EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R1104

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1104/2008 ta’ l- 24 ta’ Ottubru 2008 dwar il-migrazzjoni mis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS 1+) għas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II)

ĠU L 299, 8.11.2008, p. 1–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 29/12/2012; Imħassar b' 32012R1273

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/1104/oj

8.11.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 299/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1104/2008

ta’ l-24 ta’ Ottubru 2008

dwar il-migrazzjoni mis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS 1+) għas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 66 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) stabbilita skond id-dispożizzjonijiet tat-Titolu IV tal-Konvenzjoni tad-19 ta’ Ġunju 1990 li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal-14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar l-abolizzjoni gradwali tal-kontrolli fuq il-fruntieri komuni tagħhom (2) (il-“Konvenzjoni ta’ Schengen”), u l-iżvilupp sussegwenti tagħha, is-SIS 1+, jikkostitwixxu għodda essenzjali għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen kif dawn ġew integrati fil-qafas tal-Unjoni Ewropea.

(2)

L-iżvilupp tat-tieni ġenerazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS II) ġie fdat lill-Kummissjoni skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2424/2001 (3) u d-Deċiżjoni 2001/886/ĠAI (4). Dawk l-istrumenti jiskadu fil-31 ta’ Diċembru 2008. Dan ir-Regolament għandu għalhekk jissupplimentahom sa data li għandha tiġi stabbilita mill-Kunsill li jaġixxi skond ir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-sistema ta’ informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (5).

(3)

Is-SIS II ġiet stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI tat-12 ta’ Ġunju 2007 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-sistema ta’ informazzjoni ta’ Schengen tat-Tieni Ġenerazzjoni (SIS II) (6). Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ dawk l-atti.

(4)

Ċerti testijiet tas-SIS II huma previsti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 189/2008 (7) u fid-Deċiżjoni 2008/173/KE (8).

(5)

L-iżvilupp tas-SIS II għandu jitkompla u għandu jiġi ffinalizzat fil-qafas tal-iskeda globali tas-SIS II approvata mill-Kunsill fis-6 ta’ Ġunju 2008.

(6)

Għandu jitwettaq test komprensiv tas-SIS II b’kooperazzjoni sħiħa bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament. Malajr kemm jista’ jkun wara li jkun tlesta, it-test għandu jiġi vvalidat kif previst fir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI.

(7)

L-Istati Membri għandhom iwettqu test dwar l-iskambju ta’ informazzjoni supplementari.

(8)

Fir-rigward tas-SIS 1+, il-Konvenzjoni ta’ Schengen tipprevedi funzjoni ta’ appoġġ tekniku (C.SIS). Fir-rigward tas-SIS II, ir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI jipprevedu SIS II Ċentrali magħmula minn funzjoni ta’ appoġġ tekniku u minn interfaċċja nazzjonali uniformi (NI-SIS). Il-funzjoni ta’ appoġġ tekniku tas-SIS II Ċentrali għandha tkun ibbażata fi Strasburgu (Franza) u l-unità ta’ riżerva f’St. Johann im Pongau (l-Awstrija).

(9)

Sabiex jiġu ġestiti aħjar id-diffikultajiet potenzjali li jinħolqu bil-migrazzjoni mis-SIS 1+ għas-SIS II għandha tiġi stabbilita u ttestjata arkitettura interim għall-migrazzjoni għas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen. L-arkitettura interim għall-migrazzjoni m’għandu jkollha l-ebda impatt fuq id-disponibbiltà operattiva tas-SIS 1+. Konvertitur għandu jkun ipprovdut mill-Kummissjoni.

(10)

L-Istat Membru li joħroġ allert għandu jkun responsabbli sabiex jiżgura li d-data li tiddaħħal fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tkun preċiża, aġġornata u legali.

