊELLENTI

Il-JRC ser iwettaq riċerka biex itejjeb il-bażi tal-evidenza xjentifika għat-tfassil tal-politika u biex jeżamina oqsma emerġenti tax-xjenza u t-teknoloġija, inkluż permezz tal-programm ta’ riċerka esploratorja.

2.   TMEXXIJA INDUSTRIJALI

Il-JRC ser ikompli jikkontribwixxi lill-innovazzjoni u l-kompetittività:

(a)

billi jkompli jikkontribwixxi lill-orjentazzjoni strateġika u aġenda tax-xjenza tal-istrumenti rilevanti tar-riċerka indiretta, bħall-Isħubijiet Ewropej għall-Innovazzjoni, kif ukoll l-isħubiji privati pubbliċi u sħubijiet pubbliċi pubbliċi;

(b)

billi jappoġġa t-trasferiment tal-għarfien u teknoloġija permezz tad-definizzjoni tal-oqfsa tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali għal strumenti differenti ta' riċerka u innovazzjoni, u l-promozzjoni tal-kooperazzjoni fit-trasferiment tal-għarfien u teknoloġija fost l-organizzazzjonijiet ta' riċerka pubblika kbar;

(c)

permezz ta' kontribuzzjonijiet sabiex jiġi ffaċiltat l-użu, l-istandardizzazzjoni u validazzjoni tat-teknoloġiji u data tal-ispazju, b’mod partikolari sabiex jiġu indirizzati l-isfidi tas-soċjetà.

3.   SFIDI TAS-SOĊJETÀ

3.1.   Saħħa, bidla demografika u benesseri

Il-JRC ser jikkontribwixxi lill-armonizzazzjoni ta' metodi, standards u prattiki f'appoġġ għall-legizlazzjoni tal-UE li timmira għall-protezzjoni tas-saħħa u tal-klijent permezz ta’:

(a)

valutazzjoni ta’ riskji u opportunitajiet ta’ teknoloġiji u kimiki ġodda, inklużi n-nanomaterjali, fl-ikel, għalf u prodotti tal-konsumatur; żvilupp u validazzjoni ta' kejl armonizzat, metodi ta’ identifikazzjoni u kwantifikazzjoni, strateġiji ta’ ttestjar integrat u għodod mill-aktar avvanzati għall-valutazzjoni tal-periklu tossikoloġiku, inklużi metodi alternattivi għall-ittestjar fuq l-annimali; valutazzjoni tal-effetti fuq is-saħħa mit-tniġġis ambjentali;

(b)

l-iżvilupp u l-assigurazzjoni tal-kwalità tal-ittestjar tas-saħħa u prattiki ta’ skrinjar inkluż l-ittestjar ġenetiku u skrinjar tal-kanċer.

3.2.   Is-sigurtà tal-ikel, l-agrikoltura u l-forestrija sostenibbli, ir-riċerka tal-baħar u marittima u tal-ilmijiet interni, u l-bijoekonomija

Il-JRC għandu jappoġġa l-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-politiki ta’ agrikoltura u sajd Ewropej, inkluż is-sigurtà tal-ikel u l-iżvilupp tal-bijoekonomija permezz ta':

(a)

l-istabbiliment ta’ sistema globali u għodod għat-tbassir tal-uċuħ tar-raba u monitoraġġ tal-produttività tal-uċuħ tar-raba; appoġġ għat-titjib tal-prospetti fuq medda ta' żmien qasir u dak medju għall-komoditajiet agrikoli, inklużi l-effetti mbassra tat-tibdil fil-klima;

(b)

kontribuzzjoni lill-innovazzjoni bijoteknoloġika u effiċjenza mtejba fl-użu tar-riżorsi sabiex jiġi prodott ‘iktar b’inqas’ permezz ta’ analiżi u mmudellar teknoekonomiċi;

(c)

immudellar tax-xenarju għat-tfassil tad-deċiżjoni fil-politiki agrikoli u analiżi tal-impatt tal-politika fuq livelli makro/reġjonali/mikro; analiżi tal-impatt tal-‘PAK lejn l-2020’ (22) fuq l–ekonomiji li qed jiżviluppaw/emerġenti;

(d)

l-iżvilupp ulterjuri tal-metodi għall-kontroll tas-sajd u infurzar u traċċabilità tal-ħut u prodotti tal-ħut; żvilupp ta’ indikaturi robusti tas-saħħa tal-ekosistema u l-immudellar bijoekonomiku sabiex jinftiehmu aħjar l-effetti diretti (pereżempju is-sajd) u effetti indiretti (tibdil fil-klima) u attivitajiet umani fuq d-dinamika tal-stokkijiet tal-ħut, l-ambjent tal-baħar u l-impatt soċjoekonomiku tagħhom.

