EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018AE2950

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Programm dwar id-Drittijiet u l-Valuri” (COM(2018) 383 final — 2017/0207 (COD)) u l-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-programm Ġustizzja” (COM(2018) 384 final — 2017/0208 (COD))

EESC 2018/02950

ĠU C 62, 15.2.2019, p. 178–183 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 62/178


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Programm dwar id-Drittijiet u l-Valuri”

(COM(2018) 383 final — 2017/0207 (COD))

u l-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-programm Ġustizzja”

(COM(2018) 384 final — 2017/0208 (COD))

(2019/C 62/29)

Relatur:

Jean-Marc ROIRANT

Konsultazzjoni

Kunsill Ewropew, 21.6.2018

Kummissjoni Ewropea, 18.6.2018

Parlament Ewropew, 14.6.2018

Bażi ġuridika

L-Artikoli 81(1) u (2) u 82(1) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

L-Artikoli 16(2), 19(2), 21(2), 24, 167, 168 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

 

 

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adottata fis-sezzjoni

26.9.2018

Adottata fil-plenarja

18.10.2018

Sessjoni plenarja Nru

538

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

135/2/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea, li tirriżulta minn fużjoni ta’ programmi eżistenti, bħala strument bżonnjuż ħafna għall-promozzjoni tal-valuri u tal-istorja tal-UE, tad-drittijiet fundamentali, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt, għall-parteċipazzjoni u l-appoġġ ta’ soċjetà ċivili vibranti u diversa, u għall-involviment tal-komunitajiet lokali.

1.2.

Il-KESE jitlob li tiġi żgurata konsistenza fil-politiki u fil-finanzjament bejn l-involviment tal-politika esterna u ta’ dik interna tal-UE fid-drittijiet tal-bniedem u fid-demokrazija, u jitlob li jkun hemm finanzjament globali ta’ EUR 1,4 biljun, li minnhom tal-inqas EUR 500 miljun għandhom jiġu allokati għall-qasam dwar l-involviment u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini.

1.3.

Il-KESE jemmen li l-Fond għandu jkun ibbażat fuq approċċ verament parteċipattiv u minn isfel għal fuq sabiex jiġu indirizzati l-isfidi attwali tal-UE fir-rigward tal-promozzjoni tad-drittijiet u tal-valuri tal-UE, it-trawwim tad-demokrazija, it-tisħiħ tal-fiduċja taċ-ċittadini fl-UE permezz tal-parteċipazzjoni diretta tagħhom biex ifasslu l-futur tal-Ewropa, u s-sostenn ta’ soċjetà ċivili vibranti.

1.4.

Il-KESE jitlob ukoll li jsir użu ta’ għodod ta’ finanzjament innovattivi biex jippermettu t-tisħiħ tal-parteċipazzjoni u tal-kapaċità tas-soċjetà ċivili fil-livell lokali, nazzjonali u transnazzjonali, bħal permezz tal-provvista ta’ assistenza teknika, azzjonijiet preparatorji mmexxija minn imsieħba b’aktar esperjenza jew għotjiet f’kaskata, li b’hekk jippermettu livelli differenti ta’ għotjiet jew proċess ta’ applikazzjoni b’żewġ stadji. Huwa jitlob li jkun hemm allokazzjoni ta’ finanzjament speċifika għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, jiġifieri mill-inqas 50 % tal-oqsma differenti.

1.5.

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir id-deċiżjoni li l-perjodu tal-għotjiet operattivi jiġi estiż fuq bażi pluriennali għall-programmi u għall-oqsma kollha tal-Fond, u jenfasizza l-ħtieġa li jkomplu jiġu żgurati s-sostenibbiltà u l-kontinwità tal-azzjonijiet.

1.6.

