EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018AE3041

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tnaqqis tal-impatt ta’ ċerti prodotti tal-plastik fuq l-ambjent” (COM(2018) 340 final — 2018/0172 (COD))

EESC 2018/05568

ĠU C 62, 15.2.2019, p. 207–213 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 62/207


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tnaqqis tal-impatt ta’ ċerti prodotti tal-plastik fuq l-ambjent”

(COM(2018) 340 final — 2018/0172 (COD))

(2019/C 62/34)

Relatur:

Maria NIKOLOPOULOU

Konsultazzjoni

Il-Kunsill, 15.6.2018

Il-Parlament Ewropew, 11.6.2018

Bażi legali

L-Artikoli 192(1) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

 

 

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

17.4.2018

 

 

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adottata fis-sezzjoni

5.10.2018

Adottata fis-sessjoni plenarja

17.10.2018

Sessjoni tal-plenarja Nru

538

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

210/3/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jappoġġja l-Proposta għal Direttiva dwar il-plastik li jintuża darba biss u jqisha bħala element kruċjali fil-qafas tal-istrateġija għall-ekonomija ċirkolari u għall-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli.

1.2.

B’mod partikolari, il-Kumitat jagħmilha ċara li t-tranżizzjoni lejn is-sostenibbiltà teħtieġ l-ewwel nett l-involviment tal-aġenti politiċi, ekonomiċi, soċjali, ambjentali u kulturali kollha, li jinvolvu wkoll lil kull ċittadin f’mudell ġdid ta’ produzzjoni, konsum u riċiklaġġ ta’ prodotti. Huwa għalhekk li l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-kampanji ta’ sensibilizzazzjoni jirrappreżentaw rekwiżiti fundamentali fil-livelli kollha, b’attenzjoni speċjali għaż-żgħażagħ fl-età tal-iskola.

1.3.

Il-Kumitat iqis li l-proposta tal-Kummissjoni hija proġett pilota importanti b’enfasi speċifika fuq il-prodotti tal-plastik l-aktar preżenti fl-ibħra u l-oċeani. Madankollu, il-proposta tista’ tkun saħansitra aktar ambizzjuża u, fl-istess ħin, għandha tkun akkumpanjata minn pjan direzzjonali u inizjattivi oħra biex tiġi żgurata implimentazzjoni effettiva.

1.4.

B’mod partikolari, il-Kumitat jirrakkomanda:

1.4.1.

li tiġi evalwata ż-żieda tal-lista b’għaxar prodotti u li jiġu inklużi oħrajn li għalihom diġà hemm alternattivi sostenibbli disponibbli fis-suq fi kwantità u bi prezz adegwati;

1.4.2.

li jiġi ċċarat il-prinċipju li l-prodotti kollha bijodegradabbli għandhom ikunu wkoll kompostibbli, bi skadenzi speċifiċi għall-fotodegradazzjoni fuq l-art u fil-baħar;

1.4.3.

li s-sajjieda jistgħu jkunu fatturi ewlieni fit-tindif tal-ibħra u l-oċeani. L-inċentivi għar-ritorn tax-xbieki tas-sajd għandhom jiġu estiżi mill-aktar fis possibbli għall-iskart kollu miġbur matul is-sajd. Għall-iżvilupp sħiħ ta’ sistema ġdida tat-tindif tal-ibħra u l-oċeani, huwa neċessarju li l-partijiet interessati kollha u l-awtoritajiet lokali jiġu involuti. Barra minn hekk, il-portijiet kollha, inklużi l-iżgħar, għandu jkollhom sistema ta’ ġbir avvanzata u ġestjoni trasparenti tal-iskart;

1.4.4.

minkejja l-fatt li 90 % tal-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss preżenti fis-suq Ewropew huma prodotti f’pajjiżi terzi, huwa essenzjali li l-kumpaniji kollha fis-settur jiġu akkumpanjati fit-tranżizzjoni lejn produzzjoni aktar sostenibbli. B’mod speċjali, l-innovazzjoni u l-iżvilupp ta’ setturi bħall-ekodisinn, materja prima bijoplastika u sekondarja għandhom jiġu mħeġġa b’għodda finanzjarji u fiskali. B’dan il-mod, l-UE tkun tista’ tibbenefika minn tkabbir sinifikanti fil-bilanċ kummerċjali, tiffavorixxi l-iżvilupp ta’ kumpaniji aktar sostenibbli u żżid l-impjiegi ta’ kwalità.

1.4.5.

Il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”, stabbilit bid-Direttiva 2004/35/KE, huwa pilastru fundamentali tal-proposta tal-Kummissjoni u huwa l-bażi ta’ distribuzzjoni aktar ġusta u bilanċjata tal-ispejjeż tal-ġestjoni tal-iskart u tar-riċiklaġġ. L-applikazzjoni korretta tad-Direttiva ser tippermetti li jitnaqqsu dawn l-ispejjeż għal dawk il-kumpaniji li għandhom proċessi ċertifikati għall-prevenzjoni tat-tniġġis jew għall-irkupru dirett ta’ prodotti mniġġsa manifatturati;

1.4.6.

koordinazzjoni akbar bejn il-bqija tal-leġislazzjonijiet eżistenti fil-kwistjoni tal-ġestjoni u r-riċiklaġġ tal-iskart, b’enfasi fuq is-separazzjoni tal-iskart. Barra minn hekk ikun importanti għall-Istati Membri li jistabbilixxu awtorizzazzjonijiet u sanzjonijiet armonizzati;

1.4.7.

