EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018AE1695

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Pjan ta’ Azzjoni: Il-Finanzjament tat-Tkabbir Sostenibbli” (COM(2018) 97 final)

EESC 2018/01695

ĠU C 62, 15.2.2019, p. 73–82 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 62/73


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Pjan ta’ Azzjoni: Il-Finanzjament tat-Tkabbir Sostenibbli”

(COM(2018) 97 final)

(2019/C 62/12)

Relatur:

Carlos TRIAS PINTÓ

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 10.4.2018

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

 

 

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adottata fis-sezzjoni

7.9.2018

Adottata fil-plenarja

17.10.2018

Sessjoni plenarja Nru

538

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

164/6/5

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Sabiex jiġu indirizzati l-isfidi ewlenin li tiffaċċja l-Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU) u tittejjeb ir-reżiljenza taż-żona tal-euro, sistema soda għall-finanzjament tat-tkabbir sostenibbli fit-tul hija l-aktar xprun importanti sabiex tiġi rkuprata l-fiduċja fis-suq u sabiex it-tfaddil jiġi marbut mal-investimenti sostenibbli, billi jipprovdu sorsi komplementari ta’ finanzjament lill-SMEs u jsaħħu l-proġetti ta’ infrastruttura ekoloġika u soċjali.

1.2

Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni, filwaqt li jaqbel li “L-Ewropa tista’ ssir [madwar id-dinja] id-destinazzjoni magħżula għal investimenti sostenibbli” (1). Fil-fehma tal-Kumitat, huwa importanti li tiġi żgurata l-kompetittività fit-tul tal-UE. B’mod aktar ġenerali, dan jikkonċerna l-promozzjoni ta’ tkabbir ekonomiku kontinwu, inklużiv u sostenibbli, impjieg għal kulħadd u produttiv u xogħol deċenti għal kulħadd (Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli 8).

1.3

Dawn l-isfidi għandhom jiġu indirizzati b’mod armonjuż, permezz ta’ sforz konġunt min-naħa ta’ kulħadd, inklużi l-atturi fis-settur finanzjarju, il-kumpaniji, iċ-ċittadini u l-awtoritajiet. Barra minn hekk, il-kisba ta’ tranżizzjoni lejn mudell ta’ tkabbir sostenibbli huwa kompitu kumpless u huwa bla dubju proċess gradwali filwaqt li jqis l-ispeċifiċitajiet settorjali.

1.4

Jenħtieġ li jipprevalu viżjoni olistika, kooperazzjoni u aktar integrazzjoni bejn l-Istati Membri. Huwa ta’ importanza kbira li f’dan il-qasam, l-UE kollha titkellem b’vuċi waħda u ssegwi l-istess approċċ. Dan mhux biss se jgħin jinkisbu l-għanijiet stabbiliti, iżda se jippermetti wkoll progress f’oqsma importanti oħra bħall-Unjoni tal-Enerġija, l-Unjoni Bankarja, l-Unjoni tas-Swieq Kapitali u l-Aġenda Diġitali.

1.5

Il-mudelli ekonomiċi sostenibbli għandu jkollhom sistema finanzjarja diversa li fiha banek ta’ diversi daqsijiet u mudelli ta’ negozju jkunu jistgħu joperaw fuq l-istess livell, ma’ atturi finanzjarji oħra. Għal dan il-għan, huwa essenzjali li l-istandards ikunu iżjed kompleti, iżjed konsistenti u implimentati b’mod ġust, b’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità.

Fil-fehma tal-KESE, l-orjentament mill-ġdid tal-flussi kapitali lejn ekonomija aktar sostenibbli, għandu assolutament jimxi id f’id mal-inklużjoni finanzjarja u l-koeżjoni soċjali, f’Ewropa fejn ħadd ma’ jaqa’ lura. Fil-fatt, iż-żieda fid-diskrepanzi bejn l-introjtu taċ-ċittadini tista’ tkun ostaklu għat-tkabbir sostenibbli, u l-governanza korporattiva u istituzzjonali għandha, għalhekk, tibbilanċja mill-ġdid is-sitwazzjoni attwali.

1.6

Għandu jiġi żgurat livell adatt ta’ koerenza fost l-oqfsa finanzjarji eżistenti diversi fil-livell dinji, filwaqt li jittieħdu bħala referenza komuni l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti, u jsir immappjar tat-Tassonomija Sostenibbli fil-konfront tagħhom (2). It-tassonomija mġedda tal-UE proposta fil-Pjan ta’ Azzjoni għandha tiġi promossa fil-livell dinji u tiġi inkorporata fil-liġi tal-Unjoni b’mod uniformi u simultanju fl-Istati Membri kollha, sabiex jiġi żgurat li din tiġi riveduta u aġġornata fuq bażi regolari.

