EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018AE3636

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil” (COM(2018) 471 final — 2018/0248 (COD)) u dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri, l-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-ġestjoni tal-fruntieri” (COM(2018) 473 final — 2018/0249(COD))

EESC 2018/03636

ĠU C 62, 15.2.2019, p. 184–188 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 62/184


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil”

(COM(2018) 471 final — 2018/0248 (COD))

u dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri, l-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-ġestjoni tal-fruntieri”

(COM(2018) 473 final — 2018/0249(COD))

(2019/C 62/30)

Relatur:

Giuseppe IULIANO

Konsultazzjoni

Il-Kunsill Ewropew, 25.7.2018

Il-Parlament Ewropew, 2.7.2018

Bażi legali

Artikolu 77(2), Artikolu 78 (2), Artikolu 79 (2)(d) u (4), u Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

 

 

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adottata fis-sezzjoni

26.9.2018

Adottata fil-plenarja

17.10.2018

Sessjoni plenarja Nru

538

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

101/0/3

1.   Konklużjonijiet

1.1.

Il-migrazzjoni hija aspett kostanti tal-istorja tal-Unjoni Ewropea, b’impatt ċar fuq il-futur tagħha u s-soċjetajiet li tħaddan. Il-ġestjoni konġunta tal-migrazzjoni fl-UE hija proċess mhux komplut u, f’dawn l-aħħar snin, dan wassal għal kriżi istituzzjonali li żvelat in-nuqqas ta’ vuċi Ewropea komuni. Is-sitwazzjoni attwali tirrifletti n-nuqqas ta’ kapaċità tal-Istati Membri tal-UE li jimplimentaw is-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil u li jagħtu protezzjoni adatta lill-mijiet ta’ persuni spostati u tal-persuni li jfittxu asil fil-fruntieri tagħna.

1.2.

Il-KESE huwa tal-fehma li l-politiki tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja jeħtieġ li jkunu bbażati fuq il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

1.3.

Jeħtieġ li niffaċċjaw tibdil profond fil-qasam tal-migrazzjoni, l-asil u l-fruntieri esterni. Huwa essenzjali wkoll li tiġi rkuprata l-ħidma tal-istituzzjonijiet differenti Ewropej biex jeżaminaw mill-ġdid l-istrumenti eżistenti u joffru alternattivi għall-iżvilupp ta’ politika komuni, integrata u koerenti dwar il-migrazzjoni u l-asil, b’konformità mal-prinċipji u l-obbligi li joħorġu mit-Trattat u l-liġi internazzjonali.

1.4.

Huwa essenzjali li nimxu lejn politika komprensiva dwar il-migrazzjoni u l-asil, li ssaħħaħ l-integrazzjoni u l-kollaborazzjoni bejn l-Istati Membri u tinkludi b’mod aktar ċar il-pożizzjonijiet tad-diversi istituzzjonijiet Ewropej, sabiex jiġi indirizzat it-tħassib taċ-ċittadini u b’hekk jiġi evitat id-diżappunt li qiegħed jikber fir-rigward tal-proġett Ewropew. Il-KESE huwa konxju mill-fatt li jekk ma jingħatawx tweġibiet u jekk ma jiġux issodisfati l-aspettattivi taċ-ċittadini f’dawn l-oqsma, dan joħloq diżappunt u Ewroxettiċiżmu dejjem akbar.

1.5.

Il-KESE jinsab imħasseb dwar iż-żieda fl-intolleranza, ir-razziżmu u l-ksenofobija kontra l-migranti u r-refuġjati fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, u jinnota wkoll li f’xi pajjiżi jista’ jkun hemm deterjorament tal-ħarsien tad-drittijiet fundamentali.

1.6.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fondi l-ġodda, li huma ta’ natura differenti ħafna, li jagħtu kontinwità lix-xogħol li beda, u japprezza ż-żieda fl-allokazzjoni finanzjarja tagħhom. Ifakkar li l-fondi huma strumenti li għandhom jikkontribwixxu biex titmexxa ’l quddiem politika Ewropea komprensiva dwar il-migrazzjoni u l-asil. Il-fondi jkopru suġġetti differenti bħall-migrazzjoni, l-asil u l-ġestjoni tal-fruntieri esterni, iżda sfortunatament hemm nuqqas ta’ referenzi għar-rotot ta’ aċċess regolari għall-Unjoni Ewropea, biex jiġi żgurat ukoll il-funzjonament tajjeb f’dawn l-oqsma.

