EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018AE2767

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli” (COM(2018) 353 final — 2018/0178 (COD)) u dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1011 dwar parametri referenzjarji b’livell baxx ta’ karbonju u parametri referenzjarji b’livell ta’ karbonju b’impatt pożittiv” (COM(2018) 355 final — 2018/0180 (COD))

EESC 2018/02767

ĠU C 62, 15.2.2019, p. 103–107 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 62/103


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli”

(COM(2018) 353 final — 2018/0178 (COD))

u dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1011 dwar parametri referenzjarji b’livell baxx ta’ karbonju u parametri referenzjarji b’livell ta’ karbonju b’impatt pożittiv”

(COM(2018) 355 final — 2018/0180 (COD))

(2019/C 62/16)

Relatur:

Daniel MAREELS

Konsultazzjoni

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 6.7.2018

Parlament Ewropew, 5.7.2018

Bażi legali

Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

 

 

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adottata fis-sezzjoni

3.10.2018

Adottata fil-plenarja

17.10.2018

Sessjoni plenarja Nru

538

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

182/0/0

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposti relatati mat-tassonomija, bħala l-ewwel pass fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-finanzjament ta’ tkabbir sostenibbli (1). Dawn il-proposti jiddefinixxu x’inhuma “attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli”, li b’hekk huwa possibbli li jiġi determinat x’inhuwa “investiment ambjentalment sostenibbli”, u dan huwa l-qofol tal-proposta.

1.2.

Il-Kumitat jilqa’ b’mod pożittiv l-iżvilupp ta’ parametri referenzjarji b’livell baxx ta’ karbonju u parametri referenzjarji b’livell ta’ karbonju b’impatt pożittiv.

1.3.

Fid-dawl tal-għanijiet tal-Pjan ta’ Azzjoni, huwa estremament importanti li mill-bidu nett ikun hemm sisien sodi għal kwalunkwe azzjoni sussegwenti. It-tassonomija twettaq dak ir-rwol u l-Kumitat jappoġġja għalkollox l-għażla magħmula li dik tkun il-punt tat-tluq.

1.4.

Dan is-sies barra minn hekk għandu jkun konformi mal-ambizzjonijiet imniżżla fil-Pjan ta’ Azzjoni, li skonthom “l-Ewropa tinsab f’pożizzjoni tajba biex tassumi r-rwol ta’ mexxej dinji”. Issa wasal iż-żmien biex tittieħed azzjoni skont din l-ambizzjoni u biex tiġi żviluppata it-tassonomija b’konsegwenza ta’ dan.

1.5.

Huwa ta’ importanza kbira li f’dan kollu l-UE titkellem b’vuċi waħda u tieħu l-istess approċċ. It-tassonomija Ewropea għandha għalhekk tkun f’pożizzjoni li taqbeż u tissostitwixxi l-approċċi individwali u mxerrda eżistenti fl-Istati Membri. Meta jkun possibbli, dan għandu jkun ibbażat fuq oqfsa internazzjonali eżistenti.

1.6.

Dan għandu jkun ta’ benefiċċju għas-suq intern, speċjalment biex jiġi attirat kapital għall-investiment sostenibbli fl-UE kollha. Tabilħaqq, il-parteċipanti tas-suq ser jiġu ffaċċjati b’inqas spejjeż u l-investituri ser ikollhom aktar għażla.

1.7.

Il-Pjan ta’ Azzjoni u l-implimentazzjoni tiegħu joffru sfidi ewlenin. Dan huwa ambjent li huwa dinamiku ħafna u li qiegħed jinbidel kostantament. It-tassonomija għandha għalhekk titqies bħala għodda evoluttiva li għandha tiġi vvalutata u adattata regolarment.

1.8.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, il-Kumitat jaqbel li l-approċċ gradwali ristrett meħud fil-proposti huwa ppreferut. Huwa tajjeb li nibdew b’għadd limitat ta’ oqsma u b’għadd limitat ta’ obbligi legali,

1.9.

Kif imsemmi hawn fuq, il-proposti attwali huma dwar l-aspetti ambjentali. Mil-lat olistiku, madankollu, il-Kumitat ikompli jappella sabiex tingħata attenzjoni lill-konsistenza globali. Minkejja li huwa pożittiv li jridu jitqiesu standards minimi soċjali u dwar il-governanza, għad trid tittieħed azzjoni addizzjonali. Għalhekk, ser ikun importanti li fil-futur issir ħidma sabiex is-sistema tiġi estiża għal għanijiet ta’ sostenibbiltà soċjali u governanza.