L-istrateġija għall-plastik li jintuża darba biss ser ikollha effett limitat jekk il-Kummissjoni ma tintervjenix bi strateġija ad hoc għal ġestjoni u kontroll aktar sostenibbli tal-ilmijiet interni (lagi u xmajjar) li minnhom jgħaddi 80 % tal-iskart preżenti fl-ibħra. Il-Kumitat jirrakkomanda l-promozzjoni tat-tixrid ta’ sistemi ta’ governanza li jinvolvu awtoritajiet pubbliċi u privati u s-soċjetà ċivili organizzata, bħal “kuntratti tax-xmajjar”, li għandhom jiġu vvalutati bħala rekwiżit fundamentali għall-aċċess għal ċerti fondi għall-ħarsien ambjentali (eż. Interreg);

1.4.8.

L-introduzzjoni ta’ sistemi ta’ tikkettar u traċċabilità għall-prodotti tal-plastik tista’ tirrappreżenta valur miżjud fil-proċessi ta’ ġestjoni u riċiklaġġ tal-iskart. Il-ħolqien ta’ logo speċifiku jista’ jsaħħaħ il-fiduċja tal-konsumatur, speċjalment għal prodotti manifatturati b’materja prima sekondarja;

1.4.9.

id-Direttiva għandha tiġi riveduta kull tliet snin minflok kull sitta. Din il-proposta hija ġġustifikata mill-fatt li l-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ huma diġà attivi u vvalidati (il-metodu tat-tifrix). Barra minn hekk, miżura bħal din issolvi l-problemi li jistgħu jinqalgħu matul il-fażi ta’ implimentazzjoni u, jekk huwa meħtieġ, timmodifika jew testendi l-lista tal-għaxar prodotti, skont l-istatus ta’ implimentazzjoni tad-Direttiva u żviluppi fil-qasam tal-ekodisinn;

1.4.10.

Id-diversi prattiki tajbin eżistenti fl-ekonomija ċirkolari għandhom ikunu mifruxin aktar, waqt li tissaħħaħ il-“Pjattaforma Ewropea tal-Partijiet Interessati tal-Ekonomija Ċirkolari” tal-KESE, li hija għodda effettiva għall-iskambju ta’ esperjenzi bejn il-partijiet interessati kollha.

2.   Introduzzjoni

2.1.

Fl-Unjoni Ewropea, l-iskart tal-plastik jammonta għal bejn 80 % u 85 % tal-iskart tal-baħar, li 50 % minnhom huma prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss (single use plastics – SUPs) filwaqt li 27 % oħra huma xbieki tas-sajd li fihom il-plastik, ġejjin mis-sajd tradizzjonali u mill-akkwakultura, abbandunati jew mitlufin fil-baħar.

2.2.

L-għaxar SUPs misjuba l-aktar ta’ spiss fil-bajjiet Ewropej jikkorrispondu għas-86 % tal-oġġetti kollha misjuba u għat-43 % tal-iskart tal-baħar totali. Huma prodotti komuni, li l-materjal li bih huma magħmulin mhux dejjem huwa assoċjat mal-plastik (1): kontenituri tal-ikel, tazzi tax-xorb, cotton buds, platti, straws, bsaten tal-bżieżaq, fliexken u t-tappijiet tagħhom, filtri tal-prodotti tat-tabakk, wet wipes u boroż tal-plastik. Dawn l-għaxar prodotti, flimkien mal-ixbieki tas-sajd li fihom il-plastik, jammontaw, għal madwar 70 % tal-iskart tal-baħar misjub (2).

2.3.

L-SUPs, ġeneralment magħmulin minn polyethylene u polypropylene, jeħtieġu medja ta’ 300 sena biex jiddegradaw fl-ambjent, għalkemm f’xi każijiet il-fotodegradazzjoni tagħhom tista’ tieħu sa 1 000 sena. Barra minn hekk, id-degradazzjoni ma timplikax li l-plastik jiġi assorbit fiċ-ċiklu tal-ħajja tan-natura, iżda jiġi ttrasformat f’mikroplastik li jsir inviżibbli għall-għajn tal-bniedem.

2.4.

Il-plastik huwa waħda mill-aktar invenzjonijiet ta’ valur tas-seklu għoxrin u li influwenzat il-ħajja l-aktar. Il-karatteristiċi fiżiċi tiegħu (flessibilità, ħeffa u reżistenza) jagħmluh materjal b’applikazzjonijiet infiniti; bħal fil-każ tal-SUPs, li huma ideali għall-użu estern (eż. piknik). Dan jimplika li l-SUPs huma prodotti b’riskju għoli li jinxterdu fin-natura, irrispettivament mir-rieda ta’ bosta konsumaturi u l-effiċjenza tas-sistemi ta’ ġestjoni u riċiklaġġ tal-iskart. Huwa riskju u impatt ambjentali sproporzjonat, speċjalment meta jitqies li l-ħin ta’ użu mistenni ta’ dawn il-prodotti jista’ ma jaqbiżx il-ħames minuti.

