EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018AE2470

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Nibnu Ewropa iktar b’saħħitha: ir-rwol tal-politiki taż-żgħażagħ, tal-edukazzjoni u tal-kultura” (COM(2018) 268 final); dwar “Proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tar-rikonoxximent reċiproku awtomatiku ta’ diplomi tal-edukazzjoni ogħla u tal-edukazzjoni sekondarja għolja u l-eżiti tal-perjodi ta’ tagħlim barra mill-pajjiż” (COM(2018) 270 final — 2018/0126 (NLE)); dwar “Proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Sistemi ta’ Edukazzjoni u Kura Bikrija tat-Tfal ta’ Kwalità Għolja” (COM(2018) 271 final — 2018/0127 (NLE)); dwar “Proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar approċċ komprensiv lejn it-tagħlim u l-apprendiment tal-lingwi” (COM(2018) 272 final — 2018/0128 (NLE))

EESC 2018/02470

ĠU C 62, 15.2.2019, p. 136–141 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 62/136


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Nibnu Ewropa iktar b’saħħitha: ir-rwol tal-politiki taż-żgħażagħ, tal-edukazzjoni u tal-kultura”

(COM(2018) 268 final)

dwar “Proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tar-rikonoxximent reċiproku awtomatiku ta’ diplomi tal-edukazzjoni ogħla u tal-edukazzjoni sekondarja għolja u l-eżiti tal-perjodi ta’ tagħlim barra mill-pajjiż”

(COM(2018) 270 final — 2018/0126 (NLE))

dwar “Proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Sistemi ta’ Edukazzjoni u Kura Bikrija tat-Tfal ta’ Kwalità Għolja”

(COM(2018) 271 final — 2018/0127 (NLE))

dwar “Proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar approċċ komprensiv lejn it-tagħlim u l-apprendiment tal-lingwi”

(COM(2018) 272 final — 2018/0128 (NLE))

(2019/C 62/23)

Relatur:

Tatjana BABRAUSKIENĖ

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 18.6.2018

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

 

 

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adottata fis-sezzjoni

26.9.2018

Adottata fil-plenarja

18.10.2018

Sessjoni plenarja Nru

538

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

117/0/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

Il-KESE:

1.1.

jilqa’ bi pjaċir l-inizjattiva bħala l-pass li jmiss lejn l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (EPSR) biex jiġi żgurat id-dritt ta’ aċċess ugwali għal edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja ta’ kwalità u inklużivi. Dan huwa essenzjali għal aktar kooperazzjoni aktar mill-qrib fost l-Istati Membri filwaqt li tiġi żgurata l-kompetenza nazzjonali tagħhom fl-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja;

1.2.

jemmen li l-inizjattiva l-ġdida għandha tkun parti minn viżjoni fit-tul għall-politiki tal-UE dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ tul il-ħajja u fl-aspetti kollha tagħhom fil-qafas tal-Istrateġija UE2020 u l-Qafas Strateġiku ET2020 u t-tħejjija għall-istrateġiji li jmiss tal-UE. Dan jinkludi l-viżjonijiet u l-istrateġiji għall-edukazzjoni u għat-taħriġ vokazzjonali kif ukoll għat-tagħlim għall-adulti;

1.3.

jenfasizza li l-ewwel u qabel kollox l-edukazzjoni għandha tiffoka fuq it-tagħlim olistiku, iċ-ċittadinanza demokratika u l-valuri komuni Ewropej, biex jiġu żgurati l-paċi, is-sigurtà, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt, is-solidarjetà u r-rispett reċiproku, is-swieq miftuħa, it-tkabbir sostenibbli u l-inklużjoni u l-ġustizzja soċjali, filwaqt li tirrispetta u tarrikkixxi d-diversità kulturali u trawwem sens ta’ appartenenza;

1.4.

jirrimarka li r-rwol tal-edukazzjoni, tat-taħriġ u tat-tagħlim tul il-ħajja huwa li jħejji u li jappoġġja liż-żgħażagħ u lill-adulti sabiex ikunu ċittadini demokratiċi responsabbli u jkunu impjegabbli f’impjieg ġust, impjiegi ta’ kwalità u produttivi u mgħammra b’ħiliet adegwati;

1.5.

