EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0424

2009/424/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 28 ta’ Mejju 2009 li temenda, għall-għan tal-addattament għall-progress tekniku, l-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE rigward ir-restrizzjonijiet tat-tqegħid fis-suq u l-użu taż-żjut tal-lampi u l-fluwidi tal-lajter tal-grill (notifikata taħt id-dokument numru C(2009) 4020) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 138, 4.6.2009, p. 8–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/05/2009; Impliċitament imħassar minn 32006R1907

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/424/oj

4.6.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 138/8


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-28 ta’ Mejju 2009

li temenda, għall-għan tal-addattament għall-progress tekniku, l-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE rigward ir-restrizzjonijiet tat-tqegħid fis-suq u l-użu taż-żjut tal-lampi u l-fluwidi tal-lajter tal-grill

(notifikata taħt id-dokument numru C(2009) 4020)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2009/424/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE tas-27 ta’ Lulju 1976 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mar-restrizzjonijiet dwar il-marketing u l-użu ta’ ċerti sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 2a tagħha,

Billi:

(1)

Mill-1 ta’ Lulju 2000, id-Direttiva 76/769/KEE tillimita l-bejgħ lill-konsumaturi ta’ żjut ikkuluriti u b’riħa li jippreżentaw periklu tat-teħid man-nifs għall-użu f’lampi għat-tiżjin u ttikkettjati bil-frażi ta’ riskju R65.

(2)

Minkejja li d-Direttiva tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 1967 rigward l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettjar ta’ sustanzi perikolużi (67/548/KEE) (2) u d-Direttiva 1999/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 1999 li tirrigwarda l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikettjar tal-preparazzjonjijiet perikolużi (3) jistipulaw li l-kontejner tal-fluwidi tal-lajter tal-grill u ż-żjut tal-lampi, ittikkettjati b’R65, għandu jkollhom qafla reżistenti għat-tfal, l-inċidenti xorta jseħħu billi l-kontejners jew ma jkunux magħluqa sew, jew is-sustanza kienet trasferita mill-kontejners l-oriġinali l-kbar għal kontejners iżgħar mingħajr qafla reżistenti għat-tfal.

(3)

Skont id-dejta mogħtija mill-awtoritajiet nazzjonali, jidher li ż-żjut tal-lampi u l-fluwidi tal-lajter tal-grill mingħajr riħa u lewn, ittikkettjati R65, huma ta’ riskju għas-saħħa tal-bniedem u b’mod partikolari għas-saħħa tat-tfal iż-żgħar, meta jinbelgħu, u jikkawżaw diffikultajiet fin-nifs u problemi fil-pajp tan-nifs.

(4)

Għalhekk jinħtieġ li jissaħħu d-dispożizzjonijiet attwali fuq iż-żjut tal-lampi użati fil-lampi għat-tiżjin u li jiġi żgurat li s-sustanzi u t-taħlitiet mibjugħa bħala fluwidi tal-lajter tal-grill maħsuba għall-forniment tal-pubbliku ġenerali jkunu ttikkettjati kif xieraq.

(5)

Sabiex jixxejjen ir-riskju li dawn il-prodotti jinbelgħu bi żball minn tfal żgħar, għandhom jiddaħħlu rekwiżiti tal-imballaġġ sabiex iż-żjut tal-lampi u l-fluwidi tal-lajter tal-grill jiġbdu inqas jew iqajmu inqas il-kurżità tat-tfal u jiġi evitat li dawn il-prodotti jiġu mistħajla bħala xarbiet. Id-daqs tal-kontejner għandu jiġi limitat biex jixxejnu l-inċidenti marbuta mat-trasferiment mill-kontejners oriġinali għal kontejners iżgħar mingħajr qafla reżistenti għat-tfal jew l-ittikkettjar xieraq.