Il-KESE jipproponi li l-Fond “Ċittadini, Drittijiet u Valuri” u l-qasam “Involviment u Parteċipazzjoni taċ-Ċittadini” fi ħdan il-programm dwar id-Drittijiet u l-Valuri “L-Ewropa għaċ-Ċittadini” jingħataw isem ġdid sabiex tiġi żgurata konsistenza mal-objettivi tal-Fond, li huma marbuta mill-qrib mad-dimensjoni taċ-ċittadinanza u mal-awtonomizzazzjoni, il-parteċipazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet, il-protezzjoni tal-vittmi, l-istorja komuni u l-memorja.

1.7.

Il-KESE jinnota b’dispjaċir il-fatt li l-azzjonijiet relatati mal-libertà tal-espressjoni tal-midja, il-pluraliżmu tal-midja u l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-aħbarijiet foloz u d-disinformazzjoni mmirata tneħħew mill-verżjoni finali tal-programm tad-Drittijiet u Valuri u jipproponi għalhekk li jinħolqu sinerġiji mal-programm Ewropa Kreattiva minħabba r-rilevanza ta’ dawn l-azzjonijiet għall-valuri tal-UE u għall-promozzjoni ta’ soċjetà demokratika u pluralistika.

1.8.

Il-KESE jitlob li l-appoġġ finanzjarju taħt il-Programm Ġustizzja jiġi estiż aktar għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u jinkorpora attivitajiet li jvarjaw minn attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni, ta’ tagħlim reċiproku u ta’ skambju, attivitajiet analitiċi u ta’ monitoraġġ, sa taħriġ u bini ta’ kapaċità, u jitlob lill-Kummissjoni biex il-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-Programm Ġustizzja tiġi mmonitorjata.

1.9.

Il-KESE jinnota l-ħidma kontinwa tal-Kummissjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ azzjoni preparatorja proposta mill-Parlament Ewropew biex jiġi żviluppat fond tal-UE li joffri appoġġ finanzjarju għal każijiet ta’ tilwim relatati ma’ ksur tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali mmirat lejn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u jitlob li dawn l-attivitajiet jiġu inkorporati fil-programm Ġustizzja.

1.10.

Il-KESE jikkunsidra dan il-Fond bħala għodda importanti għat-tisħiħ tal-integrazzjoni ta’ ugwaljanza bejn is-sessi, l-ibbaġitjar skont il-ġeneru u l-ġbir ta’ data diżaggregata skont is-sessi. B’mod partikolari, huwa jilqa’ bi pjaċir l-inklużjoni ta’ azzjonijiet immirati lejn il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta’ vjolenza kontra n-nisa, it-tfal u ż-żgħażagħ fil-programm għad-Drittijiet u Valuri, u jappella għal aktar koerenza u sinerġiji mal-attivitajiet tal-programm Ġustizzja relatati mad-drittijiet tal-vittmi u l-infurzar. Huwa jitlob ukoll għal diżaggregazzjoni skont is-sessi tal-indikaturi tal-programmi għaż-żewġ programmi.

1.11.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta li r-rwol tal-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali tal-programm “L-Ewropa għaċ-Ċittadini” jiġi estiż għall-oqsma differenti tal-programm dwar id-Drittijiet u l-Valuri b’kunsiderazzjoni tar-rwol effettiv tagħhom biex jikkomunikaw mal-benefiċjarji fil-prattika u jappoġġjawhom. Dan jirrikjedi li l-entitajiet maħtura jkunu indipendenti mill-gvern nazzjonali tagħhom u jkollhom għarfien komprensiv tal-ħtiġijiet tas-settur tas-soċjetà ċivili u tal-atturi lokali. Huwa jappella għal finanzjament adatt, l-iżvilupp ta’ linji gwida dwar ir-rwol u l-kompiti tagħhom, modi kif tiġi żgurata aktar viżibbiltà tal-programm, kif ukoll taħriġ.

2.   Deskrizzjoni tal-proposta

2.1.

