EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R1285

Regolament (UE) Nru 1285/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta' Diċembru 2013 dwar l-implimentazzjoni u l-esplojtazzjoni tas-sistemi Ewropej tar-radjunavigazzjoni bis-satellita u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 876/2002 u r-Regolament (KE) Nru 683/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 1–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2020; Imħassar b' 32021R0696

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1285/oj

20.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 347/1


REGOLAMENT (UE) Nru 1285/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta' Diċembru 2013

dwar l-implimentazzjoni u l-esplojtazzjoni tas-sistemi Ewropej tar-radjunavigazzjoni bis-satellita u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 876/2002 u r-Regolament (KE) Nru 683/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 172 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja,

Billi:

(1)

Il-politika Ewropea tan-navigazzjoni bis-satellita għandha l-għan li tagħti lill-Unjoni żewġ sistemi ta' radjunavigazzjoni bis-satellita, is-sistema li tirriżulta mill-programm Galileo u mis-sistema EGNOS ("is-sistemi"). Dawn is-sistemi joħorġu rispettivament mill-programmi Galileo u EGNOS. Kull infrastruttura tikkonsisti f'satelliti u f'netwerk ta' stazzjonijiet fuq l-art.

(2)

Il-programm Galileo huwa maħsub biex tiġi stabbilita u użata l-ewwel infrastruttura dinjija ta' radjunavigazzjoni u pożizzjonament bis-satellita maħsuba speċifikament għal finijiet ċivili li tista' tintuża minn diversi atturi pubbliċi u privati fl-Ewropa u madwar id-dinja. Is-sistema stabbilita mill-programm Galileo tiffunzjona indipendentement mis-sistemi l-oħra eżistenti, jew minn dawk li jistgħu jinħolqu, u b'hekk tikkontribwixxi fost affarijiet oħra għall-awtonomija strateġika tal-Unjoni, kif kien enfasizzat mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

(3)

Il-programm EGNOS huwa maħsub biex itejjeb il-kwalità tas-sinjali miftuħa minn sistemi eżistenti ta' navigazzjoni globali bis-satelliti ("GNSS") kif ukoll dawk mis-servizz miftuħ offrut mis-sistema stabbilita mill-programm Galileo, meta dawn isiru disponibbli. Is-servizzi pprovduti mill-programm EGNOS għandhom ikopru, bħala prijorità, it-territorji tal-Istati Membri li qegħdin ġeografikament fl-Ewropa, inklużi għal dan l-iskop l-Azores, il-Gżejjer Kanari u Madeira.

(4)

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni appoġġaw b’mod sħiħ u konsistenti l-programmi Galileo u EGNOS.

(5)

Issa li l-programmi Galileo u EGNOS waslu fi stadju avvanzat ta' maturità u kważi sistemi f'fażi tal-esplojtazzjoni, jeħtieġ strument ġuridiku speċifiku, li jissodisfa aħjar il-ħtiġijiet tagħhom, partikolarment f'termini ta' governanza u sigurtà, u twieġeb għall-ħtieġa ta' amministrazzjoni finanzjarja tajba u tippromwovi l-użu tas-sistemi.

(6)

Is-sistemi huma infrastrutturi stabbiliti bħala networks trans-Ewropej li l-użu tagħhom jestendi sew lil hinn mill-fruntieri nazzjonali tal-Istati Membri. Barra minn hekk, is-servizzi offruti permezz ta' dawn is-sistemi jikkontribwixxu għal firxa wiesgħa ta' attivitajiet ekonomiċi u soċjali, inkluż l-iżvilupp ta' networks transEwropej fl-oqsma tal-infrastrutturi tat-trasport, tat-telekomunikazjoni u tal-enerġija.

(7)

Il-programmi Galileo u EGNOS huma għodda tal-politika industrijali u huma parti mill-istrateġija Ewropa 2020, kif muri mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Novembru 2010 bit-titlu 'Politika industrijali integrata għall-era tal-globalizzazzjoni: il-kompetittività u s-sostenibbiltà fuq quddiem'. Tirreferi ukoll għalihom il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni adottata fl-4 ta' April 2011 bit-titlu 'Lejn strateġija tal-ispazju għall-Unjoni Ewropea li tibbenefika liċ-ċittadini tagħha'. Dawk il-programmi jippreżentaw għadd ta' vantaġġi għall-ekonomija u ċ-ċittadini tal-Unjoni, li l-valur akkumulat tagħhom ġie stmat għal madwar EUR 130 biljun għall-perjodu 2014-2034.

(8)

Għadd dejjem akbar ta' setturi ekonomiċi, b'mod partikolari t-trasport, it-telekomunikazzjonijiet, l-agrikoltura u l-enerġija, qegħdin jużaw dejjem aktar is-sistemi ta' navigazzjoni bis-satellita. L-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jibbenefikaw ukoll minn dawn is-sistemi f'diversi oqsma bħas-servizzi ta' emerġenza, il-pulizija, il-ġestjoni tal-kriżijiet jew il-ġestjoni tal-fruntieri. L-iżvilupp tal-użu tan-navigazzjoni bis-satellita jġib miegħu benefiċċji enormi għall-ekonomija, is-soċjetà u l-ambjent. Tali -benefiċċji soċjoekonomiċi jinqasmu fi tliet kategoriji ewlenin: benefiċċji diretti li jirriżultaw mit-tkabbir tas-suq tal-ispazju, benefiċċji diretti li jirriżultaw mit-tkabbir tas-suq avvanzat għal applikazzjonijiet u servizzi bbażati fuq il-GNSS, u benefiċċji indiretti li jirriżultaw mit-twelid ta' applikazzjonijiet ġodda f'setturi oħra, jew trasferiment tat-teknoloġija, lejn dawn is-setturi, li jwasslu għal opportunitajiet tas-suq ġodda f'setturi oħra, tkabbir fil-produttività fl-industrija kollha u benefiċċji pubbliċi maħluqa mit-tnaqqis fit-tniġġis jew bil-livelli mtejba ta' sikurezza u sigurtà.

(9)

Huwa għalhekk importanti li l-Unjoni tappoġġa l-iżvilupp ta' applikazzjonijiet u servizzi bbażati fuq is-sistemi. Dan se jippermetti li ċ-ċittadini tal-Unjoni jgawdu l-benefiċċji li ġejjin mis-sistemi, u jassigura li tinżamm il-fiduċja tal-pubbliku fil-programmi Galileo u EGNOS. L-istrument xieraq biex jiffinanzja attivitajiet ta' riċerka u innovazzjoni marbutin mal-iżvilupp ta' applikazzjonijiet ibbażati fuq il-GNSS huwa Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni ("Orizzont 2020"), stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). Madankollu, parti bażika speċifika ħafna tal-attivitajiet ta' riċerka u żvilupp għandha tkun iffinanzjata mill-baġit allokat lill-programmi Galileo u EGNOS skont dan ir-Regolament, fejn tali attivitajiet jikkonċernaw elementi fundamentali bħal chipsets u riċevituri abilitati għall-Galileo, li jiffaċilitaw l-iżvilupp ta' applikazzjonijiet fis-setturi differenti tal-ekonomija. Minkejja dan, tali finanzjament m'għandux ipoġġi f'riskju d-dispjegament jew l-esplojtazzjonital-infrastrutturi stabbiliti skont il-programmi.

(10)

Jekk wieħed iqis l-użu dejjem iktar tan-navigazzjoni bis-satellita fid-diversi oqsma tal-attività, l-interruzzjoni fil-forniment tas-servizzi tista' tagħmel ħsara kbira lis-soċjetà kontemporanja u tirriżulta f'telf għal ħafna operaturi ekonomiċi. Barra minn hekk, minħabba d-dimensjoni strateġika tagħhom, is-sistemi tan-navigazzjoni bis-satellita huma infrastrutturi sensittivi, suxxettibbli partikolarment għal użu b'intenzjoni ħażina. Dawn il-fatturi msemmija hawn fuq jistgħu jaffettwaw is-sigurtà tal-Unjoni, tal-Istati Membri tagħha u taċ-ċittadini tagħha. Ir-rekwiżiti tas-sigurtà għandhom għalhekk jitqiesu waqt it-tfassil, l-iżvilupp, id-dispjegament u l-esplojtazzjoni tal-infrastrutturi stabbiliti taħt il-programmi Galileo u EGNOS skont prattika standard.

(11)

Il-programm Galileo jinkludi fażi tad-definizzjoni li tlestiet, fażi tal-iżvilupp u tal-validazzjoni sal-2013, fażi ta' dispjegament li bdiet fl-2008, u li għandha tispiċċa fl-2020 u fażi ta' esplojtazzjoni li għandha tibda progressivament mill-2014-2015 sabiex ikun hemm sistema kompletament operazzjonali fl-2020. L-ewwel erba' satelliti operattivi ġew mibnija u mnieda matul il-fażi ta' żvilupp u validazzjoni, filwaqt li l-kostellazzjoni sħiħa ta' satelliti għandha titlesta matul il-fażi ta' dispjegament u r-rikostituzzjoni għandha sseħħ matul il-fażi ta' esplojtazzjoni. L-infrastruttura assoċjata bbażata fuq l-art għandha tiġi żviluppata u operata skont dan.

(12)

Il-programm EGNOS jinsab fil-fażi tal-esplojtazzjoni mindu s-servizz miftuħ u s-servizz "sikurezza tal-ħajja" tiegħu ġew iddikjarati operazzjonali f'Ottubru 2009 u Marzu 2011 rispettivament. Soġġetta għal restrizzjonijiet tekniċi u finanzjarji u abbażi ta' ftehimiet internazzjonali, il-kopertura ġeografika tas-servizzi pprovduti mis-sistema EGNOS tista' tiġi estiża għal reġjuni oħra tad-dinja, b' mod partikolari għat-territorji ta' pajjiżi kandidati, ta' pajjiżi terzi assoċjati mal-Ajru Uniku Ewropew u ta' pajjiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat. Madankollu, tali estensjoni għal reġjuni oħra tad-dinja m'għandhiex tkun iffinanzjata mill-approprjazzjonijiet baġitarji assenjati lill-programmi Galileo u EGNOS skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 (3) u m'għandhiex iddewwem l-estensjoni tal-kopertura matul iż-żona tat-territorji tal-Istati Membri li jinsabu ġeografikament fl-Ewropa.

(13)

Id-disinn oriġinali tas-servizz ta' safety-of-life (servizz ta' sikurezza tal-ħajja) tal-Galileo kif previst fir-Regolament (KE) Nru 683/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) tfassal mill-ġdid biex jiżgura interoperabilità tiegħu ma' GNSS oħrajn, biex iwieġeb b'mod effettiv għall-ħtiġijiet ta' sikurezza tal-ħajja tal-utenti u biex inaqqas il-komplessità, ir-riskji u l-ispejjeż tal-infrastruttura meħtieġa.

(14)

Biex l-adozzjoni tas-servizz ta' safety-of-life (is-servizz ta' sikurezza tal-ħajja) tal-EGNOS tkun wiesgħa kemm jista' jkun, din għandha tiġi pprovduta mingħajr ħlas dirett lill-utent. Is-servizz pubbliku regolat (PRS) tal-Galileo għandu jiġi offrut ukoll mingħajr ħlas lil dawn il-parteċipanti tal-PRS li ġejjin, skont it-tifsira tad-Deċiżjoni Nru 1104/2011/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5): L-Istati Membri, il-Kunsill, il-Kummissjoni, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna ("SEAE") u aġenziji tal-Unjoni debitament awtorizzati. In-nuqqas ta' ħlas m'għandux jinftiehem li jaffettwa d-dispożizzjonijiet dwar l-ispejjeż tal-funzjonament ta' awtorità tal-PRS kompetenti kif sipulat fid-Deċiżjoni Nru 1104/2011/UE.

(15)

Sabiex jiġi ottimizzat l-użu tas-servizzi pprovduti, is-sistemi, in-netwerks u s-servizzi li jirriżultaw mill-programmi Galileo u EGNOS għandhom ikunu kompatibbli u interoperabbli ma' xulxin u, sakemm ikun possibbli, ma' sistemi oħrajn tan-navigazzjoni bis-satellita u ma' mezzi konvenzjonali tar-radjunavigazzjoni fejn tali kompatibilita' u interoperabbilita' huma stipulat fi ftehim internazzjonali, mingħajr ħsara għall-objettiv ta' awtonomija strateġika.

(16)

Billi l-Unjoni hija responsabbli, fil-prinċipju, għall-finanzjament sħiħ tal-programmi Galileo u EGNOS, għandhom jittieħdu provvedimenti biex l-assi kollha tanġibbli u mhux, maħluqa jew żviluppati taħt dawk il-programmi jsiru l-proprjetà tal-Unjoni. Sabiex ikun hemm konformità sħiħa mad-drittijiet fundamentali marbuta mal-proprjetà, għandhom isiru l-arranġamenti neċessarji mas-sidien eżistenti, b' mod partikolari fir-rigward tal-elementi essenzjali tal-infrastrutturi u s-sigurtà tagħhom. Għandu jinftiehem li d-dispożizzjonijiet dwar is-sjieda ta' assi intanġibbli stipulati f' dan ir-Regolament ma jkoprux drittijiet intanġibbli li mhumiex trasferibbli skont liġijiet nazzjonali rilevanti. Tali sjieda mill-Unjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Unjoni, skont dan ir-Regolament u fejn jitqies adatt abbażi ta' valutazzjoni ta' każ b'każ, tagħmel dawk l-assi disponibbli għal partijiet terzi jew tiddisponi minnhom. B'mod partikolari, l-Unjoni tista' tittrasferixxi s-sjieda ta' jew tilliċenzja d-drittijiet ta' proprjetà intellettwali li joħorġu minn xogħol taħt il-programmi Galileo u EGNOS għal partijiet terzi. Sabiex tiġi ffaċilitata l-adozzjoni mis-swieq tar-radjunavigazzjoni, hemm il-bżonn li jiġi żgurat li l-partijiet terzi jkunu jistgħu jagħmlu l-aħjar użu b' mod partikolari mid-drittiijiet tal-proprjetà intellettwali li tirriżulta mill-programmi Galileo u EGNOS u li hija tal-Unjoni, inkluż fil-livell soċjali u ekonomiku.

(17)

Assi maħluqa jew żviluppati barra l-programmi Galileo u EGNOS mhumiex affettwati mid-dispożizzjonijiet dwar is-sjieda mniżżla f’dan ir-Regolament. Madankollu, assi bħal dawn jistgħu, xi drabi, ikunu rilevanti għar-rendiment tal-programmi. Sabiex jiġi mħeġġeġ l-iżvilupp ta’ teknoloġija ġdida barra l-programmi Galileo u EGNOS, il-Kummissjoni għandha tħeġġeġ lil partijiet terzi sabiex jiġbdulha l-attenzjoni dwar assi rilevanti bħal dawn u, jekk ikun ta' benefiċċju għal programmi, għandhom jinnegozjaw termini adatti għall-użu tagħhom.

(18)

Il-fażijiet ta' dispjegament u ta' esplojtazzjoni tal-programm Galileo u l-fażi tal-esplojtazzjoni tal-programm EGNOS għandhom jiġu ffinanzjati kompletament mill-Unjoni. Madankollu, skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jipprovdu finanzjament addizzjonali lill-programmi Galileo u EGNOS jew kontribuzzjoni in natura, fuq il-bażi tal-ftehimiet adatti, sabiex jiffinanzjaw elementi addizzjonali tal-programmi relatati mal-objettivi partikolari potenzjali tal-Istati Membri konċernati. Il-pajjiżi terzi u l-organizzazzjonijiet internazzjonali għandhom ikunu jistgħu wkoll jikkontribwixxu għall-programmi.

(19)

Sabiex tiġi żgurata l-kontinwità u l-istabbiltà tal-programmi Galileo u EGNOS u fid-dawl tad-dimensjoni Ewropea tagħhom u l-valur miżjud Ewropew intrinsiku tagħhom, jinħtieġ finanzjament suffiċjenti u konsistenti fuq perjodi ta' ppjanar finanzjarju. Jinħtieġ ukoll li jiġi indikat l-ammont meħtieġ bejn l-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2020 sabiex tiġi ffinanzjata t-tlestija tal-fażi ta' dispjegament tal-programm Galileo u tal-fażijiet ta' esplojtazzjoni tal-programmi Galileo u EGNOS.

