EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018AE2245

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Aġenda ġdida għall-kultura” (COM(2018) 267 final)

EESC 2018/02245

ĠU C 62, 15.2.2019, p. 148–154 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 62/148


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Aġenda ġdida għall-kultura”

(COM(2018) 267 final)

(2019/C 62/25)

Relatur:

Antonello PEZZINI

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 18.6.2018

Bażi legali

L-Artikolu 167 tat-TFUE

 

 

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adottata fis-sezzjoni

26.9.2018

Adottata fil-plenarja

17.10.2018

Sessjoni plenarja Nru

538

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

182/1/0

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE huwa konvint li l-Ewropa tirrappreżenta komunità kulturali bbażata fuq valuri komuni u li l-ekonomija soċjali tas-suq hija karatteristika tal-istil ta’ ħajja Ewropea, li tgħaqqad il-libertà ekonomika mad-drittijiet soċjali u mal-prinċipji tar-rispett għall-bniedem.

1.2.

Il-KESE jikkunsidra fundamentali l-konsolidazzjoni u l-iżvilupp tad-dimensjoni kulturali tal-Unjoni, ibbażata fuq il-valuri komuni stabbiliti fit-Trattati, bħala fattur ewlieni fil-proċess ta’ integrazzjoni u bħala l-pedament tal-identità kulturali Ewropea, b’impenn għall-ħolqien ta’ soċjetà inklużiva, pluralista, magħquda u kompetittiva.

1.2.1.

Skont il-KESE, huwa biss bit-tisħiħ tas-sens ta’ appartenenza lill-Ewropa u bl-identità kulturali komuni li nistgħu nirrinfurzaw il-proġett Ewropew u d-diversità kulturali u lingwistika.

1.2.2.

Skont il-KESE, il-wirt kulturali tanġibbli u intanġibbli tal-Ewropa jirrappreżenta dak li jgħaqqad il-popli Ewropej, jiġifieri sens ta’ identità b’saħħtu kif ukoll assi strateġiku prezzjuż ta’ koeżjoni soċjali.

1.3.

Il-KESE jemmen li, preċiżament minħabba l-kriżi politika u ta’ identità li għaddejja bħalissa fl-Ewropa (1), huwa ferm importanti li l-kultura terġa’ tingħata rwol ċentrali ta’ trażmissjoni tas-sens ta’ identità, u li l-valuri komuni mnaqqxa fit-Trattati jsiru reali.

1.4.

Il-KESE, għalkemm iqis b’mod pożittiv l-inizjattiva li l-kultura titqiegħed fiċ-ċentru tal-Aġenda, jitlob li r-rilanċ tal-Aġenda jkun okkażjoni biex tiġi kkunsidrata l-viżjoni ta’ Rinaxximent Ewropew Ġdid, li jkollu l-għan li tinħoloq Żona Ewropea tal-Kultura (2), ibbażata fuq diversi valuri komuni bħalma huma: is-solidarjetà, il-fiduċja u l-koresponsabbiltà.

1.5.

Skont il-KESE, Aġenda Ewropea għall-Kultura mhedda għandha tkun ibbażata fuq viżjoni strateġika kondiviża li, fil-ħolqien taż-Żona Ewropea tal-Kultura tindika:

il-valuri ta’ identità komuni tal-libertà u tas-solidarjetà;

il-prinċipji ewlenin tal-libertà tal-moviment, l-istabbiliment u l-forniment, fl-Ewropa, ta’ persuni, beni u servizzi li joperaw fil-qasam kulturali;

is-sistemi ta’ ġestjoni u tfassil ta’ interventi li jindirizzaw il-wirt kulturali;

l-interventi ta’ restawr u ta’ konservazzjoni konkreti għall-wirt artistiku enormi li jagħti ħajja lill-kultura Ewropea għall-ġenerazzjonijiet il-ġodda (3);

l-isfruttar tal-kultura Ewropea fir-relazzjonijiet internazzjonali;

governanza mġedda tal-politiki Ewropej, biex jingħata aktar spazju lill-atturi li jipproduċu, u jsawru l-kultura, fix-xogħolijiet kulturali u fl-industriji kulturali u kreattivi;

l-appoġġ għal gruppi ta’ intrapriżi kreattivi ż-żgħar, partikolarment dawk b’għanijiet soċjali;

sinerġiji u skambji ta’ proċessi kulturali li jikkontribwixxu biex isaħħu l-kondiviżjoni tal-ħafna espressjonijiet tas-soċjetà Ewropea.