1.10.

Il-Kumitat jappoġġja bis-sħiħ l-għażla li tiġi introdotta tassonomija tal-UE b’livell għoli ta’ granularità. Huwa essenzjali li jiġu żgurati ċertezza u ċarezza dwar liema attivitajiet huma tassew ambjentalment sostenibbli, bħalma huwa wkoll li mill-bidu nett jinteħħew id-dubji f’dak ir-rigward.

1.11.

Bl-istess mod, il-prattikalità tat-tassonomija hija ta’ importanza kruċjali u ser tkun ta’ benefiċċju wkoll għall-konsumaturi u l-investituri. Barra minn hekk, wieħed għandu jaqbel kompletament mad-deċiżjoni li t-tassonomija tintuża biss ġaladarba tkun stabbli u matura.

1.12.

It-tassonomija għandha tqis ukoll kif ser tiġi implimentata min-negozji, peress li ser ikunu fil-parti l-kbira responsabbli għat-tranżizzjoni “reali” lejn ekonomija sostenibbli. Ċertament ser ikun hemm bżonn approċċ li jqis id-differenzi bejn is-setturi u d-daqs tan-negozji. Huwa daqstant meħtieġ li jiġi żgurat li l-kompetizzjoni ma tiġix distorta meta jiġi attirat il-finanzjament għal attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli.

1.13.

Fl-istess ħin, it-tassonomija jeħtieġ li tkun tista’ tiġi applikata kemm f’kuntest internazzjonali kbir kif ukoll f’kuntest lokali. Għall-Kumitat huwa ċar li mhux biss huwa importanti li jiġu evitati li dawn il-miżuri jitfasslu mill-qrib wisq għall-ħtiġijiet ta’ entitajiet kbar ħafna, iżda wkoll li dawn ikunu ta’ benefiċċju għall-SMEs.

1.14.

Huwa pożittiv li l-awtoritajiet superviżorji Ewropej ser jaqdu rwol ewlieni fl-iżvilupp tat-tassonomija tal-UE. Din għandha tkun tista’ tintuża mill-istituzzjonijiet finanzjarji kollha u applikabbli għall-prodotti finanzjarji kollha, filwaqt li tibqa’ wkoll fattibbli għall-attivitajiet kollha rilevanti tan-negozju. Barra minn hekk m’għandhiex tintesa l-kompatibbiltà tagħha mal-leġislazzjoni finanzjarja tal-UE. Għandhom jinżammu baxxi kemm jista’ jkun il-piżijiet u l-ispejjeż regolatorji u superviżorji addizzjonali, anke abbażi tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

1.15.

Barra minn hekk, il-Kumitat iqis ukoll l-informazzjoni u l-komunikazzjoni bħala kruċjali. Pereżempju, il-Kumitat iqis mill-aktar xieraq li tingħata ħafna attenzjoni lill-informazzjoni u l-komunikazzjoni lill-partijiet kollha interessati, inkluż l-ambjent operattiv tal-intrapriżi, u lill-pubbliku ġenerali. Jista’ jitfassal pjan bil-għan li l-partijiet interessati kollha u l-pubbliku jiġu pprovduti bl-iktar informazzjoni possibbli u sabiex jiġu involuti fid-djalogu, bil-għan li tinkiseb l-adeżjoni tagħhom. Għandhom jiġu pprovduti wkoll l-edukazzjoni u t-taħriġ fil-qasam finanzjarju. Fl-aħħar mill-aħħar, in-nies jagħmlu d-differenza!

2.   Sfond (2)

2.1.

Fil-livell internazzjonali, l-adozzjoni tal-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli (2015) u l-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima (2016) wasslet għal bidla kbira fl-attitudnijiet lejn it-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali. Fil-qosor, id-dinja għażlet li twitti t-triq lejn ambjent aktar sostenibbli.

2.2.

L-UE ma qaditx tistenna biex tieħu l-inizjattivi, iżda intensifikat l-isforzi minn mindu ġew adottati t-testi internazzjonali msemmija hawn fuq. Barra minn hekk, iċ-ċaqliqa lejn is-sostenibbiltà ser teħtieġ sforzi kbar u investimenti sinifikanti. Hija kkwotata ċ-ċifra ta’ EUR 180 biljun fis-sena għall-klima u l-enerġija biss.

2.3.