3.3.   Enerġija sikura, nadifa u effiċjenti

Il-JRC ser jiffoka fuq il-miri tal-20-20-20 għall-klima u l-enerġija u t-transizzjoni tal-Unjoni għal ekonomija kompetittiva b’livell baxx ta’ karbonju sal-2050 bir-riċerka dwar l-aspetti teknoloġiċi u soċjoekonomiċi ta’:

(a)

sigurtà tal-provvista ta’ enerġija, b’mod partikolari fir-rigward tal-konnessjonijiet u interdipendenzi mal-provvista tal-enerġija u s-sistemi ta' trażmissjoni extra-Ewropej; immappjar ta’ sorsi ta’ Enerġija indiġeni primarji u esterni infrastrutturi li tiddependi fuqhom l-Ewropa;

(b)

netwerks ta’ trasmissjoni tal-enerġija/elettriku, b’mod partikolari l-immudellar u simulazzjoni tan-netwerks trans-Ewropej ta’ enerġija, l-analiżi tat-teknoloġiji tal-grilja intelliġenti/super, u simulazzjoni f'ħin reali tas-sistemi ta’ enerġija;

(c)

l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, b’mod partikolari l-metodoloġiji għall-monitoraġġ u valutazzjoni tal-kisbiet tal-istrumenti tal-politika ta’ effiċjenza fl-użu tal-enerġija, l-analiżi teknoekonomika tal-użu tat-teknoloġiji effiċjenti fl-enerġija u strumenti u grilji intelliġenti;

(d)

teknoloġiji b'livell baxx ta' karbonju (inkluża s-sikurezza tal-enerġija nukleari fil-programm Euratom), b’mod partikolari l-valutazzjoni tal-prestazzjoni u r-riċerka prenormativa tat-teknoloġiji prospettivi b'livell baxx ta' karbonju; l-analiżi u l-immudellar ta' katalizzaturi u ostakli għall-iżvilupp u skjerament tagħhom; l-analiżi u l-immudellar ta' katalizzaturi u ostakli għall-iżvilupp u skjerament tagħhom; żvilupp kontinwu tas-Sistema ta’ Informazzjoni għas-SET-Plan (SETIS) u l-attivitajiet relatati.

3.4.   Trasport intelliġenti, ekoloġiku u integrat

Il-JRC ser jappoġġa l-miri tal-2050 ta' sistema tat-trasport kompetittiva, intelliġenti, li tuża r-riżorsi b’effiċjenza u integrata għat-trasport sikur u sigur tan-nies u oġġetti permezz tal-istudji tal-laboratorju, immudellar u approċċi ta' monitoraġġ fuq:

(a)

teknoloġiji strateġiċi tat-trasport b'livell baxx ta' karbonju għall-mezzi kollha tat-trasport, inkluża l-elettrifikazzjoni tat-trasport tat-triq u inġenji tal-ajru/bastimenti/vetturi imħaddma bi fjuwil alternattiv, u żvilupp ulterjuri taċ-ċentru intern ta’ ikklirjar tal-Kummissjoni għall-ġbir u disseminazzjoni tal-informazzjoni dwar it-teknoloġiji rilevanti; disponibbiltà u spejjeż tal-fjuwils u sorsi tal-enerġija mhux fossili, inklużi l-impatti tat-trasport tat-triq elettrifikat fuq il-grilji tal-elettriku u l-ġenerazzjoni tal-elettriku;

(b)

vetturi nodfa u effiċjenti, b’mod partikolari d-definizzjoni tal-proċeduri armonizzati ta' ttestjar u l-valutazzjoni tat-teknoloġiji innovattivi f'termini ta’ emissjonijiet, effiċjenza u sikurezza tal-fjuwils konvenzjonali u alternattivi; żvilupp ta’ metodoloġiji mtejba għall-kejl tal-emissjoni u kalkoli ta’ pressjonijiet ambjentali; koordinazzjoni u armonizzar tal-attivitajiet ta' inventarji u monitoraġġ tal-emissjonijiet fuq livell Ewropew;

(c)

sistemi ta’ mobbiltà intelliġenti sabiex tinkiseb mobbiltà sigura, intelliġenti u integrata, inklużi l-valutazzjoni teknoekonomika tas-sistemi u komponenti ġodda tat-trasport, applikazzjonijiet għal ġestjoni mtejba tat-traffika u kontribuzzjoni lit-tfassil ta' approċċ integrat għad-domanda u ġestjoni tat-trasport;

(d)

is-sikurezza integrata tat-trasport, b’mod partikolari l-provvista ta’ għodod u servizzi għall-ġbir, tqassim u analiżi tal-informazzjoni dwar l-aċċidenti u l-inċidenti fis-setturi tat-trasport tal-avjazzjoni, marittimu u tal-art; issaħħaħ il-prevenzjoni tal-inċidenti permezz ta’ analiżi u tagħlimiet dwar is-sikurezza transmodali filwaqt li tikkontribwixxi lejn l-iffrankar tal-ispejjeż u l-gwadann tal-effiċjenza.

