EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018AE2771

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni — Fi triqitna lejn il-mobbiltà awtomatizzata: Strateġija tal-UE għall-mobbiltà tal-futur” (COM(2018) 283 final)

EESC 2018/02771

ĠU C 62, 15.2.2019, p. 274–279 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 62/274


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni — Fi triqitna lejn il-mobbiltà awtomatizzata: Strateġija tal-UE għall-mobbiltà tal-futur”

(COM(2018) 283 final)

(2019/C 62/43)

Relatur:

Ulrich SAMM

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 18.6.2018

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fis-sezzjoni

4.10.2018

Adottata fil-plenarja

17.10.2018

Sessjoni plenarja Nru

538

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

207/1/1

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa’ l-komunikazzjoni dwar mobilità konnessa u awtomatizzata li toffri għadd kbir ta’ funzjonijiet ġodda għall-konsumaturi u għan-negozji tat-trasport. Il-KESE huwa konvint dwar il-benefiċċji tal-mobilità awtomatizzata għas-soċjetà tagħna peress li din se tipprovdi servizzi ġodda għall-mobilità tal-persuni, b’aktar possibbiltajiet għall-ekonomija kondiviża, potenzjal għall-ottimizzazzjoni tat-traffiku b’vantaġġi ambjentali, u mobilità għal dawk li ma jistgħux isuqu huma stess.

1.2.

L-industrija tal-karozzi tal-UE, bl-għarfien espert tagħha fl-iżvilupp ta’ teknoloġiji tal-vetturi, tinsab f’pożizzjoni tajba biex taħtaf dawn l-opportunitajiet, dment li, madankollu, l-UE tiddefinixxi standards sabiex tippermetti operazzjoni bejn il-fruntieri u interoperabbiltà bejn marki differenti tal-karozzi.

1.3.

Karatteristika ewlenija ta’ sewqan awtomatiku jew semiawtomatiku hija li dan jista’ konsiderevolment itejjeb is-sigurtà attiva tal-vetturi tal-art u jista’ jnaqqas il-fatalitajiet konsiderevolment, jew saħanistra jeliminahom kompletament. Madankollu, aċċidenti fatali b’vetturi awtomatizzati matul il-fażi pijuniera, jistgħu jsiru ostakolu għal din it-teknoloġija. Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda li l-proġetti piloti u l-proċeduri ta’ ttestjar kollha b’sewqan awtonomu jsiru skont l-ogħla standards ta’ sigurtà possibbli, anke meta din il-kondizzjoni konfinarja tista’ tnaqqas ir-ritmu tal-iżviluppi meta mqabbla ma’ kompetituri barra mill-UE. Fit-tul, dan se jipprovdi prodotti aħjar b’aċċettazzjoni ogħla.

1.4.

Il-KESE jemmen li karozzi mingħajr sewwieq (livell 5) se jiġu aċċettati biss meta dawn jipprovdu l-istess sigurtà bħal sistemi oħra ta’ trasport għall-passiġġieri bħal ferroviji jew ajruplani kbar (kważi sigurtà ta’ 100 %). Dan jirrappreżenta ostakolu kbir, dment li vetturi awtonomi u karozzi konvenzjonali u utenti oħra tat-triq (ċiklisti, persuni bil-mixi, vetturi bi skop speċjali) ikunu qegħdin isuqu fl-istess toroq. Madankollu, “sigurtà ta’ 100 %”, tista’ tkun ċentrali sabiex jissolvew kwistjonijiet etiċi speċifiċi marbuta ma’ vetturi awtonomi.

1.5.

Il-KESE jirrikonxxi li vetturi semiawtomatiċi (livell 1-4) b’għadd ta’ sistemi ta’ assistenza diġà jistgħu jnaqqsu l-fatalitajiet, u għalhekk jappoġġja l-approċċ tal-Kummissjoni li jiżdied l-għadd ta’ funzjonijiet ta’ sigurtà ġodda għall-vetturi bħala parti mir-reviżjoni tar-Regolament dwar is-Sigurtà Ġenerali għall-vetturi bil-mutur. Madankollu, il-KESE jinnota żewġ oqsma problematiċi li jistgħu jkunu ta’ ostakolu għall-aċċettazzjoni mill-pubbliku: a) spejjeż addizzjonali u b) il-kumplessità dejjem akbar li wieħed isuq karozza.

