EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018AE2974

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2008/96/KE dwar il-ġestjoni tas-sikurezza fl-infrastruttura tat-toroq” (COM(2018) 274 final — 2018/0129 (COD))

EESC 2018/02974

ĠU C 62, 15.2.2019, p. 261–264 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 62/261


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2008/96/KE dwar il-ġestjoni tas-sikurezza fl-infrastruttura tat-toroq”

(COM(2018) 274 final — 2018/0129 (COD))

(2019/C 62/40)

Relatur:

Brian CURTIS

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 31.5.2018

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 8.6.2018

Bażi legali

Artikolu 91(1)(c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

 

 

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fis-sezzjoni

4.10.2018

Adottata fil-plenarja

17.10.2018

Sessjoni plenarja Nru

538

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

204/2/6

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa’ l-proposta li temenda d-Direttiva 2008/96/KE dwar il-Ġestjoni tas-Sikurezza fl-Infrastruttura tat-Toroq (RISM). B’mod partikolari, il-Kumitat jemmen li l-miżuri mressqa mill-Kummissjoni għandhom jegħlbu n-nuqqasijiet tad-direttiva attwali (l-armonizzazzjoni, il-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-kamp ta’ applikazzjoni limitat) u għandhom jaqdu rwol essenzjali fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni Strateġika dwar is-Sikurezza fit-Toroq.

1.2.

Il-Kumitat japprova l-inizjattiva “Viżjoni Żero”, li għandha l-għan li sal-2050 ma jiġu rreġistrati l-ebda fatalità u aċċident serju fit-toroq, li għandha tinkiseb billi jiġi adottat l-approċċ “Sistema Sikura”, promoss mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa. L-implimentazzjoni ta’ din l-istrateġija se tirrikjedi l-involviment tas-setturi kollha u tal-utenti kollha tat-toroq sabiex tinkiseb governanza msaħħa. Huwa importanti li l-indikaturi jkunu ċari u jkunu jistgħu jiġu mmonitorjati. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom jiġu involuti b’mod attiv fl-istadji kollha tat-tfassil, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-istrateġija.

1.3.

Il-Kumitat jemmen li proċedura sistematika u proattiva għall-immappjar tar-riskji fin-netwerk TEN-T kollu u fl-awtostradi kollha, kif ukoll fit-toroq primarji kollha, hija pass kruċjali fl-ippjanar ta’ miżuri tal-infrustruttura ġodda. Madankollu, minħabba l-istati differenti ta’ implimentazzjoni tad-direttiva RISM attwali, huwa importanti li jiġu stabbiliti miri u skadenzi realistiċi għall-Istati Membri kollha u li jingħata appoġġ finanzjarju għal dawk ir-reġjuni li għadhom l-aktar lura, inklużi s-Sitt Pajjiżi tal-Balkani tal-Punent. Barra minn hekk, il-Kumitat isostni li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-RISM għandu jiġi estiż għat-toroq kollha rurali u urbani ewlenin, sabiex sal-2030 jinkiseb tnaqqis drastiku effettiv fl-aċċidenti fatali u serji.

1.4.

Il-KESE jqis li l-kisba ta’ prestazzjonijiet b’livell għoli ta’ sikurezza fit-toroq hija strateġika, iżda hija meħtieġa żieda fil-baġit fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss 2021-2027, sabiex tiġi żgurata l-kontinwità fuq terminu twil, u b’hekk il-miri ambizzjużi li l-UE stabbiliet għaliha nnifisha jkunu jistgħu jintlaħqu. B’mod partikolari, il-Kumitat jirrimarka li l-istrateġija tal-UE tiffoka prinċipalment fuq il-finanzjament għall-bini ta’ infrastruttura ġdida, iżda għandhom jiġu allokati wkoll biżżejjed fondi għall-manutenzjoni u t-titjib ta’ toroq eżistenti. Barra minn hekk, il-KESE jemmen li baġit aktar b’saħħtu għat-trasport se jħalli impatt pożittiv addizzjonali fuq it-tkabbir u l-impjiegi tal-Ewropa.

