EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018AE3317

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Programm għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika (LIFE) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1293/2013” (COM(2018) 385 final — 2018/209 (COD))

EESC 2018/03317

ĠU C 62, 15.2.2019, p. 226–230 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 62/226


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Programm għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika (LIFE) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1293/2013”

(COM(2018) 385 final — 2018/209 (COD))

(2019/C 62/36)

Relatur ġenerali:

Lutz RIBBE

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 14.6.2018

 

Kunsill, 2.7.2018

Bażi legali

L-Artikoli 192(1) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

 

 

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

22.5.2018

 

 

Sezzjoni kompetenti

Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adottata fis-sezzjoni

5.10.2018

Adottata fil-plenarja

18.10.2018

Sessjoni plenarja Nru

538

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

133/7/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

In-natura u l-ambjent fl-UE jinsabu fi kriżi serja. Fil-fehma tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE), il-programm LIFE għandu allokazzjoni ta’ fondi baxxa wisq, u dan mhux se jkun jista’ jagħmel xi differenza sinifikanti fil-kriżi ambjentali attwali. Fil-prinċipju iżda, il-KESE jilqa’ bis-sħiħ it-tkomplija ta’ dan il-programm.

1.2.

Barra minn żieda sinifikanti fl-allokazzjoni għall-programm LIFE, tenħtieġ koerenza aħjar tal-politiki kollha tal-UE. Il-KESE kien diġà kkritika kemm-il darba n-nuqqas ta’ koerenza, li qed jaffettwa ħażin lin-natura u l-ambjent, mingħajr qatt ma nbidel xejn.

1.3.

L-approċċ ta’ integrazzjoni ffavorit mill-Kummissjoni tal-UE wera, f’dawn l-aħħar deċennji, li mhuwiex adegwat għall-finanzjament tal-protezzjoni tal-bijodiversità. Għaldaqstant, il-KESE jtenni l-proposta tiegħu, dik li LIFE jiġi żviluppat bħala l-faċilità finanzjarja proprja ta’ NATURA 2000.

1.4.

Fil-perjodu tal-finanzjament il-ġdid, l-approċċ tal-integrazzjoni fil-miżuri għall-azzjonijiet klimatiċi jista’ eventwalment jaħdem, peress li mill-inqas 25 % tal-fondi tal-UE se jkunu allokati għal miżuri relatati mal-klima.

1.5.

B’mod partikolari, il-KESE jilqa’ bi pjaċir il-fatt li l-programm ġdid LIFE jippromovi kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ inizjattivi b’approċċ minn isfel għal fuq fir-rigward ta’ kunċetti ekonomiċi, li huma innovattivi, deċentralizzati u sostenibbli.

1.6.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li r-Regolament LIFE l-ġdid huwa inqas restrittiv u, fost l-oħrajn, jippermetti li l-proġetti jiġu ffinanzjati b’mod sħiħ. Fl-istess waqt, jilqa’ bi pjaċir ukoll il-fatt li se jkun possibbli jingħata appoġġ lil organizzazzjonijiet li huma importanti għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika ambjentali tal-UE.

2.   Kuntest

2.1.

Il-Kummissjoni ppreżentat il-viżjonijiet tagħha għall-ippjanar finanzjarju fuq żmien medju għall-perjodu 2021-2027. It-tluq tar-Renju Unit mill-UE u l-istabbiliment ta’ prijoritajiet ġodda, se jkollhom impatt sinifikanti fuq il-politika eżistenti tal-UE dwar il-finanzjament u speċjalment fuq ċerti oqsma ta’ programmi.

2.2.

Jekk, pereżempju, fl-istruttura attwali ta’ appoġġ tal-qafas finanzjarju pluriennali kienu previsti 58 programm differenti, dan l-ammont se jitniżżel għal 37.

2.3.

