EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018AE4028

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-programm tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà u li jħassar [ir-Regolament dwar il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà] u r-Regolament (UE) Nru 375/2014” (COM(2018) 440 final — 2018/0230 (COD))

EESC 2018/04028

ĠU C 62, 15.2.2019, p. 201–206 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 62/201


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-programm tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà u li jħassar [ir-Regolament dwar il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà] u r-Regolament (UE) Nru 375/2014”

(COM(2018) 440 final — 2018/0230 (COD))

(2019/C 62/33)

Relatur:

Michael McLOUGHLIN

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 2.7.2018

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 10.7.2018

Bażi legali

Artikoli 165(4), 166(4), 214(5), u 294(2) tat-TFUE

 

 

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adottata fis-sezzjoni

26.9.2018

Adottata fil-plenarja

17.10.2018

Sessjoni plenarja Nru

538

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

184/1/3

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa’ l-impenn għall-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà mġedded b’baġit akbar u mira għal parteċipazzjoni.

1.2.

Aħna nilqgħu l-bażi legali sħiħa u ġdida għall-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, baġit dedikat u l-amalgamazzjoni mal-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE (1).

1.3.

Hemm il-ħtieġa ta’ politika komprensiva ġdida tal-UE għall-volontarjat li ser tindirizza l-kwistjonijiet rilevanti kollha u tinvolvi lill-Istati Membri lil hinn mill-kunċett tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà.

1.4.

Aħna nilqgħu l-analiżi tal-baġit li tipprijoritizza l-komponent tal-volontarjat u nixtiequ naraw enfasi kontinwa dwar dan.

1.5.

Fil-futur, l-UE teħtieġ tiżviluppa żewġ programmi indipendenti ta’ appoġġ, wieħed għaż-żgħażagħ u wieħed għall-volontarjat, filwaqt li taċċetta li ser ikun hemm xi elementi komuni.

1.6.

Għandha tingħata attenzjoni biex jiġi żgurat li l-prijoritajiet tal-politika estera tal-UE partikolarment dawk obbligatorji, ma jinfluwenzawx lill-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà wara l-amalgamazzjoni mal-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE.

1.7.

Trid tinħareġ statistika robusta f’waqtha, inkluż l-impatt komunitarju tal-azzjonijiet tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, sabiex tkun tista’ ssir evalwazzjoni u ttieħed deċiżjoni dwar il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, u anke jekk din l-istatistika tkun negattiva, għandha tkun pubblika.

1.8.

Il-komponent tal-impjieg jeħtieġ li jkun suġġett għal regolamentazzjoni stretta u analiżi regolari sabiex jiġi żgurat li jintlaħqu l-impenji li jkunu saru b’rabta miegħu.

1.9.

B’konsistenza ma’ approċċ ta’ tagħlim tul il-ħajja, m’għandu jkun hemm l-ebda restrizzjoni fuq l-età fir-rigward tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, għax dan għandu jkun ta’ appoġġ għall-volontarjat.

1.10.

Aħna ntennu l-fehma tagħna li l-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà għandu jkun ristrett għas-settur mingħajr skop ta’ qligħ u dan il-valur għandu jinżamm indipendentement mill-korpi li jagħtu l-proġetti.

1.11.

Jeħtieġ li tiġi ffaċilitata u prijoritizzata l-kondiviżjoni tal-aħjar prattika dwar il-volontarjat, u dan għandu jinvolvi lill-Istati Membri tal-UE sabiex tinġabar l-informazzjoni rilevanti kollha u jiġi ffaċilitat aktar żvilupp tal-politika f’dan il-qasam.

1.12.

L-aġenziji nazzjonali għandhom jiġu pprovduti b’appoġġ imsaħħaħ biex jindirizzaw il-komponent tal-impjiegi u l-kwistjonijiet tas-suq tax-xogħol.

1.13.

Id-dokumenti ewlenin biex jiżguraw it-trattament ġust tan-nies waqt internships, traineeships u miżuri oħrajn deskritti fil-qosor f’dan ir-rapport għandhom jintużaw u jinħareġ rapport dwarhom waqt il-monitoraġġ tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà.

1.14.

