EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018AE2256

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: L-Impenn, il-Konnessjoni u l-Għoti tas-Setgħa liż-żgħażagħ: Strateġija tal-UE dwar iż-Żgħażagħ” (COM(2018) 269 final)

EESC 2018/02256

ĠU C 62, 15.2.2019, p. 142–147 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 62/142


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: L-Impenn, il-Konnessjoni u l-Għoti tas-Setgħa liż-żgħażagħ: Strateġija tal-UE dwar iż-Żgħażagħ”

(COM(2018) 269 final)

(2019/C 62/24)

Relatur:

Michael MCLOUGHLIN

Korelatur:

Adam ROGALEWSKI

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 18.6.2018

Bażi legali

Artikolu 165 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

 

 

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adottata fis-sezzjoni

26.9.2018

Adottata fil-plenarja

18.10.2018

Sessjoni plenarja Nru

538

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

116/4/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa’ l-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ għall-2019-2027 (minn hawn ’il quddiem“Strateġija”) u b’mod partikolari l-ħolqien tal-Koordinatur tal-UE għaż-Żgħażagħ bħala parti minnha.

1.2.

Il-Kumitat jemmen li l-Istrateġija, peress li fin-natura tagħha hija transsettorjali, għandha tkun iktar marbuta mal-programmi eżistenti tal-UE, bħall-Erasmus+, il-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà.

1.3.

Il-KESE jemmen li, biex l-Istrateġija tirnexxi, hija għandha tiffoka fuq dawn it-tliet għanijiet li ġejjin:

L-approċċ transsettorjali, b’viżjoni olistika taż-żgħażagħ u l-bżonnijiet u d-drittijiet tagħhom;

Il-koordinatur tal-UE għaż-Żgħażagħ il-ġdid għandu prinċipalment imexxi fil-ħidma transsettorjali u jokkupa pożizzjoni superjuri;

Il-politika tal-UE dwar iż-Żgħażagħ għandha tiġi inkluża fil-proċess tas-Semestru Ewropew biex tiffoka aktar fuq ir-riżultati, partikolarment f’oqsma transsettorjali.

1.4.

Il-KESE jemmen li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Istrateġija għandu jiġi estiż permezz ta’ azzjoni mmirata lejn il-protezzjoni, l-appoġġ u l-għoti liż-żgħażagħ tad-drittijiet, l-għarfien u l-ħiliet sabiex jaffaċċjaw sfidi globali bħad-diġitalizzazzjoni, it-tibdil fil-klima u ż-żieda fil-populiżmu.

1.5.

Il-KESE jirrakkomanda li l-Istrateġija jrid ikollha xi aspirazzjonijiet ta’ livell għoli għall-ħidma transsettorjali li tirrigwarda oqsma ta’ politika tal-UE rilevanti oħra, inklużi l-impjieg, l-edukazzjoni, is-saħħa, il-migrazzjoni u l-ugwaljanza.

1.6.

Il-Kumitat jirrakkomanda li l-Istrateġija tagħti iktar attenzjoni għall-kwistjonijiet tal-impjieg li qed jaffettwaw liż-żgħażagħ, b’mod partikolari f’termini tad-diskussjoni dwar il-futur tax-xogħol, kif ukoll kwistjonijiet soċjali oħra bħas-saħħa mentali, l-ugwaljanza u l-edukazzjoni.

1.7.

Filwaqt li jaqbel mal-Kummissjoni li l-Istrateġija għandha tippromovi d-demokrazija, il-KESE jemmen li din għandha tippromovi wkoll impenn ċiviku usa’, inklużi l-votazzjoni, il-volontarjat, NGOs immexxija miż-żgħażagħ, id-demokrazija fuq il-post tax-xogħol u d-djalogu soċjali.

1.8.

Il-Kumitat huwa konvint li l-involviment taż-żgħażagħ fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet għandu jiġi promoss ħafna iktar ta’ spiss. Barra minn hekk, sabiex id-Djalogu maż-Żgħażagħ jiġi żviluppat iktar, ir-rwoli tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u tal-Kunsilli Nazzjonali taż-Żgħażagħ iridu jitjiebu u jridu jiġu utilizzati toroq addizzjonali. L-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jieħdu rwol ta’ tmexxija f’dan ir-rigward, bil-KESE li jkun minn ta’ quddiem mill-istituzzjonijiet li jsaħħaħ l-involviment taż-żgħażagħ fil-livell tal-UE.

1.9.