1.7.

Ir-referenza għall-Artikolu 80 bħala l-bażi legali tar-Regolament titqies bħala korretta, billi tiddikjara b’mod espliċitu li l-politiki komuni dwar l-asil, il-migrazzjoni u l-fruntieri esterni huma bbażati fuq il-prinċipju tas-solidarjetà u fuq it-tqassim ġust tar-responsabbiltajiet bejn l-Istati Membri li japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ Schengen dwar il-fruntieri esterni u l-viżi (1). Jeħtieġ li tissaħħaħ l-applikazzjoni tal-prinċipju tas-solidarjetà sabiex ma tinftiehemx bħala kwistjoni retorika.

1.8.

It-trattament ugwali u l-politiki kontra d-diskriminazzjoni huma pilastri tal-politiki Ewropej, flimkien ma’ dawk marbuta mal-integrazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Jinsab imħasseb li t-tneħħija tal-kelma “integrazzjoni” tat-titolu tista’ tinftiehem li tkun qed tonqos il-preokkupazzjoni dwar din il-kwistjoni.

1.9.

Il-Kumitat josserva l-ħtieġa li jerġgħu jiddaħħlu r-referenzi għal kooperazzjoni akbar bejn l-Istati Membri dwar l-asil u l-migrazzjoni, b’mod partikolari billi jingħata appoġġ għall-finanzjament tal-iskambju tal-aħjar prattiki fil-qasam tal-asil, anke permezz tal-ħolqien ta’ netwerks u l-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-migrazzjoni legali u l-integrazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

1.10.

Jilqa’ b’sodisfazzjon l-importanza li tingħata lill-flessibbiltà fiż-żewġ fondi, għax dan ifisser li tiġi rikonoxxuta l-ħtieġa li jiġu ssodisfati aħjar il-ħtiġijiet ta’ kull Stat Membru, f’qafas ta’ azzjoni konġunta. Bl-istess mod, il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon is-semplifikazzjoni tal-proċessi, u r-rikonoxximent tal-importanza tal-evalwazzjoni.

1.11.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-ġestjoni tal-fruntieri sservi biex iżżid is-sigurtà interna tal-Unjoni b’rispett sħiħ lejn id-drittijiet fundamentali, iżda jesprimi dispjaċir għall-fatt li ma jissemmiex b’mod speċifiku l-ħarsien tad-drittijiet fundamentali wkoll f’żoni tal-fruntieri.

1.12.

Huwa essenzjali li l-Istati Membri jiġu mfakkra li s-sorveljanza tal-fruntieri marittimi tinkludi s-sigurtà u l-kontroll tal-fruntieri, iżda wkoll azzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ fuq il-baħar. Huwa tajjeb li titfakkar is-sentenza tal-QEDB tal-2012 (2) li tipprojbixxi r-refoulement mhux biss fit-territorju ta’ Stat, iżda wkoll fl-azzjoni ekstraterritorjali tiegħu, inkluż meta dan iseħħ fl-ibħra internazzjonali.

1.13.

F’diversi Opinjonijiet tiegħu (3), il-KESE ppropona li l-fruntieri esterni taż-żona ta’ Schengen jitqiesu mill-UE bħala fruntieri komuni u li, għalhekk, ir-responsabbiltà għandha tiġi ġestita fil-livell Ewropew.

2.   Sfond

2.1.