Il-programm LIFE mhuwiex affettwat minn din il-bidla strutturali, għandu jibqa’ kif inhu bħala programm awtonomu b’linja tal-baġit maħsuba għalih u jkompli jippromovi l-iżvilupp u l-applikazzjoni ta’ soluzzjonijiet innovattivi għal problemi ambjentali u klimatiċi bħal pereżempju t-tranżizzjoni tal-enerġija. Fil-baġit tal-UE li jmiss, LIFE se jkollu fondi proprji ta’ EUR 5,45 biljun.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-KESE, matul dawn l-aħħar snin, dejjem ivvaluta l-programm LIFE bħala komponent importanti tal-politika Ewropea għall-konservazzjoni tan-natura u l-ħarsien ambjentali u għalhekk jilqa’ l-kontinwità tiegħu bħala programm awtonomu fil-perjodu ta’ finanzjament il-ġdid 2021-2027.

3.2.

Fil-prinċipju, il-KESE jikkonkludi li n-natura u l-ambjent fl-UE jinsabu fi kriżi serja. Minn naħa, dan huwa marbut mal-fatt li l-programmi finanzjarji tal-UE għall-protezzjoni tan-natura u l-ambjent għandhom allokazzjoni ta’ fondi baxxa wisq. Min-naħa l-oħra, wieħed irid jikkritika l-fatt li diversi politiki settorjali tal-UE mhumiex konsistenti biżżejjed. Il-KESE jappella b’mod urġenti lill-Kummissjoni tal-UE u lill-Kunsill sabiex jindirizzaw dawn in-nuqqasijiet li l-Kumitat diġà kkritika f’diversi okkażjonijiet. Inkella l-programm LIFE, li mingħajr dubju jippermetti l-finanzjament ta’ proġetti validi ħafna, se jibqa’ jkollu funzjoni simbolika biss.

3.3.

Il-Kumitat jirrikonoxxi li hemm kunflitt serju bejn il-prijoritizzazzjoni politika permezz ta’ dikjarazzjonijiet, strateġiji, kunċetti u liġijiet minn naħa, u l-istabbiliment ta’ dawn l-allegati prijoritajiet politiċi fil-baġit min-naħa l-oħra. Essenzjalment jibqa’ japplika l-prinċipju li l-baġit jixhed il-verità dwar il-prijoritajiet politiċi reali.

3.4.

Il-KESE tkellem l-aħħar dwar LIFE fl-Opinjoni tiegħu NAT/689 “Evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-Programm LIFE” (1) u fih għadda diversi suġġerimenti dwar it-tfassil mill-ġdid, li sfortunatament ma ngħataw l-ebda widen fl-abbozz ta’ Regolament il-ġdid; dawn kellhom x’jaqsmu, fost l-oħrajn, mal-ambitu u l-pakkett finanzjarju ta’ LIFE.

Il-pakkett finanzjarju ta’ LIFE

3.5.

Bl-approprjazzjonijiet għas-subprogramm il-ġdid “Tranżizzjoni lejn Enerġija Nadifa” biss, iż-żieda fil-pakkett finanzjarju tal-programm LIFE, li mal-ewwel daqqa t’għajn tidher enormi, tiżdied minn EUR 3,45 biljun (fil-perjodu finanzjarju 2014-2020) għal EUR 5,45 biljun (tul il-perjodu kollu 2021-2027). Wieħed għandu jżomm f’moħħu wkoll li madwar EUR 2,6 biljun — jiġifieri kważi nofs l-approċċ — huma approprjazzjonijiet li, skont il-pjani attwali, jistgħu jingħataw wara l-2027.

3.6.

Il-qasam “Azzjoni Klimatika” fil-perjodu ta’ programmazzjoni attwali għandu baġit ta’ EUR 864 miljun, fil-perjodu l-ġdid dan se jkun ta’ EUR 1,95 biljun, inkluż EUR 1 biljun għas-subprogramm il-ġdid “Tranżizzjoni lejn Enerġija Nadifa”, li attwalment qed jiġi appoġġjat minn Orizzont 2020. Għalhekk iż-żieda proprja għall-qasam preċedenti tal-programm “Azzjoni Klimatika” hija s-somma baxxa wisq ta’ madwar EUR 100 miljun (u dan fuq perjodu ta’ 7 snin).

3.7.

