EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 42008D0836

2008/836/: Deċiżjoni tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tad- 29 ta' Ottubru 2008 dwar it-trattament ta’ dokumenti ta’ missjonijiet ċivili ta’ maniġġar ta’ kriżijiet u operazzjonijiet militari tal-UE

ĠU L 299, 8.11.2008, p. 34–35 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/836/oj

8.11.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 299/34


DEĊIŻJONI TAR-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI

tad-29 ta' Ottubru 2008

dwar it-trattament ta’ dokumenti ta’ missjonijiet ċivili ta’ maniġġar ta’ kriżijiet u operazzjonijiet militari tal-UE

(2008/836)

IR-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI TAL-UNJONI EWROPEA,

Billi:

(1)

Safejn id-dokumenti tal-missjonijiet ċivili ta’ maniġġar ta’ kriżijiet u l-operazzjonijiet militari tal-Unjoni Ewropea mhumiex miżmuma minn istituzzjoni, dawn ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi Komunitarja rigward l-arkivji storiċi u l-aċċess pubbliku għad-dokumenti.

(2)

Peress li dawn id-dokumenti huma relatati mal-oqsma ta’ attività tal-Unjoni Ewropea, jaqbel li dawn id-dokumenti jiġu arkivjati mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (“SĠK”). Dawn id-dokumenti għandhom minn issa ‘l quddiem jitqiesu bħala dokumenti miżmuma mill-Kunsill u għandhom jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 (1) dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni u r-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 354/83 (2) dwar il-ftuħ għall-pubbliku tal-arkivji storiċi tal-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

IDDEĊIDEW KIF GEJ:

Artikolu 1

1.   Għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 u r-Regolament (KEE, Euratom) Nru 354/83, id-dokumenti dwar missjonijiet ċivili ta’ maniġġar ta’ kriżijiet u operazzjonijiet militari li ntemmu, li għadhom għaddejjin u futuri mwettqa taħt l-awspiċi tal-Kunsill għandhom, hekk kif jintemmu l-missjonijiet u l-operazzjonijiet, jiġu arkivjati mis-SĠK u minn issa ‘l quddiem jitqiesu bħala dokumenti miżmuma mill-Kunsill.

2.   Id-dokumenti msemmijin fil-paragrafu 1 m’għandhomx jinkludu d-dokumentazzjoni relatata ma’ kwistjonijiet tal-personal, kuntratti ma’ partijiet terzi u d-dokumentazzjoni relatata magħhom, jew dokumenti effimeri.

3.   Is-SĠK għandu jiżgura li d-dokumenti kklassifikati mill-Istati Membri jew awtoritajiet oħrajn jiġu protetti skond ir-Regolamenti ta’ Sigurtà tal-Kunsill addottati bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/264/KE (3).

4.   L-Istati Membri għandhom jassistu lis-SĠK biex jikseb kopji tad-dokumenti msemmijin fil-paragrafu 1.

5.   Id-dokumenti msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom jinżammu f’post speċifiku tal-Arkivji. Il-personal li jittratta dawn id-dokumenti għandu jirċievi taħriġ dwar id-dokumenti tal-Politika Ewropea ta’ Sigurtà u Difiża u dwar l-ittrattar ta’ informazzjoni kklassifikata f’dan il-kuntest.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussell, 29 ta’ Ottubru 2008.

Il-President

P. SELLAL


(1)  ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.

(2)  ĠU L 43, 15.2.1983, p. 1.

(3)  ĠU L 101, 11.4.2001, p. 1.


Top