EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018AE3137

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi standards tal-prestazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2 għall-vetturi tqal ġodda” ([COM(2018) 284 final — 2018/0143 (COD)) u dwar “Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE fir-rigward tal-limitu ta’ żmien għall-implimentazzjoni tar-regoli speċjali dwar it-tul massimu fil-każ ta’ kabini li jagħtu prestazzjoni ajrudinamika, effiċjenza enerġetika u prestazzjoni tas-sikurezza mtejba” (COM(2018) 275 final — 2018/0130 (COD))

EESC 2018/03137

ĠU C 62, 15.2.2019, p. 286–291 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 62/286


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi standards tal-prestazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2 għall-vetturi tqal ġodda”

([COM(2018) 284 final — 2018/0143 (COD))

u dwar “Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE fir-rigward tal-limitu ta’ żmien għall-implimentazzjoni tar-regoli speċjali dwar it-tul massimu fil-każ ta’ kabini li jagħtu prestazzjoni ajrudinamika, effiċjenza enerġetika u prestazzjoni tas-sikurezza mtejba”

(COM(2018) 275 final — 2018/0130 (COD))

(2019/C 62/45)

Relatur:

Stefan BACK

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 11.6.2018 u 5.7.2018

Kunsill, 8.6.2016 u 5.7.2018

Bażi legali

L-Artikolu 91(1), l-Artikolu 192(1) u l-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fis-sezzjoni

4.10.2018

Adottata fil-plenarja

17.10.2018

Sessjoni plenarja Nru

538

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

216/2/3

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa’ l-proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE (“Il-proposta għal Deċiżjoni”) u jinnota li din tfisser biss l-implimentazzjoni aktar bikrija ta’ emendi sostantivi għad-Direttiva 96/51/KE, diġà maqbula. Il-KESE jenfasizza l-bżonn li jitqies l-ambjent tax-xogħol tas-sewwieqa meta jiġu adottati regoli ta’ implimentazzjoni u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tikkonsulta ma’ partijiet interessati xierqa f’dan il-kuntest.

1.2.

Il-KESE jilqa’ wkoll il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi standards tal-prestazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2 għall-vetturi tqal ġodda (1) (“Il-proposta għal Regolament”) bħala approċċ ibbilanċjat għall-indirizzar tal-ħtieġa li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ CO2 mill-HDVs bħala kontribut għall-implimentazzjoni tal-impenji magħmula skont il-Ftehim ta’ Pariġi u billi jitqiesu d-dispożizzjonijiet speċifiċi magħmula mill-Kunsill Ewropew f’Ottubru 2014 rigward is-settur tat-trasport.

1.3.

Il-KESE jilqa’ wkoll l-objettiv tal-proposta għal Regolament li jippromovi l-innovazzjoni u l-kompetittività tal-industrija awtomobilistika tal-UE f’HDVs b’emissjonijiet baxxi quddiem il-kompetizzjoni f’dan is-settur miċ-Ċina, mill-Ġappun u mill-Istati Uniti tal-Amerika.

1.4.

Madankollu, il-KESE jiddispjaċih dwar il-kumplessità tal-proposta li tagħmilha diffiċli biex tiġi aċċessata. Il-KESE jiddispjaċih ukoll li mhumiex użati terminoloġija u kriterji komuni għal dak li l-proposta għal Regolament issejjaħ vetturi b’emissjonijiet żero u vetturi b’emissjonijiet baxxi, billi huma użati denominazzjonijiet differenti fi proposti oħrajn tal-pakkett tal-mobilità. Terminoloġija komuni u, fejn possibbli, kriterji komuni, kienu jagħmlu t-testi aktar ċari.

1.5.

Fil-fehma tal-KESE, l-għażla ta’ approċċ teknoloġikament newtrali hija meħtieġa, meta wieħed iżomm f’moħħu l-iżviluppi dinamiċi fil-qasam tas-sorsi ta’ enerġija alternattiva, kif ukoll fid-dawl tal-ħtieġa li jiġu evitati soluzzjonijiet nazzjonali li joħolqu ostakolu għall-operat bla xkiel tas-suq intern.