Fil-qasam “Ambjent u Effiċjenza tar-Riżorsi” hemm EUR 2,59 biljun disponibbli għall-perjodu ta’ finanzjament attwali, minn dawn, EUR 1,15 biljun huma previsti għall-bijodiversità. Għall-perjodu ta’ finanzjament il-ġdid, hemm żieda sinifikanti għal EUR 2,15 biljun (żieda ta’ kważi 100 %), iżda anke din iċ-ċifra għandha titqies f’kuntest mal-bqija.

3.8.

Għaliex kif indikat ġustament il-Kummissjoni fil-premessa 14, “waħda mill-kawżi sottostanti ewlenin tal-implimentazzjoni insuffiċjenti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar in-natura u tal-istrateġija għall-bijodiversità hija n-nuqqas ta’ finanzjament adegwat”. L-insuffiċjenza ta’ fondi tal-protezzjoni tal-bijodiversità, b’mod partikolari mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri fir-rapport speċjali tagħha dwar Natura 2000 (2).

3.9.

Din il-problema lanqas mhi se tissolva biż-żieda ppjanata fl-approċċ, għall-kuntrarju. Il-KESE huwa mħasseb ħafna dwar is-sottofinanzjament serju speċifikament tan-netwerk Natura 2000 li huwa kruċjali għall-protezzjoni tal-bijodiversità Ewropea. Jemmen li dan is-sottofinanzjament x’aktarx se jkompli jiggrava fil-perjodu finanzjarju l-ġdid 2021-2027, b’tali mod li jitnaqqsu l-fondi għall-programm tal-FAEŻR kif ukoll dawk għall-iżvilupp reġjonali.

3.10.

Minflok ma jiżdiedu l-fondi għall-programm LIFE, kif il-KESE jqis neċessarju, il-Kummissjoni qed tipproponi t-tisħiħ tal-approċċ ta’ integrazzjoni, jiġifieri l-finanzjament minn linji baġitarji oħra. Il-KESE jirrikonoxxi li l-integrazzjoni tista’ taħdem, jekk il-finanzjament xieraq ikun disponibbli x’imkien ieħor. F’dan ir-rigward qed jirreferi, b’mod partikolari, għall-azzjoni klimatika, minħabba l-fatt, fost l-oħrajn, li l-Kummissjoni tal-UE pproponiet, li tal-anqas 25 % tal-baġit tal-UE jmorru għall-miżuri marbutin mal-klima (3).

3.11.

Madankollu, fil-qasam tal-protezzjoni tal-bijodiversità, l-approċċ ta’ integrazzjoni tal-finanzjament tan-netwerk tan-Natura 2000, primarjament mill-Fondi tal-UE għall-iżvilupp reġjonali u t-tieni Pilastru tal-Politika Agrikola Komuni, falla bil-kbir. Għalhekk il-KESE, fl-Opinjoni tiegħu dwar “Evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-Programm LIFE” (4) tat-23 ta’ Frar 2017, kien favur li “l-programm LIFE […] [għandu jsir] istrument ewlieni għall-finanzjament tan-netwerk Natura 2000”. F’dan il-kuntest, jirreferi għal din l-Opinjoni tiegħu (5) u oħrajn u jesprimi ruħu favur żieda korrispondenti fir-rigward tal-fondi allokati għall-programm LIFE. Proposta oħra biex jintlaħqu l-objettivi ambjentali ambizzjużi tista’ tkun li, f’każijiet ta’ ksur b’rabta mal-PAK, kull bilanċ pendenti jiġi riallokat għal miżuri għall-konservazzjoni tad-diversità bijoloġika.

3.12.

Jekk wieħed iqis il-kalkoli li saru fil-Ġermanja għall-finanzjament tal-operat ta’ Natura 2000 u jaddattahom għall-UE(28), isib li hemm ħtieġa finanzjarja li tlaħħaq mal-EUR 21 biljun fis-sena (6). Iż-żieda fil-baġit tal-programm LIFE ta’ EUR 1 biljun fil-qasam tal-bijodiversità/konservazzjoni tan-natura għall-perjodu ta’ seba’ snin mhi għalhekk xejn ħlief qatra fl-oċean.

3.13.

