EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018AE3220

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UΕ dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili” (COM(2017) 772 final — 2017/0309 (COD))

EESC 2018/03220

ĠU C 62, 15.2.2019, p. 231–237 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 62/231


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UΕ dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili”

(COM(2017) 772 final — 2017/0309 (COD))

(2019/C 62/37)

Relatur:

Dimitris DIMITRIADIS

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 18.6.2018

Bażi legali

L-Artikoli 196 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

 

 

Deċiżjoni tal-Bureau

26.6.2018

 

 

Compétence

Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adottata fis-sezzjoni

5.10.2018

Adottata fil-plenarja

18.10.2018

Sessjoni plenarja Nru

538

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

205/2/1

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

Konklużjonijiet

1.1.

Fid-dawl tal-kundizzjonijiet ġodda u li dejjem jinbidlu maħluqa mill-fenomeni tat-tibdil fil-klima u li jaffettwaw b’mod sinifikanti l-attività u l-eżistenza tal-bniedem, il-KESE jappella lill-korpi Ewropej biex iniedu azzjonijiet u politiki konġunti ġodda.

1.2.

Biex niffaċċjaw dawn il-fenomeni, jenħtieġu aktar viġilanza u li jiġu żviluppati mhux biss pjani konġunti iżda wkoll soluzzjonijiet konkreti. Huwa proprju dan l-għan tal-proposta ta’ reviżjoni tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili “rescEU”, li, għall-ewwel darba se jinkludi ajruplani tat-tifi tan-nar tal-foresti, kif ukoll kapaċitajiet ta’ riċerka u ta’ salvataġġ fiż-żoni urbani, sptarijiet fuq il-post u timijiet mediċi ta’ emerġenza.

1.3.

Il-KESE jqis li huwa importanti li l-proposta tipprevedi li minbarra l-erba’ kapaċitajiet deskritti, il-Kummissjoni tista’, b’delega, tiddefinixxi kapaċitajiet addizzjonali għal rescEU, u li b’hekk din ikollha l-garanzija li tista’ tkun flessibbli skont il-ħtieġa.

1.4.

Il-KESE jemmen li permezz tal-proposta tagħha, il-Kummissjoni tissodisfa l-kunċett ta’ solidarjetà Ewropea iżda dan bl-ebda mod ma jeżenta lill-Istati Membri mir-responsabbiltajiet tagħhom u mir-rwol li għandhom jaqdu.

1.5.

Bil-mekkaniżmu l-ġdid għall-protezzjoni ċivili, l-UE b’mod ġenerali u kull Stat Membru individwali se jibbenefikaw flimkien mill-kapaċitajiet ta’ struttura li se jkollha l-mezzi tagħha u mezzi oħrajn li għalihom se jikkontribwixxu wkoll il-pajjiżi tal-UE.

1.6.

Il-KESE jqis li meta ressqet il-proposta tagħha, il-Kummissjoni mhux biss fehmet li kien jeħtieġ li tinxtered l-informazzjoni b’mod ordnat iżda wkoll li l-għarfien għandu jiġi kkomunikat lill-partijiet interessati f’forma strutturata, biex ikun jista’ jittieħed vantaġġ minnu.

1.7.

L-edukazzjoni tal-popolazzjoni u t-tħejjija tagħha kif xieraq biex tiffaċċja d-diżastri għandhom ikunu l-bażi fundamentali għall-protezzjoni ċivili, imwettqa b’kooperazzjoni kemm mal-Istati Membri kif ukoll mal-pajjiżi terzi parteċipanti fl-azzjonijiet konġunti, b’kollaborazzjoni attiva mal-awtoritajiet reġjonali u lokali.

1.8.

Ladarba l-protezzjoni ċivili tikkonċerna lil kulħadd l-istess bħall-individwi, ir-responsabbiltà individwali mhix l-uniku fattur li jista’ jtejjeb ir-rispons għall-isfidi: l-isforz kollettiv u s-sensibilizzazzjoni komuni għandhom rwol akbar f’dan ir-rigward. F’dan il-kuntest, huwa essenzjali li s-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs), il-voluntiera u l-partijiet interessati indipendenti jimmobilizzaw irwieħhom u jipparteċipaw kemm fl-iżvilupp kif ukoll fl-implimentazzjoni tal-pjani ta’ intervent ta’ emerġenza f’każ ta’ diżastru naturali.

1.9.

Permezz ta’ azzjonijiet kollettivi, is-settur tal-impriżi u l-persuni li jaħdmu fih jistgħu jgħinu lis-soċjetà tadatta ruħha għall-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima, jew saħansitra biex tegħlibhom, kif ukoll tnaqqas, kemm jista’ jkun, il-konsegwenzi tad-diżastri naturali jew il-kawżi ta’ dawk, li b’mod parallel, huma kkawżati mill-bniedem, pereżempju b’rabta mal-kwistjoni tal-emissjonijiet ta’ gass u ta’ partikuli.

1.10.

It-teknoloġiji innovattivi u l-għodod diġitali tal-lum (l-Internet tal-oġġetti) għandhom jitqiegħdu għas-servizz tal-forzi li jiġġestixxu ċ-ċiklu ta’ azzjoni tal-protezzjoni ċivili, f’kull livell tiegħu. Kemm jekk ikunu żviluppati fil-fażi tal-prevenzjoni jew għall-kontroll, il-ġestjoni jew għall-informazzjoni tal-kapaċitajiet preżenti fuq il-post, dawn l-għodod jistgħu jevitaw il-perikli, jekk jintużaw tajjeb.