1.7

Fil-qosor, il-KESE jappoġġja bil-qawwa l-pjan direzzjonali tal-Kummissjoni dwar l-iffinanzjar tat-tkabbir sostenibbli, li għandu jwassal sabiex il-katina tal-valur kollha kemm hi tkun iktar sostenibbli, iżda jagħmel diversi osservazzjonijiet dwar l-azzjonijiet tal-pjan u l-implimentazzjoni tiegħu:

I.

Approċċ integrat, bl-użu tal-metodoloġija bbażata fuq iċ-ċiklu tal-ħajja għall-integrazzjoni tal-materjalità finanzjarja (3) fil-proċess ta’ investiment, jeħtieġ jitlob li l-investiment sostenibbli ujkun insparabbli mis-self responsabbli: wieħed mingħajr l-ieħor ikun inkonsistenti u jxekkel l-ikkompletar tal-Unjoni Finanzjarja (bankarja u tal-kapital).

II.

It-tassonomija għandha tkun dinamika u tinbena gradwalment abbażi ta’ definizzjoni ċara tal-kriterji ambjentali, soċjali u ta’ governanza (ESG) għal attivitajiet ekonomiċi sostenibbli punt ta’ tluq adatt ikun il-konfigurazzjoni tal-fatturi ambjentali (A), filwaqt li jiġu introdotti salvagwardji fis-setturi soċjali u ta’ governanza korporattiva tajba.

III.

L-għaxar azzjonijiet għandhom koerenza interna kbira u jinteraġixxu ma’ xulxin. Għalhekk jinħtieġ bilanċ tajjeb bejn il-konfigurazzjoni tat-tassonomija l-ġdida (Azzjoni 1) u l-konsiderazzjoni mill-aġenziji ta’ klassifikazzjoni (Azzjoni 6), għall-iżvilupp tas-sistemi ta’ punti (“scorings”) abbażi ta’ informazzjoni affidabbli pprovdua mill-kumpaniji (Azzjoni 9), komplementari għat-tikketti (Azzjoni 2) u l-punti ta’ riferiment sostenibbli (Azzjoni 5). B’hekk, l-atturi tas-sistema finanzjarja ser ikollhom bażi affidabbli għall-inklużjoni tal-fatturi ambjentali, soċjali u ta’ governanza korporattiva (ESG) fid-deċiżjonijiet tagħhom dwar l-investiment (Azzjoni 7), abbażi ta’ konsulenza minn qabel u interazzjoni proattiva mal-klijenti tagħhom (Azzjoni 4). Dan kollu ser iseħħ fl-ambitu tad-dmir fiduċjarju biex jaġixxu fl-aħjar interessi tal-investituri jew il-benefiċjarji (derivat mir-“regola tal-persuna prudenti”’, inkluża fl-acquis tal-UE).

IV.

L-istandardizzazzjoni u, fejn applikabbli, it-tikkettar sussegwenti tal-prodotti finanzjarji sostenibbli jistgħu jiġu kkomplementati mill-qafas Ewropew il-ġdid għall-bonds koperti (4)b’hekk jiġu alimentati l-prodotti pan-Ewropej sostenibbli previsti, u l-punt tat-tluq ikun il-kapitolu dwar il-pensjonijiet.

V.

Huwa tal-akbar importanza li jiġu allinjati l-inċentivi differenti biex jistimulaw l-investiment sostenibbli, dment li jiġu kkunsidrati l-esternalitajiet pożittivi assoċjati. Metodoloġija armonizzata għall-indiċijiet tal-livelli baxxi ta’ emissjonijiet tal-karbonju għandha sservi bħala direzzjoni għall-kalkolu ta’ impatti oħra. Filwaqt li jiġu kkunsidrati r-reżiljenza u l-istabbiltà tas-settur finanzjarju, l-opportunità ta’ provvediment ta’ Fattur ta’ Sostenn Ekoloġiku għandha tkun eżaminata biex ikunu definiti sew il-perimentri tagħhom. F’dan il-qasam, il-KESE jaqbel mal-PE fir-rigward tal-promozzjoni tal-inklużjoni ta’ riskji ta’ sostenibbiltà fil-qafas ta’ Basel IV (5). Possibbilment għandha tingħata konsiderazzjoni lil alternattivi oħra li jkunu ta’ benefiċċju dirett għas-selliefa finali u l-investituri, bħall-inċentivi fiskali.

