EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018AE2962

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+)” (COM(2018) 382 final — 2018/0206 (COD))

EESC 2018/02962

ĠU C 62, 15.2.2019, p. 165–172 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 62/165


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+)”

(COM(2018) 382 final — 2018/0206 (COD))

(2019/C 62/27)

Relatur:

Krzysztof BALON

Korelatur:

Cinzia DEL RIO

Konsultazzjoni

Il-Parlament Ewropew, 11.6.2018

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 19.6.2018

Bażi legali

Artikoli 46(d), 149, 153(2)(a), 164, 168(5), 175(3) u 349 tat-TFUE

 

 

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adottata fis-sezzjoni

26.9.2018

Adottata fil-plenarja

17.10.2018

Sessjoni plenarja Nru

538

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

183/2/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni għall-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+), li għandha l-għan li ttejjeb il-konsistenza u s-sinerġiji fost l-istrumenti tal-UE, tamalgama xi fondi tal-UE u tissemplifika xi proċeduri. Filwaqt li jissottolinja xi aspetti kritiċi tal-proposta, il-KESE jitlob li tittieħed deċiżjoni rapida, responsabbli u bbilanċjata dwar il-proposta qabel l-elezzjonijiet tal-PE li se jsiru s-sena d-dieħla.

1.2.

L-Ewropa teħtieġ taħlita tajba ta’ politiki ekonomiċi, soċjali u ta’ investiment biex tibqa’ kompetittiva fl-ekonomija globali u biex tiżgura impjiegi, edukazzjoni u taħriġ ta’ kwalità, li għandhom ikunu disponibbli u aċċessibbli minn kulħadd, kif ukoll aċċess ugwali għas-servizzi tas-saħħa, inklużjoni soċjali u parteċipazzjoni attiva fis-soċjetà. Huwa meħtieġ baġit tal-UE li jista’ jindirizza l-isfidi prinċipali bħall-qgħad fost iż-żgħażagħ, l-ispariġġ fil-ħiliet, il-qgħad fit-tul, suq tax-xogħol li qed jinbidel b’rata mgħaġġla u l-impatt ta’ forom ġodda ta’ xogħol fuq in-nies, li joħolqu esklużjoni soċjali ġdida ta’ gruppi marġinalizzati, flimkien ma’ rati tal-qgħad għolja b’mod persistenti f’xi pajjiżi. Barra minn hekk, sfidi kompletament ġodda li jirriżultaw mid-diġitalizzazzjoni jeħtieġu approċċi innovattivi għall-finanzjament tal-UE (1).

1.3.

Il-KESE jikkritika bil-bosta l-proposta peress li tipprovdi għal tnaqqis finanzjarju fil-politika ta’ koeżjoni tal-UE. B’referenza speċifika għall-FSE+, hemm tnaqqis ta’ 6 % f’termini reali. Barra minn hekk, il-KESE ma jaqbilx mal-eliminazzjoni tas-sehem minimu (li attwalment huwa ta’ 23,1 %) tal-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni taħt l-FSE+. Meta wieħed iqis li l-FSE+ huwa l-istrument ewlieni ta’ finanzjament għall-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-KESE jitlob li 30 % tar-riżorsi totali għall-politiki ta’ koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali jiġu allokati għall-FSE+, u fi ħdan l-FSE+, 30 % tar-riżorsi tiegħu jiġu allokati għal miżuri ta’ inklużjoni soċjali.

1.4.

Il-fużjoni ta’ fondi u programmi differenti taħt il-programm “umbrella” ġdid tal-FSE+ għandha tiġi implimentata b’kawtela, filwaqt li titqies kwalunkwe żieda fl-effettività u fl-effiċjenza tagħhom meta mqabbla mal-oqfsa ta’ twettiq separati. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni sabiex tkompli tissemplifika r-regoli tal-FSE+ kemm għall-awtoritajiet maniġerjali kif ukoll għall-benefiċjarji, filwaqt li tiżgura li l-proġetti jikkonformaw mal-valuri tal-UE. Il-kondizzjoni ta’ abilitazzjoni ta’ inklużjoni attiva, skont liema l-Istati Membri għandu jkollhom strateġiji nazzjonali kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali sabiex jikkwalifikaw għall-finanzjament taħt l-FSE+, għandha tkompli tapplika għall-Istati Membri kollha matul il-perjodu ta’ finanzjament tal-QFP li jmiss.

1.5.

L-FSE+ għandu jintuża b’mod konsistenti mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, mal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal (UNCRC) u mal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (UNCRPD). Il-konformità mar-regoli tal-Kodiċi ta’ Kondotta Ewropew dwar is-Sħubija għandha titqies bħala kondizzjonalità ta’ abilitazzjoni, u l-ftehimiet ta’ sħubija u l-programmi operattivi għandhom jiġu riveduti u jkunu soġġetti għal sanzjonijiet jekk dawn ma jirrispettawx bis-sħiħ l-obbligi tal-Kodiċi ta’ Kondotta Ewropew dwar is-Sħubija.

1.6.