jemmen li ż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni (EEA) għandha tkun inklużiva lejn kulħadd u għalhekk iħeġġeġ lill-gvernijiet biex jieħdu passi biex tintlaħaq inklużività reali fit-tagħlim formali u dak mhux formali, u jiġi promoss u stmat it-tagħlim informali;

1.6.

jiġbed l-attenzjoni tal-gvernijiet għal-lakuni li għad fadal fl-aċċess ugwali għal edukazzjoni ta’ kwalità għal tfal minn ambjenti soċjoekonomikament żvantaġġati, b’mod partikolari l-gruppi ta’ minoranza, il-migranti, it-tfal b’diżabilità u t-tfal li jgħixu f’żoni rurali f’reġjuni differenti tal-Ewropa. Huwa fundamentali li l-EEA tappoġġja b’mod attiv l-integrazzjoni tal-migranti u tar-refuġjati fl-edukazzjoni u fis-suq tax-xogħol b’fokus speċifiku fuq il-validazzjoni u r-rikonoxximent tal-edukazzjoni, it-taħriġ u l-esperjenzi ta’ xogħol tagħhom;

1.7.

huwa tal-fehma li l-kisba tal-objettivi ta’ din l-inizjattiva tirrikjedi investiment sostenibbli fl-edukazzjoni nazzjonali ta’ aktar minn 5 % tal-PDG kull pajjiż u l-appoġġ ta’ strumenti ta’ finanzjament disponibbli tal-UE, inkluż il-programm Erasmus+, u l-proċess tas-Semestru Ewropew;

1.8.

jemmen li bħala parti mill-Qafas Ewropew għall-Kompetenzi Ewlenin, it-tagħlim tal-lingwi u l-validazzjoni tal-ħiliet lingwistiċi miksuba b’mod mhux formali u b’mod informali għandu jiġi appoġġat minn finanzi pubbliċi sostenibbli. It-tagħlim tal-lingwi għandu jkun immirat lejn iż-żgħażagħ u l-adulti kollha, u jappoġġja lil dawk fil-bżonn, filwaqt li jiġi promoss bħala parti mit-tagħlim familjari u jittejjeb bħala parti mit-tagħlim formali u dak mhux formali;

1.9.

jappoġġja s-sejħa tal-proposta għal aktar investiment fl-iżvilupp professjonali inizjali u kontinwu tal-għalliema tal-lingwi biex jingħeleb in-nuqqas ta’ għalliema tal-lingwi kkwalifikati;

1.10.

jilqa’ bi pjaċir l-għan tal-proposta li tkompli tħeġġeġ lill-gvernijiet biex itejbu l-aċċess u l-kwalità tal-edukazzjoni bikrija tat-tfal. Tabilħaqq hemm bżonn ta’ aktar sforzi biex jiġi żgurat bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, li l-edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal (ECEC) ta’ kwalità u finanzjarjament aċċessibbli hija d-dritt tat-tfal u l-familji kollha, u li jitqies ir-rwol importanti tat-tagħlim fil-familja li jgħin lill-ġenituri jiksbu fiduċja fir-rwol tagħhom u jikkontribwixxi għat-tagħlim tal-adulti;

1.11.

jappoġġja l-proposta li l-persunal tal-ECEC jkollhom ambjent tax-xogħol favorevoli u li tiġi msaħħa l-professjonalizzazzjoni tagħhom; iħeġġeġ li jiġu żgurati l-attraenza tal-professjoni tat-tagħlim kif ukoll il-bilanċ u l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-professjoni;

1.12.

jirrikonoxxi l-importanza tar-rikonoxximent transfruntier tal-perjodi ta’ tagħlim f’kull forma ta’ edukazzjoni sekondarja u edukazzjoni għolja kif ukoll ta’ kwalifiki sekondarji għolja akkwistati fl-edukazzjoni u fit-taħriġ ġenerali u vokazzjonali li jagħti aċċess għall-edukazzjoni għolja fil-pajjiż ta’ oriġini. Il-mobbiltà fit-tagħlim hija kruċjali għall-parteċipazzjoni attiva fis-soċjetà u fis-suq tax-xogħol, u għandha tissaħħaħ b’fiduċja fil-programmi u fil-kwalifiki u tkun ibbażata fuq sistemi żviluppati tajjeb ta’ assigurazzjoni tal-kwalità;