Il-pjattaformi ewlenin tas-soċjetà ċivili fil-qasam (il-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ) u ċ-Ċentru Ewropew tal-Volontarjat għandhom jiġu ċentralment involuti fir-regolazzjoni u s-sorveljanza tal-Korp Ewropew tas-Solidarjetà.

1.15.

Is-semplifikazzjoni u l-integrazzjoni tal-programm huma milqugħin.

1.16.

Jeħtieġ li l-UE turi r-rieda tagħha li tinvesti f’forom u tipi oħra ta’ volontarjat lil hinn mill-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà.

2.   Sfond

2.1.

Il-Kummissjoni Ewropea tipproponi li tistabbilixxi l-baġit ġenerali għall-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà għal EUR 1,26 biljun fi prezzijiet attwali, għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2027. Dan jippermetti għal madwar 350 000 żagħżugħ u żagħżugħa biex jipparteċipaw bejn l-2021 u l-2027, minbarra l-100 000 parteċipant li l-Kummissjoni għandha l-għan li tappoġġja sa tmiem l-2020.

2.2.

Peress li hemm potenzjal għal aktar żvilupp ta’ solidarjetà mal-vittmi tal-kriżijiet u tad-diżastri fil-pajjiżi mhux fl-UE, din il-proposta tipprevedi l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà biex jinkludi l-appoġġ għall-operazzjonijiet tal-għajnuna umanitarja f’pajjiżi mhux fl-UE, inklużi dawk li jinsabu fil-viċinat tar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE.

2.3.

Il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà għandu l-għan li jtejjeb l-involviment taż-żgħażagħ u tal-organizzazzjonijiet f’attivitajiet ta’ solidarjetà aċċessibbli u ta’ kwalità għolja. Dan huwa mezz biex jissaħħu l-koeżjoni, is-solidarjetà u d-demokrazija fl-Ewropa u lil hinn minnha, filwaqt li jindirizza l-isfidi soċjetali u umanitarji fuq il-post, b’enfasi partikolari għall-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali.

2.4.

Il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà għandu jippermetti lill-parteċipanti biex isaħħu u jivvalidaw il-ħiliet tagħhom u jiffaċilita l-integrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.

2.5.

Il-programm għandu joffri attivitajiet li jistgħu jitwettqu f’pajjiż li mhuwiex il-pajjiż ta’ residenza tal-parteċipanti (attivitajiet u volontarjat transkonfinali b’appoġġ għall-għajnuna umanitarja), kif ukoll attivitajiet li jistgħu jitwettqu fil-pajjiż ta’ residenza tagħhom (fil-pajjiż). Il-programm għandu jiġi implimentat taħt iż-żewġ komponenti ta’ azzjoni:

Il-komponent 1: parteċipazzjoni taż-żgħażagħ f’attivitajiet ta’ solidarjetà li jindirizzaw sfidi tas-soċjetà: l-azzjonijiet għandhom b’mod partikolari jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-koeżjoni, tas-solidarjetà u tad-demokrazija fl-UE u lil hinn minnha, filwaqt li jindirizzaw sfidi tas-soċjetà, bi sforz partikolari għall-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali.

Komponent 2: parteċipazzjoni taż-żgħażagħ f’attivitajiet ta’ solidarjetà relatati mal-għajnuna umanitarja (Korp Volontarju Ewropew ta’ Għajnuna Umanitarja): dawn l-azzjonijiet għandhom jikkontribwixxu b’mod partikolari biex tiġi pprovduta għajnuna umanitarja bbażata fuq il-ħtiġijiet immirata għall-ħarsien tal-ħajja, il-prevenzjoni u t-taffija tat-tbatija umana u ż-żamma tad-dinjità tal-bniedem, u għat-tisħiħ tal-kapaċità u r-reliżjenza ta’ komunitajiet vulnerabbli jew milquta minn diżastru.

2.6.

Kwalunkwe entità pubblika jew privata stabbilita f’pajjiż parteċipanti kif ukoll organizzazzjonijiet internazzjonali jistgħu japplikaw għal finanzjament taħt il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. L-organizzazzjoni parteċipanti għandha tikseb tikketta tal-kwalità bħala prekundizzjoni biex tirċievi finanzjament jew timplimenta kwalunkwe azzjonijiet iffinanzjati minnha taħt il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà.