(11)

Il-Kummissjoni għandha tibqa’ responsabbli għas-SIS II Ċentrali u għall-infrastruttura tal-komunikazzjoni tagħha. Din ir-responsabbiltà tinkludi l-manutenzjoni u l-kontinwazzjoni tal-iżvilupp tas-SIS II u tal-infrastruttura tal-komunikazzjoni tagħha, inkluż fi kwalunkwe ħin il-korrezzjoni tal-iżbalji. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi l-koordinazzjoni u l-appoġġ għall-attivitajiet konġunti. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi, b’mod partikolari, l-appoġġ tekniku u operattiv meħtieġ lill-Istati Membri fil-livell tas-SIS II Ċentrali inkluż id-disponibbiltà ta’ helpdesk.

(12)

L-Istati Membri huma u għandhom jibqgħu responsabbli għall-iżvilupp u l-manutenzjoni tas-sistemi nazzjonali tagħhom (N.SIS II).

(13)

Franza għandha tibqa’ responsabbli għall-funzjoni ta’ appoġġ tekniku tas-SIS 1+, kif inhu previst espressament fil-Konvenzjoni ta’ Schengen.

(14)

Ir-rappreżentanti tal-Istati Membri li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+ għandhom jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom fil-qafas tal-Kunsill. Huwa meħtieġ li jiġi stabbilit qafas għal dik l-azzjoni organizzattiva.

(15)

Il-Kummissjoni għandu jkollha l-poter li tikkuntratta lil partijiet terzi, inklużi korpi pubbliċi nazzjonali, il-kompiti li jiġu mogħtija lilha permezz ta’ dan ir-Regolament u l-kompiti relatati mal-implimentazzjoni tal-baġit, skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (9).

Tali kuntratti għandhom jirrispettaw ir-regoli tal-protezzjoni tad-data u s-sigurtà tad-data u jieħdu f’konsiderazzjoni r-rwol tal-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data rilevanti applikabbli għas-SIS, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Schengen u ta’ dan ir-Regolament.

(16)

Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill- istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data  (10) japplika għall-ipproċessar tad-data personali mill-Kummissjoni.

(17)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, maħtur skond id-Deċiżjoni 2004/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Diċembru 2003 li taħtar il-korp indipendenti ta’ superviżjoni previst fl-Artikolu 286 tat-Trattat KE (11), huwa kompetenti li jissorvelja l-attivitajiet tal-istituzzjonijiet u l-korpi Komunitarji fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali. Il-Konvenzjoni ta’ Schengen fiha dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-protezzjoni u s-sigurtà tad-data personali. L-Artikolu 118 tal-Konvenzjoni ta’ Schengen fih dispożizzjonijiet speċifiċi dwar is-sigurtà tad-data personali.

(18)

Billi l-għanijiet li tiġi stabbilita l-arkitettura interim għall-migrazzjoni u l-migrazzjoni tad-data mis-SIS 1+ għas-SIS II, ma jkunux jistgħu jintlaħqu sew mill-Istati Membri u, għaldaqstant jistgħu, minħabba fl-iskala tad-daqs jew fl-effetti tal-azzjoni, jiġu milħuqa aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jeċċedix dak li hu neċessarju biex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

(19)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(20)

Il-Konvenzjoni ta’ Schengen għandha tiġi emendata sabiex tippermetti l-integrazzjoni tas- SIS 1+ fl-arkitettura interim għall-migrazzjoni.

(21)

B’mod konformi mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness għat-Tratttat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka ma tiħux sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u għalhekk mhix marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Peress li dan ir-Regolament jibni fuq l-acquis ta’ Schengen taħt id-dispożizzjonijiet tat-Titolu IV tal-Parti Tlieta tat-Trattat KE, id- Danimarka għandha, b’konformità mal-Artikolu 5 ta’ dan il-Protokoll, tiddeċiedi f’perijodu ta’ sitt xhur wara l-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament jekk hix ser timplimentah fil-liġi nazzjonali tagħha.

(22)

Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fejn ir-Renju Unit ma jiħux sehem, b’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq biex jieħdu parti f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (12); għaldaqstant ir-Renju Unit mhuwiex qiegħed jieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhuwiex marbut bih jew soġġett għall-applikazzjoni tiegħu.

(23)

Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fih l-Irlanda ma tiħux sehem, b’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (13); għaldaqstant l-Irlanda mhix qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhix marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

(24)

Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-arranġamenti għall-parteċipazzjoni parzjali tar-Renju Unit u tal-Irlanda fl-acquis ta’ Schengen kif determinat bid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2000/365/KE u 2002/192/KE rispettivament.