Il-migrazzjoni hija aspett kostanti tal-istorja tal-Unjoni Ewropea, b’impatt ċar fuq il-futur tagħha u s-soċjetajiet li tħaddan. Il-ġestjoni konġunta tal-migrazzjoni fl-UE hija proċess mhux komplut u, f’dawn l-aħħar snin, dan wassal għal kriżi istituzzjonali li żvelat in-nuqqas ta’ vuċi Ewropea komuni. Huwa essenzjali li tintuża l-ħidma tal-istituzzjonijiet differenti Ewropej biex jiġu żaminati mill-ġdid l-istrumenti eżistenti u jiġu offruti alternattivi għall-iżvilupp ta’ politika komuni, integrali u koerenti dwar il-migrazzjoni u l-asil, b’konformità mal-prinċipji tal-liġi internazzjonali u tat-Trattati.

2.2.

Il-migrazzjoni hija waħda mill-prijoritajiet politiċi tal-Kummissjoni, li l-għan ewlieni tagħha huwa li tindirizza din il-kwistjoni b’mod komprensiv. L-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni approvata fl-2015 tikkombina risposti immedjati għas-sitwazzjoni ta’ kriżi umanitarja fil-fruntieri Ewropej ma’ miżuri fit-tul għall-ġestjoni tal-migrazzjoni b’mod komprensiv.

2.3.

Il-kriżi fil-Mediterran enfasizzat il-ħtiġijiet immedjati u żvelat ukoll limitazzjonijiet strutturali tal-politika u l-għodod tal-migrazzjoni tal-UE. Jeħtieġ li l-UE ssib il-bilanċ ġust u tibgħat messaġġ ċar lill-Ewropej li l-migrazzjoni tista’ tiġi ġestita aħjar b’mod kollettiv. Il-Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil (AMF) u l-istrument ta’ appoġġ finanzjarju għall-ġestjoni tal-fruntiera u l-viżi huma parti minn dan il-proċess.

2.4.

Fil-kuntest tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027, il-Kummissjoni pproponiet li ssaħħaħ b’mod sinifikanti l-baġit ġenerali għall-ġestjoni tal-migrazzjoni u l-fruntieri, li tipprovdi lill-AMF il-ġdid ammont totali propost ta’ EUR 10,415 miljun (il-prezzijiet attwali) (4) u ta’ EUR 9,318 miljun (il-prezzijiet attwali) għall-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri.

2.5.

L-AMF għandha l-għan li tikkontribwixxi għal ġestjoni integrata tal-migrazzjoni, l-integrazzjoni u r-ritorn, kif ukoll tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil (SEKA), u b’hekk jiġi ffaċilitat l-appoġġ lill-Istati Membri f’qafas ta’ solidarjetà u kondiviżjoni tar-responsabbiltajiet bejniethom.

2.6.

L-istrument ta’ appoġġ finanzjarju għall-ġestjoni tal-fruntieri u l-viżi, bħala parti mill-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri, għandu l-għan li jgħin lill-Istati Membri jiksbu aħjar il-miżuri komuni dwar il-qsim ta’ persuni bejn il-fruntieri interni u dwar il-kontrolli tal-fruntieri u l-politika komuni dwar il-viżi. Ġestjoni tajba fil-fruntieri esterni hija essenzjali għall-kisba ta’ żona mingħajr fruntieri li fiha n-nies u l-merkanzija jistgħu jiċċaqilqu liberament.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li, bħala bażi legali għaż-żewġ strumenti, huwa msemmi l-Artikolu 80 tat-TFUE, li jfakkar li politiki komuni dwar l-asil, il-migrazzjoni u l-fruntieri esterni huma bbażati fuq il-prinċipju tas-solidarjetà u fuq id-distribuzzjoni ġusta tar-responsabbiltà bejn l-Istati Membri.

3.2.

Iż-żewġ fondi jeħtieġ li jiġu eżegwiti billi jipprovdu linji gwida ċari u preċiżi dwar is-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll u r-rekwiżiti tal-awditjar. Jeħtieġ li jiġu promossi s-semplifikazzjoni tal-proċeduri u t-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi, u jeħtieġ li jittieħdu wkoll miżuri biex jiżguraw trasparenza akbar, responsabbiltà aħjar u li jinkisbu l-għanijiet fir-rigward tal-fondi ttrasferiti lill-Istati Membri.

3.3.

