EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R1294

Regolament (UE) Nru 1294/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi programm ta’ azzjoni għad-dwana fl-Unjoni Ewropea għall-perjodu 2014-2020 (Dwana 2020) u jirrevoka d-Deċiżjoni Nru 624/2007/KE

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 209–220 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2020; Imħassar b' 32021R0444

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1294/oj

20.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 347/209


REGOLAMENT (UE) Nru 1294/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta’ Diċembru 2013

li jistabbilixxi programm ta’ azzjoni għad-dwana fl-Unjoni Ewropea għall-perjodu 2014-2020 (Dwana 2020) u jirrevoka d-Deċiżjoni Nru 624/2007/KE

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 33 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Il-programm ta' azzjoni multiannwali għad-dwana li kien japplika qabel l-2014 ikkontribwixxa b’mod sinifikanti sabiex jiffaċilita u jtejjeb il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali fl-Unjoni. Bosta mill-attivitajiet fil-qasam doganali huma ta’ natura transkonfinali, u jinvolvu u jaffettwaw l-Istati Membri kollha, u għalhekk ma jistgħux jitwettqu b’mod effikaċi u effiċjenti mill-Istati Membri individwali. Programm tad-Dwana fil-livell ta' Unjoni, implimentat mill-Kummissjoni, joffri qafas tal-Unjoni lill-Istati Membri biex ikunu jistgħu jiżviluppaw dawn l-attivitajiet ta' kooperazzjoni, li jkun ħafna aktar kosteffettiv milli kieku kull Stat Membru kellu jwaqqaf qafas ta' kooperazzjoni individwali fuq bażi bilaterali jew multilaterali. Għaldaqstant ikun xieraq li jiġi żgurat li jkun hemm tkomplija tal-programm ta' azzjoni għad-dwana pluriennali li kien hemm qabel billi jiġi stabbilit programm ġdid fl-istess qasam, il-programm Dwana 2020 ("il-Programm").

(2)

L-attivitajiet taħt il-Programm, jiġifieri s-Sistemi ta’ Informazzjoni Ewropej, l-azzjonijiet konġunti għall-uffiċjali doganali u l-inizjattivi komuni ta’ taħriġ, ser jikkontribwixxu għat-twettiq tal-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv billi jsaħħu l-funzjonament tas-suq intern. Billi jippromwovi qafas għal attivitajiet li l-għan tagħhom huwa li l-awtoritajiet doganali jkunu aktar effiċjenti u modernizzati, isaħħu l-kompetittività tan-negozji, jippromwovu l-impjiegi u jirrazzjonalizzaw u jikkoordinaw l-azzjonijiet tal-Istati Membri biex iħarsu l-interessi finanzjarji u ekonomiċi tagħhom u dawk tal-Unjoni, il-Programm ser isaħħaħ b’mod attiv il-funzjonament tal-unjoni doganali, sabiex in-negozji u ċ-ċittadini jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-potenzjal sħiħ tas-suq intern u tal-kummerċ globali.

(3)

Sabiex jappoġġa l-proċess ta’ adeżjoni u assoċjazzjoni min-naħa ta' pajjiżi terzi, il-Programm għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi aderenti u dawk kandidati kif ukoll il-kandidati potenzjali u l-pajjiżi msieħba tal-Politika Ewropea tal-Viċinat jekk jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet. B’kunsiderazzjoni tal-interkonnettività tal-ekonomija dinjija li dejjem qiegħda tiżdied, il-Programm għandu jkompli jipprovdi l-possibbiltà li jiġu involuti esperti esterni, bħal uffiċjali ta' pajjiżi terzi, rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali jew operaturi ekonomiċi f’ċerti attivitajiet. Il-parteċipazzjoni ta' esperti esterni titqies essenzjali kull meta l-għanijiet ta' programm ma jkunux jistgħu jinkisbu mingħajr il-kontribut ta' dawk l-esperti. Il-ħolqien tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna taħt l-awtorità tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà jiffaċilita l-koordinazzjoni tal-politika u l-koerenza f'qasam li huwa komponent rilevanti tal-istrateġiji u l-azzjonijiet esterni tal-Unjoni, kemm fuq bażi bilaterali kif ukoll fuq bażi multilaterali.

(4)

L-għanijiet tal-Programm għandhom iqisu l-problemi u l-isfidi identifikati għad-dwana fid-deċennju li ġej. Il-Programm għandu jkompli jkollu rwol f'oqsma vitali bħal fl-implimentazzjoni koerenti fil-qasam doganali u oqsma relatati. Barra minn hekk, il-Programm għandu jiffoka fuq il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji u ekonomiċi tal-Unjoni u s-salvagwardja tas-sikurezza u s-sigurtà. Dan għandu jinkludi, fost oħrajn, kooperazzjoni u kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali u tal-Unjoni għall-monitoraġġ tas-suq u l-awtoritajiet doganali. Il-Programm għandu jkun iddedikat ukoll għall-faċilitazzjoni tal-kummerċ, fost oħrajn permezz ta' sforzi kollaborattivi li jikkumbattu l-frodi u biż-żieda tal-kapaċità amministrattiva tal-awtoritajiet doganali. F'dik il-perspettiva, għandha titwettaq analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji tat-tagħmir ta' rilevament u t-teknoloġija relatata biex jiġi ffaċilitat l-akkwist ta' għodod moderni għall-kontroll tad-dwana mill-awtoritajiet doganali wara l-2020. Għandhom jiġu esplorati wkoll il-metodi li jiffaċilitaw l-akkwist ta' għodod moderni għall-kontroll tad-dwana, inkluż l-akkwist pubbliku konġunt.