L-Unjoni Ewropea għandha tagħmel użu sħiħ mill-esperjenza u mill-kapaċità tal-imsieħba soċjali u ta’ organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili li joperaw fil-livell lokali, nazzjonali u Ewropew billi tinvolvihom, flimkien mal-utenti tas-servizzi u skont ir-rwoli differenti tagħhom, fil-kompiti tal-ipprogrammar, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-finanzjament tal-UE. L-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet l-oħra tas-soċjetà ċivili huma parteċipanti kruċjali fil-proġett demokratiku Ewropew. Fil-kuntest tal-FSE+, dan ifisser li l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jiffaċilitaw l-aċċess tagħhom għar-riżorsi disponibbli. Il-KESE jappoġġja r-reviżjoni tal-kompożizzjoni tal-Kumitat tal-FSE+ kif deskritta fl-Artikolu 40(2) tar-Regolament, skont l-Artikolu 6(1)(c) tar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni u b’rispett tal-prinċipji tal-Kodiċi ta’ Kondotta Ewropea dwar is-Sħubija.

1.7.

Porzjon xieraq mir-riżorsi disponibbli għandu jiġi allokat għall-proġetti mmexxija minn organizzazzjonijiet lokali żgħar, kif ukoll għall-għoti mill-ġdid, sabiex jiġu appoġġjati l-attivitajiet ta’ organizzazzjonijiet attivi lokalment. Il-kontribuzzjonijiet in natura għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod bħall-kontribuzzjonijiet finanzjarji.

1.8.

It-transnazzjonalità (jew l-attivitajiet transkonfinali) għandha normalment tkun parti mill-programmi operazzjonali tal-Istati Membri kollha. Dan huwa meħtieġ sabiex jitrawwem sens ta’ identità Ewropea fost iċ-ċittadini ta’ Stati Membri differenti.

1.9.

Il-KESE jqis li huwa importanti li jiġi stabbilit livell għoli ta’ finanzjament għall-oqsma ewlenin ta’ azzjoni għall-futur tal-Ewropa u tal-popolazzjoni tagħha. Dawn jinkludu: impjieg taż-żgħażagħ ta’ kwalità, inizjattivi tal-ugwaljanza bejn is-sessi, l-inklużjoni u l-impjieg ta’ gruppi vulnerabbli, it-tagħlim tul il-ħajja u t-titjib tal-ħiliet fil-kuntest ta’ suq tax-xogħol li qed jinbidel b’rata mgħaġġla u diġitalizzat, it-tisħiħ tas-servizzi pubbliċi ta’ interess ġenerali, kif ukoll il-bini tal-kapaċità tal-amministrazzjoni pubblika tal-imsieħba soċjali — b’approċċ iddedikat għat-tisħiħ tad-djalogu soċjali u t-twettiq ta’ attivitajiet konġunti — u tal-organizzazzjonijiet l-oħra tas-soċjetà ċivili, inkluża l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ġestjoni tal-fond sabiex tiġi żgurata governanza aħjar.

1.10.

Filwaqt li jqis ir-rwol dejjem akbar tal-ekonomija soċjali fid-dimensjoni soċjali tal-UE, il-KESE jqis ukoll li l-appoġġ għall-attivitajiet tal-ekonomija soċjali għandu jsir objettiv separat u speċifiku tal-FSE+.

1.11.

Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni sabiex jiġu identifikati indikaturi ġodda għall-allokazzjoni tal-finanzjament. Madankollu, fil-parti l-kbira tagħha, is-sistema attwali għadha bbażata l-aktar fuq il-prodott domestiku gross (PDG). Barra minn hekk, il-KESE jqis li l-korrelazzjoni bejn l-FSE+ u r-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi (CSRs) tas-Semestru Ewropew għandha tittejjeb. Fl-istess ħin, il-KESE jinsab imħasseb li jistgħu jiġu applikati kondizzjonalitajiet stretti. Għalhekk huwa jenfasizza li din il-korrelazzjoni għandha tiġi nnegozjata bejn l-awtoritajiet nazzjonali u Ewropej, bl-involviment sħiħ u attiv tal-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili.

1.12.

L-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili għandhom jitqiesu bħala partijiet ikkonċernati indaqs fil-kumitati ta’ monitoraġġ, bid-drittijiet tal-vot u l-possibbiltà li jeżerċitaw funzjonijiet speċifiċi ta’ tmexxija. Il-monitoraġġ għandu jivvaluta wkoll il-progress tal-miżuri tal-inklużjoni soċjali, pjuttost milli jkun limitat għall-applikazzjoni ta’ sett ta’ indikaturi kwantitattivi.

1.13.

Il-KESE jenfasizza l-importanza li l-FSE+ jinżamm fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali.

1.14.

Il-KESE ma jaqbilx mal-proposta li titnaqqas ir-rata Ewropea ta’ kofinanzjament tal-FSE+. Fi kwalunkwe każ, tali tnaqqis m’għandux jitħallas mill-promoturi tal-proġetti.

2.   Introduzzjoni: il-proposti tal-Kummissjoni għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 u s-sitwazzjoni soċjali attwali fl-UE

2.1.