Irid jiġi mħeġġeġ aktar infiq fuq il-ħidma fost iż-żgħażagħ flimkien ma’ investimenti fit-tul fis-servizzi pubbliċi, speċjalment fejn kien hemm tnaqqis fis-servizzi pubbliċi.

1.10.

L-Istrateġija trid tirrifletti approċċ ibbażat fuq id-drittijiet, pereżempju tibbaża fuq il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal tan-NU fejn ikun rilevanti.

1.11.

L-Istrateġija trid tagħti aktar attenzjoni lin-nisa żgħażagħ u l-bniet, LGBTIQ+ żgħażagħ, iż-żgħażagħ b’diżabilità u ż-żgħażagħ migranti u refuġjati.

1.12.

Għandha tkun meħtieġa iktar konverġenza ’l fuq bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-politika dwar iż-żgħażagħ, u għandhom ikunu meħtieġa pjani nazzjonali li jkopru oqsma simili sabiex dan jiġi ffaċilitat. Il-proċess tal-indikaturi, li beda fl-aħħar strateġija, jeħtieġ li jissaħħaħ sabiex jinkiseb dan.

1.13.

Il-KESE jissuġġerixxi li l-Portal tal-UE taż-Żgħażagħ għandu juża l-ikbar firxa ta’ għodod online possibbli b’referenza għall-impenn attwali taż-żgħażagħ.

1.14.

Filwaqt li jilqa’ l-Istrateġija speċifika l-ġdida tal-UE għaż-Żgħażagħ, il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa l-integrazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħidma kollha tad-direttorati ġenerali (DĠ) differenti kollha tal-Kummissjoni Ewropea.

2.   Sfond

2.1.

L-Istrateġija proposta hija t-tielet qafas propost mill-UE li jiffoka fuq il-popolazzjoni taż-żgħażagħ fl-Ewropa. L-Istrateġija l-ġdida tiffoka fuq tliet oqsma ta’ azzjoni: L-Impenn, il-Konnessjoni u l-Għoti tas-Setgħa, meta mqabbel mat-tmien oqsma ta’ azzjonijiet fl-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ 2010-2018: l-impjiegi u l-imprenditorija, l-inklużjoni soċjali, il-parteċipazzjoni, l-edukazzjoni u t-taħriġ, is-saħħa u l-benesseri, attivitajiet volontarji, iż-żgħażagħ u d-dinja, il-kreattività u l-kultura.

2.2.

L-aktar bidliet importanti fl-Istrateġija l-ġdida jinvolvu: il-ħolqien tal-Koordinatur tal-UE għaż-Żgħażagħ, is-sostituzzjoni tad-Djalogu Strutturat maż-Żgħażagħ bid-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ, u d-dilwizzjoni ta’ serje ta’ objettivi preċedenti b’xejriet transsettorjali li għandhom l-għan li jiftħu mezzi ta’ komunikazzjoni bejn iż-żgħażagħ u dawk li jfasslu l-politika.

2.3.

Bħal fl-istrateġiji preċedenti, il-Garanzija għaż-Żgħażagħ mhijiex inkluża fl-Istrateġija u tagħmel parti mill-Fond Soċjali Ewropew+.

2.4.

Fil-qasam tal-Istrateġija, jeżistu ħafna inizjattivi kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-UE. Taħt l-Erasmus+, il-Garanzija għaż-Żgħażagħ, l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ u l-Fond Soċjali Ewropew issir ħidma konsiderevoli. Oqsma rilevanti oħra li jissemmew huma l-Aġenda għall-Ħiliet u l-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. Fl-istess waqt, politiki oħra jħallu impatt kbir fuq iż-żgħażagħ f’dawk magħrufa bħala oqsma transsettorjali (pereżempju t-trasport, l-affarijiet soċjali, is-saħħa, l-azzjoni esterna u l-agrikoltura). Barra minn hekk, l-Istati Membri kollha għandhom l-approċċi tagħhom stess għall-politiki dwar iż-żgħażagħ u għal kwistjonijiet oħra li jkunu qed jaffettwaw liż-żgħażagħ.

2.5.

Il-kwistjonijiet marbuta maż-żgħażagħ huma inkorporati fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, fl-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli tan-NU u fl-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tagħha u f’oħrajn.

2.6.