1.5.

Il-Kumitat jappoġġja l-proposta dwar rekwiżiti ġodda ta’ prestazzjoni għall-marki u s-sinjali tat-toroq, sabiex jiġu żviluppati sistemi tal-mobbiltà kooperattivi, konnessi u awtomatizzati (C-ITS). Il-KESE jirrakkomanda li tali approċċ jiġi estiż għat-trasport kollu disponibbli (intermodalità), sabiex jiġi mmassimizzat l-impatt ta’ tali strateġija. Barra minn hekk, il-KESE jqis li kwalunkwe strateġija dwar is-sikurezza fit-toroq għandha tibda minn edukazzjoni u taħriġ adegwat għas-sewwieqa privati u professjonali, minħabba li żbalji umani għadhom il-kawża ewlenija tal-inċidenti.

1.6.

Il-KESE jappoġġja l-proposta biex l-utenti vulnerabbli tat-toroq jitqiesu b’mod sistematiku fil-proċeduri kollha tal-ġestjoni tas-sikurezza fit-toroq. B’mod partikolari, il-Kumitat jirrakkomanda żvilupp parallel ma’ dispożizzjonijiet speċifiċi oħra dwar is-sikurezza għall-vetturi sabiex tiġi eliminata d-diskrepanza.

2.   Introduzzjoni

2.1.

Matul dawn l-aħħar ftit deċennji, is-sikurezza fit-toroq tal-UE tjiebet bil-kbir. Bejn l-2001 u l-2010, l-għadd ta’ mwiet fit-toroq fl-UE naqas bi 43 %, u b’19 % oħra bejn l-2010 u l-2016. Madankollu, l-għadd ta’ mwiet fit-toroq jibqa’ għoli (25 620 persuna tilfu ħajjithom fit-toroq tal-UE fl-2016 (1)) u l-istatistika turi staġnar progressiv fil-proċess tal-UE lejn mobbiltà sikura.

2.2.

Għal din ir-raġuni, id-Dikjarazzjoni ta’ Valletta ħeġġet lill-Kummissjoni Ewropea biex tniedi inizjattiva ġdida sabiex id-Direttiva 2008/96/KE dwar il-Ġestjoni tas-Sikurezza fl-Infrastruttura tat-Toroq (RISM) tiġi adattata għat-tibdiliet fil-mobbiltà li jirriżultaw mit-tendenzi fis-soċjetà u mill-iżviluppi teknoloġiċi. Din l-inizjattiva, iffukata fuq is-sikurezza fit-toroq, taqdi rwol kruċjali fil-Pjan ta’ Azzjoni Strateġika dwar is-Sikurezza fit-Toroq (2), li ġie ppubblikat f’Mejju 2018, fil-qafas tat-tielet Pakkett ta’ Mobbiltà (3).

3.   Kontenut essenzjali tal-proposta

3.1.

Minkejja l-progress li sar fis-snin riċenti, l-għadd ta’ aċċidenti serji jew fatali fit-toroq għadu għoli wisq. Peress li 90 % tal-aċċidenti jiġu kkawżati minn żball uman, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-awtomatizzazzjoni, il-konnettività, u standards ġodda dwar it-tfassil għat-toroq u l-vetturi jistgħu jnaqqsu l-għadd ta’ aċċidenti u l-konsegwenzi tagħhom fuq is-sewwieqa, il-passiġġieri u l-utenti vulnerabbli tat-toroq (pereżempju ċ-ċiklisti).

3.2.

B’mod partikolari, il-Kummissjoni stabbiliet l-għan ta’ “Viżjoni Żero”, li għandha l-għan li sal-2050 ma jiġu rreġistrati l-ebda fatalità u aċċident serju fit-toroq. Il-proposta tintroduċi wkoll mira interim ta’ tnaqqis ta’ 50 % fil-fatalitajiet u l-korrimenti serji sal-2030.