3.5.   Azzjoni klimatika, ambjent, effiċjenza tar-riżorsi u l-materja prima

Il-JRC ser jikkontribwixxi għal Ewropa aktar ekoloġika, għas-sigurtà tal-provvista tar-riżorsi u ġestjoni sostenibbli globali tar-riżorsi naturali permezz ta':

(a)

aċċess għal data u informazzjoni ambjentali interoperabbli permezz tal-iżvilupp ulterjuri tal-istandards u arranġamenti tal-interoperabbiltà, għodod ġeospazjali u infrastrutturi innovattivi tat-teknoloġija tal-konumikazzjoni u l-informazzjoni, bħall-Infrastruttura għall-Informazzjoni Spazjali fl-Unjoni Ewropea (INSPIRE), u inizjattivi tal-Unjoni u globali oħrajn;

(b)

kejl u monitoraġġ ta' fatturi varjabbli ambjentali ewlenin u l-valutazzjoni tal-istat u l-bidla tar-riżorsi naturali permezz tal-iżvilupp ulterjuri tal-indikaturi u s-sistemi ta' informazzjoni li jikkontribwixxu lill-infrastrutturi ambjentali; il-valutazzjoni tas-servizzi tal-ekosistema, inkluż il-valutazzjoni tagħhom u l-effetti tat-tibdil fil-klima;

(c)

żvilupp ta’ qafas integrat tal-immudellar għall-valutazzjoni tas-sostenibbiltà bbażat fuq il-mudelli tematiċi bħall-ħamrija, użu tal-art, ilma, kwalità tal-arja, bijodiversità, emissjonijiet tal-gassijiet serra, forestrija, agrikultura, enerġija u trasport, li jindirizza wkoll l-effetti tat-tibdil fil-klima u r-reazzjonijiet għalih;

(d)

appoġġ għall-miri tal-politika ta’ żvilupp tal-Unjoni permezz tal-promozzjoni tat-trasferiment tat-teknoloġija, monitoraġġ tar-riżorsi essenzjali (bħal pereżempju l-foresti, ħamrija u provvista tal-ikel), u riċerka sabiex jiġu limitati l-impatti tat-tibdil fil-klima u l-impatti ambjentali tal-użu tar-riżorsi, u sabiex jiġu riżolti l-kompromessi fil-kompetizzjoni għall-art bejn il-produzzjoni tal-ikel jew l-enerġija u l-bijodiversità;

(e)

valutazzjoni integrata relatata mal-politiki tal-produzzjoni u konsum sostenibbli, inkluża s-sigurtà tal-provvista tal-materja prima strateġika, l-użu effiċjenti tar-riżorsi, proċessi ta' produzzjoni u teknoloġiji b’livell baxx ta’ karbonju u nodfa, l-iżvilupp ta' prodotti u servizzi, xejriet ta' konsum u kummerċ. Żvilupp ulterjuri u integrazzjoni fl-analiżi tal-politika tal-Valutazzjoni taċ-Ċiklu tal-Ħajja;

(f)

l-analiżi integrata tal-impatt tal-alternattivi għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u/jew l-adattament ibbażat fuq l-iżvlupp ta' sett kwantitattiv ta' għodod ta' mudelli fuq skala reġjonali u globali, li jvarjaw mil-livell settorjali għal dak makroekonomiku.

3.6.   L-Ewropa f'dinja li qed tinbidel - Soċjetajiet inklużivi, innovattivi u riflessivi

Il-JRC ser jikkontribwixxi għall-miri tal-inizjattiva ewlenija "Unjoni tal-Innovazzjoni" u l-intestatura "Ewropa Globali" tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-2014-2020 permezz tal-attivitajiet li ġejjin:

(a)

l-analiżi komprensiva tal-katalizzaturi u ostakli għar-riċerka u innovazzjoni u l-iżvilupp ta’ pjattaforma tal-immudellar għall-valutazzjoni tal-impatti mikro- u makroekonomiċi;