(20)

Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jalloka l-massimu ta' EUR 7 071,73 (1) miljun fil-prezzijiet attwali għall-finanzjament tal-attivitajiet relatati mal-programmi Galileo u EGNOS għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2020. Fl-interess taċ-ċarezza u sabiex jiġi faċilitat il-kontroll tal-ispejjeż, dak l-ammont globali għandu jinqasam f’diversi kategoriji. Madankollu, fl-interess tal-flessibbiltà u biex jiġi żgurat li l-programmi jiffunzjonaw bla xkiel, il-Kummissjoni għandha tkun tista' terġa' talloka l-fondi minn kategorija għal oħra. L-attivitajiet tal-programm għandhom jinkludu wkoll il-ħarsien tas-sistemi u t-tħaddim tagħhom u jinkludu wkoll l-illanċjar tas-satelliti. F'dan ir-rigward, kontribuzzjoni għall-ispejjeż tas-servizzi li kapaċi jipprovdu din il-protezzjoni tista' tiġi ffinanzjata mill-baġit allokat lill-programmi Galileo u EGNOS sakemm ikun possibbli wara ġestjoni rigoruża tal-ispejjeż u konformità sħiħa mal-ammont massimu stabbilit fir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013. Tali kontribuzzjoni għandha tintuża biss għall-forniment ta' dejta u servizzi u mhux għax-xiri ta' kwalunkwe infrastruttura. Dan ir-Regolament jistipula pakkett finanzjarju, għall-kontinwazzjoni tal-programmi Galileo u EGNOS, li għandu jikkostitwixxi l-ammont tar-referenza prima, skont it-tifsira ta' punt 17 tal-Ftehim Interistituzzjonali 2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u l-ġestjoni finanzjarja tajba (7) għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill waqt il-proċedura baġitarja annwali.

(21)

L-attivitajiet li għalihom għandhom jingħataw l-approprjazzjonijiet tal-baġit tal-Unjoni assenjati lill-programmi Galileo u EGNOS għall-perjodu 2014-2020 għandhom jiġu speċifikati f'dan ir-Regolament. Dawn l-approprjazzjonijiet għandhom jingħataw primarjament għal attivitajiet marbuta mal-fażi ta' dispjegament tal-programm Galileo, inkluż l-attivitajiet tal-maniġment u l-monitoraġġ għal dik il-fażi, u l-attivitajiet relatati mal-esplojtazzjoni tas-sistema stabbilita fil-programm Galileo, inkluż azzjonijiet li jiġu qabel jew għat-tħejjija ta' dik tal-fażi ta' esplojtazzjoni ta' dak il-programm, u l-esplojtazzjoni tas-sistema EGNOS. Għandhom jingħataw ukoll għall-finanzjament ta' ċerti attivitajiet oħra meħtieġa għall-maniġment u l-ksib tal-objettivi tal-programmi Galileo u EGNOS, b' mod partikolari inkluż l-appoġġ għar-riċerka u l-iżvilupp ta' elementi fundamentali, bħal chipsets u riċevituri abilitati għall-Galileo, inkluż, kif xieraq, moduli tas-softwer tal-monitoraġġ tal-pożizzjonament u l-integrità. Dawk l-elementi jikkostitwixxu l-interface bejn is-servizzi offruti mill-infrastrutturi u l-applikazzjonijiet avvanzati, u jiffaċilitaw l-iżvilupp ta' applikazzjonijiet fis-setturi varji kollha tal-ekonomija. L-iżvilupp tagħhom jaġixxi bħala katalist biex jittieħdu l-akbar benefiċċji soċjoekonomiċi peress li jiffaċilita l-adozzjoni mis-suq tas-servizzi offruti. Il-Kummissjoni għandha kull sena tagħmel rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-istrateġija ta' maniġment tal-ispejjeż użata.

(22)

Huwa importanti li wieħed jinnota li l-ispejjeż ta' investiment u tal-esplojtazzjoni tas-sistemi stmati għall-perjodu 2014-2020 ma jqisux l-obbligi finanzjarji mhux previsti, li l-Unjoni jista’ jkollha tassumi, b' mod partikolari dawk relatati mar-responsabbiltà li tirriżulta mill-prestazzjoni tas-servizzi jew mid-dritt ta' proprjetà tal-Unjoni fuq is-sistemi, b' mod partikolari fir-rigward ta' kwalunkwe funzjonament ħażin tas-sistemi. Dawn l-obbligi huma s-suġġett ta' analiżi speċifika mill-Kummissjoni.

(23)

Ta' min jinnota wkoll li r-riżorsi baġitarji ppjanati skont dan ir-Regolament ma jkoprux ħidma ffinanzjata minn fondi allokati lill-Orizzont 2020, bħal dik marbuta mal-iżvilupp tal-applikazzjonijiet li jirriżultaw mis-sistemi. Tali ħidma se tgħin biex jiġi ottimizzat l-użu tas-servizzi pprovduti fil-kuntest tal-programmi Galileo u EGNOS, biex jiġi żgurat dħul soċjali u ekonomiku tajjeb mill-investimenti li saru mill-Unjoni u biex jiżdied l-għarfien tan-negozji fl-Unjoni fir-rigward tat-teknoloġija tar-radjunavigazzjoni bis-satellita. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li jkun hemm trasparenza u ċarezza fir-rigward tas-sorsi differenti ta' finanzjament għall-aspetti differenti tal-programmi.

(24)

Barra minn hekk, id-dħul iġġenerat mis-sistemi li jiġi, b'mod partikolari, mis-servizz kummerċjali pprovdut mis-sistema stabbilita taħt il-programm Galileo, għandu jitħallas lill-Unjoni biex tikkumpensaha parzjalment għall-investimenti li tkun għamlet qabel, u dak id-dħul għandu jintuża biex jappoġġa l-objettivi tal-programmi Galileo u EGNOS. Madankollu, għandu jkun possibli li jiġi previst mekkaniżmu tal-qsim tad-dħul fil-kuntratti konklużi ma' entitajiet fis-settur privat.

(25)

Sabiex ma jkunx hemm spejjeż mhux ibbaġitjati u dewmien li affettwaw il-progress tal-programmi Galileo u EGNOS fil-passat, jinħtieġ li jiżdiedu l-isforzi biex jiġu kkontrollati r-riskji li jistgħu jwasslu għal spejjeż eċċessivi u/jew dewmien kif mitlub mill-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar l-analiżi f'nofs il-perjodu tal-programmi Ewropej ta' navigazzjoni bis-satellita: valutazzjoni tal-implimentazzjoni, sfidi futuri u prospettivi ta' finanzjament (8) u mill-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2011 u kif muri mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Ġunju 2011 bit-titlu 'Baġit għall-Ewropa 2020'.

(26)

Tmexxija pubblika tajba tal-programmi Galileo u EGNOS titlob, l-ewwel nett, li jkun hemm diviżjoni stretta tar-responsabbiltajiet u tal-kompiti, partikolarment bejn il-Kummissjoni, l-Aġenzija Ewropea GNSS u l-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA), u t-tieni, li t-tmexxija tkun adattata għar-rekwiżiti operazzjonali tas-sistemi.

(27)

Billi l-Kummissjoni tirrappreżenta l-Unjoni li, fil-prinċipju, tipprovdi finanzjament għall-programmi Galileo u EGNOS waħdiha u s-sistemi huma l-proprjetà tagħha, il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-progress ta' dawk il-programmi u għas-superviżjoni globali tagħhom. Hija għandha tiġġestixxi l-fondi allokati lill-programmi skont dan ir-Regolament, twettaq superviżjoni tal-implimentazzjoni tal-attivitajiet kollha tal-programmi u tiżgura diviżjoni ċara tar-responsabbiltajiet u tal-kompiti, partikolarment bejn l-Aġenzija Ewropea GNSS u ESA. Għaldaqstant, barra mill-kompiti marbuta ma' dawn ir-responsabilitajiet ġenerali u l-kompiti l-oħra li għandha twettaq skont dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tiġi assenjata kompiti speċifiċi. Sabiex tottimizza r-riżorsi u l-kompetenzi tal-partijiet interessati varji, il-Kummissjoni għandha tkun tista' tiddelega ċerti kompiti, skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

(28)

Fid-dawl tal-importanza għall-programmi Galileo u EGNOS tal-infrastruttura fuq l-art tas-sistemi u l-impatt tagħha fuq is-sigurtà tagħhom, l-istabbiliment tal-post ta' din l-infrastruttura għandu jkun wieħed mill-kompiti speċifiċi assenjati lill-Kummissjoni. Id-dispjegament tal-infrastruttura fuq l-art tas-sistemi għandu jkompli biex jiġi segwit proċess miftuħ u trasparenti. Il-post ta' tali infrastruttura għandu jiġi determinat billi jittieħed kont tal-limitazzjonijiet ġeografiċi u tekniċi assoċjati mal-aħjar distribuzzjoni ġeografika ta' din l-infrastruttura fuq l-art u l-preżenza possibbli ta' installazzjonijiet u tagħmir eżistenti xierqa għall-kompiti rilevanti, kif ukoll billi tiġi żgurata konformtià mal-ħtiġijiet ta' sigurtà ta' kull stazzjon fuq l-art u mar-rekwiżiti ta' sigurtà nazzjonali ta' kull Stat Membru.

(29)

L-Aġenzija Ewropea GNSS ġiet stabbilita mir-Regolament (UE) Nru 912/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) bil-għan li tikseb l-objettivi tal-programmi Galileo u EGNOS u timplimenta ċerti kompiti assoċjati mal-progress ta' dawk il-programmi. Hija aġenzija tal-Unjoni li, bħala korp skont it-tifsira tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, hija soġġetta għall-obbligi applikabbli għall-aġenziji tal-Unjoni. Għandha tiġi assenjata ċerti kompiti assoċjati mas-sigurtà tal-programm u mad-deżinjazzjoni potenzjali tagħha bħala awtorità kompetenti tal-PRS. Għandha tikkontribwixxi wkoll għall-promozzjoni u t-tqegħid fis-suq tas-sistemi, inkluż billi tistabbilixxi kuntatti mill-qrib mal-utenti u l-utenti potenzjali tas-servizzi pprovduti taħt il-programmi Galileo u EGNOS, u għandha tiġbor informazzjoni dwar ir-rekwiżiti u l-iżviluppi tagħhom dwar is-suq tan-navigazzjoni bis-satelliti. Barra minn hekk, għandha tagħmel kompiti li l-Kummissjoni tista' tagħtiha permezz ta' wieħed jew iktar mill-ftehimiet ta' delega li jkopru kompiti speċifiċi varji marbuta mal-programmi, b'mod partikolari kompiti marbuta mal-fażijiet tal-esplojtazzjoni tas-sistemi, inkluża l-maniġment operazzjonali tal-programmi, il-promozzjoni tal-applikazzjonijiet u s-servizzi fis-suq tan-navigazzjoni bis-satellita u l-promozzjoni tal-iżvilupp ta' elementi fundamentali relatati mal-programmi. Sabiex il-Kummissjoni, li tirrappreżenta lill-Unjoni, teżerċita kompletament is-setgħa ta' kontroll tagħha, dawn il-ftehimiet ta' delega għandhom jinkludu l-kondizzjonijiet ġenerali ta' maniġment tal-fondi allokati lill-Aġenzija Ewropea GNSS.

It-trasferiment tar-responsabbiltà lill-Aġenzija Ewropea GNSS għal kompiti assoċjati mal-maniġment operazzjonali tal-programmi Galileo u EGNOS u l-esplojtazzjoni tagħhom għandha tkun gradwali u kondizzjonali fuq it-tlestija b'suċċess ta' analiżi tat-trasferiment xierqa kif ukoll fuq l-istat ta' preparazzjonital-Aġenzija Ewropea GNSS li twettaq tali kompiti, sabiex tiżgura l-kontinwità ta' dawk il-programmi. Għall-EGNOS, it-trasferiment għandu jseħħ fl-1 ta' Jannar 2014; għall-Galileo huwa mistenni li jseħħ fl-2016.

(30)

Għall-fażi ta' dispjegament tal-programm Galileo, l-Unjoni għandha tikkonkludi ftehim ta' delega mal-ESA li jistipula l-kompiti tal-ESA f'dik il-fażi. Il-Kummissjoni, li tirrappreżenta lill-Unjoni, għandha tagħmel kull sforz biex tikkonkludi dan il-ftehim ta' delega fi żmien sitt xhur mid-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Sabiex il-Kummissjoni teżerċita kompletament is-setgħa ta' kontroll tagħha, dawn il-ftehimiet ta' delega għandhom jinkludu l-kondizzjonijiet ġenerali ta' maniġment tal-fondi allokati lill-ESA. Fir-rigward tal-attivitajiet iffinanzjati esklussivament mill-Unjoni, tali kundizzjonijiet għandhom jiżguraw livell ta' kontroll komparabbli ma' dak rikjest li kieku ESA kienet aġenzija tal-Unjoni.

(31)

Għall-fażi tal-esplojtazzjoni tal-programmi Galileo u EGNOS, l-Aġenzija Ewropea GNSS għandha tikkonkludi arranġamenti ta' xogħol mal-ESA fejn jiġu identifikati l-kompiti ta' din tal-aħħar fl-iżvilupp tal-ġenerazzjonijiei futuri tas-sistemi u fl-għoti ta' appoġġ tekniku fir-rigward tal-ġenerazzjoni eżistenti tas-sistemi. Dawk l-arranġamenti għandhom ikunu konformi mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012. Huma m'għandhomx ikopru r-rwol tal-ESA rigward attivitajiet relatati mar-riċerka u t-teknoloġija, jewil- fażijiet bikrija tal-evoluzzjoni u attivitajiet ta' riċerka relatati mal-infrastrutturi stabbiliti taħt il-programmi Galileo u EGNOS. Tali attivitajiet ghandhom jigu ffinanzjati barra l-ambitu tal-bagit allokat lill-programmi, pereżempju minn fondi allokati lill-Orizzont 2020.

(32)

Ir-responsabbiltà għall-progress tal-programmi Galileo u EGNOS tinkludi, partikolarment, ir-responsabbiltà għas-sigurtà tagħhom u s-sigurtà tas-sistemi u t-tħaddim tagħhom. Ħlief fil-każ tal-applikazzjoni tal-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2004/552/CFSP (10), li jeħtieġ li tiġi riveduta biex tirrifletti t-tibdil fil-programmi Galileo u EGNOS, il-governanza tagħhom u t-tibdiliet għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li jirriżultaw mit-Trattat ta' Lisbona, il-Kummissjoni hija responsabbli għas-sigurtà, anki jekk ċerti kompiti marbuta mas-sigurtà jiġu fdati lill-Aġenzija Ewropea GNSS. Hija r-responsabbiltà tal-Kummissjoni li tistabbilixxi mekkaniżmi li jiżguraw koordinazzjoni xierqa bejn l-entitajiet varji responsabbli għas-sigurtà.

(33)

Fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, għal kwistjonijiet relatati mas-sigurtà, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-esperti tas-sigurtà kompetenti tal-Istati Membri.

(34)

Minħabba l-għarfien espert speċifiku tas-SEAE u l-kuntatt regolari tiegħu mal-amministrazzjonijiet ta' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali, dan qiegħed f'pożizzjoni biex jgħin lill-Kummissjoni fit-twettiq ta' wħud mill-kompiti tagħha marbuta mas-sigurtà tas-sistemi u l-programmi Galileo u EGNOS fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE (11). Il-Kummissjoni għandha tiżgura li s-SEAE jkun assoċjat kompletament mal-attivitajiet tagħha fl-implimentazzjoni ta' komptiti relatati mas-sigurtà fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni. Għal dik il-fini, is-SEAE għandha tingħata l-appoġġ tekniku kollu meħtieġ.