2.7.

Għandha tingħata attenzjoni speċjali biex jiġi żgurat li l-attivitajiet appoġġati mill-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà jkunu aċċessibbli għaż-żgħażagħ kollha, b’mod partikolari dawk l-aktar żvantaġġati. Għandhom jittieħdu miżuri speċjali biex jiġu promossi l-inklużjoni soċjali, il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ żvantaġġati, kif ukoll biex jiġu meqjusa r-restrizzjonijiet imposti mid-distanza remota ta’ għadd ta’ żoni rurali u tar-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni Ewropea u tal-Pajjiżi u tat-Territorji extra-Ewropej.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Aħna nilqgħu l-impenn għall-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà mġedded b’baġit akbar u mira għal parteċipazzjoni. Aħna nemmnu madankollu li għad hemm kwistjonijiet li jridu jiġu indirizzati u ħafna minnhom tqajmu f’Opinjoni (2) preċedenti tagħna dwar il-kwistjoni. Hemm ukoll xi żviluppi u kwistjonijiet potenzjali oħra relatati mal-amalgamazzjoni tal-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE li jinvolvu l-espansjoni tal-komponent tal-volontarjat għall-pajjiżi ġirien, il-pajjiżi ta’ qabel l-adeżjoni u r-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni Ewropea.

3.2.

Din l-Opinjoni b’mod partikolari tiffoka fuq dak li huwa ġdid jew innovattiv fl-aħħar proposta. Effettivament, l-aħħar Komunikazzjoni tipprovdi għal bażi legali sħiħa u ġdida għall-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà u baġit dedikat u tamalga b’mod effettiv il-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE. Il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà jsir entità waħda skont il-proposti minflok is-somma ta’ tmienja differenti, li hija ħaġa pożittiva.

3.3.

Kien hemm diversi talbiet fl-Opinjoni preċedenti tagħna dwar il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà (3), u aħna nemmnu li jibqgħu validi. Peress li ħafna minnhom ma kienx hemm segwitu tagħhom, xi wħud jeħtieġu ripetizzjoni u oħrajn jeħtieġu sistemi u strutturi biex jipproteġu kontra l-eżiti li kellna tħassib dwarhom dak iż-żmien. Xi wħud minn dawn it-talbiet jirreferu għal:

L-iżgurar tal-kontroll tal-kwalità għall-parteċipanti li jidħlu fil-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà

L-iżgurar tal-kontroll tal-kwalità għall-proġetti u l-persuni f’komunitajiet lokali

Ir-rwol tar-riżorsi onlajn biex jiġu appoġġjati l-voluntiera

Il-kwistjoni ta’ “flus ġodda”

Ir-rwol tal-organizzazzjonijiet għajr mhux għall-profitti

Id-definizzjoni tal-volontarjat

Ir-rwol tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ

Il-ħtieġa li jiġu appoġġjati l-parteċipanti fit-tħejjija tagħhom biex jieħdu sehem fil-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà

Appoġġ u azzjonijiet ta’ segwitu li se jikkontribwixxu biex jiġi żgurat li l-impenn mal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà jkollhom probabbiltà ogħla li jwasslu għal volontarjat tul il-ħajja u azzjonijiet oħra li jesprimu solidarjetà.

3.4.

Huwa importanti għalina li l-pjattaformi rilevanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili bħall-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ u ċ-Ċentru Ewropew għall-Volontarjat jiġu inklużi b’mod formali fil-korp ta’ monitoraġġ tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà sabiex jiġi żgurat li tiġi inkluża l-vuċi tas-soċjetà ċivili u li l-feedback mil-livell lokali u mill-utenti tal-programm jiġi inkluż fil-ġestjoni tal-programm.

3.5.

Huwa importanti li neżaminaw l-amalgamazzjoni tal-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE. Dan huwa t-tip ta’ azzjoni differenti ħafna. Filwaqt li jista’ jkun hemm ħafna x’jingħad dwar is-semplifikazzjoni u l-integrazzjoni tal-proċess, hemm kwistjonijiet differenti u speċifiċi fir-rigward tal-kwistjonijiet ta’ żvilupp b’rabta mal-kultura, il-poter u t-tip ta’ proġett. Din l-isfida hija rikonoxxuta fil-proposta. Huwa importanti li ma ngħaġġluhomx għall-konvenjenza amministrattiva.