2.5.

Jekk l-SUPs ma jidħlux fil-katina tal-ġestjoni tal-iskart, jakkumulaw fl-ibħra u fl-oċeani b’effetti li huma ta’ ħsara għall-ambjent u għas-saħħa tal-bniedem, peress li jidħlu fil-katina alimentari. Barra minn hekk, dal-fenomenu jaffettwa bosta setturi ekonomiċi bħat-turiżmu, is-sajd u t-trasport bil-baħar.

2.6.

Il-problema tal-iskart tal-baħar hija ta’ natura transkonfinali u l-emblema tagħha hija l-gżejjer tal-plastik (3). L-Unjoni Ewropea hija impenjata li taġixxi kontra dan il-fenomenu f’konformità mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti (4) u l-Ftehim ta’ Pariġi (COP21). L-istrateġija dwar il-plastik (5) irrappreżentat l-ewwel pass f’din id-direzzjoni, fil-qafas tal-pjan ta’ azzjoni għall-ekonomija ċirkolari (6).

3.   Sommarju tal-proposta tal-Kummissjoni

3.1.

L-għan tal-proposta ta’ Direttiva huwa li tipprevjeni u tnaqqas l-iskart tal-plastik (makroplastiks) fil-baħar li ġej mill-SUPs u x-xbieki tas-sajd li fihom il-plastik, billi timla l-miżuri diġà previsti fl-istrateġija dwar il-plastik u tikkoreġi d-differenzi misjuba f’azzjonijiet u leġislazzjoni eżistenti.

3.2.

Id-Direttiva hija wkoll relatata mal-inizjattiva orjentata lejn l-eliminazzjoni ta’ boroż tal-plastik li jintużaw darba biss (favur oħrajn magħmula b’materjali tal-bijoplastik jew kompostabbli), li biddlet radikalment u fi żmien qasir it-tradizzjonijiet tal-konsumaturi, u pprovdiet riżultati pożittivi ħafna għall-ambjent (7).

3.3.   Prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss (SUPs)

3.3.1.

Wara l-għadd li sar f’bajjiet Ewropej differenti, il-proposta tiffoka fuq l-għaxar PSUPs li jinstabu l-aktar ta’ spiss fuq il-bajjiet. Il-Kummissjoni pprevediet serje ta’ miżuri bbażati fuq id-disponibbiltà ta’ prodotti alternattivi sostenibbli u bi prezz raġonevoli. Jekk dawn diġà jeżistu fis-suq, jiġu eliminati l-prodotti korrispondenti tagħhom li jniġġsu l-iżjed (eż. straws, platti u cotton buds). Inkella, sett ta’ miżuri mmirati biex inaqqsu l-konsum jiġi introdott permezz ta’ kampanji ta’ sensibilizzazzjoni u l-promozzjoni tal-ekodisinn biex jipproduċu materjali alternattivi, bijokompatibbli u riċiklabbli kemm jista’ jkun malajr (eż. kontenituri tal-ikel, tazzi, bżieżaq, imballaġġ u qxur ta’ pakketti, kontenituri tax-xorb, filtri ta’ prodotti tat-tabakk, wet wipes, boroż tal-plastik ħfief).

3.3.2.

Id-Direttiva tistabbilixxi l-applikazzjoni tar-reġim ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur għall-prodotti kollha li mhumiex soġġetti għar-restrizzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni, sabiex dawn jikkontribwixxu għall-ispejjeż tal-prevenzjoni u tal-ġestjoni tal-iskart.

3.3.3.

Il-Kummissjoni tipproponi wkoll sistema ta’ tikkettar biex tinforma lill-konsumaturi dwar il-ġestjoni tal-iskart sabiex tinkoraġġixxi l-ġbir u r-riċiklaġġ selettiv. Din il-miżura timplika wkoll l-indikazzjoni ta’ mġiba li għandha tiġi evitata (eż. l-użu ta’ wet wipes).

3.3.4.

Il-proposta tintroduċi miżuri konkreti dwar id-disinn ta’ prodotti (eż. tappijiet imwaħħla mal-fliexken) u għanijiet ambizzjużi mil-lat ta’ riċiklaġġ (bħad-90 % tar-riċiklaġġ ta’ fliexken tal-plastik li jintużaw darba biss separatament).

3.4.   Xbieki tas-sajd li fihom il-plastik

3.4.1.

Id-Direttiva tipproponi sistema integrata u aktar moderna għall-ġbir tax-xbieki tas-sajd li fihom il-plastik ibbażata fuq tliet punti ewlenin: l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmu speċifiku u makkinarji ta’ ġbir selettiv fil-portijiet, inċentivi għas-sajjieda li jagħtu lura x-xbieki tas-sajd li fihom il-plastik jew li jiġbru dawk li ġew abbandunati fil-baħar, l-introduzzjoni ta’ reġim ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur għall-produtturi tx-xbieki tas-sajd li fihom il-plastik, inklużi l-SMEs. Il-fondi miġbura permezz tar-reġim ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur se jintużaw biex ikopru l-ispejjeż biex tiġi evitata l-ġenerazzjoni ta’ skart (kampanji ta’ sensibilazzjoni pubblika) u ġestjoni tal-iskart, inkluż it-tindif tal-iskart iġġenerat minn prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss.