1.11.

Il-KESE jqis li l-mekkaniżmu rescEU li huwa propost mill-Kummissjoni:

(a)

se jgħaddi liċ-ċittadini Ewropej messaġġ qawwi ta’ solidarjetà Ewropea, li bħalissa huwa verament meħtieġ fl-UE,

(b)

se jżid il-kooperazzjoni fir-rigward tal-pajjiżi li se jissieħbu mal-UE u se jgħin biex tfiġġ il-mentalità korrispondenti ta’ solidarjetà li għandha tkun preżenti fost l-Istati Membri tagħha,

(c)

se jiżgura li l-pajjiżi li jikkooperaw b’dan il-mod fl-istituzzjonijiet Ewropew se jinvestu f’oqsma sensittivi u importanti, billi jissensibilizzahom dwar l-impatt konkret li għandha unjoni ta’ stati bħall-UE lil hinn mill-kwistjonijiet li normalment jiġu diskussi,

(d)

se jippromovi l-kooperazzjoni reġjonali, permezz ta’ ftehimiet bilaterali, u se jikkontribwixxi biex inaqqas it-tensjoni f’żoni politikament sensittivi, kif ġie ppruvat f’diversi każijiet fil-passat, fejn id-diżastri naturali kbar ġew indirizzati b’azzjoni komuni.

1.12.

Il-KESE jinnota li, minbarra l-evidenza li ressqet il-Kummissjoni dwar kemm żdiedu l-fenomeni u d-diżastri naturali sal-2017, is-sajf li għadda juri l-ħtieġa li jiġi rivedut u kkompletat il-qafas li attwalment jirregola l-mekkaniżmu tal-UE għall-protezzjoni ċivili. In-nirien, il-mewġiet ta’ sħana qawwija jew l-għargħar li kellhom intensità mingħajr preċedent fl-UE kollha, anke f’reġjuni li qabel kien maħsub lu huma ħielsa minn dan it-tip ta’ diżastri, u li huma marbutin mat-tibdil fil-klima, kif ukoll it-terremoti qawwija u livell għoli ta’ inċidenza tagħhom, b’mod imprevedibbli, li jikkawżaw qerda u mwiet kbar, juru li hemm bżonn li jittieħdu inizjattivi bħal dawk li l-Kummissjoni qed tipproponi permezz ta’ rescEU.

1.13.

Il-KESE huwa konvint li fis-snin li ġejjin, il-kwistjonijiet tal-protezzjoni ċivili se jkollhom jiġu indirizzati b’mod aktar globali u li jkopru l-politiki ta’ intervent f’kull livell ta’ attività tal-bniedem. Huwa jinnota li fil-qasam tal-protezzjoni ċivili, jeħtieġ li fil-livell lokali u fi ħdan l-UE, jiġi adottat qafas politiku u regolatorju aktar estensiv.

Rakkomandazzjonijiet

1.14.

Filwaqt li jagħraf il-problemi u l-obbligi li għandha l-Kummissjoni, li jirriżultaw mil-leġislazzjoni Ewropea fis-seħħ, prinċipalment mid-dritt primarju, il-Kumitat iqis li għandu jsir kull sforz biex l-Istati Membri jaqblu mal-idea ta’ approċċ komuni għall-kwistjonijiet tal-protezzjoni ċivili, b’mod partikolari fil-qasam tal-prevenzjoni, tar-rispons u tar-rimedju.

1.15.

Għalkemm isir b’mod volontarju iżda permezz ta’ finanzjament, it-tfassil ta’ studji ta’ evalwazzjoni nazzjonali tar-riskji u ta’ pjani ta’ azzjoni ta’ prevenzjoni u ta’ rispons fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali għandu jkun inċentiv għall-Istati Membri tal-Unjoni biex jisfruttaw il-benefiċċji pprovduti minn rescEU.

1.16.

B’kooperazzjoni mal-Istati Membri, il-Kummissjoni jeħtieġ tiżviluppa prinċipji ġenerali u linji gwida għall-emenda tal-leġislazzjonijiet nazzjonali li tipprovdilhom qafas ġuridiku komuni, modern u kompatibbli, għal kwistjonijiet bħat-twissija bikrija, il-volontarjat u l-parteċipazzjoni istituzzjonalizzata tiegħu fil-livelli kollha taċ-ċiklu ta’ azzjoni tal-protezzjoni ċivili, jew l-obbligu li jallokaw ċertu perċentwal tal-baġits tagħhom għal azzjonijiet ta’ prevenzjoni, eċċ.

1.17.

Il-KESE jqis li l-ħolqien ta’ proċeduri amministrattivi komuni fl-Istati Membri se joħloq “lingwa komuni” f’dan il-qasam li se timmassimizza l-benefiċċji mill-mekkaniżmu u tipprovdi l-flessibbiltà u l-effikaċja mixtieqa, b’mod partikolari fl-operazzjonijiet ta’ emerġenza.

1.18.

Il-KESE jemmen li jkun utli li jittieħed vantaġġ minn riżorsi bħar-raggruppament Ewropew ta’ kooperazzjoni territorjali (REKT), sabiex tiġi żgurata azzjoni konġunta transkonfinali mill-Istati Membri fil-qasam tal-protezzjoni ċivili.

1.19.