(25)

Fir-rigward tal-Islanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp fid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawk iż-żewġ Stati fl-implimentazzjoni, fl-applikazzjoni u fl-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (14), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt G tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni ta’ dak il-Ftehim (15).

(26)

Fir-rigward tal-Isvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera fl-implimetazzjoni, fl-applikazzjoni u fl-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (16), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt G tad-Deċiżjoni 1999/437/KE li jinqara flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (17) dwar il-konklużjoni tal-Ftehim f’isem il-Komunità Ewropea.

(27)

Fir-rigward ta’ Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat ta’ Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat ta’ Liechtenstein għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera fl-implimentazzjoni, fl-applikazzjoni u fl-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt G tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 li jinqara flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/261/KE tat-28 ta’ Frar 2008 dwar l-iffirmar, f’isem il-Komumità Ewropea, u dwar l-applikazzjoni proviżorja ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat ta’ Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat ta’ Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (18),

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Għan ġenerali

1.   Is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) stabbilita skond id-dispożizzjonijiet tat-Titolu IV tal-Konvenzjoni ta’ Schengen 1990 (SIS 1+), għandha tiġi sostitwita b’sistema ġdida, is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen II (SIS II), li l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tagħha huma rregolati bir-Regolament (KE) Nru 1987/2006.

2.   Skond il-proċeduri u t-tqassim tal-kompiti stabbiliti f’dan ir-Regolament is-SIS II għandha tiġi żviluppata mill-Kummissjoni u l-Istati Membri bħala sistema integrata unika u għandha titħejja għat-tħaddim.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“SIS II Ċentrali” tfisser il-funzjoni ta’ appoġġ tekniku tas-SIS II li fiha bażi tad-data, il-“bażi tad-data tas-SIS II”, u interfaċċja nazzjonali uniformi (NI-SIS).

(b)

“C.SIS” tfisser il-funzjoni ta’ appoġġ tekniku tas-SIS 1+, li fiha l-bażi tad-data ta’ referenza għas-SIS 1+ u l-interfaċċja nazzjonali uniformi (N.COM).

(c)

“N.SIS” tfisser is-sistema nazzjonali tas-SIS 1+, li tikkonsisti fis-sistemi ta’ data nazzjonali li jikkomunikaw mas-C.SIS.

(d)

“N.SIS II” tfisser is-sistema nazzjonali tas-SIS II, li tikkonsisti fis-sistemi ta’ data nazzjonali li jikkomunikaw mas-SIS II Ċentrali.

(e)

“konvertitur” tfisser għodda teknika li tippermetti komunikazzjoni konsistenti u affidabbli bejn is-C.SIS u s-SIS II Ċentrali, li tiżgura l-funzjonalitajiet previsti fl-Artikolu 10(3).

(f)

“test komprensiv” tfisser it-test imsemmi fl-Artikolu 55(3)(c) tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006.

(g)

“test dwar informazzjoni supplimentari” tfisser testijiet funzjonali bejn l-Uffiċċji SIRENE.

Artikolu 3

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament jiddefinixxi l-kompiti u r-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni, ta’ Franza u tal-Istati Membri l-oħrajn li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+ fir-rigward tal-kompiti li ġejjin:

(a)

il-manutenzjoni u l-kontinwazzjoni tal-iżvilupp tas-SIS II;

(b)

test komprensiv tas-SIS II;

(c)

test dwar informazzjoni supplimentari;

(d)

il-kontinwazzjoni tal-iżvilupp u l-ittestjar ta’ konvertitur;

(e)

l-istabbiliment u l-ittestjar ta’ arkitettura ta’ migrazzjoni proviżorja;

(f)

il-migrazzjoni mis-SIS 1+ għas-SIS II.