Barra minn hekk, iridu jintefqu parti kbira mill-ispejjeż indikati hawn fuq għan-netwerk Natura 2000 għall-manutenzjoni u l-ġestjoni sostenibbli ta’ aktar minn 27 000 sit ta’ Natura 2000. Iżda anke skont il-proposta l-ġdida, LIFE ftit li xejn jipprovdi possibiltajiet għall-finanzjament ta’ xogħlijiet ta’ manutenzjoni sostenibbli f’siti tan-Natura 2000, u għalhekk fil-fehma tal-KESE mhux se jkun jista’ jagħti kontribut xieraq għar-rekwiżiti msemmija fil-premessa 14 rigward is-soluzzjoni għall-kriżi tal-bijodiversità fl-UE.

3.14.

Għaldaqstant, il-KESE jinsab iddiżappuntat ferm li s-suġġeriment tiegħu ma ġiex ikkunsidrat. Għaldaqstant, il-KESE jinsab iddiżappuntat ferm li s-suġġeriment tiegħu ma ġiex ikkunsidrat. […] [L]-għażla għal fond kbir ta’ ġestjoni kondiviż taħt LIFE tqieset bħala ineffiċjenti […] “, b’hekk għall-KESE għadu mhuwiex ċar kif se tissolva l-problema tas-sottofinanzjament serju ta’ Natura 2000. Barra minn hekk, il-KESE qatt ma appella għal fond b’ġestjoni kondiviża, għaliex il-ġestjoni effettiva ta’ fond bħal dan tkun tabilħaqq diffiċli. Minflok, huwa rrakkomanda li LIFE (bħala l-istrument finanzjarju Ewropew għall-ambjent) jitfassal mill-ġdid, b’tali mod, sabiex jintuża għall-finanzjament tal-impenji li għandha l-UE fl-implimentazzjoni tad-Direttivi rilevanti dwar in-Natura.

3.15.

Barra minn hekk, fil-premessa 18 hemm spjegat li, fil-futur, LIFE se jkompli jippromovi wkoll proġetti li jagħtu kontribut għall-implimentazzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (2000/60/KE). Fil-prinċipju, il-KESE jilqa’ dan, iżda jinnota li mingħajr żieda ulterjuri tal-baġit dan se jwassal għal sottofinanzjament addizzjonali tas-subprogrammi importanti l-oħrajn. Il-KESE jagħmel l-istess riżerva anke għall-appoġġ imsemmi fil-premessa 19 fir-rigward ta’ proġetti għall-implimentazzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Istrateġija Marina (2008/56/KE).

3.16.

Il-KESE huwa sorpriż li r-Regolament LIFE propost jirreferi għall-kunċett pijunier “infrastruttura ekoloġika” darba waħda biss u b’mod marġinali. Ġaladarba l-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027 ma jsemmix il-programm ta’ finanzjament TEN-G għall-“infrastruttura ekoloġika” propost fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (7) tas-6 ta’ Mejju 2013, il-KESE jirrakkomanda li LIFE — b’żieda sinifikanti fil-baġit — għandu jiffinanzja wkoll proġetti tal-infrastruttura ekoloġika.

3.17.

Diġà qed jidher biċ-ċar li l-miri tal-ħarsien tal-bijodiversità maqbulin fl-UE mhux se jintlaħqu sal-2020. Jekk fil-perjodu finanzjarju 2021-2027 se jkun hemm inqas riżorsi disponibbli, hemm il-periklu li l-UE stess mhux se tkun tista’ twettaq titjib sinifikanti sal-2030. Minħabba l-kriżi serja tal-bijodiversità, huwa neċessarju li l-fondi għal LIFE jiżdiedu b’mod sinifikanti. Il-KESE għalhekk jappella lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew sabiex jiddiskutu u jqisu l-ideat espressi minnu fid-dibattitu li għaddej dwar l-ippjanar finanzjarju fuq perjodu medju ta’ żmien.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

Fil-memorandum ta’ spjegazzjoni tagħha għall-proposta għal Regolament, il-Kummissjoni tenfasizza kemm-il darba l-iskala żgħira tal-proġetti appoġġjati, li tiddistingwi lil LIFE minn, pereżempju l-“Orizzont Ewropa”. It-test jgħid li LIFE “jgħin liċ-ċittadini jkunu attivi fir-rigward tal-azzjoni klimatika u tal-komunitajiet tagħhom”. Fil-fehma tal-KESE, huwa preċiżament dan l-approċċ li jippromovi l-azzjoni minn isfel għal fuq min-naħa tal-partijiet interessati tas-soċjetà ċivili li huwa importanti ferm u għandu jiġi appoġġjat.