Il-KESE huwa konvint li hija meħtieġa inizjattiva li tħeġġeġ lill-kumpaniji innovattivi u lin-negozji ġodda jipperfezzjonaw, jiżviluppaw u/jew joħolqu strumenti ġodda ta’ teknoloġija avvanzata fl-oqsma tal-prevenzjoni u tar-rispons, bħal pereżempju apparat ta’ previżjoni, ta’ twissija jew ta’ intervent.

1.20.

In-nirien tal-foresti huma eżempju, fost l-oħrajn, tal-ħtieġa li jiġu żviluppati sistemi bħal dawn, billi jiġu sfruttati fl-istess ħin il-vantaġġi tal-industrija Ewropea tal-ajrunawtika, tal-informatika, tal-karozzi, tat-tifi tan-nar, eċċ.

1.21.

Il-KESE huwa konvint li l-Kummissjoni se jkollha timmobilizza l-komunità tax-xjenzati u tar-riċerkaturi sabiex jiddiskutu l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu f’kull stadju taċ-ċiklu tal-protezzjoni ċivili.

1.22.

Biex ikun possibbli skambju tal-aqwa prattiki, ta’ informazzjoni dwar il-possibbiltajiet ġodda offruti mit-teknoloġija jew dwar punti oħrajn, ikun jaqbel li tittieħed l-inizjattiva li jitwaqqaf forum Ewropew annwali, li jista’ jkun iggwidat mill-KESE, dwar il-kwistjonijiet tal-protezzjoni ċivili, u li fih jieħdu sehem membri tal-komunità xjentifika u mexxejja politiċi.

1.23.

Huwa indispensabbli li l-Kummissjoni tirrakkomanda prattiki tajbin fl-Istati Membri, b’mod partikolari fil-qasam tal-prevenzjoni u l-irkupru, billi tintroduċi mudelli li jiżguraw vijabbiltà u sostenibbiltà.

1.24.

Il-KESE jqis l-involviment tal-volontarjat u, għalhekk, tas-soċjetà ċivili, bħala wieħed mill-effetti ta’ lieva li jattivaw il-mekkaniżmi tal-protezzjoni ċivili. Iqis ukoll li huwa essenzjali li jiġi previst għalihom appoġġ permezz ta’ riżorsi u tagħmir fil-livell Ewropew u li jiġu inklużi b’mod istituzzjonali fil-mekkaniżmu l-ġdid rescUE.

1.25.

Kwistjoni li żgur għandha tiġi diskussa fil-korpi tal-Unjoni Ewropea sabiex jinħoloq qafas uniformi għall-ġestjoni tiegħu, hija dik li tiġi żgurata l-integrazzjoni tal-ħaddiema disposti f’timijiet ta’ volontarji, billi jittieħdu l-miżuri meħtieġa li jiżguraw id-drittijiet fundamentali tagħhom, bħal assigurazzjoni u d-dritt għal-liv li ma jistax jiġi miċħud biex ikunu assenti mix-xogħol, tal-inqas meta jipparteċipaw f’operazzjonijiet ta’ protezzjoni ċivili fuq il-post.

1.26.

Ikun utli li tinħoloq sistema Ewropea komuni ta’ ċertifikazzjoni għat-timijiet volontarji u għall-mezzi mobilizzati, u li din li tkun ikkumplementata minn taħriġ ad hoc fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u/jew Ewropew.

1.27.

Il-KESE jfakkar lill-Kummissjoni li l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej għandhom jingħataw il-flessibbiltà meħtieġa biex jiffinanzjaw l-azzjonijiet ta’ riorganizzazzjoni u ta’ rkupru meta jkun seħħ xi diżastru, filwaqt li jenfasizza li dan l-isforz għandu jkun akkumpanjat minn studji biex il-Fond jippromovi l-iżvilupp sostenibbli iżda wkoll jgħin lill-popolazzjonijiet tar-reġjuni milquta fil-ħajja ta’ kuljum tagħhom, speċjalment f’żoni rurali, sabiex jiġi evitat li jiġu abbandunati.

1.28.

Ikun utli jekk il-“kapaċitajiet” li jistgħu jinxtraw jew jinkrew, kif inhu previst fil-qafas tal-mekkaniżmu ġdid rescEU, ikunu jikkombinaw diversi possibbiltajiet ta’ użu, skont kif ikun jaqbel, b’mod li jsir l-aħjar użu mill-investiment. L-ajruplani, pereżempju, jistgħu jintużaw biex jitfu n-nirien fil-foresti, iwettqu operazzjonijiet ta’ riċerka u ta’ salvataġġ, jissorveljaw il-fruntieri f’każ ta’ diżastri transkonfinali u, ovvjament, iwettqu attivitajiet ta’ prevenzjoni.

1.29.

Il-previżjoni ta’ possibbiltajiet ta’ użu mħallat tal-kapaċitajiet, li jkopru kemm il-qasam tas-sigurtà, kif ukoll tas-sikurezza, tista’ forsi tkun mod biex mhux biss jiġu ffrankati r-riżorsi iżda wkoll jiġu appoġġjati l-attivitajiet ta’ intervent integrati mwettqa mill-UE u jingħata kontribut għall-għan ta’ kumplementarjetà tal-azzjonijiet.

1.30.