Fit-2 ta’ Mejju 2018, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet komunikazzjoni dwar il-proposti tagħha għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027, segwita mill-pubblikazzjoni tar-regolamenti dwar l-QFP u dwar il-Fond Soċjali Ewropew Plus bejn id-29 u l-31 ta’ Mejju u l-1 ta’ Ġunju 2018 rispettivament.

2.2.

Kif mitlub mill-Parlament Ewropew, il-baġit tal-UE għandu jiżdied għal 1,3 % tal-prodott domestiku gross (PDG) (il-proposta tirrappreżenta żieda ta’ 1,08 %) u s-sistema tar-riżorsi proprji għandha tiġi riformata sabiex tistabbilizza l-finanzjament ta’ azzjonijiet ġodda u tindirizza l-isfidi interni ġodda. Żieda fil-baġit biss, anke wara l-Brexit, tista’ tippermetti lill-UE tissodisfa l-impenn tagħha li timplimenta l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li jistabbilixxi objettivi u prinċipji għal politika soċjali u tax-xogħol ġdida fil-livell Ewropew, sabiex jiġu promossi impjiegi ta’ kwalità u opportunitajiet indaqs, edukazzjoni u taħriġ ta’ kwalità – li għandhom ikunu disponibbli u aċċessibbli għal kulħadd – sabiex jiġi indirizzat it-tibdil rapidu fis-suq tax-xogħol u jiġu żgurati kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, flimkien ma’ inklużjoni soċjali u protezzjoni usa’ li jippermettu l-parteċipazzjoni attiva tal-persuni kollha fis-soċjetà.

2.3.

Jeħtieġ li l-Ewropa tibqa’ kompetittiva fl-ekonomija globali u tiżgura standards ta’ impjieg u soċjali għolja. Il-KESE jitlob li tittieħed deċiżjoni rapida, responsabbli u bbilanċjata dwar il-proposta tal-QFP u l-FSE+ qabel l-elezzjonijiet Ewropej.

2.4.

L-Unjoni issa qed tiffaċċja sfidi ġodda li jirriżultaw mill-ħtieġa li jingħeleb perjodu twil ta’ kriżi ekonomika u soċjali u jeħtieġ li tindirizza l-impatt ta’ suq tax-xogħol li qed jinbidel b’rata mgħaġġla u l-forom tax-xogħol ġodda relatati, in-nuqqasijiet fil-livelli tal-ħiliet, il-mobbiltà baxxa tal-ħaddiema, is-sottoprestazzjoni fil-politiki attivi tas-suq tax-xogħol (ALMP) u s-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ, kif ukoll l-esklużjoni soċjali “ġdida” ta’ gruppi marġinalizzati, inklużi r-Rom u l-migranti.

2.5.

Fl-UE, ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ għadha għolja. Minbarra dan, hemm ukoll iż-żieda fl-użu ta’ kuntratti ta’ impjiegi mhux standard, għal darb’oħra speċjalment fost iż-żgħażagħ, flimkien ma’ rati għolja b’mod persistenti ta’ NEETs (żgħażagħ “Barra mill-Edukazzjoni, Impjieg jew Taħriġ”). L-ispariġġ bejn il-provvista ta’ ħiliet u l-ħtiġijiet tal-impjegaturi ġie enfasizzat f’diversi opinjonijiet tal-KESE. Din hija r-raġuni għaliex l-isfida tal-lum il-ġurnata hija li jiżdiedu l-impjiegi ta’ kwalità u li l-impjiegi taż-żgħażagħ isiru prijorità. F’xi Stati Membri, madankollu, il-qgħad ta’ gruppi oħra, bħan-nisa, l-anzjani u l-migranti, qed isir kritiku u jeħtieġ soluzzjonijiet speċifiċi.

2.6.

L-introduzzjoni ta’ teknoloġiji ġodda, id-diġitalizzazzjoni u l-IA qed tħalli impatt kbir fuq l-impjiegi: edukazzjoni bażika ta’ kwalità, taħriġ ta’ standard għoli u effettiv, it-tagħlim tul il-ħajja, it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid u t-tqabbil tal-ħtiġijiet li qed jinbidlu tal-ekonomiji tal-UE mal-ħiliet u l-kompetenzi mmirati se jkunu l-għodod meħtieġa sabiex l-opportunitajiet tal-impjiegi tal-futur jiġu sfruttati bis-sħiħ u titrawwem il-kompetittività kummerċjali (2). Tali għodod jeħtieġ li jkunu akkumpanjati b’taħlita tajba ta’ politiki ekonomiċi, soċjali u ta’ investiment għal tkabbir inklużiv u sostenibbli xprunat mill-innovazzjoni.

2.7.

Aspett kritiku ieħor huwa l-livell ta’ faqar fost iċ-ċittadini: 118-il miljun ċittadin tal-UE (jew 23,7 % tal-popolazzjoni totali tal-UE) għadhom jgħixu jew jinsabu f’riskju ta’ faqar u ta’ esklużjoni soċjali (3). Fl-istess ħin, il-faqar fost dawk li jaħdmu għadu f’livelli għolja f’xi pajjiżi, filwaqt li dan huwa akkumpanjat b’żieda sinifikanti fis-sottoimpjieg (4).