(6)

F’Settembru 2002, ġew adottati standards Ewropej għad-disinn ta’ lampi għat-tiżjin siguri sabiex tixxejjen il-possibbiltà li tfal żgħar ikollhom aċċess għaż-żjut użati f’lampi taż-żejt għat-tiżjin (EN 14059). Dan l-istandard jipprovdi preżunzjoni ta’ konformità mad-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Diċembru 2001 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti (4). Il-ħarsien tal-konsumatur għandu jissaħħaħ b’talba ta’ konformità ma’ dan l-istandard.

(7)

Ir-restrizzjonijiet tat-tqegħid fis-suq u l-użu stipulati minn din id-Deċiżjoni jqisu l-qagħda attwali ta’ tagħrif rigward alternattivi aktar sikuri. L-Istati Membri għandhom kull tant żmien jirrappurtaw lill-Kummissjoni dwar l-iżvilupp tal-alternattivi sabiex iħaffu verifika mill-Aġenzija Ewropea tal-Kimika. Fuq il-bażi tal-effettività tal-miżuri proposti biex titħares is-sikurezza, l-aġenzija għandha tevalwa jekk hux meħtieġ li jiġu adottati l-miżuri supplimentari u jiġi pprojbit l-użu ta’ fluwidi tal-lajter tal-grill jew pitrolju għal-lampi għat-tiżjin. Għal dan il-għan, l-Aġenzija għandha tqis ir-rekwiżiti tal-Anness XV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH) (5).

(8)

Id-Direttiva 2008/112/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 76/768/KEE, 88/378/KEE, 1999/13/KE u d-Direttivi 2000/53/KE, 2002/96/KE u 2004/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill sabiex tadattahom għar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettjar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet (6), timponi obbligi fuq il-manifatturi ta’ sustanzi perikolużi mqiegħda fuq is-suq Komunitarju sal-1 ta’ Diċembru 2010. Sabiex titħaffef l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet supplimentari għat-tikkettjar u l-imballaġġ inklużi f’din id-Deċiżjoni, għandha tiġi imposta l-istess data lil dawk li jqiegħdu ż-żjut tal-lampi u l-lajter tal-grill fuq is-suq Komunitarju. Barra minn hekk, għandha tiġi użata l-frażi ta’ riskju l-ġdid (H304) meħtieġa mid-Direttiva 2008/112/KE.

(9)

Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 iħassar u jissostitwixxi d-Direttiva 76/769/KEE b’effett mill-1 ta’ Ġunju 2009. L-Anness XVII ta’ dan ir-Regolament jissostitwixxi l-Anness I għad-Direttiva 76/769/KEE. Kwalunkwe emenda għar-restrizzjonijiet adottata skont id-Direttiva 76/769/KEE għandha tiġi inkorporata fl-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006.

(10)

Id-Direttiva 76/769/KEE għandha għalhekk tiġi emendata skont dan.

(11)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-addattament għall-progress tekniku tad-Direttivi għat-tneħħija tal-barrieri tekniċi għall-kummerċ f’sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness I tad-Direttiva 76/769/KEE huwa emendat b’konformità mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Mejju 2009.

Għall-Kummissjoni

Günter VERHEUGEN

Viċi President


(1)  ĠU L 262, 27.9.1976, p. 201.

(2)  ĠU 196, 16.8.1967, p. 1.

(3)  ĠU L 200, 30.7.1999, p. 1.

(4)  ĠU L 11, 15.1.2002, p. 4.

(5)  ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1, kif ikkoreġut bil-ĠU L 136, 29.5.2007, p. 3.

(6)  ĠU L 345, 23.12.2008, p. 68.


ANNESS

Il-Punt 3 tal-Anness I tad-Direttiva 76/769/KEE qed jinbidel b’dan li ġej:

“3.

Is-sustanzi jew taħlitiet likwidi, meqjusin bħala perikolużi skont id-definizzjonijiet fid-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE (*) u d-Direttiva 1999/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (**).

1.

Ma għandhomx jintużaw fi:

oġġetti ornamentali, maħsuba biex jipproduċu d-dawl jew effetti tal-kulur permezz ta’ fażijiet differenti, pereżempju f’bozoz għat-tiżjin u axtrejs,

bużullotti u ċajt,

logħob għal parteċipant wieħed jew aktar, jew kull oġġett maħsub li jintuża bħala tali, anke b’aspetti għat-tiżjin.