Il-KESE diġà adotta diversi opinjonijiet relatati mal-kwistjonijiet marbuta maż-żgħażagħ, bħall-Opinjonijiet dwar l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (1), il-Garanzija għaż-Żgħażagħ (2), il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà (3) jew aktar reċentement dwar qafas tal-UE għal apprendistati ta’ kwalità u effettivi (4). Minn perspettiva tas-soċjetà ċivili, huwa vvaluta wkoll l-implimentazzjoni ta’ politiki tal-UE għall-impjieg taż-żgħażagħ f’għażla ta’ sitt Stati Membri, u primarjament tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ.

2.7.

Fis-seduta mmexxija miż-żgħażagħ tal-KESE organizzata għal din l-Opinjoni ġiet espressa inċertezza kbira miż-żgħażagħ. Huma ħassew pressjoni kbira u ftit aċċettazzjoni lejn dawk li jagħżlu triq differenti jew dawk li jitilqu kmieni mill-iskola. Xi żgħażagħ tkellmu dwar li jkollhom jibdew jaħsbu dwar il-pensjonijiet bħala żgħażagħ. It-tranżizzjoni għad-dinja tax-xogħol tibqa’ dejjem sfida u kien hemm nuqqas ta’ sodisfazzjon dwar id-diskriminazzjoni kontra ż-żgħażagħ f’termini ta’ ħlas meta jkunu qed jagħmlu l-istess xogħol, sempliċement abbażi tal-età. L-abitazzjoni u t-trasport kienu kwistjonijiet kritiċi wkoll, flimkien mad-diġitalizzazzjoni u problemi bir-rikonoxximent u bil-validazzjoni tal-ħiliet li jinkisbu permezz ta’ tagħlim mhux formali.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-KESE jilqa’ l-Istrateġija. Huwa jemmen li din għandha tkun pjan komprensiv li jwassal għal riżultati mixtieqa effettivi u jipprovdi valur miżjud għaż-żgħażagħ, li jammonta għal iktar mis-somma tal-partijiet tiegħu u jkun iktar effettiv minn ġabra ta’ azzjonijiet differenti. Il-KESE jemmen li l-Istrateġija għandha tkun iktar marbuta mal-programmi eżistenti tal-UE bħall-Erasmus+, il-Garanzija għaż-Żgħażagħ jew il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà.

3.2.

Il-kunċett ta’ approċċ olistiku għal kwistjonijiet ta’ politika kompla jikber fiż-żminijiet reċenti u huwa komuni kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell tal-Istati Membri. Dan jintlaqa’ bi pjaċir għaliex jirrikonoxxi li l-problemi soċjali mhux dejjem jistgħu jaqgħu f’kategoriji amministrattivi preċiżi. Madankollu, is-semplifikazzjoni tar-rwoli, tal-baġits u tal-kulturi dipartimentali tradizzjonali hija sfida kbira u hemm bżonn li jiġi żgurat li approċċ olistiku ma jsirx xi tip ta’ soluzzjoni meta kwistjoni tkun iebsa wisq, jew meta dawk li jfasslu l-politika sempliċement ma jkunux iridu jagħmlu għażliet oħra.

3.3.

Il-KESE jqis li l-implimentazzjoni tal-politika tal-UE dwar iż-żgħażagħ għandha tkun aktar viżibbli u sostenibbli fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri jekk għandha tiġi evalwata b’mod xieraq, pereżempju fi ħdan is-Semestru Ewropew u t-Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali.

3.4.

B’mod ġenerali l-Istrateġija proposta jrid ikollha approċċ iktar ibbażat fuq id-drittijiet. Dan huwa qasam importanti, peress li l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal tan-NU (li ovvjament ma tkoprix lil dawk kollha li jaqgħu fil-kategorija taż-żgħażagħ) hija mfassla b’dan il-mod u tipprevedi reviżjonijiet regolari tal-prestazzjonijiet tal-istati permezz ta’ metrika miftiehma. Il-proposti jiffokaw fuq in-natura tal-ħidma fost iż-żgħażagħ innifisha u r-rwol tas-settur volontarju; dan għandu importanza kritika, għaliex hemm approċċi ġodda u iktar strumentalisti għall-“ħidma maż-żgħażagħ” li huma evidenti fuq livell internazzjonali.

3.5.