Jeħtieġ li l-istrumenti jiġu kkoordinati ma’ dispożizzjonijiet eżistenti oħrajn, u b’hekk jiġu evitati d-duplikazzjonijiet u jkunu jistgħu joperaw b’mod li jikkomplementa għalkollox id-diversi aġenziji tal-Unjoni li jaħdmu wkoll f’dawn l-oqsma. Jeħtieġ li x-xogħol jitwettaq f’konformità mal-politiki rilevanti tal-UE bħalma huma l-ġestjoni tal-fruntieri, is-sigurtà interna, l-inklużjoni u l-integrazzjoni soċjali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u l-politika esterna tal-Unjoni.

3.4.

Jeħtieġ li l-istrumenti jkunu flessibbli biex joffru risposta għall-isfidi li qed jinbidlu fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntieri u l-viżi. Għalhekk, minbarra l-kontribuzzjoni fissa għal kull Stat Membru parteċipanti, jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-bqija tal-fondi jiġu allokati għal azzjonijiet speċifiċi li fihom il-kontribuzzjoni tal-UE jkollha valur miżjud.

3.5.

Jeħtieġ li l-istrumenti jesprimu solidarjetà u responsabbiltà kondiviża bejn dawk l-Istati Membri li japplikaw bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet ta’ Schengen dwar il-fruntieri esterni u l-viżi (jew qed jippreparaw li jipparteċipaw bis-sħiħ), u għandhom jintużaw mill-Istati Membri fl-interessi tal-politika komuni tal-Unjoni għall-ġestjoni tal-fruntieri esterni. Biex ikun iggarantit il-funzjonament tajjeb ta’ Schengen, jenħtieġ li l-fruntieri esterni, li huma fruntieri komuni, jiġu ġestiti fil-livell Ewropew.

3.6.

Huwa essenzjali li t-terminoloġija tal-migrazzjoni “irregolari” jew “mhux iddokumentata” tkun unifikata fit-testi, skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa (5) u tal-Parlament Ewropew (6) innifsu.

3.7.

L-UE teħtieġ politika komuni tal-migrazzjoni bi strumenti u mezzi li jiffaċilitaw il-migrazzjoni regolari u ordnata, kif ukoll il-protezzjoni tad-dritt għal asil. Il-KESE jiddispjaċih li l-premessi jiffukaw primarjament fuq il-wasliet irregolari jew fuq il-kontroll fil-fruntieri u ma jsemmux il-ħtieġa li nimxu ’l quddiem u ninnovaw f’sistema integrata Ewropea dwar il-migrazzjoni. Ir-riforma tas-sistema ta’ Dublin hija essenzjali wkoll.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

Il-KESE huwa tal-fehma li l-proposti għaż-żewġ strumenti finanzjarji huma adatti, filwaqt li jirrikonoxxi l-għajnuna teknika u finanzjarja pprovduta mill-Unjoni Ewropea lill-Istati Membri fil-perjodu 2015-2017 permezz tal-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (7) u oħrajn, u kkontribwixxa biex titjieb il-ġestjoni fl-oqsma tal-asil, il-migrazzjoni u l-fruntieri esterni.

4.2.

Jilqa’ b’sodisfazzjon iż-żieda fil-baġit ta’ dawn il-fondi, bil-kundizzjoni li dan jikkontribwixxi għal politika ta’ migrazzjoni tal-UE li tkun komprensiva, komuni, koerenti u aġġustata għall-prinċipji tal-liġi internazzjonali, li fl-istess ħin tirrikonoxxi l-ħtiġijiet tas-soċjetajiet ospitanti u ċ-ċittadinanza tal-UE u taħdem mill-qrib ma’ msieħba minn madwar id-dinja kollha.

4.3.

Jeħtieġ li tiġi rkuprata l-kelma “integrazzjoni” fit-titlu tal-AMF, peress li l-inklużjoni hija sfida għall-Istati Membri.

4.4.

Jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-AMF jirrikonoxxi r-rwol li jaqdu l-awtoritajiet lokali u reġjonali (anke dawk ultraperiferiċi), l-atturi soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, fl-integrazzjoni fuq perjodu qasir u twil ta’ żmien, taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, anke fis-suq tax-xogħol. Jesprimi d-dispjaċir tiegħu li ma jiġux ipprovduti mezzi innovattivi biex jittejjeb l-aċċess ta’ dawn l-atturi għall-AMF, waqt li jitfakkar l-importanza li jiġi ggarantit u rrispettat il-prinċipju tas-sussidjarjetà.