L-Opinjoni tal-KESE tikkonċerna l-Fond għall-Ġustizzja, għad-Drittijiet u għall-Valuri li jinkludi żewġ proposti separati għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, waħda li tistabbilixxi l-“programm dwar il-Ġustizzja” u oħra li tistabbilixxi l-“programm dwar id-Drittijiet u l-Valuri”, li t-tnejn li huma għandhom għanijiet komplementarji għall-perjodu 2021-2027.

2.2.

L-objettiv tal-Fond huwa li jgħin isostni soċjetajiet miftuħa, demokratiċi, pluralisti u inklużivi, kif ukoll li jawtonomizza lin-nies billi jipproteġi u jippromovi d-drittijiet u l-valuri u billi jiżviluppa aktar spazju tal-ġustizzja tal-UE, li huwa prijorità ewlenija fil-kuntest attwali tal-UE fid-dawl taż-żieda qawwija fl-estremiżmu u fir-radikaliżmu, iż-żieda fil-polarizzazzjoni, ir-riformi li qed jheddu l-istat tad-dritt u r-restrizzjonijiet fl-ispazju ċiviku.

2.3.

Sabiex jiġu promossi l-valuri u d-drittijiet Ewropej kif minquxin fl-Artikolu 2 tat-TUE, l-Artikolu 3 tat-TUE u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, il-Fond jgħaqqad flimkien diversi strumenti eżistenti: il-programm ta’ Drittijiet, Ugwaljanza u Ċittadinanza, il-programm “L-Ewropa għaċ-Ċittadini” u l-programm dwar il-Ġustizzja f’tentattiv sabiex tingħeleb il-frammentazzjoni u jiġu indirizzati d-distakki attwali u l-isfidi l-ġodda, b’mod partikolari l-fiduċja taċ-ċittadini fid-demokrazija u l-appoġġ biex jiġu mħarsa l-valuri u d-drittijiet fundamentali.

2.4.

Minbarra li tippromovi l-ugwaljanza u d-drittijiet u tiġġieled kontra l-vjolenza, il-proposta għal programm dwar id-Drittijiet u l-Valuri hija maħsuba biex issostni soċjetà ċivili vibranti, tħeġġeġ il-parteċipazzjoni demokratika u soċjali tan-nies u trawwem id-diversità kbira tas-soċjetà Ewropea, abbażi tal-istorja komuni u tal-memorja tagħna. Dan isegwi fuq it-talbiet li saru mill-Parlament Ewropew (1), kif ukoll minn 80 NGO minn 22 pajjiż (2) għal Fond Ewropew għad-demokrazija, għad-drittijiet tal-bniedem u għall-valuri mill-KESE (3).

2.5.

Il-programm Ġustizzja huwa bbażat fuq l-Artikoli 81 u 82 tat-TFUE li jikkonċernaw il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kriminali, filwaqt li l-programm dwar id-Drittijiet u l-Valuri huwa bbażat fuq taħlita ta’ Artikoli differenti tat-TFUE: l-Artikoli 16(2) dwar il-protezzjoni tad-data, 19(2) dwar il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, 24 dwar l-appoġġ għal Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej, 167 dwar il-kultura u l-patrimonju kulturali, 168 dwar il-promozzjoni ta’ livell għoli ta’ saħħa tal-bniedem u l-prevenzjoni, kif ukoll 21(1) (2) dwar id-dritt taċ-ċittadini għall-moviment liberu.

2.6.

Iż-żewġ programmi se jiġu allokati kif ġej: EUR 305 miljun se jingħataw lill-programm Ġustizzja, u EUR 642 miljun lill-programm dwar id-Drittijiet u l-Valuri, li minnhom EUR 233 miljun jiġu allokati għall-involviment u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini, u EUR 408 miljun għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet u għall-qasam Daphne.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea bħala strument bżonnjuż ħafna għal promozzjoni effettiva tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, l-istat tad-dritt, ir-rispett tal-minoranzi, id-drittijiet ta’ gruppi diskriminati u esklużi u persuni żvantaġġati bħall-persuni b’diżabbiltà u l-komunità tar-Rom, il-parteċipazzjoni, l-appoġġ u l-bini tal-kapaċità ta’ soċjetà ċivili vibranti u diversa, kif minqux fit-Trattati u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u fit-trattati internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem approvati mill-UE u mill-Istati Membri, bħall-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità.