Il-KESE jemmen li l-Istrateġija għandu jkollha l-għan li tippromovi konverġenza reali ’l fuq bejn l-Istati Membri fil-qasam tal-politiki dwar iż-żgħażagħ. Dan huwa partikolarment il-każ, peress li qed jiġi pprovdut finanzjament (pereżempju Erasmus) konsiderevoli mill-UE għall-Istati Membri kollha. F’oqsma oħra ta’ finanzjament mill-UE hemm approċċ ta’ kofinanzjament li jippromovi l-konverġenza u approċċ komuni ikbar fl-UE kollha. Il-Kumitat jemmen li hawnhekk jistgħu jinkisbu ħafna tagħlimiet għall-Istrateġija.

3.6.

Filwaqt li jaqbel mal-Kummissjoni dwar ir-rwol kruċjali tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ u l-benefiċċji uniċi tagħhom għaż-żgħażagħ fit-tranżizzjoni tagħhom biex isiru adulti, il-KESE jenfasizza li l-kwalità tal-ħidma fost iż-żgħażagħ fil-parti l-kbira tagħha tiddependi fuq il-finanzjament tas-servizzi pubbliċi. F’xi Stati Membri, minħabba tnaqqis fis-settur pubbliku u ffriżar tal-pagi, mhux biss naqset il-kwalità tax-xogħol tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ, iżda kien hemm ukoll ħafna postijiet battala mhux mimlija f’dan is-settur. Għalhekk, il-KESE jitlob li jkun hemm iktar investiment fis-servizzi pubbliċi.

3.7.

Minkejja dan, il-Kummissjoni tinnota b’mod xieraq li l-Istati Membri għandhom jiddedikaw ir-riżorsi proprji tagħhom għall-politiki dwar iż-żgħażagħ. F’dan ir-rigward, il-proposti dwar l-intraċċar tal-finanzjament huma inkoraġġanti ħafna iżda jridu jinkorporaw il-ħidma tal-Istati Membri u ta’ oqsma ta’ politika transsettorjali oħra. Il-KESE jemmen li l-intraċċar għandu jsir bl-involviment tas-sħab soċjali u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-livelli kollha.

3.8.

Il-Kumitat jaqbel mal-Kummissjoni li hemm bżonn li l-Istati Membri jesploraw forom innovattivi u alternattivi ta’ parteċipazzjoni demokratika. Madankollu, il-KESE jemmen bis-sħiħ li aktar appoġġ, inkluż appoġġ finanzjarju, huwa meħtieġ għal modi eżistenti ta’ involviment soċjali bħal kunsilli taż-żgħażagħ, il-volontarjat, il-parteċipazzjoni f’organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, trade unions jew il-kunsilli tax-xogħlijiet. Iż-żgħażagħ huma l-futur tal-Ewropa, huma għandhom ikunu mħajra biex jipparteċipaw f’elezzjonijiet lokali u Ewropej kif ukoll li jkunu attivi f’kull forma ta’ involviment ċiviku u politiku.

3.9.

Il-KESE jemmen li, fl-ambitu tal-Istrateġija li tiffoka fuq tliet oqsma ta’ azzjoni: L-IMPENN, IL-KONNESSJONI U L-GĦOTI TAS-SETGĦA, l-aħħar azzjoni għandha tiġi estiża minn kompiti li l-għan tagħhom huma li jipproteġu u jappoġġjaw liż-żgħażagħ u jattrezzawhom bil-ħiliet sabiex jaffaċċjaw sfidi globali bħad-diġitalizzazzjoni, it-tibdil fil-klima u ż-żieda fil-populiżmu. Peress li waħda mill-prijoritajiet tal-UE hija li “tipproteġi” liċ-ċittadini tagħha, il-Kumitat jemmen li ż-żgħażagħ, bl-istess mod bħall-popolazzjoni adulta, għandhom jiġu inklużi wkoll f’din il-prijorità. Iż-żgħażagħ għandhom ukoll jibbenefikaw mill-kunċett ta’ “ġustizzja diġitali” li ġie promoss mill-KESE (5), li għandu l-għan li jipproteġi liċ-ċittadini Ewropej mill-aspetti negattivi tar-rivoluzzjoni diġitali jew fi ħdan il-qafas usa’ tat-“traniżizzjoni ġusta” approvata mill-ILO.

Iż-żgħażagħ u d-dinja tax-xogħol

3.10.

Għalkemm l-Istrateġija għandha tkun ċara u ma tinkludix kwantità kbira ta’ objettivi, il-Kumitat jemmen li l-Istrateġija attwali għandha tiddedika aktar attenzjoni għall-kwistjonijiet soċjali u tal-impjieg li qed jaffettwaw liż-żgħażagħ, b’mod partikolari f’termini tad-diskussjoni dwar il-futur tax-xogħol. Dawn jinkludu, fost oħrajn, id-diġitalizzazzjoni, il-pjattaformi, il-frammentazzjoni u l-każwalizzazzjoni tas-suq tax-xogħol, li qed jaffettwaw b’mod partikolari liż-żgħażagħ.