4.2.

Madankollu, dan għandu jkopri aktar milli l-elementi biss indikati mill-Kummissjoni fil-premessi 8 u 10. Il-proġetti “li jiffaċilitaw l-użu ta’ teknoloġija diġà disponibbli” għandhom ċertament jiġu milqugħa. Iżda r-rwol taċ-“ċittadini” jmur ferm ’il hinn mill-implimentazzjoni tal-prattiki li diġà ġew żviluppati.

4.3.

Wara kollox, il-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni msemmi fil-proposta mhux l-uniku korp li jista’, kif deskritt mill-Kummissjoni, “jipprovdi appoġġ” għall-iżvilupp, “għall-espansjoni u għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ ideat rivoluzzjonarji ġodda”.

4.4.

Pereżempju l-SMEs, gruppi ċiviċi tal-inizjattiva żgħar u kbar, trejdjunjins, individwi privati u muniċipalitajiet jistgħu jagħmlu dan ukoll. Tabilħaqq, li diġà qed jiżviluppaw prattiki, teknoloġiji u ideat (xi drabi sempliċi ħafna), applikati innovattivi li, f’xi każi, la dawk li jagħmlu l-politika/l-awtoritajiet pubbliċi u lanqas in-negozji stabbiliti ma kellhom ir-rieda jew kienu kapaċi joħolqu.

4.5.

LIFE għandu jgħin biex jipprovdi appoġġ preċiżament għal dawn l-isforzi, speċjalment minħabba l-fatt li ħafna drabi huwa diffiċli ħafna li dawn l-atturi anqas stabbiliti jsibu appoġġ għall-innovazzjoni.

4.6.

Dan jista’ jintwera permezz ta’ żewġ eżempji li huma adegwati għas-subprogramm dwar it-“tranżizzjoni lejn enerġija nadifa”:

4.6.1.

Huwa magħruf sew li l-iżvilupp tal-infrastruttura tal-iċċarġjar għall-vetturi elettriċi huwa kompitu importanti li jeħtieġ jiġi indirizzat ukoll fil-livell politiku. L-inizjattivi taċ-ċittadini qed jibdew jikkunsidraw li jagħmlu użu dirett, deċentralizzat ta’ pereżempju elettriku ġġenerat mill-kooperattivi tal-enerġija mir-riħ sabiex iħaddmu stazzjonijiet ta’ ċċarġjar imħaddmin mill-komunità jew sabiex jipprovdu stazzjonijiet ta’ ċċarġjar privati fid-djar, żoni residenzjali u postijiet tax-xogħol. L-esperjenza estensiva akkumulata mill-istazzjonijiet ta’ riforniment mix-xemx (jiġifieri portijiet tal-karozzi mgħammra b’sistemi fotovoltajċi) tista’ tiġi tradotta għall-parks eoliċi. Dan jista’ joħloq opportunitajiet ta’ parteċipazzjoni kompletament ġodda għall-partijiet interessati tas-soċjetà ċivili, li jkunu ta’ sinifikat kemm għall-iżvilupp ekonomiku reġjonali u kif ukoll għall-aċċettazzjoni tal-istruttura ġdida ta’ forniment li jeħtieġ titwettaq (8). Dan jista’ jagħti nifs ġdid lill-ambizzjoni tal-UE li “ċ-ċittadini jitqiegħdu fil-qalba tat-tranżizzjoni tal-enerġija”. Madankollu, dawn l-approċċi kunċettwali ġodda, ġeneralment, mhumiex żviluppati minn operaturi stabbiliti tal-forniment tal-enerġija. Għandhom bżonn appoġġ inizjali, partikolarment minħabba l-fatt li f’ħafna każi l-qafas legali u l-kwistjonijiet tekniċi dettaljati jeħtieġu analiżi profonda. LIFE għandu, assolutament, jipprovdi appoġġ għal dawn l-innovazzjonijiet li għadhom mhumiex “kummerċjabbli”.