3.2.

Il-KESE japprezza l-isforzi tal-Kummissjoni biex issaħħaħ ir-rispett għall-valuri msemmija fl-Artikolu 2 tat-TUE, u f’dan ir-rigward jilqa’ bi pjaċir il-Proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f’każ ta’ nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri. Din il-proposta tikkomplementa l-proposti attwali dwar il-programmi dwar il-Ġustizzja, id-Drittijiet u l-Valuri u tqiegħed pressjoni ekonomika fuq l-Istati Membri li jwettqu ksur serju u persistenti tal-valuri minquxin fl-Artikolu 2 tat-TUE. Fil-waqt li l-proposta preċedenti għandha l-għan li tipproteġi l-istat tad-dritt permezz ta’ pressjoni minn fuq għal isfel, il-proposta l-ġdida għandha l-potenzjal li tipproteġi l-istat tad-dritt u valuri oħrajn tal-Artikolu 2 billi toħloq appoġġ fil-livell bażiku tal-pubbliku. F’dan ir-rigward, il-KESE jirreferi għal Opinjoni relatata tiegħu dwar il-baġit tal-Unjoni u l-istat tad-dritt (4)

3.3.

Il-KESE jinnota b’dispjaċir il-fatt li l-Fond huwa msejjes biss fuq il-programmi eżistenti li kellhom riżultati pożittivi, u jinnota li jeħtieġ li jiġi amplifikat u miżjud biex jirreaġixxi għar-realtajiet mibdula fi ħdan l-Unjoni Ewropea u biex tiġi żgurata viżibbiltà akbar u biex jippermetti l-promozzjoni u l-protezzjoni komprensivi tal-valuri imnaqqxa fl-Artikolu 2 tat-TUE.

3.4.

Il-KESE jitlob li tiġi żgurata konsistenza fil-politiki u fil-finanzjament bejn l-involviment tal-UE fil-politiki esterni u interni tagħha dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija. F’dan il-kuntest, il-KESE jfakkar fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-pjan ta’ azzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija li rabtu lill-UE biex iżżid l-isforzi tagħha biex tippromovi ambjent mingħajr perikli u abilitanti li fih is-soċjetà ċivili u l-midja indipendenti jkunu jistgħu jiżviluppaw (5).

3.5.

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir il-bażi legali proposta kemm għall-programm dwar id-Drittijiet u l-Valuri kif ukoll għall-programm dwar il-Ġustizzja peress li din tippermetti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-UE jkunu involuti ndaqs fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet f’qasam li huwa kruċjali għaċ-ċittadini u għas-soċjetà ċivili fl-aktar sens wiesa’ tiegħu. Madankollu, il-KESE jqis li l-bażi legali għandha tagħti biżżejjed ambitu f’termini ta’ oqsma tematiċi u l-appoġġ għas-soċjetà ċivili fil-livelli kollha u jipproponi li tiġi kkunsidrata l-inklużjoni ta’ referenza għall-Artikolu 11 (1-2) tat-TUE.

3.6.

Il-KESE jikkunsidra li l-baġit propost huwa baxx ħafna fid-dawl tal-isfidi attwali li l-UE qed taffaċċja f’dan il-qasam li għandu importanza kruċjali għas-soċjetajiet Ewropej, u jitlob (6) li jkun hemm finanzjament globali ta’ EUR 1,4 biljun (7), li minnhom tal-inqas EUR 500 miljun għandhom jiġu allokati għall-qasam dwar l-involviment u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini.