3.5.

Parti kbira tal-SUPs huma manifatturati f’pajjiżi barra l-UE. Dan jimplika li l-proposta tista’ tiffavorixxi żvilupp produttiv Ewropew sostnut permezz ta’ domanda interna qawwija. Huwa mistenni, għalhekk, li dan ir-regolament jiffavorixxi wkoll it-tkabbir aktar mgħaġġel ta’ ekonomija kompetittiva, sostenibbli u dekarbonizzata, b’vantaġġ evidenti fil-bilanċ kummerċjali ma’ pajjiżi terzi u effetti pożittivi għall-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità.

4.   Kummenti ġenerali

4.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) kien wieħed mill-pijunieri tal-iżvilupp sostenibbli bbażat fuq l-għarfien kemm taċ-ċittadini kif ukoll tal-atturi politiċi, ekonomiċi, soċjali, ambjentali u kulturali kollha. Għal din ir-raġuni, l-edukazzjoni f’kull livell għandha rwol ewlieni biex tibni l-pedamenti ta’ mod ġdid ta’ produzzjoni, konsum u għajxien li jirrispetta l-ambjent. Il-kumpaniji, fil-qafas tar-responsabbiltà korporattiva soċjali, huma fattur ewlieni f’dan il-kompitu ta’ sensibilizzazzjoni u edukazzjoni. Is-soċjetà ċivili organizzata diġà wettqet ħafna azzjonijiet volontarji li jistgħu jirrappreżentaw valur miżjud importanti għall-inizjattiva tal-Kummissjoni.

4.2.

Il-KESE jfakkar li t-tniġġis huwa problema globali. Kwalunkwe inizjattiva Ewropea, irrispettivament mill-viżjoni u l-ambitu tagħha, mhux se tkun biżżejjed jekk ma tkunx akkompanjata minn proġett usa’ ta’ żvilupp sostenibbli li jinvolvi kemm il-kompetituri ewlenin tal-Unjoni kif ukoll il-pajjiżi li qed jiżviluppaw. B’mod partikolari, huwa rakkomandat li jinħolqu sinerġiji ma’ pajjiżi terzi kontigwi fil-ġestjoni sostenibbli ta’ ibħra magħluqa bħall-Baħar l-Iswed u l-Baħar Mediterran. B’hekk, il-Kumitat jistenna li l-UE taqdi rwol kull darba aktar prinċipali fit-tmexxija tal-proċessi ta’ żvilupp sostenibbli.

4.3.

Il-KESE jappoġġja l-proposta orjentata biex tipprevjeni u tnaqqas l-iskart tal-plastik fil-baħar li ġej mill-PSUPs u x-xbieki tas-sajd li fihom il-plastik. Il-Kumitat huwa tal-fehma li wieħed jiffoka fuq numru limitat ta’ prodotti b’impatt ambjentali għoli skont il-loġika “tal-proġett pilota” u jqis din l-inizjattiva bħala pass importanti lejn il-ħolqien ta’ ekonomija verament sostenibbli, fil-qafas tal-pjan ta’ azzjoni għall-ekonomija ċirkolari (8) u biex tikkomplementa l-istrateġija għall-plastik (9). Madankollu, il-Kumitat jemmen li l-inizjattiva tal-Kummissjoni tista’ tkun aktar ambizzjuża, waqt li l-lista tiżdied b’dawk il-prodotti sostenibbli kollha li diġà huma disponibbli fil-kwantità u bi prezz adatt (pereżempju, il-kapsuli tal-kafè) u tiġi żgurata s-sigurtà tagħhom, bl-involviment tal-EFSA.

4.4.

Il-KESE jikkunsidra li l-proposta biex tillimita l-kummerċjalizzazzjoni għandha tkun xierqa biss fil-każ li diġà hemm prodotti alternattivi sostenibbli, sikuri għall-ambjent u n-nies u aċċessibbli għall-konsumaturi.

4.5.

Biex tissolva l-problema tal-akkumulazzjoni ta’ skart tal-plastik, apparti l-ġestjoni tal-iskart, huma importanti kemm id-drawwiet ta’ konsum kif ukoll il-mudell tal-produzzjoni. Għal din ir-raġuni huwa fundamentali li l-gvernijiet nazzjonali jimplimentaw l-għodod kollha meħtieġa biex jinkoraġġixxu l-użu ta’ prodotti tal-plastik sostenibbli, biex b’hekk jippromovu u jappoġġjaw il-proċessi ta’ produzzjoni u konsum aktar effiċjenti. Fl-istess ħin, huwa importanti li ċ-ċittadini jiġu sensibilizzati, sa mill-età tal-iskola, sabiex dawn jaġixxu b’mod responsabbli u jipparteċipaw fil-ġbir selettiv tal-iskart.

4.6.