Artikolu 4

Komponenti tekniċi tal-arkitettura għall-migrazzjoni

Sabiex tiġi żgurata l-migrazzjoni mis-SIS1+ għas-SIS II, huma meħtieġa l-komponenti li ġejjin:

(a)

is-C.SIS u l-konnessjoni mal-konvertitur;

(b)

l-infrastruttura tal-komunikazzjoni għas-SIS 1+ li tippermetti lis-C.SIS tikkomunika mal-N.SIS;

(c)

l-N.SIS II;

(d)

is-SIS II Ċentrali, l-NI-SIS u l-infrastruttura tal-komunikazzjoni għas-SIS II li tippermetti lis-SIS II Ċentrali tikkomunika mal-N.SIS II u l-konvertitur;

(e)

l-N.SIS II;

(f)

il-konvertitur.

Artikolu 5

Responsabbiltajiet prinċipali fl-iżvilupp tas-SIS II

1.   Il-Kummissjoni għandha tkompli tiżviluppa s-SIS II Ċentrali, l-infrastruttura tal-komunikazzjoni u l-konvertitur.

2.   Franza għandha tagħmel disponibbli u topera s-C.SIS f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Schengen.

3.   L-Istati Membri għandhom ikomplu jiżviluppaw l-N-SIS II.

4.   L-Istati Membri li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+ għandhom iżommu l-N.SIS f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Schengen.

5.   L-Istati Membri li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+ għandhom jagħmlu disponibbli u joperaw l-infrastruttura tal-komunikazzjoni għas-SIS 1+.

6.   Il-Kummissjoni għandha tikkoordina l-attivitajiet u tipprovdi l-appoġġ meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-kompiti u r-responsabbiltajiet imsemmijin fil-paragrafi 1 sa 3.

Artikolu 6

Kontinwazzjoni tal-iżvilupp

Il-miżuri meħtieġa biex jitkompla l-iżvilupp tas-SIS II kif imsemmi fl-Artikolu 5(1), b’mod partikolari l-miżuri meħtieġa għall-korrezzjoni tal-iżbalji, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura definita fl-Artikolu 17(2).

Il-miżuri meħtieġa biex jitkompla l-iżvilupp tas-SIS II kif imsemmi fl-Artikolu 5(3), safejn jikkonċerna l-interfaċċja nazzjonali uniformi filwaqt li tkun żgurata l-kompatibbiltà tal-N.SIS II mas-SIS II Ċentrali, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura definita fl-Artikolu 17(2).

Artikolu 7

Attivitajiet prinċipali

1.   Il-Kummissjoni flimkien mal-Istati Membri li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+ għandhom iwettqu test komprensiv.

2.   Għandha tiġi stabbilita arkitettura interim għall-migrazzjoni tas-SIS u għandu jitwettaq test ta’ dik l-arkitettura mill-Kummissjoni flimkien ma’ Franza u l-Istati Membri l-oħrajn li jipparteċipaw fis-SIS 1+.

3.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+ għandhom iwettqu l-migrazzjoni mis-SIS 1+ għas-SIS II.

4.   L-Istati Membri li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+ għandhom iwettqu test dwar l-iskambju tal-informazzjoni supplementari.

5.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi l-appoġġ meħtieġ fil-livell tas-SIS II Ċentrali għall-attivitajiet fil-paragrafi 1 sa 4.

6.   L-attivitajiet fil-paragrafi 1 sa 3 għandhom jiġu kkoordinati mill-Kummissjoni u l-Istati Membri li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+ li jaġixxu fi ħdan il-Kunsill.

Artikolu 8

Test komprensiv

1.   It-test komprensiv m’għandux jibda qabel ma l-Kummissjoni tkun iddikjarat li hija tqis il-livell ta’ suċċess tat-testijiet imsemmijin fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 189/2008 bħala suffiċjenti biex jinbeda tali test.

2.   Għandu jitwettaq test komprensiv bl-għan li jiġu kkonfermati, b’mod partikolari, l-ikkompletar mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri li qed jipparteipaw fis-SIS 1+ tal-arranġamenti tekniċi meħtieġa sabiex tkun ipproċessata d-data tas-SIS II u t-turija li l-livell ta’ prestazzjoni tas-SIS II huwa mill-anqas l-istess bħal dak miksub mis-SIS 1+.

3.   It-test komprensiv għandu jitwettaq mill-Istati Membri li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+ għall- N.SIS II u mill-Kummissjoni għas-SIS II Ċentrali.

