EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018AE4862

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1316/2013 fir-rigward tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni” (COM(2018) 568 final — 2018/0299 (COD)

EESC 2018/04862

ĠU C 62, 15.2.2019, p. 301–304 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 62/301


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1316/2013 fir-rigward tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni”

(COM(2018) 568 final — 2018/0299 (COD)

(2019/C 62/48)

Relatur Ġenerali:

Stefan BACK

Konsultazzjonijiet

Parlament Ewropew, 10/09/2018

Kunsill, 11.9.2018

Bażi legali

Artikoli 172 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Deċiżjoni tal-Bureau

18.9.2018

Adottata fil-plenarja

17.10.2018

Sessjoni plenarja Nru

538

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

118/1/0

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa’ l-proposta bħala miżura ta’ tħejjija li tissodisfa l-ħtieġa għall-iżgurar ta’ netwerk TEN-T koeżiv u li tadatta l-Kuritur tan-Netwerk Ewlieni tal-Baħar tat-Tramuntana-Mediterran għal xenarju fejn ir-Renju Unit ma jkunx parti mit-TEN-T.

1.2.

Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tieħu nota tas-sitwazzjoni tal-Irlanda wara l-ħruġ tar-Renju Unit u tqis bis-serjetà l-potenzjal tal-effetti negattivi fuq l-ekonomija Irlandiża/tal-UE bħala konsegwenza. F’dan il-kuntest, huwa rakkomandat li għandhom jittieħdu prekawzjonijiet addizzjonali fit-tfassil tar-riallinjamenti.

1.3.

Il-KESE huwa tal-fehma li link diretta waħda jew aktar, bejn l-UE kontinentali u r-Repubblika tal-Irlanda huma meħtieġa għall-preservazzjoni tal-koeżjoni tal-Kuritur tan-Netwerk Ewlieni tal-Baħar tat-Tramuntana-Mediterran u jkunu żgurati l-operazzjonijiet tat-trasport bejn l-Irlanda u l-UE kontinentali mingħajr kontrolli fuq il-fruntiera.

1.4.

Il-KESE huwa tal-opinjoni li meta r-Renju Unit ma jkunx parti mit-TEN-T u meta, minħabba kontrolli fuq il-fruntiera, it-trasport li jgħaddi mir-Renju Unit x’aktarx li jsir aktar kajman, l-itinerarji tal-flussi tat-traffiku lejn u mill-Irlanda x’aktarx li jinbidlu.

1.5.

Il-KESE jinnota li l-konfigurazzjoni tal-kuritur li issa hija proposta mill-Kummissjoni tqajmu dubji dwarha matul il-proċedura ta’ konsultazzjoni qabel il-proposta, u dan għal diversi raġunijiet, inkluż is-sostenibbiltà tal-għażla tal-portijiet u l-ħtieġa biex ikun ikkunsidrat mill-ġdid l-allinjament tal-Kuritur tan-Netwerk Ewlieni Atlantiku.

1.6.

Il-KESE jfakkar li l-għan tat-TEN-T huwa li jiżgura il-koeżjoni, l-effiċjenza u s-sostenibbiltà fit-trasport; in-netwerk ewlieni huwa l-aktar element importanti strateġikament għal dak il-għan.

1.7.

Il-KESE, għalhekk, għandu dubji dwar il-konfigurazzjoni tal-fergħa l-ġdida tal-kuritur peress li din tista’ ma tikkorrispondix mal-flussi futuri tat-traffiku u għaldaqstant tista’ ma’ tilħaqx l-għan tal-Kurituri tan-Netwerk Ewlieni tat-TEN-T sabiex tiffaċilita l-flussi tat-traffiku fuq distanzi twal l-aktar importanti.

1.8.

Il-KESE jinnota wkoll li xi wħud mill-portijiet, li jistgħu jieħdu prominenza taħt iċ-ċirkostanzi l-ġodda, mhumiex portijiet ewlenin u għaldaqstant ma jissodisfawx il-kriterji bażiċi sabiex isiru parti minn kuritur ta’ netwerk ewlieni, u li r-reviżjoni tar-Regolament dwar il-Linji Gwida tat-TEN-T mhijiex skedata sal-2023.

1.9.

Il-KESE jsostni li x’aktarx għadu mhux possibbli li jkun previst b’ċertezza l-mod kif se jinbidlu l-flussi tat-traffiku f’sitwazzjoni fejn tapplika l-Proposta.

1.10.

Għalhekk il-KESE jaqbel li l-konfigurazzjoni tal-Proposta hija mod adegwat biex tkun indirizzata temporanjament is-sitwazzjoni sakemm jitfaċċaw il-bidliet fil-flussi tat-traffiku.