1.13.

jirrimarka li l-għodod, l-istrumenti u l-prinċipji Ewropej għall-edukazzjoni għolja u dik vokazzjonali għandhom jikkomplementaw u jappoġġjaw lil xulxin (QEK – Qafas Ewropew tal-Kwalifiki, ECVET – Sistema Ewropea ta’ Kredits għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali, EQAVET – Qafas ta’ Referenza Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità, EQAR – Reġistru Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità fl-Edukazzjoni Għolja, eċċ.) filwaqt li hemm bżonn li l-prinċipju tal-eżiti tat-tagħlim jiġi implimentat bis-sħiħ fl-Ewropa biex jintlaħaq ir-rikonoxximent awtomatiku tal-mobbiltà fit-tagħlim fl-Ewropa;

1.14.

jenfasizza li l-inizjattiva għandha tiffoka wkoll fuq ir-rikonoxximent ta’ tagħlim formali, mhux formali u informali barra mill-pajjiż u tirrikonoxxi r-rwol tal-partijiet interessati, tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili biex jirrikonoxxu l-eżiti tat-tagħlim u r-rwol tal-persunal ta’ gwida biex jappoġġjaw il-proċess; iħeġġeġ lill-Grupp Konsultattiv tal-QEK u lis-Cedefop biex itejbu l-Inventarju Ewropew dwar il-Validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali (VNFIL) u l-linji gwida Ewropej għall-VNFIL bħala standards ta’ kwalità għall-gvernijiet, għall-imsieħba soċjali u għall-partijiet interessati biex itejbu l-proċessi ta’ validazzjoni;

1.15.

jenfasizza l-ħtieġa li ssir diskussjoni – fil-livelli kollha – dwar il-kisba ta’ edukazzjoni inklużiva u ta’ kwalità għolja fl-ECEC, it-titjib tat-tagħlim tal-lingwi u r-rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikati tat-tmiem tal-edukazzjoni sekondarja fost il-gvernijiet, fost min iħaddem u t-trade unions fi djalogu soċjali effiċjenti, flimkien ma’ partijiet interessati oħra.

2.   Kuntest politiku

2.1.

Ir-responsabbiltà primarja għall-politiki dwar l-edukazzjoni u l-kultura hija tal-Istati Membri. Madankollu, matul is-snin l-Unjoni Ewropea kellha rwol komplementari importanti kif stabbilit fl-Artikolu 165 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Huwa fl-interess komuni ta’ kull Stat Membru li jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tal-edukazzjoni u tal-kultura bħala fatturi ewlenin għall-ħolqien tal-impjiegi, għat-tkabbir ekonomiku u għall-ġustizzja soċjali kif ukoll biex tiġi esperjenzata l-identità Ewropea fid-diversità kollha tagħha.

2.2.

Waqt is-Summit Soċjali ta’ Gothenburg f’Novembru 2017, ġie pproklamat l-EPSR li jistabbilixxi d-dritt ta’ aċċess ugwali għall-edukazzjoni, għat-taħriġ u għat-tagħlim tul il-ħajja, iggwidat mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2017) 673. Dan wassal għall-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-14 ta’ Diċembru 2017 li sejħu lill-Istati Membri, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex imexxu ’l quddiem l-aġenda diskussa f’Gothenburg.

2.3.

L-hekk imsejjaħ l-ewwel pakkett dwar iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni ppropona r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill COM(2018) 23 (adottata fit-22 ta’ Mejju 2018), li tibbaża fuq id-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi dwar il-promozzjoni taċ-ċittadinanza u l-valuri komuni tal-libertà, it-tolleranza u n-nondiskriminazzjoni permezz tal-edukazzjoni tal-Ministri tal-Edukazzjoni tal-2015. Ġie mħabbar fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2016) 379 tal-14 ta’ Ġunju 2016.

2.4.

Fit-22 ta’ Mejju, il-KE ppubblikat it-tieni pakkett dwar l-edukazzjoni li jinkludi proposti addizzjonali għall-ħolqien ta’ EEA sal-2025.

2.5.