(b)

il-kontributi lill-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-inizjattiva ewlenija "Unjoni tal-Innovazzjoni" permezz ta' tabelli tar-riżultati, l-iżvilupp ta' indikaturi eċċ. u t-tħaddim ta' sistema pubblika ta' informazzjoni u intelligence li tilqa' data u informazzjoni rilevanti;

(c)

it-tħaddim ta' pjattaforma pubblika ta' informazzjoni u intelligence biex tassisti l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali bl-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti; analiżi ekonomika kwantitattiva tal-mudell spazjali tal-attività ekonomika, b'mod partikolari fl-indirizzar tad-differenzi ekonomiċi, soċjali u territorjali u t-tibdiliet fil-mudell bħala reazzjoni għall-iżviluppi teknoloġiċi;

(d)

l-ekonometrika u analiżi makroekonomika tar-riforma tas-sistema finanzjarja sabiex jikkontribwixxu liż-żamma ta' qafas effiċjenti tal-Unjoni għall-ġestjoni tal-kriżijiet finanzjarja; filwaqt li jibqa' jiġi pprovdut appoġġ metodoloġiku għall-monitoraġġ tal-pożizzjonijiet baġitarji tal-Istati Membru fir-rigward tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir;

(e)

il-monitoraġġ tal-funzjonament taż-ŻER u analiżi tal-katalizzaturi ta' wħud mill-elementi ewlenin tagħha u l-ostakli għaliha (bħall-mobbiltà tar-riċerka u l-ftuħ tal-programmi nazzjonali tar-riċerka) u l-proponiment ta' alternattivi rilevanti ta' politika; għad għandhom rwol importanti fiż-ŻER permezz tan-netwerking, taħriġ u ftuħ tal-faċilitajiet u bażi ta' data tagħha lill-utenti tal-Istati Membri u f'pajjiżi kandidati u assoċjati;

(f)

l-iżvilupp ta’ analiżi kwantitattiva ekonomika tal-Ekonomija Diġitali; it-twettiq ta' riċerka dwar l-impatt tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni fuq il-miri tas-Soċjetà Diġitali; l-istudju tal-impatt ta' kwistjonijiet sensittivi ta' sigurtà fuq il-ħajja ta' individwi (Għajxien Diġitali).

3.7.   Soċjetajiet siguri - Protezzjoni tal-libertà u s-sigurtà tal-Ewropa u ċ-ċittadini tagħha

Il-JRC ser jikkontribwixxi għall-miri tal-intestatura "Sigurtà u ċ-Ċittadinanza" tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020 permezz tal-attivitajiet li ġejjin:

(a)

l-iffukar fuq l-identifikazzjoni u l-valutazzjoni tal-vulnerabilità tal-infrastrutturi kritiċi (inklużi s-sistemi ta’ navigazzjoni globali u swieq finanzjarji); it-titjib tal-għodod għall-ġlieda kontra l-frodi tal-baġit ġenerali tal-Unjoni u għas-sorveljanza marittima; il-valutazzjoni tal-prestazzjoni operazzjonali tat-teknoloġiji għal jew li jaffettwaw l-identità personali (identità diġitali);

(b)

it-tisħiħ tal-kapaċità tal-Unjoni għat-tnaqqis ta' riskju ta' diżastru u ġestjoni ta' diżastri naturali magħmula mill-bniedem, notevolment permezz tal-iżvilupp ta’ sistemi globali ta' avviż bikri ta' bosta perikoli globali u informazzjoni dwar il-ġestjoni tar-riskji, bl-użu tat-teknoloġiji għall-osservazzjoni tad-dinja;

(c)

it-tkomplija ta’ provvista ta’ għodod għall-valutazzjoni u ġestjoni tal-isfidi ta’ sigurtà globali, bħat-theddid ta’ terroriżmu u nonproliferazzjoni (kimika, bijoloġika, radjoloġika u nukleari (fil-programm Euratom)) u t-theddid li jirriżulta mill-instabbiltà soċjopolitika u mard komunikabbli; oqsma ġodda li għandhom jiġu indirizzati jinkludu l-vulnerabbiltà u r-reżijlenza għat-theddid emerġenti jew ibridu, pereżempju aċċessibbiltà għall-materja prima, piraterija, skarsezza/kompetizzjoni tar-riżorsi u l-effetti tat-tibdil fil-klima fuq l-okkorrenza tad-diżastri naturali.