(35)

Biex tiġi żgurata ċ-ċirkolazzjoni sigura tal-informazzjoni, fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, ir-regolamenti dwar is-sigurtà rilevanti għandhom joffru livell ta' protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata tal-UE ekwivalenti għal dak ipprovdut mir-regoli dwar is-sigurtà kif stabbiliti fl-Anness mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom (12) u mir-regoli dwar is-sigurtà tal-Kunsill stabbiliti fl-Anness mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/KE (13); Kull Stat Membru għandu jiżgura li r-regolamenti nazzjonali dwar is-sigurtà japplikaw għall-persuni fiżiċi kollha residenti fuq it-territorju tiegħu u l-entitajiet legali kollha stabbiliti fuq it-territorju tiegħu li jittrattaw informazzjoni klassifikata tal-UE rigward il-programmi Galileo u EGNOS. Ir-regolamenti dwar is-sigurtà tal-ESA u d-Deċiżjoni tal-15 ta' Ġunju 2011 tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (14) għandhom jitqiesu bħala ekwivalenti għar-regoli dwar is-sigurtà kif stipulati fl-Anness mad-Deċiżjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom u mir-regoli dwar is-sigurtà kif stipulati fl-Annessi mad-Deċiżjoni 2013/488/UE.

(36)

Dan ir-Regolament huwa mingħajr ħsara għar-regoli eżistenti u futuri dwar l-aċċess għal dokumenti adottati f'konformità mal-Artikolu 15(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Barra minn hekk, dan ir-Regolament m'għandux jinftiehem bħala li jimponi obbligu fuq l-Istati Membri biex ma jqisux ir-rekwiżiti kostituzzjonali tagħhom fir-rigward tal-aċċess għal dokumenti.

(37)

Sabiex jiġu allokati l-fondi tal-Unjoni attribwiti lill-programmi Galileo u EGNOS b'limitu totali li l-Kummissjoni ma għandiex teċċedi, għandhom jiġu applikati proċeduri tal-akkwist pubbliku effettivi u, partikolarment, kuntratti negozjati sabiex jiġi żgurat l-aħjar użu tar-riżorsi, servizzi sodisfaċenti, it-tħaddim bla problemi tal-programmi, ġestjoni tajba tar-riskju u konformità mal-iskeda proposta. L-awtorità kontraenti rilevanti għandha tagħmel kull sforz biex tissodisfa dawk ir-rekwiżiti.

(38)

Minħabba li l-programmi Galileo u EGNOS se jkunu, fil-prinċipju, iffinanzjati mill-Unjoni, l-akkwist pubbliku taħt dawk il-programmi għandu jikkonforma mar-regoli tal-Unjoni dwar il-kuntratti pubbliċi u għandu jkollu l-għan li jakkwista l-aqwa valur għall-flus li jintefqu, jikkontrolla l-ispejjeż, inaqqas ir-riskji, iżid l-effiċjenza u jnaqqas id-dipendenza fuq xi fornitur wieħed. Għandha tiġi segwita politika ta' aċċess miftuħ u kompetizzjoni ġusta fil-katina sħiħa tal-provvista, u l-offerta ta' opportunitajiet ekwilibrati ta' parteċipazzjoni tal-industrija fil-livelli kollha ta' attività u inklużi b’mod partikolari l-intrapriżi zgħar u ta' daqs medju (SMEs). Għandha tiġi evitata l-possibbiltà ta' abbuż ta' dominanza u ta' dipendenza fit-tul fuq fornitur wieħed. Sabiex jitnaqqsu r-riskji tal-programmi, id-dependenza fuq fornitur wieħed u sabiex jiġi assigurat il-kontroll ġenerali aħjar tal-programm, tal-ispejjeż u ta' kalendarju għandha tiġi segwita, fejn xieraq, il-politika ta' diversi fornituri. Barra minn hekk, l-iżvilupp tal-industrija Ewropea għandu jkun preservat u promoss fl-oqsma kollha relatati man-navigazzjoni bis-satellita skont il-ftehimiet internazzjonali li għalihom l-Unjonitagħmel parti. Ir-riskju ta' prestazzjoni fqira tal-kuntratt jew ta' nonprestazzjoni għandu jittaffa kemm jista' jkun. Għal dik il-fini, il-kuntratturi għandhom juru s-sostenibbiltà tal-prestazzjoni kontrattwali tagħhom fir-rigward tal-impenji meħuda u t-tul tal-kuntratt. Għalhekk, l-awtoritajiet kontraenti għandhom, fejn xieraq, jispeċifikaw rekwiżiti relatati mal-affidabbiltà tal-provvisti u l-forniment ta' servizzi.

Barra minn hekk, fil-każ ta' xirjiet ta' oġġetti u servizzi ta' natura sensittiva, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jissoġġettaw tali xirjiet għal rekwiżiti speċifiċi, partikolarment bil-ħsieb li tiġi żgurata s-sigurtà tal-informazzjoni. L-industriji tal-Unjoni għandhom jiġu permessi li jirrikorru għal sorsi barra l-Unjoni għal ċerti komponenti u servizzi f’każ ta' vantaġġi sostanzjali ippruvati f’termini ta' kwalità u spejjeż, waqt li jqisu n-natura strateġika tal-programmi GNSS Ewropej u tar-rekwiżiti tas-sigurtà tal-Unjoni u tal-kontroll tal-esportazzjoni. Għandu jittieħed vantaġġ mill-investiment tas-settur pubbliku u mill-esperjenza u kompetenza industrijali, inkluża dik akkwistata waqt il-fażijiet ta' definizzjoni u ta' żvilupp u validazzjoni tal-programmi, waqt li jiġi assigurat li s-sejħiet għal offerti kompetittivi ma jiġux preġudikati.

(39)

Sabiex tigi vvalutata aħjar l-ispiża totali ta' prodott, servizz jew xogħol li għalih qed issir sejħa għall-offerti, inkluża l-ispiża operattiva tiegħu fit-tul, l-ispiża totali fuq iċ-ċiklu tal-ħajja utli tal-prodott, servizz jew xogħol li għalih qed issir sejħa għall-offerti għandha titqies kull meta xieraq matul l-akkwist, billi jintuża approċċ tal-effikaċja meta mqabbla mal-ispejjeż bħall-kalkolu tal-ispejjeż taċ-ċiklu tal-ħajja meta jintalab akkwist abbażi tal-kriterju tal-aċċettazzjoni tal-aktar offerta vantaġġuża ekonomikament. Għal dan il-għan, l-awtorità kontraenti għandha tiżgura li l-metodoloġija maħsuba biex tgħodd l-ispejjeż għaċ-ċiklu tal-ħajja utli ta' prodott, servizz jew xogħol hija espressament imsemmija fid-dokumenti tal-kuntratt jew l-avviż tal-kuntratt u li hija tippermetti l-verifika tal-preċiżjoni tal-informazzjoni fornita mill-offerenti.

(40)

In-navigazzjoni bis-satellita hija teknoloġija kumplessa u li qed tinbidel il-ħin kollu. Dan jirriżulta fl-inċertezza u fir-riskju għall-kuntratti pubbliċi konklużi taħt dawn il-programmi Galileo u EGNOS, fejn tali kuntratti jistgħu jinvolvu impenji fit-tul għal tagħmir jew servizzi. Dawk il-karatteristiċi jirrikjedu miżuri speċifiċi li għandhom jiġu implimentati fir-rigward tal-kuntratti pubbliċi li japplikaw apparti r-regoli stipulati fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012. L-awtorità kontraenti għandha għalhekk tkun tista' tirrestawra kundizzjonijiet uniformi meta kumpanija waħda jew iktar minn waħda jkollhom, qabel sejħa għall-offerti, informazzjoni privileġġata marbuta mas-sejħa għall-offerti. Għandu jkun possibbli li jingħata kuntratt fl-għamla ta' kuntratt kundizzjonali ta' pagamenti fi stadji, li tiġi introdotta emenda, f'ċerti kundizzjonijiet, fil-kuntest tar-rendiment tiegħu, jew anki li jiġi impost livell minimu ta' subappaltar Fl-aħħar nett, minħabba l-inċertezzi teknoloġiċi li huma karatteristika tal-programmi Galileo u EGNOS, il-prezzijiet tal-kuntratt mhux dejjem jistgħu jiġu previsti b'mod preċiż u għalhekk huwa mixtieq li l-kuntratti jiġu konklużi f'għamla speċifika li ma tistipulax prezz fiss riġidu u tinkludi klawżoli biex jissalvagwardjaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

(41)

Għandu jiġi notat li, skont l-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea ("TUE"), l-Istati Membri ma għandhomx jieħdu miżuri li jistgħu jkunu ta' detriment għall-programmi Galileo u EGNOS jew għas-servizzi. Għandu ukoll jiġi ċċarat li l-Istati Membri kkonċernati għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw il-protezzjoni tal-istazzjonijiet fuq l-art stabbiliti fit-territorji tagħhom. Barra minn hekk, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jaħdmu flimkien u ma' korpi internazzjonali u awtoritajiet regolatorji rilevanti biex jiżguraw li l-ispettru tar-radju meħtieġ għas-sistema stabbilita skont il-programm Galileo jkun disponibbli u protett biex ikunu jistgħu jseħħu l-iżvilupp u l-implimentazzjoni sħaħ ta' applikazzjonijiet ibbażati fuq dik is-sistema, f'konformità mad-Deċiżjoni Nru 243/2012/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15).

(42)

Fid-dawl tan-natura globali tas-sistemi, huwa essenzjali li l-Unjoni tidħol fi ftehimiet ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali fil-kuntest tal-programmi Galileo u EGNOS skont l-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, partikolarment biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni bla problemi tagħhom, biex jittrattaw ċerti kwistjonijiet marbutin mas-sigurtà u l-ħlasijiet, biex jingħataw l-aħjar servizzi possibbli liċ-ċittadini tal-Unjoni u biex jiġu sodisfatti l-bżonnijiet tal-pajjiżi terzi u l-organizzazzjonijiet internazzjonali. Huwa wkoll utli, fejn ikun hemm bżonn, li jiġu adattati l-ftehimiet eżistenti għat-tibdil fil-programmi Galileo u EGNOS. Hija u tħejji jew timplimenta dawn il-ftehimiet, il-Kummissjoni tista' tirrikorri għall-għajnuna tas-SEAE, ESA u l-Aġenzija Ewropea GNSS, fil-limiti tal-kompiti allokati lilhom skont dan ir-Regolament.

(43)

Għandu jiġi kkonfermat li l-Kummissjoni, hija u twettaq uħud mill-kompiti tagħha ta' natura mhux regolatorja, tista' tirrikorri, meta u kemm ikun hemm bżonn, għall-għajnuna teknika ta' ċerti partijiet esterni. Entitajiet oħra involuti fit-tmexxija pubblika tal-programmi Galileo u EGNOS jistgħu jagħmlu użu wkoll mill-istess għajnuna teknika fit-twettiq tal-kompiti fdati lilhom skont dan ir-Regolament.

(44)

L-Unjoni hija bbażata fuq ir-rispett tad-drittijiet fundamentali u, b'mod partikolari, l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, espressament jirrikonoxxu d-dritt fundamentali għall-privatezza u għall-protezzjoni tad-dejta personali. Il-ħarsien tad-dejta personali u l-ħajja privata għandu jiġu żgurat taħt il-programmi Galileo u EGNOS.

(45)

L-interessi finanzjarji tal-Unjoni għandhom jitħarsu permezz ta' miżuri proporzjonati fiċ-ċiklu kollu tal-infiq, inklużi l-prevenzjoni, id-ditezzjoni u l-investigazzjoni tal-irregolaritajiet, l-irkupru tal-fondi li jintilfu, jitħallsu bi żball jew jintużaw b'mod ħażin u, jekk ikun il-każ, bl-applikazzjoni ta' sanzjonijiet amministrattivi u finanzjarji f'konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

(46)

Huwa meħtieġ li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jinżammu informati regolarment dwar l-implimentazzjoni tal-programmi Galileo u EGNOS, b'mod partikolari fir-rigward tal-ġestjoni tar-riskju, l-ispiża, l-iskeda u l-prestazzjoni. Barra minn hekk, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni se jiltaqgħu fil-Panel Interistituzzjonali Galileo skont id-dikjarazzjoni konġunta dwar il-Panel Interistituzzjonali Galileo ppublikata flimkien ma' dan ir-Regolament.

(47)

Il-valutazzjonijiet, ibbażati fuq indikaturi miftiehma, għandhom jitwettqu mill-Kummissjoni sabiex tevalwa l-effettività u l-effiċjenza tal-miżuri meħuda biex jinkisbu l-objettivi tal-programmi Galileo u EGNOS.

(48)

Sabiex tkun żgurata s-sigurtà tas-sistemi u t-tħaddim tagħhom, is-setgħa biex tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-TFUE għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-objettivi ta' livell għoli meħtieġa biex tkun żgurata s-sigurtà tas-sistemi u t-tħaddim tagħhom. Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet adegwati matul ix-xogħol ta' preparazzjoni tagħha, anke fil-livell ta' esperti. Il-Kummissjoni, hija u tħejji u tfassal atti ddelegati, għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, f'waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(49)

Sabiex ikunu żgurati l-istess kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, għandhom ikunu kkonferiti fuq il-Kummissjoni setgħat tal-implimentazzjoni. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16).

(50)

Billi t-tmexxija pubblika tajba tirrikjedi maniġment uniformi tal-programmi Galileo u EGNOS, teħid iktar rapidu tad-deċiżjonijiet u aċċess ugwali għall-informazzjoni, ir-rappreżentanti tal-Aġenzija Ewropea GNSS u tal-ESA għandhom ikunu jistgħu jieħdu sehem bħala osservaturi fix-xogħol tal-Kumitat tal-Programmi tal-GNSS Ewropew ("il-Kumitat") stabbilit sabiex jassisti lill-Kummissjoni. Għall-istess raġunijiet, ir-rappreżentanti tal-pajjiżi terzi u tal-organizzazzjonijiet internazzjonali li kkonkludew ftehim internazzjonali mal-Unjoni għandhom ikunu jistgħu jieħdu sehem fil-ħidma tal-Kumitat, soġġett għall-obbligi ta' sigurtà u kif previst fit-termini ta' tali ftehim. Dawn ir-rappreżentanti tal-Aġenzija Ewropea GNSS, ESA, il-pajjiżi terzi u l-organizzazzjonijiet internazzjonali, ma humiex intitolati jieħdu sehem fil-proċeduri tal-votazzjoni tal-kumitat.

(51)

Ladarba l-għan ta' dan ir-Regolament, jiġifieri l-istabbiliment u l-esplojtazzjoni tas-sistemi ta' navigazzjoni bis-satellita, ma jistax jinkiseb mill-Istati Membri billi jeċċedi l-kapaċitajiet finanzjarji u tekniċi ta' kwalunkwe Stat Membru wieħed, u għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, l-azzjoni fil-livell tal-Unjoni huwa l-aħjar mod għat-twettiq ta' dawn il-programmi, l-Unjoni tista' taddotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit mill-Artikolu 5 tat-TUE. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

(52)

L-Impriża Konġunta Galileo maħluqa mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 876/2002 (17) waqfet topera fil-31 ta' Diċembru 2006. Ir-Regolament (KE) Nru 876/2002 għandu għalhekk jiġi revokat.

(53)

Minħabba l-bżonn li l-programmi Galileo u EGNOS jiġu evalwati, l-portata tal-bidliet li jsiru għar-Regolament (KE) Nru 683/2008, u minħabba ċ-ċarezza u ċ-ċertezza legali, ir-Regolament (KE) Nru 683/2008 għandu jiġi revokat.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistipula r-regoli fir-rigward tal-implimentazzjoni u l-esplojtazzjoni tas-sistemi skont il-programmi Ewropej tan-navigazzjoni bis-satellita, b'mod partikolari dawk li jirrigwardaw il-governanza u l-kontribut finanzjarju tal-Unjoni.

Artikolu 2

Is-sistemi u l-programmi Ewropej ta' navigazzjoni bis-satellita

1.   Il-programmi Ewropej ta' navigazzjoni bis-satellita, Galileo u EGNOS għandhom ikopru l-attivitajiet kollha meħtieġa biex jiddefinixxu, jiżviluppaw, jivvalidaw, jibnu, iħaddmu, iġeddu u jtejbu ż-żewġ sistemi Ewropej ta' navigazzjoni bis-satellita, jiġifieri s-sistema stabbilita skont il-programm Galileo u s-sistema EGNOS, u tiżgura s-sigurtà u l-interoperabilità tagħhom.

Dawn il-programmi għandhom ukoll jimmiraw li jittieħdu l-akbar benefiċċji soċjoekonomiċi possibbli mis-sistemi Ewropej ta' navigazzjoni bis-satellita, b'mod partikolari billi jippromwovu l-użu tas-sistemi u jrawmu l-iżvilupp ta' applikazzjonijiet u servizzi bbażati fuq dawn is-sistemi.