1.6.

It-taħriġ tas-soltu sabiex wieħed jikseb liċenzja ta’ sewwieq ma jkoprix l-aktar teknoloġija moderna ta’ sistemi ta’ assistenza. Ovvjament hemm ħtieġa għal taħriġ addizzjonali. Fil-fehma tal-KESE l-industrija tal-karozzi, flimkien mal-muniċipalitajiet, għandhom b’urġenza joffru korsijiet ta’ taħriġoqsma ta’ taħriġ għal sewwieqa privati u professjonali; inkella l-introduzzjoni ta’ teknoloġiji ġodda relatati mas-sikurezza se tkun imxekkla b’mod sinifikanti.

1.7.

Taħriġ fis-sewqan semiawtomatiku li jeħtieġ ħiliet u responsabbiltajiet ġodda se jkun ċentrali għall-iżvilupp ta’ profil modern għas-sewwieqa professjonali u sabiex iwieġeb għad-domanda dejjem akbar fit-trasport.

1.8.

Il-KESE jirrikonoxxi l-potenzjal għat-telf ta’ skala kbira eventwali ta’ impjiegi (jiġifieri, sewwieqa tat-trakkijiet u tax-xarabanks) jekk l-awtomatizzazzjoni sħiħa (livell 5) tiġi introdotta b’suċċess fil-futur. Il-KESE jsostni li l-benefiċċji tal-awtomatizzazzjoni għandhom jinqasmu mis-soċjetà kollha kemm hi u għalhekk iħeġġeġ lill-imsieħba soċjali biex b’mod konġunt jippjanaw l-iżviluppi futuri u eventwalment jinnegozjaw ftehimiet ta’ negozjar kollettivi ġodda dwar l-introduzzjoni tal-awtomatizzazzjoni fit-trasport bit-triq.

1.9.

Id-direttiva dwar ir-responsabbiltà għall-prodotti għandha tiġi riformata sabiex din tkopri kemm prodotti u servizzi mobbli kif ukoll prodotti b’softwer integrat, sabiex il-konsumaturi ma jkollhomx għalfejn ifittxu biex isibu min huwa responsabbli. Barra minn hekk, f’ambjent diġitali aktar kumpless, l-oneru tal-provi f’każ ta’ prodott bi ħsara huwa wkoll ta’ tħassib u għandu jiġi rregolat b’mod favorevoli għall-konsumatur. Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni b’mod partikolari biex tantiċipa l-bidliet fid-direttiva dwar l-assigurazzjoni relatati ma’ vetturi awtonomi u biex tiggarantixxi l-kumpens tal-vittmi ta’ inċidenti.

1.10.

B’żieda fil-konnettività, id-data tal-vetturi tista’ tiġi aċċessata minn kull rokna tad-dinja. Mill-qasam tal-ismartphones u l-PCs nafu li dan jikkawża riskji u sfidi konsiderevoli dwar is-sigurtà, is-sikurezza, u l-privatezza. L-istess standards ma jistgħux jiġu aċċettati għall-vetturi, fejn ikun hemm riskju ta’ mewt jew korriment. Għalhekk, il-KESE jenfasizza li kwalunkwe regolament ġdid dwar l-aċċess għad-data għall-vetturi għandu jsegwi l-prinċipju tas-sigurtà l-ewwel.

1.11.

Il-KESE jilqa’ l-approċċ tal-Kummissjoni fl-għoti ta’ prijorità lir-regolamentazzjoni tal-protezzjoni tal-vetturi kontra attakki ċibernetiċi, billi tiġi żgurata komunikazzjoni sigura u affidabbli bejn il-vetturi u l-infrastruttura u billi jiġi pprovdut livell ta’ protezzjoni tad-data sod f’konformità mar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data.

1.12.

Il-KESE lest jipparteċipa fil-valutazzjoni antiċipata mill-Kummissjoni tal-impatti soċjoekonomiċi u ambjentali tal-mobilità mingħajr sewwieq u fil-forum tal-UE sabiex jindirizza kwistjonijiet etiċi speċifiċi.

2.   Introduzzjoni

2.1.