4.   ASPETTI SPEĊIFIĊI TAL-IMPLIMENTAZZJONI

Skont il-prioritajiet tal-intestatura "Ewropa Globali" tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020, il-JRC ser isaħħaħ il-kooperazzjoni xjentifika mal-organizzazzjonijiet internazzjonali ewlenin u pajjiżi terzi (pereżempju korpi tan-NU, l-OECD, l-Istati Uniti, il-Ġappun, ir-Russja, iċ-Ċina, il-Brażil u l-Indja) fl-oqsma li għandhom dimensjoni globali qawwija bħat-tibdil fil-klima, is-sigurtà tal-ikel, jew in-nanoteknoloġiji. Din il-kooperazzjoni ser tkun ikkoordinata mill-qrib mal-attivitajiet internazzjonali ta' kooperazzjoni tal-Unjoni u l-Istati Membri.

Sabiex jiġi pprovdut servizz imsaħħaħ għat-tfassil tal-politika, il-JRC ser jiżviluppa iktar l-ħila tiegħu li janalizza u jipprovdi alternattivi ta' politika transettorjali u jwettaq valutazzjonijiet tal-impatt relatati. Din il-ħila għandha tkun appoġġata b’mod partikolari permezz tat-tisħiħ ta':

(a)

l-immudellar f’oqsma ewlenin (pereżempju enerġija u trasport, agrikoltura, klima, ambjent u ekonomija); l-attenzjoni ser tkun kemm fuq il-mudelli settorjali kif ukoll dawk integrati (għall-valutazzjonijiet tas-sostenibbiltà), u ser tkopri l-aspetti xjentifiċi tekniċi kif ukoll dawk ekonomiċi;

(b)

studji li jħarsu 'l quddiem li jipprovdu analiżi tax-xejriet u avvenimenti fix-xjenza, teknoloġija u soċjetà u dwar kif dawn jistgħu jaffetwaw il-politiki pubbliċi, jinfluwenzaw l-innovazzjoni u jirrinfurzaw il-kompetittività u t-tkabbir sostenibbli; dan ikun jista' jippermetti lill-JRC li jiġbed l-attenzjoni għal kwistjonijiet li jistgħu jesiġu l-intervent ta' politika fil-futur u antiċipazzjoni tal-ħtiġijiet tal-klijenti.

Il-JRC ser isaħħaħ l-appoġġ tiegħu għall-proċess ta’ standardizzazzjoni u l-istandards bħala komponent orizzontali fl-appoġġ għall-kompetittività Ewropea. L-attivitajiet ser jinkludu r-riċerka prenormativa, l-iżvilupp ta' materjali u kejl ta’ referenza, u l-armonizzazzjoni tal-metodoloġiji. Ġew identifikati ħames oqsma ċentrali (l-enerġija, it-trasport; l-inizjattiva ewlenija "Aġenda Diġitali"; is-sigurtà u s-sikurezza (inkluż dawk nukleari fil-programm Euratom); u l-protezzjoni tal-konsumatur). Minbarra dan, il-JRC għandu jkompli jippromwovi id-disseminazzjoni tar-riżultati tiegħu u jipprovdi l-appoġġ dwar il-ġestjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali lill-istituzzjonijiet u korpi tal-Unjoni.

Il-JRC ser jistabbilixxi kapaċità fix-xjenzi komportamentali sabiex tkun ta' appoġġ għall-iżvilupp ta' regolazzjoni aktar effettiva, komplimentari għall-attivitajiet tal-JRC f'oqsma magħżula bħall-politiki ta' nutrizzjoni, effiċjenza fl-użu tal-enerġija u dwar il-prodotti.

Ir-riċerka soċjoekonomika ser tkun parti mill-attivitajiet fl-oqsma rilevanti bħall-inizjattiva ewlenija "Aġenda Diġitali", il-produzzjoni u l-konsum sostenibbli jew is-saħħa pubblika.

Sabiex tintlaħaq il-missjoni tiegħu bħala ċentru ta’ referenza għall-Unjoni, biex ikompli jkollu rwol vitali fiż-ŻER, u biex jidħol f’oqsma ġodda ta’ riċerka, huwa essenzjali għall-JRC li jiddisponi minn infrastruttura avvanzata. Il-JRC ser ikompli l-programm ta’ rinnovazzjoni u tiġdid sabiex jiżgura l-konformità mar-regolamenti ambjentali u tas-sikurezza u sigurtà applikabbli, u ser jinvesti fl-infrastruttura xjentifika, inkluż l-iżvilupp tal-pjattaformi, faċilitajiet tal-immudellar, faċilitajiet għal oqsma ġodda bħall-ittestjar ġenetiku, eċċ. Tali investimenti ser ikunu mwettqa f’koordinazzjoni mill-qrib mal-pjan direzzjonali tal-Forum Strateġiku Ewropew għall-Infrastrutturi tar-Riċerka (ESFRI) u jitqiesu l-faċilitajiet eżistenti fl-Istati Membri.