1.6.

Il-livell ta’ tnaqqis ta’ 15 % fir-rigward tal-medja ta’ emissjonijiet speċifiċi ta’ CO2 għall-perjodu 2020 – 2025 huwa ta’ sfida, iżda xorta għadu konformi mal-livell ta’ tnaqqis adottat mill-Kunsill Ewropew ta’ Ottubru 2014, bħal dak li raġonevolment jista’ jintalab mis-settur tat-trasport.

1.7.

Il-KESE jilqa’ wkoll il-flessibbiltà pprovduta mis-sistema ta’ debitu/kreditu proposta.

1.8.

Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-prevedibbiltà fir-rigward tal-industrija awtomobilistika u tal-industrija tat-trasport, meta jitqiesu ż-żmien u l-investiment meħtieġa sabiex jiġu żviluppati prodotti ġodda u l-ħtieġa għal prevedibbiltà fir-rigward tal-qafas legali meta jsiru investimenti f’tagħmir ġdid. Għal din ir-raġuni, il-KESE jixtieq ukoll li jara miri aktar preċiżi għat-trajettorja tas-CO2 wara l-2030.

1.9.

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-innovazzjoni ta’ spiss tfisser kundizzjonijiet tax-xogħol mibdula u ħtieġa għal taħriġ sabiex isir adattament għal rekwiżiti ġodda. Dan jitlob għal sforzi biex jagħmlu t-trasformazzjoni possibbli b’mod soċjalment sostenibbli u biex ikun iffaċilitat id-djalogu bejn l-imsieħba soċjali.

1.10.

Il-KESE jenfasizza wkoll l-importanza li jiġi ttestjat ir-rendiment attwali tas-CO2 tal-vetturi f’kundizzjonijiet ta’ sewqan reali, billi jitqiesu, pereżempju, l-effetti addizzjonali tad-diġitalizzazzjoni u ta’ tekniki ta’ sewqan aktar effiċjenti fuq il-livelli ta’ emissjonijiet tas-CO2, li jġibu magħhom effiċjenza mtejba, użu aħjar tal-kapaċità u spejjeż imnaqqsa għal kull unità ttrasportata.

1.11.

Għalhekk, il-KESE huwa tal-fehma li l-proposta għal Regolament tikkontribwixxi wkoll għall-kompetittività mtejba tal-industrija tat-trasport Ewropea.

1.12.

Il-KESE jinnota problema ta’ ċarezza rigward l-istatus taħt il-proposta għal Regolament ta’ “vetturi vokazzjonali”, kif żviluppat aktar fil-punt 5.1. Fl-opinjoni tal-KESE, l-effetti tal-istatus speċifiku tal-vetturi vokazzjonali għandhom jiġu spjegati aħjar, possibbilment b’żieda mal-premessa 17.

1.13.

Id-dħul mill-penali li jridu jitħallsu fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mal-miri stabbiliti mill-proposta għal Regolament għandu, fl-opinjoni tal-KESE, jiġi assenjat għall-finanzjament tal-iżvilupp tal-innovazzjoni u ta’ soluzzjonijiet ta’ trasport sostenibbli sabiex titnaqqas l-impronta tas-CO2 tal-HDVs.

1.14.

Fl-aħħar nett, il-KESE jirrimarka li t-terminu “primjum għal emissjonijiet eċċessivi” użat fl-Artikolu 8 sabiex jindika x’inhi fil-fatt sanzjoni ma jidhirx li huwa xieraq u għandu jinbidel, pereżempju, għal “penali għal emissjonijiet eċċessivi”.

2.   Sfond

2.1.