L-SUPs huma prodotti b’riskju għoli ta’ tixrid fl-ambjent, irrispettivament mir-rieda ta’ ħafna konsumaturi u mill-effiċjenza tas-sistemi ta’ ġestjoni u riċiklaġġ tal-iskart. L-impossibilità li jinħoloq mekkaniżmu effiċjenti għall-100 % tal-ġbir u r-riċiklaġġ tal-iskart timplika li prodotti alternattivi sostenibbli għandhom jinħolqu malajr kemm jista’ jkun, u jieħdu miżuri biex inaqqsu l-livell ta’ tniġġis li ġie ġġenerat (10).

4.7.

L-ekodisinn huwa fattur ewlieni fil-ħolqien ta’ prodotti bijokompatibbli alternattivi għal dawk li jniġġsu aktar. Il-Kumitat jirrakkomanda li jiġu investiti riżorsi xierqa f’dan is-settur fil-qafas finanzjarju ġdid tal-UE, speċjalment permezz tal-programm il-ġdid Orizzont. Il-KESE jqis li l-innovazzjoni favur l-ambjent fil-qasam tal-bijoplastiktal-materja prima sekondarja, jew l-użu ta’ enżimi bħal “PETase” li kapaċi jiekol il-plastik, jistgħu jirrappreżentaw valur miżjud għall-Unjoni kollha, mill-perspettiva ekonomika, soċjali u ambjentali.

4.8.

Il-Kumitat jirrakkomanda approċċ speċifiku għall-prodotti tal-plastik maħsuba biex jiġu ttrasformati f’materja prima sekondarja. B’mod partikolari, huwa importanti li l-plastik ma jkunx fih addittivi kimiċi tossiċi li jistgħu jimpedixxu r-riċiklaġġ tiegħu, jikkawżaw ħsara lin-nies, lill-kumpaniji u lill-ambjent. Barra minn hekk, huwa importanti li jiġi stabbilit “tmiem tal-ħajja” peress li ma jistgħux jiġu suġġetti għal riċiklaġġ infinit.

4.9.

Il-KESE jqis li wieħed mil-limiti l-aktar evidenti tal-inizjattiva huwa n-nuqqas ta’ regolamenti li jikkompletaw il-kunċett ta’ “bijodegradabilità”. Fil-fatt, jekk prodott tal-plastik ikun bijodegradabbli ma jfissirx li huwa ekosostenibbli. Il-prodotti tal-plastik, u b’mod partikolari l-SUPs, jistgħu jiġu ttrasformati f’mikroplastiks li jniġġsu l-ambjent u li jiżdiedu mal-katina alimentari. Għal dik ir-raġuni l-Kumitat jirrakkomanda li tittieħed azzjoni malajr kemm jista’ jkun biex jiġi ċċarat il-prinċipju li l-prodotti tal-plastik kollha “bijodegradabbli” huma wkoll “ kompostabbli” , jiġifieri la tossiċi u lanqas ta’ ħsara għall-ambjent. F’dan il-qafas huwa wkoll fundamentali li jistabbilixxu perjodi ta’ bijodegradabilità speċifiċi fil-baħar u fuq l-art f’konformità mal-istandard armonizzat EN 13432 (11). Fl-aħħarnett, huwa fundamentali li tinħoloq tikketta Ewropea, b’mekkaniżmi xierqa ta’ kontroll biex tiġi evitata l-frodi.

4.10.

Il-KESE jappoġġja l-proposta li tħeġġeġ ir-ritorn tax-xbieki tas-sajd li fihom il-plastik b’inċentivi għas-sajjieda. Il-Kumitat jinnota li l-attività tas-seperazzjoni tal-iskart la hija faċli u lanqas qasira, u għalhekk jistenna li l-inċentivi jkunu xierqa għaż-żmien investit mis-sajjieda biex jiddifferenzjaw l-iskart.

4.10.1.

Din il-miżura għandha tiġi estiża għar-ritorn tal-iskart kollu miġbur matul l-attività tas-sajd li għaliha, skont il-liġijiet fis-seħħ, is-sajjieda huma obbligati jħallsu biex iħottuhom fil-portijiet. Dan ifisser li, illum il-ġurnata, is-sajjieda jħallsu biex inaddfu l-baħar u jħottu fuq l-art l-iskart li huma ma pproduċewx, iżda ġabru. Għal din ir-raġuni, huwa rrakkomandat li l-miżuri attwali rigward il-ġestjoni tal-iskart jiġu riveduti fil-qafas tal-Fond Ewropew għas-Sajd 2021-2026 il-ġdid, li jiffavorixxi l-imġiba proattiva u responsabbli.

4.10.2.

Peress li hemm kwantitajiet kbar ta’ skart, kemm fil-wiċċ kif ukoll taħt il-baħar, is-sajjieda jistgħu jirrappreżentaw valur miżjud importanti għall-ġbir tagħhom. L-introduzzjoni riċenti ta’ limiti ta’ bosta stokkijiet tas-sajd tippermetti li dawn l-inċentivi jiġu kkunsidrati bħala element ta’ kumpens ekonomiku (12). B’dan il-mod, l-attività tat-tindif, wara taħriġ adegwat u involviment dirett tal-assoċjazzjonijiet tas-sajjieda, tista’ ssir attività ekonomika interessanti oħra bħat-turiżmu tas-sajd (ekonomija ekoloġika), li hija pprattikata ħafna f’perjodi ta’ interruzzjoni naturali tas-sajd. Din il-miżura għandha tkun inkluża fil-Fond Ewropew għas-Sajd il-ġdid u l-implimentazzjoni tagħha għandha tkun is-suġġett ta’ inizjattiva leġislattiva Ewropea speċifika.