It-tqassim mifrux tal-kapaċitajiet li huwa ppjanat li jiġi stabbilit fil-qafas ta’ rescEU għandu jkun is-suġġett ta’ studju speċifiku, li jqis mhux biss il-fatturi ġeografiċi, ġeoloġiċi u politiċi, iżda jqis ukoll u fuq kollox, skont ir-riskji involuti, il-possibbiltajiet ta’ rispons immedjat u ta’ kopertura immedjata tar-reġjuni tal-UE għal kull tip ta’ periklu.

1.31.

Il-KESE jipproponi li b’mod ġenerali u, tal-inqas, meta jiskatta u jintervjeni l-mekkaniżmu Ewropew, l-Istat Membru jew ir-reġjun kompetenti jistabbilixxu fajl ta’ diżastru fuq mudell li jista’ jkun stabbilit mill-Kummissjoni, sabiex “jinbena” għarfien u jittejbu l-prattiki ta’ intervent sussegwenti, u b’mod li b’hekk tiġi żviluppata bażi tad-data li tkopri l-Ewropa kollha. Bl-istess mod, huwa ssuġġerit li jiġu stabbiliti indikaturi li jkejlu l-ħin tal-intervent tal-mekkaniżmu rescEU u l-impatt konkret tiegħu.

1.32.

Il-KESE jaqbel mal-ipoteżi li l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ ppjanar tal-valutazzjonijiet tar-riskji u tal-ġestjoni tagħhom hija kundizzjoni ex ante taħt il-politika ta’ koeżjoni u tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali. Madankollu jirrimarka li tali azzjoni għandha tkun preċeduta minn kampanja wiesgħa ta’ informazzjoni, biex ma jkunx hemm tfixkil fil-proċess produttiv.

1.33.

Il-KESE jaqbel li tiżdied il-parteċipazzjoni tal-Istati Membri fir-riżerva Ewropea ta’ protezzjoni ċivili. Madankollu, ikun jaqbel li l-miżuri preparatorji li se jieħdu biex jipparteċipaw fiha jkunu jinkludu wkoll investimenti min-naħa tagħhom f’tagħmir addizzjonali, b’mod li, minn naħa, il-mezzi tagħhom ma jispiċċawx bin-nieqes, u min-naħa l-oħra, isaħħu l-kapaċità operazzjonali tal-Unjoni kollha.

1.34.

Il-KESE huwa tal-fehma li għandu jiġi mfakkar li fl-istadju ta’ rkupru wara kull tip ta’ diżastru, is-settur tal-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju għandu jibbenefika minn attenzjoni partikolari peress li dan huwa l-mutur ewlieni tal-ħajja ekonomika u soċjali ta’ kuljum.

2.   Kummenti ġenerali (kuntest)

2.1.

Il-mekkaniżmu tal-Unjoni għall-protezzjoni ċivili jipprovdi qafas għall-kooperazzjoni u l-għajnuna f’sitwazzjonijiet ta’ ħtiġijiet kbar u eċċezzjonali, kemm fl-UE kif ukoll barra mill-UE. Il-qafas leġislattiv relatat kien stipulat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/792/KE, Euratom jistabbilixxi mekkaniżmu Komunitarju li jiffaċilita l-koperazzjoni msaħħa fl-interventi ta’ assistenza fil-protezzjoni ċivili.

2.2.

Fis-snin sussegwenti, id-deċiżjoni inizjali ġiet emendata, kull darba, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/779/KE, Euratom li tistabbilixxi mekkaniżmu komunitarju tal-protezzjoni ċivili (riformulazzjoni) u bid-Deċiżjoni 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar mekkaniżmu tal-Unjoni għall-protezzjoni ċivili.

2.3.

Bħalissa l-mekkaniżmu jiġbor fih it-28 Stat Membru tal-UE, il-pajjiżi taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), fosthom l-Islanda u n-Norveġja, kif ukoll il-Montenegro, is-Serbja, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u t-Turkija. Il-KESE huwa tal-fehma li jkun partikolarment utli wkoll li pajjiżi oħra jipparteċipaw ukoll, sabiex tiżdied il-flessibbiltà u l-veloċità tal-interventi tiegħu iżda wkoll għall-użu tajjeb tar-riżorsi.

2.4.

Fit-23 ta’ Novembru 2017, il-Kummissjoni Ewropea adottat proposta, akkumpanjata minn komunikazzjoni, li temenda l-qafas leġislattiv tal-mekkaniżmu tal-Unjoni għall-protezzjoni ċivili. Abbażi tal-għarfien miksub mill-esperjenzi, it-test jipproproni l-għanijiet li ġejjin:

(a)

l-istabbiliment ta’ riżerva speċjali ta’ kapaċitajiet (mezzi) tal-UE fil-qasam tal-protezzjoni ċivili,

(b)

l-iżgurar ta’ mobilizzazzjoni aktar rapida tal-għajnuna, u li jitnaqqsu l-formalitajiet amministrattivi,

(c)

it-teħid ta’ miżuri addizzjonali ta’ prevenzjoni u ta’ preparazzjoni.

2.5.

L-għodda ewlenija ta’ finanzjament sa issa kienet il-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (FSUE), stabbilit fl-2002 bir-Regolament (KE) Nru 2012/2002.

2.6.

Preċedentement, il-KESE diġà esprima l-pożizzjonijiet tiegħu dwar kwistjonijiet relatati mal-protezzjoni ċivili, id-diżastri naturali u l-Fond ta’ Solidarjetà, permezz tal-Opinjonijiet tiegħu NAT/314/2006 (1), ΝΑΤ/375/2008 (2), ΝΑΤ/438/2009 (3), ECO/355/2013 (4) u ECO/426/2017 (5).