Skont il-Ftehim ta’ Pariġi, l-UE impenjat ruħha li tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra (GHG) sabiex tipprevjeni l-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima. L-impenn tal-UE sar abbażi tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Ottubru 2014, li indikaw impenn għal tnaqqis ta’ mill-inqas 40 % sal-2030, għalkemm b’mira inqas ambizzjuża – tnaqqis ta’ 30 % – għas-setturi mhux ta’ skambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet, b’mod partikolari dak tat-trasport (2).

2.2.

L-Istrateġija Ewropea għall-Mobbiltà b’Emissjonijiet Baxxi (3) (l-Istrateġija għall-Mobbiltà b’Emissjonijiet Baxxi) tistabbilixxi mira ta’ tnaqqis ta’ mill-inqas 60 % tal-emissjonijiet ta’ GHG sal-2050 meta mqabbla mal-livelli tal-1990 u tistabbilixxi l-objettiv li l-vetturi b’emissjonijiet baxxi jkunu jirrappreżentaw sehem sinifikanti mis-suq sal-2030.

2.3.

Wieħed mill-objettivi ewlenin tal-inizjattiva “L-Ewropa Attiva” (il-Pakkett dwar il-Mobbiltà) huwa li twettaq l-Istrateġija għall-Mobbiltà b’Emissjonijiet Baxxi u l-Istrateġija mġedda għall-Politika Industrijali tal-UE (4). Il-Pakkett dwar il-Mobbiltà twettaq fi tliet pagamenti akkont: fil-31 ta’ Mejju 2017, fit-8 ta’ Novembru 2017 u fis-17 ta’ Mejju 2018. Il-komunikazzjonijiet globali li jakkumpanjaw it-tliet partijiet tal-pakkett enfasizzaw l-importanza li titwettaq din l-istrateġija u saru għadd ta’ proposti f’din id-direzzjoni, inkluża l-proposta għal Regolament dwar il-monitoraġġ u r-rapportar tal-emissjonijiet ta’ CO2 minn u l-konsum tal-fjuwil ta’ vetturi heavy-duty ġodda (5) u l-proposta għal Regolament li jistabbilixxi standards ta’ rendiment għall-emissjonijiet għal karozzi tal-passiġġieri ġodda u għal vetturi kummerċjali ħfief ġodda bħala parti mill-approċċ integrat tal-Unjoni sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ CO2 minn vetturi light-duty u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 715/2007 (6). Għandu jiġi enfasizzat li l-objettiv ta’ dawn il-miżuri mhuwiex biss ambjentali, iżda wkoll kwistjoni ta’ żamma tal-kompetittività fir-rigward ta’ pajjiżi bħaċ-Ċina, il-Ġappun u l-Istati Uniti, fejn diġà hemm fis-seħħ standards ambjentali għall-HDVs.

2.4.

Iż-żewġ proposti ttrattati f’din l-opinjoni huma parti mit-tielet pagament akkont fil-pakkett u jikkonċernaw l-istandards ta’ rendiment għall-emissjonijiet għal vetturi heavy-duty ġodda u t-tnaqqis taż-żmien meħud sabiex ir-regoli speċjali dwar il-qisien tal-kabini li jagħtu prestazzjoni ajrudinamika mtejba jiġu ppromulgati fil-liġi nazzjonali.

3.   Il-proposti

3.1.   Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE fir-rigward tal-limitu ta’ żmien għall-implimentazzjoni tar-regoli speċjali dwar it-tul massimu fil-każ ta’ kabini li jagħtu prestazzjoni ajrudinamika, effiċjenza enerġetika u prestazzjoni tas-sikurezza mtejba (7) (il-“proposta għal Deċiżjoni”)

3.1.1.

Ir-regoli speċjali msemmija hawn fuq għandhom l-għan li jippermettu l-użu ta’ kabini b’ajrudinamika mtejba, li jtejbu l-prestazzjoni tal-enerġija u jnaqqsu l-emissjonijiet ta’ GHG. Id-Direttiva 96/53/KE kif inhi bħalissa tinkludi moratorju ta’ tliet snin għall-introduzzjoni ta’ kabini ajrudinamiċi wara tmiem il-perjodu ta’ traspożizzjoni. Dan issa qed jiġi propost li jitnaqqas għal erba’ xhur mid-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni, sabiex ikun possibbli li jintużaw kabini ajrudinamiċi mingħajr dewmien żejjed. L-implimentazzjoni teħtieġ modifika ta’ regoli dwar l-approvazzjoni tat-tip.

