EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018AE2955

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f’każ ta’ nuqqasijiet iġġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri” (COM(2018) 324 final — 2018/0136 (COD))

EESC 2018/02955

ĠU C 62, 15.2.2019, p. 173–177 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 62/173


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f’każ ta’ nuqqasijiet iġġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri”

(COM(2018) 324 final — 2018/0136 (COD))

(2019/C 62/28)

Relatur:

Jukka AHTELA

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 18.6.2018

Bażi legali

L-Artikolu 304 tat-TFUE

 

 

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adottata fis-sezzjoni

26.9.2018

Adottata fil-plenarja

17.10.2018

Sessjoni plenarja Nru

538

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

156/2/7

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa b’sodisfazzjon il-Proposta tal-Kummissjoni għal Regolament li joħloq għodda ġdida li tipprevedi miżuri korrettivi ekonomiċi fir-rigward tal-Istati Membri li jwettqu ksur serju u persistenti tal-valuri elenkati fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Il-KESE jinnota li l-Kummissjoni diġà għandha setgħat korrettivi simili biex tinkoraġġixxi l-konformità mar-regoli dwar governanza ekonomika soda (1), u jħares b’mod favorevoli lejn il-proposta attwali biex jittieħdu miżuri korrettivi sabiex jiġi ssalvagwardjat l-istat tad-dritt. F’dan ir-rigward, il-KESE jilqa’ l-fatt li l-atti ta’ implimentazzjoni proposti mill-Kummissjoni skont dan ir-regolament jiġu adottati permezz ta’ votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata inversa fil-Kunsill.

1.2.

Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-istat tad-dritt għaċ-ċittadini, kif ukoll għall-inizjattivi kummerċjali, l-innovazzjoni u l-investiment. Madankollu, jirrakkomanda li l-proposta tiġi emendata biex tinkludi kunċett usa’ tal-istat tad-dritt li jiġbor fih il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u li jiggarantixxi li jipproteġi d-demokrazija pluralista. L-istat tad-dritt huwa biss wieħed mill-valuri li hija bbażata fuqhom l-UE, kif stabbilit fl-Artikolu 2 tat-TUE. L-istat tad-dritt qiegħed f’relazzjoni triangolari, inseparabbli u interdipendenti mad-drittijiet fundamentali u d-demokrazija. Huwa biss billi jiġu ggarantiti dawn it-tliet valuri b’mod konġunt ma’ xulxin li huwa possibbli li jiġi pprevenut l-abbuż tal-poter tal-istat.

1.3.

Il-KESE jaqbel li r-rispett effettiv għall-istat tad-dritt huwa prerekwiżit biex il-pubbliku jkollu fiduċja li l-infiq tal-UE fl-Istati Membri huwa protett biżżejjed. Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-proposta se ssaħħaħ aktar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE. Madankollu, il-KESE jisħaq li l-mekkaniżmu propost mill-Kummissjoni għandu jiġi attivat awtomatikament meta nuqqas iġġeneralizzat fir-rigward tal-istat tad-dritt jirriskja li jaffettwa l-interessi finanzjarji tal-UE.

1.4.

Barra minn hekk, il-KESE huwa tal-fehma li l-għan ewlieni tal-proposta għandu jkun il-protezzjoni tal-valuri tal-Artikolu 2, permezz tal-protezzjoni tal-finanzi tal-UE. Il-KESE jirrakkomanda li l-proposta tiġi emendata biex tippermetti lill-Kummissjoni tipproponi att ta’ implimentazzjoni għar-regolament f’każijiet fejn ikun hemm theddid serju, sistematiku u persistenti għall-istat tad-dritt, id-drittijiet fundamentali jew l-istandards li jiggarantixxu demokrazija pluralista, għaliex tali miżuri, min-natura tagħhom stess, jistgħu jimponu riskju dirett għall-interessi finanzjarji tal-UE.

1.5.