3.6.

Il-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE huwa programm relattivament żgħir, madankollu ma kienx biss għaż-żgħażagħ, u l-proposta tidher siekta dwar dan. Kif sabet l-evalwazzjoni esterna tal-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE, hija kellha standard Ewropew ta’ ġestjoni tal-volontiera, għalhekk tali tagħlim jew sistemi m’għandhomx jintilfu fil-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà.

3.7.

Data mill-Portal tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà (4) jeħtieġ li tiġi analizzata biex tkun tista’ tibda l-analiżi tal-impatt anke tal-operat bikri tiegħu. Is-sistemi ta’ evalwazzjoni u feedback ser ikunu kritiċi. Anki apparti dawn, għandhom jiġu żgurati sistemi formali ta’ konformità bħall-aċċess għall-Ombudsman Ewropew kemm għall-parteċipanti kif ukoll partijiet interessati oħra.

3.8.   L-appoġġ għall-volontarjat

3.8.1.

L-appoġġ għall-volontarjat jista’ jieħu ħafna forom u ħafna minnu ser jibqa’ f’idejn l-Istati Membri. Il-Kummissjoni tindika li l-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà huwa biss programm wieħed u aspett wieħed. Madankollu, dan issa jitqies bħala miżura ewlenija b’ħafna piż politiku mehmuż miegħu. Dan jista’ jneħħi mill-potenzjal għal approċċ aktar dedikat għall-volontarjat.

3.8.2.

Naturalment ser ikun hemm tħassib li l-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà ser jiġbed nies lil hinn mill-forom oħra ta’ volontarjat. Bl-istess mod, filwaqt li dejjem nilqgħu l-appoġġ għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, jista’ jkun hemm ukoll ġibda akbar biex tintgħażel organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili flok awtorità pubblika jew forsi volontarjat individwali, jew li jintgħażel volontarjat transnazzjonali flok volontarjat lokali.

3.8.3.

Il-volontarjat huwa kunċett divers ħafna. Jista’ jkun estremament limitat fiż-żmien jew jista’ jkun fuq perjodu pjuttost twil. Jista’ jinvolvi livelli differenti ta’ altruwiżmu, entużjażmu u, b’mod partikolari ħafna, ħin. Il-volontarjat huwa bla dubju ġid pubbliku u fl-istess ħin jista’ jservi interessi ekonomiċi u soċjali vitali billi jnaqqas il-pressjoni minn fuq l-Istat u jiżgura li jitwettqu kompiti essenzjali ta’ spiss f’kunċett lokali ħafna. L-Istat imbagħad jeħtieġ li jappoġġja l-volontarjat kif tagħmel l-UE. Filwaqt li l-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà huwa programm wieħed biss, l-enfasi tiegħu fuq volontarjat full-time b’mod effettiv f’kuntest transnazzjonali jenfasizza dan l-approċċ. Għalhekk tipi oħra ta’ volontarjat jistgħu ma jiksbux l-istess attenzjoni, anke bl-aħjar rieda fid-dinja.

3.8.4.

L-appoġġ pubbliku għall-volontarjat irid ikun divers, jeħtieġ li jkopri d-dinja tax-xogħol, l-arranġamenti tas-sigurtà soċjali flessibbli, iċ-ċertifikazzjoni, l-approċċ tal-awtoritajiet pubbliċi fil-qasam tas-saħħa u l-edukazzjoni, il-kwistjoni ta’ kumpens fejn rilevanti, it-taħriġ u ħafna aktar. L-UE teħtieġ b’mod kritiku tindika li hemm involuti dawn il-kwistjonijiet kollha u filwaqt li jista’ ma jkollhiex kompetenzi fl-oqsma kollha, jeħtieġ li tkun kawta f’li tipprijoritizza forma waħda fuq oħra fil-finanzjament li tipprovdi. Aktar milli programm wieħed hemm bżonn politika komprensiva u mifruxa sew dwar il-volontarjat, irrispettivament minn kemm huwa milqugħ jew iffinanzjat tajjeb.