Din l-Opinjoni tal-KESE tkopri t-tieni pakkett dwar l-edukazzjoni, li jiffoka fuq sfidi addizzjonali li għandhom jiġu indirizzati għall-kisba ta’ EEA inklużiva u ta’ kwalità għolja, bħat-tagħlim tal-lingwi, ir-rikonoxximent reċiproku awtomatiku tal-istudji fil-livell sekondarju, u l-edukazzjoni bikrija tat-tfal ta’ kwalità.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-KESE jemmen li t-twaqqif tal-EEA għal aktar kooperazzjoni bejn l-Istati Membri filwaqt li tiġi żgurata l-kompetenza nazzjonali tagħhom fl-edukazzjoni, fit-taħriġ u fit-tagħlim tul il-ħajja, huwa strateġija ewlenija biex l-iżvilupp soċjali, ekonomiku, demografiku, ambjentali u teknoloġiku jiġi indirizzat u promoss u b’hekk tinkiseb l-integrazzjoni kompetittiva tal-Ewropa bħala qawwa ekonomika fid-dinja filwaqt li tiġi żgurata dimensjoni soċjali qawwija.

3.2.

L-inizjattiva hija pass suċċessiv eċċellenti lejn l-implimentazzjoni tal-EPSR biex jiġi żgurat id-dritt ta’ aċċess ugwali għal edukazzjoni u għal gwida ġenerali u vokazzjonali ta’ kwalità u inklużivi tul il-ħajja tan-nies (1), iggwidata mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2017) 673 li tħabbar l-EEA.

3.3.

Il-KESE jenfasizza li l-objettiv kondiviż tagħna huwa li l-edukazzjoni tiffoka fuq l-edukazzjoni olistika, it-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja, b’attenzjoni speċjali għaċ-ċittadinanza demokratika u għall-valuri Ewropej u l-identità Ewropea komuni, biex jiġu żgurati l-paċi, is-sigurtà, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt, is-solidarjetà u r-rispett reċiproku, it-tkabbir sostenibbli u l-inklużjoni u l-ġustizzja soċjali, filwaqt li tirrispetta u tarrikkixxi d-diversità kulturali u sens ta’ appartenenza għall-UE.

3.4.

Filwaqt li tissottolinja r-rwol kruċjali tal-edukazzjoni, tat-taħriġ u tat-tagħlim tul il-ħajja fit-tħejjija taż-żgħażagħ u tal-adulti biex ikunu ċittadini demokratiċi u li jiġu impjegati b’mod ġust f’impjiegi ta’ kwalità, l-EEA għandha tkun ukoll inklużiva lejn kulħadd, b’attenzjoni speċjali għall-ugwaljanza bejn is-sessi, u jħeġġeġ lill-gvernijiet biex jieħdu passi biex tintlaħaq inklużività reali fit-tagħlim formali, informali u dak mhux formali, filwaqt li tkun rispettata l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità.

3.5.

F’dan is-sens, filwaqt li jfakkar fl-Opinjoni tiegħu (2), il-KESE jqis li l-EEA għandha tissuġġerixxi wkoll lill-gvernijiet modi kif jipprovdu appoġġ attiv għall-integrazzjoni tal-migranti u tar-refuġjati fl-edukazzjoni u fis-suq tax-xogħol, b’enfasi speċifika fuq il-validazzjoni u r-rikonoxximent tal-edukazzjoni, it-taħriġ u l-esperjenzi ta’ xogħol tagħhom.

3.6.

Is-sistemi edukattivi u tat-taħriġ jirrikjedu ż-żmien għar-riformi u l-aġġustamenti. Il-KESE jixtieq jara l-inizjattiva l-ġdida bħala parti minn viżjoni fit-tul tal-politiki tal-UE dwar l-edukazzjoni, it-taħriġ, u t-tagħlim tul il-ħajja, bl-isem “Qasam Ewropew għat-Tagħlim tul il-Ħajja 2025” fil-qafas tal-Istrateġija UE2020 u l-Qafas Strateġiku ET2020, u bħala tħejjija għall-istrateġiji li jmiss tal-UE.

3.7.