Il-KESE jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni, bħala miżura preventiva, biex tiżviluppa aktar mezzi għal dibattitu politiku dwar il-valuri tal-Artikolu 2 fl-Istati Membri. Għaldaqstant, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tipproponi l-ħolqien ta’ sistema ta’ monitoraġġ indipendenti u regolari tal-implimentazzjoni ta’ dawn il-valuri fl-Istati Membri, b’konformità ma’ dak li diġà ġie ssuġġerit mill-KESE u mill-Parlament Ewropew.

1.6.

Il-KESE jirakkomanda li jiġi inkluż fost il-korpi li l-Kummissjoni żżomm infurmati bil-miżuri proposti jew adottati skont din il-leġislazzjoni, u li tissemma speċifikament fost is-sorsi rilevanti ta’ informazzjoni bil-għan li l-Kummissjoni tkun tista’ tiddetermina l-eżistenza ta’ nuqqas serju fir-rigward tal-istat tad-dritt. Dan jippermetti li l-KESE jagħmel kontribut sinifikanti u effettiv għall-protezzjoni tal-valuri tal-Artikolu 2 u jiżgura li tiġi rappreżentata l-vuċi tas-soċjetà ċivili.

2.   Introduzzjoni u ħarsa ġenerali lejn il-proposta

2.1.

Il-proposta attwali tal-Kummissjoni hija ddisinjata biex tipproteġi l-baġit tal-Unjoni f’każ ta’ nuqqasijiet iġġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri. Il-Kummissjoni tiġġustifika l-proposta tagħha billi tirreferi għall-bżonn li jiġu protetti l-finanzi tal-Unjoni billi tirrikjedi li l-Istati Membri jżommu salvagwardji robusti biżżejjed fir-rigward ta’ kif jiġu ġestiti u kif jintefqu l-fondi tal-UE. L-Istati Membri huma diġà mitluba juru li għandhom salvagwardji istituzzjonali u proċedurali adegwati fis-seħħ biex jiżguraw li l-fondi tal-UE jintefqu b’mod effettiv u legali. Madankollu, il-funzjonament korrett ta’ dawn il-mekkaniżmi ta’ verifika nazzjonali ma jistax ikun iggarantit mingħajr sorveljanza, fil-forma ta’ ġudikatura indipendenti, uffiċċju tal-prosekutur pubbliku u korpi investigattivi li jittrattaw il-frodi u l-korruzzjoni.

2.2.

Il-proposta tal-Kummissjoni tkun qed tippermetti s-sospensjoni jew il-korrezzjoni tal-pagamenti, tipprojbixxi impenji legali ġodda, tnaqqas l-impenji jew tinterrompi l-iskadenza tal-pagamenti bi tweġiba għall-iskoperta ta’ nuqqas iġġeneralizzat rigward l-istat tad-dritt. Dan ser japplika għall-fondi kollha tal-UE. Il-Kummissjoni tista’ tiskopri li jkun hemm nuqqas iġġeneralizzat fl-istat tad-dritt b’mod partikolari meta: l-indipendenza tal-ġudikatura titpoġġa f’periklu; l-awtoritajiet pubbliċi ma jkunux ipprevenuti minn jew ikkoreġuti jew issanzjonati minħabba mġiba illegali jew arbitrarja; ir-riżorsi jinżammu mill-awtoritajiet pubbliċi li jfixkel il-funzjonament tagħhom; ma tittieħed l-ebda miżura biex jiġu evitati kunflitti ta’ interess fost l-awtoritajiet pubbliċi, l-istat jillimita d-disponibbiltà u l-effettività tar-rimedji legali.

2.3.