2.   Is-sistema stabbilita skont il-programm Galileo għandha tkun sistema ċivili taħt kontroll ċivili u sistema awtonoma u globali ta' navigazzjoni bis-satellita (GNSS) li tinkludi kostellazzjoni ta' satelliti u netwerk globali ta' stazzjonijiet fuq l-art.

3.   Is-sistema EGNOS għandha tkun infrastruttura ta' sistema reġjonali ta' navigazzjoni bis-satellita għall-monitoraġġ u l-korrezzjoni tas-sinjali miftuħa li jintbagħtu minn sistemi globali eżistenti ta’ navigazzjoni bis-satellita, kif ukoll bħas-sinjali tas-servizz miftuħ offrut mis-sistema stabbilita skont il-programm Galileo, meta dawn isiru disponibbli. Din tikkonsisti minn stazzjonijiet fuq l-art u diversi transponders installati fuq is-satelliti ġeostazzjonarji.

4.   L-għanijiet speċifiċi tal-programm Galileo għandhom ikunu li jiġi żgurat li s-sinjali li jintbagħtu mis-sistema stabbilita skont dan il-programm ikunu jistgħu jintużaw biex jissodisfaw il-funzjonijiet li ġejjin:

(a)

li joffru servizz miftuħ (OS), li jkun bla ħlas għall-utent u jipprovdi informazzjoni dwar il-pożizzjonament u s-sinkronizzazzjoni maħsuba primarjament għall-applikazzjonijiet b'volum kbir tan-navigazzjoni bis-satellita;

(b)

li jikkontribwixxu, permezz ta' sinjali bis-servizz miftuħ ta' Galileo u/jew f'kooperazzjoni ma' sistemi oħrajn ta' navigazzjoni bis-satellita, għas-servizzi ta' monitoraġġ tal-integrità mmirati għall-utenti ta' applikazzjonijiet ta' safety-of-life (sikurezza tal-ħajja) f'konformità mal-istandards internazzjonali;

(c)

li joffru servizz kummerċjali (CS) għall-iżvilupp ta' applikazzjonijiet għall-użu professjonali jew kummerċjali permezz ta' titjib fil-prestazzjonijiet u dejta b’valur aktar miżjud minn dawk miksuba permezz tas-servizz miftuħ;

(d)

li joffru servizz pubbliku regolat (PRS) maħsub biss għall-utenti awtorizzati mill-gvernijiet, għal applikazzjonijiet sensittivi li jirrikjedu livell għoli ta' kontinwità fis-servizz, mingħajr ħlas għall-Istati Membri, il-Kunsill, il-Kummissjoni, is-SEAE u, fejn xieraq, l-aġenziji tal-Unjoni debitament awtorizzati; dan is-servizz juża sinjali b'saħħithom u kkriptati. Il-kwistjoni jekk għandhomx jintalbu jħallsu l-parteċipanti tal-PRS oħra msemmija fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Nru 1104/2011/UE għandha tiġi vvalutata fuq bażi ta' każ b'każ u għandhom jiġu speċifikati dispożizzjonijiet xierqa fil-ftehimiet konklużi skont l-Artikolu 3(5) ta' dik id-Deċiżjoni;

(e)

li jikkontribwixxu għas-servizz ta' appoġġ għat-tfittxija u salvataġġ (SAR) tas-sistema COSPAS-SARSAT billi jidentifikaw sinjali ta' diffikultà trażmessi minn sinjali u jintbagħtulhom lura messaġġi.

5.   L-għanijiet speċifiċi tal-programm EGNOS għandhom ikunu li jiżguraw li s-sinjali li jintbagħtu mis-sistema EGNOS ikunu jistgħu jintużaw biex jissodisfaw il-funzjonijiet li ġejjin:

(a)

li joffru servizz miftuħ (OS), li jkun bla ħlas għall-utent, u jipprovdi informazzjoni dwar il-pożizzjonament u s-sinkronizzazzjoni maħsuba primarjament għall-applikazzjonijiet b'volum kbir tan-navigazzjoni bis-satellita koperti mis-sistema EGNOS;

(b)

li joffru servizz għat-tixrid ta’ dejta kummerċjali, jiġifieri s-Servizz ta’ EGNOS għall-Aċċess tad-Dejta (EDAS), li jippromwovu l-iżvilupp tal-applikazzjonijiet għall-użu professjonali jew kummerċjali permezz ta’ titjib fil-prestazzjoni u dejta b'valur aktar miżjud minn dawk miksuba permezz tas-servizz miftuħ tiegħu;

(c)

li joffru servizz ta’ safety-of-life (servizz ta’ sikurezza tal-ħajja) (SoL), servizz li għandu fil-mira utenti li għalihom is-sikurezza hija neċessarja; dan is-servizz, li jingħata mingħajr ħlasijiet diretti mill-utent, jissodisfa b'mod partikolari r-rekwiżiti ta' ċerti setturi għall-kontinwità, id-disponibbiltà u eżattezza u jinkludi funzjoni ta' integrità li tavża lill-utent bi kwalunkwe falliment jew "nuqqas ta' tolleranza" f'sistemi msaħħa mis-sistema EGNOS fiż-żona ta' kopertura;

Bħala prijorità, dawk il-funzjonijiet għandhom jiġu fornuti fit-territorji tal-Istati Membri li jinsabu ġeografikament fl-Ewropa mill-aktar fis possibbli.

Il-kopertura ġeografika tas-servizzi pprovduti mis-sistema EGNOS tista' tiġi estiża għal reġjuni oħra tad-dinja, partikolarment territorji ta' pajjiżi kandidati, ta' pajjiżi terzi assoċjati mal-Ajru Uniku Ewropew u ta' pajjiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, soġġett għal restrizzjonijiet tekniċi u finanzjarji u abbażi ta' ftehimiet internazzjonali. L-ispiża ta' tali estenzjoni, inklużi l-ispejjeż ta' esplojtazzjoni relatati, m'għandhomx ikunu koperti mir-riżorsi msemmija fl-Artikolu 10. Tali estensjoni m'għandhiex iddewwem l-estensjoni tal-kopertura ġeografika tas-sistema EGNOS fit-territorji kollha tal-Istati Membri li jinsabu ġeografikament fl-Ewropa.

Artikolu 3

Il-fażijiet gradwali tal-programm Galileo

Il-programm Galileo għandu jikkonsisti mill-fażijiet li ġejjin:

(a)

fażi ta’ definizzjoni li matulha ġiet disinjata l-istruttura tas-sistema u l-elementi tagħha ġew determinati, li spiċċat fl-2001;

(b)

fażi ta’ żvilupp u ta' validazzjoni, li hi skedata biex titlesta fil-31 ta' Diċembru 2013, li tinkludi l-bini u t-tnedija tal-ewwel satelliti, it-twaqqif tal-ewwel infrastrutturi fuq l-art u x-xogħol u t-tħaddim kollu meħtieġ għall-validazzjoni tas-sistema fl-orbita;

(c)

fażi ta' dispjegament li għandha titlesta sal-31 ta' Diċembru 2020, li tinkludi:

(i)

il-bini, l-istabbiliment u l-protezzjoni tal-infrastruttur kollha bbażata fl-ispazju, b'mod partikolari tas-satelliti kollha meħtieġa biex jinkisbu l-objettivi speċifiċi msemmija fl-Artikolu 2(4) u tas-satelliti żejda meħtieġa, u l-manutenzjoni u l-operazzjonijiet evoluttivi relatati;

(ii)

il-bini, l-istabbiliment u l-protezzjoni tal-infrastrutturi kollha bbażata fuq l-art, b'mod partikolari tal-infrastruttura meħtieġa biex jikkontrollaw is-satelliti u jipproċessaw id-dejta ta' navigazzjoni tar-radju bis-satellita, u ta' ċentru ta' servizzi u ċentri oħra bbażati fuq l-art, u l-manutenzjoni u l-operazzjonijiet evoluttivi relatati;

(iii)

tħejjijiet għall-fażi ta' esplojtazzjoni, inklużi attivitajiet preparatorji relatati mad-dispożizzjoni tas-servizzi msemmija fl-Artikolu 2(4);

(d)

fażi ta' esplojtazzjoni li tinkludi:

(i)

il-maniġment, il-manutenzjoni, it-titjib kontinwu, l-evoluzzjoni u l-ħarsien tal-infrastruttura bbażata fl-ispazju, inklużi r-rikostituzzjoni u l-maniġment tal-obsolenza;

(ii)

il-maniġment, il-manutenzjoni, it-titjib kontinwu, l-evoluzzjoni u l-ħarsien tal-infrastruttura bbażata fuq l-art, b'mod partikolari ta' ċentri ta' servizzi u ċentri, netwerks u siti oħra bbażati fuq l-art, inklużi r-rikostituzzjoni u l-maniġment tat-tneħħija;

(iii)

l-iżvilupp ta' ġenerazzjonijiet futuri tas-sistema u l-evoluzzjoni tas-servizzi msemmija fl-Artikolu 2(4);

(iv)

l-operazzjonijiet ta' ċertifikazzjoni u standardizzazzjoni marbuta mal-programm;

(v)

il-provvista u bejgħ tas-servizzi msemmija fl-Artikolu 2(4);

(vi)

kooperazzjoni ma' GNSS oħrajn; kif ukoll

(vii)

l-attivitajiet l-oħra kollha meħtieġa għall-iżvilupp tas-sistema u għall-funzjonament bla xkiel tal-programm.

Il-fażi ta' esplojtazzjoni għandha tibda progressivament bejn l-2014 u l-2015 permezz tal-forniment tas-servizzi inizjali għas-servizz miftuħ, is-servizz ta' tfittxija u salvataġġ u s-servizz pubbliku regolat. Dawk is-servizzi inizjali għandhom jittejbu gradwalment u l-funzjonijiet l-oħra speċifikati fl-objettivi msemmija fl-Artikolu 2(4) għandhom jiġu implimentati gradwalment bil-għan li tintlaħaq il-kapaċità operattiva sħiħa sal-31 ta' Diċembru 2020.

Artikolu 4

Il-fażi ta' esplojtazzjoni tal-EGNOS

Il-fażi ta' esplojtazzjoni tal-EGNOS tinkludi primarjament:

(a)

il-maniġment, il-manutenzjoni, it-titjib kontinwu, l-evoluzzjoni u l-ħarsien tal-infrastruttura bbażata fl-ispazju, inklużi r-rikostituzzjoni u l-maniġment tal-obsolenza;

(b)

il-maniġment, il-manutenzjoni, it-titjib kontinwu, l-evoluzzjoni u l-ħarsien tal-infrastruttura bbażata fuq l-art, b'mod partikolari netwerks, siti u faċilitajiet ta' appoġġ, inklużi r-rikostituzzjoni u l-maniġment tal-obsolenza;

(c)

l-iżvilupp ta' ġenerazzjonijiet futuri tas-sistema u l-evoluzzjoni tas-servizzi msemmija fl-Artikolu 2(5);

(d)

l-operazzjonijiet ta' ċertifikazzjoni u standardizzazzjoni marbuta mal-programm;

(e)

il-forniment u l-kummerċjalizzazzjoni tas-servizzi msemmija fl-Artikolu 2(5);

(f)

l-elementi kollha li jiġġustifikaw l-affidabbiltà tas-sistema u l-esplojtazzjoni tagħha;

(g)

attivitajiet ta' koordinazzjoni marbutin mat-tlestija tal-objettivi speċifiċi skont it-tieni u tielet subparagrafi tal-Artikolu 2(5).

Artikolu 5

Il-kompatibbiltà u l-interoperabbiltà tas-sistemi

1.   Is-sistemi, in-netwerks u s-servizzi li jirriżultaw mill-programmi Galileo u EGNOS għandhom ikunu kompatibbli u interoperabbli mil-lat tekniku.

2.   Is-sistemi,in-networks u s-servizzi li jirriżultaw mill-programmi Galileo u EGNOS għandhom ikunu kompatibbli u interoperabbli ma’ sistemi oħrajn ta' navigazzjoni bis-satellita u ma' mezzi konvenzjonali ta’ radjunavigazzjoni, fejn tali rekwiżiti ta' kompatibbiltà u interoperabbiltà huma stipulati fi ftehim internazzjonali konkluż skont l-Artikolu 28.

Artikolu 6

Sjieda

L-Unjoni għandha tkun is-sid tal-assi tanġibbli u intanġibbli kollha maħluqa jew żviluppati skont il-programmi Galileo u EGNOS. Għal dan il-għan għandhom jiġu konklużi ftehimiet ma' partijiet terzi, kull fejn xieraq, fir-rigward ta’ drittijiet ta' sjieda eżistenti.

Il-Kummissjoni għandha tiżgura, permezz ta' qafas xieraq, l-aħjar użu possibbli tal-assi msemmija f'dan l-Artikolu; b'mod partikolari, hija għandha timmaniġġja d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali relatati mal-programmi Galileo u EGNOS bl-aktar mod effettiv possibbli, billi tqis il-bżonn li tipproteġi u tagħti valur lid-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tal-Unjoni, l-interessi tal-partijiet interessati kollha, u l-ħtieġa ta' żvilupp armonjuż tas-swieq u ta' teknoloġiji ġodda. Għal dik il-fini, għandha tiżgura li l-kuntratti konklużi taħt il-programmi Galileo u EGNOS jkunu jinkludu l-possibbiltà li jiġu ttrasferiti jew liċenzjati lil partijiet terzi d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li jirriżultaw minn xogħol imwettaq taħt dawk il-programmi.

KAPITOLU II

KONTRIBUZZJONI U MEKKANIŻMI BAĠITARJI

Artikolu 7

Attivitajiet

1.   L-approprjazzjonijiet baġitarji tal-Unjoni assenjati għall-programmi Galileo u EGNOS għall-perijodu 2014-2020 skont dan ir-Regolament għandhom jingħataw għall-finanzjament ta' attivitajiet relatati:

(a)

mat-tlestija tal-fażi ta' dispjegament tal-programm Galileo kif imsemmi fl-Artikolu 3(c);

(b)

mal-fażi ta' esplojtazzjoni tal-programm Galileo kif imsemmi fl-Artikolu 3(d);

(c)

mal-fażi ta' esplojtazzjoni tal-programm Galileo kif imsemmi fl-Artikolu 4;

(d)

mal-maniġment u l-monitoraġġ tal-programmi Galileo u EGNOS.

2.   L-approprjazzjonijiet baġitarji tal-Unjoni assenjati lill-programmi Galileo u EGNOS għandhom, f'konformità mal-Artikolu 10(1a), jingħataw ukoll biex jiffinanzjaw attivitajiet relatati mar-riċerka u l-iżvilupp ta' elementi fundamentali, bħal chipsets u riċevituri abilitati għall-Galileo.

3.   L-approprjazzjonijiet baġitarji tal-Unjoni assenjati għall-programmi Galileo u EGNOS għandhom ikopru wkoll in-nefqa tal-Kummissjoni relatati mal-attivitajiet ta’ preparazzjoni, monitoraġġ, spezzjoni, verifika u evalwazzjoni meħtieġa għall-maniġment tal-programmi u għall-implimentazzjoni tal-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 2(4) u (5). Tali nefqa tista' tkopri b'mod partikolari:

(a)

studji u laqgħat mal-esperti;

(b)

attivitajiet ta’ informazzjoni u komunikazzjoni, inkluża l-komunikazzjoni istituzzjonali dwar il-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni fejn dawn huma marbuta direttament mal-għanijiet ta' dan ir-Regolament, b'mod partikolari biex jiġu stabbiliti sinerġiji ma' politiki rilevanti oħrajn tal-Unjoni;

(c)

netwerks teknoloġiċi tal-IT, bl-għan li jipproċessaw jew jittrasferixxu d-dejta;

(d)

kwalunkwe għajnuna teknika jew amministrattiva oħra li tingħata lill-Kummissjoni għall-maniġment tal-programmi.