1.11.

Madankollu, il-KESE jiddispjaċih li ma saret l-ebda valutazzjoni tal-impatt sabiex tkun verifikata l-adegwatezza tal-konfigurazzjoni proposta, pereżempju għal oġġetti li jitħassru biż-żmien, u biex tkun ikkunsidrata l-aktar konfigurazzjoni effiċjenti u sostenibbli ta’ itinerarju intiż biex jissostitwixxi l-pont kontinentali bħala link TEN-T lejn u mill-Irlanda.

1.12.

Għaldaqstant, il-KESE jirrakkomanda li klawsola ddedikata ta’ reviżjoni tiżdied mal-Proposta, li tistipola li l-Kummissjoni għandha tirrevedi r-Regolament adottat fi żmien sentejn minn meta dan isir applikabbli. Dik ir-reviżjoni għandha tkun ibbażata fuq valutazzjoni tal-kambjamenti fil-flussi tat-trasport reali bejn ir-Repubblika tal-Irlanda u l-UE kontinentali u sservi ta’ bażi għall-proposti xierqa dwar l-allinjament ta’ kurituri rilevanti tan-netwerk ewlieni tat-TEN-T.

1.13.

Fl-istennija għal din ir-reviżjoni, il-KESE ma jara l-ebda raġuni biex ikun modifikat il-kontenut sostantiv tal-Proposta, fid-dawl tas-sitwazzjoni li l-ebda wieħed mill-portijiet ewlenin eżistenti fil-Kanal Ingliż li attwalment jagħmlu parti mill-Kuritur tan-Netwerk Ewlieni Atlantiku jew tal-Baħar tat-Tramuntana-Mediterran se jinbidlu bħala konsegwenza tal-modifika.

1.14.

Il-KESE jistaqsi għalfejn il-Proposta ma tipproponix li jkunu kanċellati l-links mar-Renju Unit u dawk il-links li jgħaddu minnu. Jekk il-leġislazzjoni dwar TEN-T ma tapplikax għar-Renju Unit, ma jkunx hemm bażi legali għall-implimentazzjoni ta’ dawk il-links. Għaldaqstant jidher li huwa għaqli li jitneħħew.

2.   Il-Proposta

2.1.

Bħala parti mill-miżuri ppjanati għat-tħejjija għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea (Brexit), il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat proposta għal Regolament li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1316/2013 fir-rigward tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni (il-“Proposta”).

2.2.

Ir-Renju Unit, b’segwitu tan-notifika tiegħu tad-29 ta’ Marzu 2017 biex joħroġ mill-UE, huwa stabbilit li jagħmel dan mit-30 ta’ Marzu 2019, skont l-Artikolu 50 tat-TUE. Sakemm ma kienx maqbul mod ieħor fi ftehim ta’ ħruġ ratifikat, il-liġi tal-UE mhix se tibqa’ tapplika għar-Renju Unit mit-30 ta’ Marzu 2019 u r-Renju Unit se jsir Stat mhux Membru, mhux kopert mit-TEN-T u ma jagħmilx parti mill-kurituri tan-netwerk ewlieni tat-TEN-T.

2.3.

Fil-komunikazzjoni tagħha “Tħejjija għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea fit-30 ta’ Marzu 2019” (COM(2018) 556), il-Kummissjoni enfasizzat l-importanza li nkunu preparati għal kwalunkwe eżitu possibbli tan-negozjati dwar il-ħruġ li għadhom għaddejjin, inkluż in-nuqqas ta’ lħuq ta’ ftehim.

2.4.

Il-Proposta għandha l-għan li tindirizza s-sitwazzjoni fejn in-negozjati li għadhom għaddejjin bejn ir-Renju Unit u l-UE ma jwasslux għal arranġamenti ta’ tranżizzjoni fil-ftehim tal-ħruġ. Partikolarment, hija intiża sabiex tippreserva l-link diretta fi ħdan il-Kuritur tan-Netwerk Ewlieni tal-Baħar tat-Tramuntana-Mediterran mar-Repubblika tal-Irlanda b’segwitu tal-għajbien tal-link li tgħaddi mir-Renju Unit bħala parti mill-kuritur.

2.5.

Il-proposta timmodifika l-allinjament tal-kuritur billi żżid il-link li ġejja: “Baile Átha Cliath/Dublin/Corcaigh/Cork – Zeebrugge/Antwerpen/Rotterdam”. L-emenda għandha tapplika mill-jum wara dak li fih ir-Regolament (UE) Nru 1316/2013 ma jibqax japplika għar-Renju Unit.