3.1.2.

Il-proposta għal Deċiżjoni ma timmodifikax id-dispożizzjonijiet sostantivi tad-Direttiva 96/53/KE.

3.2.   Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi standards ta’ rendiment għall-emissjonijiet ta’ CO2 għal vetturi heavy-duty ġodda (8) (il-“proposta għal Regolament”)

3.2.1.

Il-proposta għal Regolament tistabbilixxi miri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2 mill-HDVs koperti mill-proposta għal Regolament kif ġej: bi 15 % għall-perjodu 2025-2029; u, għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2030 ’il quddiem, b’mill-inqas 30 %, b’dan tal-aħħar soġġett għal reviżjoni li għandha ssir fl-2022. L-emissjonijiet ta’ referenza huma bbażati fuq data tal-2019 stabbilita permezz tal-monitoraġġ previst fil-proposta għal Regolament dwar il-monitoraġġ u r-rapportar tal-emissjonijiet ta’ CO2 minn u l-konsum tal-fjuwil ta’ vetturi heavy-duty ġodda (l-emissjonijiet tas-sena ta’ referenza) (9).

3.2.2.

Il-proposta għal Regolament tkopri trakkijiet b’piż mgħobbi ta’ aktar minn 16-il tunnellata, tratturi, kif ukoll – fir-rigward tal-inċentivi skont id-dispożizzjonijiet speċjali li japplikaw għal vetturi b’emissjonijiet baxxi jew żero – kowċis, xarabankijiet u trakkijiet li altrimenti jaqgħu barra mill-proposta għal Regolament. Fil-prinċipju, il-vetturi vokazzjonali u l-HDVs mhux maħsuba għall-kunsinna ta’ oġġetti mhumiex koperti mill-miri ta’ tnaqqis tas-CO2 skont il-proposta għal Regolament.

3.2.3.

Mill-2020, l-emissjonijiet speċifiċi medji ta’ kull manifattur mill-2019 ’il quddiem għandhom jiġu kkalkolati għal kull sena kalendarja preċedenti skont l-atti ta’ implimentazzjoni u abbażi tal-informazzjoni miġbura skont ir-regolament dwar il-monitoraġġ propost (ara l-punt 3.2.1 hawn fuq) u tal-fattur ta’ emissjonijiet baxxi jew żero li għandu jiġi stabbilit.

3.2.4.

Għal vetturi b’emissjonijiet baxxi u żero, mill-2020 għandu jiġi ddeterminat fattur ta’ emissjonijiet baxxi u żero mill-Kummissjoni għal kull manifattur mill-2019 ’il quddiem. Kull vettura b’emissjonijiet baxxi jew żero għandha tingħadd bħala żewġ vetturi. Il-fattur ta’ emissjonijiet baxxi u żero għandu jnaqqas l-emissjonijiet speċifiċi medji b’massimu ta’ 3 % jew, fir-rigward tax-xarabankijiet, il-kowċis u t-trakkijiet li normalment ma jaqgħux taħt ir-regolament, b’massimu ta’ 1,5 %.

3.2.5.

Mill-2026, il-miri speċifiċi għall-emissjonijiet tal-manifatturi għas-sena sussegwenti għandhom jiġu ddefiniti mill-Kummissjoni permezz tal-atti ta’ implimentazzjoni abbażi tad-data għas-sena preċedenti. Huma għandhom ikunu bbażati fuq il-miri stabbiliti fir-regolament, l-emissjonijiet tas-sena ta’ referenza (2019), is-sehem tal-manifatturi ta’ vetturi f’kull kategorija u l-kilometraġġ u t-tagħbija utli annwali ta’ kull kategorija.