VI.

Jeħtieġ li tissokta l-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni mhux finanzjarja ta’ kwalità għolja, armonizzata kemm jista’ jkun, iżjed kompluta, rilevanti, u komparabbli, sabiex jiġu ffaċilitati l-kontrolli esterni Biex jintlaħaq dan il-għan, għandu jiġi vvalutat ukoll l-impatt tad-Direttiva dwar Informazzjoni mhux Finanzjarja (95/2014/UE). L-iżvilupp ta’ trattamenti kontabilistiku alternattiv hu kapitolu ieħor li għandu jiġi indirizzat b’mod parallel.

VII.

L-awtoritajiet superviżorji Ewropej u l-Kumitat Konġunt tagħhom għandhom ikunu appoġġjati minn riżorsi tekniċi speċjalizzati (bosta entitajiet għandhom esperjenza twila fil-qasam tal-SRI) biex joħolqu l-istandards tekniċi relatati mal-atti delegati imressqa mill-Kummissjoni Ewropea u għall-monitoraġġ sussegwenti tal-volum kbir tal-implimentazzjoni regolatorja, bit-twaqqif ta’ proċessi proporzjonati u effettivi, mingħajr l-eċċessi teknokratiċi frekwenti.

VIII.

Id-depożitarju ta’ investiment irid ukoll ikun kapaċi jwettaq b’mod effettiv il-ħidma ta’ superviżjoni tal-attivitajiet tal-kumpanija ta’ ġestjoni jew ta’ investiment, u għalhekk jeħtieġ li tiġi żgurata l-indipendenza tagħhom. Dan jirrikjedi, b’mod partikolari, li jkun hemm politika dwar il-kunflitt ta’ interessi fil-każ ta’ rabtiet ta’ parteċipazzjoni azzjonarja jew parteċipazzjoni azzjonarja inkroċjata (6).

IX.

Rigward ir-relazzjoni mal-proposta tal-Kummissjoni għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2021-2027 (7), il-KESE huwa tal-fehma li l-proposta hija pass fid-direzzjoni t-tajba għalkemm jeħtieġ li tkun iżjed ambizzjuża sabiex ikunu jistgħu jiġu ssodisfati l-impenji tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli. F’dan ir-rigward, il-KESE jitlob għal żieda ta’ mill-anqas 30 % fl-infiq tal-UE li jikkontribwixxi għall-għanijiet klimatiċi (8) mingħajr ma jiġu kompromessi impenji oħra. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon iż-żidiet sostanzjali mil-lat ta’ “persentaġġ” tal-impenji għall-Ambjent Ambjentali u Klimatika (+46 %). Madankollu, huwa ċar li l-ammonti baġitarji previsti għal dan il-għan għad mhumiex biżżejjed għal tranżizzjoni għal żvilupp sostenibbli u għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

1.8

L-istudji (9) juru li l-investituri jixtiequ li l-investimenti tagħhom iqisu l-aspetti klimatiċi, ambjentali u soċjali. Sabiex jiġi ffaċilitat aċċess aktar faċli u sikur għall-investituri, għandhom jinħolqu “prodotti finanzjarji sostenibbli prinċipali pan-Ewropej”, bl-ewwel prodotti jkunu l-“Prodotti tal-Pensjoni Personali pan-Ewropej” (PEPP). Il-promozzjoni internazzjonali ta’ dawn il-prodotti siguri u sostenibbli ser tkun mod kif jiġi attirat l-investiment barrani lejn l-Ewropa.

1.9

Il-komunikazzjoni ta’ dawn l-azzjonijiet hija importanti ħafna jekk iċ-ċittadini jridu jkunu konxji ta’ dak li l-UE qiegħda tagħmel għalihom. Tinħtieġ responsabbiltà kondiviża bejn l-atturi pubbliċi u privati kollha u l-edukazzjoni finanzjarja (10) għandha tkun obbligatorja, sabiex ikun żgurat li n-nies jifhmu dan l-approċċ ġdid u b’hekk jinkoraġġixxu l-investiment bl-imnut soċjalment responsabbli u sostenibbli u l-produzzjoni ta’ beni u servizzi.