4.   It-test komprensiv għandu jsegwi skeda dettaljata definita mill-Istati Membri li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+ li jaġixxu fi ħdan il-Kunsill f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni.

5.   It-test komprensiv għandu jkun ibbażat fuq l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi definiti mill-Istati Membri li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+ li jaġixxu fi ħdan il-Kunsill f’kooperazzjoni mal- Kummissjoni.

6.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+ li jaġixxu fi ħdan il-Kunsill għandhom jiddefinixxu l-kriterji biex jiġi determinat jekk l-arranġamenti tekniċi meħtieġa għall-ipproċessar tad-data tas-SIS II humiex kompluti u jekk il-livell ta’ prestazzjoni tas-SIS II huwiex mill-anqas ekwivalenti għal dak miksub mis-SIS1+.

7.   Ir-riżultati tat-test għandhom jiġu analizzati permezz tal-kriterji msemmijin fil-paragrafu 6, mill-Istati Membri li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+ li jaġixxu fi ħdan il-Kunsill u l-Kummissjoni. Ir-riżultati tat-test għandhom jiġu vvalidati skond l-Artikolu 55(3)(c) tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006.

8.   L-Istati Membri li mhux qed jipparteċipaw fis-SIS 1+ jistgħu jipparteċipaw fit-test komprensiv. Ir-riżultati tagħhom m’għandhomx jaffettwaw il-validazzjoni ġenerali tat-test.

Artikolu 9

Test dwar informazzjoni supplimentari

1.   L-Istati Membri li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+ għandhom iwettqu testijiet funzjonali tas-SIRENE.

2.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli s-SIS II Ċentrali u l-infrastruttura tal-komunikazzjoni tagħha matul it-twettiq tat-test dwar l-informazzjoni supplimentari.

3.   It-test dwar l-informazzjoni supplimentari għandu jsegwi skeda dettaljata definita mill-Istati Membri li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+ li jaġixxu fi ħdan il-Kunsill.

4.   It-test dwar l-informazzjoni supplimentari għandu jkun ibbażat fuq l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi definiti mill-Istati Membri li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+ li jaġixxu fi ħdan il-Kunsill.

5.   Ir-riżultati tat-test għandhom jiġu analizzati mill-Istati Membri li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+ li jaġixxu fi ħdan il-Kunsill.

6.   L-Istati Membri li mhux qed jipparteċipaw fis-SIS 1+ jistgħu jipparteċipaw fit-test dwar l-informazzjoni supplimentari. Ir-riżultati tagħhom m’għandhomx jaffettwaw il-validazzjoni ġenerali tat-test.

Artikolu 10

Arkitettura interim għall-migrazzjoni

1.   Għandha tiġi stabbilita arkitettura interim għall-migrazzjoni tas-SIS. Il-konvertitur jgħaqqad is-SIS II Ċentrali u s-C.SIS għal perijodu transitorju. L-N.SIS huma magħqudin mas-C.SIS, l-N.SIS II mas-SIS II Ċentrali.

2.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi konvertitur, is-SIS II Ċentrali u l-infrastruttura tal-komunikazzjoni tagħha bħala parti mill-arkitettura interim għall-migrazzjoni tas-SIS.

3.   Il-konvertitur għandu jaqleb id-data f’żewġ direzzjonijiet bejn is-C.SIS u s-SIS II Ċentrali u jżomm is-C.SIS u s-SIS II Ċentrali sinkronizzati.

4.   Il-Kummissjoni għandha tittestja l-komunikazzjoni bejn is-SIS II Ċentrali u l-konvertitur.

5.   Franza għandha tittestja l-komunikazzjoni bejn is-C.SIS u l-konvertitur.

6.   Il-Kummissjoni u Franza għandhom jittestjaw il-komunikazzjoni bejn is-SIS II Ċentrali u s-C.SIS permezz tal-konvertitur.