3.   Aspetti ewlenin tar-Regolament propost dwar il-Fond Soċjali Ewropew Plus

3.1.

Sabiex isaħħaħ il-koerenza u s-sinerġiji bejn l-istrumenti komplementari tal-UE, iżid il-flessibbiltà, jippermetti li l-fondi jindirizzaw aħjar l-isfidi u jissemplifika l-ipprogrammar u l-immaniġġjar tal-fondi, il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) il-ġdid jamalgama l-fondi u l-programmi li ġejjin tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020:

il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI);

il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD);

il-Programm għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI); u

il-programm għall-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-saħħa (il-Programm tas-Saħħa).

3.2.

Il-baġit totali allokat għall-FSE+ jammonta għal madwar EUR 101 biljun (bi prezzijiet attwali) għall-perjodu 2021-2027, li EUR 100 biljun minnhom se jmorru għall-fergħa FSE+ taħt ġestjoni kondiviża (ex-FSE u ex-FEAD). Il-pakkett finanzjarju għall-fergħat b’ġestjoni diretta tal-FSE+ se jkun ta’ EUR 1 174 miljun bi prezzijiet attwali, li EUR 761 miljun minnhom se jintefqu fuq l-impjiegi u l-innovazzjoni soċjali u EUR 413-il miljun fuq is-saħħa. L-FSE+ jinkorpora wkoll l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI), b’10 % tal-allokazzjoni finanzjarja jkollha fil-mira tagħha persuni żgħażagħ li għandhom bejn il-15 u d-29 sena. Mill-inqas 25 % tar-riżorsi nazzjonali tal-FSE+ se jiġu allokati għall-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar. Barra minn hekk, l-Istati Membri se jkollhom jallokaw mill-inqas 2 % tar-riżorsi tagħhom tal-FSE+ għal miżuri mmirati lejn l-aktar persuni fil-bżonn.

3.3.

Fir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (CPR) ġew introdotti bosta dispożizzjonijiet biex tiġi ssemplifikata l-implimentazzjoni tal-FSE+, jonqos il-piż amministrattiv għall-benefiċjarji u l-enfasi tibda ssir fuq il-kisba tar-riżultati. Ir-Regolament dwar l-FSE+ jipprevedi wkoll miżuri li jindirizzaw il-privazzjoni materjali, sabiex b’hekk tiġi indirizzata t-talba tal-partijiet ikkonċernati biex jinżammu rekwiżiti eħfef għal din it-tip ta’ assistenza u jiġu ssemplifikati l-ġbir, il-monitoraġġ u r-rappurtar tad-data.

4.   Kummenti ġenerali dwar ir-Regolament propost

4.1.

Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni għall-FSE+, b’mod partikolari dwar:

l-allinjament tiegħu mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali;

il-linji gwida tiegħu għal riżultati ta’ kwalità permezz ta’ indikaturi mtejba;

ir-rikonoxximent tal-ħtieġa għal semplifikazzjoni u flessibbiltà akbar;

l-enfasi fuq tliet oqsma ta’ politika: l-impjiegi, l-edukazzjoni u l-inklużjoni soċjali;

l-introduzzjoni ta’ azzjonijiet innovattivi” prijoritarji biex jiġu appoġġjati l-innovazzjoni soċjali u l-esperimentazzjoni soċjali, li jsaħħu l-approċċi minn isfel għal fuq ibbażati fuq sħubijiet;

il-konsistenza u l-kompatibbiltà tiegħu ma’ programmi oħra ta’ finanzjament bħall-Erasmus (5) u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali taħt il-kapitolu tal-politika tal-QFP “Investiment fil-Persuni”;

il-fatt li dan iġib fondi u programmi individwali taħt programm umbrella wieħed sabiex tittejjeb il-ġlieda kontra l-faqar, l-esklużjoni soċjali, il-qgħad u s-sottoimpjieg fl-Unjoni Ewropea.

4.2.

Il-KESE jikkritika l-fatt li l-livell globali propost tal-QFP li jmiss huwa ta’ madwar EUR 1,1 triljun, li f’termini reali huwa inqas mil-livell tal-QFP attwali. Barra minn hekk, il-KESE jikkritika ħafna t-tnaqqis finanzjarju propost għall-politika ta’ koeżjoni tal-UE, li jammonta għal madwar 7 % fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027. B’referenza speċifika għall-FSE+, il-proposta tammonta għal 27 % tal-allokazzjonijiet totali għall-politika ta’ koeżjoni. F’termini reali, dan ifisser tnaqqis ta’ 6 % fl-FSE+. Barra minn hekk, il-KESE ma jaqbilx mal-eliminazzjoni tas-sehem minimu (li attwalment huwa ta’ 23,1 %) tal-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni taħt l-FSE+. Meta wieħed iqis li l-FSE+ huwa l-istrument ewlieni ta’ finanzjament għall-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-KESE jitlob ukoll li 30 % tar-riżorsi għall-politiki ta’ koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali jiġu allokati għall-FSE+, u jirrakkomanda li 30 % tar-riżorsi tal-FSE+ jiġu allokati għal miżuri ta’ inklużjoni soċjali. Il-KESE ma jaqbilx mal-proposta li titnaqqas ir-rata Ewropea ta’ kofinanzjament tal-FSE+. Fi kwalunkwe każ, tali tnaqqis m’għandux jitħallas mill-promoturi tal-proġetti.