3.7.

Il-KESE jinnota wkoll l-evalwazzjonijiet pożittivi tal-programmi li ġew inkorporati fil-Fond u jenfasizza l-fatt li d-disponibbiltà limitata tal-fondi u d-domanda għolja għall-programm “L-Ewropa għaċ-Ċittadini” u għall-qasam Daphne tal-Programm ta’ Drittijiet u Ugwaljanza ġġenerat frustrazzjoni fost l-applikanti. Il-KESE jinnota b’dispjaċir li minkejja dan kien hemm biss żieda limitata ħafna.

3.8.

L-isem tal-Fond u tal-programmi għandhom jinbidlu sabiex dawn ikunu aktar konsistenti mat-titoli u mal-objettivi tal-programm, li huma marbuta mill-qrib mad-dimensjoni taċ-ċittadinanza u mal-awtonomizzazzjoni, mal-parteċipazzjoni u mad-detenturi tad-drittijiet, mal-istorja komuni u mal-memorja kif ukoll l-intestatura korrispondenti tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali: Investiment fin-nies, fil-Koeżjoni u fil-Valuri. Għalhekk, il-KESE jikkunsidra li l-Fond għandu jingħata l-isem ġdid ta’ Ċittadini, Drittijiet u Valuri. Barra minn hekk, il-qasam relatat mal-involviment u mal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fi ħdan il-programm dwar id-Drittijiet u l-Valuri għandu jingħata l-isem ġdid ta’ L-Ewropa għaċ-Ċittadini sabiex tiġi żgurata konsistenza mal-ismijiet tal-oqsma l-oħra u sabiex tittejjeb il-viżibbiltà.

3.9.

Sabiex jiġu indirizzati wkoll l-isfidi attwali tal-UE fir-rigward tal-promozzjoni tad-drittijiet u l-valuri tal-UE, it-trawwim tad-demokrazija, it-tisħiħ tal-fiduċja taċ-ċittadini fl-UE permezz tal-parteċipazzjoni diretta tagħhom biex ifasslu l-futur tal-Ewropa kif ukoll il-bini tal-kapaċità u s-sostenn ta’ soċjetà ċivili vibranti, il-Fond għandu jkun ibbażat fuq approċċ verament parteċipattiv u minn isfel għal fuq, li fih il-kunsiderazzjonijiet legali jsostnu dawn l-għanijiet, aktar milli jfassluhom. Barra minn hekk, l-appoġġ u l-bini ta’ kapaċità għandhom ikopru l-attivitajiet tas-soċjetà ċivili indipendenti, u tal-organizzazzjonijiet fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u transnazzjonali li jippromovu u jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tal-valuri tal-UE.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

Il-KESE jilqa’ l-inklużjoni fost l-attivitajiet tal-programm ta’ appoġġ għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili sabiex jinkoraġġixxi u jiffaċilita l-parteċipazzjoni attiva fil-kostruzzjoni ta’ Unjoni aktar demokratika kif ukoll għarfien tad-drittijiet u l-valuri. Madankollu l-KESE jikkunsidra li din l-attività għandha tkun sostnuta minn objettiv ġenerali li għandu jiġi inkluż fl-Artikolu 4(a) “il-bini tal-kapaċità tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex tiżdied il-parteċipazzjoni ċivika u demokratika”. Barra minn hekk fl-Artikolu 4(b) għandu jidher b’mod espliċitu li l-promozzjoni tal-parteċipazzjoni ċivika u demokratika taċ-ċittadini għandha tiġi appoġġjati fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali.

4.2.