Sabiex jinkisbu ECEC ta’ kwalità għolja u inklużiva, it-titjib tat-tagħlim tal-lingwi, u r-rikonoxximent reċiproku ta’ ċertifikati tat-tluq mill-iskola sekondarja, dawn l-inizjattivi jeħtieġ li jiġu diskussi fil-livelli kollha fost il-gvernijiet, min iħaddem u t-trejdjunjins fi djalogu soċjali effiċjenti, flimkien ma’ partijiet interessati oħra, l-aktar importanti huma għalliema u edukaturi oħra, ġenituri, gwida lill-għalliema u l-istudenti, iżda wkoll ma’ korpi komunitarji u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

3.8.

Il-KESE jirrikonoxxi l-inizjattiva “Universitajiet Ewropej” bħala proċess minn isfel għal fuq biex l-universitajiet jiġu mħeġġin jistabbilixxu netwerks għall-ħolqien ta’ lawrji konġunti, għat-tisħiħ tal-mobbiltà tal-istudenti u biex jiġi ffaċilitat it-tagħlim tal-lingwi. Filwaqt li jfakkar fl-Opinjoni tiegħu (3), iħeġġeġ l-inklużività u d-diversità fit-twaqqif ta’ netwerks ta’ tagħlim, ta’ persunal ta’ riċerka u ta’ studenti, u li tinfetaħ il-possibbiltà tat-twaqqif ta’ netwerks għall-universitajiet kollha fil-Proċess ta’ Bolonja.

3.9.

Filwaqt li jqis l-idea tal-Kard Ewropea tal-Istudenti, il-KESE jħeġġeġ biex din l-inizjattiva tibni fuq is-sistema ta’ suċċess tal-kard tal-istudenti u taġġorna l-kards tal-istudenti diġà eżistenti. Jirreferi għall-Opinjoni tiegħu (4) meta jtenni li l-valur miżjud ta’ kwalunkwe kard ġdida għandu jiġi identifikat b’mod ċar u għandu jkun komplementari għal dawk eżistenti.

3.10.

Il-kisba tal-objettivi tal-EEA tirrikjedi investiment sostenibbli fl-edukazzjoni nazzjonali ta’ aktar minn 5 % tal-PDG kull pajjiż u l-appoġġ ta’ strumenti ta’ finanzjament tal-UE taħt il-QFP li jmiss, b’mod partikolari l-programm Erasmus+ u l-FEIS. Il-KESE jixtieq li fost il-prijoritajiet tagħhom il-programm Erasmus+ futur u l-Istrateġija għaż-Żagħżagħ futura jinkludu edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja olistiċi u inklużivi. Il-KESE jilqa’ bi pjaċir ir-rwol tas-Semestru Ewropew biex jappoġġja r-riformi strutturali biex tittejjeb il-politika tal-edukazzjoni f’konformità ma’ din l-inizjattiva.

3.11.   Titjib tat-tagħlim u tal-apprendiment tal-lingwi

3.11.1.

Il-KESE jemmen li din l-inizjattiva hija essenzjali minħabba li l-livelli ta’ kompetenza lingwistika fost l-istudenti fi tmiem tal-edukazzjoni obbligatorja huma ġeneralment baxxi, u jeżistu differenzi kbar ħafna bejn l-Istati Membri (5). B’żieda fil-mobbiltà intra-Ewropea, kif ukoll numri bla preċedent ta’ tfal fl-età tal-iskola li ġejjin minn pajjiżi terzi li jitkellmu lingwi differenti, hemm bżonn li nerġgħu nqisu l-isfidi u l-opportunitajiet quddiemna sabiex nagħmlu l-multilingwiżmu assi vera tal-UE. Il-lingwi għandhom jingħataw valur indaqs, u għalhekk it-tagħlim tal-lingwi tal-UE u dawk mhux tal-UE għandu jingħata appoġġ.

3.11.2.

L-iskejjel għandhom bżonn l-appoġġ biex jinħoloq ambjent ta’ tagħlim multilingwu filwaqt li jinstab bilanċ ġust bejn it-tagħlim ta’ lingwi barranin u livell għoli ta’ żvilupp fil-litteriżmu u fil-komunikazzjoni fil-lingwa(i) materna(i). It-tagħlim integrat tal-kontenut u tal-lingwa jista’ jippromovi l-mobbiltà u l-integrazzjoni. L-użu aktar effiċjenti ta’ għodod diġitali u dawk online għat-tagħlim tal-lingwi huwa essenzjali. Dan jirrikjedi li tiġi żgurata l-kwalità u ċ-ċertifikazzjoni tagħhom kif ukoll aċċess, appoġġ u affordabbiltà għal kulħadd, filwaqt li jitqies il-fatt li l-persuni jistgħu jkollhom bżonn l-għajnuna biex ikunu jifilħu jħallsu, jagħżlu u jużaw għodod adatti għall-vantaġġ tagħhom.