(5)

Intwera li l-għodod tal-programm li applikaw qabel l-2014 kienu adegwati u għalhekk għandhom inżammu. Fid-dawl tal-ħtieġa għal kooperazzjoni operazzjonali aktar strutturata, għandhom jiżdiedu għodod addizzjonali, jiġifieri t-timijiet ta' esperti magħmula minn esperti tal-Unjoni u esperti nazzjonali sabiex iwettqu kompiti b'mod konġunt f'oqsma speċifiċi u azzjonijiet ta' bini ta' kapaċità tal-amministrazzjonijiet pubbliċi li għandhom jipprovdu assistenza speċjalizzata lil dawk il-pajjiżi parteċipanti li jkunu jeħtieġu bini tal-kapaċità amministrattiva.

(6)

Is-Sistemi ta’ Informazzjoni Ewropej għandhom rwol vitali fit-tisħiħ tas-sistemi doganali fl-Unjoni u għalhekk għandhom jibqgħu jiġu ffinanzjati mill-Programm. Barra dan, għandu jkun hemm il-possibilità li fil-Programm jiġu inklużi sistemi ġodda ta’ informazzjoni relatata mad-dwana mwaqqfa taħt il-liġi tal-Unjoni. Is-Sistemi ta' Informazzjoni Ewropej għandhom, fejn xieraq, jissejsu fuq mudelli ta' żvilupp kondiviżi u l-arkitettura tal-IT, sabiex jiżdiedu l-flessibbiltà u l-effiċjenza tal-amministrazzjoni doganali.

(7)

Il-bini ta' kompetenza umana għandu jsir ukoll fil-forma ta' taħriġ komuni, u għandu jitwettaq permezz tal-Programm. L-uffiċjali tad-dwana jeħtieġu li jżidu u jaġġornaw l-għarfien u l-ħiliet tagħhom meħtieġa biex iservu l-ħtiġijiet tal-Unjoni. Il-Programm għandu jkun essenzjali għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet umani permezz ta’ appoġġ imtejjeb ta’ taħriġ li fil-mira tiegħu jkollu l-uffiċjali tad-dwana kif ukoll operaturi ekonomiċi. Għal dan il-fini, l-approċċ attwali tal-Unjoni għat-taħriġ komuni li prinċipalment kien ibbażat fuq l-iżvilupp ċentrali tat-tagħlim elettroniku għandu jiżviluppa fi programm ta’ appoġġ multidimensjonali għat-taħriġ għall-Unjoni.

(8)

Il-Programm għandu jagħti l-importanza dovuta, kif ukoll jalloka parti adegwata mill-baġit tiegħu, għall-funzjonament tas-Sistemi ta' Informazzjoni Ewropej eżistenti għad-dwana u għall-iżvilupp ta' Sistemi ta' Informazzjoni Ewropej ġodda, meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni. Fl-istess ħin, għandhom jingħataw il-mezzi xierqa għall-attivitajiet li jlaqqgħu flimkien uffiċjali li jaħdmu fid-dwana u għall-iżvilupp ta' kompetenzi umani. Barra minn hekk, il-Programm għandu jipprevedi ċertu grad ta’ flessibbiltà baġitarja sabiex iwieġeb għall-bidliet fil-prijoritajiet politiċi.

(9)

Il-Programm għandu jkopri perjodu ta’ seba’ snin sabiex dan ikun allinjat mal-perjodu tal-qafas finanzjarju pluriennali stabbilit fir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 (2).

(10)

Ir-Regolament jistipula pakkett finanzjarju għall-perjodu sħiħ tal-Programm li għandu jikkostitwixxi l-ammont tar-referenza primarja, kif mifhum fil-punt 17 tal-Ftehim Interistituzzjonali ta’ 2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (3), għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill waqt il-proċedura baġitarja annwali.

(11)

B’konformità mal-impenn tal-Kummissjoni stabbilit fil-Komunikazzjoni tagħha tad-19 ta' Ottubru 2010 bl-isem "ir-Reviżjoni tal-Baġit" għall-koerenza u s-simplifikazzjoni tal-programmi ta’ finanzjament, ir-riżorsi għandhom jiġu kondiviżi ma’ strumenti oħra ta’ finanzjament tal-Unjoni jekk l-attivitajiet taħt il-Programm ikollhom objettivi li huma komuni għal diversi strumenti ta’ finanzjament bl-esklużjoni, madankollu, ta’ finanzjament doppju. Azzjonijiet taħt il-Programm għandhom jiżguraw il-koerenza fl-użu tar-riżorsi tal-Unjoni li jappoġġaw il-funzjonament tal-unjoni doganali.

(12)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni finanzjarja ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu adotatti b’mod konformi mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), u mar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 (5).

(13)

L-interessi finanzjarji tal-Unjoni għandhom jitħarsu permezz ta’ miżuri xierqa fiċ-ċiklu tal-infiq kollu, inklużi l-prevenzjoni, l-iskoperta u l-investigazzjoni ta’ irregolaritajiet, l-irkupru ta’ fondi mitlufa, mħallsa indebitament jew użati b'mod skorrett u, fejn xieraq, pieni.

(14)

Il-kooperazzjoni dwar il-valutazzjoni intelliġenti tar-riskju hija ta’ importanza vitali biex tippermetti lin-negozji konformi u affidabbli jiksbu benefiċċju massimu mis-simplifikazzjoni tal-amministrazzjoni elettronika tad-dwana, u tippermetti li jiġu indirizzati l-irregolaritajiet.

(15)

Biex ikunu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni għall-finijiet tal-istabbiliment tal-programmi ta' ħidma annwali. Dawn is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

(16)

Biex ikun hemm reazzjonijiet adatti għall-bidliet fil-prijoritajiet politiċi, għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti f'konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-emendar tal-lista ta' indikaturi għall-kejl tal-kisba tal-għanijiet speċifiċi u l-immodifikar tal-ammonti indikattivi allokati għal kull tip ta' azzjoni. Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet adatti matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti. Il-Kummissjoni, meta tkun qiegħda tipprepara u tfassal atti ta’ delega, għandha tiżgura t-trażmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(17)

Billi l-għanijiet ta' dan ir-Regolament, jiġifieri l-istabbiliment ta' programm multiannwali għat-titjib tal-funzjonament tal-unjoni doganali, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri billi dawn ma jistgħux iwettqu l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni neċessarji għat-twettiq tal-Programm b'mod effiċjenti, imma jista', minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell ta' Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà stabbilit fl-Artikolu 5 Tat-Tratt tal-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-objettivi.