3.   Kummenti Ġenerali

3.1.

Il-KESE jilqa’ l-proposta bħala miżura li tissodisfa l-ħtieġa għall-iżgurar ta’ netwerk TEN-T koeżiv u li jippreserva l-Kuritur tan-Netwerk Ewlieni tal-Baħar tat-Tramuntana-Mediterran, inkluż jekk il-ftehim li għadu għaddej dwar il-ħruġ u t-tranżizzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit ifalli milli jilħaq ftehim. Għaldaqstant, il-Proposta hija parti mit-tħejjijiet tal-Kummissjoni għall-agħar xenarju, fejn ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea mingħajr ftehim.

3.2.

Il-Proposta, meta tiġi adottata, se tapplika mill-jum li r-Renju Unit joħroġ mill-UE u l-liġi tal-UE ma tibqax tapplika għar-Renju Unit, li għalhekk ifisser li r-Renju Unit mhux kopert mit-TEN-T.

3.3.

Il-KESE jinnota li link diretta waħda jew aktar, bejn l-UE kontinentali u r-Repubblika Irlandiża huma meħtieġa għall-preservazzjoni tal-koeżjoni tal-Kuritur tan-Netwerk Ewlieni tal-Baħar tat-Tramuntana-Mediterran u jkunu żgurati l-operazzjonijiet tat-trasport bejn l-Irlanda u l-UE kontinentali mingħajr kontrolli fuq il-fruntiera.

3.4.

Il-KESE jenfasizza bil-qawwa l-gravità tas-sitwazzjoni li qed tiffaċċja l-ekonomija u l-benesseri tal-Iralnda, partikolarment fejn il-bidliet għandhom konsegwenzi previsti u oħrajn mhux previsti.

3.5.

Għaldaqstant huwa tal-akbar importanza li kwalunkwe allinjament itejjeb il-konnettività tal-Irlanda mal-UE kontinentali. Filwaqt li sehem kbir tat-trasport Irlandiż tal-merkanzija bit-triq li jilħaq l-Ewropa kontinentali jgħaddi mir-Renju Unit illum, il-links marittimi għandhom tabilħaqq jiżdiedu bejn il-portijiet Irladiżi ewlenin ta’ Dublin u Cork u l-portijiet tal-kuritur tal-Baħar tat-Tramuntana-Mediterran fuq il-kontinent.

3.6.

Il-KESE jinnota li l-konfigurazzjoni tal-kuritur tal-Proposta toħloq xenarju fejn ir-Renju Unit ma jkunx parti mit-TEN-T u fejn, minħabba kontrolli fuq il-fruntiera, it-trasport li jaqsam mir-Renju Unit se jsir aktar kajman, u li f’din is-sitwazzjoni l-itinerarji tal-flussi tat-traffiku lejn u mill-Irlanda x’aktarx li jinbidlu.

3.7.

Il-KESE jinnota wkoll li l-allinjament tal-kuritur li issa proponiet il-Kummissjoni tqajmu dubji dwaru, kemm fid-dettall u kemm f’termini ġenerali. Matul il-proċedura ta’ konsultazzjoni ta’ qabel il-Proposta, il-pjan direzzjonali, li huwa segwit b’mod ġenerali mill-Proposta, ġie ddubitat minn għadd ta’ portijiet tal-kosta tan-Nofsinhar tal-Kanal Ingliż u mill-assoċjazzjoni tal-portijiet Franċiżi u l-awtoritajiet reġjonali, li qajmu l-kwistjoni li jagħmlu l-portijiet ta’ Dunkirk, Calais, Le Havre, Roscoff u Brest parti mil-link proposta tal-Kuritur tal-Baħar tat-Tramuntana-Mediterran u li jimmodifikaw l-allinjament tal-Kuritur tan-Netwerk Ewlieni Atlantiku. Bl-istess mod, ħafna interessi Irlandiżi esprimew dubji dwar l-effiċjenza dwar link fit-tul bil-baħar bħala sostitut għall-“pont kontinentali” li jgħaddi mir-Renju Unit, peress li huma disponibbli rotot iqsar bil-baħar, pereżempju mill-Irlanda lejn il-portijiet fil-Brittanja. Ġie sostnut li rotot iqsar bil-baħar se jkunu aktar adegwati, pereżempju għal oġġetti li jitħassru biż-żmien.

3.8.

L-għan tat-TEN-T huwa li jiżgura l-koeżjoni, l-effiċjenza u s-sostenibbiltà fit-trasport. In-netwerk ewlieni huwa l-aktar element strateġiku importanti għall-ilħuq ta’ dawn l-għanijiet, filwaqt li l-kurituri tan-netwerk ewlieni huma intiżi biex jiffaċilitaw il-flussi tat-trasport l-aktar importanti fuq distanza twila fin-netwerk ewlieni (1).