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir l-attenzjoni kontinwa fuq il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta’ vjolenza kontra n-nisa, it-tfal u ż-żgħażagħ fi ħdan il-programm dwar id-Drittijiet u l-Valuri u l-promozzjoni favur ir-rimedju għall-vittmi permezz tal-Programm Ġustizzja. Huwa jinnota li l-persuni b’diżabbiltà jaffaċċjaw minn darbtejn sa ħames darbiet aktar vjolenza domestika, iż-żieda fl-inċidenza ta’ vjolenza kontra l-anzjani, kif ukoll il-vjolenza kontra l-migranti, il-komunità tar-Rom u l-minoranzi etniċi, u jitlob li jkun hemm sforzi addizzjonali minbarra l-ħtieġa li jiġu żgurati aktar koerenza u sinerġiji fi ħdan iż-żewġ programmi tal-Fond;

4.3.

Il-KESE jikkunsidra dan il-Fond bħala opportunità ġdida sabiex jissaħħu l-integrazzjoni ta’ kwistjonijiet ta’ ugwaljanza bejn is-sessi, l-ibbaġitjar skont il-ġeneru u l-ġbir ta’ data diżaggregata skont is-sessi. Dawn il-miżuri jippermettu l-promozzjoni ta’ aktar ugwaljanza billi jwettqu analiżijiet tal-impatti differenti tal-finanzjament fuq in-nisa, il-bniet, l-irġiel u s-subien, kif ukoll l-istabbiliment ta’ għanijiet u miri u l-allokazzjoni ta’ finanzjament b’mod aktar effettiv sabiex jiġu appoġġjati dawn l-għanijiet. Huwa jitlob b’mod partikolari għal diżagregazzjoni skont is-sess tal-indikaturi tal-programmi tad-Drittijiet u Valuri.

4.4.

Il-KESE jenfasizza l-valur prinċipali u l-individwalità tat-tagħlim reċiproku u tal-iskambju ta’ attivitajiet ta’ prattiki tajba fost il-komunitajiet lokali fi ħdan il-programm “L-Ewropa għaċ-Ċittadini”, u jitlob li jkun hemm involviment aktar mill-qrib taċ-ċittadini fil-ġemellaġġi tal-bliet permezz ta’ sħubiji biex tittejjeb in-natura minn isfel għal fuq ta’ dawn l-azzjonijiet. B’mod partikolari, huwa jinnota l-esperjenza pożittiva tal-Iżvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità (8) sabiex jiġu żgurati l-parteċipazzjoni u l-bini tal-kapaċità tal-komunitajiet lokali u tal-partijiet interessati.

4.5.

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir l-attenzjoni kontinwa fuq iż-żieda tal-fehim dwar l-Unjoni, l-istorja tagħha u d-diversità kulturali tagħha. Fid-dawl taż-żieda qawwija fl-estremiżmu u r-radikaliżmu, jikkunsidra li l-objettivi għandhom jinkludu b’mod espliċitu attivitajiet ta’ kommemorazzjoni u riflessjoni kritika dwar il-memorja storika.

4.6.

Il-KESE jinnota b’dispjaċir li azzjonijiet relatati mal-libertà tal-espressjoni tal-midja, mal-pluraliżmu tal-midja, u mal-ħtieġa li jiġu indirizzati aħbarijiet foloz u d-diżinformazzjoni mmirata tneħħew mill-verżjoni finali tal-programm dwar id-Drittijiet u l-Valuri. Meta titqies ir-rilevanza ta’ dawn l-azzjonijiet għall-valuri tal-UE u għall-promozzjoni ta’ soċjetà demokratika u pluralista, jipproponi l-ħolqien ta’ sinerġiji mal-programm Ewropa Kreattiva.

4.7.

Il-KESE jitlob li l-appoġġ finanzjarju taħt il-programm Ġustizzja jkompli jiġi estiż għall-attivitajiet kollha tiegħu: is-sensibilizzazzjoni, l-edukazzjoni pubblika u l-mobilizzazzjoni, it-tagħlim reċiproku u l-iskambju, attivitajiet analitiċi u ta’ monitoraġġ, it-taħriġ u l-bini ta’ kapaċità.