1.6.

Mill-aspett ta’ offerta kulturali, hemm bżonn li d-destinatarji tal-miżuri jkollhom perċezzjoni ċara u aċċessibbli, permezz ta’ mezzi ġodda ta’ komunikazzjoni f’diversi lingwi, sabiex iż-Żona Ewropea tal-Kultura tkun effettivament patrimonju ta’ kulħadd.

1.7.

Mill-aspett tad-domanda kulturali, il-Kumitat jemmen li huwa essenzjali li tittieħed azzjoni mmirata għal dawk attivi fil-produzzjoni kulturali, biex ikompli jiżdied il-livell ta’ parteċipazzjoni fl-iżvilupp tal-identità tal-valur komuni Ewropea, b’inizjattivi bħal “Erasmus ta’ ċittadinanza kulturali” u t-tnedija ta’ Kard Ewropea tal-Kultura għaċ-ċittadini Ewropej.

1.8.

Il-KESE huwa konvint li jista’ jaqdi rwol proattiv fi djalogu kulturali strutturat, biex jissaħħu ċ-ċittadinanza demokratika, l-identità kulturali u l-kondiviżjoni tal-ħafna espressjonijiet kreattivi tas-soċjetà, anke b’inizjattivi konġunti, bħat-tnedija ta’ Ġimgħa Ewropea tal-Kultura, l-Iljieli tal-Kultura Ewropea, u l-ħatra ta’ Ambaxxaturi Ewropej għall-Kultura.

1.9.

Il-Kumitat jimpenja ruħu favur il-monitoraġġ tad-data tal-pjan direzzjonali tal-Aġenda l-ġdida u t-tlestija taż-Żona Ewropea tal-Kultura, abbażi tas-sottomissjoni ta’ rapporti regolari mill-Kummissjoni.

2.   Introduzzjoni

2.1.

Il-kultura għandha post ewlieni fil-proġett Ewropew u hija l-bażi tal-“għaqda fid-diversità” tal-Unjoni Ewropea. Din tirrappreżenta komponent fundamentali tal-ħajja fil-komunità u valur li jista’ jtejjeb l-umanità tagħna, bħala element essenzjali tal-imġiba tagħna fis-soċjetà u fl-espressjoni ta’ kuljum taċ-ċittadinanza tagħna.

2.2.

Għalhekk il-kultura tirrappreżenta r-riżorsa strateġika ideali ta’ koeżjoni soċjali u ta’ djalogu interkulturali u opportunità kbira biex tkun apprezzata l-istorja komuni, bir-rikkezza kbira tad-diversità kulturali tar-reġjuni Ewropej u tal-wirt tanġibbli u intanġibbli kondiviż.

2.3.

It-Trattat ta Lisbona ta’ importanza kbira għall-kultura: fil-preambolu tat-Trattat dwar l-Unjoni ssir referenza diretta għar-rieda li titnebbaħ mill-“wirt kulturali, reliġjuż u umanista tal-Ewropa”, b’objettivi prijoritarji bħall-impenn li “tirrispetta r-rikkezza tad-diversità kulturali u lingwistika tagħha u [li] għandha tassigura li jitħares u jkun żviluppat il-wirt kulturali Ewropew”.

2.3.1.

It-Trattat jenfasizza ħafna minn dawn il-valuri, li jservu bħala bażi għas-soċjetà Ewropea: “L-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem…”. Dawn il-valuri, li saru parti integrali tal-kultura Ewropea, jidhru u jeħtieġ li jokkupaw spazju dejjem akbar f’soċjetà kkaratterizzata mill-pluraliżmu, min-nondiskriminazzjoni, mit-tolleranza, mill-ġustizzja u mis-solidarjetà.

2.3.2.

Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li hija parti integrali mit-Trattat, ġabret fil-qosor u tenniet lista rikka ta’ valuri, li wħud minnhom diġà jissemmew fit-Trattat.

2.3.3.

Għalhekk, l-azzjoni tal-UE hija mmirata biex tħeġġeġ il-kooperazzjoni fost l-Istati Membri biex il-kompetenza speċifika tagħhom fil-politika kulturali tkun tirreferi dejjem aktar għall-valuri komuni sottoskritti u jiġu integrati, kif ippjanat, fin-nisġa tar-relazzjonijiet soċjali.

