EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018AE2770

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-razzjonalizzazzjoni ta’ miżuri li jmexxu ’l quddiem it-twettiq tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport” (COM(2018) 277 final — 2018/0138(COD))

EESC 2018/02770

ĠU C 62, 15.2.2019, p. 269–273 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 62/269


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-razzjonalizzazzjoni ta’ miżuri li jmexxu ’l quddiem it-twettiq tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport”

(COM(2018) 277 final — 2018/0138(COD))

(2019/C 62/42)

Relatur:

Dumitru FORNEA

Konsultazzjoni

Il-Parlament Ewropew, 11.6.2018

Il-Kunsill, 15.6.2018

Bażi legali

Artikolu 172(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

 

 

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

22.5.2018

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fis-sezzjoni

4.10.2018

Adottata fil-plenarja

17.10.2018

Sessjoni plenarja Nru

538

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

210/3/4

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jemmen li l-inizjattivi miġbura flimkien fit-tielet pakkett “L-Ewropa Attiva” huma neċessarji sabiex jiġi pprovdut qafas legali effiċjenti fil-livell Ewropew u sabiex jiġi affermat mill-ġdid l-impenn finanzjarju u politiku tal-Istati Membri sabiex ilestu n-netwerk trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T) fil-ħin: in-netwerk ewlieni għandu jiġi ffinalizzat sal-2030 u n-netwerk komprensiv sal-2050.

1.2.

Il-KESE jinnota li l-proposta għal Regolament tipprovdi valur miżjud minħabba li abbażi tal-aħjar prattiki identifikati fl-UE kollha, din tirregola għadd ta’ aspetti ewlenin għall-konformità mal-iskadenzi għat-twettiq tal-proġetti u biex l-investituri pubbliċi u privati jkomplu jiġu attirati u interessati fis-sottomissjoni ta’ offerti għall-infrastruttura tat-trasport.

1.3.

Il-KESE japprova l-approċċ tal-Kummissjoni, billi jqis li huwa xieraq u rilevanti minħabba l-għan ewlieni tal-proposta għal regolament li għandu jnaqqas id-dewmien li wieħed jiltaqa’ miegħu fl-implimentazzjoni tal-proġetti infrastrutturali TEN-T. Fil-fatt, dan id-dewmien jista’ jitnaqqas b’mod sinifikanti billi jiġi rikonoxxut l-istatus prijoritarju ta’ proġetti ta’ interess komuni, waqt li tinħatar awtorità kompetenti waħda li jkollha l-persunal kompetenti u attrezzata b’riżorsi adegwati. L-awtorità għandha tamalgama entitajiet u korpi bi rwoli li jikkompetu ma’ xulxin sabiex tinkiseb semplifikazzjoni amministrazzjoni ġenwina, jiġu integrati u kkoordinati l-proċeduri u tiġi applikata leġiżlazzjoni nazzjonali unika waħda għal xiri li jsir minn entità konġunta.

1.4.

Il-KESE jilqa’ l-istabbiliment mill-Kummissjoni ta’ punt ta’ riferiment għat-tul tal-proċessi għall-għoti tal-permessi u jqis li jagħmel sens li l-proċess kollu għall-għoti tal-permessi jiġi limitat għal massimu ta’ tliet snin, iżda jindika li huwa importanti li jitqiesu l-fehmiet tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti sabiex jiġi żgurat li l-iskadenzi proposti jkunu realistiċi fid-dawl tas-sitwazzjonijiet speċifiċi fl-Istati Membri.

1.5.

Il-KESE huwa tal-fehma li f’xi Stati Membri, il-konformità mal-iskadenzi obbligatorji stabbiliti mill-proposta għal regolament se twassal għal xi riformi legali u amministrattivi. Dawn se jippermettu lill-korpi legali u amministrattivi kompetenti biex jagħmlu l-metodi ta’ ħidma tagħhom aktar malajr u effiċjenti sabiex jevitaw azzjoni legali fil-livell nazzjonali jew Ewropew talli jonqsu milli jikkonformaw mal-iskadenzi.

1.6.

Il-KESE japprova l-assistenza teknika proposta skont l-Artikolu 9, iżda jindika lill-Kummissjoni li hemm bżonn ta’ aktar dettalji fir-rigward tal-kriterji ta’ eliġibbiltà u l-proċedura li għandha tiġi segwita għall-għoti tal-assistenza teknika prevista fil-proposta.