3.9.

Il-KESE, għalhekk, jesprimi dubji dwar l-allinjament tal-fergħa l-ġdida tal-kuritur u huwa tal-fehma li jekk jinbidel l-allinjament tal-kurituri jista’ ma jikkorrispondix mal-flussi futuri tat-traffiku u għaldaqstant jista’ ma’ jilħaqx l-għan tat-TEN-T sabiex jiffaċilita l-flussi tat-traffiku fuq distanzi twal l-aktar importanti (2).

3.10.

Il-KESE jinnota li xi wħud mill-portijiet, li jistgħu jieħdu prominenza taħt iċ-ċirkostanzi l-ġodda, bħal pereżempju Brest jew Roscoff, mhumiex portijiet ewlenin u għaldaqstant ma jissodisfawx il-kriterji bażiċi sabiex isiru parti minn kuritur ta’ netwerk ewlieni, u li r-reviżjoni tar-Regolament tal-Linji Gwida tat-TEN-T mhijiex skedata sal-2023.

3.11.

Il-KESE huwa wkoll tal-fehma li x’aktarx għadu mhux possibbli li nipprevedu b’ċertezza kif se jinbidlu l-flussi tat-traffiku f’sitwazzjoni fejn tapplika l-Proposta.

3.12.

Għalhekk il-KESE jaqbel li l-konfigurazzjoni tal-Proposta hija mod adegwat biex tkun indirizzata temporanjament is-sitwazzjoni sakemm jitfaċċaw il-bidliet fil-flussi tat-traffiku.

3.13.

Madankollu, il-KESE jiddispjaċih li ma saret l-ebda valutazzjoni tal-impatt sabiex tkun verifikata l-adegwatezza tal-konfigurazzjoni proposta, pereżempju għal oġġetti li jitħassru biż-żmien, u biex tkun ikkunsidrata l-aktar konfigurazzjoni effiċjenti u sostenibbli ta’ itinerarju intiż biex jissostitwixxi l-pont kontinentali bħala l-link ewlenija TEN-T bejn ir-Repubblika tal-Iralnda u l-UE kontinentali, fid-dawl tad-diffikultà tal-previżjoni tat-tibdil fil-flussi tat-trasport b’segwitu għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE mingħajr ftehim tal-ħruġ.

3.14.

Għall-KESE jidher li l-konsegwenzi potenzjali ekonomiċi, soċjali u ambjentali tal-miżura proposta huma suffiċjentement sinifikanti li jiġġustifikaw valutazzjoni tal-impatt kif stabbilit fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (3).

3.15.

Għaldaqstant, il-KESE jirrakkomanda li klawsola dedikata ta’ reviżjoni tiżdied mal-Proposta, li tkun tistipola li l-Kummissjoni għandha tirrevedi r-Regolament adottat fi żmien sentejn minn meta dan isir applikabbli. Dik ir-reviżjoni għandha tkun ibbażata fuq valutazzjoni tal-kambjamenti fil-flussi tat-trasport reali bejn ir-Repubblika tal-Irlanda u l-UE kontinentali u sservi ta’ bażi għall-proposti xierqa dwar l-allinjament ta’ kurituri rilevanti tan-netwerk ewlieni tat-TEN-T.

3.16.

Fl-istennija għal din ir-reviżjoni, il-KESE ma jara l-ebda raġuni biex jimmodifika l-Proposta, anke fid-dawl tas-sitwazzjoni li l-ebda wieħed mill-portijiet ewlenin fil-Kanal Ingliż li attwalment jagħmlu parti mill-kuritur se jinbidlu bħala konsegwenza tal-modifika.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

Il-KESE jistaqsi għalfejn il-Proposta ma tipproponix li jkunu kanċellati l-links mar-Renju Unit u dawk il-links li jgħaddu minnu. Jekk il-liġi dwar TEN-T ma tapplikax għar-Renju Unit, dawk il-links ma jkunux jistgħu jiġu implimentati legalment taħt il-liġi tal-UE. Għaldaqstant jidher li huwa għaqli li jitneħħew.

Brussell, is-17 ta’ Ottubru 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  Ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 1), l-Artikolu 38.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013, l-Artikolu 43(1).

(3)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1. Ara wkoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (COM(2016) 615 final) dwar Ir-Regolamentazzjoni Aħjar, u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (COM(2017) 651 final) dwar il-Kompletar tal-Aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar, sezzjoni 2.3.


Top