Skont il-proposta, in-nuqqasijiet imsemmija qabel ikunu qed jagħtu lok għal miżuri korrettivi meta jirriskjaw li jaffettwaw ġestjoni finanzjarja soda jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, billi jfixklu: lill-awtoritajiet nazzjonali li jimplimentaw il-baġit tal-UE; l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ frodi u korruzzjoni; l-istħarriġ ġudizzjarju effettiv tal-awtoritajiet nazzjonali; il-prevenzjoni tal-frodi u l-korruzzjoni u l-impożizzjoni ta’ penali dissważivi u effettivi; l-irkupru ta’ fondi mħallsa indebitament; il-kooperazzjoni mal-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet tal-OLAF u l-EPPO.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

L-UE hija stabbilita fuq il-valuri komuni tal-Istati Membri tagħha, inluż l-istat tad-dritt, kif stipulat fl-Artikolu 2 tat-TUE. Ir-rispett għall-istat tad-dritt jiżgura wkoll ċertezza legali u kundizzjonijiet ekwi għall-inizjattivi kummerċjali, l-innovazzjoni, l-investimenti u l-kompetizzjoni ġusta fis-suq intern għall-benefiċċju tal-konsumaturi u ċ-ċittadini. Dan huwa prerekwiżit għall-fiduċja reċiproka meħtieġa għall-funzjonament tajjeb tal-UE. In-nuqqas ta’ rispett għall-istat tad-dritt ifixkel l-iżvilupp soċjali u ekonomiku bbilanċjat b’konformità mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, li huwa l-magna li tippermetti lill-UE u lill-gvernijiet tagħha jkomplu jsegwu l-għan kumplessiv tal-Unjoni “biex tippromovi l-paċi, il-valuri tagħha u l-benessri tal-popli tagħha”, kif iddikjarat fl-Artikolu 3 tat-TUE.

3.2.

Il-KESE jiddispjaċih li t-trattati tal-UE ma jistipulawx b’mod preċiż li l-Istati Membri għandhom ikomplu jissodisfaw il-Kriterji ta’ Kopenħagen wara l-adeżjoni (2). Il-KESE jinnota li l-istituzzjonijiet tal-UE m’għandhomx għad-disponibbiltà tagħhom għodod robusti u adattati biżżejjed li kapaċi jjoffru protezzjoni kontra t-theddid attwali għall-istat tad-dritt, id-drittijiet fundamentali u d-demokrazija pluralista fl-Istati Membri.

3.3.

L-istat tad-dritt huwa interdipendenti u inseperabbli minn garanziji li jipproteġu d-demokrazija pluralista u r-rispett għad-drittijiet fundamentali. L-istat tad-dritt jiżgura li l-gvernijiet jirrispettaw l-istandards tad-drittijiet fundamentali, u d-demokrazija pluralista tiżgura li l-gvernijiet isegwu politiki li javvanzaw il-benessri tal-popli tagħhom. Il-ħarsien tal-istat tad-dritt minnu nnifsu ma jiggarantix li l-liġi tirrispetta d-drittijiet fundamentali, lanqas li l-liġi ssir skont proċess inklużiv u leġittimu bbażat fuq dibattitu pubbliku u l-parteċipazzjonitaċ-ċittadini li jkunu infurmati tajjeb, pluralisti u bbilanċjati. Sabiex sempliċement tiġi evitata “saltna bil-liġi”, jeħtieġ li d-drittijiet fundamentali u l-istandards demokratiċi pluralisti jkunu mħarsa flimkien mal-istat tad-dritt.

3.4.

Il-Kummissjoni tikkaratterizza r-regolament propost bħala mezz biex il-baġit tal-UE jkun protett, li fl-istess ħin jipproteġi l-istat tad-dritt. Il-KESE jaqbel li r-rispett effettiv għall-istat tad-dritt huwa prerekwiżit biex ikun hemm fiduċja pubblika li l-infiq tal-UE fl-Istati Membri jkun protett biżżejjed. Madankollu, il-KESE jara l-proposta aktar bħala għodda potenzjali biex tipproteġi l-valuri kollha tal-Artikolu 2 permezz tal-baġit tal-UE.

3.5.