2.3.4.

L-imġiba tal-bniedem fir-relazzjonijiet soċjali u fl-imġiba ta’ kuljum, timxi fuq mudelli stabbiliti f’moħħu a priori (4). Iżda dawn il-mudelli jinkisbu permezz tal-edukazzjoni (5) u t-tagħlim (6), u jissaħħu bir-relazzjonijiet li jiżviluppaw mad-dinja ta’ madwarna.

2.3.5.

Għalhekk huwa importanti li nxerrdu u ninsistu fuq il-valuri, li huma l-bażi komuni taċ-ċivilizzazzjoni Ewropea, speċjalment fost iż-żgħażagħ, minn qabel l-adolexxenza, biex jissaħħu“n-newroni mera”, li jissimulaw l-azzjonijiet, l-emozzjonijiet u s-sensazzjonijiet li nosservaw f’ħaddieħor (7).

2.4.

Il-kunċett tal-kultura (8) minnu nnifsu huwa dinamiku u għalhekk jimplika sensiela ta’ azzjonijiet li jeħtieġ jiġu żviluppati mill-politiki Ewropej u mill-Istati permezz tal-edukazzjoni u l-eżempji. Il-valuri msemmija hawn fuq u mħaddna mit-Trattat, ma jfiġġux mix-xejn, iżda huma pjuttost ir-riżultat ta’ kunsiderazzjonijiet u esperjenzi li mmaturaw fl-aspett soċjali li jirregolaw il-koeżistenza paċifika u ż-żieda fil-fiduċja tal-popli u jeħtieġ ikunu parti minn proċessi ta’ edukazzjoni u ta’ interazzjonijiet soċjali, immirati l-aktar lejn il-ġenerazzjonijiet il-ġodda, biex ikunu jistgħu jħaddnu u jaqsmu l-valuri etiċi tagħhom.

2.5.

Minbarra l-valur soċjali u identitarju tagħha, il-kultura hija dejjem aktar rikonoxxuta bħala segment ekonomiku ewlieni u strateġiku għall-iżvilupp tal-ġid per capita, tal-benesseri u tal-PDG globali Ewropew, u fir-relazzjonijiet internazzjonali.

2.6.

Huwa stmat li s-setturi kulturali u kreattivi jikkontribwixxu għal 4,2 % tal-PDG tal-UE, b’żieda fl-impjiegi ta’ 1,5 %. F’ċifri assoluti, fl-2016 il-kultura ġġenerat EUR 89,9 biljun — ekwivalenti għal + 1,8 % b’paragun mal-2015 — u, meta wieħed iqis l-industriji relatati, iġġenerat aktar minn EUR 250 biljun, u impjegat 1,5 miljun persuna (9).

2.7.

Il-parteċipazzjoni kulturali hija element essenzjali tal-impenn tal-Ewropa iżda, bil-kriżi ekonomika u finanzjarja tal-2008 fl-Ewropa, li wara nfirxet fil-qasam soċjali u dak poltiku, din il-parteċipazzjoni naqset fil-pajjiżi kollha Ewropej, u b’mod speċjali fil-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Ewropa (10).

2.8.

Fl-Aġenda Ewropea għall-Kultura tal-2007 (11) l-UE u l-Istati Membri kienu impenjaw ruħhom li:

jippromovu d-diversità kulturali;

iħarsu l-wirt kulturali;

jegħlbu l-ostakli għall-moviment liberu tal-operaturi fis-settur;

jappoġġjaw il-kontribut li jagħtu l-impriżi kulturali u kreattivi.

2.8.1.

Il-pjan ta’ ħidma tal-UE għall-Kultura (2015-2018) stabbilixxa 4 prijoritajiet ewlenin għall-kollaborazzjoni fil-livell Ewropew, fil-qasam tal-politiki kulturali:

kultura aċċessibbli u miftuħa għal kulħadd;

is-salvagwardja u l-isfruttar tal-wirt kulturali;

l-appoġġ lis-setturi kulturali u kreattivi, f’ekonomija innovattiva;

il-promozzjoni tad-diversità kulturali.

2.9.