3.3.

Sabiex tilħaq dawn l-għanijiet, l-UE beħsiebha tadotta għodod teknoloġiċi u regolatorji ġodda bbażati fuq is-“Sistema Sikura” tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa. (4) Il-prinċipju li jibbaża fuqu dan l-approċċ huwa li, filwaqt li l-aċċidenti ma jistgħux jiġu eliminati għalkollox, madankollu tista’ tittieħed azzjoni sabiex jitnaqqas l-għadd ta’ fatalitajiet u korrimenti serji.

3.4.

Id-Direttiva RISM attwali ġiet adottata fl-2008 sabiex jiġi żgurat li l-kunsiderazzjonijiet kollha fir-rigward tas-sikurezza fit-toroq ikunu fuq quddiem nett tal-fażijiet kollha tal-ippjanar, it-tfassil u t-tħaddim tal-infrastruttura tat-toroq. Madankollu, hemm bosta differenzi fl-istat ta’ implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva fil-livell nazzjonali. Dawn id-differenzi ta’ spiss jikkorrispondu għal livell ogħla ta’ aċċidenti fatali u serji (5). Għal din ir-raġuni, huwa kruċjali li jiġu armonizzati r-regolamenti dwar is-sikurezza u tittejjeb il-prestazzjoni tas-sikurezza tal-infrastruttura tat-toroq. L-Istati Membri għandhom jirċievu appoġġ finanzjarju speċifiku permezz tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (EUR 200 miljun) għall-perjodu 2018-2020.

3.5.

Id-Direttiva riveduta għandha l-għan li tilħaq l-objettivi msemmija hawn fuq billi tintroduċi l-miżuri li ġejjin:

tirrikjedi li t-trasparenza u s-segwitu tal-proċeduri għall-ġestjoni tas-sikurezza fl-infrastruttura jsiru obbligatorji;

twettaq valutazzjoni tat-toroq tan-netwerk kollha u proċedura sistematika u proattiva għall-immappjar tar-riskji sabiex tiġi vvalutata s-sikurezza fit-toroq intrinsika jew inerenti fl-UE kollha;

l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva lil hinn min-netwerk trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T) biex tkopri awtostradi u toroq primarji barra min-netwerk ewlieni kif ukoll it-toroq kollha ’l barra miż-żoni urbani li huma kompletament jew parzjalment mibnija bl-użu tal-fondi tal-UE (In-netwerk TEN-T huwa karatterizzat minn volumi ta’ traffiku sinifikanti iżda, bis-saħħa tal-istandards għoljin ta’ sikurezza, inċidenti fatali mhumiex partikolarment frekwenti (8 %) In-netwerk ewlieni tat-toroq tal-UE jirrappreżenta 39 % tal-fatalitajiet kollha fit-toroq fl-UE. Azzjoni kkoordinata tal-UE fin-netwerk ewlieni tat-toroq (inkluża l-parti mhux TEN-T) għandha tgħin sabiex jintlaħqu l-miri ta’ “Viżjoni Żero”.);

tistabbilixxi rekwiżiti ġenerali ta’ prestazzjoni għall-marki tat-toroq u għas-sinjali tat-toroq sabiex ikun aktar faċli li jiġu introdotti sistemi tal-mobbiltà kooperattivi, konnessi u awtomatizzati;

tobbliga li l-utenti vulnerabbli tat-toroq jitqiesu b’mod sistematiku fil-proċeduri kollha għall-ġestjoni tas-sikurezza fit-toroq.

4.   Kummenti ġenerali

4.1.

Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni li għandha l-għan li temenda d-Direttiva 2008/96/KE dwar il-Ġestjoni tas-Sikurezza fl-Infrastruttura tat-Toroq. B’mod partikolari, il-Kumitat japprova d-Dikjarazzjoni ta’ Valletta u jemmen li huwa meħtieġ approċċ Ewropew imtejjeb sabiex jinkisbu prestazzjonijiet aħjar tas-sikurezza fit-toroq.