4.   L-ispejjeż tal-programmi Galileo u EGNOS u tal-fażijiet differenti ta’ dawk l-programmi għandhom jiġu identifikati b'mod ċar. Il-Kummissjoni, b'konformità mal-prinċipju ta' maniġment trasparenti, għandha tinforma, fuq bażi annwali, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat msemmi fl-Artikolu 36 ("Il-Kumitat") dwar l-allokazzjoni tal-fondi tal-Unjoni, inkluża r-riżerva ta' kontinġenza, għal kull waħda mill-attivitajiet speċifikati fil-paragrafi 1, 2 u 3 ta' dan l-Artikolu u tal-użu ta' dawk il-fondi.

Artikolu 8

Il-finanzjament tal-programmi Galileo u EGNOS

1.   Skont l-Artikolu 9, l-Unjoni għandha tiffinanzja l-attivitajiet relatati mal-programmi Galileo u EGNOS imsemmija fl-Artikolu 7(1), (2) u (3), biex tissodisfa l-objettivi stipulati fl-Artikolu 2, mingħajr ħsara għal kwalunkwe kontribut minn kwalunkwe sors ieħor ta' finanzjament, inklużi dawk imsemmija fil-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu.

2.   L-Istati Membri jistgħu jagħmlu talba li jipprovdu finanzjament addizzjonali għall-programmi Galileo u EGNOS biex ikopru elementi addizzjonali f'każijiet partikolari, bil-kondizzjoni li tali elementi addizzjonali ma joħolqux piż finanzjarju jew tekniku jew dewmien għall-programm ikkonċernat. Abbażi ta' talba minn Stat Membru, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi, f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 36(3), jekk dawk iż-żewġ kundizzjonijiet ġewx sodisfatti. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika kull impatt li jkun hemm fuq il-programmi Galileo u EGNOS li jirriżulta mill-applikazzjoni ta' dan il-paragrafu lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat.

3.   Pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali jistgħu wkoll jipprovdu finanzjament addizzjonali għall-programmi Galileo u EGNOS. Il-ftehimiet internazzjonali msemmijin fl-Artikolu 29 għandhom jistipulaw il-kondizzjonijiet u l-arranġamenti għall-involviment tagħhom.

4.   Il-finanzjament addizzjonali msemmi fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu għandu jikkostitwixxi introjtu estern assenjat f'konformità mal-Artikolu 21(2) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

Artikolu 9

Riżorsi

1.   Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-attivitajiet msemmija fl-Artikolu 7(1), (2) u (3) u biex ikopri r-riskji assoċjati ma' dawk l-attivitajiet huwa stabbilit għal EUR 7 071,73 miljun fil-prezzijiet attwali għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Dicembru 2020.

L-approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill fil-limiti tal-qafas finanzjarju multiannwali.

L-ammont imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jkun imqassam fil-kategoriji ta' nefqa li ġejjin fi prezzijiet attwal:

(a)

għall-attivitajiet imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 7(1), EUR 1 930 miljuni;

(b)

għall-attivitajiet imsemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 7(1), EUR 3 000 miljun;

(c)

għall-attivitajiet imsemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 7(1), EUR 1 580 miljun;

(d)

għall-attivitajiet imsemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 7(1) u fl-Artikolu 7(3), EUR 561,73 miljun.

2.   Mingħajr ħsara għal kwalunkwe ammonti allokati għall-iżvilupp ta' applikazzjonijiet ibbażati fuq is-sistemi fi ħdan Orizzont 2020, l-approprjazzjonijiet baġitarji assenjati lill-programmi Galileo u EGNOS, inklużi l-introjti assenjati, għandhom jiffinanzjaw l-attivitajiet kif imsemmi fl-Artikolu 7(1a) sa massimu ta' EUR 100 miljun fi prezzijiet kostanti.

3.   Il-Kummissjoni tista' talloka mill-ġdid il-fondi minn kategorija ta' nefqa, kif stipulat fil-punti (a) sa (d) tat-tielet subparagrafu tal-paragrafu 1, għal oħra, sa massimu ta' 10 % tal-ammont imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1. Jekk din l-allokazzjoni mill-ġdid tikkonċerna ammont akbar minn 10 % tal-ammont imsemmi flewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta l-Kumitat skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 35(2).

Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar kwalunkwe allokazzjoni mill-ġdid ta' fondi bejn il-kategoriji tan- nefqa.

4.   L-approprjazzjonijiet għandhom jiġu implimentati b'konformità mad-dispożizzjonijiet applikabbli ta' dan ir-Regolament u r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

5.   L-impenji baġitarji għall-programmi Galileo u EGNOS għandhom isiru permezz ta' pagamenti annwali.

6.   Il-Kummissjoni għandha timmaniġġja r-riżorsi finanzjarji msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu b'mod trasparenti u kosteffettiv. Il-Kummissjoni għandha kull sena tagħmel rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-istrateġija ta' maniġment tal-ispejjeż użata.

Artikolu 10

Introjtu ġġenerat mill-programmi Galileo u EGNOS

1.   L-introjtu ġġenerat mill-esplojtazzjoni tas-sistemi għandu jinġabar mill-Unjoni, jitħallas lill-baġit tal-Unjoni u jiġi allokat għall-programmi Galileo u EGNOS, u b'mod partikolari għall-għan imsemmi fl-Artikolu 2(1). Jekk jirriżulta li l-introjtu jeċċedi dak meħtieġ għall-finanzjament tal-fażijiet ta’ sfruttament tal-programm, kull adattament tal-prinċipju ta’ allokazzjoni għandu jkun approvat mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill abbażi ta’ proposta mill-Kummissjoni.

2.   Fil-kuntratti konklużi ma’ entitajiet tas-settur privat, jista' jiġi pprevedut mekkaniżmu għall-kondiviżjoni tal-introjtu.

3.   L-interessi ġġenerati mill-pagamenti ta’ qabel il-finanzjament li jkunu saru lill-entitajiet responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit, indirettament għandhom ikunu assenjati lil attivitajiet skont il-ftehim tad-delega jew skont il-kuntratt konkluż bejn il-Kummissjoni u l-entità kkonċernata. B’konformità mal-prinċipju ta’ maniġment finanzjarju sod, l-entitajiet responsabbli għall-implimentazzjoni indiretta tal-baġit, għandhom jiftħu kontijiet li jippermettu li l-fondi u l-interessi korrispondenti jkunu identifikati.

KAPITOLU III

IL-GOVERNANZA PUBBLIKA TAL-PROGRAMMI GALILEO U EGNOS

Artikolu 11

Prinċipji għall-governanza tal-programmi Galileo u EGNOS

Il-governanza pubblika tal-programmi Galileo u EGNOS għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipji ta':

(a)

diviżjoni stretta tal-kompiti u r-responsabbiltajiet bejn id-diversi entitajiet involuti, b'mod partikolari l-Kummissjoni, l-Aġenzija Ewropea GNSS u ESA, taħt ir-responsabbiltà ġenerali tal-Kummissjoni;

(b)

kooperazzjoni sinċiera bejn l-entitajiet msemmija fil-punt (a) u l-Istati Membri;

(c)

kontroll b'saħħtu tal-programmi, inkluż għal adeżjoni stretta għall-ispiża u l-iskeda mill-entitajiet kollha involuti, fl-oqsma ta' responsabbiltà tagħhom, fir-rigward tal-objettivi tal-programmi Galileo u EGNOS;

(d)

ottimizzazzjoni u razzjonalizzazzjoni tal-użu ta' strutturi eżistenti, sabiex tiġi evitata kwalunkwe duplikazzjoni ta' għarfien espert tekniku;

(e)

l-użu tas-sistemi u t-tekniki ta' maniġment tal-proġetti tal-aħjar prattika għas-sorveljanza tal-implimentazzjoni tal-programmi Galileo u EGNOS, fid-dawl tar-rekwiżiti speċifiċi u bl-appoġġ ta' esperti fil-qasam.

Artikolu 12

Ir-rwol tal-Kummissjoni

1.   Il-Kummissjoni għandu jkollha responsabbiltà ġenerali tal-programmi Galileo u EGNOS. Hi għandha tamministra l-fondi allokati skont dan ir-Regolament u tissorvelja l-implimentazzjoni tal-attivitajiet kollha tal-programm, b'mod partikolari fir-rigward tal-ispiża tagħhom, l-iskeda u l-prestazzjoni.

2.   Flimkien mar-responsabbiltà ġenerali msemmija fi-paragrafu 1 u l-kompiti speċifiċi msemmija f’dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha:

(a)

tiżgura diviżjoni ċara tal-kompiti bejn id-diversi entitajiet involuti fil-programmi Galileo u EGNOS u għal dan il-għan għandha talloka l-kompiti msemmija fl-Artikolu 14(2) u l-Artikolu 15 rispettivament, partikolarment permezz ta’ ftehimiet ta’ delega, lill-Aġenzija Ewropea GNSS u l-ESA;

(b)

tiżgura l-implimentazzjoni f'waqtha tal-programmi Galileo u EGNOS bir-riżorsi allokati għall-programmi u f'konformità mal-objettivi stipulati fl-Artikolu 2.

Għal dak il-għan, għandha tistabbilixxi u timplimenta l-istrumenti u l-miżuri strutturali korretti xierqa meħtieġa għall-identifikazzjoni, il-kontroll, il-mitigazzjoni u l-monitoraġġ tar-riskji assoċjati mal-programmi;

(c)

timmaniġġja, f'isem l-Unjoni u fil-qasam tal-kompetenza tagħha, ir-relazzjonijiet mal-pajjiżi terzi u l-organizzazzjonijiet internazzjonali;

(d)

tipprovdi lill-Istati Membri u lill-Parlament Ewropew, b'mod f'waqtu, l-informazzjoni rilevanti kollha li tikkonċerna l-programmi Galileo u EGNOS, b'mod partikolari f'termini ta' ġestjoni tar-riskju, spiża globali, spejjeż annwali tal-operat ta' kull element sinifikanti tal-infrastruttura Galileo, introjti, skeda u prestazzjoni, kif ukoll rendikont tal-implimentazzjoni tas-sistemi u t-tekniki ta' maniġment tal-proġetti msemmija fil-punt (e) tal-Artikolu 12;

(e)

tivvaluta l-possibilitajiet għall-promozzjoni u l-iżgurar tal-użu tas-sistemi Ewropej ta' navigazzjoni bis-satellita fis-setturi differenti tal-ekonomija, inkluż billi tanalizza kif jista' jittieħed vantaġġ mill-benefiċċji ġġenerati mis-sistemi.

3.   Għall-progress bla xkiel tal-fażijiet ta' dispjegament u ta' esplojtazzjoni tal-programm Galileo u l-fażi ta' esplojtazzjoni tal-programm EGNOS imsemmija rispettivament fl-Artikoli 3 u 4, il-Kummissjoni għandha tistipula, fejn ikun neċessarju, il-miżuri meħtieġa biex:

(a)

tiġġestixxi u tnaqqas ir-riskji inerenti fil-progress tal-programmi Galileo u EGNOS

(b)

tiddefinixxi l-istadji ta' deċiżjoni ewlenin għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-programmi;

(c)

tiddetermina l-post tal-infrastruttura fuq l-art tas-sistemi skont ir-rekwiżiti tas-sigurtà, wara proċess miftuħ u trasparenti;

(d)

tiddetermina l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u operazzjonali meħtieġa biex jiġu sodisfatti l-funzjonijiet imsemmija fil-punti (b) u (c) tal-Artikolu 2(4) u biex jiġu implimentati l-evoluzzjonijiet tas-sistemi.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 36(3).

Artikolu 13

Is-sigurtà tas-sistemi u t-tħaddim tagħhom

1.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura s-sigurtà tal-programmi Galileo u EGNOS, inkluża s-sigurtà tas-sistemi u t-tħaddim tagħhom. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha:

(a)

tikkunsidra l-bżonn għas-sorveljanza u l-integrazzjoni fi ħdan il-programmi kollha tar-rekwiżiti u l-istandards relatati mas-sigurtà,

(b)

tiżgura li l-effett ġenerali ta' dawk ir-rekwiżiti u l-istandards ser jappoġġa l-progress b'suċċess tal-programmi, partikolarment f'termini ta' spejjeż, ġestjoni tar-riskju u tal-iskeda;

(c)

tistabbilixxi mekkaniżmi ta' koordinazzjoni bejn il-korpi differenti involuti;

(d)

tikkunsidra l-istandards u r-rekwiżiti ta' sigurtà eżistenti sabiex ma tbaxxix il-livell ġenerali tas-sigurtà u ma taffettwax il-funzjonament ta' sistemi eżistenti bbażati fuq dawk l-istandards u rekwiżiti.

2.   Mingħajr ħsara għall-Artikoli 14 u 16 ta' dan ir-Regolament u l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Nru 1104/2011/UE, il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati b’konformità mal-Artikolu 35, filwaqt li tistipula l-objettivi ta' livell għoli meħtieġa biex tiżgura s-sigurtà tal-programmi Galileo u EGNOS msemmija fil-paragrafu 1.

3.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi meħtieġa u miżuri oħrajn biex timplimenta l-objettivi ta' livell għoli msemmija fil-paragrafu 2. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 36(3).

4.   Is-SEAE għandu jkompli jgħin lill-Kummissjoni, fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni, b’konformità mal-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni 2010/427/UE.

Artikolu 14

Ir-rwol tal-Aġenzija Ewropea GNSS

1   B'konformità mal-linji gwida stabbiliti mill-Kummissjoni, l-Aġenzija Ewropea GNSS għandha twettaq il-kompiti li ġejjin:

(a)

tiżgura, fir-rigward tas-sigurtà tal-programmi Galileo u EGNOS, u mingħajr ħsara għall-Artikoli 13 u 16:

(i)

permezz tal-Bord ta' Akkreditament ta' Sigurtà, l-akkreditament tas-sigurtà b'konformità mal-Kapitolu III tar-Regolament (UE) Nru 912/2010; għaldaqstant, hija għandha tagħti bidu u timmoniterja l-implimentazzjoni tal-proċeduri tas-sigurtà u twettaq awditjar tas-sigurtà tas-sistema;

(ii)

it-tħaddim taċ-Ċentru ta' Monitoraġġ tas-Sigurtà Galileo, kif imsemmi fl-Artikolu 6(d) tar-Regolament (UE) Nru 912/2010, b'konformità mal-istandards u r-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 13 ta' dan ir-Regolament u l-istruzzjonijiet skont l-Azzjoni Konġunta 2004/552/PESK;

(b)

twettaq il-kompiti previsti fl-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Nru 1104/2011/UE, u tgħin lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 8(6) ta' dik id-Deċiżjoni;

(c)

tikkontribwixxi, fil-kuntest tal-fażijiet ta' dispjegament u esplojtazzjoni tal-programm Galileo u l-fażi ta’ esplojtazzjoni tal-programm EGNOS, għall-promozzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tas-servizzi msemmija fl-Artikolu 2(4) u (5), inkluż billi twettaq l-analiżi meħtieġa tas-suq, b'mod partikolari permezz tar-rapport dwar is-suq prodott ta' kull sena mill-Aġenzija Ewropea GNSS dwar is-suq għall-applikazzjonijiet u s-servizzi, billi tistabbilixxi kuntatti mill-qrib mal-utenti u l-utenti potenzjali tas-sistemi bil-għan li tiġbor informazzjoni dwar il-bżonnijiet tagħhom, billi ssegwi l-iżviluppi fis-swieq avvanzati tan-navigazzjoni bis-satellita, u billi tfassal pjan ta' azzjoni għall-adozzjoni mill-komunità tal-utenti tas-servizzi msemmija fl-Artikolu 2(4) u (5), li tikkonsisti partikolarment f'azzjonijiet rilevanti relatati mal-istandardizzazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni.