4.3.

F’dan il-kuntest, il-KESE jtenni bil-qawwa li l-finanzjament kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak nazzjonali jeħtieġ li:

jindirizza l-problemi relatati mal-kwalità tal-ħajja u mal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata;

jinvesti f’edukazzjoni u taħriġ inklużivi u ta’ kwalità għolja u li għandhom ikunu aċċessibbli u affordabbli għal kulħadd u li huma orjentati lejn il-ħtiġijiet attwali u futuri tas-suq tax-xogħol;

jindirizza l-qgħad u l-ispariġġ fil-ħiliet — b’mod partikolari l-qgħad fit-tul u l-qgħad fost iż-żgħażagħ — u s-sottoimpjieg, kif ukoll jestendi t-taħriġ u l-kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti sabiex jiġu inklużi l-ħaddiema impjegati fil-forom ġodda (atipiċi), u f’xi każijiet illegali, tax-xogħol;

jindirizza l-isfidi demografiċi u jiżgura protezzjoni soċjali xierqa u sostenibbli tul iċ-ċiklu tal-ħajja għall-persuni kollha;

jippromovi l-inklużjoni u l-aċċessibilità għall-persuni b’diżabilità;

jiżviluppa, jittestja, jevalwa u jżid is-soluzzjonijiet innovattivi u jsaħħaħ l-approċċi minn isfel għal fuq u l-esperimentazzjonijiet soċjali bbażati fuq sħubijiet li jinvolvu lill-awtoritajiet pubbliċi, is-settur privat, l-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili;

jippromovi l-opportunitajiet indaqs u jiġġieled kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni;

itejjeb l-impjegabbiltà u l-integrazzjoni soċjoekonomika tal-gruppi marġinalizzati, fosthom il-persuni mingħajr saqaf fuq rashom;

jappoġġja l-integrazzjoni tal-migranti;

jipprovdi appoġġ individwalizzat ibbażat fuq il-familja u fil-komunità, itejjeb l-aċċess għal servizzi soċjali affordabbli, sostenibbli u ta’ kwalità għolja, kif ukoll għas-servizzi tas-saħħa u tal-akkomodazzjoni;

jippromovi l-azzjonijiet konġunti tal-imsieħba soċjali;

jappoġġja l-bini tal-kapaċità għall-amministrazzjonijiet/għall-istituzzjonijiet, għall-imsieħba soċjali u għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

4.4.

Peress li l-Fondi Strutturali tal-UE huma xprunaturi ewlenin għal Ewropa aktar kompetittiva, koeżiva, reżiljenti u soċjali, l-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà partikolari li jinvestu l-finanzjament tal-FSE+ f’servizzi soċjali li jiġu pprovduti mill-entitajiet pubbliċi, l-entitajiet tal-ekonomija soċjali u organizzazzjonijiet oħra mhux għall-profitt.

4.5.

Il-fużjoni ta’ fondi u programmi differenti taħt il-programm “umbrella” ġdid tal-FSE+ għandha tiġi implimentata b’kawtela, filwaqt li titqies kwalunkwe żieda fl-effettività u fl-effiċjenza tagħhom meta mqabbla ma’ oqfsa ta’ twettiq separati (6).

4.6.

Il-Kummissjoni tipproponi li tamalgama l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI) mal-FSE+ biex tiżgura l-konsistenza u l-effiċjenza tal-azzjonijiet iffukati fuq iż-żgħażagħ. Il-proposta għandha l-għan li ssaħħaħ il-politiki tal-impjiegi fl-Istati Membri. Il-proċeduri għall-aċċess tal-finanzjament tal-YEI għandhom jiġu ssemplifikati u jiggarantixxu allokazzjoni ċara ta’ riżorsi. Jekk dan ma jsirx, ikun aktar utli li l-YEI titħalla bħala inizjattiva finanzjarja separata. Barra minn hekk, jeħtieġ li jittieħdu passi sabiex jiġi żgurat li l-kalkoli li jirrikjedu lill-Istati Membri jużaw mill-inqas 10 % tal-baġit tal-FSE+ għall-YEI jkunu effettivi u raġonevoli. Għandu jiġi evitat ir-riskju li l-YEI tiġi marġinalizzata u li bejn l-2021 u l-2027 jitnaqqas il-baġit allokat (7).

4.7.

Huwa importanti wkoll li jiġi rikonoxxut li l-imsieħba soċjali u — fuq l-istess livell — organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili huma parteċipanti kruċjali tal-proġett demokratiku Ewropew. Għalhekk l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jiffaċilitaw l-aċċess tagħhom għar-riżorsi disponibbli.

4.8.