4.8.

Il-KESE jinnota l-ħidma kontinwa tal-Kummissjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ azzjoni preparatorja proposta mill-Parlament Ewropew biex jiġi żviluppat fond tal-UE li joffri appoġġ finanzjarju għal każijiet ta’ tilwim relatati ma’ ksur tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali mmirat lejn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u jitlob li dawn l-attivitajiet jiġu inkorporati fil-programm Ġustizzja.

4.9.

Il-punti ta’ kuntatt nazzjonali wrew li b’mod ġenerali huma effettivi biex jappoġġjaw l-approċċ minn isfel għal fuq għall-programm “L-Ewropa għaċ-Ċittadini”, filwaqt li jikkomunikaw mal-benefiċjarji fil-prattika u jappoġġjawhom. Il-KESE jilqa’ bi pjaċir l-estensjoni tar-rwol tagħhom għall-oqsma l-oħra tal-programm dwar id-Drittijiet u l-Valuri filwaqt li jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat finanzjament adatt u jinħatru entitajiet li jkunu indipendenti mill-Gvern nazzjonali tagħhom u li jkollhom għarfien komprensiv dwar is-settur tas-soċjetà ċivili, tal-atturi lokali u tal-ħtiġijiet tagħhom. Huwa jitlob għall-iżvilupp ta’ linji gwida dwar ir-rwol ta’ indipendenza u l-kompiti tagħhom, inkluż dwar l-iżgurar ta’ aktar viżibbiltà tal-programm, kif ukoll it-taħriġ.

4.10.

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir l-inklużjoni ta’ laqgħat ta’ djalogu ċivili bħala parti mill-programm “L-Ewropa għaċ-Ċittadini”, u jikkunsidra li dawn il-laqgħat għandhom jinżammu u jiġu estiżi għall-oqsma kollha tal-Fond sabiex ikun jista’ jsir skambju komprensiv dwar il-valuri, id-drittijiet, id-demokrazija u l-istat tad-dritt, abbażi tal-Artikolu 11 tat-Trattat dwar id-djalogu mas-soċjetà ċivili. Dawn il-laqgħat għandhom ikunu miftuħa għal atturi rilevanti li jkunu differenti mill-benefiċjarji tal-programm u għandhom jinkludu diskussjoni dwar il-prijoritajiet futuri tal-programm.

4.11.

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir il-fatt li l-azzjonijiet kollha tal-programm se jiġu ffinanzjati permezz ta’ ġestjoni diretta u indiretta u li dak il-finanzjament se jkun jinkludi taħlita ta’ għotjiet operattivi u għotjiet għal azzjoni. Il-KESE jenfasizza li d-disponibbiltà ta’ għotjiet żgħar hija kruċjali sabiex jiġu żgurati l-parteċipazzjoni u l-appoġġ ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-azzjonijiet differenti tal-Fond, u b’mod partikolari għaż-żamma ta’ approċċ minn isfel għal fuq, li jilħaq il-benefiċjarji nazzjonali u lokali.

4.12.

Il-KESE jikkunsidra wkoll li l-programm dwar id-Drittijiet u l-Valuri jkun jibbenefika mill-istess modalità ta’ ġestjoni diretta għall-oqsma differenti sabiex tiġi żgurata aktar konsistenza fl-implimentazzjoni, u jinnota, b’mod partikolari, l-evalwazzjoni pożittiva tal-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura, taħt is-superviżjoni tal-Kummissjoni, f’termini tal-ġestjoni ta’ tipi differenti ta’ għotjiet, tal-arranġamenti ta’ finanzjament, tal-użu ta’ spejjeż semplifikati, u tal-perċentwal baxx ta’ żbalji.

4.13.