(18)

Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat għall-implimentazzjoni tal-Programm Dwana 2020.

(19)

Biex tiġi ffaċilitata l-valutazzjoni tal-Programm, għandu jiġi stabbilit qafas xieraq għall-monitoraġġ tar-riżultati miksuba mill-Programm mill-bidu nett. Għandha titwettaq valutazzjoni ta’ nofs it-terminu li tħares lejn il-ksib tal-għanijiet tal-Programm, l-effiċjenza tiegħu u l-valur miżjud tiegħu fil-livell Ewropew. Valutazzjoni finali għandha, flimkien ma’ dan, tittratta l-impatt fit-tul u l-effetti ta' sostenibbiltà tal-Programm. Għandha tkun żgurata trasparenza sħiħa b'rappurtar regolari dwar il-monitoraġġ u l-valutazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Dawk il-valutazzjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq indikaturi li jkejlu l-effetti tal-programm meta mqabbla ma' linji bażi definiti minn qabel. L-indikaturi għandhom, fost ħwejjeġ oħra, ikejlu ż-żmien kemm in-Netwerk Komuni ta' Komunikazzjoni jibqa' disponibbli mingħajr ħsara fis-sistema, peress li din hi l-kondizzjoni għall-funzjonament tajjeb ta' kull Sistema ta' Informazzjoni Ewropea, biex l-awtoritajiet tad-dwana jikkooperaw b'mod effiċjenti fl-unjoni doganali.

(20)

Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) tirregola l-ipproċessar ta’ dejta personali mwettqa fl-Istati Membri fil-kuntest ta’ dan ir-Regolament u taħt is-superviżjoni tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, b’mod partikolari l-awtoritajiet pubbliċi indipendenti magħżula mill-Istati Membri. Ir-Regolament (UE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), jirregola l-ipproċessar tad-dejta personali mwettaq mill-Kummissjoni fi ħdan il-qafas ta’ dan ir-Regolament u taħt is-superviżjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta. Kwalunkwe skambju jew trażmissjoni ta’ informazzjoni minn awtoritajiet kompetenti għandhom isiru skont ir-regoli dwar it-trasferiment ta’ dejta personali kif stabbilit fid-Direttiva 95/46/KE u kwalunkwe skambju jew trażmissjoni ta’ informazzjoni mill-Kummissjoni għandu jsir skont ir-regoli dwar it-trasferiment ta’ dejta personali kif stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 45/2001.

(21)

Dan ir-Regolament jissostitwixxi d-Deċiżjoni Nru 624/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9). Għaldaqstant, dik id-Deċiżjoni għandha tiġi mħassra,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

1.   B'dan qiegħed jiġi stabbilit programm ta' azzjoni multiannwali "Dwana 2020" ("il-Programm") bħala appoġġ għall-funzjonament tal-unjoni doganali.

2.   Il-Programm għandu jkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2020.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-fini ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“awtoritajiet doganali” tfisser l-awtoritajiet responsabbli għall-applikazzjoni tar-regoli dwar id-dwana;

(2)

“esperti esterni” tfisser:

(a)

rappreżentanti tal-awtoritajiet governattivi inkluż minn pajjiżi mhux parteċipanti fil-Programm, skont l-Artikolu 3(2);

(b)

operaturi ekonomiċi u l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-operaturi ekonomiċi;

(c)

rappreżentanti ta' organizzazzjonijiet internazzjonali u oħrajn rilevanti.

Artikolu 3

Parteċipazzjoni fil-Programm

1.   Il-pajjiżi parteċipanti għandhom ikunu l-Istati Membri u l-pajjiżi msemmija fil-paragrafu 2, bil-kundizzjoni li jintlaħqu l-kundizzjonijiet stabbiliti f'dak il-paragrafu.

2.   Il-Programm għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni ta’ kwalunkwe wieħed mill-pajjiżi li ġejjin:

(a)

il-pajjiżi aderenti, il-pajjiżi kandidati u l-kandidati potenzjali li jibbenefikaw minn strateġija ta’ qabel l-adeżjoni, skont il-prinċipji ġenerali u t-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni ta’ dawk il-pajjiżi fil-programmi tal-Unjoni stabbiliti fil-ftehimiet qafas, id-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jew ftehimiet simili rispettivi;

(b)

il-pajjiżi msieħba tal-Politika Ewropea tal-Viċinat bil-kundizzjoni li l-metodi leġiżlattivi u amministrattivi rilevanti ta' dawk il-pajjiżi jkunu laħqu livell suffiċjenti ta' approssimazzjoni mal-metodi tal-Unjoni.

Il-pajjiżi msieħba msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu għandhom jipparteċipaw fil-Programm skont id-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu determinati ma’ dawk il-pajjiżi wara t-twaqqif ta’ ftehimiet qafas li jikkonċernaw il-parteċipazzjoni tagħhom fil-programmi tal-Unjoni.

Artikolu 4

Kontribut għall-attivitajiet taħt il-Programm

Esperti esterni jistgħu jkunu mistiedna jagħtu kontribut għal attivitajiet magħżula organizzati taħt il-Programm kull fejn dan ikun essenzjali għall-kisba tal-objettivi msemmija fl-Artikoli 5 u 6. Dawn l-esperti għandhom jingħażlu mill-Kummissjoni, flimkien mal-pajjiżi parteċipanti, abbażi tal-ħiliet, l-esperjenza u l-għarfien tagħhom li huma rilevanti għall-attivitajiet speċifiċi.

Artikolu 5

Għan ġenerali u objettivi speċifiċi

1.   L-għan ġenerali tal-Programm għandu jkun li jappoġġa l-funzjonament u l-modernizzazzjoni tal-unjoni doganali sabiex is-suq intern jissaħħaħ permezz ta' kooperazzjoni bejn il-pajjiżi parteċipanti, l-awtoritajiet doganali tagħhom u l-uffiċjali tagħhom. L-għan ġenerali għandu jitfittex bl-ilħuq ta' objettivi speċifiċi.