1.7.

Il-KESE jemmen li l-pass tal-implimentazzjoni tal-proġetti ta’ infrastruttura jista’ jitħaffef jekk termini u kondizzjonijiet standardizzati u arranġamenti speċifiċi għall-akkwist pubbliku ikunu stabbiliti fil-livell Ewropew.

1.8.

Il-KESE jemmen li l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jnaqqsu l-kunflitt potenzjali fl-implimentazzjoni tal-proġetti TEN-T billi jinvolvu lill-partijiet ikkonċernati/partijiet involuti mill-bidu nett tal-istadju tal-ippjanar tal-infrastruttura tat-trasport u billi jorganizzaw konsultazzjonijiet mal-organizzazzjonijiet pubbliċi u tas-soċjetà ċivili u mal-awtoritajiet lokali rilevanti b’mod effiċjenti u f’waqtu.

1.9.

Il-KESE jirrimarka li l-attivitajiet li jissensibilizzaw lill-pubbliku u identifikazzjoni f’waqtha ta’ tentattivi biex jiġu malafamati proġetti TEN-T huma kruċjali għal klima politika u soċjali li twassal għall-implimentazzjoni tal-politiki ta’ infrastruttura tat-trasport Ewropej. L-awtoritajiet Ewropej jistgħu jinnewtralizzaw l-effetti dannużi ta’ informazzjoni ħażina billi jibqgħu f’kuntatt mal-media u billi jkomplu jiżviluppaw l-għodod istituzzjonali li jipprovdu informazzjoni preċiża u jikkonsultaw il-pubbliku.

1.10.

Il-KESE jieħu nota tan-nuqqas ta’ koerenza fit-test tal-proposta peress li fid-definizzjonijiet fl-Artikolu 2(e) “Proġett transfruntier ta’ interess komuni” dan il-kunċett huwa limitat għal proġetti implimentati minn entità konġunta. Madankollu, fl-Artikolu 7(2) u l-Artikolu 8(1) il-kunċett jidher li jkopri wkoll proġetti fejn l-ebda entità konġunta ma hi stabbilita.

1.11.

Il-KESE jemmen li l-mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni transkonfinali previsti għan-netwerk TEN-T jistgħu jissaħħu billi tissaħħaħ l-awtorità u jittejbu l-għodod disponibbli għall-koordinaturi Ewropej. Sabiex isir l-aħjar użu possibbli tal-esperjenza u l-kapaċità tal-koordinaturi Ewropej, jista’ jkun meħtieġ li tiġi riveduta l-leġiżlazzjoni li tistabbilixxi l-mandat tagħhom, testendi r-responsabbiltajiet tagħhom bil-għan li tiġi kkonsolidata t-tmexxija Ewropea fl-implimentazzjoni tal-proġetti infrastrutturali tat-trasport transkonfinali mwettqa mill-Istati Membri.

1.12.

Il-KESE jinnota li mhux ċar liema sanzjonijiet ġew stabbiliti għan-nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet legali stabbiliti mill-proposta għal regolament. Fid-dawl tal-objettiv ewlieni tal-proposta, li b’mod speċifiku tnaqqas id-dewmien, dan l-aspett jeħtieġ li jiġi ċċarat sabiex tittejjeb in-natura legalment vinkolanti tar-regolament u jiġi żgurat li l-Ewropej, is-soċjetà ċivili, l-awtoritajiet pubbliċi u l-qrati u t-tribunali fil-livell nazzjonali u Ewropew ikollhom qafas legali trasparenti u prevedibbli.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.

Il-proposta għal Regolament meqjusa f’din l-Opinjoni nħarġet mill-Kummissjoni f’Mejju 2018. Il-Kummissjoni kien beħsiebha tissupplimenta l-inizjattivi miġbura flimkien fit-tielet pakkett “L-Ewropa Attiva” billi tiffoka fuq il-miżuri leġiżlattivi u amministrattivi li jistgħu jħaffu l-implimentazzjoni tal-programmi ta’ investiment sabiex in-netwerk trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T) jitlesta fil-ħin: in-netwerk ewlieni għandu jiġi ffinalizzat sal-2030 u n-netwerk komprensiv sal-2050.

2.2.