2.7.

Fil-mod kif jaħdem attwalment, l-elementi ewlenin li fuqhom jibbaża l-mekkaniżmu tal-Unjoni għall-protezzjoni ċivili huma ċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni għal Rispons ta’ Emerġenza (ERCC, Emergency Response Coordination Centre), fi Brussell, is-Sistema Komuni ta’ Komunikazzjoni u Informazzjoni f’każ ta’ Emerġenza (CECIS, Common Emergency Communication and Information System), it-timijiet ta’ intervent, il-moduli ta’ protezzjoni ċivili u t-timijiet ta’ assistenza teknika, bil-mezzi għad-dispożizzjoni tagħhom, kif ukoll il-programm ta’ taħriġ u dak ta’ skambju ta’ esperti.

3.   Il-konfigurazzjoni attwali tal-mekkaniżmu

3.1.

It-Trattat ta’ Lisbona ddefinixxa oqsma ġodda ta’ kompetenza miftuħa għall-intervent tal-Unjoni Ewropea. Fil-qasam tal-protezzjoni ċivili, hija ġiet attribwita prinċipalment mandati ta’ appoġġ.

3.2.

It-Trattat ta’ Lisbona għandu l-għan, b’mod partikolari, li jtejjeb il-kapaċità tal-UE biex tiffaċċja d-diżastri kemm naturali kif ukoll dawk ikkawżati mill-bniedem. Għalhekk, l-Artikolu 196 tiegħu jagħtiha l-possibbiltà li tieħu miżuri rigward il-prevenzjoni tar-riskji, it-tħejjija tal-persunal tal-protezzjoni ċivili, l-intervent f’każ ta’ diżastri naturali jew ikkaġunati mill-bniedem, il-kooperazzjoni operazzjonali bejn is-servizzi nazzjonali tal-protezzjoni ċivili u l-koerenza ta’ azzjonijiet ta’ protezzjoni ċivili fil-livell internazzjonali.

3.3.

Barra minn hekk, dawn it-termini dwar il-protezzjoni ċivili huma relatati mal-klawżola ta’ solidarjetà fl-Artikolu 222 tat-Trattat, li tippermetti lill-UE tipprovdi assistenza lil Stat Membru li jkun ġarrab attakk terroristiku jew ikun vittma ta’ diżastru naturali jew ikkaġunat mill-bniedem.

3.4.

Illum sar ovvju li l-fenomeni estremi tat-temp ikkawżati mit-tibdil fil-klima qed jaffettwaw ukoll lill-Ewropa. Il-KESE jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni u tal-Parlament li, f’dak li jirrigwarda d-diżastri naturali, l-2017 u l-2018 kienu snin ta’ prova għall-Ewropa, li fihom intilfu l-ħajjiet ta’ ħafna nies, u nqerdu meded kbar ta’ foresti, proprjetajiet u infrastrutturi. L-attivitajiet agrikoli, forestali, kummerċjali u industrijali ġew affettwati ħafna, filwaqt li l-fenomeni bħan-nirien tal-foresti nfirxu b’mod allarmanti fil-pajjiżi tat-Tramuntana tal-UE li, sal-lum, kienu meqjusa tal-inqas protetti minn dan il-fenomenu.

3.5.

Il-KESE jemmen li fl-ambjent ġdid li nħoloq, il-mekkaniżmu Ewropew tal-protezzjoni ċivili, kif inhu llum, issa għadda żmienu peress li jidher li mgħadux adattat, jaħdem bil-mod u mhux effikaċi, b’mod partikolari meta għad-diżastri naturali jaħbtu fl-istess mument f’reġjuni differenti. Żvantaġġ ieħor huwa ir-riżorsi partikolarment ristretti tiegħu, li jkopru biss l-ispejjeż tat-trasport, bl-esklużjoni tal-ispejjeż operattivi kollha jew oħrajn, li spiss huma ferm ogħla.

3.6.

Fl-istess waqt, jidher li attwalment l-Istati Membri mhumiex f’pożizzjoni, bil-mezzi tagħhom biss, li jiffaċċjaw diżastri kbar, peress li jekk kull wieħed minnhom ikollu jixtri jew jikri l-materjali ta’ intervent kollu, l-ispiża li jkollhom tkun enormi. U minħabba dan, bilfors iridu jserrħu fuq interventi fil-livell Ewropew.

3.7.

Bħala eżempju klassiku, ninnutaw li ajruplan tal-ilma modern u effiċjenti, tat-tip Canadair, bħal dak li jintuża f’ħafna Stati Membri, jinxtara għal madwar EUR 30 miljun, meta l-produzzjoni tiegħu twaqqfet u anki jekk il-kumpanija li tibnih taċċetta ordnijiet ġodda għalih, din tista’ biss tipproduċi wieħed jew tnejn ġodda fis-sena.

3.8.

Barra minn hekk, u għalkemm attwalment huwa ppjanat li l-mekkaniżmu ta’ użu ta’ riżorsi jiġi attivat meta Stat ikun mhedded minn diżastru kbir, spiss jiġri li l-pajjiżi l-oħrajn tal-UE ma jkunux jistgħu jipprovdu għajnuna, jew għax ma jkollhomx il-mezzi, jew għax fil-ftit pajjiżi li jkollhom, l-iżvilupp tal-kundizzjonijiet ma jippermettilhomx li jippruvaw iwettqu attività operazzjonali fi Stat Membru ieħor.