3.11.3.

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir l-enfasi fuq it-tagħlim tal-lingwi mill-perspettiva tat-tisħiħ tal-fehim reċiproku, il-mobbiltà u, għalhekk, iċ-ċittadinanza Ewropea. 64 miljun adult b’ħiliet baxxi jeħtieġ li jtejbu l-ħiliet bażiċi tagħhom, inklużi l-ħiliet lingwistiċi tagħhom (6), sabiex ikunu ċittadini Ewropej attivi, biex iżommu l-impjiegi u biex itejbu l-prospetti ta’ impjieg tagħhom. Għall-individwi, it-tagħlim tal-lingwi joħloq opportunitajiet personali u professjonali, għas-soċjetà jrawwem għarfien kulturali, fehim reċiproku u koeżjoni soċjali, u għall-kumpaniji, ħaddiema mgħammra b’kompetenzi lingwistiċi u interkulturali jgħinuhom jirnexxu u jikbru fi swieq globali.

3.11.4.

It-tagħlim tal-lingwi għandu jkun immirat lejn kulħadd u jappoġġja lil dawk fil-bżonn, filwaqt li jiġi mtejjeb bħala parti mit-tagħlim formali, informali u mhux formali, u jiġi implimentat bħala parti mill-Qafas Ewropew għall-Kompetenzi Ewlenin u appoġġjat minn finanzi pubbliċi sostenibbli.

3.11.5.

Il-Linji Gwida dwar l-Impjiegi tal-2018 (7) jipproponu li “il-mobbiltà tal-istudenti u tal-ħaddiema għandha tiġi promossa bil-għan li jittejbu l-ħiliet ta’ impjegabbiltà u jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tas-suq tax-xogħol Ewropew” [Traduzzjoni mhux uffiċjali]. Nuqqas ta’ kompetenzi lingwistiċi jista’ jitqies bħala ostaklu ewlieni għall-mobbiltà. Il-KESE jenfasizza li l-proposta għandha tkun immirata lejn studenti ferm lil hinn minn dawk fl-edukazzjoni obbligatorja, u jisħaq dwar it-tagħlim tal-lingwi għal kulħadd, minn età żgħira sa wara l-irtirar, b’attenzjoni speċjali għall-IVET (edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali inizjali) u s-CVET (edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali kontinwi), l-edukazzjoni għolja u t-tagħlim għall-adulti.

3.11.6.

Il-politika dwar it-tagħlim tal-lingwi għandha tkun immirata lejn l-apprendiment bil-prattika, permezz ta’ skambji ta’ studenti, attivitajiet volontarji u attivitajiet oħrajn bħall-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, appoġġjati mill-Programmi Erasmus+ attwali u futuri.

3.11.7.

In-nuqqas ta’ għalliema tal-lingwi kkwalifikati huwa tabilħaqq problema serja, u l-KESE jilqa’ bi pjaċir is-sejħa tal-proposta għal aktar investiment fl-iżvilupp professjonali inizjali u kontinwu tal-għalliema tal-lingwi, biex jiġu indirizzati r-rekwiżiti ta’ kwalifiki professjonali tal-pajjiżi tal-UE.

3.12.   Sistemi ta’ edukazzjoni u ta’ kura bikrija tat-tfal ta’ kwalità għolja

3.12.1.

Il-punt ta’ riferiment tal-Istrateġija ET2020 għall-parteċipazzjoni ta’ 95 % tat-tfal bejn l-età ta’ 4 u l-iskola obbligatorja fil-ECEC kważi ntlaħaq. Madankollu, 17-il miljun tifel u tifla minn aktar minn 32 miljun taħt l-età ta’ skola obbligatorja fl-UE għad m’għandhomx aċċess għall-provvediment tas-servizzi tat-tfulija bikrija. Barra minn hekk, għad hemm lakuni fl-aċċess ugwali għal tfal minn ambjenti soċjoekonomikament żvantaġġati, b’mod partikolari l-gruppi ta’ minoranza, il-migranti, it-tfal b’diżabilità u t-tfal li jgħixu f’żoni rurali f’reġjuni differenti tal-Ewropa.