2.   L-objettivi speċifiċi għandhom ikunu sabiex jappoġġaw lill-awtoritajiet tad-dwana jħarsu l-interessi finanzjarji u ekonomiċi tal-Unjoni u tal-Istati Membri, li jinkludi l-ġlieda kontra l-frodi u l-protezzjoni tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali, iżidu s-sikurezza u s-sigurtà, jipproteġu liċ-ċittadini u l-ambjent, itejbu l-kapaċità amministrattiva tal-awtoritajiet doganali, u jsaħħu l-kompetittività tal-impriżi Ewropej.

Dawk l-objettivi speċifiċi għandhom jintlaħqu, b'mod partikolari, permezz ta':

(a)

kompjuterizzazzjoni;

(b)

l-assigurazzjoni ta' approċċi moderni u armonizzati għall-proċeduri u l-kontrolli tad-dwana;

(c)

il-faċilitazzjoni tal-kummerċ leġittimu;

(d)

it-tnaqqis tal-ispejjeż għall-konformità u l-piż amministrattiv; u

(e)

it-titjib tal-funzjonament tal-awtoritajiet tad-dwana.

3.   L-ilħuq tal-objettivi speċifiċi għandu jitkejjel abbażi tal-indikaturi elenkati fl-Anness I. Jekk ikun meħtieġ, dawk l-indikaturi jistgħu jiġu riveduti matul il-kors tal-Programm.

Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 15 sabiex temenda l-lista tal-indikaturi mogħtija fl-Anness I.

Artikolu 6

Għanijiet operazzjonali

L-għanijiet operazzjonali tal-Programm għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a)

l-appoġġ tat-tħejjija, l-applikazzjoni koerenti u l-implimentazzjoni effettiva tal-liġi u l-politika tal-Unjoni fil-qasam tad-dwana,

(b)

l-iżvilupp, it-titjib, it-tħaddim u l-appoġġ tas-Sistemi ta' Informazzjoni Ewropej għad-dwana,

(c)

l-identifikazzjoni, l-iżvilupp, il-kondiviżjoni u l-applikazzjoni tal-aħjar prattiki tal-ħidma u proċeduri amministrattivi, li b'mod partikolari jsegwu attivitajiet ta' ħolqien ta' punti ta' riferiment,

(d)

it-tisħiħ tal-ħiliet u l-kompetenzi tal-uffiċjali tad-dwana,

(e)

it-titjib tal-kooperazzjoni bejn awtoritajiet tad-dwana u organizzazzjonijiet internazzjonali, pajjiżi terzi, awtoritajiet governattivi oħra, inkluż l-awtoritajiet tal-Unjoni u nazzjonali għas-sorveljanza tas-suq, kif ukoll operaturi ekonomiċi u l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-operaturi ekonomiċi.

KAPITOLU II

AZZJONIJIET ELIĠIBBLI

Artikolu 7

Azzjonijiet eliġibbli

Il-Programm għandu jipprovdi, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-programm ta’ ħidma annwali msemmi fl-Artikolu 14, appoġġ finanzjarju għat-tipi ta’ azzjoni li ġejjin:

(a)

azzjonijiet konġunti:

(i)

seminars u workshops;

(ii)

gruppi ta’ proġett, ġeneralment magħmula minn numru limitat ta’ pajjiżi, li jkunu operattivi għal perjodu ta’ żmien limitat li l-għan tagħhom ikun l-ilħuq ta’ objettiv predefinit b’riżultat definit b’mod preċiż li jinkludi l-koordinazzjoni jew ħolqien ta' punti ta' riferiment;

(iii)

żjarat ta' ħidma organizzati mill-pajjiżi parteċipanti jew pajjiż terz biex jippermettu lil uffiċjali jiksbu jew iżidu l-kompetenza jew l-għarfien tagħhom f'materji ta' dwana; għal żjarat ta' ħidma organizzati f'pajjiżi terzi jkunu eliġibbli taħt il-Programm l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u s-sussistenza (akkomodazzjoni u gratifika ta' kuljum) biss;

(iv)

azzjonijiet ta' monitoraġġ imwettqa minn gruppi konġunti magħmula minn uffiċjali tal-Kummissjoni u tal-Pajjiżi Parteċipanti għall-analiżi tal-prattiki doganali, l-identifikazzjoni ta’ kwalunkwe diffikultà fl-implimentazzjoni ta’ regoli u, fejn xieraq, sabiex isiru suġġerimenti għall-adattament tar-regoli tal-Unjoni u l-metodi ta’ ħidma;

(v)

gruppi esperti, jiġifieri forom strutturati ta’ kooperazzjoni, ta' natura nonpermanenti jew permanenti, akkomunament ta' ħiliet esperti għat-twettiq ta’ kompiti f’oqsma speċifiċi jew ta’ attivitajiet operattivi, possibbilment bl-appoġġ ta’ servizzi ta’ kollaborazzjoni onlajn, assistenza amministrattiva u faċilitajiet ta’ infrastruttura u tagħmir;

(vi)

azzjonijiet ta’ bini ta’ kapaċitajiet fl-amministrazzjoni doganali u ta’ appoġġ;

(vii)

studji;

(viii)

azzjonijiet ta' komunikazzjoni żviluppati konġuntament;

(ix)

kwalunkwe attività oħra ta’ appoġġ għall-objettivi ġenerali, speċifiċi u operattivi mogħtija fl-Artikoli 5 u 6;

(b)

bini tal-kapaċità fl-IT: żvilupp, manutenzjoni, l-operat u l-kontroll tal-kwalità tal-komponenti tal-Unjoni tas-Sistemi ta' Informazzjoni Ewropej mogħtija fit-Taqsima A tal-Anness II u Sistemi ta' Informazzjoni Ewropej ġodda stabbiliti skont il-liġi tal-Unjoni.