Il-Kummissjoni Ewropea stmat li l-investimenti meħtieġa għat-tlestija tan-netwerk TEN-T ewlieni se jammontaw għal madwar EUR 500 biljun għall-perjodu ta’ bejn l-2021 u l-2030, filwaqt li l-finalizzazzjoni tan-netwerk komprensiv se tiswa madwar EUR 1 500 biljun. Il-fondi investiti f’din l-infrastruttura Ewropea tat-trasport se jkollhom effett ta’ valorizzazzjoni, u se jgħinu biex sal-2030 jinħolqu 13-il miljun impjieg fis-sena u biex jiġi ġġenerat dħul addizzjonali li jlaħħaq l-EUR 4 500 biljun (1,8 % tal-PDG tal-UE).

2.3.

F’Ġunju 2018, il-Kummissjoni ħabbret li beħsiebha talloka EUR 30,6 biljun għall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali ta’ bejn l-2021 u l-2027, żieda nominali ta’ 47 % matul il-perjodu ta’ bejn l-2014 u l-2020. Minkejja dan, l-impenn u l-kontribut b’saħħithom tal-UE għat-tlestija tan-netwerk TEN-T mhumiex se jkunu biżżejjed sakemm l-Istati Membri ma jiħdux azzjoni reali u jidentifikaw soluzzjonijiet alternattivi għall-kofinanzjament jew finanzjament sħiħ ta’ proġetti infrastrutturali tat-trasport.

2.4.

L-implimentazzjoni tal-programmi ta’ investiment TEN-T tinvolvi kemm l-identifikazzjoni ta’ investituri kif ukoll id-disponibbiltà tal-fondi neċessarji, u l-istabbiliment tal-bażi legali u amministrattiva sabiex jiġi żgurat li l-investimenti jistgħu jitwettqu fil-ħin u jintlaħqu l-istandards stabbiliti. Konsultazzjonijiet pubbliċi wrew li l-partijiet ikkonċernati kollha (investituri pubbliċi u privati, negozji, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u membri tal-pubbliku) iridu li l-proċeduri amministrattivi involuti fl-implimentazzjoni ta’ proġetti infrastrutturali jkunu effiċjenti, prevedibbli, f’konformità mal-prinċipji ta’ żvilupp sostenibbli u mal-iżviluppi fit-teknoloġiji diġitali, u mmirati lejn il-ksib tal-miri stabbiliti mill-politiki Ewropej u nazzjonali dwar il-mobbiltà fl-UE.

2.5.

L-Artikolu 6 tal-proposta għal regolament jistabbilixxi l-fażijiet u l-iskadenzi għall-implimentazzjoni tal-proċess għall-għoti tal-permessi: fażi ta’ qabel l-applikazzjoni, li m’għandhiex iddum aktar minn sentejn, u fażi li tinvolvi l-valutazzjoni tal-applikazzjoni u t-teħid ta’ deċiżjonijiet mill-awtorità kompetenti unika, li m’għandhiex iddum aktar minn sena. Il-limiti ta’ żmien stabbiliti fil-proposta huma mingħajr preġudizzju għal appelli amministrattivi u rimedji ġudizzjarji inter alia quddiem qorti jew tribunal.

2.6.

Il-fażi ta’ qabel l-applikazzjoni tinkludi skadenzi, li l-awtorità kompetenti unika għandha tissodisfa sabiex tiffinalizza l-istadji ewlenin ta’ din il-fażi. Għaldaqstant:

mhux aktar minn xahrejn wara l-wasla tan-notifika mfassla minn promotur tal-proġett, l-awtorità kompetenti unika għandha jew tirrikonoxxi t-tnedija tal-proċess għall-għoti tal-permessi jew tirrifjuta n-notifika bil-miktub jekk tqis li l-proġett mhuwiex matur biżżejjed;

fi żmien tliet xhur mill-bidu tal-proċess għall-għoti tal-permessi, l-awtorità kompetenti unika, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-promotur tal-proġett u ma’ awtoritajiet oħra kkonċernati, għandha tistabbilixxi u tikkomunika deskrizzjoni ta’ applikazzjoni ddettaljata li għandha tiġi sottomessa qabel ma jkunu jistgħu jingħataw il-permessi meħtieġa għat-tkomplija tal-proġett;

mhux aktar minn xahrejn mid-data tas-sottomissjoni tal-fajl ta’ applikazzjoni komplut, l-awtorità kompetenti għandha tinforma lill-promotur tal-proġett bil-miktub jekk il-fajl ikunx komplut.