7.   Franza, flimkien mal-Kummissjoni, għandha tqabbad is-C.SIS permezz tal-konvertitur mas-SIS II Ċentrali.

8.   Il-Kummissjoni, flimkien ma’ Franza u l-Istati Membri l-oħrajn li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+, għandhom jittestjaw l-arkitettura interim għall-migrazzjoni tas-SIS sħiħa skond pjan ta’ ttestjar ipprovdut mill-Kummissjoni.

9.   Jekk ikun meħtieġ, Franza għandha tagħmel data disponibbli għall-finijiet tal-ittestjar.

Artikolu 11

Migrazzjoni mis-SIS 1+ għas-SIS II

1.   Għall-migrazzjoni mis-C.SIS għas-SIS II Ċentrali, Franza għandha tagħmel disponibbli l-bażi tad-data tas-SIS 1+ u l-Kummissjoni għandha tintroduċi l-bażi tad-data tas-SIS 1+ fis-SIS II Ċentrali.

2.   L-Istati Membri li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+ għandhom jimigraw mill-N.SIS għall-N.SIS II billi jużaw l-arkitettura interim għall-migrazzjoni, bl-appoġġ ta’ Franza u tal-Kummissjoni, sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru 2009. Jekk ikun meħtieġ, din id-data tista’ tinbidel skond il-proċedura definita fl-Artikolu 17(2).

3.   Il-migrazzjoni tas-sistema nazzjonali mis-SIS 1+ għas-SIS II tikkonsisti fl-illowdjar tad-data tal-N.SIS II, meta dik l-N.SIS II għandu jkollha fajl tad-data, il-kopja nazzjonali, li tinkludi kopja kompluta jew parzjali tal-bażi tad-data tas-SIS II, segwita minn konverżjoni mill-N.SIS għall-N.SIS II għal kull Stat Membru. Il-migrazzjoni għandha ssegwi skeda dettaljata pprovduta mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+ li jaġixxu fi ħdan il-Kunsill.

4.   Il-Kummissjoni għandha tassisti fil-koordinazzjoni u l-appoġġ tal-attivitajiet komuni matul il-migrazzjoni.

5.   Il-konverżjoni prevista fil-proċess għall-migrazzjoni għandha titwettaq wara l-validazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(7).

Artikolu 12

Qafas legali sostantiv

Matul il-migrazzjoni, id-dispożizzjonijiet tat-Titolu IV tal-Konvenzjoni ta’ Schengen għandhom jibqgħu japplikaw għas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen.

Artikolu 13

Kooperazzjoni

1.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jikkooperaw għat-twettiq tal-attivitajiet kollha koperti b’dan ir-Regolament skond ir-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom.

2.   Il-Kummissjoni għandha b’mod partikolari tipprovdi l-appoġġ meħtieġ fil-livell tas-SIS II Ċentrali għall-ittestjar u l-migrazzjoni tal-N.SIS II.

3.   L-Istati Membri għandhom b’mod partikolari jipprovdu l-appoġġ meħtieġ fil-livell tal-N.SIS II għall-ittestjar tal-infrastruttura interim għall-migrazzjoni.

Artikolu 14

Żamma ta’ reġistri fis-SIS II Ċentrali

1.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Titolu IV tal-Konvenzjoni ta’ Schengen, il-Kummissjoni għandha tiżgura li kull aċċess għal, u kull skambju ta’ data personali fi ħdan is-SIS II Ċentrali jiġu rreġistrati għall-finijiet ta’ verifika dwar jekk it-tfittxija tkunx skond il-liġi jew le, ta’ monitoraġġ tal-legalità tal-ipproċessar tad-data u sabiex ikun żgurat il-funzjonament tajjeb tas-SIS II Ċentrali u tas-sistemi nazzjonali, l-integrità u s-sigurtà tad-data.

2.   Ir-reġistri għandhom juru, b’mod partikolari, id-data u l-ħin tad-data trasmessa, id-data użata biex isiru tfittxijiet, ir-referenza għad-data trasmessa u l-isem tal-awtorità kompetenti responsabbli għall-ipproċessar tad-data.

3.   Ir-reġistri jistgħu jintużaw biss għall-finijiet imsemmija fil-paragrafu 1 u għandhom jitħassru mhux qabel sena u mhux iktar tard minn tliet snin wara li jkunu nħolqu.