L-Unjoni Ewropea għandha tagħmel użu sħiħ mill-esperjenza u mill-kapaċità tal-imsieħba soċjali u ta’ organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili li joperaw fil-livelli lokali, nazzjonali u Ewropew billi tinvolvihom, skont ir-rwoli differenti tagħhom, flimkien mal-utenti tas-servizzi, fl-ipprogrammar, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-finanzjament tal-UE (8). Għal dan il-għan, se jkun meħtieġ li ssir referenza ċara għall-Kodiċi ta’ Kondotta Ewropew dwar is-Sħubija. Il-konformità ma’ dan il-kodiċi għandha titqies bħala kondizzjoni ta’ abilitazzjoni. L-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet l-oħra tas-soċjetà ċivili għandhom — ġaladarba jirċievu appoġġ adegwat — jiżviluppaw għodod ta’ evalwazzjoni xierqa u, fejn possibbli, jużaw l-għarfien espert tal-benefiċjarji diretti (9). Dan jista’ jsir biss meta jitnaqqsu l-piżijiet burokratiċi u jiġu ssemplifikati r-regoli ta’ finanzjament sabiex jiġu appoġġjati l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet l-oħra tas-soċjetà ċivili.

4.9.

Parti xierqa mir-riżorsi disponibbli għandha tiġi allokata għal proġetti mmexxija minn organizzazzjonijiet lokali żgħar, kif ukoll għall-għoti mill-ġdid. Dan jagħmilha possibbli li jiġu appoġġjati organizzazzjonijiet attivi lokalment u gruppi ta’ awtoassisstenza u jevita jew itaffi wkoll l-effett deterrenti ta’ burokrazija eċċessiva ta’ kofinanzjament li jiffaċċjaw l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Il-kontribuzzjonijiet in natura għandhom jiġu indirizzati bl-istess mod bħall-kontribuzzjonijiet finanzjarji.

4.10.

Ta’ min jinnota li, fil-maġġoranza tal-każijiet, strumenti finanzjarji bħal self, garanziji jew ekwitajiet ma jipprovdux finanzjament xieraq għal proġetti soċjali. L-għotjiet għandhom għalhekk jintgħażlu bħala l-mekkaniżmu tal-implimentazzjoni ewlieni, sakemm għodod finanzjarji oħra ma jkunux aktar effettivi.

4.11.

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tkompli tissemplifika r-regoli tal-FSE+ kemm għall-awtoritajiet maniġerjali kif ukoll għall-benefiċjarji. Madankollu, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet maniġerjali għandhom jieħdu miżuri speċifiċi biex jiżguraw li s-semplifikazzjoni ma tesponix għal riskji finanzjarji lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu għal u ma’ persuni affettwati mill-faqar u l-esklużjoni soċjali. Dawn ir-riskji huma partikolarment assoċjati mar-rekwiżiti estensivi għall-ġbir ta’ data personali.

4.12.

Kwalunkwe semplifikazzjoni tar-regoli tal-fondi ma għandhiex twassal għat-tneħħija tal-mekkaniżmi (pereżempju l-kondizzjonali ta’ abilitazzjoni) li jinsabu fis-seħħ sabiex jiġi żgurat li l-proġetti ffinanzjati mill-fondi tal-UE jikkonformaw mal-valuri tal-UE, b’mod partikolari l-obbligu li jiġu rispettati d-drittijiet tal-bniedem. Il-kondizzjonali ta’ abilitazzjoni li tikkonċerna l-inklużjoni attiva, skont liema l-Istati Membri għandu jkollhom strateġiji nazzjonali kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali sabiex jikkwalifikaw għall-finanzjament tal-FSE+, għandhom ikomplu japplikaw għall-Istati Membri kollha matul il-perjodu ta’ finanzjament tal-QFP li jmiss.

4.13.

Peress li l-FSE+ huwa fond Ewropew, it-transnazzjonalità (jew l-attivitajiet transkonfinali) għandha normalment tkun parti mill-programmi operattivi fl-Istati Membri kollha. Dan huwa meħtieġ bil-għan li jitrawwem sens ta’ identità Ewropea fost iċ-ċittadini ta’ Stati Membri differenti u tagħmel l-appoġġ finanzjarju offrut mill-UE liċ-ċittadini tagħha ħafna aktar viżibbli. Sabiex tiġi megħjuna l-implimentazzjoni tal-proġetti transkonfinali, formati ta’ prattika tajba u ta’ suċċess mill-perjodu ta’ finanzjament attwali (2014-2020) għandhom jitkomplew u jiġu kondiviżi fost l-Istati Membri.

5.   Kummenti u rekwiżiti speċifiċi fir-rigward tar-Regolament propost

5.1.

Il-KESE jqis li huwa importanti li jiġu stabbiliti objettivi speċifiċi (10) għall-FSE+ b’livell għoli ta’ finanzjament għall-oqsma ewlenin ta’ azzjoni għall-futur tal-Ewropa u tal-popolazzjoni tagħha, bħal:

l-impjiegi taż-żgħażagħ ta’ kwalità;

l-inizjattivi tal-ugwaljanza bejn is-sessi;

l-inklużjoni u l-impjieg ta’ gruppi vulnerabbli, bħall-persuni b’diżabilità u l-migranti;

l-aċċess għal tagħlim tul il-ħajja fil-kuntest ta’ suq tax-xogħol li qed jinbidel b’rata mgħaġġla u diġitalizzat;

it-tisħiħ tas-servizzi pubbliċi ta’ interess ġenerali, peress li dawn jikkontribwixxu għal kwalità ta’ ħajja aħjar u bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata;

il-bini tal-kapaċità għall-amministrazzjonijiet pubbliċi, l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet l-oħra tas-soċjetà ċivili sabiex tiġi żgurata governanza aħjar, inkluż fil-ġestjoni tal-fond.