4.11.

Il-Kumitat huwa favur l-introduzzjoni tar-reġim ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur li huwa konformi mal-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”. Sallum, setturi oħra produttivi (it-turiżmu (13), it-trasport marittimu, is-sajd) u ċ-ċittadini (permezz ta’ taxxi għall-ġbir, il-ġestjoni u għar-riċiklaġġ tal-iskart) ħallsu l-ispejjeż tat-tniġġis tal-baħar. Malli jiġi implimentat, ser ikun importanti li jiġi vverifikat li dan il-prinċipju huwa applikat għall-kumpaniji li fil-fatt jimmanifatturaw prodotti li jniġġsu u li ma jiġix assorbit mill-prezz finali mħallas mill-konsumaturi (14).

4.12.

Il-Kumitat, f’konformità mal-kriterji tad-Direttiva 2004/35/KE (15), tistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jevalwaw il-possibiltà li jitnaqqsu l-piżijiet ekonomiċi għall-kumpaniji li jiżviluppaw azzjonijiet ċertifikati għall-irkupru dirett tat-tniġġis ikkawżat mill-prodotti tagħhom (eż. sistema ta’ imballaġġ li jista’ jintbagħat lura). L-evalwazzjoni ta’ dawn il-prattiki tajbin, għalkemm hija l-kompetenza diretta tal-awtoritajiet nazzjonali, għandha wkoll tkun suġġetta għal kontroll Ewropew tat-tieni livell.

4.13.

Il-KESE huwa konxju li t-tranżizzjoni għall-ekonomija ċirkolari tinvolvi serje ta’ spejjeż għoljin għal ħafna kumpaniji. Għal din ir-raġuni, il-Kumitat jittama li dan il-proċess, li huwa tant indispensabbli mill-perspettiva ambjentali, se jkun akkumpanjat minn inċentivi finanzjarji u fiskali biex il-kumpaniji jkunu jistgħu jwettqu l-proċess tat-tranżizzjoni għal produzzjoni sostenibbli. Huwa importanti li dan il-proċess jiġi ġestit u ssorveljat fuq livell Ewropew biex jiġu evitati sitwazzjonijiet ta’ kompetizzjoni inġusta fis-suq intern.

4.14.

It-tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari tista’ tirrappreżenta opportunità għall-Unjoni Ewropea kollha mil-lat tal-kompetittività u l-impjieg. Biex tiġi sfruttata l-opportunità huwa neċessarju li tiġi żviluppata sistema avvanzata ta’ edukazzjoni u taħriġ. Dan jimplika wkoll sistema adatta ta’ politiki ta’ xogħol attivi biex taġġorna l-ħiliet tal-ħaddiema.

4.15.

Il-Kumitat jikkondividi l-idea li titfassal Direttiva għal kull Stat Membru biex jimplimenta r-regolament skont il-karatteristiċi nazzjonali tiegħu, għalkemm ikun importanti li jiġu limitati d-differenzi f’termini ta’ awtorizzazzjonijiet u sanzjonijiet malajr kemm jista’ jkun (16). F’dan il-kuntest, huwa fundamentali li l-gvernijiet nazzjonali jinvolvu lis-soċjetà ċivili organizzata fl-istadji kollha, mit-tħejjija tal-leġislazzjoni sal-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tagħha. Meta tiġi applikata d-Direttiva, għalkemm f’xi każijiet hemm limiti ta’ żmien biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti, ħafna oħrajn (bħal pereżempju r-riċiklaġġ tal-PET) m’għandhomx kalendarji definiti. Il-KESE jikkunsidra li n-nuqqas ta’ dati ċari u ugwali għal kulħadd jista’ jżid is-sitwazzjonijiet ta’ żbilanċ fil-fażi ta’ traspożizzjoni tar-regolament.

4.16.

Il-Kumitat jinnota li l-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ huma diġà attivi u vvalidati (metodu tat-tifrix). Għal din ir-raġuni, huwa rrakkomandat li r-reviżjoni tad-Direttiva ssir kull tliet snin minflok sitta, li hija l-proposta inizjali. Din il-miżura se tirrisolvi kwalunkwe problema li tista’ tinqala’ matul il-fażi ta’ implimentazzjoni u, jekk meħtieġ, timmodifika jew twessa’ l-lista tal-għaxar SUPs, skont l-istatus tal-implimentazzjoni tad-Direttiva u l-evoluzzjoni fil-qasam tal-ekodisinn.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1.

Skont l-UNEP (17), 80 % tal-iskart akkumulat fl-ibħra u fl-oċeani ġie prodott minn fuq l-art u spiċċa fil-baħar permezz tax-xmajjar. Dan jimplika l-ħtieġa li tintervjeni b’miżuri dejjem aktar ikkoordinati biex jevitaw li l-iskart jasal sal-baħar. L-azzjonijiet relatati mal-SUPs se jtejbu s-sitwazzjonijiet tal-lagi u tax-xmajjar, madankollu, m’hemm l-ebda previżjoni speċifika dwar ix-xbieki tas-sajd. Għal din ir-raġuni, il-KESE jirrakkomanda li r-regolament jiġi estiż għal-lagi u għax-xmajjar, permezz ta’ strateġija fuq livell Ewropew għal ġestjoni aktar sostenibbli tal-ilmijiet interni.