3.8.5.

Anki bil-proposti l-ġodda u wara xi aġġustamenti inizjali, xorta għad hemm xi mistoqsijiet ġenerali dwar ir-raġuni fundamentali u l-għanijiet. Fl-ogħla livell irid jiġi stabbilit jekk il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà huwiex programm ta’ volontarjat jew appoġġ għall-iżvilupp taż-żgħażagħ. Jista’ jkun hemm xi diffikultajiet jekk wieħed jipprova jilħaq iż-żewġ għanijiet.

3.8.6.

Jista’ jkun preferibbli għalhekk li jiġu separati l-loġika u r-raġuni fundamentali għall-appoġġ għall-volontarjat, li jista’ jieħu forom differenti, u għall-programmi taż-żgħażagħ, li jistgħu jkunu appoġġjati taħt l-istrateġija għaż-żgħażagħ. L-amalgamazzjoni jew id-duplikazzjoni tagħhom għandhom ikunu kwistjoni ta’ tfassil u prinċipju iktar milli storja u finanzjament disponibbli. Effettivament għall-futur jidher aktar xieraq li jkun hemm programmi awtonomi biex jiġu appoġġjati ż-żgħażagħ u l-volontarjat anke jekk ikun hemm xi elementi komuni. Dan jista’ jkun l-approċċ jekk, pereżempju, nibdew b’“paġna vojta”.

3.8.7.

Hemm numru konsiderevoli ta’ għanijiet għall-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. Għandna bżonn kontinwament nistaqsu x’inhi r-raġuni fundamentali għall-programm u jekk huwiex l-aħjar mod kif dan jitwettaq. Ġeneralment, għadna nemmnu li l-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà għandu jkun biss għall-organizzazzjonijiet mhux għall-profitti. Dan jista’ jinkludi sħubijiet ma’ organizzazzjonijiet għall-profitt iżda l-attività għandha b’mod ċar titwettaq permezz ta’ organizzazzjoni mhux għall-profitt u fejn meħtieġ tkun regolata minn ftehim ġuridikament vinkolanti f’dan ir-rigward.

3.9.   Il-komponent tal-impjiegi

3.9.1.

Il-komponent tal-impjiegi tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà jirċievi ħafna attenzjoni. Aħna nemmnu li jeħtieġ regolamentazzjoni stretta ħafna u ċertament għandu jiġi offrut biss mill-organizzazzjonijiet mhux għall-profitti. Jidher li jinvolvi ħafna xogħol u sforz biex jinħoloq għal numru żgħir ħafna ta’ postijiet u jeħtieġ li jinżamm taħt reviżjoni kostanti. Bl-aqwa rieda fid-dinja, l-Aġenziji Nazzjonali (l-istess bħal dawk għall-Erasmus+) ma jistgħux ikunu mistennija li jkollhom biżżejjed għarfien dwar kwistjonijiet tas-suq tax-xogħol u tal-impjiegi.

3.9.2.

Jekk il-komponent tax-xogħol irid ikompli jidher, dan irid jikkorrespondi mal-ogħla standards f’dak il-qasam. Varjetà ta’ standards u dokumenti esterni fil-qasam tal-volontarjat, ix-xogħol u ż-żgħażagħ jibqgħu rilevanti hawnhekk u aħna nkomplu napprovawhom u nirrakkomandawhom lill-Kummissjoni, l-Aġenzija Eżekuttiva u l-Aġenziji Nazzjonali, jiġifieri:

(a)

L-Aġenda Politika għall-Volontarjat fl-Ewropa (PAVE) (5)

(b)

Il-Karta Ewropea dwar id-Drittijiet u r-Responsabilitajiet tal-Voluntiera tal-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ (6)

(c)

Il-Karta Ewropea tal-Kwalità tal-Internships u l-Apprendistati tal-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ (7)

(d)

Id-deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew dwar l-internships mhux imħallsa (8)

3.10.   Programm taż-Żgħażagħ?

3.10.1.