(c)

żvilupp ta' kompetenzi umani: azzjonijiet ta’ taħriġ komuni għall-appoġġ tal-ħiliet u l-għarfien professjonali meħtieġa relatati mad-dwana.

Artikolu 8

Dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ implimentazzjoni għal azzjonijiet konġunti

1.   Il-parteċipazzjoni fl-azzjonijiet konġunti msemmijin fil-punt (a) tal-Artikolu 7(1) għandha tkun fuq bażi volontarja.

2.   Il-pajjiżi parteċipanti għandhom jiżguraw li jiġu nominati uffiċjali bi profil u kwalifiki adegwati sabiex jipparteċipaw fl-azzjonijiet konġunti.

3.   Il-pajjiżi parteċipanti għandhom, meta jkun adatt, jieħdu l-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet konġunti, b’mod partikolari billi jqajmu għarfien dwar dawk l-azzjonijiet u billi jiżguraw li jsir użu ottimali tar-riżultati ġġenerati.

Artikolu 9

Dispożizzjonijiet speċifiċi ta' implimentazzjoni għall-bini ta' kapaċitajiet fl-IT

1.   Il-Kummissjoni u l-pajjiżi parteċipanti għandhom jiżguraw li s-Sistemi ta’ Informazzjoni Ewropej imsemmija fit-Taqsima A tal-Anness II jiġu żviluppati, operati u miżmuma b’mod xieraq.

2.   Il-Kummissjoni għandha tikkoordina, b’kooperazzjoni mal-pajjiżi parteċipanti, dawk l-aspetti tat-twaqqif u l-funzjonament tal-komponenti tal-Unjoni, elenkati fit-Taqsima B tal-Anness I, u komponenti mhux tal-Unjoni, deskritti fit-Taqsima C tal-Anness II, tas-Sistemi Ewropej ta' Informazzjoni msemmija fit-Taqsima A tal-Anness II li huma meħtieġa għall-iżgurar tal-operabilità, l-interkonnettività u t-titjib kontinwu tagħhom.

3.   L-Unjoni għandha ġġarrab l-ispiża tal-akkwist, l-iżvilupp, l-istallazzjoni, il-manutenzjoni u l-operat ta’ kuljum tal-komponenti tal-Unjoni. L-ispiża tal-akkwist, l-iżvilupp, l-istallazzjoni, il-manutenzjoni u l-operat ta' kuljum tal-komponenti mhux tal-Unjoni għandhom iġarrbuhom il-pajjiżi parteċipanti.

Artikolu 10

Dispożizzjonijiet speċifiċi ta' implimentazzjoni għall-iżvilupp ta' kompetenzi umani

1.   Il-parteċipazzjoni fl-azzjonijiet ta' taħriġ komuni msemmijin fil-punt (c) tal-Artikolu 7 għandha tkun fuq bażi volontarja.

2.   Il-pajjiżi parteċipanti għandhom, fejn ikun adatt, jintegraw fil-programmi nazzjonali tagħhom ta’ taħriġ, kontenut ta’ taħriġ konġunt, inkluż moduli ta’ tagħlim elettroniku, programmi ta’ taħriġ u standards ta’ taħriġ li jkun hemm qbil dwarhom.

3.   Il-pajjiżi parteċipanti għandhom jiżguraw li l-uffiċjali tagħhom jirċievu t-taħriġ tal-bidu u dak kontinwu meħtieġ sabiex jiksbu ħiliet u għarfien professjonali komuni skont il-programmi ta’ taħriġ.

4.   Il-pajjiżi parteċipanti għandhom jipprovdu t-taħriġ lingwistiku meħtieġ sabiex jaċċertaw li l-uffiċjali jkollhom livell suffiċjenti ta’ kompetenza lingwistika biex jipparteċipaw fil-Programm.

KAPITOLU III

QAFAS FINANZJARJU

Artikolu 11

Qafas finanzjarju

1.   Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Programm għall-perjodu 2014-2012 hu stabbilit għal EUR 522 943 000 fi prezzijiet ta' bħalissa.

L-approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fi ħdan il-limiti tal-qafas finanzjarju pluriennali.

2.   Fil-pakkett finanzjarju għall-Programm għandhom ikunu allokati ammonti indikattivi għall-azzjonijiet eliġibbli elenkati fl-Artikolu 7, fil-limiti tal-persentaġġi mogħtija fl-Anness III għal kull tip ta' azzjoni. Il-Kummissjoni tista' tiżvija mill-allokazzjoni indikattiva tal-fondi stabbilita fl-Anness, iżda ma tistax iżżid is-sehem allokat tal-pakkett finanzjarju b'aktar minn 10 % għal kull tip ta' azzjoni.

Jekk jirriżulta meħtieġ li jinqabeż dak il-limitu, il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 15 biex timmodifika l-allokazzjoni indikattiva tal-fondi stabbilita f'dak l-Anness III.

Artikolu 12

Tipi ta' interventi

1.   Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-Programm skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

2.   L-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni għall-azzjonijiet eliġibbli previsti fl-Artikolu 7 għandu jieħu l-forma ta’:

(a)

għotjiet;

(b)

kuntratti ta’ akkwist pubbliku;

(c)

rimborż ta’ spejjeż magħmula mill-esperti esterni msemmija fl-Artikolu 4.

3.   Ir-rata ta’ kofinanzjament għall-għotjiet għandha tasal sa 100 % tal-ispejjeż eliġibbli fil-każ ta' gratifiki għal kull jum, spejjeż tal-ivvjaġġar u tal-akkomodazzjoni u spejjeż marbuta mal-organizzazzjoni ta’ avvenimenti.

Ir-rata ta' kofinanzjament applikabbli meta l-azzjonijiet ikunu jeħtieġu l-aġġudikament ta' għotjiet għandha tkun stabbilita fil-programmi ta' ħidma annwali.