3.9.

Minħabba l-mezzi attwalment disponibbli għall-Mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili, id-dispożizzjoni msemmija hawn fuq tal-Artikolu 222 tat-Trattat ta’ Lisbona spiss issir ineffettiva, billi r-riżorsi huma limitati, il-burokrazija xxekkel kull rispons immedjat u l-interkonnessjonijiet fil-livell tal-għarfien u tal-iskambju tal-prattiki tajbin jibqgħu limitati għat-teorija.

4.   Kummenti ġenerali dwar il-proposta tal-Kummissjoni

4.1.

Il-KESE jaqbel li l-mekkaniżmu tal-UE għall-protezzjoni ċivili għandu bżonn jittejjeb, jiġi emendat u żviluppat biex jinbidel f’i strument Ewropew integrat, ibbażat fuq il-ġestjoni tad-diżastri, waqt li jkollu l-għan li jiżgura li jkopri ċ-ċiklu kollu tal-azzjoni ta’ protezzjoni ċivili, li jibda bil-prevenzjoni u jintemm bir-rimedju tas-sitwazzjoni.

4.2.

Bil-proposta tagħha li ssaħħaħ il-kapaċità ta’ ġestjoni ta’ dawn id-diżastri, permezz tal-mekkaniżmu RescEU, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri jistgħu juru mhux biss li għandhom aspett uman, kemm fit-teorija kif ukoll fil-prattika, iżda, fi żmien fejn jeħtieġ li nerġgħu lura għall-għeruq tal-Ewropa, juru wkoll din l-għaqda u s-solidarjetà li huma prinċipji essenzjali kemm tat-Trattati fundaturi tagħha kif ukoll tal-ftehimiet li jirriżultaw minnhom.

4.3.

Ta’ min jinnota li, fil-prattika, sa issa ma hemmx dispożizzjonijiet Ewropej serji li jinkoraġġixxu proposti sodi u alleanzi b’saħħithom biex jiġu ffaċċjati dawn l-avvenimenti katastrofiċi, u li l-isforzi spontanji f’dan is-sens huma spiss ta’ min ifaħħarhom iżda fl-istess waqt ineffikaċi. Qiegħda ssir dejjem aktar urġenti l-ħtieġa li tiżdied il-frekwenza tal-eżerċizzji bejn il-pajjiżi esposti għall-perikli komuni u li jikkondividu l-istess fruntieri, li fihom jieħdu sehem u jitħarrġu voluntiera, kif ukoll li jittieħdu b’mod parallel miżuri ta’ inċentiv għall-komunitajiet biex iżidu n-numru ta’ voluntiera, billi jitnaqqsulhom il-kompiti bħar-riżerva jew billi jitnaqqsilhom il-piż tagħha.

4.4.

Il-KESE jaqbel mat-tisħiħ tal-mekkaniżmi ta’ prevenzjoni u ta’ preparazzjoni, flimkien maż-żieda tal-kapaċità ta’ reżistenza tal-infrastrutturi u tal-ekosistemi. Irrispettivament mit-tnaqqis fl-imwiet, mill-protezzjoni li se tgawdi minnha s-soċjetà u mill-gwadann finanzjarju dirett li jirriżulta mit-tnaqqis tal-ħtiġijiet ta’ rispons, dan l-approċċ se jiżgura protezzjoni aħjar għall-attivitajiet ta’ produzzjoni agrikola, bħalma se jnaqqas ir-riskji ta’ diżastri kkawżati minn nirien jew għargħar, li jagħtu daqqa ta’ ħarta kbira lis-settur primarju.

4.5.

Meta tirrikonoxxi li l-perikli kemm naturali, bħall-għargħar, in-nirien jew it-terrimoti, kif ukoll dawk ikkawżati mill-bniedem, bħall-inċidenti teknoloġiċi jew l-attakki terroristiċi, bħalissa qed jieħdu forom differenti u ġodda, il-Kummissjoni tagħmel valutazzjoni li hija kompletament konsistenti mal-forma li jieħdu dawn il-perikli f’dan iż-żmien u mal-azzjoni ta’ xprun li nirrikonoxxu lit-tibdil fil-klima. Il-kunċett ta’ “reżiljenza” li ġie introdott fil-qasam tal-ġestjoni tar-riskju tad-diżastri jirrifletti l-mod li bih għandha titwettaq kull attività ekonomika inġenerali, iżda wkoll, b’mod partikolari, fil-qasam tal-infrastrutturi. Biex tiġi vvalutata u msaħħa r-reżiljenza tal-infrastrutturi, għandhom jintużaw l-għodod diġitali l-aktar moderni u l-aħħar teknoloġiji innovattivi.

4.6.

Għall-ewwel darba, id-disinn li ġie żviluppat għat-tisħiħ tal-kapaċità ta’ prevenzjoni, ta’ tħejjija u ta’ rispons għad-diżastri, kif ukoll għall-irkupru ladarba jkunu seħħew, jenfasizza l-pilastri fundamentali li jsostnu l-appoġġ għall-prinċipju tal-iżvilupp sostenibbli. Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-ispjegazzjoni sħiħa li tingħata għal-kunċett tal-protezzjoni ċivili tul iċ-ċiklu kollu tagħha, peress li dan jitlob viġilanza soċjali, ekonomika u ambjentali. Dan l-approċċ globali jiżgura li l-firxa kollha ta’ partijiet interessati jkunu involuti fiċ-ċiklu sħiħ, kif ukoll fit-tixrid u l-komunikazzjoni tal-għarfien u tal-prattiki. Biex dan l-approċċ jirnexxi, se jkollhom jintużaw programmi u eżerċizzji jew taħriġ konġunti ta’ gruppi minn pajjiżi li jikkondividu l-istess karatteristiċi f’dak li jirrigwarda l-espożizzjoni tagħhom għar-riskji.