Għalhekk, fl-2016 inħoloq Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli sabiex jiżviluppa l-istrateġija tal-UE dwar finanzi sostenibbli. Fost affarijiet oħra, il-grupp ippropona żewġ inizjattivi relatati mas-sistema finanzjarja Ewropea:

2.3.1.

L-ewwel hija li titjieb il-kontribuzzjoni tas-sistema finanzjarja għat-tkabbir sostenibbli u inklużiv;

2.3.2.

It-tieni hija li tittejjeb l-istabbiltà finanzjarja billi jiġu inkorporati l-fatturi “ekonomiċi, soċjali u ta’ governanza” fid-deċiżjonijiet tal-investiment.

2.4.

Barra minn hekk, il-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli ħareġ 8 rakkomandazzjonijiet li jemmen li huma elementi fundamentali ta’ sistema finanzjarja sostenibbli. Dawn jinkludu sejħa sabiex tiġi stabbilita sistema ta’ klassifikazzjoni teknikament b’saħħitha fil-livell tal-UE, “tassonomija”, sabiex tiġi pprovduta ċarezza dwar dak li huwa “ekoloġiku” u “sostenibbli”. Dan jagħmilha possibbli biex ikun magħruf jekk attività ekonomika hijiex “ambjentalment sostenibbli”.

2.5.

Bi tkomplija tal-ħidma tal-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli, il-Kummissjoni nediet, fir-rebbiegħa 2018, Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Finanzjament tat-Tkabbir Sostenibbli, li fost oħrajn jinkludi b’mod partikolari l-proposti li qegħdin jiġu analizzati.

2.6.

Dawn il-proposti (3), ippubblikati fl-24 ta’ Mejju 2018, għandhom l-għan li:

2.6.1.

jistabbilixxu l-pedament għal tassonomija, kif imsemmi hawn fuq. Dan ser jippermetti wkoll li jiġi determinat xi jfisser “investiment sostenibbli”;

2.6.2.

jiġu stabbiliti linji gwida ċari għall-investituri. Dawn il-linji gwida, b’mod partikolari għal ċerti parteċipanti fis-sistema finanzjarja, għandhom l-għan li jġibu ċarezza u konsistenza dwar il-kwistjoni ta’ kif ir-riskji ambjentali, soċjali u ta’ governanza jistgħu jiġu integrati fid-deċiżjonijiet ta’ investiment u fil-pariri lill-investituri;

2.6.3.

jiġu stabbiliti aktar rekwiżiti ta’ trasparenza għal ċerti parteċipanti fis-sistema finanzjarja, inkluż fir-rigward tal-mod li bih jintegraw il-linji gwida msemmija fil-punt 2.6.2. fid-deċiżjonijiet u l-pariri msemmija hawn fuq. Iridu juru wkoll kif ser jilħqu l-objettivi ta’ sostenibbiltà tagħhom.

2.6.4.

jiġu stabbiliti parametri referenzjarji b’livell baxx ta’ karbonju u parametri referenzjarji b’livell ta’ karbonju b’impatt pożittiv li għandhom jiġu applikati mill-amministraturi tagħhom bil-għan li tiġi garantita ċertezza lill-utenti.

3.   Osservazzjonijiet u kummenti

3.1.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon dawn il-proposti bħala l-ewwel pass fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-finanzjament ta’ tkabbir sostenibbli. Fl-ewwel istanza dan jinvolvi l-ħolqien ta’ tassonomija, li tistabbilixxi f’liema każ tista’ tiġi diskussa “attività ekonomika ambjentalment sostenibbli”. Dan, min-naħa tiegħu, jagħmilha possibbli li jiġu definiti “investimenti ambjentalment sostenibbli”, li fl-aħħar mill-aħħar huwa l-punt tal-proposta.

3.2.

Barra minn hekk, dawn il-proposti huma ’l bogħod milli jkunu l-uniċi li jikkontribwixxu biex jinkiseb dan l-għan. Għall-kuntrarju, din hija kwistjoni estremament kumplessa li dwarha jridu jittieħdu bosta azzjonijiet u inizjattivi. Xi wħud minn dawn diġà qegħdin jiġu diskussi, waqt li oħrajn mistennija li jiġu ppreżentati fil-futur qrib jew aktar distanti.

3.3.