(1)  Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1)

(2)  ĠU L 75, 22.3.2005, p. 67.

(3)  Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ġestjoni ta’ proprjetà intelletwali f’attivitajiet għat-trasferiment ta’ għarfien u Kodiċi ta’ Prattika għal universitajiet u organizzazzjonijiet ta’ riċerka pubbliċi oħrajn (C(2008) 1329, tal-10.4.2008).

(4)  Deċiżjoni Nru 1513/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2002 li tikkonċerna s-sitt programm kwadru tal-Komunità Ewropea dwar l-attivitajiet ta' riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u dimostrazzjoni li jikkontribwixxu għall-ħolqien taż-Żona Ewropea tar-Riċerka u għall-innovazzjoni (mill-2002 sa l-2006) (ĠU L 232, 29.8.2002, p. 1).

(5)  Fil-prinċipju mill-inqas 80 %.

(6)  Il-Faċilità Reġjonali għall-Imsieħba (RPF - Regional Partner Facility) hi infrastruttura tar-riċerka ta' importanza nazzjonali jew reġjonali f'termini ta' gwadann soċjoekonomiku, taħriġ jew l-attirar ta' riċerkaturi u persuni tekniċi, li hija rikonoxxuta bħala sieħba fir-rigward ta' infrastruttura tar-riċerka pan-Ewropea jew xi infrastruttura tar-riċerka oħra mill-aqwa. Il-kwalità tal-RPF inkluż il-livell tas-servizz xjentifiku, il-ġestjoni u l-politika ta' aċċess tagħha għandha tissodisfa l-istess standards meħtieġa għall-infrastrutturi tar-riċerka pan-Ewropej.

(7)  Hekk kif ir-riċerka kollha issir intensiva mil-lat tal-kompjuters u d-data, l-aċċess għall-infrastrutturi elettroniċi avvanzati sar essenzjali għar-riċerkaturi kollha. Pereżempju, GÉANT tikkonnettja 40 miljun utent f’iktar minn 8 000 istituzzjoni madwar 40 pajjiż, filwaqt li l-Infrastruttura tan-Netwerk Ewropew hija l-ikbar infrastruttura tal-kompjuters distribwita fid-dinja b’iktar minn 290 sit f’50 pajjiż. Il-progress li ma jieqaf qatt fl-ICT u l-bżonnijiet dejjem akbar tax-xjenza għall-kompjuterizzazzjoni u l-ipproċessar ta' ammonti massivi ta’ data jippreżentaw sfidi kbar ta’ finanzjament u ta’ organizzazzjoni fl-iżgurar ta’ servizzi mingħajr xkiel għar-riċerkaturi.

(8)  L-Internet tal-Oġġetti se jkun ikkoordinat bħala kwistjoni trasversali.

(9)  Inklużi netwerks ibbażati fl-ispazju.

(10)  Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (Ara paġna 320 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(11)  Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina) (ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19).

(12)  Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni SEC(2009) 1295 li jakkompanja l-Komunikazzjoni dwar "L-Investiment fl-Iżvilupp ta' Teknoloġiji b'livell baxx ta' Karbonju (SET-Plan)" (COM(2009) 519 final).

(13)  COM (2007) 723.

(14)  White Paper tal-Kummissjoni dwar "Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti" (COM(2011) 144 final).

(15)  L-istimi żviluppati minn PricewaterhouseCoopers għall-“opportunitajiet kummerċjali globali relatati mas-sostenibbiltà tar-riżorsi naturali (inkluż l-enerġija, forestrija, ikel u agrikoltura, ilma u metalli)” u WBCSD (2010) Viżjoni 2050: L-Aġenda Ġdida għall-Kummerċ, Kunsill Kummerċjali Dinji għall-Iżvilupp Sostenibbli: Ġinevra, URL: http://www.wbcsd.org/web/projects/BZrole/Vision2050-FullReport_Final.pdf

(16)  COM (2008) 699 final.

(17)  Parlament Ewropew, Politika tad-Dipartiment tal-Politika Ekonomika u Xjentifika “Ekoinnovazzjoni – tqegħid tal-UE fit-triq lejn ekonomija li tuża r-riżorsi u l-enerġija b’effiċjenza; Studju u noti ta’ informazzjoni”, Marzu 2009.

(18)  Osservatorju tal-Ekoinnovazzjoni "The Eco-Innovation Challenge - Pathways to a resource-effiċient Europe - Annual Report 2010", Mejju 2011.

(19)  Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).

(20)  Mingħajr preġudizzju għall-baġit allokat għal din l-isfida għas-soċjetà.