Il-Parlament adotta għadd ta’ riżoluzzjonijiet (12) u rakkomandazzjonijiet dwar aċċess ugwali għas-servizzi kulturali, dwar il-kultura fir-relazzjonijiet barranin tal-Unjoni u dwar il-mobilità, dwar l-industriji kulturali u kreattivi.

2.10.

Fil-Kunsill tal-UE tat-23 ta’ Mejju 2018 ġew adottati l-konklużjonijiet dwar l-integrazzjoni tal-wirt kulturali anke f’politiki oħrajn u dwar it-tisħiħ tad-djalogu mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

2.11.

Min-naħa tiegħu, il-KESE spiss esprima l-opinjoni tiegħu dwar l-isfruttar tas-setturi kulturali u kreattivi u dwar l-appoġġ għal strateġija ta’ relazzjonijiet kulturali internazzjonali (13), inkluż il-kontribut tal-wirt kulturali Ewropew taż-żoni rurali (14).

3.   Il-proposti tal-Aġenda l-ġdida

3.1.

L-aspetti ewlenin tal-Aġenda l-ġdida proposta mill-Kummissjoni jistgħu jiġu jinġabru fil-qosor hekk:

il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni kulturali, il-mobilità tal-artisti u l-protezzjoni tal-wirt, filwaqt li tiġi sfruttata l-qawwa tal-kultura u tad-diversità kulturali favur il-koeżjoni soċjali u l-benesseri;

il-promozzjoni tal-kultura u tal-arti fl-edukazzjoni;

it-tisħiħ tar-relazzjonijiet kulturali internazzjonali;

it-trawwim ta’ rabtiet iktar b’saħħithom mal-politika industrijali;

l-isfruttar tar-rwol tal-kultura biex issaħħaħ l-identità Ewropea;

li ssir kooperazzjoni b’saħħitha mal-Istati Membri u mas-soċjetà ċivili.

3.2.

Id-dimensjonijiet ewlenin proposti jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej:

3.2.1.

Dimensjoni soċjali: l-isfruttar tal-importanza li l-kultura u d-diversità kulturali għandhom favur il-koeżjoni soċjali u l-benesseri.

3.2.2.

Dimensjoni ekonomika: l-appoġġ għall-kreattività kulturali fl-edukazzjoni u fl-innovazzjoni, it-tkabbir permezz ta’ impjiegi ġodda, l-iżvilupp ta’ industriji kulturali u ta’ ħiliet (15);

3.2.3.

Dimensjoni esterna ta’ tisħiħ tar-relazzjonijiet kulturali internazzjonali: l-appoġġ għall-kultura fil-pajjiżi kandidati u fil-Balkani tal-Punent, fil-pajjiżi tal-Mediterran, u azzjonijiet tal-Fond għall-Iżvilupp tal-AKP (16);

3.2.4.

Dimensjoni trasversali: l-inizjattivi “Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali” u “il-Kapitali Ewropej tal-Kultura”, Pjan ta’ Azzjoni Ewropew ġdid għall-Patrimonju Kulturali 2019-2022, l-iżvilupp ta’ Digital4Culture, il-lista online tal-films Ewropej, l-appoġġ għat-trasformazzjoni diġitali.

3.3.

Il-kollaborazzjoni strateġika fil-kuntest tal-Aġenda l-ġdida se tkun appoġġjata minn Europa Kreattiva u minn programmi oħra tal-UE.

4.   Kummenti ġenerali

4.1.

Il-KESE jikkunsidra fundamentali l-konsolidazzjoni u l-iżvilupp ta’ dimensjoni kulturali tal-Unjoni, ibbażata fuq il-valuri komuni stabbiliti fit-Trattati, biex jissaħħaħ is-sens ta’ appartenenza fil-ħolqien ta’ soċjetà inklużiva, magħquda u kompetittiva.

4.2.

Il-wirt kulturali tanġibbli u intanġibbli tal-Ewropa jirrappreżenta dak li jgħaqqad il-popli Ewropej, sens ta’ identità b’saħħtu b’mod speċjali fil-mumenti ta’ kriżi ta’ identità u ta’ solidarjetà Ewropea.

4.3.

Il-KESE jemmen li, preċiżament minħabba l-kriżi politika u ta’ identità u ta’ governanza li għaddejja bħalissa fl-Ewropa, ikun jaqbel li l-kultura Ewropea terġa’ tingħata r-rwol ta’ trażmissjoni tal-valuri tal-identità, anke permezz tat-tisħiħ ta’ perkorsi ta’ taħriġ Ewropej.