L-inizjattiva “L-Ewropa Attiva” tinkludi għadd ta’ inizjattivi legali li qegħdin jittwettqu fi tliet pakketti. L-ewwel pakkett irrifletta l-ambizzjoni tal-Ewropa li tagħmel progress rapidu lejn it-tqegħid fis-seħħ ta’ sistema ta’ mobilità nadifa, kompetittiva u konnessa sal-2025, li hija ċentrali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport li tiffunzjona tajjeb (1). It-tieni pakkett iffoka aktar fuq l-istrumenti sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet mit-trasport bit-triq (2). It-tielet pakkett, li qiegħed jitwettaq attwalment u li qiegħed jiġi indirizzat f’din l-opinjoni, jiffoka fuq kwistjonijiet ta’ sigurtà bl-istrateġija ppreżentata fil-Komunikazzjoni “Fi triqitna lejn il-mobbiltà awtomatizzata” (3).

2.2.

B’mod partikolari, it-teknoloġija tat-trasport fuq l-art x’aktarx li se tiġi rivoluzzjonata mid-diġitalizzazzjoni. Għalhekk, din il-komunikazzjoni għandha tinftiehem fil-kuntest usa’, li tinkludi kwistjonijiet oħra bħall-futur tax-xogħol, ir-riċerka, l-innovazzjoni, l-Intelliġenza Artifiċjali (IA), u l-aġenda għall-ħiliet.

3.   Kontenut essenzjali tal-proposta

3.1.

B’din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni tipproponi approċċ tal-UE komprensiv lejn mobilità konnessa u awtomatizzata, li tistabbilixxi aġenda Ewropea ambizzjuża, tipprovdi viżjoni komuni u tidentifika azzjonijiet ta’ appoġġ għall-iżvilupp u għat-tħaddim ta’ teknoloġiji, servizzi u infrastruttura ċentrali.

3.2.

Il-Kummissjoni qiegħda ssegwi l-proġett Viżjoni Żero sal-2050 minħabba li s-sewqan awtomatiku għandu l-potenzjal li jkun rivoluzjonarju u jista’ jnaqqas il-fatalitajiet konsiderevolment jew saħansitra jeliminahom kompletament. B’dan il-mod hija tikkontribwixxi wkoll għall-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli dwar Is-Saħħa u l-Benessri kif ukoll dwar Il-Bliet u l-Komunitajiet Sostenibbli.

3.3.

Sabiex tagħmel l-UE aktar b’saħħitha, f’termini ta’ teknoloġiji u infrastruttura għal mobilità awtomatizzata, il-Kummissjoni qiegħda tiffinanzja diversi strumenti u tipproponi sett ta’ inizjattivi:

il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa b’EUR 450 miljun għall-appoġġ tad-diġitalizzazzjoni fit-trasport bl-għan li tiġi ffaċilitata l-awtomatizzazzjoni;

ittestjar ta’ skala kbira bbażat fuq kurituri transkonfinali 5G;

prijoritajiet fil-finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni (Orizzont 2020 u l-Programm Qafas li jmiss).

3.4.

Sal-2019, l-UE se toffri s-servizzi inizjali ta’ eżattezza għolja ta’ Galileo bla ħlas, li jagħmluha l-ewwel waħda li tista’ toffri servizz ta’ navigazzjoni bħal dan fuq bażi dinjija.

3.5.

Sabiex tiżgura suq intern għall-adattament sigur tal-mobilità awtomatizzata, il-Kummissjoni qiegħda tipproponi (l-aktar bħala parti mir-reviżjoni tar-Regolament dwar is-Sigurtà Ġenerali għall-vetturi bil-mutur):

li taħdem mal-Istati Membri fuq linji gwida sabiex tiżgura approċċ armonizzat għal valutazzjonijet tas-sigurtà tal-vetturi ad-hoc ta’ vetturi awtomatizzati;

li tibda xogħol mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati fuq approċċ ġdid għal ċertifikazzjoni tas-sigurtà tal-vetturi għal vetturi awtomatizzati;

funzjonijiet tas-sigurtà ġodda għal vetturi awtomatizzati bħala parti mir-reviżjoni tar-Regolament dwar is-Sigurtà Ġenerali għall-vetturi bil-mutur;