4.   L-allokazzjoni finanzjarja għall-Programm tista' tkopri wkoll:

(a)

infiq li jappartjeni għal attivitajiet ta' tħejjija, monitoraġġ, kontroll, awditjar u evalwazzjoni li huma meħtieġa għall-ġestjoni tal-Programm u l-kisba tal-objettivi tiegħu, b’mod partikolari studji, laqgħat ta’ esperti, azzjonijiet ta’ informazzjoni u komunikazzjoni, inkluż komunikazzjoni korporattiva tal-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni Ewropea sakemm ikunu relatati mal-objettivi ta’ dan il-Programm;

(b)

spejjeż konnessi man-netwerks tal-IT li jiffukaw fuq l-ipproċessar u l-iskambju ta’ informazzjoni; u

(c)

spejjeż l-oħra kollha ta’ assistenza amministrattiva u teknika magħmula mill-Kummissjoni għall-ġestjoni tal-Programm.

Artikolu 13

Ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tieħu miżuri xierqa sabiex tiżgura li, meta jiġu implimentati azzjonijiet iffinanzjati taħt dan ir-Regolament, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jiġu mħarsa bl-applikazzjoni ta’ miżuri preventivi kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra b’verifiki effikaċi u, jekk jiġu skoperti irregolaritajiet, bl-irkupru tal-ammonti li jkunu tħallsu indebitament u, fejn xieraq, b’pieni amministrattivi u finanzjarji effikaċi, proporzjonati u dissważivi.

2.   Il-Kummissjoni jew ir-rappreżentanti tagħha u l-Qorti tal-Awdituri għandu jkollhom is-setgħa tal-awditjar, fuq il-bażi ta' dokumenti u fuq il-post, fuq il-benefiċjarji ta' għotjiet, il-kuntratturi u s-subkuntratturi kollha li jkunu rċevew fondi tal-Unjoni taħt dan ir-Regolament.

3.   L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) jista' jwettaq investigazzjonijiet, fosthom verifiki u spezzjonijiet fil-post, skont id-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (11) bil-għan li jiġi stabbilit jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività irregolari oħra li tolqot l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b'rabta ma' ftehim jew deċiżjoni ta' għotja jew kuntratt li jkun ffinanzjat taħt dan ir-Regolament.

KAPITOLU IV

SETGĦAT TA’ IMPLIMENTAZZJONI

Artikolu 14

Programm ta' Ħidma

1.   Sabiex timplimenta l-Programm, il-Kummissjoni għandha tadotta programmi ta’ ħidma annwali permezz ta’ atti ta' implimentazzjoni. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 16(2).

Kull programm ta' ħidma annwali għandu jimplimenta l-objettivi tal-Programm billi jiddetermina dan li ġej:

(a)

l-azzjonijiet skont l-objettivi ġenerali, speċifiċi u operattivi kif mogħtija fl-Artikoli 5 u 6, il-metodu tal-implimentazzjoni inkluż, fejn ikun adatt, l-arranġamenti għall-istabbiliment tal-gruppi esperti msemmijin fil-punt (v) tal-punt (a) tal-Artikolu 7 u r-riżultati mistennija;

(b)

deskrizzjoni dettaljata tat-tqassim tal-baġit għal kull tip ta' azzjoni;

(c)

ir-rata ta' kofinanzjament għall-għotjiet kif imsemmija fl-Artikolu 12(3).

2.   Fit-tħejjija tal-programm ta' ħidma annwali, il-Kummissjoni għandha tieħu kont tal-approċċ komuni fir-rigward tal-politika doganali. Dak l-approċċ għandu jiġi rivedut regolarment u jiġi stabbilit fi sħubija bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri fil-Grupp dwar il-Politika Doganali, magħmul mill-kapijiet tal-amministrazzjonijiet doganali mill-Istati Membri jew ir-rappreżentanti tagħhom u r-rappreżentanti tal-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-Grupp dwar il-Politika Doganali informat b'mod regolari bil-miżuri li għandhom x'jaqsmu mal-implimentazzjoni tal-Programm.

Artikolu 15

Eżerċitar tad-delega

1.   Is-setgħa li tadotta atti ddelegati hija konferita fuq il-Kummissjoni soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti ddelegati msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(3) u fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(2) għandha tkun ikkonferita fuq il-Kummissjoni għal perijodu li jibda fl-1 ta’ Jannar 2014 u jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2020.

3.   Id-delega ta' setgħa msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(3) u fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(2) tista' tkun irrevokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva l-għada tal-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Hija ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att iddelegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Hekk kif tadotta att iddelegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifika simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwaru.

5.   Att iddelegat adottat f'konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(3) u mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(2) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn li huma informaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 16

Proċedura ta' Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

KAPITOLU V

MONITORAĠĠ U EVALWAZZJONI

Artikolu 17

Monitoraġġ tal-azzjonijiet taħt il-Programm

1.   F'kooperazzjoni mal-pajjiżi parteċipanti, il-Kummissjoni għandha twettaq monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Programm u tal-azzjonijiet taħtu abbażi tal-indikaturi msemmijin fl-AnnessI.

2.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel pubbliku l-eżitu tal-monitoraġġ.

3.   Ir-riżultati tal-monitoraġġ għandhom jintużaw għall-evalwazzjoni tal-Programm skont l-Artikolu 18.

Artikolu 18

Evalwazzjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapporti ta' evalwazzjoni ta' nofs it-terminu u finali tal-Programm, fir-rigward tal-materji msemmija fil-paragrafi 2 u 3. Ir-riżultati ta' dawk l-evalwazzjonijiet, inkluż l-identifikazzjoni ta' nuqqasijiet maġġuri li jiġu identifikati, għandhom jiġu integrati fid-deċiżjonijiet dwar tiġdid, modifika jew sospensjoni possibbli tal-Programm għal perjodi sussegwenti. Dawk l-evalwazzjonijiet għandhom jitwettqu minn evalwatur indipendenti estern.