3.11.

Ix-xogħol u l-istudju jsiru rutina ta’ kuljum għal ħafna żgħażagħ. Għal din ir-raġuni, il-KESE jemmen li l-politiki futuri tal-UE dwar iż-żgħażagħ għandhom jippromovu d-demokrazija fuq il-post tax-xogħol billi, fost oħrajn, jippromovu d-djalogu soċjali u jipproteġu d-drittijiet tal-impjieg taż-żgħażagħ. Iż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod meta mqabbla mal-popolazzjoni adulta, b’mod partikolari biex jirċievu l-paga minima (6), li jkollhom l-istess aċċess għal pensjonijiet u l-protezzjoni kontra kuntratti ta’ impjiegi prekarji (kuntratti ta’ żero sigħat) kif ukoll traineeships mingħajr ħlas jew impjiegi indipendenti fittizji. Il-leħen taż-żgħażagħ għandu jinstema’ wkoll fis-soċjetà u fil-postijiet tax-xogħol tagħhom. Barra minn hekk, il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fi strutturi rappreżentattivi fuq il-post tax-xogħol (trejdjunjins u kunsilli tax-xogħol) għandu jkun imħeġġeġ aktar, kif inhu l-każ f’xi pajjiżi, li għandhom kunsilli rappreżentattivi speċjali għaż-żgħazagħ fuq il-postijiet tax-xogħol.

3.12.

Xi żgħażagħ huma wkoll ġenituri u l-politiki tal-UE, bħal direttiva ġdida dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, għandhom rilevanza għal żgħażagħ li jkunu qed jikkombinaw x-xogħol mal-edukazzjoni u jkunu qed jieħdu ħsieb il-qraba tagħhom. Minħabba d-diġitalizzazzjoni tal-postijiet tax-xogħol, iż-żgħażagħ mingħajr dubju se jkunu f’sitwazzjoni ta’ impjieg differenti mill-ġenituri tagħhom. Il-KESE jissuġġerixxi li għandha tingħata aktar attenzjoni għall-politiki soċjali u tal-impjieg fl-Istrateġija, minħabba l-importanza ta’ politiki tas-suq tax-xogħol għal ħajjet il-ġenerazzjonijiet żgħażagħ.

3.13.

Is-suq tax-xogħol għandu importanza partikolari għaliex f’ħafna pajjiżi, iż-żgħażagħ kienu dawk li ġew affettwati l-iktar mill-qgħad fis-snin li ġew wara l-kriżi ekonomika tal-2008. Għalkemm ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ naqset, l-għadd ta’ żgħażagħ mingħajr impjieg kien kważi d-doppju tal-għadd ta’ żgħażagħ li kellhom xogħol (7). F’ħafna każijiet, impjiegi li nħolqu reċentement huma ta’ kwalità aktar baxxa jew jagħtu inqas aċċess għal kuntratti full-time minn dawk ta’ qabel il-kriżi (eż. kuntratti temporanji, kuntratti ta’ żero sigħat).

L-Edukazzjoni u s-Saħħa taż-Żgħażagħ

3.14.

L-Istrateġija għandha l-għan li ssemmal-leħen taż-żagħżagħ mhux rappreżentati mill-politiċi. Sabiex dan jinkiseb, hija meħtieġa iktar azzjoni sabiex iż-żgħażagħ li jinsabu ’l bogħod mis-suq tax-xogħol u mis-sistema edukattiva jintegraw fis-soċjetà. Minkejja titjib żgħir fl-għadd ta’ żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEET), 10,9 % tal-persuni li għandhom bejn il-15 u l-24 sena u 17,7 % taż-żgħażagħ bejn il-25 u d-29 sena kienu għadhom jinsabu f’din is-sitwazzjoni fl-2017. It-titjib tal-ħiliet u tal-kompetenzi jħalli impatt pożittiv fuq l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ, iżda dan il-fattur waħdu mhux se jiddetermina t-tkabbir tal-impjiegi. Dan id-diżimpenn iħalli impatt sinifikanti fuq il-ħajja u l-aspirazzjonijiet taż-żgħażagħ, għaliex jista’ jwassal għall-faqar u għall-esklużjoni soċjali. Barra minn hekk, l-awtoritajiet pubbliċi jkollhom iħallsu għall-ispiża talli ma jdaħħlux il-popolazzjoni NEET fl-edukazzjoni jew fl-impjieg, li hija stmata mill-Eurofound (2012, 2014) li hija 1,2 % tal-PDG nazzjonali. Il-popolazzjoni NEET għandha wkoll iktar probabblità li tappoġġja ideoloġiji estremisti u ksenofobiċi.