4.   Ir-reġistri jistgħu jinżammu għal perijodu itwal jekk ikunu meħtieġa għall-proċeduri ta’ monitoraġġ li jkunu diġà bdew.

5.   L-awtoritajiet kompetenti responsabbli mill-kontroll dwar jekk it-tfittxija tkunx skond il-liġi jew le, mill-monitoraġġ tal-legalità tal-ipproċessar ta’ data, mill-awto-monitoraġġ u biex jiżguraw il-funzjonament tajjeb tas-SIS II Ċentrali, l-integrità u s-sigurtà tad-data, għandu jkollhom aċċess, sal-limiti tal-kompetenzi tagħhom u fuq talba tagħhom, għal dawk ir-reġistri bil-għan li jaqdu l-kompiti tagħhom.

Artikolu 15

Spejjeż

1.   L-ispejjeż li jirriżultaw mill-migrazzjoni, it-test komprensiv, it-test dwar l-informazzjoni supplimentari, il-manutenzjoni u l-miżuri ta’ żvilupp fil-livell ta’ SIS II Ċentrali jew li jikkonċernaw l-infrastruttura tal-komunuikazzjoni għandhom jitħallsu mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

2.   L-ispejjeż li jirriżultaw mill-migrazzjoni, l-ittestjar, il-manutenzjoni u l-iżvilupp tas-sistemi nazzjonali għandhom jitħallsu minn kull Stat Membru kkonċernat.

3.   L-ispejjeż li jirriżultaw mill-attivitajiet fil-livell ta’ SIS 1+, inkluż l-attivitajiet supplementari ta’ Franza, li taġixxi f’isem l-Istati Membri li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+, għandhom jitħallsu skond id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 119 tal-Konvenzjoni ta’ Schengen.

Artikolu 16

Emenda tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Schengen

Id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Schengen huma b’dan emendati kif ġej:

(1)

1. L-Artikolu li ġej għandu jiddaħħal:

“Artikolu 92 A

1.   Mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1104/2008 (*) u tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/839/ĠAI (**) u abbażi tad-definizzjonijiet fl-Artikolu 2 ta’ dak ir-Regolament, l-arkitettura teknika tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tista’ tiġi supplimentata bi:

(a)

sistema ċentrali addizzjonali magħmula minn:

funzjoni ta’ appoġġ tekniku (SIS II Ċentrali), li tinsab fi Franza u unità ta’ riżerva tas-SIS II Ċentrali li tinsab fl-Awstrija, li fihom bażi tad-data tas-SIS II u interfaċċja nazzjonali uniformi (NI-SIS);

konnessjoni teknika bejn is-C.SIS u s-SIS II Ċentrali permezz tal-konvertitur li tippermetti l-konverżjoni u s-sinkronizzazzjoni tad-data bejn is-C.SIS u s-SIS II Ċentrali;

(b)

sistema nazzjonali (N.SIS II), li tikkonsisti fis-sistemi ta’ data nazzjonali, li tikkomunika mas-SIS II Ċentrali;

(c)

infrastruttura għall-komunikazzjoni bejn is-SIS II Ċentrali u l-N.SIS II konnessa mal-NI-SIS.

2.   L-N.SIS II tista’ tissostitwixxi t-taqsima nazzjonali msemmija fl-Artikolu 92 ta’ din il-Konvenzjoni, u f’dak il-każ l-Istati Membri m’għandhomx għalfejn iżommu fajl bid-data nazzjonali.

3.   Il-bażi tad-data tas-SIS II Ċentrali għandha tkun disponibbli għall-fini li jitwettqu tfittxijiet awtomatizzati fit-territorju ta’ kull Stat Membru.

4.   F’każ li xi Stat Membru jissostitwixxi t-taqsima nazzjonali tiegħu bl-N.SIS II, il-funzjonijiet obbligatorji tal-funzjoni ta’ appoġġ tekniku fir-rigward ta’ dik it-taqsima nazzjonali kif imsemmija fl-Artikolu 92(2) u (3) isiru funzjonijiet obbligatorji fir-rigward tas-SIS II Ċentrali, mingħajr preġudizzju għall-obbligi msemmija fid-Deċiżjoni 2008/839/ĠAI u fl-Artikoli 5(1), 10(1), (2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 1104/2008.