2.   Il-Kummissjoni għandha, sat-30 ta' Ġunju 2018 tfassal rapport ta’ evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu dwar l-ilħuq tal-objettivi tal-azzjonijiet taħt il-Programm, l-effiċjenza tal-użu tar-riżorsi u l-valur miżjud tal-Programm fil-livell Ewropew. Dak ir-rapport għandu, barra minn hekk, jindirizza s-simplifikazzjoni u r-rilevanza kontinwa tal-objettivi, kif ukoll il-kontribut tal-Programm għall-prijoritajiet tal-Unjoni għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv.

3.   Il-Kummissjoni għandha, sal-31 ta' Diċembru 2021, tfassal rapport ta’ evalwazzjoni finali dwar il-materji msemmija fil-paragrafu 2, u dwar l-impatt fuq perjodu twil u s-sostenibbiltà tal-effetti tal-programm.

4.   Fuq talba tal-Kummissjoni, il-pajjiżi parteċipanti għandhom jipprovdulha, id-dejta u l-informazzjoni kollha rilevanti bl-għan li jikkontribwixxu għar-rapporti ta’ evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu u finali tagħha.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 19

Tħassir

Id-Deċiżjoni Nru 624/2007/KE hi b’dan imħassra b’effett mill-1 ta' Jannar 2014.

Madankollu, l-obbligi finanzjarji relatati ma’ azzjonijiet li jittieħdu taħt dik id-Deċiżjoni għandhom jibqgħu jiġu rregolati minnha sakemm jitlestew.

Artikolu 20

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2014.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, il-11 ta’ Diċembru 2013.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

V. LEŠKEVIČIUS


(1)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-17 ta' Novembru 2013 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 ta' 2 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (Ara paġna 884 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(4)  Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal- Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(5)  Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1).

(6)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju tal-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(7)  Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru, 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

(8)  Regolament (UE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE u dwar il-movement liberu ta' dak id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(9)  Deċiżjoni Nru 624/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Mejju 2007 li tistabbilixxi programm ta' azzjoni għad-dwana fil-Komunità (Dwana 2013) (ĠU L 154, 14.6.2007, p. 25).

(10)  Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

(11)  Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).


ANNESS I

Indikaturi

Il-kisba tal-objettivi speċifiċi msemmijin fl-Artikolu 5(2) għandhom jitkejlu abbażi tal-indikaturi li ġejjin:

(a)

ir-reazzjonijiet mill-parteċipanti f'azzjonijiet taħt il-Programm u minn min juża l-indiċi tal-Programm li ser jindikaw l-impressjoni tal-partijiet involuti fil-programm fir-rigward tal-impatt tal-azzjonijiet taħt il-Programm, fost oħrajn f'termini ta':

(i)

l-impatt tal-azzjonijiet taħt il-Programm fuq l-użu ta' netwerks,

(ii)

l-impatt tal-azzjonijiet taħt il-Programm fuq il-kooperazzjoni;

(b)

in-numru ta' linji gwida u rakkomandazzjonijiet maħruġa wara attivitajiet taħt il-Programm rigward approċċi moderni u armonizzati għall-proċeduri tad-dwana;

(c)

In-Netwerk ta' Komunikazzjoni Komuni għall-Indikatur tas-Sistemi ta' Informazzjoni Ewropej, li ser ikejjel id-disponibbiltà tan-netwerk komuni li hi essenzjali għat-tħaddim tas-Sistemi ta' Informazzjoni Ewropej relatati mad-dwana. In-netwerk għandu jkun disponibbli għal 98 % taż-żmien;

(d)

l-Indiċi tal-Applikazzjoni u l-Implimentazzjoni tal-Liġi u l-Politika tal-Unjoni, li ser tkejjel il-progress fit-tħejjija, l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-liġi u l-politika tal-Unjoni fil-qasam tad-dwana abbażi, fost oħrajn, ta':

(i)

in-numru ta' azzjonijiet taħt il-Programm organizzati f'dan il-qasam, b'mod partikolari b'rabta mal-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, il-kwistjonijiet tas-sikurezza u s-sigurtà, il-ġlieda kontra l-frodi u s-sigurtà fil-katina tal-provvista;

(ii)

in-numru ta' rakkomandazzjonijiet maħruġa wara dawn l-azzjonijiet;

(e)

l-Indikatur tad-Disponibbiltà tas-Sistemi ta' Informazzjoni Ewropej, li ser ikejjel id-disponibbiltà tal-komponenti tal-Unjoni fl-applikazzjonijiet tal-IT Doganali. Dawn għandhom ikunu disponibbli għal 97 % taż-żmien waqt ħinijiet tax-xogħol u 95 % taż-żmien fil-ħinijiet l-oħra;

(f)

l-Indiċi tal-Aħjar Prattiki u l-Linji Gwida, li ser ikejlu l-evoluzzjoni fl-identifikazzjoni, l-iżvilupp, il-kondiviżjoni u l-applikazzjoni tal-aħjar prattiki ta' ħidma u proċeduri amministrattivi abbażi, fost oħrajn, ta':

(i)

in-numru ta' azzjonijiet taħt il-Programm organizzati f'dan il-qasam;

(ii)

in-numru ta' linji gwida u tal-aħjar prattiki li jkunu kondiviżi;

(g)

l-Indiċi tat-Tagħlim, li ser ikejjel il-progress li jirriżulta mill-azzjonijiet taħt il-Programm li għandhom l-għan isaħħu l-ħiliet u l-kompetenzi tal-uffiċjali tad-dwana, fost oħrajn, abbażi ta':

(i)

in-numru ta' uffiċjali mħarrġa bl-użu ta' materjal tat-taħriġ komuni tal-Unjoni,

(ii)

in-numru ta' drabi li tniżżlu moduli tat-Tagħlim elettroniku tal-Programm;

(h)

l-Indikatur tal-Kooperazzjoni ma' partijiet terzi, li ser jistabbilixxi kif il-programm jappoġġa l-awtoritajiet li mhumiex l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri billi jkejjel in-numru ta' azzjonijiet taħt il-Programm li jappoġġaw dak l-objettiv.