4.5.

Huwa jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li, fl-użu tal-appoġġ operattiv tal-fond, jista’ jiġi stabbilit li Stat Membru ma jikkonformax mal-acquis rilevanti tal-Unjoni meta jonqos li jirrispetta l-obbligi vinkolanti fit-Trattati, jew fejn hemm riskju ċar ta’ ksur tal-valuri tal-Unjoni fil-qasam tal-asil u r-ritorn. Ikun tajjeb li l-konsegwenzi ta’ dan il-ksur fl-użu operattiv tal-AFM ikunu jistgħu jiġu ddettaljati aħjar. Il-KESE jappoġġja l-fatt li l-Kummissjoni tista’ tintervjeni f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, dejjem skont proċedura trasparenti li l-leġislaturi Ewropej (il-Parlament u l-Kunsill) jinżammu infurmati immedjatament (8). Jemmen wkoll li jistgħu jinbdew immedjatament proċeduri ta’ ksur fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità f’dawn l-oqsma min-naħa tal-Istati Membri.

4.6.

F’kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi għal ġestjoni adegwata tal-flussi ta’ dawk li qegħdin jfittxu ażil, huma meħtieġa inċentivi ekonomiċi, kif ukoll kollaborazzjoni teknika u tisħiħ istituzzjonali. Il-Fond Fiduċjarju ta’ Emerġenza għall-Afrika huwa strument neċessarju, iżda mhux esklużiv: l-għoti ta’ allokazzjoni baġitarja adegwata għandu jkun ikkomplementat mit-tiftix għal sħubija reali u koresponsabbli, b’għanijiet komuni u mfassla fl-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli bejn il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi Afrikani. Jeħtieġ li jsir sforz biex tittejjeb il-koordinazzjoni ta’ dawn l-azzjonijiet dwar il-migrazzjoni u l-asil ma’ dawk tat-tisħiħ istituzzjonali u l-appoġġ għall-proċessi demokratiċi tad-DĠ DEVCO, waqt li dejjem jiġu evitati x-xogħol doppju u n-nuqqas ta’ koerenza.

4.7.

Jeħtieġ li jsir monitoraġġ aktar mill-qrib tal-obbligu ta’ kooperazzjoni u li jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni mal-awtoritajiet li jimmaniġġjaw l-FSE+ u l-FEŻR f’kull Stat Membru biex jippromovu l-koordinazzjoni u l-integrazzjoni, u li jeżaninaw kif japplikawhom meta jkunu wkoll f’idejn amministrazzjonijiet sottostatali.

4.8.

Jeħtieġ li l-AMF jikkontribwixxi aktar valur miżjud għat-tisħiħ tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil, għall-kapaċitajiet tal-Istati Membri biex jgħinu lin-nies li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali, għall-promozzjoni tal-użu ta’ mezzi legali biex ikollhom aċċess għat-territorju tal-Unjoni u appoġġ għall-integrazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’sitwazzjoni regolari.

4.9.

Mil-lat ta’ integrazzjoni, l-iskema ta’ kontribuzzjonijiet tqis biss il-flussi ta’ wasliet annwali u l-perċentwali totali ta’ popolazzjoni barranija, mingħajr ma tuża l-ebda indikatur kwalitattiv li jista’ jservi wkoll biex jiġu identifikati aħjar il-ħtiġijiet speċifiċi tal-Istati Membri. Jeħtieġ li jiġu determinati b’aktar preċiżjoni l-għanijiet f’dan ir-rigward u li jiġu ddefiniti indikaturi (9) li jippermettu l-evalwazzjoni kontinwa tas-suċċess tal-kontribut tal-AMF f’dawn l-oqsma.

4.10.