4.6.2.

L-istess japplika għal approċċ innovattiv li ġie żviluppat fil-belt żgħira ta’ Łapy, f’Podlaskie, il-Polonja, li ma jistax jiġi implimentat minħabba s-sempliċi fatt li ma setgħux isibu fondi għall-investigazzjonijiet profondi meħtieġa. Bħal ħafna muniċipalitajiet oħrajn fl-Ewropa ċentrali u tal-Lvant, din il-belt żgħira qed issofri minn livelli għoljin ta’ emissjonijiet kawża tas-sistemi ta’ tisħin distrettwali komunali li jaħdmu bil-faħam. Ġie kkalkulat li s-sostituzzjoni tal-faħam b’sorsi ta’ enerġija rinnovabbli (pereżempju l-bijomassa) jew sorsi li jniġġsu anqas, bħall-gass, twassal għal żieda fil-prezzijiet għall-konsumatur, li ma tkunx soċjalment aċċettabbli. Probabbilment li l-bini u t-tħaddim ta’ parks eoliċi, u l-konverżjoni tal-elettriku ġġenerat f’tisħin permezz tal-użu ta’ pompi tas-sħana jista’ jirriżulta f’anqas spejjeż ta’ tisħin. Iżda l-muniċipalità m’għandhiex ir-riżorsi għall-istudji legali u tekniċi preliminari meħtieġa li huma kruċjali b’mod assolut għall-implimentazzjoni ta’ proġett mudell ta’ dan it-tip, u sal-lum ma kien hemm l-ebda appoġġ minn sorsi oħrajn.

4.7.

Għaldaqstant il-KESE jilqa’ l-fatt li s-subprogramm dwar it-“tranżizzjoni lejn enerġija nadifa” jistabbilixxi punt fokali fi ħdan il-fergħa tal-azzjoni klimatika tal-programm LIFE, li, permezz ta’ EUR 1 biljun għall-perjodu 2012-2027, se jinkludi kważi 20 % tal-baġit globali ta’ EUR 5,45 biljun.

4.8.

Fil-fehma tal-KESE, l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-proċeduri magħżulin għall-programm LIFE għandhom ikunu sempliċi kemm jista’ jkun. Huwa jilqa’ l-isforzi kontinwi tal-Kummissjoni sabiex tnaqqas aktar il-burokrazija fl-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-proġett.

4.9.

Ir-Regolament LIFE il-ġdid huwa ferm aktar restrittiv mill-programm attwali, li jagħti lill-Kummissjoni ħafna aktar flessibbiltà fl-għażla u l-finanzjament tal-proġetti. Fil-fehma tal-KESE, dan se jirriżulta f’użu ferm aktar effiċjenti tar-riżorsi.

4.10.

Proġetti innovattivi tajbin m’għandhomx ifallu sempliċement minħabba l-fatt li l-applikant jista’ jkun li ma jkollux għażliet adegwati ta’ kofinanzjament. Il-KESE jinnota bi pjaċir li r-Regolament LIFE il-ġdid m’għadux jinkludi artikolu li jeskludi l-finanzjament sħiħ ta’ proġetti (ara l-Artikolu 20 tar-Regolament l-antik).

4.11.

Il-KESE jilqa’ wkoll il-fatt li l-programm LIFE qiegħed jevolvi b’mod kostanti, u li issa ġie enfasizzat ir-rwol katalitiku li jaqdu l-programm LIFE u l-programmi li jiffinanzja. Madankollu, għall-KESE mhux ċar liema forma se jieħu fil-prattika dan ir-rwol katalitiku.

4.12.

Il-KESE jista’ jimmaġina sew li l-Kummissjoni tista’ tagħżel ċertu numru ta’ proġetti innovattivi partikolari li qed jirċievu fondi u jitlob lill-koordinaturi tal-proġetti sabiex iwettqu proġett ta’ segwitu fuq skala iżgħar li jiddeskrivi f’aktar dettall liema fatturi kienu partikolarment responsabbli għas-suċċess, jew għall-falliment, tal-proġett. Attwalment, ħafna ideat innovattivi (ara l-punt 3.8) ifallu minħabba l-burokrazija jew qafas legali li jfixkel jew saħansitra li ma jeżistix. Sabiex il-lat politiku jkun jista’ jitgħallem u jislet konklużjonijiet mill-proġetti appoġġjati mil-LIFE, huwa importanti li wieħed jifhem fid-dettall il-fatturi li jwasslu għas-suċċess jew għall-falliment.