3.2.6.

Jistgħu jiġu akkwistati krediti u djun. Dawn jiġu kkalkolati fuq il-bażi tad-differenza bejn trajettorja tat-tnaqqis – li għandha tiġi stabbilita għal kull manifattur abbażi tal-emissjonijiet tas-sena ta’ referenza u l-miri għall-2025 u l-2030 – u l-emissjonijiet speċifiċi medji ta’ manifattur; differenza pożittiva tipproduċi kreditu. Sadanittant, differenza negattiva bejn l-emissjonijiet speċifiċi medji u l-mira tal-emissjonijiet speċifiċi ta’ manifattur twassal għal dejn tal-emissjonijiet.

3.2.7.

Il-krediti tal-emissjonijiet jistgħu jiġu akkwistati matul il-perjodu 2019-2029, iżda l-krediti għall-perjodu 2019-2024 jistgħu jintużaw biss fl-isfond tal-mira speċifika tal-emissjonijiet għall-2025. Id-djun għall-perjodu 2025-2029 ma jistgħux jaqbżu 5 % tal-mira tal-emissjonijiet speċifiċi tal-manifattur għall-2025, immultiplikata bl-għadd ta’ HDVs tal-manifattur f’dik is-sena (“il-limitu tad-dejn tal-emissjonijiet”). Id-djun u l-krediti jistgħu jiġu riportati matul il-perjodu 2025-2028, iżda għandhom jiġu approvati kompletament fl-2029.

3.2.8.

L-emissjonijiet eċċessivi, skont is-sena jew għall-perjodu 2025-2029, ser iwasslu sabiex il-Kummissjoni timponi primjum għal emissjonijiet eċċessivi kkalkolat fuq il-bażi ta’ EUR 6 800/gCO2/tkm. Il-primjums għall-eċċess għandhom jitqiesu bħala dħul għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

3.2.9.

Il-proposta għal Regolament fiha wkoll dispożizzjonijiet dwar il-monitoraġġ tal-konformità tal-vetturi u l-pubblikazzjoni tad-data u l-prestazzjoni tal-manifattur.

4.   Kummenti ġenerali

4.1.   Il-proposta għal Deċiżjoni

4.1.1.

Il-KESE jappoġġja l-inizjattiva li tippermetti implimentazzjoni aktar bikrija tad-dispożizzjonijiet dwar l-użu ta’ disinn tal-kabina li għandu jtejjeb l-effiċjenza enerġetika u b’hekk inaqqas l-emissjonijiet, kif ukoll itejjeb il-kompetittività tal-industrija awtomobilistika tal-UE. Il-KESE jenfasizza li l-proposta ma tinvolvi l-ebda bidla sostantiva fid-Direttiva 96/53/KE, iżda taġġusta biss l-iskeda ta’ żmien għall-implimentazzjoni.

4.1.2.

Il-KESE jinnota li regolamenti ġodda huma meħtieġa qabel l-implimentazzjoni ta’ kabini ajrudinamiċi li jeċċedu r-restrizzjonijiet attwali fuq il-piż/id-dimensjonijiet tal-vettura. Kif meħtieġ skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2015/719, dawn ir-regolamenti l-ġodda se jkopru erba’ oqsma:

il-prestazzjoni ajrudinamika

is-sigurtà tal-utenti tat-triq li huma vulnerabbli eż. il-viżibbiltà, l-eliminazzjoni ta’ blind spots eċċ.

it-tnaqqis fil-ħsara jew korriment lil sewwieqa u utenti oħrajn tat-triq f’każ ta’ ħabta

is-sikurezza u l-kumdità tas-sewwieqa, eż. id-dimensjonijiet ta’ ġewwa tal-kabina.

4.1.3.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tikkonsulta mal-partijiet interessati rilevanti, pereżempju t-trejdjunjins li jirrappreżentaw lis-sewwieqa, operaturi ta’ trasport tal-merkanzija bit-triq eċċ., qabel ma tiffinalizza dawn il-proposti.