ANNESS II

Sistemi ta’ Informazzjoni Ewropej u l-komponenti tagħhom tal-Unjoni u dawk li mhumiex tal-Unjoni

A.

Is-Sistemi ta’ Informazzjoni Ewropej huma dawn li ġejjin:

(1)

in-netwerk ta’ komunikazzjonijiet komuni/l-interface tas-sistemi komuni (CCN/CSI – CCN2), CCN mail3, is-CSI bridge, l-http bridge, CCN LDAP u l-għodod relatati, il-portal tal-web CCN, il-monitoraġġ CCN;

(2)

sistemi ta’ appoġġ, b’mod partikolari l-għodda tal-konfigurazzjoni tal-applikazzjoni għal CCN, l-għodda għar-rapportar ta’ attivitajiet (ART2), il-ġestjoni elettronika Taxud ta’ proġett onlajn (TEMPO), l-għodda ta’ ġestjoni tas-servizzi (SMT), is-sistema ta’ ġestjoni tal-utenti (UM), is-sistema BPM, id-dashboard tad-disponibbilità u l-AvDB, il-portal tal-ġestjoni tas-servizzi tal-IT, il-ġestjoni tal-aċċess għad-direttorju u tal-utenti;

(3)

L-Ispazju ta' informazzjoni u komunikazzjoni tal-programm (PICS);

(4)

is-sistemi tal-moviment doganali, b’mod partikolari s-Sistema (Ġdida) ta’ Tranżitu Kompjuterizzata ((N)CTS), NCTS TIR għar-Russja, is-Sistema ta’ Kontroll tal-Esportazzjoni (ECS) u s-Sistema ta’ Kontroll tal-Importazzjoni (ICS). Dawn is-sistemi huma appoġġati mill-applikazzjonijiet/komponenti li ġejjin: is-sistema għall-iskambju ta’ dejta ma’ pajjiżi terzi (SPEED bridge), is-SPEED Edifact Converter Node (SPEED-ECN), Standard SPEED Test Application (SSTA), Standard Transit Test Application (STTA), Transit Test Application (TTA), is-Central Services/Reference Data (CSRD2) u is-Central Services/Management Information System (CS/MIS);

(5)

il-Community Risk Management System (CRMS) li tkopri r-Risk Information Forms (RIF) u d-dominji funzjonali CPCA dwar il-Profili Komuni;

(6)

is-Sistema tal-Operaturi Ekonomiċi (EOS) li tkopri r-Reġistrazzjoni u l-Identifikazzjoni tal-Operaturi Ekonomiċi (EORI), l-Operaturi Ekonomiċi Awtorizzati (AEO), is-Servizzi Regolari tat-Trasport Marittimu (RSS) u r-rikonoxximent reċiproku mad-dominji funzjonali tal-pajjiżi msieħba. Is-Servizz Ġeneriku tal-Web huwa komponent ta’ appoġġ għal din is-sistema;

(7)

is-sistema tariffarja (TARIC3) li hija sistema ta’ dejta ta’ referenza għal applikazzjonijiet oħra bħas-sistema tal-ġestjoni tal-kwoti (QUOTA2), is-sistema ta’ ġestjoni u monitoraġġ tas-sorveljanza (SURV2), is-sistema tal-European Binding Tariff Information (EBTI3), l-Inventarju Doganali Ewropew tas-Sustanzi Kimiċi (ECICS2). L-applikazzjonijiet tan-Nomenklatura Magħquda (CN) u tas-sospensjonijiet (Suspensions) qegħdin jiġġestixxu informazzjoni legali b’konnessjoni diretta mas-sistema tariffarja;

(8)

l-applikazzjonijiet għal finijiet ta’ kontroll, b’mod partikolari s-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Kampjuni (SMS) u s-Sistema ta' Informazzjoni għall-Proċeduri ta' Pproċessar (ISPP);

(9)

is-Sistema kontra l-Falsifikazzjoni u kontra l-Piraterija (COPIS);

(10)

is-Sistema ta’ Disseminazzjoni tad-Dejta (DDS2) li tiġġestixxi l-informazzjoni kollha li hija aċċessibbli għall-pubbliku permezz tal-Internet;

(11)

is-Sistema ta' Informazzjoni għal Kontra l-Frodi (AFIS); u

(12)

kwalunkwe sistemi oħra inklużi fil-pjan strateġiku pluriennali previst fl-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni Nru 70/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u s-suċċessuri ta' dak il-pjan.

B.

Il-komponenti tal-Unjoni tas-Sistemi ta’ Informazzjoni Ewropej huma:

(1)

riżorsi tal-IT bħall-hardware, is-software u l-konnessjonijiet tan-netwerk tas-sistemi inkluża l-infrastruttura tad-dejta assoċjata;

(2)

is-servizzi tal-IT meħtieġa sabiex jappoġġaw l-iżvilupp, iż-żamma, it-titjib u l-operat tas-sistemi; u

(3)

kwalunkwe element ieħor li, għal raġunijiet ta’ effiċjenza, sigurtà u razzjonalizzazzjoni, huma identifikati mill-Kummissjoni bħala komuni għall-pajjiżi parteċipanti.

C.

Il-komponenti mhux tal-Unjoni tas-Sistemi ta’ Informazzjoni Ewropej huma dawk il-komponenti kollha li mhumiex identifikati bħala komponenti tal-Unjoni fit-Taqsima B.


(1)  Deċiżjoni Nru 70/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta’ Jannar 2008 dwar ambjent mingħajr karti għad-dwana u l-kummerċ (ĠU L 23, 26.1.2008, p. 21).


ANNESS III

Allokazzjoni indikattiva tal-fondi

L-allokazzjoni idikattiva tal-fondi għal azzjonijiet eliġibbli elenkati fl-Artikolu 7 hija kif ġej:

Tipi ta' azzjoni

Sehem mill-pakkett finanzjarju

(f'%)

Azzjonijiet konġunti

massimu ta' 20 %

Bini ta' kapaċità fl-IT

tal-anqas 75 %

Bini tal-kompetenza umana

massimu ta' 5 %


Top