li jiġu rregolati r-reġistraturi tad-data għal vetturi awtomatizzati;

li jiġi rregolat il-platooning sabiex tiġi żgurata standardizzazzjoni ta’ skambji tad-data fost marki differenti;

li tiġi rregolata l-protezzjoni tal-vetturi kontra attakki ċibernetiċi;

li tiġi indirizzata l-ħtieġa għal speċifikazzjonijiet relatati mal-aċċess għal data tal-vetturi għall-ħtiġijiet tal-awtoritajiet pubbliċi;

li jiġi adottat regolament delegat sabiex jiżgura komunikazzjoni sigura u affidabbli bejn il-vetturi u l-infrastruttura u livell ta’ protezzjoni tad-data sod f’konformità mar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data.

3.6.

Wara konklużjoni tal-Kunsill, il-Kummissjoni beħsiebha tivvaluta l-impatt soċjoekonomiku u ambjentali tal-awtomatizzazzjoni u tad-diġitalizzazzjoni fil-qasam tat-trasport, filwaqt li tqis il-ħiliet ġodda meħtieġa f’dan is-settur. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni se:

tikkonsulta lill-partijiet interessati dwar l-impatti soċjoekonomiċi u ambjentali ta’ mobilità mingħajr sewwieq;

tappoġġja l-akkwist ta’ ħiliet ġodda, iżżomm u tagħti taħriġ mill-ġdid lill-forza tax-xogħol fis-settur permezz tal-aġenda ġdida għall-ħiliet għall-Ewropa;

tipprovdi forum tal-UE sabiex tindirizza kwistjonijiet etiċi speċifiċi li jirriżultaw minn mobilità mingħajr sewwieq.

4.   Kummenti ġenerali

4.1.

Id-diġitalizzazzjoni u l-awtomatizzazzjoni bbażati fuq Internet veloċi u affidabbli joffru għadd kbir ta’ karatteristiċi ġodda għall-konsumaturi u għan-negozji li jridu kwalità aħjar, konvenjenza, flessibbiltà, affordabbiltà u sigurtà fit-trasport bit-triq.

4.2.

L-industrija tal-karozzi tal-UE, bl-għarfien espert tagħha fl-iżvilupp tat-teknoloġiji tal-vetturi, tinsab f’pożizzjoni tajba biex taħtaf dawn l-opportunitajiet. Il-KESE jenfasizza li l-għan ġenerali għandu jkun li jiġu armonizzati s-sistemi jew li jinstabu soluzzjonijiet tekniċi sabiex ikunu jistgħu jippermettulhom joperaw bejn il-fruntieri, peress li dan huwa essenzjali għall-funzjonament bla xkiel tas-suq intern.

4.3.

Il-konnettività fost il-vetturi u bejn il-vetturi u l-infrastruttura stazzjonata hija karatteristika ewlenija li se tkun meħtieġa biex isir użu sħiħ mit-teknoloġija diġitali. Għalhekk, il-KESE jilqa’ l-iskeda ta’ żmien għall-iżvilupp ta’ infrastruttura tal-broadband b’kapaċità għolja fil-livell Ewropew li tkun tipprovdi kopertura tal-5G mingħajr interruzzjonijiet b’konnettività tal-Internet b’kapaċità għolja ħafna tul ir-rotot ewlenin kollha tat-trasport terrestri (4).

4.4.

Għal darb’oħra, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli ssegwi l-proġett Viżjoni Żero sal-2050. Karatteristika ewlenija ta’ sewqan awtomatiku jew semiawtomatiku hija li dan jista’ konsiderevolment itejjeb is-sigurtà attiva tal-vetturi tal-art u jista’ jnaqqas il-fatalitajiet konsiderevolment, jew saħanistra jeliminahom kompletament.

5.   Aċċettazzjoni mill-pubbliku u impatt soċjoekonomiku

5.1.

It-teknoloġiji l-ġodda jistgħu jiġu implimentati b’suċċess biss meta l-impatt soċjoekonomiku jkun ġie indirizzat ukoll kif xieraq. L-aċċettazzjoni mill-pubbliku hija ċentrali għall-introduzzjoni tal-mobilità awtomatizzata.

5.2.