4.1.4.

Il-KESE jassumi li r-regoli tal-approvazzjoni tat-tip emendati meħtieġa se jiżguraw ambjent tax-xogħol għas-sewwieqa li huwa mill-inqas daqs l-istandards attwali.

4.2.   Il-proposta għal Regolament

4.2.1.

Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni, li tidher li tilħaq bilanċ raġonevoli bejn l-għanijiet tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ GHG fir-rigward tal-mobbiltà, l-inkoraġġiment tal-innovazzjoni fl-industrija awtomobilistika tal-UE u t-titjib tal-kompetittività tagħha. Hija segwitu għall-proposta dwar il-monitoraġġ u r-rapportar tal-emissjonijiet ta’ CO2 mill-HDVs, imsemmija fil-punt 2.3 hawn fuq u milqugħa mill-KESE.

4.2.2.

Il-KESE jinnota li l-proposta għal Regolament hija leġislazzjoni kumplessa ħafna. Il-KESE jiddispjaċih li jidher li kien impossibbli li jitfassal abbozz ta’ test aktar ċar u aktar faċilment aċċessibbli. F’dan il-kuntest il-KESE jiddispjaċih ukoll li t-terminoloġija għad-denominazzjonijiet ta’ vetturi b’emissjonijiet baxxi – jew żero – tvarja daqstant fit-tliet proposti relatati mal-emissjonijiet tas-CO2 tal-vetturi li huma parti tal-pakkett tal-mobilità. Pereżempju, l-Artikolu 4 u t-Tabella 2 fl-Anness tal-proposta b’emendi għad-Direttiva 2009/33/KE dwar il-promozzjoni ta’ vetturi nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija (10) u l-Artikolu 3 tal-proposta għal riformulazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 715/2007 dwar l-istandards tas-CO2 ta’ karozzi u vannijiet (11) jiddefinixxu individwalment emissjonijiet baxxi jew żero b’modi differenti. Tintuża terminoloġija terza fil-proposta għal Regolament. Huwa ta’ dispjaċir li ma ntużatx terminoloġija komuni koerenti.

4.2.3.

Minbarra l-objettivi ambjentali tal-proposta, il-KESE jilqa’ wkoll b’mod partikolari l-aspett tal-kompetittività, filwaqt li jżomm f’moħħu li hemm fis-seħħ standards tas-CO2 u sistemi ta’ monitoraġġ għall-HDVs, pereżempju, fiċ-Ċina, fil-Ġappun u fl-Istati Uniti. Għalhekk, huwa importanti li l-industrija awtomobilistika tal-UE tiġi mħeġġa tikseb standards simili, bil-għan li tkun tista’ tikkompeti b’mod effiċjenti f’dawn is-swieq u fi swieq oħrajn.

4.2.4.

Il-KESE japprezza l-approċċ teknoloġikament newtrali tal-proposta għal Regolament, minħabba li dan għandu joħloq il-kundizzjonijiet għal approċċ wiesa’ għall-iżvilupp ta’ sistemi tal-motopropulsjoni b’emissjonijiet baxxi jew żero, inkluż l-iżvilupp ulterjuri tal-magna bil-kombustjoni.

4.2.5.

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li jiġu żviluppati sistemi tal-motopropulsjoni alternattivi għall-HDVs, filwaqt li jitqies ukoll il-kuntest kummerċjali li fih ġeneralment jintużaw dawk il-vetturi. F’dan il-kuntest, il-KESE jiġbed ukoll l-attenzjoni għall-firxa wiesgħa ta’ soluzzjonijiet disponibbli bħalissa u għall-evoluzzjoni dinamika f’dan il-qasam, li tfisser li l-istampa qed tinbidel b’mod kostanti. Għalhekk, il-KESE jenfasizza l-importanza, b’mod partikolari fir-rigward tal-HDVs, li jiġu evitati soluzzjonijiet nazzjonali diverġenti li jfixklu l-funzjonament tas-suq intern billi jimpedixxu l-mobbiltà transkonfinali.