Il-KESE jenfasizza l-importanza li jintwera liċ-ċittadini Ewropej li l-fondi tal-UE huma amministrati mingħajr korruzzjoni u skont id-dritt tal-Unjoni. Huwa daqstant importanti li l-UE tipproteġi l-valuri li hija bbażata fuqhom, li kienu nħolqu għall-benefiċċju taċ-ċittadini tagħha. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa biex tieħu azzjoni skont dan ir-regolament kull meta l-valuri tal-Artikolu 2 jiġu taħt theddida serja, sistematika u persistenti, peress li din it-theddida, min-natura tagħha stess, tista’ tkun ta’ riskju għall-finanzi tal-UE.

3.6.

Kif ġie nnutat mir-riżoluzzjonijiet reċenti tal-Parlament Ewropew u mid-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea u l-Presidenza tal-Kunsill, l-istat tad-dritt, id-drittijiet fundamentali u l-istandards demokratiċi pluralisti, huma dejjem aktar taħt theddida fl-UE. Filwaqt li s-sitwazzjonijiet f’ċerti Stati Membri joħolqu l-akbar sfidi, l-awtoritarjaniżmu populista, li jieqaf kontra l-valuri ta’ stabbiltà tal-UE u ta’ spiss kontra l-Unjoni stess, qed ikompli jikber bħala qawwa fl-Istati Membri kollha.

3.7.

Il-KESE jinnota n-nuqqasijiet tal-għodod attwali disponibbli għall-istituzzjonijiet tal-UE biex jipproteġu l-valuri tal-Artikolu 2. Il-proċeduri ta’ ksur għandhom it-tendenza li jkunu wisq ristretti fl-attenzjoni tagħhom dwar kwistjonijiet legali tekniċi biex jimpedixxu jew jikkoreġu attakki organizzati fuq l-istat tad-dritt. Filwaqt li l-Artikolu 7 tat-TUE jippermetti lill-Kunsill jindirizza, b’mod olistiku, miżuri li jfittxu li jdgħajfu l-istat tad-dritt, ġie ppruvat li huwa estremament diffiċli li wieħed jimmobilizza rieda politika suffiċjenti biex jattiva l-proċedura.

3.8.

Rigward il-“qafas” dwar l-istat tad-dritt, għalkemm huwa aktar faċli biex jiġi attivat mill-Artikolu 7, huwa proċedura mhux vinkolanti, li hemm dubji dwar l-effettività tagħha meta jkun hemm gvernijiet li mhumiex lesti li jikkooperaw mal-Kummissjoni in bona fide. Barra minn hekk, il-limiti mitluba biex jiġi attivat il-qafas tal-istat tad-dritt jew l-Artikolu 7 huma tant għoljin li, sakemm jasal iż-żmien li dawn l-għodod jiġu użati, in-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tal-valuri tal-Artikolu 2 ikunu saru estremament serji u, għaldaqstant, ikunu aktar diffiċli biex jissolvew.

3.9.

Fid-dawl tal-isfidi dejjem jikbru u n-nuqqas ta’ għodod adatti u effettivi, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea twettaq dibattitu politiku b’aktar urġenza dwar kif l-UE tista’ tipproteġi aħjar il-valuri tal-Artikolu 2, u biex tiżviluppa għodod addizzjonali għall-protezzjoni tal-istat tad-dritt, tad-drittijiet fundamentali u l-garanziji tal-pluraliżmu demokratiku.

3.10.

Il-KESE jfakkar l-Opinjoni tiegħu dwar il-mekkaniżmu ta’ kontroll Ewropew dwar l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, li tappoġġja l-ħolqien ta’ mekkaniżmu fil-livell tal-UE biex jissorvelja r-rispett għall-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali permezz ta’ monitoraġġ indipendenti u djalogu bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE (3).

3.11.

Il-KESE jsostni l-pożizzjoni tiegħu li l-ħolqien ta’ tali mekkaniżmu ta’ prevenzjoni, kif imressaq mill-Parlament Ewropew, jikkomplementa l-għodod eżistenti tal-UE biex jiġu protetti l-valuri tal-Artikolu 2 (4). Il-ħolqien ta’ mekkaniżmu ta’ prevenzjoni jidentifika n-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni ta’ dawn il-valuri hekk kif huma jitfaċċaw fil-livell nazzjonali u jippermetti r-riżoluzzjoni tagħhom fi stadju bikri.