4.7.

Il-mekkaniżmu jinkwadra fil-kuntest tal-programm 20/20 tan-Nazzjonijiet Uniti u f’dak tal-istrateġija globali għall-ġestjoni tar-riskju tad-diżastri, kif stabbilit fil-qafas ta’ Sendai għat-tnaqqis tar-riskju tad-diżastri (UNISDR), u, b’mod partikolari fl-ewwel prijorità tiegħu li “jifhem ir-riskji ta’ diżastru”.

4.8.

Il-KESE jaqbel ukoll mal-prinċipju ġenerali li jiġi stabbilit netwerk ta’ għarfien u taħriġ, kif deskritt mill-Kummissjoni. Madankollu, jinnota li hemm bżonn li l-komunità xjentifika u universitarja tkun assoċjata fih b’mod istituzzjonali u li din għandha tingħata responsabbiltajiet ta’ riċerka, fil-forma ta’ xogħlijiet u studji, biex tiddeskrivi u tivvaluta r-riskji potenzjali, il-vulnerabbiltà li tirriżulta minnhom u l-espożizzjoni tal-komunitajiet għall-perikli. Jidher ċar il-bżonn tal-appoġġ tal-inizjattiva privata u tal-impriżi, kif ukoll tas-soċjetà ċivili, minħabba l-esperjenza u l-għarfien kollu li akkumulaw iżda wkoll bil-ħsieb li l-istrutturi tas-soċjetà jistgħu jkunu mobilizzati b’mod aktar faċli u dirett fil-livell lokali meta jseħħ xi diżastru. Barra minn hekk, huwa ta’ prijorità għolja li ċ-ċittadini jiġu informati u edukati rigward il-perikli differenti li jkollhom jiffaċċjaw.

4.9.

Il-kapaċitajiet speċifiċi li l-Kummissjoni qed tipproponi li tiżviluppa fil-kuntest ta’ rescEU, jiġifieri l-ħolqien ta’ riżerva ta’ ajruplani tal-ilma, pompi ta’ kapaċità għolja, apparat ta’ tiftix u ta’ salvataġġ fiż-żoni urbani, kif ukoll ta’ kapaċitajiet operazzjonali li għandhom jiġu żviluppati fis-settur tas-saħħa pubblika, permezz tal-akkwist ta’ unitajiet ta’ sptarijiet fuq il-post u timijiet mediċi ta’ emerġenza, kif deskritt fit-tieni paragrafu tal-Kapitolu 3.1 tal-Komunikazzjoni tagħha, għandhom l-approvazzjoni tal-KESE. Il-KESE jqis li jeħtieġ jiġi żgurat li dawn il-mezzi jkunu interoperabbli u jkunu lesti biex jintużaw b’mod flessibbli, biex ikun jistgħu jinkisbu ekonomiji ta’ skala, f’perspettiva ta’ żvilupp sostenibbli. Pereżempju, għandu jkun possibli li jiġi previst ix-xiri ta’ mezzi tal-ajru li jservu kemm (a) fil-ġlieda kontra n-nirien mill-ajru, (b) biex titwettaq sorveljanza u pattulji tal-ajru biex jagħtu twissija, (c) biex jitwettqu operazzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ, (d) kif ukoll biex jittrasferixxu morda minn żoni b’aċċess diffiċli jew minn gżejjer remoti. B’hekk ikun possibbli li dawn il-kapaċitajiet tal-ajru jintużaw b’mod siewi matul is-sena, b’tali mod li jiġu deprezzati aktar malajr u f’kundizzjonijiet finanzjarjament vijabbli.

4.10.

Barra minn hekk, il-KESE jipproponi li jinħolqu strutturi reġjonali, fir-reġjuni fejn aktar hemm probabbiltà li jkun meħtieġ intervent immedjat. Barra minn hekk, il-komunitajiet lokali għandhom jissaħħu billi jingħataw il-mezzi meħtieġa biex jagħtu l-ewwel rispons, kif ukoll billi jinħolqu timijiet lokali mħarrġa tajjeb, li jkollhom sistemi ta’ twissija bikrija. Barra minn hekk, jidher li huwa assolutament indispensabbli li jitfasslu u jiġu disseminati manwali komuni ċċertifikati, li jipprovdu linji gwida.

4.11.

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir l-estensjoni tal-oqsma ta’ finanzjament tal-azzjonijiet ta’ protezzjoni ċivili mill-Istati Membri, bħall-adattament, l-irkupru, u wkoll iż-żieda fil-perċentwal ta’ kofinanzjament fil-qasam tat-trasport. Pereżempju, fil-każ meta terremot joħloq distruzzjoni fuq skala kbira, il-kofinanzjament bejn l-UE u l-Istat Membru kkonċernat ikun għal kollox ġustifikat għat-trasport u l-provvediment ta’ unitajiet żgħar ta’ abitazzjoni u biex jiġi attrezzat sit adatt, billi jsiru x-xogħolijiet meħtieġa sabiex jitwasslu l-infrastrutturi u t-tagħmir meħtieġa u s-servizzi bħall-elettriku, l-ilma, il-komunikazzjonijiet, id-drenaġġ; b’mod li l-attività soċjoekonomika tkun tista’ terġa’ taqbad ir-ritmu mill-ġdid u tkun żgurata l-koeżjoni soċjali.