1.10

Fl-aħħar nett, il-KESE jenfasizza l-potenzjal tal-intelliġenza artifiċjali biex tallinja l-preferenzi tal-investituri mad-destinazzjoni tal-investiment. Fid-dawl tal-esperjenzi ta’ valur miżjud fit-Tagħlim Awtomatiku marbut mal-ESG (li jikkombina indikaturi SRI, punti ta’ riferiment tas-sostenibbiltà, eċċ.), għandha tiġi eżaminata t-tassonomija l-ġdida f’dawn l-inizjattivi emerġenti. Għandhom jiġu analizzati wkoll is-soluzzjonijiet tat-tagħlim awtomatiku sabiex il-banek u l-investituri jkunu jistgħu jżidu s-self għal setturi speċifiċi jew attivitajiet li jinkludu l-prinċipji tal-ESG.

1.11

Il-KESE pubblikament jappella lill-koleġislaturi biex jiddiskutu u jadottaw malajr it-tliet proposti leġislattivi li jirriżultaw mill-Pjan ta’ Azzjoni li ġie adottat mill-Kummissjoni fl-24 ta’ Mejju 2018.

2.   Introduzzjoni: nimxu lejn ix-xenarju l-ġdid

2.1

Iż-żieda aċċellerata fil-finanzjalizzazzjoni jew fil-profondità finanzjarja tal-ekonomiji bdiet fl-1971 meta l-Istati Uniti abbandunaw l-istandard dollaru-deheb u l-flus saru aktar fiduċjarji u intanġibbli, dipendenti fuq il-fiduċja. Sat-tmeninijiet, il-massa monetarja (M2) kienet tirrappreżenta madwar 50 % tal-PDG globali, simili għad-derivattivi finanzjarji.

2.2

Wara li naqas waqt il-kriżi, dan l-ammont irritorna għal-livelli preċedenti fl-2015, billi l-assi finanzjarji ġew immultiplikati b’4 għall-M2 u d-derivattivi b’aktar minn 10.

2.3

Dan l-iżbilanċ bejn l-ekonomija reali u dik finanzjarja qiegħed dejjem jikber minħabba ż-żieda ta’ FinTech u InsurTech, li qed jitolbu biex isiru aktar sforzi li jwasslu għal regolazzjoni u superviżjoni tajba sabiex tiġi żgurata stabbiltà finanzjarja.

2.4

Is-17 il-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tal-2030 tan-NU u l-Ftehim ta’ Pariġi biex tiġi adattata u tinbena reżiljenza għat-tibdil fil-klima għandhom jiżguraw stabbiltà, irkupru u bilanċ aħjar bejn is-soċjetajiet inklużivi u l-ekonomiji avvanzati.

2.5

F’konformità mal-ispirtu tat-Trattati tal-UE u l-politiki sussegwenti mwettqa, it-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju, aktar effiċjenti fir-riżorsi u ċirkolari hija essenzjali sabiex tiġi żgurata l-kompetittività fit-tul tal-UE, iżda wkoll sabiex jiġu integrati d-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ta’ governanza bbilanċjati.

2.6

Tabilħaqq, ir-rispons Ewropew għall-Aġenda 2030 jeħtieġ li jikkonforma mat-Trattati u jikseb viżjoni fit-tul ta’ sostenibbiltà li fiha t-tkabbir ekonomiku, il-koeżjoni soċjali u l-protezzjoni ambjentali jimxu id f’id u jappoġġjaw lil xulxin.

2.7

Is-sistema finanzjarja tista’ taqdi rwol importanti fl-indirizzar tal-isfidi tas-sostenibbiltà, speċjalment biex jiġu attirati l-fondi neċessarji sabiex jingħalaq id-distakk annwali ta’ investiment ta’ kważi EUR 180 biljun meħtieġa biex jiġu ssodisfati l-miri tal-UE għall-klima u l-enerġija sal-2030 (11). F’dan ir-rigward, il-Kumitat jappoġġja l-osservazzjoni tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-finanzi sostenibbli li t-trasformazzjoni tal-ekonomija tal-UE trid isseħħ fl-ekonomija reali, u b’hekk titħeġġeġ kooperazzjoni stabbli bejn l-atturi pubbliċi u privati.