Jidher li huwa essenzjali li tiġi ggarantita l-evalwazzjoni – intermedjarja u retrospettiva – tal-AMF u li jiġu pprovduti mekkaniżmi flessibbli li jippermettu li jitwettqu korrezzjonijiet fl-azzjonijiet evalwati. Jitqies li huwa neċessarju li jiġu kkombinati l-evalwazzjoni tal-impatt u r-riżultati, speċjalment f’dawk l-azzjonijiet li jistgħu jiżviluppaw livelli amministrattivi differenti f’kull Stat Membru.

4.11.

It-tnaqqis ta’ inċentivi għall-migrazzjoni irregolari permezz ta’ politika dwar ir-ritorn u l-ammissjoni mill-ġdid mhuwiex evidenti. Jitqies li hija essenzjali politika ta’ ritorn u riammissjoni li tkun effiċjenti u li tiggarantixxi d-drittijiet tal-bniedem tal-persuni affettwati, u tiġi enfasizzata l-ħtieġa li tittejjeb l-evalwazzjoni ta’ dawn il-politiki u l-impatt reali tagħhom fuq it-tnaqqis tal-flussi irregolari.

4.12.

Bl-istess mod, huwa essenzjali li jiġi enfasizzat il-bżonn li jiġi miġġieled l-impjieg irregolari, speċjalment tal-migranti f’sitwazzjoni ta’ irregolarità amministrattiva jew f’każijiet ta’ abbuż u sfruttament tal-ħaddiema. Jilqa’ b’sodisfazzjon kbir il-fatt li l-AMF jista’ jservi biex jiffinanzja miżuri mmirati biex jikkontrobattu l-inċentivi għall-migrazzjoni irregolari, inkluż l-impjieg irregolari, li jista’ jkun element ta’ attrazzjoni tal-flussi irregolari, tal-kompetizzjoni inġusta bejn l-impriżi u ta’ ksur tad-drittijiet (10).

4.13.

Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon kbir l-allokazzjoni tar-riżorsi għall-Qafas ta’ Risistemazzjoni (u d-Dħul Umanitarju) tal-Unjoni Ewropea. Huwa mistenni li l-programm speċifiku ta’ risistemazzjoni tal-Unjoni se jikkonverti dan l-impenn f’realtà effettivament żviluppata mill-Istati Membri. Il-KESE diġà esprima l-appoġġ tiegħu għal programm speċifiku ta’ risistemazzjoni tal-Unjoni biex din l-inizjattiva tinbidel f’realtà żviluppata b’mod effettiv mill-Istati Membri, b’inċentivi finanzjarji għal dawk l-Istati Membri l-aktar impenjati.

4.14.

L-istrument ta’ appoġġ finanzjarju għall-ġestjoni u l-viżi tal-fruntieri jtenni r-rieda li jsir kontribut biex tiġi ggarantita s-sigurtà interna tal-Unjoni Ewropea b’rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali, iżda hija ħasra li m’hemmx referenza speċifika għall-protezzjoni ta’ dawk id-drittijiet konfinali, u lanqas fir-rigward ta’ dawk il-persuni li mhumiex ċittadini tal-Unjoni Ewropea.

4.15.

Il-KESE jilqa b’sodisfazzjon il-fatt li l-istrument jippermetti lill-Istati Membri jwettqu proġetti ma’ pajjiż terz jew fit-territorju tiegħu, dejjem permezz ta’ konsultazzjoni minn qabel mal-Kummissjoni. Huwa tal-fehma li tinħtieġ iżjed informazzjoni dwar ir-rekwiżiti ta’ din il-konsultazzjoni (jew notifika ta’ din l-informazzjoni), filwaqt li jiġu stabbiliti kriterji ċari li jinkludu wkoll is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż ta’ destinazzjoni. Dan huwa essenzjali, billi l-azzjonijiet ma’ pajjiż terz jistgħu jinkludu azzjonijiet bħas-sorveljanza, l-iskoperta, l-identifikazzjoni, it-tiftix, il-prevenzjoni u l-interċettazzjoni tal-qsim mhux awtorizzat tal-fruntieri.

4.16.