2.   L-Aġenzija Ewropea GNSS għandha wkoll twettaq kompiti oħrajn marbuta mal-implimentazzjoni tal-programmi Galileo u EGNOS, inklużi kompiti ta' maniġment tal-programmi, u għandha tkun responsabbli għalihom. Dawk il-kompiti għandhom jiġu fdati lilha mill-Kummissjoni permezz ta’ ftehim ta’ delega adottat abbażi ta' deċiżjoni ta’ delega, b’konformità mal-Artikolu 58(1)(c) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, u għandhom jinkludu:

(a)

attivitajiet operattivi inklużi l-maniġment tas-sistemi tal-infrastruttura, il-manutenzjoni u t-titjib kontinwu tas-sistema, l-operazzjonijiet ta’ ċertifikazzjoni u standardizzazzjoni u l-forniment tas-servizzi msemmija fl-Artikolu 2(4) u (5);

(b)

attivitajiet ta’ żvilupp tas-servizz u ta' dispjegament għall-evoluzzjoni u ġenerazzjonijiet futuri tas-sistemi, u l-kontribut għad-definizzjoni tal-evoluzzjonijiet tas-servizzi, inkluż l-akkwist;

(c)

il-promozzjoni tal-iżvilupp tal-applikazzjonijiet u s-servizzi bbażati fuq is-sistemi, kif ukoll is-sensibilizzazzjoni dwar tali applikazzjonijiet u servizzi, inklużi l-identifikazzjoni, il-kollegament u l-koordinazzjoni tan-netwerk ta' ċentri Ewropej ta' eċċellenza f'applikazzjonijiet u servizzi GNSS, il-kunsiderazzjoni ta' għarfien espert mis-settur pubbliku u privat, u l-evalwazzjoni ta' miżuri marbutin ma' tali promozzjoni u sensibilizzazzjoni;

(d)

il-promozzjoni tal-iżvilupp ta' elementi fundamentali, bħal chipsets u riċevituri abilitati għall-Galileo.

3.   Il-ftehimiet ta' delega msemmija fil-paragrafu 1a għandu jagħti livell xieraq ta' awtonomija u awtorità lill-Aġenzija Ewropea GNSS, b'referenza partikolari għall-awtorità kontraenti, fil-qafas tal-Artikolu 58(1)(c) u l-Artikolu 60 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012. Barra minn hekk, huwa għandu jistabbilixxi l-kondizzjonijiet ġenerali għall-maniġment tal-fondi allokati lill-Aġenzija Ewropea GNSS u, b’mod partikolari, l-azzjonijiet li jridu jiġu implimentati, il-finanzjament rilevanti, il-proċeduri ta’ maniġment, il-miżuri ta’ monitoraġġ u kontroll, il-miżuri applikabbli fil-każ ta’ implimentazzjoni inadegwata tal-kuntratti f’dawk li huma spejjeż, skeda u prestazzjoni, kif ukoll ir-regoli dwar is-sjieda tal-proprjetà tanġibbli u intanġibbli kollha.

Il-miżuri ta' monitoraġġ u ta' kontroll, b'mod partikolari, għandhom jipprevedu sistema ta' tbassir tal-ispiża proviżorja, għal informazzjoni sistematika lill-Kummissjoni dwar l-ispejjeż u l-iskeda, u, fil-każ ta' diskrepanza bejn il-baġits ppjanati, il-prestazzjoni u l-iskeda, għal azzjoni korrettiva li tiżgura l-implimentazzjoni tal-infrastrutturi fil-limiti tal-baġits allokati.

4.   L-Aġenzija Ewropea GNSS għandha tidħol f'arranġamenti ta' ħidma mal-ESA li huma meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti rispettivi tagħhom skont dan ir-Regolament għall-fażi ta' esplojtazzjoni tal-programmi Galileo u EGNOS. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat dwar tali arranġamenti ta' ħidma konklużi mill-Aġenzija Ewropea GNSS u kwalunkwe bidliet li jsirulhom. Meta jkun xieraq, l-Aġenzija Ewropea GNSS tista' wkoll tikkunsidra li tirrikorri għand entitajiet oħrajn tas-settur pubbliku jew privat.

5.   Minbarra l-kompiti msemmija fil-paragrafi 1 u 2 u fl-ambitu tal-missjoni tagħha, l-Aġenzija Ewropea GNSS għandha tipprovdi lill-Kummissjoni bl-ispeċjalizzazzjoni teknika tagħha u tforni kwalunkwe informazzjoni meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tagħha skont dan ir-Regolament, inkluż għall-valutazzjoni tal-possibilità li jiġi promoss u żgurat l-użu tas-sistemi msemmija fil-punt (e) tal-Artikolu 12(2).

6.   Il-Kumitat għandu jiġi kkonsultat dwar id-deċiżjoni ta’ delega msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, b’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 36(2). Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kumitat għandhom ikunu infurmati minn qabel bil-ftehimiet ta’ delega li għandhom jiġu konklużi mill-Unjoni, kif irrappreżentata mill-Kummissjoni, u l-Aġenzija Ewropea GNSS.

7.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat dwar ir-riżultati intermedjarji u dawk finali tal-evalwazzjoni ta' kwalunkwe sejħiet għal offerti u ta' kwalunkwe kuntratti ma' entitajiet fis-settur privat,inkluża l-informazzjoni relatata mas-sottokuntrattar.

Artikolu 15

L-irwol tal-Aġenzija Spazjali Ewropea

1.   Għall-fażi ta' dispjegament tal-programm Galileo kif imsemmi fl-Artikolu 3(c), il-Kummissjoni għandha tikkonkludi mingħajr dewmien ftehim ta' delega mal-ESA li jagħti deskrizzjoni dettaljata tal-kompiti ta' din tal-aħħar, b'mod partikolari rigward id-disinn, l-iżvilupp u l-akkwist tas-sistema. Il-ftehim ta' delega mal-ESA għandu jiġi konkluż abbażi ta' deċiżjoni ta' delega adottata mill-Kummissjoni b'konformità mal-Artikolu 58(1)(c) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

Il-ftehim tad-delega għandu, safejn hu meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-kompiti u tal-baġit iddelegati, jistabbilixxi l-kundizzjonijiet ġenerali għall-maniġment tal-fondi fdati lill-ESA, u, b’mod partikolari, l-azzjonijiet li għandhom jiġu implimentati fir-rigward tad-disinn, l-iżvilupp u l-akkwist tas-sistema, il-finanzjament rilevanti, il-proċeduri ta’ maniġment u l-miżuri ta’ monitoraġġ u ta’ kontroll, il-miżuri applikabbli fl-avveniment ta’ implimentazzjoni inadegwata tal-kuntratti f'termini ta' spejjeż, skeda u prestazzjoni, kif ukoll ir-regoli dwar is-sjieda tal-assi tanġibbli u intanġibbli kollha.

Il-miżuri ta' monitoraġġ u ta' kontroll, għandhom, b'mod partikolari, jipprevedu għal sistema ta' tbassir tal-ispiża provviżjorja, għal informazzjoni sistematika lill-Kummissjoni dwar l-ispejjeż u l-iskeda, u, fil-każ li jkun hemm diskrepanza bejn il-baġits, il-prestazzjoni u l-iskeda ppjanati, għal azzjoni korrettiva li tiżgura l-implimentazzjoni tal-infrastrutturi fil-limiti tal-baġits allokati.

2.   Il-Kumitat għandu jiġi kkonsultat dwar id-deċiżjoni ta’ delega msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, b’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 36(2). Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kumitat għandhom ikunu infurmati minn qabel bil-ftehimiet ta’ delega li għandhom jiġu konklużi mill-Unjoni, kif irrappreżentata mill-Kummissjoni u l-ESA.

3.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat dwar ir-riżultati intermedjarji u dawk finali tal-evalwazzjoni tas-sejħiet għal offerti u tal-kuntratti ma' entitajiet fis-settur privat li għandhom jiġu konklużi mill-ESA, inkluża l-informazzjoni relatata mas-sottokuntrattar.

4.   Għall-fażi ta' esplojtazzjoni tal-programmi Galileo u EGNOS kif imsemmija fl-Artikolu 3(d) u l-Artikolu 4, l-arranġamenti ta' ħidma bejn l-Aġenzija Ewropea GNSS u ESA, imsemmija fl-Artikolu 14(4) għandhom jindirizzaw ir-rwol tal-ESA matul dik il-fażi u l-kooperazzjoni tagħha mal-Aġenzija Ewropea GNSS, b'mod partikolari rigward:

(a)

il-kunċett, id-disinn, il-monitoraġġ, l-akkwist u l-validazzjoni fil-qafas tal-iżvilupp tal-ġenerazzjonijiet futuri tas-sistemi;

(b)

l-appoġġ tekniku fil-qafas tal-operazzjoni u l-manteniment tal-ġenerazzjoni eżistenti tas-sistemi.

Dawk l-arranġamenti għandhom ikunu konformi mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 u mal-miżuri stabbiliti mill-Kummissjoni f'konformità mal-Artikolu 12(3).

5.   Mingħajr ħsara għall-ftehim ta' delega u l-arrangamenti ta' ħidma msemmija fil-paragrafi 1 u 4 rispettivament, il-Kummissjoni tista' titlob mingħand ESA għarfien espert tekniku u informazzjoni meħtieġa għall-prestazzjoni tal-kompiti tagħha taħt dan ir-Regolament.

KAPITOLU IV

ASPETTI RELATATI MAS-SIGURTÀ TAL-UNJONI JEW TAL-ISTATI MEMBRI

Artikolu 16

Azzjoni Konġunta

Kull meta s-sigurtà tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha tkun tista’ tiġi affettwata mit-tħaddim tas-sistemi, għandhom japplikaw il-proċeduri stipulati fl-Azzjoni Konġunta 2004/552/PESK.

Artikolu 17

L-applikazzjoni tar-regoli dwar informazzjoni klassifikata

Fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament:

(a)

kull Stat Membru għandu jiżgura li r-regolamenti nazzjonali tiegħu dwar is-sigurtà joffru livell ta' ħarsien tal-informazzjoni klassifikata tal-UE ekwivalenti għal dak ipprovdut mir-regoli dwar is-sigurtà kif stipulati fl-Anness mad-Deċiżjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom u mir-regoli dwar is-sigurtà tal-Kunsill stipulati fl-Annessi mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE;

(b)

L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien bl-adozzjoni ta' regolament nazzjonali dwar is-sigurtà kif msemmi fil-punt (a);

(c)

Il-persuni fiżiċi li huma residenti fi u persuni ġuridika stabbiliti f’pajjiżi terzi jistgħu jittrattaw informazzjoni klassifikata tal-UE fir-rigward tal-programmi Galileo u EGNOS biss meta dawn ikunu soġġetti, f'dawn il-pajjiżi, għal regolament dwar is-sigurtà li jiżgura livell ta’ ħarsien talanqas ekwivalenti għal dak ipprovdut bir-regoli tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà stabbiliti fl-Anness mad-Deċiżjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom u mir-regoli tal-Kunsill dwar is-sigurtà stabbiliti fl-Annessi mad-Deċiżjoni 2013/488/UE. L-ekwivalent tar-regolament dwar is-sigurtà applikat f'pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali għandu jiġi definit fi ftehim dwar is-sigurtà ta' informazzjoni bejn l-Unjoni u dak il-pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 218 TFUE u b'kont meħud tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni 2013/488/UE;

(d)

mingħajr ħsara għall-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni 2013/488/UE u għar-regoli li jirregolaw il-qasam tas-sigurtà industrijali kif stabbiliti fl-Anness għad-Deċiżjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom, persuna fiżika jew persuna ġuridika, pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali jista' jingħatalhom aċċess għal informazzjoni klassifikata tal-UE fejn meqjus meħtieġ fuq bażi ta' każ b'każ, skont in-natura u l-kontenut ta' tali informazzjoni, il-ħtieġa ta' għarfien tad-destinatarju u l-livell ta' vantaġġ għall-Unjoni.

KAPITOLU V

KUNTRATTI PUBBLIĊI

TAQSIMA I

Dispożizzjonijiet ġenerali applikabbli għall-kuntratti pubbliċi konklużi fil-qafas tal-fażijiet ta' dispjegament tal-programm galileo u l-fażi ta' esplojtazzjoni tal-programm egnos

Artikolu 18

Prinċipji ġenerali

Mingħajr ħsara għall-miżuri meħtieġa għall-protezzjoni tal-interessi essenzjali tas-sigurtà tal-Unjoni jew tas-sigurtà pubblika jew biex ikun hemm konformità mar-rekwiżiti tal-Unjoni dwar il-kontroll tal-esportazzjoni, ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, għandhom japplikaw għall-kuntratti pubbliċi konklużi fil-qafas tal-fażi ta' dispjegament tal-programm Galileo u l-fażi ta' esplojtazzjoni tal-programm EGNOS. Barra minn hekk, il-ġrinċipji ġenerali li ġejjin għandhom japplikaw ukoll għall-fażijiet tad-dispjegament u l-eplojtazzjoni tal-programm Galileo u għall-fażi tal-esplojtazzjoni tal-programm EGNOS: l-aċċess miftuħ u l-kompetizzjoni ġusta tul il-katina tal-provvista, is-sejħiet għall-offerti abbażi tal-għoti ta' informazzjoni trasparenti u f'waqtha, il-komunikazzjoni ċara tar-regoli li japplikaw dwar l-akkwist, il-kriterji tal-għażla u kwalunkwe informazzjoni oħra rilevanti li twassal għal kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għall-offerenti potenzjali kollha

Artikolu 19

Objettivi speċifiċi

Matul il-proċedura ta' akkwist, għandhom jiġu segwiti l-objettivi li ġejjin mill-awtoritajiet kontraenti fis-sejħiet għall-offerti tagħhom:

(a)

il-promozzjoni tal-iktar parteċipazzjoni wiesgħa u miftuħa possibbli fl-Unjoni mill-operaturi ekonomiċi kollha, u partikolarment mill-kumpaniji l-ġodda u l-SMEs, inkluż billi jirrikorru għas-sottokuntrattar mill-offerenti;

(b)

jiġi evitat l-abbuż possibbli ta' pożizzjoni ta' dominanza u tiġi evitata d-dipendenza fuq fornitur wieħed,

(c)

jittieħed vantaġġ minn investimenti preċedenti tas-settur pubbliku u tal-lezzjonijiet miksuba kif ukoll tal-esperjenza u l-kompetenzi industrijali, inklużi dawk miksuba fil-fażijiet tad-definizzjoni, l-iżvilupp u validazzjoni u d-dispjegament tal-programmi Galileo u EGNOS, waqt li tkun assigurata l-konformità mar-regoli dwar sejħiet għal offerti b’mod kompetittiv.

(d)

jiġi applikat il-multiple sourcing kull fejn dan ikun xieraq biex jiġi żgurat kontroll ġenerali aħjar tal-programmi Galileo u EGNOS, tal-ispejjeż tagħhom u tal-iskeda tagħhom;

(e)

jittieħed kont kull meta xieraq tal-ispiża totali fuq iċ-ċiklu tal-ħajja utli tal-prodott, servizz jew xogħol li għalih qed issir sejħa għall-offerti.

TAQSIMA 2

Dispożizzjonijiet speċifiċi applikabbli għall-akkwist pubbliku mwettaq bħala parti mill-fażijiet ta' dispjegament tal-programm galileo u l-fażi ta' esplojtazzjoni tal-programm egnos

Artikolu 20

L-istabbiliment ta' kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni gusti

L-awtorità kontraenti għandha tieħu l-miżuri xierqa biex tiżgura li jkun hemm kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni ġusta meta involviment preċedenti ta' kumpanija fl-attivitajiet marbuta mas-suġġett tas-sejħa għall-offerti:

(a)

jista' jagħti vantaġġi kbar lil dik il-kumpanija f'termini ta' informazzjoni privileġġata u għalhekk jista' jagħti lok għal tħassib dwar il-konformità mal-prinċipju ta' trattament ugwali; jew

(b)

jaffettwa l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni normali jew l-imparzjalità u l-oġġettività tal-għoti u r-rendiment tal-kuntratti.

Dawn il-miżuri ma għandhomx jaffettwaw il-kompetizzjoni ġusta, jew jikkompromettu t-trattament ugwali u l-kunfidenzjalità tad-dejta miġbura dwar l-impriżi, ir-relazzjonijiet kummerċjali u l-istruttura tal-ispejjeż tagħhom. F'dak il-kuntest, dawk il-miżuri għandhom iqisu n-natura u l-partikolari tal-kuntratt maħsub.

Artikolu 21

Sigurtà tal-informazzjoni

Meta l-kuntratti jinvolvu, jeħtieġu u/jew jinkludu informazzjoni klassifikata, l-awtoritàkontraenti għandha tispeċifika fid-dokumenti tal-offerta l-miżuri u r-rekwiżiti meħtieġa sabiex tkun żgurata s-sigurtà ta' din l-informazzjoni fil-livell meħtieġ.