4.12.

Il-KESE mhuwiex kontra li l-ispejjeż operattivi jiġu kkunsidrati għall-kofinanzjament, iżda josserva li għandu jiġi previst mekkaniżmu oġġettiv ta’ stima u, fuq kollox, ta’ valutazzjoni tal-kost tagħhom, sabiex ir-riżorsi jkunu jistgħu jintużaw b’mod adatt. Jikkunsidra wkoll li huwa essenzjali li jiġu sfruttati s-sorsi kollha alternattivi ta’ finanzjament, bħall-Fondi Strutturali jew il-kofinanzjament mill-Bank Ewropew tal-Investiment.

4.13.

F’serje sħiħa ta’ Opinjonijiet, i l-KESE minn dejjem kien favur it-tħaffif tal-proċeduri burokratiċi u li tiġi żgurata l-flessibbiltà meħtieġa fl-użu tal-fondi Ewropej, mingħajr ma tiġi kompromessa t-trasparenza tal-proċess u l-kontroll indipendenti, li huma kundizzjonijiet sine qua non biex ikun żgurat li l-kontribuzzjonijiet taċ-ċittadini Ewropej jieħdu rotot legali u effikaċi.

4.14.

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir il-fatt li l-Kummissjoni tirreferi għall-ġlieda kontra l-effetti tat-terroriżmu, u jqis li huwa meħtieġ li jkun hemm qafas ċar għall-azzjonijiet ta’ prevenzjoni, ta’ rispons (fil-livell tal-konsegwenzi) u ta’ riorganizzazzjoni. Fil-futur immedjat, tista’ tfassal pjan f’dan ir-rigward biex tiżviluppa wkoll varjetà ta’ riżorsi ta’ riżerva biex jiġu indirizzati d-diżastri naturali kkawżati minn inċidenti kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari (CBRN), mingħajr ma jitneħħew ir-responsabbiltajiet u l-obbligi li għandhom l-impriżi attivi f’dawn is-setturi. Il-Kumitat josserva li n-nuqqas ta’ rispons f’waqtu għal inċidenti bħal dawn jista’ jkollu impatt fatali għall-produzzjoni tas-settur primarju u b’hekk, joħloq konsegwenzi enormi fit-tul għall-provvista u s-saħħa tal-popolazzjoni kollha.

4.15.

Il-KESE jqis li fil-kuntest ta’ rescEU, huwa essenzjali li s-soċjetà ċivili tiġi mobilizzata permezz ta’ rikonoxximent istituzzjonali, billi jiġu previsti dispożizzjonijiet li jħeġġuha tipparteċipa fit-tfassil ta’ politiki u tal-prevenzjoni kif ukoll biex tinvolvi ruħha fir-rispons għad-diżastri kull meta jkun possibbli. Bl-istess mod, ikun jaqbel li l-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà jkun involut f’dan il-proċess.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1.

Il-KESE jqis ukoll li huwa meħtieġ li jissaħħaħ ir-rwol tal-awtoritajiet reġjonali u lokali fil-qasam tal-politika tal-protezzjoni ċivili u fil-mekkaniżmu l-ġdid tal-Unjoni, billi jsir sforz biex:

(a)

jiġu involuti fl-istadju tal-prevenzjoni, tad-disinn u tal-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ ġestjoni tar-riskji u tal-inkarigu tagħhom, kemm jekk ikunu naturali kif ukoll jekk ikkawżati mill-bniedem,

(b)

jiġu appoġġjati l-kapaċitajiet speċifiċi tagħhom u biex dawn jiġu integrati fil-mekkaniżmu previst, peress li huma mitluba jintervjenu l-ewwel f’każ ta’ diżastru,

(c)

jiġu sfruttati l-kompetenzi tagħhom għall-attivitajiet ta’ kull tip li jiġu mnedija biex jiġi evitat xogħol doppju u tiġi promossa l-interoperabbiltà, bl-għan li tiġi żgurata koordinazzjoni u żvilupp operazzjonali,

(d)

jissaħħaħ ir-rwol tagħhom fil-kuntesti ta’ kooperazzjoni transkonfinali, bl-implimentazzjoni ta’ pjani, programmi u taħriġ konġunti.

Brussell, it-18 ta’ Ottubru 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  ĠU C 139, 11.5.2001, p. 27.

(2)  Opinjoni tal-KESE dwar “Intejbu l-mekkaniżmu għall-protezzjoni ċivili tal-Komunità – nirreaġixxu għal diżastri naturali” (ĠU C 204, 9.8.2008, p. 66).

(3)  Opinjoni tal-KESE dwar “Approċċ Komunitarju dwar il-prevenzjoni tad-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem” (ĠU C 318, 23.12.2009, p. 97).

(4)  Opinjoni tal-KESE dwar “Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea” (ĠU C 170, 5.6.2014, p. 45).

(5)  Opinjoni tal-KESE dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi għall-provvista ta’ assistenza addizzjonali lill-Istati Membri affettwati minn diżastri naturali” (ĠU C 173, 31.5.2017, p. 38).


Top