5.2.

Filwaqt li jqis ir-rwol dejjem akbar tal-ekonomija soċjali fid-dimensjoni soċjali tal-UE, il-KESE jqis ukoll li l-appoġġ għall-attivitajiet tal-ekonomija soċjali għandu jsir objettiv separat tal-FSE+ (11). Il-miżuri previsti għandhom jiffukaw fuq l-ekonomija soċjali kollha kemm hi fid-diversità kollha tagħha fost l-Istati Membri. Il-Kummissjoni hija mistiedna sabiex taħdem mal-Istati Membri biex tippromovi ekosistema aktar favorevoli għall-ekonomija soċjali.

5.3.

Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni sabiex jiġu identifikati indikaturi ġodda għall-allokazzjoni tal-finanzjament għal kwistjonijiet bħall-qgħad fost iż-żgħażagħ, il-livelli baxxi ta’ edukazzjoni, it-tibdil fil-klima u l-akkoljenza/l-integrazzjoni tal-migranti, sabiex tiġi riflessa aħjar is-sitwazzjoni soċjali u ekonomika tar-reġjuni u tat-territorji Ewropej u dawn jiġu allinjati mat-Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Madankollu, fil-parti l-kbira tagħha, is-sistema attwali għall-allokazzjoni tal-fondi għadha bbażata fuq il-PDG (12).

5.4.

Il-KESE jqis li l-korrelazzjoni bejn l-FSE+ u r-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi (CSRs) tas-Semestru Ewropew hija ta’ importanza kbira. Fl-istess ħin, il-KESE jinsab imħasseb li jistgħu jiġu applikati kondizzjonalitajiet stretti. Għalhekk huwa jenfasizza li din il-korrelazzjoni għandha tiġi nnegozjata bejn l-awtoritajiet nazzjonali u Ewropej, bl-involviment sħiħ u attiv tal-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili (13), peress li huwa importanti li tiġi garantita strateġija fuq perjodu medju u fuq dak fit-tul.

5.5.

Il-KESE jenfasizza l-importanza li l-FSE+ jinżamm fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, minħabba l-komplementaritajiet b’saħħithom bejn l-objettivi ta’ tkabbir u impjiegi u l-inklużjoni soċjali. Il-valur miżjud tal-FSE+ meta mqabbel mal-azzjoni tal-Istati Membri huwa marbut mal-ħtiġijiet territorjali u mal-integrazzjoni ma’ Fondi Strutturali oħra sabiex jitwettqu inizjattivi konsistenti u komprensivi fil-livell lokali. F’dan il-qafas, id-dimensjoni reġjonali/lokali hija kruċjali għall-ipprogrammar u l-implimentazzjoni ta’ miżuri mfassla apposta.

5.6.

Il-KESE jilqa’ l-obbligu fuq l-Istati Membri fir-rigward ta’ parteċipazzjoni xierqa tal-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili fit-twassil ta’ politiki appoġġjati mill-FSE+ u l-allokazzjoni ta’ ammont xieraq tar-riżorsi tal-FSE+ għall-bini tal-kapaċità u l-azzjonijiet konġunti. Dan għandu jinkludi approċċ iddedikat għall-bini tal-kapaċità għall-imsieħba soċjali, f’konformità mad-dikjarazzjoni tal-2016 li saret bejn erba’ partijiet dwar il-bidu ġdid għal djalogu soċjali, u billi jiġi żgurat li l-awtoritajiet maniġerjali jallokaw riżorsi, skont il-ħtiġijiet, fil-forma ta’ taħriġ, miżuri ta’ netwerking u billi jissaħħaħ id-djalogu soċjali u l-attivitajiet li jitwettqu b’mod konġunt mill-imsieħba soċjali (14).

5.7.

Bil-għan li jħeġġu l-parteċipazzjoni xierqa ta’ organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili fl-azzjoni appoġġjata mill-FSE+, b’mod partikolari fl-oqsma tal-inklużjoni soċjali, l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-opportunitajiet indaqs, l-awtoritajiet maniġerjali għandhom jiżguraw l-allokazzjoni ta’ ammont xieraq ta’ riżorsi tal-FSE+ għall-bini tal-kapaċità għal dawn l-organizzazzjonijiet.

5.8.