Artikolu 22

Affidabbiltà tal-provvista

L-awtorità kontraenti għandha tispeċifika fid-dokumenti tal-offerta r-rekwiżiti tagħha fir-rigward tal-affidabbiltà tal-provvisti jew il-forniment ta' servizzi għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt.

Artikolu 23

Kuntratti kundizzjonali b'pagamenti fi stadji

1.   L-awtorità kontraenti tista' tagħti kuntratt fl-għamla ta' kuntratt kundizzjonali ta' pagamenti fi stadji.

2.   Kuntratt kundizzjonali ta' pagamenti fi stadji għandu jinkludi stadju fiss li għandu jkun akkumpanjat minn impenn baġitarju li jirriżulta f'impenn sod li jingħataw ix-xogħlijiet, il-provvisti u s-servizzi kkuntrattati għal dak l-istadju u stadju wieħed ieħor jew iktar li jkunu kundizzjonali f'termini kemm tal-baġit kif ukoll tal-eżekuzzjoni. Id-dokumenti tal-offerti għandhom jirreferu għall-karatteristiċi speċifiċi tal-kuntratti kundizzjonali b'pagamenti fi stadji. B' mod partikolari, dawn għandhom jispeċifikaw is-suġġett tal-kuntratt, il-prezz jew l-arranġamenti għad-determinazzjoni tal-prezz u l-arranġamenti għall-forniment ta' xogħolijiet, provvisti u servizzi f'kull stadju.

3.   L-obbligi tal-istadju fiss għandhom ikunu parti minn parti sħiħa konsistenti; l-istess għandu japplika għall-obbligi f'kull stadju kundizzjonali, filwaqt li jitqiesu l-obbligi fl-istadji preċedenti.

4.   L-eżekuzzjoni ta' kull stadju kundizzjonali għandha tkun soġġetta għal deċiżjoni mill-awtorità kontraenti notifikata lill-kuntrattur skont il-kuntratt. Meta stadju kundizzjonali jiġi kkonfermat tard jew ma jiġix ikkonfermat, il-kuntrattur jista' jibbenefika, jekk il-kuntratt jipprovdi hekk u skont il-kundizzjonijiet imniżżla fih, minn allokazzjoni ta' trasferiment u allokazzjoni ta' noneżekuzzjoni.

5.   Meta, fir-rigward ta' stadju partikolari, l-awtorità kontraenti tinnota li x-xogħlijiet, provvisti, jew is-servizzi miftiehma għal dak l-istadju ma jkunux saru, hija tista' titlob li titħallas għad-danni u ttemm il-kuntratt, jekk il-kuntratt jipprevedi dan u skont il-kundizzjonijiet stipulati fih.

Artikolu 24

Kuntratti ta' rimborż tal-ispejjeż

1.   L-awtorità kontraenti tista' tagħżel kuntratt ta' rimborż sħiħ jew parzjali tal-ispejjeż sa ammont limitat, skont il-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 2.

Il-prezz li għandu jitħallas għal tali kuntratti għandu jikkonsisti fir-rimborż tal-ispejjez diretti kollha mġarrba mill-kuntrattur fit-twettiq tal-kuntratt, bħall-infiq fuq il-ħaddiema, il-materjali, il-prodotti kkunsmati,u l-użu tat-tagħmir u l-infrastruttura meħtieġa għat-twettiq tal-kuntratt. Dawn l-ispejjeż għandhom jiżdiedu bi ħlas fiss li tkopri l-ispejjeż indiretti u l-profitt, jew somma li tkopri l-ispejjeż indiretti u kumpens tal-ħlas fuq l-inċentiv abbażi tal-ksib tal-objettivi fir-rigward tal-eżekuzzjoni u l-kalendarju.

2.   L-awtorità kontraenti tista' tagħżel kuntratt ta' rimborż sħiħ jew parzjali meta ma jkunx oġġettivament possibbli li jiġi speċifikat prezz fiss preċiż u jekk jista' jiġi muri b'mod raġonevoli li dan il-prezz fiss ma jkunx abnormalment għoli minħabba l-inċertezzi inerenti fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt minħabba:

(a)

li l-kuntratt ikollu karatteristiċi kumplessi ħafna jew karatteristiċi li jirrikjedu l-użu ta' teknoloġija ġdida u li għalhekk jinkludi għadd sinifikanti ta' riskji tekniċi; jew

(b)

l-attivitajiet soġġetti għall-kuntratt għandhom, għal raġunijiet operazzjonali, jibdew immedjatament anki jekk ma jkunx għadu possibbli li jiġi ddeterminat prezz fiss riġidu sħiħ minħabba r-riskji sinifikanti jew minħabba li l-eżekuzzjoni tal-kuntratt tiddependi parzjalment fuq l-eżekuzzjoni ta' kuntratti oħra.

3.   Il-prezz limitu għal kuntratt ta' rimborż sħiħ jew parzjali għandu jkun il-prezz massimu pagabbli. Dan jista' jinqabeż biss f'ċirkostanzi eċċezzjonali ġġustifikati kif suppost u bi qbil minn qabel mill-awtorità kontraenti.

4.   Id-dokumenti tat-tender ta' proċedura tal-akkwist għal kuntratt ta' rimborż sħiħ jew parzjali għandhom jispeċifikaw:

(a)

it-tip ta' kuntratt, jiġifieri jekk huwiex kuntratt ta' rimborż sħiħ jew parzjali sa prezz limitu;

(b)

għal kuntratt ta' rimborż parzjali, l-elementi tal-kuntratt soġġetti għal rimborż tal-ispejjeż;

(c)

il-prezz limitu totali;

(d)

il-kriterji tal-għoti li għandhom jippermettu l-valutazzjoni tal-plawsibbiltà tal-baġit globali stmat, tal-ispejjeż rimborżabbli, tal-mekkaniżmi għad-determinazzjoni ta' dawn l-ispejjeż u l-profitt imsemmija fl-offerta li trid tiġi vvalutata;

(e)

it-tip ta' żieda msemmija fil-paragrafu 1 li għandha tiġi applikata lill-ispejjeż diretti;

(f)

ir-regoli u l-proċeduri li jiddeterminaw l-eliġibilità tal-ispejjeż ippjanati mill-offerent għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt, skont il-prinċipji stipulati fil-paragrafu 5;

(g)

ir-regoli tal-kontabilità li l-offerti għandhom jikkonformaw magħhom;

(h)

fil-każ ta' kuntratt ta' rimborż sħiħ jew parzjali li għandu jindbidel f'kuntratt ta' prezz fiss riġidu, il-parametri għal tali konverżjoni.

5.   L-ispejjeż iddikjarati mill-kuntrattur waqt l-eżekuzzjoni ta' kuntratt ta' rimborż sħiħ jew parzjali għandhom ikunu eliġibbli biss jekk dawn:

(a)

jiġġarbu tabilħaqq matul il-kuntratt, bl-eċċezzjoni tal-ispejjeż għat-tagħmir, l-infrastrutturi u l-assi fissi intanġibbli meħtieġa għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt li jistgħu jitqiesu eliġibbli sal-valur sħiħ tal-ammont tax-xiri tagħhom;

(b)

jissemmew fl-istima globali tal-baġit li tista' tiġi riveduta mill-emendi għall-kuntratt inizjali;

(c)

ikunu meħtieġa għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt;

(d)

jirriżultaw mill-eżekuzzjoni tal-kuntratt u jkunu attribwibbli għal dan;

(e)

ikunu identifikabbli, verifikabbli, imniżżla fir-rekords tal-kontabilità tal-kuntrattur u ddeterminati skont l-istandards tal-kontabilità msemmija fl-ispeċifikazzjonijiet u fil-kuntratt;

(f)

jimxu skont ir-rekwiżiti tal-liġijiet fiscali u soċjali applikabbli;

(g)

ma jidderogawx mit-termini tal-kuntratt;

(h)

ikunu raġonevoli, ġustifikati, u jimxu skont ir-rekwiżiti ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, b’mod partikolari rigward ekonomija u effiċjenza.

Il-kuntrattur għandu jkun responsabbli għall-kontabilità tal-ispejjeż tiegħu, iżomm rekords tal-kontabilità tajbin jew kwalunkwe dokument ieħor rikjest biex juri li l-ispejjeż li għalihom intalab rimborż iġġarrbu u jikkonformaw mal-prinċipji stipulati f'dan l-Artikolu. L-ispejjeż li ma jistgħux jiġu sostanzjati mill-kuntrattur għandhom jitqiesu li mhumiex eliġibbli u r-rimborż tagħhom ma jiġix aċċettat.

6.   L-awtorità kontraenti għandha tkun responsabbli għall-kompiti li ġejjin sabiex tiżgura l-eżekuzzjoni korretta tal-kuntratti tar-rimborż tal-ispejjeż:

(a)

determinazzjoni tal-prezz limitu l-aktar realistiku possibbli, filwaqt li tipprovdi l-flessibbiltà meħtieġa biex tintegra d-diffikultajiet tekniċi;

(b)

konverżjoni tal-kuntratt ta' rimborż parzjali f'kuntratt ta' prezz fiss riġidu hekk kif ikun possibbli li jiġi ddeterminat dan il-prezz fiss riġidu waqt l-eżekuzzjoni tal-kuntratt. Għal dik ir-raġuni, għandha tiddetermina l-parametri tal-konverżjoni biex tikkonverti kuntratt konkluż fuq bażi ta' rimborż tal-ispejjeż għal kuntratt bi prezz fiss riġidu;

(c)

implimentazzjoni tal-miżuri ta' monitoraġġ u kontroll li jipprovdu, partikolarment, sistema ta' previżjoni ta' stima tal-ispejjeż;

(d)

determinazzjoni tal-prinċipji, l-għodod u l-proċeduri xierqa għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt, partikolarment għall-identifikazzjoni u l-kontroll tal-eliġibilità tal-ispejjeż iddikjarati mill-kuntrattur jew is-sottokuntratturi tiegħu waqt l-eżekuzzjoni tal-kuntratt, u għall-introduzzjoni ta' emendi fil-kuntratt;

(e)

verifika li l-kuntrattur u s-sottokuntratturi tiegħu jikkonformaw mal-istandards tal-kontabilità stipulati fil-kuntratt u mal-obbligu li jipprovdu d-dokumenti tal-kontabilità tagħhom li għandhom jippreżentaw verżjoni vera u ġusta tal-kontijiet;

(f)

matul l-eżekuzzjoni tal-kuntratt, l-iżgurar kontinwu tal-effettività tal-prinċipji, l-għodod u l-proċeduri msemmija fil-punt (d).

Artikolu 25

Emendi

L-awtorità kontraenti u l-kuntratturi jistgħu jibdlu l-kuntratt b'emenda bil-kundizzjoni li din l-emenda tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha li gejjin:

(a)

ma tibdilx is-suġġett tal-kuntratt;

(b)

ma tfixkilx il-bilanċ ekonomiku tal-kuntratt;

(c)

ma tintroduċix kundizzjonijiet li, li kieku dehru mill-bidu fid-dokumenti tal-kuntratt, kienu jippermettu l-ammissjoni ta' offerenti li mhux dawk li ġew ammessi inizjalment jew kienu jippermettu li jiġi aċċettat tender li mhux dak li ġie aċċettat inizjalment.

Artikolu 26

Is-sottokuntrattar

1.   L-awtorità kontraenti għandha titlob lill-offerent biex sehem mill-kuntratt jiġi sottokuntrattat permezz ta' sejħa għal offerti kompetittiva fil-livelli xierqa ta' sottokuntrattar lil kumpaniji li mhumiex dawk li jagħmlu parti mill-grupp tal-offerent, partikolarment kumpaniji ġodda u SMEs.

2.   L-awtorità kontraenti għandha tesprimi l-parti rikjesta tal-kuntratt li għandu jiġi sottokuntrattat fil-forma ta' firxa minn perċentwal minimu sa wieħed massimu. Hija għandha tiżgura li tali perċentwali huma proporzjonati għall-għan u l-valur tal-kuntratt, waqt li jittieħed kont tan-natura tas-settur ta' attività kkonċernata, u b'mod partikolari, tal-kundizzjonijiet kompetittivi u tal-potenzjal industrijali osservat.

3.   Jekk l-offerent jindika fl-offerta tiegħu li huwa beħsiebu ma jissottokuntrattax kwalunkwe sehem mill-kuntratt jew jissottokuntratta sehem li huwa inferjuri għall-minimu tal-firxa msemmija fil-paragrafu 1a, huwa għandu jipprovdi r-raġunijiet għal dan lill-awtorità kontraenti. L-awtorità kontraenti għandha tippreżenta dik l-informazzjoni lill-Kummissjoni.

4.   L-awtorità kontraenti tista' tirrifjuta s-sottokuntratturi magħżula mill-kandidat fl-istadju tal-proċedura tal-għoti tal-kuntratt jew mit-offerent magħżul għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt. Għandha tiġġustifika dan ir-rifjut tagħha bil-miktub, u dan jista' jkun ibbażat biss fuq il-kriterji użati għall-għażla tal-offerenti għall-kuntratt ewlieni.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET MIXXELLANJI

Artikolu 27

Programmazzjoni

Il-Kummissjoni għandha tadotta programm ta' ħidma annwali fl-għamla ta' pjan ta' implimentazzjoni tal-azzjonijiet meħtieġa biex jinkisbu l-objettivi speċifiċi tal-programmi Galileo stipulati fl-Artikolu 2(4) skont il-fażijiet imniżżlin fl-Artikolu 3 u l-objettivi speċifiċi tal-programm EGNOS stipulati fl-Artikolu 2(5). Il-programm ta' ħidma annwali għandu jipprevedi wkoll il-finanzjament għal dawk l-azzjonijiet.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 35(3).

Artikolu 28

Azzjoni tal-Istati Membri

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji kollha biex jiżguraw il-funzjonament tajjeb tal-programmi Galileo u EGNOS inklużi miżuri li jiżguraw il-protezzjoni tal-istazzjonijiet fuq l-art stabbiliti fuq it-territorji tagħhom li ser ikun mill-anqas ekwivalenti għal dawk meħtieġa għall-protezzjoni tal-infrastrutturi kritiċi Ewropej skont it-tifsira tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/114/KE (18). L-Istati Membri m'għandhomx jieħdu kwalunkwe miżuri li jistgħu jkunu ta' detriment għall-programmi jew is-servizzi pprovduti permezz tal-użu tagħhom, b'mod partikolari f' termini tal-kontinwità tal-operat tal-infrastrutturi.

Artikolu 29

Ftehimiet internazzjonali

L-Unjoni tista' tidħol fi ftehimiet ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali fil-kuntest tal-programmi Galileo u EGNOS skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 218 tat-TFUE.

Artikolu 30

Għajnuna teknika

Sabiex twettaq il-kompiti tekniċi msemmija fl-Artikolu 12(2), il-Kummissjoni tista' tirrikorri għall-għajnuna teknika neċessarja, partikolarment il-kapaċitajiet u l-għarfien espert tal-aġenziji nazzjonali kompetenti fis-settur tal-ispazju, jew l-għajnuna ta' esperti indipendenti u korpi li kapaċi jipprovdu analiżijiet u opinjonijiet imparzjali dwar il-progress tal-programmi Galileo u EGNOS.

L-entitajiet involuti fit-tmexxija pubblika tal-programmi, minbarra l-Kummissjoni, partikolarment, l-Agenzija Ewropea GNSS u ESA, jistgħu jirċievu wkoll l-istess għajnuna teknika fit-twettiq tal-kompiti fdati lilhom skont dan ir-Regolament.

Artikolu 31

Il-protezzjoni tad-dejta personali u l-privatezza

1.   Il-Kummissjoni għandha tassigura li tkun garantita l-protezzjoni tad-dejta personali u tal-privatezza matul it-tfassil, l-implimentazzjoni u l-esplojtazzjoni tas-sistemi u li jiġu integrati salvagwardji adegwati fihom.

2.   Id-dejta personali kollha li tintuża fil-kuntest tal-kompiti u l-attivitajiet ipprovduti f'dan ir-Regolament għandha tiġi pproċessata skont il-liġi applikabbli dwar il-ħarsien tad-dejta personali, partikolarment ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19) u d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20).

Artikolu 32

Il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri xierqa biex tiżgura li, meta jiġu implimentati azzjonijiet finanzjati skont dan ir-Regolament, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jkunu mħarsa bl-applikazzjoni ta' miżuri preventivi kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra u, jekk jiġu individwati l-irregolaritajiet, permezz tal-irkupru tal-ammonti mħallsa skorrettament u, fejn ikun il-każ, permezz ta' penali effettivi, proporzjonati u deterrenti.