3.12.2.

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir l-għan tal-proposta sabiex il-gvernijiet ikomplu jiġu mħeġġa jtejbu l-aċċess u l-kwalità tal-edukazzjoni bikrija tat-tfal. Tabilħaqq hemm bżonn ta’ aktar sforzi biex jiġi żgurat id-dritt tat-tfal u l-familji kollha għal ECEC ta’ kwalità għolja u finanzjarjament aċċessibbli. Servizzi ta’ kwalità għolja għandhom rwol deċiżiv biex itejbu l-eżiti edukattivi, inkluż l-iżvilupp ta’ kompetenzi soċjali. Il-parteċipazzjoni fl-ECEC ta’ kwalità għolja twassal għall-kisba ta’ ħiliet bażiċi ogħla u hija għodda preventiva b’saħħitha kontra t-tluq bikri mill-iskola.

3.12.3.

Il-KE tisħaq dwar konsistenza qawwija ma’ politiki oħra tal-Unjoni. Il-KESE japprezza b’mod partikolari r-rabta mal-Proposta għal Direttiva dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw (8) u jagħraf il-ħtieġa għall-provvista ta’ servizzi ta’ kura formali ta’ kwalità tajba madwar l-Ewropa. Il-KESE appoġġja din l-interazzjoni reċiproka f’ħafna mill-Opinjonijiet tiegħu biex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u jitnaqqsu d-diskrepanzi mhux ġustifikati fil-pagi, kif ukoll biex jitqies ir-rwol importanti tat-tagħlim fil-familja li jgħin lill-ġenituri jkunu kunfidenti fir-rwol tagħhom u jgħin biex jikkontribwixxi għat-tagħlim għall-adulti.

3.12.4.

Il-persunal tal-ECEC għandu jingħata appoġġ biex itejjeb il-professjonalizzazzjoni tiegħu u biex jiżviluppa ambjent tax-xogħol favorevoli. L-edukazzjoni inizjali u l-iżvilupp professjonali kontinwu tal-persunal tat-tagħlim tal-ECEC għandhom ikunu ta’ kwalità għolja filwaqt li jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-edukaturi u tat-tfal, eż. kif tiġi żgurata l-inklużività, it-tagħlim ta’ valuri demokratiċi.

3.12.5.

Skont l-OECD (2015) (9) il-professjoni tat-tagħlim qed tiffaċċja żbilanċ kbir bejn is-sessi peress li 7 minn kull 10 għalliema huma nisa. Fil-pajjiżi tal-OECD (2015) 97 % tal-għalliema fil-livell preprimarju u 83 % tal-għalliema fil-livell primarju huma nisa, filwaqt li huma biss 43 % tal-għalliema li huma nisa fl-edukazzjoni terzjarja. L-iżbilanċ bejn is-sessi fost il-persunal u li jiġu attirati aktar għalliema rġiel sabiex jiġu żgurati mudelli ta’ rwol maskili għat-tfal fis-settur tal-ECEC huma kwistjonijiet li għadhom jeħtieġu azzjoni urġenti, fejn hemm żbilanċ bejn is-sessi konness mal-istatus eżistenti, is-salarji u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-għalliema f’dan is-settur.

3.13.   Rikonoxximent reċiproku awtomatiku ta’ diplomi u ta’ perjodi ta’ tagħlim barra mill-pajjiż

3.13.1.

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir il-fatt li l-inizjattiva għandha l-għan li jiġi żgurat li kull student, apprendist jew student li jkun temm esperjenza ta’ tagħlim barra mill-pajjiż, kemm jekk għal kwalifika kif ukoll għall-mobbiltà fit-tagħlim, jista’ jkollu dik l-esperjenza awtomatikament rikonoxxuta għall-finijiet ta’ tagħlim ulterjuri. Il-mobbiltà fit-tagħlim trawwem kompetenzi u esperjenzi li huma kruċjali għall-parteċipazzjoni attiva fis-soċjetà u fis-suq tax-xogħol u għandha tiġi msaħħa permezz tal-promozzjoni ta’ fiduċja fil-programmi ta’ studju u fil-kwalifiki.