L-Istati Membri għandhom jagħmlu użu sħiħ mill-Artikolu 17 tal-Kodiċi ta’ Kondotta Ewropew dwar is-Sħubija (ECCP). Peress li l-ftehimiet ta’ sħubija u l-programmi operattivi huma r-riżultat ta’ negozjati bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali, il-Kummissjoni tista’ tkun iżjed eżiġenti meta tapprova dawn il-ftehimiet u għandha titlob li dawn jiġu riveduti, jekk ma jkunux jirrispettaw bis-sħiħ l-obbligi li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ sħubija (15). Barra minn hekk, għall-perjodu l-ġdid ta’ bejn l-2021 u l-2027, l-ECCP għandu jiġi rrivedut u r-rwol tal-imsieħba soċjali u tal-organizzazzjonijiet l-oħra tas-soċjetà ċivili għandu jiġi ddefinit b’mod ċar. Il-KESE jappoġġja r-reviżjoni tal-kompożizzjoni tal-Kumitat tal-FSE+ kif deskritta fl-Artikolu 40(2) tar-Regolament, skont l-Artikolu 6(1)(c) tar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni u b’rispett tal-prinċipji tal-Kodiċi ta’ Kondotta Ewropea dwar is-Sħubija. L-Artikolu 40(2) għandu għalhekk jiddikjara li kull Stat Membru għandu jaħtar rappreżentant wieħed tal-gvern, rappreżentant wieħed tal-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema, rappreżentant wieħed tal-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi u rappreżentant wieħed tas-soċjetà ċivili fil-Kumitat tal-FSE+.

5.9.

Il-Kummissjoni għandha tipprovdi kjarifika dwar ir-rekwiżiti minimi li l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jirrispettaw meta jimplimentaw is-sħubijiet, inklużi sanzjonijiet fil-każ ta’ implimentazzjoni inadegwata. Kwalunkwe nuqqas mill-Istati Membri biex ikunu konformi mal-Kodiċi ta’ Kondotta Ewropew dwar is-Sħubija (ECCP) għandu jiġi ppenalizzat permezz ta’ miżuri differenti, filwaqt li f’każijiet serji ta’ nuqqas ta’ konformità, dan jista’ jwassal biex jiġu sospiżi l-pagamenti, kif previst fil-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (16).

5.10.

Il-kumitati ta’ monitoraġġ għandhom joperaw b’mod aktar trasparenti u sinifikanti u għandhom jeżerċitaw ukoll funzjonijiet speċifiċi ta’ tmexxija. L-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom jitqiesu bħala partijiet ikkonċernati indaqs u għalhekk membri mandatorji fi ħdan il-kumitati ta’ tmexxija u għandu jkollhom id-dritt tal-vot. Il-monitoraġġ għandu jiżgura wkoll li l-fondi kollha jiġu użati b’mod konsistenti mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, inkluża l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, irratifikata mill-UE u minn 27 mill-Istati Membri tagħha. Barra minn hekk, il-monitoraġġ għandu jivvaluta wkoll il-progress tal-miżuri tal-inklużjoni soċjali, pjuttost milli jkun limitat għall-applikazzjoni ta’ sett ta’ indikaturi kwantitattivi (17).

Brussell, is-17 ta’ Ottubru 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  Ara, pereżempju, l-Opinjoni tal-KESE dwar Qafas Finanzjarju Pluriennali għal wara l-2020 (ĠU C 440, 6.12.2018, p. 106).

(2)  Ara ĠU C 237, 6.7.2018, p. 8.

(3)  Il-Kummissjoni Ewropea, Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi 2017.

(4)  Data tal-Eurostat u l-EU-SILC. Hawnhekk, u dwar xi punti oħra, id-dokument itenni l-pożizzjonijiet espressi fir-rapport ta’ informazzjoni tal-KESE “Segwitu għal SOC/537”, li ntbagħat lill-Kummissjoni Ewropea wara li ġie adottat b’mod unanimu mill-KESE fil-534 sessjoni plenarja tiegħu tat-18 u d-19 ta’ April 2018. Dan ir-rapport ta’ informazzjoni ta’ spiss ikkwota l-Opinjoni (ĠU C 173, 31.5.2017, p. 15).

(5)  L-Opinjoni tal-KESE dwar Erasmus (Ara l-paġna 194 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali) tirrakkomanda li jinżamm it-titolu “Erasmus+”.

(6)  Ara l-istudju dwar il-monitoraġġ, rapport finali, KUNTRATT NRU VC/2017/0131, Kuntratt Qafas ta’ Implimentazzjoni Nru VC/2013/0017, paġna 50.

(7)  Ara l-analiżi tal-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ fuq: https://www.youthforum.org/sites/default/files/2018-07/_ESF%2B%20data%20analysis_website.pdf

(8)  Ara ĠU C 173, 31.5.2017, p. 15.

(9)  Idem u “Segwitu għal SOC/537”.

(10)  Ara l-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament propost.

(11)  Ara l-Artikolu 4 tar-Regolament propost.

(12)  Ara l-Artikolu 4 tar-Regolament propost.

(13)  Ara l-Artikolu 7 tar-Regolament propost.

(14)  Ara l-Artikolu 8 tar-Regolament propost.

(15)  Ara l-Artikolu 4 tar-Regolament propost.

(16)  Ara l-Artikolu 34 tar-Regolament propost.

(17)  Ara l-Artikoli 38 u 39 tar-Regolament propost.


Top