EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62023TN0227

Kawża T-227/23: Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Mejju 2023 – Mylan Ireland vs Il-Kummissjoni

ĠU C 223, 26.6.2023, p. 37–37 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

26.6.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 223/37


Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Mejju 2023 – Mylan Ireland vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-227/23)

(2023/C 223/49)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Mylan Ireland Ltd (Dublin, l-Irlanda) (rappreżentanti: K. Roox, T. De Meese, J. Stuyck and M. Van Nieuwenborgh, avukati)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara li r-rikors għal annullament huwa ammissibbli u fondat;

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinsab fl-ittra tas-17 ta’ Marzu 2023 (ref. SANTE.DDG1.B.5/AL/mmc (2023) 2914698), kif ukoll kull deċiżjoni oħra sussegwenti sa fejn din testendi l-effetti tal-imsemmija deċiżjoni u/jew tissostitwixxiha, inkluż kull azzjoni regolatorja sussegwenti, sa fejn dawn jikkonċernaw lir-rikorrenti;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha r-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ kompetenza u użu ħażin ta’ poter min-naħa tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Marzu 2023 imsemmija iktar ’il fuq (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kkontestata”) sabiex temenda u/jew tirtira l-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq tar-rikorrenti.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur ta’ rekwiżiti formali essenzjali, sa fejn id-Deċiżjoni kkontestata ma għandiex bażi legali u tikser id-dritt għal smigħ tar-rikorrenti skont l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tat-Trattati jew ta’ kwalsiasi dispożizzjoni legali relatata mal-applikazzjoni tagħhom:

id-Deċiżjoni kkontestata tapplika l-liġi b’mod żbaljat sa fejn il-Kummissjoni kienet żbaljata fir-rigward tal-portata tas-sentenza inter partes tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Marzu 2023, Il-Kummissjoni et vs Pharmaceutical Works Polpharma (C-438/21 P sa C-440/21 P, EU:C:2023:213), u tinjora l-istħarriġ tal-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu mill-Bniedem;

id-Deċiżjoni kkontestata tikser id-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal smigħ xieraq skont l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, peress li diversi każijiet li għalihom hija parti r-rikorrenti jinsabu attwalment pendenti (T-730/20, T-279/22 u T-268/22);

id-Deċiżjoni kkontestata tikser iċ-ċertezza legali;

id-Deċiżjoni kkontestata tikser l-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti, inklużi d-diversi obbligi mal-awtoritajiet pubbliċi, mal-manifatturi, mal-fornituri, mal-kumpanniji tat-trasport u mal-isptarijiet, għall-provvista ta’ prodotti ġeneriċi tad-dimethyl fumarate, u mal-pazjenti;

id-deċiżjoni kkontestata tikser id-dritt għal proprjetà stabbilit fl-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.


Top