Naturalment hemm enfasi kbira fuq l-esperjenza, il-benesseri u l-progressjoni tal-parteċipanti żgħażagħ u aħna napprovaw dan bis-sħiħ. Għandu jkun hemm ukoll l-istess enfasi fuq il-kwalità tal-interventi, jekk dawn humiex qed jilħqu l-għanijiet tagħhom, jekk dawn josservawx l-aspettattivi u l-istandards rilevanti fl-oqsma rispettivi tagħhom. M’hemm l-ebda kompromess bejn il-kwalità tal-proġett u l-kwalità tar-riżultati għall-parteċipant, huma t-tnejn importanti ndaqs.

3.10.2.

Filwaqt li l-volontarjat għaż-żgħażagħ huwa għan speċifiku u prijoritarju f’dan il-mument, fil-kuntest tat-tagħlim tul il-ħajja jista’ wkoll ikun iż-żmien li jinbeda dibattitu dwar jekk għandux ikun hemm limitu ta’ żmien għall-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà u attivitajiet relatati. Ħafna nies mis-soċjetà għandhom x’joffru u tabilħaqq x’jitgħallmu u s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet tista’ tkun daqstant importanti.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

Mhuwiex ċar li d-data dwar il-progress li sar s’issa kinitx biżżejjed biex jittieħdu aktar deċiżjonijiet dwar il-konsolidazzjoni u l-amalgamazzjoni ma’ oqsma ġodda. Kien hemm loġika ċara li s-Servizz Volontarju Ewropew (9) ikun programm dwar iż-żgħażagħ. M’aħniex konvinti li twettqet biżżejjed valutazzjoni tal-impatt fuq is-Servizz Volontarju Ewropew qabel ma ġie introdott il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. Filwaqt li ħafna mis-Servizz Volontarju Ewropew issa sar il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, jista’ jkun hemm biża’ li kien il-baġit disponibbli li mbotta dan il-proċess aktar milli viżjoni għall-volontarjat. Apparti dan m’aħniex ċerti dwar l-ammont ta’ involviment miż-żgħażagħ fit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar din il-bidla.

4.2.

L-amalgamazzjoni tal-programmi tal-UE għall-għajnuna umanitarja u s-servizz volontarju jeħtieġ li jkollha loġika ċara u espliċita. Hemm dejjem aktar enfasi fuq is-sigurtà f’xi wħud mill-politiki esterni tal-UE u l-kriżi tar-refuġjati ħalliet impatt ukoll. Dan jista’ jikkontribwixxi wkoll għal bidla fin-natura tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà jekk jintuża bħala parti mill-Azzjoni Esterna tal-UE. Barra minn hekk, din l-amalgazzjoni tintroduċi limitu ta’ età fid-dimensjoni umanitarja li ma kienx jeżisti qabel.

4.3.

L-għanijiet il-ġodda tal-Istrateġija l-ġdida tal-UE għaż-Żgħażagħ (10) relatati maż-żieda fl-involviment tal-volontarjat fl-Istati Membri apparti l-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà jistgħu jiġu espressi aħjar fil-proposta. L-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ 2019-2027 tidher li għandha aktar miri ambizzjużi li jikkonsistu f’li l-Istati Membri jitħeġġu jsaħħu l-politiki u l-istrateġiji tagħhom tal-volontarjat sabiex aktar żgħażagħ jitħeġġu jkunu attivi. Ikun importanti li jiġi inkluż ukoll finanzjament speċifiku sabiex l-Istati Membri jiġu offruti spazju fejn jaqsmu l-aħjar prattiki relatati mal-politiki u l-istrateġiji tal-volontarjat, pereżempju billi jerġa’ jiġi stabbilit il-Grupp ta’ Esperti dwar il-Mobbiltà tal-Żgħażagħ Voluntiera. B’mod partikolari, aħna qed nittamaw li r-rikonoxximent tal-istrument tal-eżiti tat-tagħlim tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà jista’ jintuża fil-forom kollha ta’ impenn volontarju li jseħħ barra l-programm tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. Il-bażi legali tal-proposta ma teskludihx iżda jkun utli li jiġi stabbilit għan usa’ dwar dan.

4.4.

Il-proposta l-ġdida twiegħed is-semplifikazzjoni tal-proċeduri u dan huwa milqugħ. Ikun utli aktar dettall għall-partijiet interessati f’dan ir-rigward. Il-proġetti ta’ solidarjetà lokali huma żvilupp milqugħ tajjeb u għandhom jiġu prijoritizzati.