4.4.

Dan il-proċess ta’ integrazzjoni mill-aspett tal-valuri jeħtieġ ikun il-bażi għal qabża kbira ’l quddiem permezz ta’ Aġenda ġdida għall-Kultura u għandu jirriżulta f’Żona Ewropea tal-Kultura (17), li tkun ibbażata fuq valuri komuni, u b’mod analogu u konġunt maż-Żona Ewropea tar-Riċerka.

4.5.

Din iż-Żona Ewropea tal-Kultura ġdida għandha tinkludi, flimkien ma’ skeda taż-żmien:

4.5.1.

it-tisħiħ tal-politiki u tal-istrumenti kulturali Ewropej favur l-appoġġ u t-tixrid tal-valuri tal-identità, fuq il-bażi tas-sens ta’ appartenenza għal grupp ta’ valuri komuni.

4.5.2.

it-twettiq sħiħ tal-libertajiet tal-moviment, tal-istabbiliment u tal-forniment ta’ servizzi fit-territorju kollu Ewropew, ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi li joperaw fil-qasam kulturali;

4.5.3.

“ekonomija tal-kultura” ffokata fuq sistemi soċjalment inklużivi, li tippromovi mudelli ġodda għall-konservazzjoni u r-restawr tal-wirt kulturali u għall-iżvilupp ta’ industriji kreattivi, inkluż permezz ta’ forom ġodda ta’ intrapriża, b’valur soċjali kbir.

4.5.4.

il-promozzjoni tal-kultura Ewropea fir-relazzjonijiet internazzjonali, bħala strument għar-rilanċ tad-diplomazija kulturali, bħala mekkaniżmu ta’ setgħa ta’ persważjoni fir-relazzjonijiet esterni tal-Ewropa, kif ukoll bħala multiplikatur ekonomiku fil-kummerċ internazzjonali li jkun kapaċi jittrasforma lill-artisti/kreattivi f’“Ambaxxaturi għall-Kultura Ewropa”.

4.5.5.

mekkaniżmi bottom-up sabiex jingħata aktar spazju lill-atturi kollha li jipproduċu, joħolqu u jsawru direttament il-kultura, fl-oqsma tal-arti u tal-industriji kulturali u kreattivi.

4.6.

Skont il-KESE, l-isfidi komuni għandhom jiġu affaċċjati permezz tal-ħolqien ta’ “suq intern tal-kultura” ġenwin u proprju li jappoġġja:

il-mobilità tal-artisti, tas-servizzi tal-intrapriżi kulturali

il-mobilità tax-xogħlijiet artistiċi

il-kooperazzjoni permezz ta’ proġetti transnazzjonali

id-djalogu interkulturali

azzjonijiet speċifiċi ta’ tisħiħ tal-identità kulturali Ewropea

azzjonijiet ta’ restawr u konservazzjoni tal-wirt artistiku kbir ħafna tal-Ewropa b’linji ddedikati ta’ R&I multimedjali (18) u ta’ sostenibbiltà

it-tisħiħ tal-indipendenza kreattiva

l-iżvilupp ta’ kultura umanistika-diġitali li kapaċi trażżan il-kontroll manipulatorju tal-algoritmu tal-aħbarijiet foloz u tad-diżinformazzjoni online.

4.7.

Skont il-KESE, huwa essenzjali li jiġi promoss, speċjalment fost iż-żgħażagħ u permezz tal-edukazzjoni, it-twemmin li d-diversità kulturali u l-ħafna forom ta’ arti jirrappreżentaw elementi essenzjali għall-iżvilupp tal-bniedem u għall-affermazzjoni tal-libertajiet fundamentali u li l-iskambju ta’ proċessi kulturali jikkontribwixxu għat-tisħiħ taċ-ċittadinanza demokratika.

4.8.

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li l-Aġenda ġdida Ewropea għall-Kultura mfassla b’viżjoni strateġika ġdida kondiviża u arrikkita, tkun integrata u ankrata fil-prospetti tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali Ewropew.

4.9.

Fil-fehma tal-KESE, huwa meħtieġ li d-destinatarji tal-programmi u l-azzjonijiet ta’ regolamentazzjoni strutturali u finanzjarji li jipprovdu appoġġ jagħtu perċezzjoni ċara, trasparenti u aċċessibbli fuq in-netwerks soċjali.