2.7.

Minħabba l-kwistjonijiet imsemmija hawn fuq, il-Kummissjoni qed taħdem biex tilħaq erba’ objettivi ewlenin b’din l-inizjattiva leġiżlattiva :

I.

Jitnaqqas id-dewmien esperjenzat fl-implimentazzjoni tal-proġetti infrastrutturali għat-tlestija tan-netwerk TEN-T;

II.

Proċeduri aktar ċari biex jiġu segwiti minn dawk involuti fil-promozzjoni jew fl-implimentazzjoni ta’ proġetti, b’mod partikolari b’rabta mal-għoti ta’ permessi jew mal-proċeduri tal-offerti, iżda wkoll fir-rigward ta’ talbiet għall-għajnuna mill-istat jew sitwazzjonijiet oħra li jirrikjedu l-involviment tal-awtoritajiet pubbliċi;

III.

L-applikazzjoni sistematika ta’ qafas uniku għall-proġetti transkonfinali implimentat minn entità konġunta, sakemm l-Istati Membri parteċipanti ma jiddeċidux mod ieħor;

IV.

Aktar ċarezza għas-soċjetà pubblika u ċivili permezz tat-tisħiħ tal-qafas ta’ trasparenza u l-arranġamenti għall-involviment tagħhom fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni tal-proġetti TEN-T;

3.   Kummenti speċifiċi

3.1.

Il-KESE jħoss li t-tlestija tan-netwerk TEN-T mhix se tkun possibbli mingħajr impenn politiku sod mill-Istati Membri u tmexxija u kooperazzjoni b’saħħithom fil-livell Ewropew. Abbażi tal-aħjar prattiki identifikati fl-UE kollha, il-proposta għal regolament tipprovdi valur miżjud minħabba li tirregola għadd ta’ aspetti ewlenin għall-konformità mal-iskadenzi għat-tlestija tal-proġetti u biex l-investituri pubbliċi u privati jkomplu jiġu attirati u interessati fis-sottomissjoni ta’ offerti għall-infrastruttura tat-trasport.

3.2.

Il-KESE japprova l-approċċ tal-Kummissjoni, dejjem jekk ikun xieraq u rilevanti meta wieħed iqis l-aspetti rregolati mill-proposta. Dawn huma: ir-rikonoxximent tal-istatus ta’ prijorità tal-proġetti TEN-T ta’ interess komuni; l-integrazzjoni tal-proċessi għall-għoti tal-permess; il-ħatra ta’ awtorità unika kompetenti għall-għoti ta’ permessi; l-istabbiliment ta’ perjodu ta’ żmien għall-għoti u għall-implimentazzjoni ta’ permessi; il-koordinazzjoni tal-proċedura għall-għoti ta’ permessi transkonfinali; akkwist pubbliku aktar sempliċi fi proġetti transkonfinali ta’ interess komuni; assistenza teknika tal-UE għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u l-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ interess komuni.

3.3.

L-opzjoni ta’ politika tal-Kummissjoni ta’ azzjonijiet obbligatorji limitati u deċentralizzati implimentati fil-livell nazzjonali hija komprensibbli meta wieħed iqis l-iżviluppi politiċi attwali f’xi Stati Membri u tagħtina stampa interessanti tal-mod kif il-gvernijiet nazzjonali jippożizzjonaw lilhom infushom fir-rigward tal-inizjattivi leġiżlattivi tal-UE li jipproponu kooperazzjoni fil-livell tal-UE f’oqsma soġġetti għal rekwiżiti ta’ sussidjarjetà.

3.4.

L-iskadenzi għall-proċessi għall-għoti tal-permessi rregolati mill-proposta huma aċċettati iżda pjuttost ottimisti fid-dawl tal-limiti fir-rigward tal-konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-investimenti u tal-akkwist pubbliku.

3.5.

Il-KESE jilqa’ l-istabbiliment mill-Kummissjoni ta’ punt ta’ riferiment għad-durata tal-proċessi għall-għoti tal-permessi, iżda jindika li huwa importanti li jiġu kkonsultati l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti sabiex jiġi żgurat li l-iskadenzi proposti jkunu realistiċi fid-dawl tas-sitwazzjonijiet speċifiċi fl-Istati Membri. Abbażi tal-esperjenza miksuba s’issa, huwa possibbli li ż-żmien meħtieġ għall-konformità ma’ kull stadju fil-proċedura — inkluża l-approvazzjoni tad-dokumenti tekniċi, l-indikaturi tekniċi u ekonomiċi u l-proċeduri tal-offerti, u l-konklużjoni u t-twettiq tal-kuntratti rilevanti tal-iskadenzi stabbiliti u f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali — jista’ jaqbeż l-iskadenzi proposti f’dan ir-regolament b’ammont konsiderevoli.