Il-KESE huwa konvint dwar il-benefiċċji tal-mobilità konnessa u awtomatizzata għas-soċjetà tagħna peress li din se tipprovdi servizzi ġodda għall-mobilità tal-persuni, b’aktar possibbiltajiet għall-ekonomija kondiviża u għall-ambjent, u mobilità għal dawk li ma jistgħux isuqu huma stess.

5.3.

Għal kwistjonijiet ta’ sigurtà u responsabbiltà, wieħed għandu jiddistingwi b’mod ċar bejn sewqan semiawtomatiku u awtonomu. F’vetturi semiawtomatiċi (livelli 1-4) it-teknoloġiji ġodda (radar, kamera, laser) jgħinu lis-sewwieq, filwaqt li karozzi awtonomi (livell 5) lanqas biss jeħtieġu sewwieq. Fl-ewwel każ, is-sewwieq jibqa’ responsabbli fiċ-ċirkostanzi kollha, filwaqt li fit-tieni każ, il-kwistjoni tar-responsabbiltà jeħtieġ li tiġi ċċarata. Il-KESE huwa konvint li l-karozzi awtonomi għandhom jissodisfaw l-istess standards ta’ sigurtà bħal sistemi oħra ta’ trasport tal-passiġġieri bħal ferroviji jew ajruplani kbar. Meta jiġi eliminat l-iżball uman, is-sistemi ta’ trasport awtomatiku għandhom ikunu siguri 100 %.

5.4.

Sa ċertu punt, is-soċjetà tagħna tittollera l-iżball uman, li jispjega l-aċċettazzjoni ta’ madwar 25 000 fatalità tat-triq fl-UE (2016). Dan huwa pjuttost differenti f’sistemi oħra tat-trasport fejn il-passiġġieri huma passivi. Id-domanda għal sigurtà ta’ 100 % għal vetturi awtonomi tirrappreżenta ostakolu kbir dment li dawn il-vetturi, il-karozzi konvenzjonali u utenti oħra tat-triq (ċiklisti, persuni bil-mixi, vetturi bi skop speċjali) ikunu qegħdin isuqu fl-istess toroq.

5.5.

Aċċidenti fatali b’vetturi awtomatizzati jistgħu jsiru ostakolu għal din it-teknoloġija, anke meta r-rata ta’ aċċidenti tkun relattivament baxxa. Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda li l-proġetti piloti u l-proċeduri ta’ ttestjar kollha b’sewqan awtomatiku jsiru skont l-ogħla standards ta’ sigurtà possibbli. Din il-kondizzjoni konfinarja tista’ tnaqqas ir-ritmu tal-iżvilupp meta mqabbel ma’ kompetituri barra mill-UE, iżda min-naħa l-oħra se żżid l-aċċettazzjoni mill-pubbliku u fit-tul se tipprovdi prodotti aħjar. Il-KESE jinnota li sigurtà ta’ 100 % b’vetturi awtomatizzati tista’ ssir possibbli biss bit-tfassil mill-ġdid sinifikanti tas-sistema tat-triq.

5.6.

Għall-iżvilupp ta’ linji gwida etiċi għal vetturi awtomatizzati ħafna, il-KESE jfakkar il-prinċipju ta’ “approċċ human in command”, kif ġie enfasizzat diversi drabi f’opinjonijiet oħra. Skont dan il-prinċipju, il-bnedmin biss jieħdu “deċiżjonijiet responsabbli”, li għandhom konsegwenzi għad-disinn tal-vetturi awtonomi u għall-ambjent li fih jitħallew joperaw. Madankollu, l-azzjonijiet kritiċi għas-sigurtà ta’ vetturi mingħajr sewwieq, eż. sabiex jiġu evitati aċċidenti, jistgħu jqajmu “kwistjonijiet etiċi” serji fil-livell tal-programmazzjoni li għandhom jiġu indirizzati.

5.7.