4.10.

Bl-istess mod, il-KESE jemmen li huwa essenzjali li tittieħed azzjoni mmirata lejn id-destinatarji aħħarin tal-politika kulturali Ewropea, biex jiżdiedu: il-livelli ta’ parteċipazzjoni, li ħadu daqqa ta’ ħarta minħabba l-kriżi ekonomika u finanzjarja, li nfirxet fil-qasam soċjali.

4.10.1.

Il-KESE jemmen li t-tnedija ta’ Erasmus ta’ ċittadinanza, għat-tixrid kulturali u turistiku tal-UE u ta’ Kard Ewropea tal-Kultura, b’aċċess iffaċilitat għall-meravilji kulturali Ewropej u t-tnedija ta’ Ġimgħat u Ljieli Ewropej tal-Kultura, jistgħu jkunu inizjattivi utli, speċjalment għall-ġenerazzjonijiet żgħażagħ.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1.

Gwida operattiva diġitali, b’sit web aġġornat fil-ħin reali u li tkun faċli biex tintuża mill-utent u disponibbli fil-lingwi kollha tal-Unjoni, jeħtieġ tiżgura l-użu tal-ħafna strumenti Komunitarji disponibbli llum, fosthom, pereżempju:

DCI II, Strument ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (19)

Il-Programm Interreg Med (20) u l-Programm Med Culture (2014-18) (21)

ENI, Strument Ewropew tal-Viċinat, eks ENPI (22);

IPA II (2014-20) (23)

In-Netwerk Natura 2020 (24)

“Il-Pjan ta’ Azzjoni għan-natura, għaċ-ċittadini u għall-ekonomija” ta’ Natura 2020 (25)

LIFE (2014-20) (26)

Il-Fondi Strutturali (27)

EMODnet, Phase III, in-netwerk Ewropew ta’ osservazzjoni u Data Marittima (28)

It-Tkabbir Blu tal-Unjoni, fis-setturi tal-baħar, tat-trasport marittimu u tat-turiżmu (29)

Leader plus, it-tiġdid tal-wirt rurali u kulturali (30)

Ewropa għaċ-ċittadini (2014-20) għall-istorja u d-diversità (31) tal-UE

L-għajnuna mill-Istat għall-konservazzjoni kulturali u tal-patrimonju (32)

It-traffikar illegali tal-oġġetti kulturali (33)

Copernicus (ex GMES), informazzjoni bis-satellita li tippermetti l-monitoraġġ tal-wirt kulturali (34)

EDEN (European Destinations of exelleNce)

COSME li jiffinanzja inizjattivi favur il-kultura u t-turiżmu (35)

L-itinerarji kulturali tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Kummissjoni Ewropea

“C3 Monitor”, il-monitoraġġ u tqabbil ta’ madwar 170 belt kulturali u kreattivi fi 30 pajjiż Ewropew, “Vivaċità Kulturali” (Cultural Vibrancy), l-“Ekonomija Kreattiva” (Creative Economy) l-“Ambjent abilitanti” (Enabling Environment)

Is-sħubija pubblika-privata (PPP) dwar “l-effiċjenza fl-enerġija tal-bini storiku”

Il-wirt kulturali għall-iżvilupp sostenibbli tal-Orizzont 2020

Il-pjattaforma diġitali Europeana b’aktar minn 50 miljun vuċi diġitalizzata: kotba, mużika, opri tal-arti, b’metodi ta’ riċerka avvanzati

L-Aġenda diġitali għall-istudju tal-wirt ċinematografiku Ewropew (36)

L-investimenti fil-wirt kulturali permezz tar-regoli għall-politika ta’ koeżjoni (37)

Erasmus(38)

Il-marka tal-Patrimonju Ewropew li tistabbilixxi marka li tingħata lil siti li jinsabu fl-Unjoni (39)

Il-programm Ewropa kreattiva (2014-20) li jinkludi: il-komponent Media ddedikat għas-settur awdjoviżiv (is-sottoprogramm Media); komponent kulturali ddedikat għas-setturi kreattivi u kulturali (is-sottoprogramm tal-Kultura); komponent transettorjali ddedikat għas-setturi kreattivi u kulturali kollha (it-taqsima transettorjali(40).