2.

L-oġġetti li ma jkunux konformi mal-paragrafu 1 ma għandhomx jitqiegħdu fis-suq.

3.

Ma għandhomx jitqiegħdu fis-suq jekk dawn ikollhom aġent tal-kulur, sakemm jinħtieġ għal finijiet fiskali jew bħala fwieħa jew għat-tnejn u jekk dawn:

jistgħu jintużaw bħala pitrolju f’lampi dekorattivi għall-forniment tal-pubbliku ġenerali, u

jippreżentaw periklu ta’ teħid man-nifs u jkollhom it-tikketta R65 jew H304.

4.

Lampi taż-żejt dekorattivi għall-forniment tal-pubbliku ġenerali ma għandhomx jitqiegħdu fis-suq sakemm ma jikkonformawx mal-Istandard Ewropew dwar il-lampi taż-żejt Dekorattivi (EN 14059) adottat mill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN).

5.

Bla ħsara għall-implimentazzjoni ta’ dispożizzjonijiet Komunitarji oħrajn relatati mal-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettjar ta’ sustanzi u taħlitiet perikolużi, min iforni għandu jiżgura, qabel it-tqegħid fis-suq, li dawn ir-rekwiżiti huma ssodisfatti:

(a)

iż-żjut tal-lampi, ittikkettjati b’R65 jew H304, maħsuba għall-forniment tal-pubbliku ġenerali huma viżibbli, jinqraw u mmarkati b’mod li ma jitħassarx kif ġej:

‘′Żomm il-lampi mimlijin b’dan il-likwidu ′l bogħod mit-tfal’; u, sal-1 ta’ Diċembru 2010,‘Belgħa biss miż-żejt tal-lampa – jew inkella jekk issoff il-ftila tal-lampi – jista’ jikkawża ħsara tal-ħajja għall-pulmun’;

(b)

il-fluwidi tal-lajter tal-grill, ittikkettjati b’R65 jew H304, maħsuba għall-forniment tal-pubbliku ġenerali huma viżibbli, jinqraw u mmarkati b’mod li ma jitħassarx sal-1 ta’ Diċembru 2010 kif ġej: ‘Belgħa biss mil-lajter tal-grill jista’ jwassal għal ħsara ta’ theddid għall-ħajja tal-pulmun’;

(c)

iż-żjut tal-lampi, ittikkettjati b’R65 jew H304, maħsuba għall-forniment tal-pubbliku ġenerali huma ppakkjati f’kontejners suwed opaki li ma jaqbżux il-litru sal-1 ta’ Diċembru 2010:

6.

Mhux aktar tard mill-1 ta’ Ġunju 2014, il-Kummissjoni talbet lill-Aġenzija Ewropea tal-Kimika biex tħejji fajl, skont l-Artikolu 69 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsull (***) (REACH), fid-dawl ta’ projbizzjoni, jekk xieraq, tal-fluwidi tal-lajter tal-grill u pitrolju għal-lampi dekorattivi, ittikkettjati R65 jew H304, maħsuba għall-forniment tal-pubbliku ġenerali.

7.

Il-persuni naturali u legali li jqiegħdu għall-ewwel darba fis-suq żjut tal-lampi jew fluwidi tal-lajter tal-grill, ittikkettjati R65 jew H304, għandhom sal-1 ta’ Diċembru 2011, u kull sena wara dan, jipprovdu dejta dwar l-alternattivi għaż-żjut tal-lampi u fluwidi tal-lajter tal-grill ittikkettjati R65 jew H304 lill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru kkonċernat. L-Istati Membri għandhom jagħmlu din id-dejta disponibbli għall-Kummissjoni.


(*)  ĠU 196, 16.8.1967, p. 1.

(**)  ĠU L 200, 30.7.1999, p. 1.

(***)  ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1, kif ikkoreġut bil-ĠU L 136, 29.5.2007, p. 3.”


Top