4.2.

It-tielet Pakkett ta’ Mobbiltà jikkonsisti minn sett ta’ proposti leġislattivi interrelatati. Il-Kumitat iddeċieda li jittratta kull proposta leġislattiva f’opinjoni separata. Għal din ir-raġuni, din l-opinjoni għandha tinqara u tinftiehem b’rabta mal-opinjonijiet preċedenti tal-KESE, iżda anke ma’ dawk l-opinjonijiet li ġew abbozzati f’allinjament magħha u li jiskrutinizzaw aspetti speċifiċi tat-tielet Pakkett ta’ Mobbiltà (6).

4.3.

Il-Kumitat japprova l-għan ta’ “Viżjoni Żero” li għandu jintlaħaq billi jintuża l-approċċ ta’ “Sistema Sikura”. Dan se jirrikjedi l-involviment tas-setturi kollha u tal-utenti kollha tat-toroq sabiex tinkiseb governanza msaħħa. Huwa importanti li l-indikaturi stabbiliti għall-ilħuq ta’ dawn l-għanijiet ikunu ċari u jkunu jistgħu jiġu mmonitorjati. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom jiġu involuti b’mod attiv fl-istadji kollha tat-tfassil, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-istrateġija.

4.4.

Il-KESE jilqa’ d-deċiżjoni li jiġu allokati EUR 200 miljun (il-perjodu 2018-2020) għas-sikurezza fit-toroq. Madankollu, il-Kumitat iqis li jeħtieġ li jiżdied il-pakkett finanzjarju disponibbli fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss (QFP) 2021-2027, sabiex tiġi żgurata l-kontinwità fuq terminu twil, u b’hekk ikunu jistgħu jintlaħqu l-miri ambizzjużi li l-UE stabbiliet għaliha nnifisha (7). (Il-Kummissjoni Ewropea stmat li l-investimenti meħtieġa għat-tlestija tan-netwerk TEN-T ewlieni se jammontaw għal madwar EUR 500 biljun għall-perjodu ta’ bejn l-2021 u l-2030, filwaqt li l-finalizzazzjoni tan-netwerk komprensiv se tiswa madwar EUR 1 500 biljun.)

4.5.

Il-KESE jemmen li baġit aktar b’saħħtu għat-trasport se jħalli impatt pożittiv addizzjonali fuq it-tkabbir u l-impjiegi tal-Ewropa. Il-fondi investiti se jkollhom effett ta’ ingranaġġ, filwaqt li se jgħinu sabiex sal-2030 jinħolqu 13-il miljun impjieg fis-sena u jiġi ġġenerat dħul addizzjonali li jlaħħaq l-EUR 4 500 biljun (1,8 % tal-PDG tal-UE). Dan ifisser li kull biljun euro investit fin-netwerk TEN-T għandu joħloq sa 20 000 impjieg (8).

4.6.

Il-Kumitat jemmen li l-inizjattiva għal proċedura sistematika u proattiva għall-immappjar tar-riskji fin-netwerk TEN-T Ewropew kollu u fl-awtostradi kollha (‘il barra min-netwerk TEN-T), kif ukoll fit-toroq primarji kollha, hija pass kruċjali fl-ippjanar tal-iskala u tat-tip ta’ miżuri ta’ infrastruttura li għandhom jittieħdu fin-netwerk tat-toroq Ewropew. Madankollu, minħabba l-istati differenti ta’ implimentazzjoni tad-Direttiva RISM attwali, huwa importanti li jiġu stabbiliti miri u skadenzi realistiċi għall-Istati Membri kollha u li jiġu pprovduti miżuri finanzjarji xierqa sabiex jiġu appoġġjati r-reġjuni u l-pajjiżi li għadhom l-aktar lura (9).

4.7.