3.15.

Artiklu 4 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali dwar l-appoġġ attiv għall-impjieg jiddikjara: “Iż-żgħażagħ għandhom id-dritt għal edukazzjoni kontinwa, apprendistat, traineeships jew offerta ta’ xogħol ta’ reputazzjoni tajba sa erba’ xhur minn meta jiġu qiegħda jew jitilqu mill-iskola.” L-Istrateġija għaż-żgħażagħ għandha tikkontribwixxi għat-twettiq ta’ dan il-prinċipju, speċjalment billi tippromovi t-tisħiħ tas-soċjetà ċivili u l-alleanzi bejn l-imsieħba soċjali għat-tfassil u s-segwitu tal-politiki differenti mwettqa f’dan ir-rigward. Għandha tingħata attenzjoni speċjali għal strateġiji ta’ sensibilizzazzjoni sabiex dawk iż-żgħażagħ li huma l-aktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol jerġgħu jsibu impjieg jew edukazzjoni.

3.16.

L-Istrateġija Ewropea għaż-Żgħażagħ għalhekk għandha tvara strateġija pan-Ewropea sabiex tilħaq lil dawn il-gruppi. Kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet nazzjonali, is-sħab soċjali Ewropej, il-kunsilli nazzjonali taż-żgħażagħ u s-settur taż-żgħażagħ hija fundamentali biex dan il-proġett jirnexxi.

3.17.

Iż-żgħażagħ ġeneralment iqattgħu ammont kbir tal-ħin tagħhom f’edukazzjoni full-time jew part-time u dan huwa qasam ieħor fejn hemm kompetenzi limitati fil-livell tal-UE, minbarra li jiġi żgurat li “kulħadd għandu d-dritt għal edukazzjoni inklużiva u ta’ kwalità, għat-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja sabiex iżomm u jakkwista ħiliet li jippermettulu jipparteċipa b’mod sħiħ fis-soċjetà u jimmaniġġja b’suċċess it-tranżizzjonijiet fis-suq tax-xogħol”, kif iddikjarat fl-ewwel prinċipju tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Għal darb’oħra, dan huwa qasam li ġie kopert minn pilastru ddedikat tal-Istrateġija preċedenti.

3.18.

Il-qasam tas-saħħa mentali taż-żgħażagħ huwa ċentrali għall-ħidma fost iż-żgħażagħ u għal kwalunkwe interazzjoni professjonali maż-żgħażagħ. Ġeneralment, is-saħħa hija kompetenza tal-Istati Membri, iżda s-saħħa mentali hija aspett tas-saħħa pubblika, fejn l-UE għandha kompetenza, għalhekk għandha tkun prominenti fil-ħidma transsettorjali prevista skont l-Istrateġija. Għalhekk jeħtieġ li tingħata attenzjoni speċjali lil kwistjonijiet bħall-ansjetà, id-dipressjoni u r-rati ta’ suwiċidju fost iż-żgħażagħ.

3.19.

Hemm għadd dejjem ikbar ta’ eżempji ta’ ħidma tal-aħjar prattika maż-żgħażagħ fil-livell tal-Istati Membri. Bl-istess mod, intwera li l-ħidma fost iż-żgħażagħ għandha impatt pożittiv fuq is-saħħa mentali taż-żgħażagħ. Il-KESE jemmen li l-qasam tas-saħħa mentali taż-żgħażagħ jeħtieġ iktar attenzjoni fl-Istrateġija.

3.20.

Bl-istess mod, diversi politiki nazzjonali jiffokaw fuq is-saħħa fiżika taż-żgħażagħ. Hemm għadd ta’ kwistjonijiet ta’ tħassib f’dan il-qasam. L-obeżità fit-tfulija u fiż-żgħożija li dejjem qed tiżdied hija kawża ta’ tħassib, bħalma huwa l-abbuż ta’ sustanzi u drogi legali. Għalkemm l-Istati Membri xorta jistgħu jadottaw approċċi diverġenti, approċċ transsettorjali għall-kwistjonijiet marbuta maż-żagħżagħ ma jistax jinjora dawn il-kwistjonijiet u jrid jinvolvihom, abbażi tas-setgħat rilevanti tal-UE. Dawn l-oqsma kienu pilastri ddedikati tal-Istrateġija preċedenti u huwa importanti li jinżamm fokus qawwi fuqhom fil-ħidma transsettorjali.