3.12.

Bħala miżura addizzjonali, il-KESE jipproponi li jiġu stabbiliti pjattaforma tas-soċjetà ċivili jew forum annwali fil-livell Ewropew bl-involviment tal-KESE, l-ewwel nett biex jiġi żgurat li min jieħu d-deċiżjonijiet fil-livel tal-UE jirċievi twissija bikrija dwar sfidi emerġenti għall-valuri tal-Artikolu 2 tat-TUE direttament mill-organizzazzjonijiet lokali u, it-tieni nett, biex jiġi ffaċilitat t-tagħlim reċiproku u l-kollaborazzjoni transnazzjonali bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu primarjament fil-livell nazzjonali.

3.13.

Huwa importanti li l-UE tikkunsidra modi biex tappoġġja l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-midja li qegħdin jissorveljaw u jirrapportaw l-isfidi emerġenti għall-Artikolu 2. Il-KESE jikkunsidra li strument ta’ finanzjament biex jappoġġja lill-oragnizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jippromovu l-valuri tal-Artikolu 2 fl-Istati Membri jservi ta’ komplement importanti għall-proposta attwali billi jibni appoġġ lokali għal dawn il-valuri fost il-pubbliku. F’dan ir-rigward, il-KESE jirreferi għall-Opinjoni relatata tiegħu li tikkonċerna l-proposti għal Fond ġdid ta’ Ġustizzja, Drittijiet u Valuri (5) u jitlob lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew biex, fil-qafas tad-deċiżjoni dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali wara l-2020, iżidu sostanzjalment ir-riżorsi għal dan il-fond.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

Il-KESE jikkunsidra li d-disponibbiltà ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv mill-qrati indipendenti tal-azzjonijiet u l-ommissjonijiet mill-awtoritajiet pubbliċi hija essenzjali mhux biss biex tiggarantixxi l-infiq effettiv tal-fondi tal-UE b’konformità mad-dritt tal-Unjoni. Hija wkoll l-uniku mezz li jiggarantixxi protezzjoni effettiva għaċ-ċittadini kollha tal-UE tad-drittijiet li huma jiksbu mid-dritt tal-Unjoni, kif ukoll l-interpretazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri kollha, li minnhom jiddependu s-suq komuni u l-ispazju tal-libertà, s-sigurtà u l-ġustizzja.

4.2.

Il-KESE japprova l-użu tal-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata inversa fil-Kunsill bħala mezz ta’ adozzjoni tal-att ta’ implimentazzjoni fuq il-miżuri adatti li jridu jittieħdu. Dan se jippermetti li jittieħdu miżuri fuq bażi oġġettiva ladarba l-Kummissjoni tqis li Stat Membru jkun qed isofri minn nuqqas iġġeneralizzat u jimminimizza r-riskju ta’ nuqqas ta’ azzjoni jew selettività politika li jistgħu jirriżultaw minn bżonn ta’ vot fil-Kunsill.

4.3.

Il-KESE jifhem l-isfidi biex jingħataw kriterji aktar iddettaljati li jikkonċernaw id-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ nuqqas iġġeneralizzat. Minkejja dan, il-KESE jistaqsi jekk il-proposta tistax tissaħħaħ bl-inklużjoni ta’ tali kriterji ddettaljati. L-eżistenza ta’ kriterji aktar iddettaljati tista’ tgħin tiżgura li l-leġittimità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma tiddgħajifx minn allegazzjonijiet ta’ preġudizzju jew ta’ nuqqas ta’ oġġettività. Tali kriterji jistgħu jkunu inklużi f’forma ta’ linji gwida mfassla mill-Kummissjoni wara l-adozzjoni tal-proposta u jistgħu jitfasslu skont il-kriterji tal-Kummissjoni stess taħt il-“qafas” dwar l-istat tad-dritt kif ukoll il--Lista tal-Kriterji tal-Istat tad-Dritt tal-Kummissjoni Ewropea għad-demokrazija permezz tal-liġi (il-Kummissjoni ta’ Venezja).