Il-Kumitat jirrimarka li l-istrateġija tal-UE tiffoka prinċipalment fuq il-finanzjament għall-bini ta’ infrastruttura ġdida. Madankollu, il-manutenzjoni u t-titjib ta’ toroq eżistenti għandhom jirċievu wkoll fondi adegwati, minħabba li dawn il-fatturi huma daqstant kruċjali għaż-żamma ta’ standard għoli ta’ sikurezza stradali.

4.8.

Rekwiżiti ġodda ta’ prestazzjoni għall-marki u s-sinjali tat-toroq huma kruċjali sabiex jiġu żviluppati sistemi tal-mobbiltà kooperattivi, konnessi u awtomatizzati (C-ITS). Il-Kumitat iqis li huwa essenzjali li l-vetturi u l-infrastruttura tat-toroq jitħallew jiskambjaw informazzjoni b’mod kostanti sabiex tiġi indirizzata s-“sistema tat-traffiku mħallta”, ikkaratterizzata minn vetturi li jużaw teknoloġiji differenti: sewqan mill-bniedem, assistit u awtomatizzat (10). Sabiex titlesta l-istrateġija dwar il-mobbiltà sikura, huwa importanti li tali approċċ jiġi estiż għat-trasport kollu disponibbli (intermodalità), b’impatt dirett fuq it-tnaqqis u s-sikurezza tal-volumi tat-traffiku (11).

4.9.

Il-KESE huwa konvint li t-teknoloġiji l-ġodda jistgħu jagħmlu kontribut siewi għat-titjib tal-istandards tas-sikurezza tat-toroq, filwaqt li jitqiesu l-limitazzjonijiet tagħhom u l-prekawzjonijiet li huma meħtieġa meta jintużaw. Barra minn hekk, il-KESE jqis li kwalunkwe strateġija dwar is-sikurezza fit-toroq għandha tibda minn edukazzjoni u taħriġ adegwat għas-sewwieqa privati u professjonali, minħabba li żbalji umani jibqgħu waħda mill-kawżi ewlenin tal-inċidenti.

4.10.

Il-KESE jappoġġja l-proposta biex l-utenti vulnerabbli tat-toroq jitqiesu b’mod sistematiku fil-proċeduri kollha tal-ġestjoni tas-sikurezza fit-toroq. Dan l-approċċ huwa konformi ma’ tendenzi u drawwiet ġodda taċ-ċittadini tal-UE (pereżempju ż-żieda fl-għadd ta’ ċiklisti). Il-Kumitat jirrakkomanda li jkun hemm żvilupp parallel ma’ dispożizzjonijiet speċifiċi oħra dwar is-sigurtà għall-vetturi sabiex tiġi eliminata d-diskrepanza (pereżempju sistemi avvanzati ta’ bbrejkar f’każ ta’ emerġenza, twissija ta’ ħruġ mill-karreġġata u disinn differenti għall-kabini tal-vetturi tqal sabiex tiġi ffaċilitata l-viżibbiltà taċ-ċiklisti u tal-persuni miexja, kif ukoll sensers sabiex dawn jiġu identifikati) (12).

5.   Kummenti speċifiċi

5.1.

Il-KESE jqis li huwa importanti li l-infrastruttura fiżika u diġitali tiġi żviluppata b’mod parallel. Huwa importanti wkoll li titlesta l-kopertura 5G fin-netwerks kollha tal-awtostrada u tat-toroq primarji tal-Ewropa malajr kemm jista’ jkun sabiex tiġi permessa konnettività effettiva bejn it-toroq u l-vetturi u bejn il-vetturi stess (13). Hawnhekk ukoll, il-KESE jirrakkomanda appoġġ finanzjarju xieraq u fit-tul fil-QFP li jmiss ta’ bejn l-2021 u l-2027.

5.2.