3.13.2.

Sabiex tiġi evitata r-ripetizzjoni ta’ snin/perjodi sħaħ tal-iskola, il-KESE jenfasizza l-importanza tar-rikonoxximent transfruntier ta’ perjodi ta’ tagħlim fl-edukazzjoni sekondarja u fl-edukazzjoni għolja kif ukoll ta’ kwalifiki fl-edukazzjoni sekondarja għolja li tagħti aċċess għall-edukazzjoni għolja fil-pajjiż ta’ oriġini.

3.13.3.

Il-KESE jenfasizza li l-inizjattiva għandha tiffoka wkoll fuq ir-rikonoxximent ta’ tagħlim formali, mhux formali u informali barra mill-pajjiż u tirrikonoxxi r-rwol tal-partijiet interessati, tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili fir-rikonoxximent tal-eżiti tal-istudju u tat-tagħlim (10). F’dan ir-rigward, ifakkar fir-rwol importanti tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2012 dwar il-VNFIL u t-titjib ulterjuri tas-sistemi ta’ validazzjoni nazzjonali. Il-KESE jħeġġeġ lill-Grupp Konsultattiv tal-QEK u lis-Cedefop biex itejbu l-Inventarju Ewropew dwar il-VNFIL (11) u biex itejbu l-linji gwida Ewropej għall-VNFIL (12) bħala standards ta’ kwalità għall-gvernijiet, għall-imsieħba soċjali u għall-partijiet interessati biex itejbu l-proċessi ta’ validazzjoni. Għandha tingħata attenzjoni speċjali biex jiġu rikonoxxuti l-kundizzjonijiet meħtieġa, is-sinerġiji u l-benefiċċji tat-titjib tal-koordinazzjoni bejn il-VNFIL u s-servizzi ta’ gwida u ta’ konsulenza (13).

3.13.4.

Il-permeabbiltà u l-fiduċja bejn l-edukazzjoni vokazzjonali u l-edukazzjoni għolja għadhom ta’ sfida madwar l-Ewropa, iżda anke fil-pajjiżi. L-edukazzjoni akkademika u vokazzjonali għandha tingħata l-istess valur. L-għodod u l-istrumenti Ewropej u l-prinċipji għall-edukazzjoni għolja u dik vokazzjonali għandhom jappoġġjaw lil xulxin (QEK, ECVET, EQAVET, EQAR, eċċ.) filwaqt li l-prinċipju tal-eżiti tat-tagħlim jeħtieġ li jiġi implimentat bis-sħiħ biex jintlaħaq rikonoxximent awtomatiku tal-mobbiltà għat-tagħlim fl-Ewropa.

Brussell, it-18 ta’ Ottubru 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  ĠU C 173, 31.5.2017, p. 1.

(2)  ĠU L 264, 20.7.2016, p. 19.

(3)  ĠU L 71, 24.2.2016, p. 11.

(4)  ĠU C 132, 3.5.2011, p. 55.

(5)  Eurydice: Tagħrif Ewlieni Dwar it-Tagħlim tal-Lingwi fl-Iskejjel fl-Ewropa – Edizzjoni tal-2017.

(6)  Cedefop (2017). Investing in skills pays off: the economic and social cost of low-skilled adults in the EU (L-investiment fil-ħiliet jagħti r-riżultati: il-kost ekonomiku u soċjali ta’ adulti b’livell baxx ta’ ħiliet fl-UE). Lussemburgu: L-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet. Dokument ta’ riċerka ta’ Cedefop; Nru 60.

(7)  https://ec.europa.eu/info/publications/2018-european-semester-employment-guidelines_en

(8)  COM(2017) 253 final – 2017/085 (COD).

(9)  OECD: Education at a Glance, 2017.

(10)  ĠU C 13, 15.1.2016, p. 49.

(11)  http://www.cedefop.europa.eu/en/events-and-projects/projects/validation-non-formal-and-informal-learning/european-inventory

(12)  http://www.cedefop.europa.eu/en/publications-and-resources/publications/3073

(13)  Cedefop (li jmiss), Validation of non-formal and informal learning and career guidance (Il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali u gwida vokazzjonali) (Mhux disponibbli bil-Malti).


Top