Fid-dawl tal-għanijiet tal-Pjan ta’ Azzjoni, huwa estremament importanti li mill-bidu nett ikun hemm sisien sodi li jistgħu jservu ta’ bażi għal kwalunkwe azzjoni sussegwenti. It-tassonomija twettaq dak ir-rwol u l-Kumitat jappoġġja għalkollox l-għażla magħmula li dik tkun il-punt tat-tluq. Barra minn hekk, huwa importanti l-ewwel nett li wieħed jifhem b’mod ċar dak li huwa verament “ekoloġiku” u “sostenibbli”.

3.4.

Dawn is-sisien huma wkoll konformi mal-ambizzjonijiet kbar li stabbilixxiet fil-Pjan ta’ Azzjoni tagħha, li jiddikjara, fost affarijiet oħra, li “l-Ewropa tinsab f’pożizzjoni tajba biex tassumi r-rwol ta’ mexxej dinji”. Issa wasal iż-żmien biex tittieħed azzjoni skont dan u biex tiġi żviluppata it-tassonomija b’konsegwenza ta’ dan.

3.5.

Huwa għalhekk importanti li t-tassonomija tkun invjolabbli u ġeneralment aċċettata mill-partijiet interessati rilevanti kollha. Jekk dan ma jkunx il-każ, hemm il-periklu li jista’ jkollha impatt negattiv fuq l-iżviluppi futuri kollha u fuq il-ksib tal-għanijiet stabbiliti. Dgħufija bħal din għandha tiġi evitata akkost ta’ kollox.

3.6.

It-tassonomija Ewropea għandha għalhekk tkun ukoll f’pożizzjoni li taqbeż u tissostitwixxi l-approċċi individwali u mxerrda eżistenti fl-Istati Membri. Dan ma jfissirx, madankollu, li l-esperjenza tajba miksuba sa issa għandha tintrema. Fejn ikun possibbli din għandha tintuża. F’dan ir-rigward, huwa wkoll importanti li t-tassonomija tiġi appoġġjata mill-oqfsa internazzjonali eżistenti.

3.7.

Fl-aħħar mill-aħħar, huwa ta’ importanza kbira li f’dan kollu l-UE titkellem b’vuċi waħda u tieħu l-istess approċċ. Dan ikun ta’ benefiċċju wkoll għas-suq intern, peress li jkun aktar faċli li jiġi attirat kapital għall-investiment sostenibbli fl-UE kollha. Fil-fatt, il-parteċipanti tas-suq ser jiġu ffaċċjati b’inqas spejjeż, peress li dawn ma għadhomx iridu jikkonformaw ma’ rekwiżiti differenti f’diversi Stati Membri. L-investituri jkollhom aktar għażla u tkun aktar faċli biex jinvestu b’mod transkonfinali.

3.8.

Bħalma huwa indikat tajjeb fil-Pjan ta’ Azzjoni, “Ix-xjenza madwar is-sostenibbiltà hija dinamika u qed tevolvi, bħalma huma l-aspettattivi soċjali kif ukoll il-ħtiġijiet tal-investituri u tas-suq” (4). It-tassonomija għandha għalhekk titqies bħala għodda evoluttiva u ser ikun hemm bżonn li tiġi riveduta regolarment u emendata u/jew aġġustata fejn xieraq. Ser ikun importanti li jsir progress malajr iżda mhux wisq malajr.

3.9.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, il-Kumitat jaqbel li huwa ppreferut approċċ gradwali ristrett. Dan japplika wkoll għall-implimentazzjoni tad-diversi azzjonijiet u għanijiet stabbiliti fil-Pjan ta’ Azzjoni.

3.10.

Għalhekk hija idea tajba li nibdew b’għadd limitat ta’ oqsma (5) u, fl-ewwel istanza, b’għadd limitat ta’ obbligi legali (6) biss, peress li dan jagħmilha possibbli li kulħadd jitgħallem dwar l-approċċ il-ġdid u jikseb l-esperjenza meħtieġa. Barra minn hekk, l-ambjent li ngħixu fih qed jevolvi malajr u għandna nqisu l-fatt li tranżizzjoni ekonomika dejjem tieħu ammont ta’ żmien. Reviżjoni regolari tar-riżultati miksuba u tal-progress li sar hija għalhekk adegwata. Il-Kumitat japprova d-dispożizzjonijiet previsti, jiġifieri evalwazzjoni kull tliet snin.

3.11.