Il-Kumitat, f’konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill Ewropew għas-Sikurezza fit-Trasport (14), isostni li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-RISM għandu jiġi estiż għat-toroq rurali u urbani ewlenin kollha. Dan l-approċċ usa’ huwa meħtieġ sabiex jinkiseb tnaqqis drastiku effettiv fl-aċċidenti fatali u serji sal-2030. Din il-proposta hija bbażata fuq il-fatt li l-proposta tal-Kummissjoni għandha impatt fuq nofs l-aċċidenti li jseħħu fit-toroq tal-UE, u li l-maġġoranza l-kbira tal-korrimenti serji jseħħu f’toroq urbani.

5.3.

Fl-2015, l-UE bdiet azzjoni ġdida sabiex testendi l-istrateġija TEN-T għall-Balkani tal-Punent (15). Din l-inizjattiva, appoġġjata permezz tal-Qafas ta’ Investiment għall-Balkani tal-Punent (WBIF) u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE), għandu jkollha impatt kruċjali fuq il-proċess ta’ tkabbir tal-UE. Il-KESE jirrakkomanda li l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni Strateġika dwar is-Sikurezza fit-Toroq tiġi inkluża fil-qafas ta’ dan il-proġett infrastrutturali ambizzjuż. Din il-miżura għandha tkun konformi mal-proposta tal-Kummissjoni biex jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni tal-RISM għall-infrastruttura tat-toroq ’il barra miż-żoni urbani li tlestew permezz tal-finanzjament tal-UE. B’mod partikolari, din għandha tippermetti lis-sitt Pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jissieħbu fl-UE mingħajr ma jesperjenzaw diskrepanza fis-sikurezza u fl-infrastruttura.

Brussell, is-17 ta’ Ottubru 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  Databażi tal-UE dwar inċidenti tat-triq, 2016.

(2)  COM(2018) 293 anness 1.

(3)  COM(2018) 293 final.

(4)  L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa “Save LIVES – pakkett tekniku tas-sikurezza fit-toroq”, 2017.

(5)  Care – Databażi tal-UE dwar Inċidenti tat-triq.

(6)  TEN/666, Il-Mobilità Sostenibbli għall-Ewropa, Barbucci, 2018, (Ara paġna 254 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali); TEN/668, Ambjent ta’ Punt Uniku ta’ Kuntatt Marittimu Ewropew + Informazzjoni dwar it-trasport tal-merkanzija elettroniku, Back, 2018, (Ara paġna 265 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali); TEN/669, L-Implimentazzjoni tal-proġetti TEN-T, Dumitru Fornea, 2018, (Ara paġna 269 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali); TEN/675, Il-Piżijiet u l-qisien tal-vetturi tat-triq, Back, 2018, (Ara paġna 286 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali); TEN/672, Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE), Plosceanu and Watson, 2018, (ĠU C 440, 6.12.2018, p. 191); TEN/673, Mobilità konnessa u awtomatizzata, Samm, 2018 (Ara paġna 274 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali); TEN/674, Tikkettar tat-tajers, 2018 (Ara paġna 280 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali); TEN/667, (Ara paġna 261 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali); INT/863, Sigurtà tal-vetturi/protezzjoni tal-utenti vulnerabbli, Hencks, 2018 (ĠU C 440, 6.12.2018, p. 90).

(7)  COM(2018) 277.

(8)  TEN/672, Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE), Plosceanu u Watson, 2018.

(9)  TEN/669, L-Implimentazzjoni tal-proġetti TEN-T, Dumitru Fornea, 2018.

(10)  TEN/673, Mobilità konnessa u awtomatizzata, Samm, 2018.

(11)  TEN/666, Il-Mobilità Sostenibbli għall-Ewropa, Barbucci, 2018.

(12)  INT/863, Sigurtà tal-vetturi/protezzjoni tal-utenti vulnerabbli, Hencks, 2018.

(13)  TEN/673, Mobilità konnessa u awtomatizzata, Samm, 2018.

(14)  COM(2018) 274, p. 7.

(15)  http://europa.eu/rapid/press-release_STATEMENT-15-4826_de.htm


Top