(21)  COM(2008) 1329 final, 10.4.2008.

(22)  COM(2010) 672 final.


ANNESS II

INDIKATURI TAL-PRESTAZZJONI

It-tabella li ġejja tispeċifikagħadd ta' indikaturi ewlenin għall-valutazzjoni tar-riżultati u l-impatti tal-objettivi speċifiċi ta' Orizzont 2020. Dawk l-indikaturi ewlenin jistgħu jiġu rfinati matul l-implimentazzjoni ta' Orizzont 2020.

1.   PARTI I. PRIJORITÀ 'XJENZA EĊĊELLENTI'

Indikaturi għall-objettivi speċifiċi:

Kunsill Ewropew għar-Riċerka (ERC)

Sehem tal-pubblikazzjonijiet mill-proġetti ffinanzjati mill-ERC li huma fost l-ewwel 1 % ikkwotati ħafna għal kull qasam tax-xjenza

Teknoloġiji Futuri u Emerġenti (TFE)

Pubblikazzjonijiet f'ġurnali ta' impatt qawwi analizzati bejn il-pari

Applikazzjonijiet ta' privattivi u privattivi miksuba f'Teknoloġiji Futuri u Emerġenti

Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie

Ċirkolazzjoni transettorjali u bejn il-pajjiżi ta' riċerkaturi, inklużi kandidati għal Dottorat

Infrastrutturi għar-Riċerka (fosthom Infrastrutturi elettroniċi)

Għadd ta' riċerkaturi li għandhom aċċess għal infrastrutturi għar-riċerka permezz tal-appoġġ tal-Unjoni

2.   PARTI II. PRIJORITÀ ‘TMEXXIJA INDUSTRIJALI’

Indikaturi għall-objettivi speċifiċi:

Tmexxija f'teknoloġiji abilitanti u industrijali

L-applikazzjonijiet tal-privattivi u privattivi miksuba fit-teknoloġiji abilitanti u industrijali differenti

Sehem ta' kumpaniji parteċipanti li jintroduċu innovazzjonijiet ġodda għall-kumpanija jew is-suq (li jkopru l-perjodu tal-proġett u tliet snin miżjuda miegħu)

Għadd ta' pubblikazzjonijiet pubbliċi privati konġunti

Aċċess għal finanzjament ta’ riskju

Investimenti totali mmobilizzati minn investimenti permezz tal-finanzjament tad-dejn u l-Kapital ta' Riskju

Għadd ta' organizzazzjonijiet iffinanzjati u ammont ta' fondi privati mmobilizzati

Innovazzjoni fl-SMEs

Sehem tal-SMEs parteċipanti li jintroduċu innovazzjonijiet ġodda għall-kumpanija jew is-suq (li jkopru l-perjodu tal-proġett u tliet snin miżjuda miegħu)

Tkabbir u ħolqien ta' impjiegi f'SMEs parteċipanti

3.   PARTI III. PRIJORITÀ 'SFIDI TAS-SOĊJETÀ'

Indikaturi għall-objettivi speċifiċi:

Għall-isfidi kollha tas-soċjetà:

Pubblikazzjonijiet f'ġurnali analizzati bejn il-pari ta' impatt qawwi fil-qasam tad-diversi sfidi tas-soċjetà

Applikazzjonijiet ta' privattivi u privattivi miksuba fil-qasam tad-diversi sfidi tas-soċjetà

Għadd ta' prototipi u attivitajiet ta' ttestjar

Għadd ta' pubblikazzjonijiet pubbliċi privati konġunti

Barra minn dan, għal kull waħda mill-isfidi, għandu jiġi vvalutat il-progress meta mqabbel mal-kontribut għall-objettivi speċifiċi li huma deskritti fl-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 104/2013

4.   PARTI VI. AZZJONIJIET DIRETTI MHUX NUKLEARI TAĊ-ĊENTRU KONĠUNT TAR-RIĊERKA (JRC)

Indikaturi għall-objettiv speċifiku:

Għadd ta' okkorrenzi ta' impatti speċifiċi tanġibbli fuq politiki Ewropej li jirriżultaw minn appoġġ tekniku u xjentifiku mogħti mill-JRC

Għadd ta’ pubblikazzjonijiet analizzati bejn il-pari f’ġurnali ta’ impatt għoli


ANNESS III

MONITORAĠĠ

Il-Kummissjoni ser tissorvelja l-implimentazzjoni ta' Orizzont 2020 u b'mod partikolari dan li ġej:

1.

Kontribut għar-realizzazzjoni taż-ŻER

2.

Żieda fil-parteċipazzjoni

3.

Parteċipazzjoni tal-SMEs

4.