4.4.

Kif enfasizza l-KESE, l-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet fundamentali huma interdipendenti, kif iddikjarat fl-Artikolu 2 tal-proposta tal-Kummissjoni. Apparti kriterji aktar iddettaljati dwar l-istat tad-dritt, il-proposta għandha tinkludi wkoll kriterji li jippermettu li l-Kummissjoni tiddetermina l-eżistenza ta’ theddida serja, sistematika u persistenti għar-rispett tad-drittijiet fundamentali jew il-garanziji ta’ demokrazija pluralista. Meta s-sitwazzjoni fi Stat Membru tissodisfa dawn il-kriterji, il-Kummissjoni għandha wkoll tkun intitolata li tadotta miżuri korrettivi skont dan ir-regolament.

4.5.

Il-KESE jinnota li l-Kummissjoni għandha tqis l-informazzjoni kollha rilevanti, inklużi d-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rapporti tal-Qorti tal-Awdituri, u l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti. Ċerti korpi ta’ sorveljanza tal-Kunsill tal-Ewropa, bħall-Kummissjoni ta’ Venezja u l-Grupp ta’ Stati kontra l-Korruzzjoni (GRECO), għandhom rwol importanti fil-monitoraġġ tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri. Il-Kummissjoni ta’ Venezja ħarġet bosta opinjonijiet li jikkonċernaw l-istat tad-dritt f’numru ta’ Stati Membri tal-UE u GRECO kull tant żmien joħroġ rakkomandazzjonijiet għall-Istati Membri. B’mod simili, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), l-uffiċċji nazzjonali tal-ombudsmen u l-assoċjazzjonijiet tal-imħallfin u n-netwerks ġudizzjarji b’mod regolari jirrapportaw dwar is-saħħa tal-mekkaniżmi nazzjonali ġudizzjarji kontra l-korruzzjoni u l-frodi.

4.6.

Korpi internazzjonali oħrajn kull tant żmien jissorveljaw u jevalwaw l-implimentazzjoni tal-istandards tad-drittijiet fundamentali u jiggarantixxu d-demokrazija pluralista fl-Istati Membri, inklużi l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, il-Kummissarju tal-Kunsill tal-Ewropa għad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kunsill tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-korpi tat-trattat dwar id-drittijiet tal-bniedem tan-NU. Barra minn hekk, l-organizzazzjonijiet indipendenti tas-soċjetà ċivili huma wkoll ta’ spiss sors affidabbli ta’ informazzjoni u analiżi. Kwalunkwe referenza speċifika għal dawn l-entitatijiet fil-proposta tirrifletti r-rwol speċjali fis-salvagwardja tal-valuri elenkati fl-Artikolu 2 tat-TUE.

4.7.

Barra minn hekk, il-KESE jikkunsidra li, bħala l-istituzzjoni rapprezentattiva tas-soċjetà ċivili tal-UE, l-analiżi u l-osservazzjonijiet tiegħu stess huma ta’ rilevanza partikolari għall-Kummissjoni meta din tkun qed tiddetermina l-eżistenza ta’ nuqqasijiet serji fir-rigward tal-istat tad-dritt fi Stat Membru partikolari kemm skont dan ir-regolament kif ukoll skont strumenti oħrajn. F’dan ir-rigward, il-KESE jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-ħolqien ta’ grupp ta’ ħidma tal-KESE dwar id-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt li se jiżgura fokus speċjali fuq il-protezzjoni tal-valuri tal-Artikolu 2 tat-TUE.

4.8.

L-inklużjoni tal-KESE fost il-korpi li l-Kummissjoni żżomm infurmati bil-miżuri proposti jew adottati skont din il-leġislazzjoni u fost sorsi rilevanti ta’ informazzjoni bil-għan li l-Kummissjoni tkun tista’ tiddetermina l-eżistenza ta’ nuqqas serju fir-rigward tal-istat tad-dritt tippermetti lill-KESE jagħmel kontribut sinifikanti u effettiv għall-protezzjoni tal-valuri tal-Artikolu 2 u tiżgura li l-vuċi tas-soċjetà ċivili tkun rrappreżentata.