4.5.

Xi wħud mill-materjal promozzjonali relatat mal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà jiffoka ħafna fuq l-opportunitajiet individwali u l-iżvilupp. Filwaqt li dan jeħtieġ li jkun parti mill-offerta, naturalment huwa tal-akbar importanza li l-prodott aħħari u r-riżultat tal-volontarjat jiġu enfasizzati u promossi bl-istess mod. Minħabba li teżisti l-inizjattiva DiscoverEU (11), jaf ikollna bżonn noqogħdu attenti li ma tiżviluppax perċezzjoni li l-appoġġ tal-UE huwa prijorità għas-“sena ta’ waqfien” u għal żgħażagħ finanzjarjament aktar komdi.

4.6.

Aħna napprovaw bil-qawwa d-diviżjoni indikattiva ta’ 90 % għall-volontarjat fl-implimentazzjoni tal-baġit tal-programm u l-perspettiva ta’ aktar mentoring għal dawk żvantaġġjati. Għandha tinżamm id-disaggregazzjoni baġitarja għall-komponenti ħlief fejn in-nuqqas ta’ domanda jinvolvi bidliet fil-linji baġitarji kollha mill-Aġenziji Nazzjonali. Ġeneralment l-allokazzjoni għandha ssir abbażi tat-talbiet mill-organizzazzjonijiet parteċipanti.

4.7.

Ser ikun hemm il-ħtieġa li l-Aġenziji Nazzjonali jingħataw biżżejjed riżorsi, b’mod partikolari biex jindirizzaw kwalunkwe sfida u partikolarment il-miżuri l-ġodda relatati mal-aspett tax-xogħol tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà u għall-kooperazzjoni tagħhom mal-aġenziji tas-suq tax-xogħol u skemi nazzjonali oħra rilevanti.

4.8.

Is-Servizz Volontarju Ewropew kellu qafas b’saħħtu għal taħriġ formali u informali. Ġie żviluppat il-kunċett ta’ Erasmus għall-ħaddiema mis-settur tal-kultura u jista’ jkun ta’ valur għall-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. It-tagħlim mhux formali huwa qasam kritiku. Għandu jiġi analizzat l-approċċ Pisa, fejn l-istudenti jistgħu jiksbu krediti għal xogħol prattiku tat-tip Erasmus.

4.9.

Hemm dimensjoni ta’ segwitu għall-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà iżda hija biss prevista fir-rigward tal-kondiviżjoni tal-għarfien. Hemm bżonn li jitfittex impenn aktar fit-tul tal-parteċipanti f’azzjonijiet ta’ solidarjetà, inkluż volontarjat part-time (l-aktar komuni) fil-ħin liberu tal-parteċipanti, lil hinn mill-opportunità tal-volontorjat offruta mill-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà.

4.10.

Huwa importanti li jiġi analizzat u tingħata risposta dwar l-użu tal-element marbut max-xogħol s’issa. Xi wħud mill-miżuri ta’ effettività fl-evalwazzjoni ex ante — li jiffukaw iktar fuq dak li jitwettaq milli fuq ir-riżultat u l-evalwazzjonijiet futuri — għandhom jindirizzaw dan.

Brussell, is-17 ta’ Ottubru 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  https://webgate.ec.europa.eu/echo/eu-aid-volunteers_en/

(2)  ĠU C 81, 2.3.2018, p. 160.

(3)  ĠU C 81, 2.3.2018, p. 160.

(4)  https://europa.eu/youth/solidarity_en

(5)  http://www.kansalaisareena.fi/EYV2011Alliance_PAVE_copyfriendly.pdf

(6)  https://www.youthforum.org/charter-rights-and-responsibilities-volunteers

(7)  https://www.youthforum.org/european-quality-charter-internships-and-apprenticeships

(8)  https://www.socialistsanddemocrats.eu/newsroom/unpaid-internships-european-parliament-and-elsewhere-must-be-banned-say-sds

(9)  https://europeanvoluntaryservice.org/

(10)  https://ec.europa.eu/youth/policy/youth-strategy_en

(11)  https://europa.eu/youth/discovereu_en


Top