4.2.6.

Il-KESE jieħu nota tal-mira ta’ 15 % għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2 matul il-perjodu 2020-2025 u huwa tal-fehma li dan għandu jitqies bħala objettiv ta’ sfida, filwaqt li jżomm f’moħħu li dan it-tip ta’ obbligu huwa ġdid għall-HDVs, li huma wkoll għamla ta’ vettura li hija ġdida għat-tip ta’ rekwiżiti stabbiliti fil-proposta għal Regolament.

4.2.7.

Madankollu, il-KESE huwa sodisfatt li l-mira stabbilita hija konsiderevolment taħt il-mira ġenerali għat-tnaqqis tas-CO2 stabbilita għall-UE, li hija wkoll konformi mal-fehma tal-Kunsill Ewropew ta’ Ottubru 2014 rigward it-talbiet li jistgħu raġonevolment isiru fuq is-settur tat-trasport. F’dan il-kuntest, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon ukoll is-sistema ta’ debitu/kreditu proposta, li tipprovdi flessibbiltà li tista’ tkun meħtieġa, mill-inqas għal perjodu ta’ żmien partikolari.

4.2.8.

Il-prevedibbiltà hija importanti kemm għall-industrija awtomobilistika, kif ukoll għas-settur tat-trasport. Għal tal-ewwel, hija kwistjoni li tkun taf x’għandek tistenna meta tiżviluppa mudelli ġodda u soluzzjonijiet tekniċi ġodda, li t-tnejn huma proġetti fit-tul. Għal tal-aħħar, hija kwistjoni li tkun tista’ tagħmel għażliet infurmati tajjeb, pereżempju, meta tinvesti f’vettura ġdida. Għal dik ir-raġuni, huwa importanti li jiġu definiti miri aktar preċiżi għat-trajettorja tas-CO2 wara l-2030.

4.2.9.

L-innovazzjoni tista’ twassal ukoll għal bidliet fil-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-industrija awtomobilistika u ħtieġa għal kompetenzi ġodda. Din tista’ tirriżulta wkoll minn ambjent tax-xogħol mibdul u teknoloġiji ġodda li jistgħu jpoġġu domandi ġodda fuq, pereżempju, is-sewwieqa. Dan l-aspett soċjali tal-iżviluppi teknoloġiċi jrid jiġi trattati b’mod suffiċjenti sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet tax-xogħol adegwati u taħriġ biex jinksbu ħiliet ġodda. Id-djalogu bejn l-imsieħba soċjali hija meħtieġa wkoll biex tkun żgurata tranżizzjoni sostenibbli.

4.2.10.

Il-proposta għal Regolament tittratta biss il-karatteristiċi tekniċi tal-vettura. Għalhekk, il-KESE jiġbed l-attenzjoni wkoll għad-diġitalizzazzjoni tat-trasport – inkluż l-iżvilupp ta’ vetturi awtomatiċi u ta’ rutini tas-sewqan – li, minbarra t-titjib li sar fir-rendiment tas-CO2 tal-vetturi, ser inaqqsu wkoll l-impronta tal-karbonju tal-HDVs. Bl-istess mod, l-effiċjenza mtejba potenzjali li ġġib magħha d-diġitalizzazzjoni – pereżempju, grazzi għal ippjanar imtejjeb tal-vjaġġi u raggruppamenti tal-merkanzija magħmula possibbli permezz ta’ pjattaformi diġitali – jista’ jkollha effetti sinifikanti fuq ir-rendiment attwali tal-emissjonijiet.

4.2.11.

L-effiċjenza mtejba u l-użu aħjar tal-kapaċità ser inaqqsu wkoll l-ispejjeż għal kull unità ttrasportata u, b’hekk, itejbu l-kompetittività tal-industrija tat-trasport.

4.2.12.