Il-KESE jitlob li l-programmi jimplimentaw id-dispożizzjonijiet il-ġodda tal-aktar Regolamenti Finanzjarji riċenti għaliex dawn huma partikolarment rilevanti għas-soċjetà ċivili, bħall-użu tal-kofinanzjament in natura u li jingħata valur lill-ħidma tal-voluntiera bħala spejjeż eliġibbli. Itenni wkoll il-ħtieġa li jiġi limitat l-użu tal-kofinanzjament u li jintużaw aktar miżuri ta’ semplifikazzjoni bħal somom f’daqqa, rati fissi u kostijiet unitarji. Jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-iżvilupp u fil-monitoraġġ ta’ linji gwida għall-implimentazzjoni ta’ dawn ir-regoli. Barra minn hekk, jistieden lill-gvernijiet nazzjonali biex fil-programmi ta’ finanzjament pubbliku tagħhom jinkludu wkoll dispożizzjonijiet għall-eliġibbiltà ta’ kofinanzjament in natura inklużi l-ħidma tal-volontiera.

4.14.

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir id-deċiżjoni li l-perjodu tal-għotjiet operattivi jiġi estiż fuq bażi pluriennali għall-programmi u għall-oqsma kollha tal-Fond, u jenfasizza l-ħtieġa li tkompli tiġi żgurata s-sostenibbiltà u l-kontinwità tal-azzjonijiet.

4.15.

Il-KESE jitlob ukoll li jkun hemm l-iżvilupp ta’ għodod ġodda sabiex jagħmluha possibbli li l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili tissaħħaħ fil-livell nazzjonali, b’mod partikolari fl-oqsma li fihom hija nieqsa minn kapaċità adegwata, pereżempju permezz tal-għoti ta’ assistenza teknika, azzjonijiet preparatorji mmexxija minn imsieħba b’aktar esperjenza jew għotjiet f’kaskata, li b’hekk jippermettu, pereżempju, livelli differenti ta’ għotjiet jew proċess ta’ applikazzjoni b’żewġ stadji.

4.16.

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir l-inklużjoni ta’ indikatur dwar l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jippermetti l-appoġġ u l-attivitajiet ta’ bini tal-kapaċità fi ħdan il-programm dwar id-Drittijiet u l-Valuri, u jikkunsidra li l-istess għandu jsir taħt il-programm Ġustizzja. Huwa jitlob ukoll li jkun hemm allokazzjoni ta’ finanzjament speċifika għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, jiġifieri mill-inqas 50 % tal-oqsma differenti.

4.17.

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex f’kooperazzjoni miegħu torganizza laqgħa annwali bl-għan li trawwem il-koordinazzjoni bejn id-donaturi pubbliċi u privati fl-oqsma koperti mill-Fond biex jiġu esplorati sinerġiji u nitgħallmu minn prattiki tajbin.

Brussell, it-18 ta’ Ottubru 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  Riżoluzzjoni tal-PE dwar Strument għall-Valuri Ewropej (2018/2619)(RSP)), u Riżoluzzjoni tal-Parlament dwar Il-QFP li jmiss: Tħejjija tal-pożizzjoni tal-Parlament dwar il-QFP wara l-2020 (2017/2052(INI)).

(2)  https://megacampaign.eu/support-csos-ask-your-mep-to-vote-for--the-european-values-instrument-resolution

(3)  ĠU C 81, 2.3.2018, p. 9.

(4)  SOC/598 (ara paġna 173 ta’ da nil-Ġurnal Uffiċjali).

(5)  Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew u l-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kunsill dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija (2015–2019) “Inżommu d-drittijiet tal-bniedem fiċ-ċentru tal-aġenda tal-UE”, JOIN/2015/0016 finali

(6)  Ara ĠU C 81, 2.3.2018, p. 9.

(7)  Biex tiġi żgurata l-konsistenza mal-appoġġ tal-UE fi ħdan il-fondi esterni bħalma huma l-Istrument Ewropew għad-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija.

(8)  ĠU C 129, 11.4.2018, p. 36.


Top