Ugwaljanza

3.21.

Hemm rabta mill-qrib bejn il-ħidma fost iż-żgħażagħ, il-politika dwar iż-żgħażagħ u l-ugwaljanza. Kien hemm azzjoni konsiderevoli mill-UE f’dan il-qasam u l-Istati Membri kollha għandhom leġislazzjoni fis-seħħ. Madankollu, għad hemm ħafna każijiet ta’ diskriminazzjoni li jiltaqgħu magħhom iż-żgħażagħ, bħal fl-akkomodazzjoni, u servizzi li huma jiddependu fuqhom aktar minn oħrajn bħat-trasport pubbliku. Il-liġijiet dwar l-ugwaljanza spiss jistgħu jkunu iktar iffokati fuq l-anzjani. Hemm disa’ raġunijiet universali li jipprojbixxu d-diskriminazzjoni fl-Istati Membri tal-UE. Jeħtieġ li niżguraw li ż-żgħażagħ soġġetti għal dan it-tip ta’ diskriminazzjoni jkunu adegwatament koperti mill-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ. Filwaqt li hemm għadd ta’ gruppi, nistgħu nenfasizzaw li ġejjin, li għandhom bżonn ta’ aktar attenzjoni fid-dokument.

żgħażagħ b’diżabilità

migranti u refuġjati żgħażagħ

nisa żgħażagħ u bniet

LGBTIQ+ żgħażagħ.

3.22.

Ħafna politiki tal-UE dwar iż-żgħażagħ reċentement kienu ffukati fuq ir-radikalizzazzjoni. Madankollu, l-integrazzjoni trid tkun parti minn firxa usa’ ta’ miżuri offruti liż-żgħażagħ u din teħtieġ li tiġi enfasizzat fl-Istrateġija. Din il-proposta tidħol ukoll b’mod naturali fi programmi għall-impjieg taż-żgħażagħ.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

Il-KESE jilqa’ l-ħolqien ta’ kariga ġdida ta’ Koordinatur tal-UE għaż-Żgħażagħ, li għandu jismal-ilħna taż-żgħażagħ u jinfluwenza d-dimensjoni transsettorjali tal-politika dwar iż-żgħażagħ. L-enfasi għandha ssir fuq din tal-aħħar. Il-Koordinatur għandu jħeġġeġ u jiffaċilita wkoll proċess simili fil-livell tal-Istati Membri u għalhekk għandu jingħaqad ma’ kwalunkwe preżenza tal-Kummissjoni fil-laqgħat tal-Kunsill.

4.2.

Il-proposti għal Pjani ta’ Azzjoni Nazzjonali fil-qasam taż-żgħażagħ jintlaqgħu bi pjaċir ukoll. Hemm bżonn ta’ miri ċari, monitoraġġ u progress fl-appoġġ liż-żgħażagħ. Il-KESE japprova bil-qawwi l-ħsieb tal-Kummissjoni li hija meħtieġa rabta akbar bejn il-finanzjament u l-Pjani ta’ Azzjoni Nazzjonali.

4.3.

Il-bidla minn Djalogu Strutturat għal Djalogu maż-Żgħażagħ iktar inklużiv tintlaqa’ bi pjaċir. Madankollu, hija meħtieġa iktar inklużjoni, li tista’ tinkiseb billi jitwessgħu t-tip u n-natura tal-organizzazzjonijiet involuti u billi jiżdiedu iktar gruppi. L-organizzazzjonijiet volontarji taż-żgħażagħ u l-Kunsilli Nazzjonali taż-Żgħażagħ għandhom jibqgħu ċentrali għal din il-ħidma peress li huma marbuta mill-qrib maż-żgħażagħ u għandhom esperjenza kbira ħafna.

4.4.