4.9.

Il-KESE jaqbel kompletament mal-għan tal-Kummissjoni li l-konsegwenzi assoċjati mat-tnedija tal-mekkaniżmu propost għandhom jintrefgħu minn dawk responsabbli għan-nuqqasijiet u mhux mill-benefiċjarji individwali tal-finanzjament tal-UE, bħall-istudenti tal-Erasmus, ir-riċerkaturi jew l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (6).

4.10.

Il-KESE jinnota li skont il-proposta, f’każ li jittieħdu miżuri, l-Istati Membri għandhom jibqgħu responsabbli għad-distribuzzjoni tal-fondi inkwistjoni. Il-KESE jikkunsidra li għalkemm dan huwa legalment sod, ftit li xejn jikkontribwixxi biex jimpedixxi Stat Membru fil-prattika milli jirrifjuta li jiddistribwixxi l-fondi inkwistjoni u jagħti t-tort lill-Kummissjoni għal gwadann politiku. Peress li huwa improbabbli li l-pubbliku japprezza l-mekkaniżmi aktar irfinati tal-leġislazzjoni tal-UE, l-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi jagħmlu rabta diretta bejn it-tnaqqis tal-finazjamenti u deċiżjoni tal-Kummissjoni. Dan joħloq sitwazzjoni fejn il-Kummissjoni tista’ tkun skoraġġuta milli tieħu miżuri kontra Stat Membru minħabba l-potenzjal ta’ reazzjoni negattiva fl-opinjoni pubblika. Dan huwa riskju partikolari f’dawk l-Istati Membri fejn il-gvern għandu kontroll fuq il-midja pubblika u privata jew jinfluwenzahom, tendenza li hija l-każ fi Stati Membri li jsofru minn nuqqasijiet serji fir-rigward tal-istat tad-dritt.

4.11.

Il-KESE jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex tikkunsidra li ssib metodi biex ittaffi r-riskju li l-benefiċjarji individwali jintlaqtu ħażin u li l-miżuri li jittieħdu skont dan ir-regolament jistgħu jiddgħajfu għal gwadann politiku minn gvernijiet li jiksru l-valuri tal-Artikolu 2. Il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra mezzi alternattivi biex permezz tagħhom tiżgura li l-fondi tal-UE jilħqu l-benefiċjarji intenzjonati tagħhom. Possibbiltà waħda tista’ tkun dik li tinħoloq aġenzija eżekuttiva biex tieħu f’idejha l-ġestjoni diretta tal-fondi rilevanti.

4.12.

Meta n-nuqqas iġġeneralizzat jinġieb fi tmiemu bil-ħsieb li titneħħa kwalunkwe miżura meħuda skont dan ir-regolament, il-KESE jenfasizza l-importanza ta’ djalogu miftuħ bejn l-Istat Membru kkonċernat u l-istituzzjonijiet tal-UE, kif issuġġerit fil-proposta. L-istati Membri għandhom iqisu l-fehmiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili rigward is-sitwazzjoni fl-Istat Membru kkonċernat, l-adegwatezza tal-miżuri meħuda biex jinġieb fi tmiemu n-nuqqas iġġeneralizzat u l-adegwatezza tal-miżuri meħuda biex jiġi evitat li dan jirrepeti ruħu.

Brussell, it-18 ta’ Ottubru 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320, Artikolu 23.

(2)  Kif stabbilit mill-Kunsill Ewropew ta’ Kopenħagen fl-1993.

(3)  ĠU C 34, 2.2.2017, p. 8

(4)  2015/2254(INL)

(5)  SOC/599 (Ara paġna 178 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali)) dwar COM(2018) 383 final u COM(2018) 384 final

(6)  COM(2018) 98 final, p. 16.


Top