5.   Is-SIS II Ċentrali għandha tipprovdi s-servizzi meħtieġa għad-dħul u l-ipproċessar tad-data tas-SIS, l-aġġornament on-line tal-kopji nazzjonali tal-N-SIS II, is-sinkronizzazzjoni ta’ u l-konsistenza bejn il-kopji nazzjonali tal-N.SIS II u l-bażi tad-data tas-SIS II Ċentrali u tipprovdi l-operazzjonijiet għall-inizjalizzazzjoni u r-restawr tal-kopji nazzjonali tal-N.SIS II.

6.   Franza, li hija responsabbli għall-funzjoni ta’ appoġġ tekniku, l-Istati Membri l-oħrajn u l-Kummissjoni għandhom jikkooperaw biex jiżguraw li tfittxija fil-fajls tad-data tal-N.SIS II jew fil-bażi tad-data tas-SIS II tipproduċi riżultat ekwivalenti għal dak ta’ tfittxija fil-fajl tad-data tat-taqsimiet nazzjonali msemmija fl-Artikolu 92(2).

(*)  ĠU L 299, 8.11.2008, p. 1."

(**)  ĠU L 299, 8.11.2008, p. 43.”"

(2)

Fl-Artikolu 119 l-ewwel paragrafu, l-ewwel sentenza, għandha tiġi sostitwita b’dan li ġej:

“L-ispejjeż tal-installazzjoni u t-tħaddim tal-funzjoni ta’ appoġġ tekniku msemmija fl-Artikolu 92(3), inklużi l-ispejjeż tal-linji li jikkollegaw it-taqsimiet nazzjonali tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen mal-funzjoni ta’ appoġġ tekniku, u tal-attivitajiet imwettqa flimkien mal-kompiti mogħtija lil Franza fl-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/839/ĠAI u tar-Regolament (KE) Nru 1104/2008 għandhom jitħallsu b’mod konġunt mill-Istati Membri.”

(3)

Fl-Artikolu 119, it-tieni paragrafu għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“L-ispejjeż tal-installazzjoni u t-tħaddim tat-taqsima nazzjonali tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen u tal-kompiti mogħtija lis-sistemi nazzjonali skond id-Deċiżjoni 2008/839/ĠAI u r-Regolament (KE) Nru 1104/2008 għandhom jitħallsu minn kull Stat Membru individwalment.”

Artikolu 17

Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 51 tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’konsiderazzjoni għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

Il-perijodu previst fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta’ tliet xhur.

Artikolu 18

Rappurtar

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta sal-aħħar ta’ kull perijodu ta’ sitt xhur, u għall-ewwel darba sal-aħħar tal-ewwel perijodu ta’ sitt xhur tal-2009, rapport ta’ progress lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-iżvilupp tas-SIS II u l-migrazzjoni mis-SIS 1+ għas-SIS II.

Artikolu 19

Dħul fis-seħħ u applikabbiltà

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Huwa għandu jiskadi f’data li trid tiġi stabbilita mill-Kunsill, li jaġixxi skond l-Artikolu 55(2) tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006, u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2010.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skond it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, 24 ta’ Ottubru 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

M. ALLIOT-MARIE


(1)  Opinjoni tal-24 ta’ Settembru 2008, għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

(2)  ĠU L 239, 22.9.2000, p. 19.

(3)  ĠU L 328, 13.12.2001, p. 4.

(4)  ĠU L 328, 13.12.2001, p. 1.

(5)  ĠU L 381, 28.12.2006, p. 4.

(6)  ĠU L 205, 7.8.2007, p. 63.

(7)  ĠU L 57, 1.3.2008, p. 1.

(8)  ĠU L 57, 1.3.2008, p. 14.

(9)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(10)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(11)  ĠU L 12, 17.1.2004, p. 47.

(12)  ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43.

(13)  ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20.

(14)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(15)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31.

(16)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

(17)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1.

(18)  ĠU L 83, 26.3.2008, p. 3.


Top