2.   Il-Kummissjoni jew ir-rappreżentanti tagħha u l-Qorti tal-Awdituri għandu jkollhom is-setgħa ta’ verifika, abbażi ta' dokumenti u verifiki fuq il-post, fuq il-benefiċjarji tal-għajnuna finanzjarja, il-kuntratturi u s-sottokuntratturi kollha li rċevew fondi tal-Unjoni skont dan ir-Regolament.

L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) jista' jwettaq investigazzjonijiet, inklużi verifiki u spezzjonijiet fuq il-post fuq operaturi ekonomiċi direttament jew indirettament konċernati minn tali finanzjament skont id-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21) u fir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (22) bil-għan li jiġi stabbilit li kien hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività oħra illegali kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, fil-qafas ta’ ftehim ta’ għotja jew deċiżjoni ta' għotja jew kuntratt li jikkonċerna l-fondi tal-Unjoni.

Bla ħsara għall-ewwel u t-tieni subparagrafi, il-ftehimiet internazzjonali konklużi ma’ pajjiżi terzi u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali u ftehimiet ta’ għotja u deċiżjonijiet ta' għotja u kuntratti li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom ikun fihom dispożizzjonijiet li tawtorizza b'mod espliċitu jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-OLAF biex iwettqu tali verifiki u investigazzjonijiet skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom.

Artikolu 33

Informazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill

1.   Il-Kummissjoni għandha tassigura l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament. Kull sena, meta tippreżenta l-abbozz preliminari tal-baġit, hija għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-programmi Galileo u EGNOS. Dak ir-rapport għandu jinkludi l-informazzjoni kollha li tikkonċerna l-programmi, partikolarment f'termini ta' ġestjoni tar-riskju, spiża globali, spiża annwali tal-operat, introjti, skeda u prestazzjoni, kif imsemmi fil-punt (d) tal-Artikolu 12(2) u fir-rigward tal-funzjonament tal-ftehimiet ta' delega konklużi skont l-Artikoli 14(2) u 15(1). Dan għandu jinkludi:

(a)

rendikont tal-allokazzjoni u l-użu tal-fondi allokati lill-programmi kif imsemmi fl-Artikolu 7(4);

(b)

informazzjoni dwar l-istrateġija tal-maniġment tal-ispejjeż adottata mill-Kummissjoni kif imsemmi fl-Artikolu 9(6);

(c)

valutazzjoni tal-maniġment tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

(d)

rendikont tal-implimentazzjoni tas-sistemi u t-tekniki ta' maniġment tal-proġetti, inklużi sistemi u tekniki ta' ġestjoni tar-riskju, kif imsemmi fil-punt (d) tal-Artikolu 12(2);

(e)

evalwazzjoni tal-miżuri meħuda biex jittieħdu l-akbar benefiċċji soċjoekonomiċi possibbli mill-programmi.

2.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-riżultati intermedjarji u dawk finali tal-evalwazzjoni tas-sejħiet għall-offerti u tal-kuntratti ma' entitajiet privati mwettqa mill-Aġenżija Ewropea GNSS u ESA skont l-Artikolu 14(7) u l-Artikolu 15(3) rispettivament.

Hija għandha tinforma wkoll lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill:

(a)

dwar kwalunkwe allokazzjoni mill-ġdid ta' fondi bejn kategoriji ta' nefqa mwettqa skont l-Artikolu 9(3);

(b)

dwar kwalunkwe impatt fuq il-programmi Galileo u EGNOS li joħroġ mill-applikazzjoni tal-Artikolu 8(2).

Artikolu 34

Valutazzjoni tal-applikazzjoni tar-Regolament preżenti

1.   Sat-30 ta' Ġunju 2017, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport ta' valutazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, bil-ħsieb li tittieħed deċiżjoni dwar it-tiġdid, il-modifikar jew is-sospensjoni tal-miżuri meħuda skont dan ir-Regolament li jikkoncerna:

(a)

il-ksib tal-objettivi ta' dawk il-miżuri, mill-perspettiva tar-riżultati u wkoll tal-impatti;

(b)

l-effettività tal-użu tar-riżorsi;

(c)

il-valur miżjud Ewropew.

Il-valutazzjoni addizzjonalment tindirizza żviluppi teknoloġiċi relatati mas-sistemi, l-ambitu għas-simplifikazzjoni, il-koerenza interna u esterna tagħha, ir-rilevanza tal-objettivi kollha, kif ukoll il-kontribut tal-miżuri għall-prijoritajiet tal-Unjoni ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Għandha tqis ir-riżultati tal-valutazzjoni dwar l-impatt fit-tul tal-miżuri preċedenti.

2.   Il-valutazzjoni għandha tqis il-progress li sar fir-rigward tal-objettivi speċifiċi tal-programmi Galileo u EGNOS stipulati fl-Artikolu 2(4) u (5), rispettivament, fuq il-bażi ta' indikaturi tar-rendiment bħal:

(a)

għal Galileo u rigward:

(i)

d-dispjegament tal-infrastruttura tiegħu:

in-numru u d-disponibbiltà ta' satelliti operazzjonali, u n-numru ta' satelliti żejda disponibbli fuq l-art versu n-numru ta' satelliti ppjanati msemmija fil-ftehim ta' delega;

id-disponibbiltà attwali tal-elementi tal-infrastruttura bbażata fuq l-art (bħal stazzjonijiet fuq l-art, ċentri ta' kontroll) versu d-disponibbiltà ppjanata;

(ii)

livell ta' servizz:

mappa tad-disponibbiltà tas-servizz skont is-servizz versu dokument dwar id-definizzjoni tas-servizz;

(iii)

spiża:

indiċi dwar il-prestazzjoni tal-ispiża għal kull spiża kbira tal-programm ibbażat fuq proporzjon li jqabbel l-ispiża attwali mal-ispiża bbaġitjata;

(iv)

skeda:

indiċi dwar il-prestazzjoni tal-iskeda għal kull spiża kbira tal-programm ibbażat fuq it-tqabbil tal-ispiża bbaġitjata tal-ħidma mwettqa mal-ispiża bbaġitjata tal-ħidma skedata.

(v)

livell tas-suq:

tendenza tas-suq ibbażata fuq il-perċentwal ta' riċevituri Galileo u EGNOS fl-ammont totali ta' mudelli ta' riċevituri fir-rapport dwar is-suq provdut mill-Aġenzija Ewropea GNSS imsemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 14(1).

(b)

għal EGNOS u rigward:

(i)

l-estensjoni tal-kopertura tiegħu:

progress tal-estensjoni tal-kopertura versu l-pjan tal-estensjoni tal-kopertura;

(ii)

livell ta' servizz:

indiċi tad-disponibbiltà tas-servizz ibbażat fuq l-għadd ta' ajruporti bi proċeduri ta' approċċ ibbażati fuq l-EGNOS bi status operattiv versu l-għadd totali ta' ajruporti bi proċeduri ta' approċċ ibbażati fuq l-EGNOS;

(iii)

spiża:

indici dwar il-prestazzjoni bbażat fuq proporzjon li jqabbel l-ispiża attwali mal-ispiża bbaġitjata;

(iv)

skeda:

indiċi dwar il-prestazzjoni tal-iskeda bbażat fuq it-tqabbil tal-ispiża bbaġitjata tal-ħidma mwettqa mal-ispiża bbaġitjata tal-ħidma skedata.

3.   Il-korpi involuti fl-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bid-dejta u l-informazzjoni meħtieġ biex ikunu jistgħu jsiru l-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-azzjonijiet ikkonċernati.

KAPITOLU VII

DELEGA U MIŻURI TAL-EŻEKUZZJONI

Artikolu 35

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 13(2) hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perjodu ta' żmien indeterminat mill-1 ta' Jannar 2014.

3.   Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 13(2) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 13(2) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perijodu ta' xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 36

Proċedura ta' Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita minn Kumitat. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 għandu japplika.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 għandu japplika.

4.   Ir-rappreżentanti tal-Aġenzija Ewropea GNSS u tal-ESA għandhom ikunu involuti bħala osservaturi fil-ħidma tal-Kumitat skont il-kondizzjonijiet stipulati fir-regoli ta' proċedura tiegħu.

5.   Il-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni skont l-Artikolu 29 jistgħu jipprovdu għall-involviment, kif ikun xieraq, ta' rappreżentanti ta' pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali fil-ħidma tal-Kumitat fil-kundizzjonijiet stipulati fir-regoli tal-proċedura tiegħu.

6.   Dan il-Kumitat għandu jiltaqa' regolarment, preferibbilment erba' darbiet fis-sena, kull tliet xhur. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi rapport dwar il-progress tal-programm f'kull laqgħa. Dawk ir-rapporti għandhom jagħtu rendikont ġenerali tal-istatus u l-iżviluppi tal-programm, b'mod partikolari f'termini ta' ġestjoni tar-riskju, l-ispiża, l-iskeda u l-prestazzjoni. Tal-inqas darba fis-sena, dawk ir-rapporti għandhom jinkludu l-indikaturi ta' prestazzjoni msemmijin fl-Artikolu 34(2).

KAPITOLU VIII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 37

Revoki

1.   Ir-Regolamenti (KE) Nru 876/2002 u (KE) Nru 683/2008 huma mħassra mill-1 ta' Jannar 2014.

2.   Kwalunkwe miżura adottata abbażi tar-Regolamenti (KE) Nru 876/2002 jew ir-Regolament(KE) Nru 683/2008 għandha tibqa' fis-seħħ.

3.   Referenzi għar-Regolament (KE) Nru 683/2008 irrevokat għandhom jittieħdu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta' korrelazzjoni stabbilita fl-Anness hawnhekk.

Artikolu 38

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2014.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, il-11 ta’ Diċembru 2013.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

V. LEŠKEVIČIUS


(1)  ĠU C 181, 21.6.2012, p. 179.

(2)  Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' 11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 - Il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni - (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE (Ara paġna 104 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013, 2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju multiannwali għas-snin 2014-2020 (Ara paġna 884 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  Regolament (KE) Nru 683/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 dwar implimentazzjoni ulterjuri tal-programmi Ewropej ta' navigazzjoni bis-satellita (EGNOS u Galileo) (ĠU L 196, 24.7.2008, p. 1).

(5)  Deċiżjoni Nru 1104/2011/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar ir-regoli ta' aċċess għas-servizz pubbliku regolat offrut mis-sistema dinjija ta' navigazzjoni bis-satellita li ġiet stabbilita taħt il-programm Galileo (ĠU L 287, 4.11.2011, p. 1).

(6)  Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(1)  

+

Soġġett għal konferma mill-vot plenarju, wara dan il-parentesi kwadri jitneħħew.

(7)  ĠU C 420 20.12.2013, p. 1

(8)  ĠU C 380 E, 11.12.2012, p. 84.

(9)  Regolament (UE) Nru 912/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2010 li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea GNSS, u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1321/2004 dwar l-istabbiliment ta’ strutturi għat-tmexxija tal-programmi Ewropej ta’ radjunavigazzjoni bis-satellita u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 683/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 276, 20.10.2004, p. 11).

(10)  Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2004/552/PESK tat-12 ta' Lulju 2004 dwar aspetti tal-operazzjoni tas-sistema Ewropea tar-radjunavigazzjoni bis-satellita li jaffetwaw s-sigurtà tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 246, 20.7.2004, p. 30).

(11)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE tas-26 ta' Lulju 2010 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (ĠU L 201, 3.8.2010, p. 30).

(12)  2001/844/KE,KEFA,Euratom: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Novembru 2001 li temenda r-Regolament intern tagħha (ĠU L 317, 3.12.2001, p. 1).

(13)  2011/292/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2011 dwar ir-regoli ta’ sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata (ĠU L 141, 27.5.2011, p. 17).

(14)  ĠU C 304, 15.10.2011, p. 7.

(15)  Deċiżjoni Nru 243/2012/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2012 li tistabbilixxi programm pluriennali tal-politika tal-ispettru tar-radju (ĠU L 81, 21.3.2012, p. 7).

(16)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(17)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 876/2002 tal-21 ta' Mejju 2002 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta Galileo (ĠU L 138, 28.5.2002, p. 1).

(18)  Direttiva tal-Kunsill 2008/114/KE tat-8 ta’ Diċembru 2008 dwar l-identifikazzjoni u l-indikazzjoni tal-Infrastruttura Kritika Ewropea u l-valutazzjoni tal-ħtieġa għat-titjib tal-ħarsien (ĠU L 345, 23.12.2008, p. 75).

(19)  Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(20)  Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

(21)  Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU l 248, 2013/09/18, p. 1).

(22)  Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).


ANNESS

TABELLA TA' KORRELAZZJONI

Ir-Regolament (KE) Nru 683/2008

Ir-Regolament preżenti

Artikolu 1

Artikolu 2

Artikolu 2

Artikolu 1

Artikolu 3

Artikolu 3

Artikolu 4

Artikolu 8

Artikolu 5

Artikolu 4

Artikolu 6

Artikolu 8

Artikolu 7

Artikolu 5

Artikolu 8

Artikolu 6

Artikolu 9

Artikolu 7

Artikolu 10

Artikolu 9

Artikolu 11

Artikolu 10

Artikolu 12(1)

Artikolu 11

Artikolu 12(2) u (3)

Artikolu 12

Artikolu 13(1), (2) u (3)

Artikolu 13

Artikolu 13(4)

Artikolu 16

Artikolu 14

Artikolu 17

Artikolu 15

Artikolu 27

Artikolu 16

Artikolu 14

Artikolu 17

Artikoli 18 sa 26

Artikolu 18

Artikolu 15

Artikolu 19(1) sa (4)

Artikolu 36

Artikolu 19(5)

Artikolu 35

Artikolu 20

Artikolu 31

Artikolu 21

Artikolu 32

Artikolu 22

Artikolu 33

Artikolu 23

 

Artikolu 24

Artikolu 38

Anness

Artikolu 1


Dikjarazzjoni konġunta

mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni Ewropea dwar IL-PANEL INTERISTITUZZJONALI GALILEO (GIP)

1.

Minħabba l-importanza, il-karatteristika unika u l-kumplessità tal-programmi Ewropej tal-GNSS, is-sjieda tal-Komunità tas-sistemi li jirriżultaw mill-programmi, u l-finanzjament sħiħ tal-baġit tal-Unjoni tal-programmi għall-perjodu 2014-2020, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea jirrikonoxxu l-ħtieġa ta' kooperazzjoni mill-qrib tat-tliet istituzzjonijiet.

2.

Il-Panel Interistituzzjonali Galileo (GIP) se jilħaq l-objettiv li jiffaċilita kull istituzzjoni fit-twettiq tar-responsabbiltà rispettiva tagħha. Għal dan il-għan, il-GIP ser jitwaqqaf sabiex isegwi mill-qrib:

(a)

il-progress fl-implimentazzjoni tal-programmi Ewropej tal-GNSS, b'mod partikolari fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-ftehimiet ta' akkwist u ta' kuntratti, b'mod partikolari fir-rigward tal-ESA;

(b)

il-Ftehimiet Internazzjonali ma' pajjiżi terzi mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

(c)

it-tħejjija tas-swieq tan-navigazzjoni bis-satellita;

(d)

l-effikaċja tal-arranġamenti ta' governanza; u

(e)

ir-rieżami annwali tal-programm ta' ħidma.

3.

F'konformità mar-regoli eżistenti, il-GIP ser jirrispetta l-ħtieġa għal diskrezzjoni b'mod partikolari fid-dawl tal-kunfidenzjalità fin-negozju u n-natura sensittiva ta' ċerta data.

4.

Il-Kummissjoni se tieħu kont tal-fehmiet espressi mill-GIP.

5.

Il-GIP se jkun magħmul minn seba' rappreżentanti, li minnhom:

tlieta mill-Kunsill,

tlieta mill-PE,

wieħed mill-Kummissjoni,

u ser jiltaqa' fuq bażi regolari (fil-prinċipju erba' darbiet fis-sena).

6.

Il-GIP ma jaffettwax ir-responsabbiltajiet stabbiliti jew ir-relazzjonijiet interistituzzjonali.


Top