F’konformità ma dak li ntqal hawn fuq, il-Kumitat jista’ japprova l-approċċ tal-proposti attwali fir-rigward tad-dimensjoni ambjentali. Mil-lat olistiku, madankollu, il-Kumitat ikompli jappella sabiex tingħata attenzjoni lill-konsistenza globali. F’dak ir-rigward, huwa pożittiv li ġew rikonoxxuti l-prinċipji minquxa fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, u li l-kriterji jeħtieġu li l-attività ekonomika ssir f’konformità kemm mal-istandards internazzjonali minimi u l-garanziji tax-xogħol kif ukoll mal-istandards tal-kontabilità. Fl-istess ħin, għandu jiġi nnutat li tal-ewwel huma garanziji minimi, u li għad iridu jittieħdu aktar passi. Bl-istess mod, ser ikun importanti li fil-futur issir ħidma sabiex is-sistema tiġi estiża għal għanijiet ta’ sostenibbiltà soċjali u ta’ governanza.

3.12.

Fl-istess ħin, huwa importanti li mill-bidu jiġu massimizzati ċ-ċarezza u ċ-ċertezza. Il-Kumitat jappoġġja bis-sħiħ l-għażla li tiġi introdotta tassonomija tal-UE b’livell għoli ta’ granularità. Dan jagħmilha possibbli li fi kwalunkwe ħin ikun hemm ċarezza totali dwar liema attivitajiet huma ġenwinament ambjentalment sostenibbli u sabiex jitneħħa kwalunkwe dubju reali mill-bidu nett. Dan ser jagħmilha aktar faċli sabiex jitkejjel u jiġi mmappjat il-kontribut li sar għall-għanijiet ambjentali. Dan mhuwiex biss importanti fih innifsu, iżda wkoll bil-għan li jkun hemm aktar żviluppi fil-futur.

3.13.

Apparti ċ-ċarezza u ċ-ċertezza, huma daqstant kruċjali l-prattikalità tat-tassonomija kif ukoll id-deċiżjonijiet sussegwenti kollha li jsiru abbażi ta’ dan. Fil-fatt, bosta partijiet interessati, li ta’ spiss ma jkunux esperti fil-qasam, ikollhom bżonn jaħdmu b’dan l-istrument. Dawn ser jeħtieġu li jitħarrġu biex jitkellmu l-istess “lingwa”. Barra minn hekk, il-kumpaniji mhux dejjem ser ikollhom l-istess perspettiva bħall-parteċipanti mis-settur finanzjarju.

3.14.

Ir-Regolament għandu għalhekk jitfassal għall-kumpaniji, waqt li jitqiesu l-attivitajiet tagħhom u l-fatt li huma fit-tmiem tal-katina. It-tassonomija jeħtieġ li tkun tista’ tiġi applikata kemm f’kuntest internazzjonali kbir kif ukoll meta tiġi applikata minn kumpaniji żgħar u f’kuntest lokali. Fid-dawl tad-differenzi kbar bejniethom, hawnhekk huwa meħtieġ approċċ speċifiku għas-settur. Għall-Kumitat huwa ċar li dawn il-miżuri għandhom ikunu wkoll ta’ benefiċċju għall-SMEs speċjalment meta dawn huma s-sinsla tal-ekonomija Ewropea. Huwa għalhekk meħtieġ li l-kriterji jkunu wkoll skalabbli.

3.15.

Huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-kompetizzjoni bejn in-negozji ma tiġix distorta meta jiġi attirat il-finanzjament għal attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli. Il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar għandhom jitfasslu sabiex jiġi żgurat li l-attivitajiet ekonomiċi rilevanti kollha fi ħdan settur partikolari jistgħu jikkwalifikaw bħala ambjentalment sostenibbli u jkunu trattati b’mod ugwali jekk jikkontribwixxu b’mod indaqs lejn l-għanijiet ambjentali stabbiliti. F’dan ir-rigward, il-Kumitat jappella li tingħata attenzjoni partikolari lill-isfidi li ser jinħolqu fl-armonizzazzjoni tal-kriterji tekniċi ta’ skrinjar għad-diversi (sotto)setturi ekonomiċi u l-kunfidenzjalità tad-data.

3.16.

B’rabta mal-prattikalità msemmija hawn fuq, il-Kumitat jilqa’ l-fatt li b’mod ġenerali tqieset il-ħidma tal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju. Pereżempju tista’ tiġi appoġġjata l-bidla għat-testi sabiex it-tassonomija tintuża biss ġaladarba tkun stabbli u matura.

3.17.