5.2.

Il-kuntratti tax-xmajjar (18) huma prattika tajba ta’ suċċess kbir komuni ħafna fl-Ewropa, li tista’ tkun effettiva ħafna għall-ġestjoni tal-ilmijiet interni, fir-rigward tar-riskju idroġeoloġika u ambjentali. Is-saħħa ta’ din l-għodda tinsab fil-governanza miftuħa li tippermetti li jiġu involuti fuq livell territorjali l-aġenti pubbliċi u privati kollha u s-soċjetà ċivili organizzata. Dawn l-esperjenzi għandhom jinġabru permezz tal-ħolqien ta’ bażi tad-data Ewropea, biex jiġi ffaċilitat żvilupp organiku u struttat madwar l-Ewropa. F’konformità mal-programm ġdid Orizzont Ewropa, li jistabbilixxi li l-35 % tal-baġit għandu jkun allokat għal azzjonijiet dwar il-klima u l-ambjent, il-Kumitat jirrakkomanda li dawn il-kuntratti jkunu prerekwiżit ewlieni għall-aċċess għal ċerti fondi Ewropej ta’ riċerka. u ta’ innovazzjoni għas-sostenibbiltà ambjentali, u għall-fondi destinati għall-protezzjoni territorjali fi kwistjonijiet relatati mar-riskju idroġeoloġiku u ambjentali (eż. Interreg);

5.3.

Il-Kumitat jikkunsidra li hija fundamentali azzjoni koerenti u koordinata tad-Direttiva mal-bqija tal-leġislazzjoni tal-UE fil-qasam tal-iskart u l-ilma, b’mod partikolari d-Direttiva qafas dwar l-iskart (19), id-Direttiva dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (20), id-Direttiva kwadru dwar l-istrateġija marina (21) u d-Direttiva dwar it-trattament tal-ilma urban mormi (22). Għandha tingħata attenzjoni partikolari lir-regolament Ewropew dwar il-ġestjoni tal-iskart (23).

5.3.1.

Huwa importanti li jkun hemm strutturi adatti għall-ġestjoni tal-iskart (pereżempju, ġbir separat tal-iskart kompostabbli sabiex jiġi pproċessat b’mod effiċjenti u korrett fl-impjanti tar-riċiklaġġ), akkumpanjati minn informazzjoni ċara lill-konsumaturi. Is-separazzjoni korretta ser tħeġġeġ ukoll l-użu tat-teknika ta’ stampar 3D, peress li l-plastik jista’ jintuża faċilment bħala materja prima sabiex jinħolqu oġġetti ġodda.

5.3.2.

Minkejja li dawn ma jagħmlux parti mill-SUPs, il-Kumitat jistieden lill-Kummissjoni biex tqis il-fenomenu dejjem jikber tal-filtri bio media li jinsabu f’ħafna bajjiet Ewropej wara li tkun falliet il-ġestjoni tal-ilma mormi.

5.4.

Id-diġitalizzazzjoni tista’ tkun alleat qawwi fil-ġlieda kontra t-tniġġis u favur ekonomija sostenibbli. L-introduzzjoni ta’ sistemi ta’ tikkettar u traċċabilità għall-prodotti tal-plastik tista’ tirrappreżenta valur miżjud fil-proċessi ta’ ġestjoni u riċiklaġġ tal-iskart. Il-ħolqien ta’ logo speċifiku jista’ jsaħħaħ il-fiduċja tal-konsumaturi, speċjalment għal prodotti manifatturati b’materja prima sekondarja (24).

5.5.

Il-Kumitat jirrakkomanda l-ħolqien ta’ qafas komuni u ta’ kwalità għolja ta’ ċertifikazzjonijiet ambjentali. Din l-inizjattiva hija fundamentali biex il-kumpaniji jkunu jistgħu jiksbu l-ogħla standards ta’ sostenibbiltà, filwaqt li jevitaw rekwiżiti li jikkoinċidu u piżijiet ekonomiċi addizzjonali.

5.6.

Il-KESE jerġa’ jqajjem il-kwistjoni tas-sistemi portwarji differenti fl-UE (25). Fl-Ewropa hemm mijiet ta’ portijiet żgħar li jirrappreżentaw fattur ewlieni għall-iżvilupp ta’ komunitajiet lokali żgħar li jgħixu grazzi għall-baħar u għas-sajd. Il-proposta tal-Kummissjoni tistabbilixxi proċess ta’ modernizzazzjoni (ta’ metodu, teknoloġija u infrastruttura) li ma tantx tista’ titwettaq fil-livell lokali mingħajr l-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni Ewropea. Dan il-proċess huwa fundamentali biex jikkumbatti l-fenomeni ta’ depopolazzjoni u jżomm kemm il-partikolaritajiet produttivi lokali kif ukoll il-komunitajiet infushom.

5.6.1.