Il-KESE jirrikonoxxi li l-vetturi semiawtomatiċi (livell 1-4) diġà jistgħu jnaqqsu l-fatalitajiet u għalhekk jappoġġja l-approċċ tal-Kummissjoni sabiex jiżdied l-għadd ta’ funzjonijiet ta’ sigurtà ġodda għall-vetturi bħala parti mir-reviżjoni tar-Regolament dwar is-Sigurtà Ġenerali għall-vetturi bil-mutur. Il-KESE jinnota żewġ oqsma problematiċi li jistgħu jkunu ta’ ostakolu għall-aċċettazzjoni mill-pubbliku: a) funzjonijiet tekniċi addizzjonali jistgħu jżidu l-ispiża tal-karozza konsiderevolment u b) għadd dejjem akbar ta’ sistemi ta’ assistenza jistgħu jagħmlu s-sewqan ta’ karozza ħafna aktar kumpless.

5.8.

It-taħriġ tas-soltu sabiex wieħed jikseb liċenzja ta’ sewwieq (vetturi ħfief, trakkijiet u xarabanks) ma jkoprix l-aktar teknoloġija moderna ta’ sistemi ta’ assistenza. Ovvjament hemm ħtieġa għal taħriġ addizzjonali għal sewwieqa ġodda kif ukoll dawk b’esperjenza. Barra minn hekk, il-konsumaturi għandhom jingħataw informazzjoni ċara u mhux ambigwa dwar il-karatteristiċi ta’ vettura moderna fil-ħin tax-xiri, il-kiri jew car-sharing. Il-KESE jipproponi li l-industrija tal-karozzi, flimkien mal-muniċipalitajiet, toffri korsijiet ta’ taħriġ u oqsma ta’ taħriġ għal sewwieqa privati u professjonali. It-test tas-sewqan għal sewwieqa ġodda li jixtiequ jġibu l-liċenzja għandu jinkorpora taħriġ ta’ sigurtà dwar l-użu ta’ funzjonijiet ġodda ta’ teknoloġija/awtomatizzazzjoni. Taħriġ fis-sewqan semiawtomatiku se jkun ċentrali għall-iżvilupp ta’ profil modern għas-sewwieqa professjonali, u jista’ jeħtieġ ħiliet u responsabbiltajiet ġodda.

5.9.

Il-KESE jirrikonoxxi l-potenzjal għat-telf eventwali ta’ skala kbira ta’ impjiegi (jiġifieri, sewwieqa tat-trakkijiet u tax-xarabanks) jekk l-awtomatizzazzjoni sħiħa (livell 5) tiġi introdotta b’suċċess fil-futur. Aħna nistiednu lill-Kummissjoni biex tirrikonoxxi t-tħassib usa’ li l-introduzzjoni ta’ teknoloġija/diġitalizzazzjoni/awtomatizzazzjoni ġdida f’firxa wiesgħa ta’ setturi (trasport, manifattura, servizzi finanzjarji eċċ.) tista’ twassal għal telf ta’ skala kbira ta’ impjiegi b’relattivament ftit impjiegi ġodda li jinħolqu biex jieħdu posthom. Il-KESE jsostni li l-benefiċċji ta’ teknoloġija/diġitalizzazzjoni/awtomatizzazzjoni ġdida għandhom jinqasmu mis-soċjetà kollha kemm hi, u mhux sempliċement jintużaw biex jibbenifikaw negozji privati fit-tnaqqis tal-ispejjeż tax-xogħol tagħhom. Madankollu, huwa importanti wkoll li jiġi nnutat li anke llum il-ġurnata, is-sewwieqa professjonali jagħmlu aktar minn sempliċement isuqu vettura u fil-futur, meta titnaqqas il-ħtieġa għal sewqan pur (b’livell 5), il-kompiti tal-professjonisti fin-negozju tat-trasport jistgħu jiġu estiżi aktar, li fil-parti l-kbira jistgħu jikkumpensaw għat-tnaqqis ta’ kompiti ta’ sewqan pur.

5.10.

Il-KESE jirrikonoxxi bis-sħiħ li l-introduzzjoni ta’ sistemi semiawtomatiċi (livelli 1-4) u awtomatiċi bis-sħiħ (livell 5) għat-trakkijiet u għax-xarabanks se jkollha impatt fuq l-impjiegi u l-kondizzjonijiet tax-xogħol. Għalhekk, aħna nħeġġu lill-imsieħba soċjali biex jinnegozjaw ftehimiet ta’ negozjar kollettivi ġodda dwar l-introduzzjoni ta’ teknoloġija/diġitalizzazzjoni/awtomatizzazzjoni ġodda fit-trasport bit-triq. Għandu jintlaqa’ l-fatt li xi trade unions (eż. UNITE fir-Renju Unit) diġà żviluppaw mudelli ta’ ftehimiet ta’ negozjar kollettiv biex jipproteġu l-impjiegi, jiżguraw it-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet u jiżguraw li kwalunkwe ffrankar tal-ispejjeż jinqasam b’mod ġust mal-forza tax-xogħol.