3.6.

Xi dewmien li ġie nnutat s’issa fl-implimentazzjoni tal-proġetti TEN-T seħħ minħabba l-arkitettura istituzzjonali nazzjonali mhux xierqa u f’xi każijiet politiċizzata żżejjed, bl-awtoritajiet pubbliċi ma jkunux kapaċi jwettqu riformi u jadottaw metodi ta’ ħidma moderni, u jkomplu jużaw proċeduri amministrattivi li għadda żmienhom u li żmien ilu waqfu jintużaw minn istituzzjonijiet li ħadu l-applikazzjonijiet tar-rivoluzzjoni diġitali fuq skala usa’.

3.7.

Minħabba din is-sitwazzjoni, ir-regolament se jkollu impatt dirett fuq l-istrutturi amministrattivi tal-Istati Membri li jwettqu l-istandards Ewropew t’hawn taħt. Għandha titqies riforma ta’ dawn l-istituzzjonijiet, u l-assistenza teknika proposta skont l-Artikolu 9 hija għalhekk importanti ħafna għal dawk l-Istati Membri li jitolbuha bil-għan li jimplimentaw proġetti rilevanti għat-tlestija tan-netwerk ewlieni TEN-T. Minkejja dan, jenħtieġu aktar dettalji fir-rigward tal-kriterji ta’ eliġibbiltà u l-proċedura li għandha tiġi segwita sabiex tingħata l-assistenza teknika prevista fil-proposta.

3.8.

Ħafna mid-dewmien huwa minħabba tilwim legali wara kunflitti bejn partijiet ikkonċernati jew partijiet affettwati mill-implimentazzjoni tal-proġetti. Aspett wieħed mit-twettiq tal-ġustizzja huwa l-ħolqien ta’ bilanċ bejn id-drittijiet tal-individwi u l-liġi nazzjonali. Il-fatt li l-Istati Membri għandhom kompetenza esklussiva fil-qasam tal-ġustizzja u l-qafas legali Ewropew u nazzjonali kumpless ħafna għall-għoti ta’ permessi għal proġetti infrastrutturali jipproduċi għadd kbir ta’ kundizzjonalitajiet legali inevitabbli li jistgħu jdgħajfu b’mod sostanzjali l-objettivi ambizzjużi tal-Kummissjoni.

3.9.

It-tul tal-appelli amministrattivi u tal-proċeduri tal-qorti u l-effetti tal-kundizzjonijiet sospensivi, l-isfidi tekniċi għat-tlestija tax-xogħol infrastrutturali, in-nuqqas ta’ dokumenti amministrattivi vitali meħtieġa għall-istabbiliment tal-legalità tal-proċedura u n-nuqqas tal-fondi meħtieġa lkoll jaffettwaw it-tul tal-proċessi għall-għoti tal-permessi tal-proġetti. Għalhekk, l-istituzzjonijiet Ewropej huma mitluba jqisu dawn il-fatturi meta jieħdu d-deċiżjoni finali dwar l-iskadenzi għall-għoti tal-permessi rregolati fil-livell Ewropew mill-proposta għal regolament.

3.10.

B’mod simili, taħriġ aħjar u aktar speċjalizzat ta’ maġistrati, uffiċjali tal-ġustizzja u avukati fil-qasam tal-proġetti ta’ infrastruttura ta’ interess pubbliku jista’ jwassal għal proċeduri iqsar tal-qorti u jagħti standard ogħla tal-ġustizza, filwaqt li jikkonforma bi sħiħ mar-rekwiżiti legali.

3.11.

Proċeduri ta’ akkwist għal xogħlijiet ta’ infrastruttura tat-trasport jikkunsmaw ħafna ħin, u huma fattur ewlieni għad-dewmien fil-proġetti tat-TEN-T. Il-KESE jemmen li l-pass tal-implimentazzjoni tal-proġetti ta’ infrastruttura jista’ jitħaffef jekk termini u kondizzjonijiet standardizzati u arranġamenti speċifiċi għall-akkwist pubbliku ikunu stabbiliti fil-livell Ewropew.