Il-Kumitat jirrakkomanda li l-fondi miġbura permezz ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur, ibbażata fuq id-Direttiva (UE) 2018/851, jintużaw ukoll biex iġġeddu l-infrastrutturi tal-port skont l-ogħla standards ta’ ġbir u ġestjoni ta’ skart. Fl-istess ħin, il-KESE jqis li huwa essenzjali li l-istituzzjonijiet u s-soċjetà ċivili jiġu involuti fil-livell lokali b’approċċ speċifiku għall-kunsilli żgħar tal-kosta (b’inqas minn 5 000 abitant) sabiex ikunu jistgħu jsibu soluzzjonijiet komuni u orħos fuq medda twila ta’ żmien flimkien.

5.7.

Il-KESE, flimkien mal-Kummissjoni, għandu pjattaforma għall-ekonomija ċirkolari (26) li diġà kisbet riżultati importanti, billi tiffaċilita l-ġbir u l-iskambju ta’ diversi esperjenzi u prattiki tajba eżistenti bejn l-aġenti differenti diġà involuti, u billi tiffavorixxi t-tixrid u r-riproduzzjoni tagħhom. Din il-pjattaforma hija għodda fundamentali li jistħoqqilha li tkun aktar mifruxa.

Brussell, is-17 ta’ Ottubru 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  95 % tal-filtri tas-sigaretti huwa magħmul mill-plastik. https://www.noordzee.nl/hele-noordzeekust-schoon-2764-vrijwilligers-ruimen-11163-kilo-afval-op/

(2)  L-għadd tal-iskart fuq il-bajjiet huwa metodu rikonoxxut internazzjonalment għall-kejl tal-kompożizzjoni tal-iskart tal-baħar. Il-komunità xjentifika tqisu bħala indikatur affidabbli għat-tfassil ta’ politiki. Il-metodu tal-għadd huwa bbażat fuq rapporti stabbiliti mill-Istati Membri u kkumpilati mill-JRC fil-kuntest tal-implimentazzjoni tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina 2008/56/KE. Sors tad-data: UNEP, 2017.

(3)  Il-gżejjer tal-plastik jinsabu fl-ilmijiet internazzjonali u hemm bżonn ta’ ftehim fuq livell dinji sabiex jiġu eliminati. Dawn il-gżejjer ġew iffurmati matul is-snin minn kurrenti tal-baħar, li akkumulaw ħafna mill-plastik minn pajjiżi li qed jiżviluppaw (prinċipalment l-Asja tax-Xlokk).

(4)  SDG Nru. 3, 9, 12 u 14 (saħħa u benesseri; Industrija, innovazzjoni u infrastruttura; Konsum u produzzjoni responsabbli; Ħajja ta’ taħt l-ilma).

(5)  COM(2018) 28 final.

(6)  COM(2015) 614 final.

(7)  Id-Direttiva (UE) 2015/720 (ĠU C 214, 8.7.2014, p. 40). ĠU C 214, 8.7.2014, p. 40

(8)  ĠU C 264, 20.7.2016, p. 98, ĠU C 367, 10.10.2018, p. 97.

(9)  ĠU C 283, 10.8.2018, p. 61.

(10)  ĠU C 230, 14.7.2015, p. 33.

(11)  L-UNI EN 13432: 2002 hija standard armonizzat tal-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni dwar il-karatteristiċi li għandu jkollu materjal sabiex jiġi definit bħala bijodegradabbli jew kompostabbli.

(12)  ĠU C 283, 10.8.2018, p. 61.

(13)  ĠU C 209, 30.6.2017, p. 1.

(14)  ĠU C 81, 2.3.2018, p. 22.

(15)  Id-Direttiva 2004/35/KE tistabbilixxi l-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”. Dan ifisser li kumpanija li tikkawża ħsara ambjentali hija responsabbli għaliha, għalhekk trid tieħu l-miżuri ta’ prevenzjoni jew ta’ tiswija meħtieġa u tkopri l-ispejjeż relatati kollha.

(16)  ĠU C 283, 10.8.2018, p. 61.

(17)  UNEP, Marine plastic debris and microplastics, 2016.

(18)  Il-kuntratti tax-xmajjar huma prattika tajba li ġiet iċċirkolata għall-ewwel darba fi Franza fis-snin disgħin. Fis-sena 2000, fl-okkażjoni tal-World Water Forum, ġew stabbiliti l-importanza u l-utilità tagħha. Fl-ewwel fażi, il-kuntratti tax-xmajjar kienu mmirati lejn il-prevenzjoni tar-riskju idroġeoloġiku. F’dawn tal-aħħar, f’ħafna pajjiżi tal-UE, saru għodda fundamentali għall-ġestjoni responsabbli u sostenibbli tal-ilmijiet interni b’approċċ minn isfel għal fuq.

(19)  Direttiva 2008/98/KE.

(20)  Direttiva 1994/62/KE.

(21)  Direttiva 2008/56/KE.

(22)  Direttiva 91/271/KEE.

(23)  Direttiva 2008/98/KE.

(24)  ĠU C 283, 10.8.2018, p. 61

(25)  ĠU C 288, 31.8.2017, p. 68.

(26)  https://circulareconomy.europa.eu/platform/en.


Top