Għalhekk, huwa importanti li d-data ta’ simulazzjoni VECTO, li għandha tintuża għall-monitoraġġ u l-kontroll tal-istandards, tiġi kkomplementata minn data tal-ħajja reali. B’hekk, il-KESE jilqa’ d-dikjarazzjoni magħmula mill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-adozzjoni mill-Parlament Ewropew tar-riżoluzzjoni leġislattiva fuq ir-Regolament dwar il-monitoraġġ tal-emissjonijiet ta’ CO2 mill-HDVs, li hija għandha l-intenzjoni li tikkomplementa l-metodi attwali tal-ġbir tad-data b’testijiet fit-triq, li jkopru l-prestazzjoni tal-HDVs fit-triq (12).

5.   Kummenti speċifiċi – il-proposta għal Regolament

5.1.

Skont il-memorandum ta’ spjegazzjoni, l-eżenzjonijiet mill-istandards tal-emissjonijiet ta’ CO2 huma pprovduti għal vetturi vokazzjonali. Eżenzjonijiet speċifiċi huma stabbiliti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1 (kalkolu tal-emissjonijiet ta’ referenza tas-CO2) u fl-Artikolu 4 (l-emissjonijiet speċifiċi medji ta’ manifattur). Min-naħa l-oħra, dawn ma jissemmewx la fl-Artikolu 2 (kamp ta’ applikazzjoni) u lanqas fl-Artikolu 6 (il-miri speċifiċi għall-emissjonijiet tal-manifattur). Għalhekk, is-sitwazzjoni ta’ dawk il-vetturi skont il-proposta għal Regolament ma tidhirx li hija ċara għalkollox. Madankollu, jidher li l-vetturi vokazzjonali huma fil-fatt koperti mill-għanijiet ta’ tnaqqis tas-CO2 stabbiliti fl-Artikolu 1(a) u (b) u kkunsidrati meta jiġu stabbiliti l-miri tal-emissjonijiet speċifiċi għall-manifattur u għall-fini tal-istabbiliment tad-djun tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 7. Fl-opinjoni tal-KESE, l-effetti tal-istatus speċifiku tal-vetturi vokazzjonali għandhom jiġu spjegati aħjar, possibbilment b’żieda mal-premessa 17.

5.2.

It-terminu “primjum għal emissjonijiet eċċessivi” fl-Artikolu 8 tal-proposta għal Regolament jimplika xi ħaġa li tiġi riċevuta aktar milli tip ta’ penali li trid titħallas, kif fil-fatt huwa l-każ. Jista’ jkun utli, għal raġunijiet ta’ ċarezza, li tiġi kkunsidrata bidla, bħal “penali għal emissjonijiet eċċessivi”, li tikkorrispondi aktar għar-realtà.

5.3.

L-Artikolu 8 tal-proposta għal Regolament jiddikjara li l-ammonti tal-primjum għal emissjonijiet eċċessivi għandhom jitqiesu bħala dħul għall-baġit ġenerali tal-Unjoni. Il-KESE huwa tal-fehma li dawn l-ammonti għandhom jiġu allokati għall-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet sostenibbli fis-settur tal-karozzi jew fis-settur tat-trasport.

Brussell, is-17 ta’ Ottubru 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  COM(2018) 284 final – 2018/0143 (COD).

(2)  Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, l-24 ta’ Ottubru 2014.

(3)  COM(2016) 501 final.

(4)  COM(2017) 479 final.

(5)  COM(2017) 279 final – 2017/0111 COD.

(6)  COM(2017) 676 final – 2017/0293 (COD).

(7)  COM(2018) 275 final – 2018/0130 (COD).

(8)  COM(2018) 284 final – 2018/0143 (COD).

(9)  COM(2017) 279 final – 2017/0111 (COD).

(10)  COM(2017) 653 final – 2017/0291 (COD).

(11)  COM(2017) 676 final – 2017/0293 (COD).

(12)  Parlament Ewropew P8_TA-PROV(2018)0246.


Top