3.12.

Il-KESE jemmen li l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jnaqqsu l-kunflitt potenzjali fl-implimentazzjoni tal-proġetti TEN-T billi jinvolvu lill-partijiet ikkonċernati/partijiet involuti mill-bidu nett tal-istadju tal-ippjanar tal-infrastruttura tat-trasport u billi jorganizzaw konsultazzjonijiet mal-organizzazzjonijiet pubbliċi u tas-soċjetà ċivili u mal-awtoritajiet lokali rilevanti b’mod effiċjenti u f’waqtu. Id-djalogu ċiviku u soċjali fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali jista’ jagħti kontribut ewlieni biex tingħata spinta lill-aċċettazzjoni pubblika tal-proġetti infrastrutturali tat-trasport u biex jittejbu l-metodi ta’ ħidma tal-amministrazzjoni permezz tal-istabbiliment u l-implimentazzjoni ta’ proċessi għall-għoti ta’ permessi integrati.

3.12.1.

Il-KESE jieħu nota tan-nuqqas ta’ koerenza fit-test tal-proposta peress li fid-definizzjonijiet fl-Artikolu 2(e) “Proġett transfruntier ta’ interess komuni” dan il-kunċett huwa limitat għal proġetti implimentati minn entità konġunta. Madankollu, fl-Artikolu 7(2) u l-Artikolu 8(1) il-kunċett jidher li jkopri wkoll proġetti fejn l-ebda entità konġunta ma hi stabbilita.

3.13.

F’xi Stati Membri, il-proġetti ta’ infrastruttura TEN-T u TEN-E huma soġġetti għal kampanji ta’ informazzjoni ħażina u ta’ denigrazzjoni peress li xi drabi jmorru kontra l-interessi ġeopolitiċi ta’ stati jew gruppi ta’ interess li jixtiequ jagħmlu kapital politiku mill-progress jew in-nuqqas ta’ progress li jsir fi proġetti ta’ infrastruttura promossi mill-UE. Attivitajiet li jissensibilizzaw lill-pubbliku u identifikazzjoni f’waqtha ta’ theddid bħal dan huma kruċjali għal klima politika u soċjali li twassal għall-implimentazzjoni tal-politiki ta’ infrastruttura tat-trasport Ewropej. L-awtoritajiet Ewropej jistgħu jinnewtralizzaw l-effetti dannużi ta’ informazzjoni ħażina billi jibqgħu f’kuntatt mal-media u billi jkomplu jiżviluppaw l-għodod istituzzjonali li jipprovdu informazzjoni preċiża u jikkonsultaw il-pubbliku.

3.14.

Il-KESE jemmen li l-mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni transkonfinali previsti għan-netwerk TEN-T jistgħu jissaħħu billi tissaħħaħ l-awtorità u jittejbu l-għodod disponibbli għall-koordinaturi Ewropej. Il-proposta għal Regolament tqis dan l-aspett u tispeċifika r-rwol ewlieni ta’ dawn il-koordinaturi tat-TEN-T responsabbli li jissorveljaw mill-qrib il-proċessi għall-għoti tal-permessi għall-proġetti Ewropej ta’ interess komuni u jipprovdu rapporti dwar progress regolari. Sabiex isir l-aħjar użu possibbli tal-esperjenza u l-kapaċità tal-koordinaturi Ewropej, jista’ jkun meħtieġ li tiġi riveduta l-leġiżlazzjoni li tistabbilixxi l-mandat tagħhom, testendi r-responsabbiltajiet tagħhom bil-għan li tiġi kkonsolidata t-tmexxija Ewropea fl-implimentazzjoni tal-proġetti infrastrutturali tat-trasport transkonfinali mwettqa mill-Istati Membri.

3.15.

Il-KESE jinnota li ma ġiet stabbilita l-ebda sanzjoni għan-nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet legali stabbiliti mill-proposta għal Regolament. Kjarifika rigward dan il-punt issaħħaħ in-natura legalment vinkolanti tar-regolament, u l-Ewropej, is-soċjetà ċivili, l-awtoritajiet pubbliċi u l-qrati u t-tribunali fil-livell Ewropew u nazzjonali se jkollhom qafas legali trasparenti u prevedibbli.

Brussell, is-17 ta’ Ottubru 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


Top