B’mod simili u fl-interess tal-kompatibbiltà mal-leġislazzjoni finanzjarja Ewropea, huwa pożittiv li l-awtoritajiet superviżorji Ewropej (7) ser jaqdu rwol ewlieni fl-iżvilupp tat-tassonomija tal-UE. Dan għandu jiżgura li l-istituzzjonijiet finanzjarji jkunu jistgħu jużawha u tkun applikabbli għall-prodotti finanzjarji. Barra minn hekk huwa xieraq li jitqies il-prinċipju tal-proporzjonalità għall-benefiċċju tal-istituzzjonijiet żgħar u lokali. B’mod ġenerali, huwa importanti li jitnaqqsu kemm jista’ jkun il-piżijiet u l-ispejjeż regolatorji u superviżorji addizzjonali.

3.18.

Barra minn hekk, l-attenzjoni fuq il-prattikalità ser tibbenefika mhux biss il-kumpaniji u l-parteċipanti mis-sistema finanzjarja, iżda wkoll il-konsumaturi u l-investituri. Dawn ser jibbenefikaw ukoll minn dan minħabba li ser tagħmilha possibbli li jinħolqu aktar ċertezza u ċarezza fir-rigward tal-investimenti sostenibbli li jagħmlu jew li għalihom jintużaw il-fondi tagħhom.

3.19.

B’mod ġenerali, l-attenzjoni fuq il-prinċipji msemmija hawn fuq taċ-ċertezza, iċ-ċarezza u l-prattikalità hija wkoll adegwata bil-għan li jiġu massimizzati l-possibilitajiet ta’ suċċess u li jinkisbu l-għanijiet tal-Pjan ta’ Azzjoni b’mod effettiv u bi sħiħ.

3.20.

Il-Kumitat jilqa’ wkoll l-iżvilupp ta’ parametri referenzjarji b’livell baxx ta’ karbonju u parametri referenzjarji b’livell ta’ karbonju b’impatt pożittiv. Dawn ser itejbu l-funzjonament tas-suq uniku billi jeliminaw il-frammentazzjoni eżistenti u jtejbu l-protezzjoni u t-trasparenza għall-investituri billi jipprovdu aktar informazzjoni u informazzjoni aħjar. Barra minn hekk dawn il-parametri referenzjarji ser iwasslu għal żieda u titjib fl-informazzjoni relatata mal-klima għall-kumpanija u jiżguraw li din tkun komparabbli. Dawn jistgħu jagħtu kontribut kbir lejn il-proġetti u l-assi li jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-għanijiet dwar il-klima fil-Ftehim ta’ Pariġi.

3.21.

Barra minn hekk, il-Kumitat iqis ukoll l-informazzjoni u l-komunikazzjoni bħala kruċjali. L-għanijiet tal-Pjan ta’ Azzjoni u l-passi kollha mittieħda f’dak il-kuntest jistgħu jiġu wkoll iffaċilitati b’modi oħra. Pereżempju, il-Kumitat iqis mill-aktar xieraq li tingħata ħafna attenzjoni lill-informazzjoni u l-komunikazzjoni lill-partijiet kollha interessati u lill-pubbliku ġenerali. Jista’ jiġi żviluppat pjan sabiex il-partijiet interessati kollha jiġu pprovduti bl-iktar informazzjoni possibbli u sabiex jiġu involuti fid-djalogu, bil-għan li tinkiseb adeżjoni u kulħadd isir imsieħeb fil-ksib tal-għanijiet. Għandu jinkludi wkoll l-edukazzjoni u t-taħriġ fil-qasam finanzjarju. Fl-aħħar mill-aħħar, in-nies jagħmlu d-differenza!

Brussell, is-17 ta’ Ottubru 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  COM(2018) 97 final.

(2)  It-taqsima dwar “sfond” hija fil-biċċa l-kbira bbażata fuq il-memorandum ta’ spjegazzjoni li jinsab fil-proposta għal Regolament u fuq il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Finanzjament tat-Tkabbir Sostenibbli – COM (2018) 97 final

(3)  COM(2018) 353 final u COM(2018) 355 final

(4)  COM(2018) 353 final, p. 7.

(5)  B’mod partikolari l-ambjent, b’oqsma oħra bħal dak soċjali jiġu inklużi aktar tard.

(6)  Pereżempju, l-Artikolu 4 tal-abbozz ta’ Regolament.

(7)  Bl-Ingliż European Supervisory Authority (ESA).


Top