4.13.

Il-premessa 17 tgħid li s-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar it-tniġġis tal-arja hija għolja u li “ċ-ċittadini jistennew li l-awtoritajiet jaġixxu”. Dan huwa minnu, u fil-futur LIFE se jkun jista’ jgħin dwar dan ukoll, jekk l-informazzjoni relevanti li tirriżulta mill-proġetti tiġi implimentata f’politika prattika.

4.14.

Dak li l-LIFE ma jistax u ma għandux jagħmel huwa li jaqdi r-rwol fit-“tindif” ħalli jikkumpensa għan-nuqqas ta’ azzjoni min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi. Il-kwalità tal-arja fl-Ewropa diġà setgħet ittejbet b’mod sostanzjali li kieku, pereżempju, (a) inżammet konformità mal-valuri ta’ limitu stabbiliti preċedentement (b) ġiet infurzata b’mod rigoruż l-internalizzazzjoni mwiegħda tal-ispejjeż esterni, u (c) ġew aboliti s-sussidji ta’ ħsara għall-ambjent, kif kien imwiegħed għal snin sħaħ.

4.15.

Il-premessa 27, għalhekk, ġustament tiffoka wkoll fuq l-aspetti tal-infurzar, inkluż il-monitoraġġ u l-permess għal proċessi u l-kwalità tal-ispezzjoni ambjentali u l-mekkaniżmi tal-infurzar tal-liġi. Minħabba l-kontribut tagħhom fir-rigward ta’ dawn l-għanijiet, in-Netwerk għall-Implimentazzjoni u l-Infurzar tal-Liġi Ambjentali (IMPEL) tal-Unjoni Ewropea, in-Netwerk Ewropew tal-Prosekuturi għall-Ambjent (ENPE) u l-Forum tal-Unjoni Ewropea tal-Imħallfin għall-Ambjent (EUFJE) jistgħu wkoll, taħt l-Artikolu 12 tal-proposta, jingħataw għotjiet — jiġifieri jingħataw appoġġ uffiċjali — “mingħajr sejħa għal proposti”. Il-KESE jilqa’ dawn l-għotjiet, u jenfasizza l-importanza tal-iżgurar li partijiet interessati ewlenin oħrajn fis-soċjetà li jistgħu jmexxu ’l quddiem il-politika ambjentali tal-UE jistgħu jingħataw appoġġ mingħajr burokrazija eċċessiva kif previst fl-Artikolu 10(5) tal-proposta.

Brussell, it-18 ta’ Ottubru 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  ĠU C 173, 31.5.2017, p. 7.

(2)  Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (2017): Rapport Speċjali Nru 1/2017. Netwerk Natura 2000: “Jenħtieġ li jsiru aktar sforzi biex il-potenzjal sħiħ tan-netwerk Natura 2000 jiġi implimentat”

(3)  Il-KESE jqis li dan għadu baxx wisq, u appella għal 40 % (Opinjoni tal-KESE dwar il-Patt Ewropew dwar Finanzi-Klima). (Ara l-paġna 8 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  ĠU C 173, 31.5.2017, p. 7.

(5)  Ara l-Opinjoni tal-KESE NAT/681 dwar “Il-politika tal-UE dwar il-bijodiversità” (ĠU C 487, 28.12.2016, p. 14).

(6)  Ara l-Opinjoni tal-KESE (ĠU C 129, 11.4.2018, p. 90).

(7)  COM(2013) 249 final.

(8)  L-Opinjoni tal-KESE dwar “L-effetti ta’ struttura ġdida, mingħajr karbonju u deċentralizzata għall-provvista tal-enerġija fuq l-impjiegi u l-ekonomiji reġjonali” (ĠU C 367, 10.10.2018, p. 1).


Top