Xjenzi soċjali u studji umanistiċi

5.

Xjenza u soċjetà

6.

Sessi

7.

Kooperazzjoni internazzjonali

8.

Żvilupp sostenibbli u tibdil fil-klima, inkluża informazzjoni dwar nefqa relatata mat-tibdil fil-klima

9.

Passaġġ li jgħaqqad l-iskoperta mal-applikazzjoni fis-suq

10.

Aġenda Diġitali

11.

Parteċipazzjoni tas-settur privat

12.

Finanzjament għal sħubijiet pubbliċi privati u sħubijiet pubbliċi pubbliċi

13.

Komunikazzjoni u disseminazzjoni

14.

Tendenzi ta' parteċipazzjoni ta' esperti indipendenti


ANNESS IV

Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 9(2)

1.

Informazzjoni dwar proġetti individwali, li jippermettu l-monitoraġġ tal-ħajja kollha ta' kull proposta, li tkopri b'mod partikolari:

il-proposti ppreżentati,

ir-riżultati tal-evalwazzjonijiet għal kull proposta,

il-ftehimiet dwar l-għotjiet,

il-proġetti lesti.

2.

Informazzjoni dwar l-eżitu ta' kull sejħa u l-implimentazzjoni ta' proġett, li tkopri b'mod partikolari:

ir-riżultati ta' kull sejħa,

l-eżiti tan-negozjati dwar il-ftehimiet dwar l-għotjiet,

l-implimentazzjoni tal-proġett, inklużi d-data dwar il-pagament u l-eżitu tal-proġetti.

3.

Informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-programm, inkluża l-informazzjoni rilevanti fil-livell tal-programm qafas, il-programm speċifiku, kull objettiv speċifiku u t-temi relatati u l-JRC, kif ukoll is-sinerġiji ma' programmi oħra rilevanti tal-Unjoni.

4.

Informazzjoni dwar l-eżekuzzjoni tal-baġit ta' Orizzont 2020, inkluża informazzjoni dwar l-impenji u l-pagamenti għall-inizjattivi taħt l-Artikoli 185 u 187 TFUE.


ANNESS V

Konfigurazzjonijiet tal-Kumitat tal-Programm

Lista ta' konfigurazzjonijiet (1) tal-Kumitat tal-Programm f'konformità mal-Artikolu10(2):

1.

Konfigurazzjoni strateġika: Ħarsa strateġika lejn l-implimentazzjoni tal-programm kollu, il-koerenza fil-partijiet differenti kollha tal-programm u l-kwistjonijiet trasversali inklużi l-objettivi speċifiċi "Tixrid tal-eċċellenza u twessigħ tal-parteċipazzjoni" u "Xjenza mas-soċjetà u għas-soċjetà".

Parti I —   Xjenza Eċċellenti:

2.

Kunsill Ewropew għar-Riċerka (ERC), Teknoloġiji futuri u emerġenti (TFE) u Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie (MSCA)

3.

Infrastrutturi tar-riċerka

Parti II —   Tmexxija Industrijali:

4.

Teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT)

5.

Nanoteknoloġiji, Materjal avvanzat, Bijoteknoloġija, Manifattura u pproċessar avvanzati

6.

L-Ispazju

7.

L-SMEs u l-Aċċess għal finanzjament ta' riskju

Parti III —   Sfidi tas-Soċjetà:

8.

Saħħa, bidla demografika u benesseri

9.

Is-sigurtà tal-ikel, l-agrikoltura u l-forestrija sostenibbli, ir-riċerka tal-baħar, marittima u tal-ilmijiet interni, u l-bijoekonomija

10.

Enerġija sikura, nadifa u effiċjenti

11.

Trasport intelliġenti, ekoloġiku u integrat

12.

Azzjoni klimatika, ambjent, effiċjenza tar-riżorsi u l-materja prima

13.

L-Ewropa f'dinja li qed tinbidel – Soċjetajiet inklużivi, innovattivi u riflessivi

14.

Soċjetajiet siguri – Protezzjoni tal-libertà u s-sigurtà tal-Ewropa u ċ-ċittadini tagħha


(1)  Bil-ħsieb li tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-programm, għal kull laqgħa tal-Kumitat tal-Programm kif definit fl-aġenda, il-Kummissjoni ser tirrimborża, f'konformità mal-linji gwida stabbiliti tagħha, l-ispejjeż ta' rappreżentant wieħed għal kull Stat Membru, kif ukoll għal espert/konsulent wieħed għal kull Stat Membru għal dawk il-punti tal-aġenda fejn Stat Membru jeħtieġ kompetenza speċifika.


Top