Brussell, is-17 ta’ Ottubru 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  B’analoġija ma’ dan hemm it-tisħiħ taż-Żona Ewropea tar-Riċerka.

(2)  B’analoġija ma’ dan hemm it-tisħiħ taż-Żona Ewropea tar-Riċerka.

(3)  Ara Specialist restoration services: www.opencare.it

(4)  Nihil est in intellectu quod prius non fuerit in sensu (J. Locke).

(5)  Mil-Latin Instruere, tħejji, tibni.

(6)  L-ikkuppjar ta’ sinjali u mudelli.

(7)  Ara r-riżultati tan-newroxjenzi li jispjegaw l-ikkupjar tal-azzjonijiet u l-ikkupjar tal-mudelli.

(8)  Mil-Latin Colere, trawwem.

(9)  Sors Eurostat.

(10)  Ir-Rapport “Cultural access and participation” http://ec.europa.eu/public_opinion/archives/ebs/ebs_399_en.pdf

(11)  Ara ĠU C 287, 29.11.2007.

(12)  Ara ĠU C 377 E, 7.12.2012, p. 142; ĠU C 93, 9.3.2016, p. 95, P8_TA(2016)0486.

(13)  ĠU C 288, 31.8.2017, p. 120.

(14)  NAT/738 (ĠU C 440, 6.12.2018, p. 22).

(15)  B’mod partikolari bil-konverżjoni ta’ P.I.S.A. minn STEM (Xjenza, Teknoloġija, Inġinerija u Matematika) għal STEAM (Xjenza, Teknoloġija, Inġinerija, Arti u Matematika) u fil-qasam diġitali.

(16)  L-Afrika, il-Karibew, il-Paċifiku.

(17)  Ara wkoll il-Kunsill tal-Ewropa — Konvenzjoni Qafas tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Valur tal-Wirt Kulturali għas-Soċjetà (CETS nru 199) 18/03/08 Faro, 27 ta’ Ottubru 2005.

(18)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 14.

(19)  Ir-Regolament (UE) 233/2014 (ĠU L 77, 15.3.2014, p. 44).

(20)  Il-Programm Interreg Med.

(21)  Il-Programm Med Culture.

(22)  Ir-Regolamenti (UE) 232 (ĠU L 77, 15.3.2014, p. 27) u (UE) Nru 236/2014 (ĠU L 77, 15.3.2014, p. 95).

(23)  Ir-Regolament Nru 231/2014 (ĠU L 77, 15.3.2014, p. 11).

(24)  Id-Direttiva tal-Ħabitats 92/43/KEE (ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7) u d-Direttiva tal-Għasafar 2009/147/KE (ĠU L 20. 26.1.2010, p. 7).

(25)  COM(2017) 198 final.

(26)  Ir-Regolament Nru 1293/2013 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 185).

(27)  Il-5 Fondi: il-FEŻR, il-FSE, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-FAEŻR, il-FEMS.

(28)  Id-Deċiżjoni (UE) 2017/848 (ĠU L 125, 18.5.2017, p. 47).

(29)  Ir-Riżoluzzjoni tal-PE tat-2 ta’ Lulju 2013 (2012/2297(INI)) (ĠU C 75, 26.2.2016, p. 24).

(30)  Ir-Regolament (UE) 1305/2013 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487).

(31)  Ir-Regolament (UE) 390/2014 (ĠU L 115, 17.4.2014, p. 3).

(32)  Ir-Regolamenti (UE) Nru 651/2014 (ĠU L 187, 26.6.2014, p. 1) u (UE) 2015/1588 (ĠU L 248, 24.9.2015, p. 1).

(33)  Il-ġlieda kontra t-traffikar illegali tal-oġġetti kulturali.

(34)  Ir-Regolament (UE) 377/2014 (ĠU L 122, 24.4.2014, p. 44).

(35)  Ir-Regolament (UE) 1287/2013 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 33).

(36)  COM(2010) 487 final u COM(2014) 477 final.

(37)  ĠU L 347, 20.12.2013.

(38)  Ir-Regolament (UE) 1288/2013 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 50).

(39)  Id-Deċiżjoni Nru 1194/2011/UE (ĠU L 303, 22.11.2011, p. 1).

(40)  Ir-Regolament (UE) Nru 1295/2013 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 231).


Top