Jinnota b’dispaċir li r-Regolament ipoġġi fuq l-istess livell, ripetutament, il-ġlieda kontra l-migrazzjoni irregolari u l-ġlieda kontra l-kriminalità transkonfinali, mingħajr ma jagħmel distinzjoni bejn l-għanijiet foloz tat-tieni waħda meta mqabbla ma’ dik tal-ewwel.

4.17.

Mil-lat ta’ ġestjoni tal-fruntieri, huwa diżappuntanti li s-sigurtà għadha tinftiehem bħala kwistjoni “militari”, meta “l-istrateġija globali għall-politika barranija u ta’ sigurtà tal-Unjoni Ewropea” tirrimarka li l-UE se tippromovi s-sigurtà tal-bniedem permezz ta’ approċċ integrat. Dan jimplika azzjonijiet immirati lejn it-tnaqqis tal-faqar u l-inugwaljanzi, il-promozzjoni ta’ governanza tajba u d-drittijiet tal-bniedem, l-għajnuna għall-iżvilupp u l-indirizzar tal-kawżi ewlenin tal-kunflitti u l-insigurtà, fost l-oħrajn.

4.18.

Jilqa’ b’sodisfazzjon li ġie nnotat li l-iskop tal-istrument huwa wkoll li jikkontribwixxi biex jiġu protetti u salvati l-ħajjiet tal-migranti, u li l-Istati Membri jiġu mfakkra li s-sorveljanza tal-fruntieri tal-baħar mhux biss tinkludi s-sigurtà u l-kontroll tal-fruntieri, iżda wkoll l-azzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ fil-baħar.

Brussell, is-17 ta’ Ottubru 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  Ara SOC/582 dwar Reviżjoni tal-Kodiċi dwar il-Viżi (ĠU C 440, 6.12.2018, p. 142).

(2)  Kawża Hirsi Jamaa et al kontra l-Italja (rikors nru 27765/09 (mhux disponibbli bil-Malti).

(3)  ĠU C 303, 19.8.2016, p. 109; ĠU C 451, 16.12.2014, p. 7; ĠU C 458, 19.12.2014, p. 7; ĠU C 44, 11.2.2011, p. 162.

(4)  Għal iżjed dettalji dwar dawn iċ-ċifri, ara ECO/460 – Qafas Finanzjarju Pluriennali għal wara l-2020 (ĠU C 440, 6.12.2018, p. 106).

(5)  Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa. Riżoluzzjoni 1509 (2006).

(6)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Jannar 2009 dwar il-qagħda tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea 2004-2008 (2007/2145(INI))

(7)  F’April 2014, ġie adottat ir-Regolament (UE) Nru 516/2014, li jistabbilixxi programm speċifiku ta’ finanzjament tal-UE dwar l-asil u l-migrazzjoni għall-perjodu 2014-2020, bil-għan li jikkontribwixxi, permezz tal-assistenza finanzjarja, għail-ġestjoni effiċjenti tal-flussi migratorji u l-implimentazzjoni u l-iżvilupp ta’ approċċ komuni tal-UE fil-qasam tal-asil u l-migrazzjoni. L-AMIF kellu erba’ għanijiet: (1) biex isaħħaħ u jiżviluppa l-istabbiliment tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil (SEKA); (2) jappoġġa migrazzjoni legali fl-Istati Membri skont il-ħtiġijiet ekonomiċi u soċjali tagħhom, u jippromovi integrazzjoni effettiva taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi; (3) itejjeb l-istrateġiji ġusti u effettivi ta’ ritorn bil-għan li tiġi miġġielda l-immigrazzjoni irregolari; u (4) iżid is-solidarjetà u l-kondiviżjoni tar-responsabbiltajiet fost l-Istati Membri, b’attenzjoni speċjali lejn dawk l-iktar milquta mill-flussi migratorji u l-asil.

(8)  ĠU C 303, 19.8.2016, p. 109.

(9)  OECD/UE (2015) Indicators of Immigrant Integration 2015 (Indikaturi ta’ integrazzjoni tal-immigranti 2015) jew indikaturi ta’ “Zaragoza”.

(10)  Ara l-Opinjonijiet adottati ĠU C 204, 9.8.2008, p. 70, u ĠU C 75, 10.3.2017, p. 81.


Top