5.11.

Id-direttiva dwar ir-responsabbiltà għall-prodotti għandha tiġi riformata sabiex din tkopri kemm prodotti u servizzi mobbli kif ukoll prodotti b’softwer integrat, sabiex il-konsumaturi ma jkollhomx għalfejn ifittxu biex isibu min huwa responsabbli (ara wkoll Opinjoni INT/857). Barra minn hekk, f’ambjent diġitali aktar kumpless, l-oneru tal-provi f’każ ta’ prodott bi ħsara wkoll huwa ta’ tħassib u għandu jiġi rregolat b’mod favorevoli għall-konsumatur.

5.12.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li r-regoli tal-protezzjoni tad-data tal-UE qegħdin dejjem aktar jiġu rikonoxxuti f’livell internazzjonali bħala li jistabbilixxu xi wħud mill-ogħla standards ta’ protezzjoni tad-data fid-dinja u jilqa’ l-approċċ tal-Kummissjoni fl-għoti ta’ prijorità lir-regolamentazzjoni tal-protezzjoni tal-vetturi kontra attakki ċibernetiċi, billi tiġi żgurata komunikazzjoni sigura u affidabbli bejn il-vetturi u l-infrastruttura u billi jiġi pprovdut livell ta’ protezzjoni tad-data sod f’konformità mar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data.

5.13.

B’żieda fil-konnettività, id-data tal-vetturi tista’ tiġi aċċessata minn kull rokna tad-dinja. Din il-possibbiltà tiftaħ il-bibien għal bosta potenzjal li għadu mhux sfruttat. Madankollu, din iġġib ukoll riskji u sfidi sinifikanti fir-rigward tas-sikurezza, is-sigurtà u l-privatezza. Il-vetturi jeħtieġu standards ħafna ogħla fis-sikurezza, is-sigurtà u l-privatezza meta mqabbla ma’ pereżempju, l-ismartphones. L-UE hija mħeġġa tiżviluppa dawn l-istandards u tinnegozja ftehimiet korrispondenti mad-dinja kollha dwar dawn l-istandards.

5.14.

L-aċċess għal data ta’ vetturi huwa rilevanti ħafna għall-kompetizzjoni fis-servizzi ta’ wara l-bejgħ, b’mod partikolari għal fornituri indipendenti ta’ tiswija u manutenzjoni, b’konsegwenzi possibbli għall-għażla u l-ispejjeż tal-konsumatur. Il-KESE jħeġġeġ lill-KE biex timplimenta regoli għal użu ta’ data mill-aktar fis possibbli, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li l-industriji tal-karozzi tal-UE (pereżempju il-kunċett dettaljat ta’ “Nevada” żviluppat mill-industriji tal-karozzi tal-UE (sors VDA)) diġà pprovdew proposti dettaljati għal pjattaforma ġusta għal skambju ta’ data ma’ partijiet terzi b’mod sigur u mingħajr diskriminazzjoni, filwaqt li jqisu d-drittijiet tal-privatezza tal-konsumaturi.

5.15.

Il-Kummissjoni għandha tqis il-fatt li l-infrastruttura meħtieġa għat-tħaddim ta’ karozzi konnessi u awtonomi tvarja ħafna fost l-Istati Membri. Barra minn hekk, l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq fl-Istati Membri kollha għandu jkollhom biżżejjed riżorsi biex ikunu jistgħu jlaħħqu mat-teknoloġiji ġodda.

Brussell, is-17 ta’ Ottubru 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  ĠU C 246, 28.7.2017, p. 64.

(2)  ĠU C 262, 25.7.2018, p. 75.

(3)  COM(2018) 283 final.

(4)  ĠU C 125, 21.4.2017, p. 51.


Top