Il-konsolidazzjoni tal-Portal Ewropew għaż-Żgħażagħ bħala punt ta’ dħul uniku diġitali għaż-żgħażagħ biex jinvolvu ruħhom mal-UE hija milqugħa, iżda għandha tingħata attenzjoni speċjali għad-disponibbiltà ta’ dan il-portal permezz ta’ konnessjoni mal-Internet mingħajr ħlas u aċċess għal kompjuters, speċjalment għal gruppi taż-żgħażagħ żvantaġġati fl-Istati Membri. Il-Kummissjoni trid iżżomm rekord ukoll taċ-ċaqliq kostanti fil-pjattaformi fost iż-żgħażagħ.

4.5.

Il-proposti jindikaw li ż-żgħażagħ jista’ jkollhom vantaġġ fir-rigward tal-bidla teknoloġika. Madankollu, għandu jiġi nnotat li hemm ukoll żgħażagħ diġitalment esklużi. Dawk li jaħdmu maż-żgħażagħ iridu jkunu konxji wkoll kemm tal-aspetti pożittivi kif ukoll tal-aspetti negattivi (eż. kwistjonijiet ta’ saħħa mentali u sfidi ta’ aħbarijiet foloz) tal-impenn teknoloġiku taż-żgħażagħ.

4.6.

Filwaqt li l-mobbiltà hija valur Ewropew fundamentali u hija ċentrali għall-programmi taż-żgħażagħ, din jista’ jkollha effetti negattivi, b’mod partikolari fil-pajjiżi fejn hemm emigrazzjoni, tnaqqis fil-popolazzjoni jew “eżodu tal-imħuħ” jew “eżodu tal-forza tax-xogħol”. Madankollu jista’ jkun hemm potenzjal biex din il-kwistjoni titjieb billi tintuża l-popolazzjoni tal-migranti u tar-rifuġjati ġodda fl-Ewropa.

4.7.

Il-KESE jikkunsidra l-proposti tal-Kummissjoni dwar il-validazzjoni ta’ tagħlim informali u mhux formali bħala siewi. Tkun xi ħaġa inkoraġġanti li kieku jkun hemm xi mudelli żviluppati fil-qasam taż-żgħażagħ u f’oqsma oħra.

4.8.

Fortunatament, issa hemm iktar avvenimenti taż-żgħażagħ li jinvolvu lill-istituzzjonijiet tal-UE, għalhekk evalwazzjoni tagħhom kollha tkun utli. Għandu jiġi vverifikat ukoll jekk tkunx tista’ tinkiseb iktar sinerġija bejniethom. Id-djalogu strutturat għandu l-vantaġġ li huwa kontinwu minflok ma jkun ta’ darba. L-involviment kontinwu taż-żgħażagħ fid-deċiżjonijiet li jaffettwawhom għandu jingħatalu prijorità u huwa importanti li dan iseħħ fl-oqsma kollha ta’ politika, u mhux biss fil-politika dwar iż-żgħażagħ. L-istituzzjonijiet li jwettqu avvenimenti ta’ darba għandhom jimxu lejn l-involviment kontinwu taż-żgħażagħ fil-ħidma tagħhom.

4.9.

Il-Kumitat jemmen li rwol b’saħħtu għal informazzjoni indipendenti dwar iż-żgħażagħ huwa importanti fi żmien ta’ aħbarijiet foloz u dipendenza żejda fuq għodod online. Ir-relazzjoni ma’ adulti fdati għandha tibqa’ karatteristika prinċipali tal-ħidma fost iż-żgħażagħ u tal-politika dwar iż-żgħażagħ.

4.10.

Fil-fehma tal-KESE, l-Istrateġija, flimkien ma’ politiki oħra mmirati lejn il-ġenerazzjoni żagħżugħa, għandha tkun għodda importanti biex jiġu indirizzati s-sentimenti anti-Ewropej u l-populiżmu fost il-popolazzjoni żagħżugħa.

4.11.

Filwaqt li jilqa’ l-Istrateġija speċifika l-ġdida tal-UE għaż-Żgħażagħ, il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa l-integrazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħidma kollha tad-direttorati ġenerali (DĠ) differenti kollha tal-Kummissjoni Ewropea.

Brussell, it-18 ta’ Ottubru 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  ĠU C 268, 14.8.2015, p. 40.

(2)  ĠU C 271, 19.9.2013, p. 101.

(3)  ĠU C 81, 2.3.2018, p. 160.

(4)  ĠU C 262, 25.7.2018, p. 41.

(5)  ĠU C 237, 6.7.2018, p. 1.

(6)  ĠU C 125, 21.4.2017, p. 10.

(7)  ĠU C 125, 21.4.2017, p. 10.


Top