2.8

It-tranżizzjoni għal ekonomija sostenibbli ser tkun akkumpanjata mit-tekonoloġiji u l-innovazzjoni diġitali u għandha tipproteġi u tippromovi l-valuri globali (12), kif jistqarr is-Segretarju Ġenrali tan-NU. Ir-riskji legali u operazzjonali ta’ “blockchain”, il-muniti kriptografiċi u l-kuntratti intelliġenti qed jiżdiedu minħabba n-nuqqas ta’ regolamentazzjoni u opaċità. Sabiex jiġu protetti aħjar il-konsumaturi u l-investituri, sabiex tiġi mħarsa l-integrità tas-swieq u tiġi evitata prattika dannuża (l-evażjoni tat-taxxa, il-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu), jeħtieġ li jiġu inċentivati s-sigurtà u t-trasparenza tan-netwerks ta’ innovazzjoni finanzjarja (13).

2.9

Il-proġetti relatati mal-għanijiet tal-COP21 (14) jeħtieġu kapital suffiċjenti, stabbli u impenjat, kemm finanzjarju kif ukoll intanġibbli (uman, teknoloġiku u forom oħra ta’ kapital relazzjonali, inkluż il-kapital istituzzjonali).

2.10

Huwa kruċjali li jiġu adatti l-politiki pubbliċi, jitħeġġu l-atturi privati u jissaħħu r-riżorsi baġitarji tal-UE u li l-ekonomija tiġi allokata bi trasparenza u perspettiva fit-tul.

2.11

Viżjoni sostenibbli teżiġi konnessjoni aktar mill-qrib, aktar komprensiva u olistika b’politiki speċifiċi bħall-Unjoni tal-Enerġija, l-Aġenda Diġitali u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali sabiex jiġi stimolat l-investiment soċjali u ekoloġiku, kemm pubbliku kif ukoll privat.

2.12

Dan il-ħsieb jinsab ukoll fil-qalba tal-proġett tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU) tal-UE, u l-KESE huwa tal-fehma li l-kapital privat, il-finanzjament tal-FEIS (Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi) u fondi oħra tal-UE għandhom jiġu kkombinati b’mod effiċjenti sabiex l-investimenti jiġu trażmessi lejn il-kumpaniji li jippreżentaw esternalitajiet soċjali u ambjentali pożittivi.

2.13

Issa huwa l-waqt li naġixxu. L-Ewropa ilha għal dawn l-aħħar tmienja u għoxrin sena fuq quddiem nett f’dak li għandu x’jaqsam mas-sostenibbiltà, madankollu mhijiex waħedha.

3.   Finanzjament għal dinja aktar sostenibbli

3.1

Kull ma jmur qed niffaċċjaw il-konsegwenzi katastrofiċi u imprevidibbli tat-tibdil fil-klima u tat-tnaqqis fir-riżorsi. Dawn l-avvenimenti spiss jaggravaw l-esklużjoni soċjali jew l-inugwaljanza.

3.2

L-Artikolu 3 tat-Trattat UE jiddikjara li l-UE għandha tippromovi tkabbir sostenibbli li jirrispetta l-ambjent. L-urġenza klimatika issa saret prijorità assoluta, inkluż għall-KESE, u tikkostitwixi qafas globali ta’ azzjoni mhux biss għall-awtoritajiet pubbliċi, iżda wkoll għall-atturi ekonomiċi, għall-ħaddiema u għaċ-ċittadini. Għaldaqstant, għandha tiġi organizzata tranżizzjoni ekonomika, soċjali u ambjentali wiesgħa u, fuq kollox, iffinanzjata.

3.3

Dawn l-isfidi għandhom jiġu indirizzati b’mod armonjuż, permezz ta’ sforz konġunt minn kulħadd. Is-settur finanzjarju irid ikollu rwol importanti biex iwassal il-fondi, it-tfaddil u l-investimenti taċ-ċittadini, ta’ dawk li jfaddlu u tal-investituri fl-ekonomija. Fl-aħħarnett hija fl-ekonomija fejn isseħħ it-transizzjoni prorpja u, għalhekk, ir-rwol tal-kumpaniji huwa essenzjali u indispensabbli. L-awtoritajiet se jkollhom jindirizzaw ir-responsabbiltajiet tagħhom f’dan ir-rigward.

3.4

L-Ewropa se tkunu tista’ tadotta pożizzjoni b’saħħitha biss jekk ikun hemm kunsens massimu dwar il-pjan. L-Istati Membri għandhom jaħdmu flimkien u jlaqqgħu l-isforzi tagħhom. L-approċċi individwali u l-interess personali għandhom jitwarrbu favur proġett konġunt għall-futur, li fl-istess ħin għandu jissalvagwardja l-futur tal-ġenerazzjonijiet li jmiss. Tabilħaqq, ir-rispons Ewropew għall-Aġenda 2030 jirrikjedi viżjoni fit-tul għas-sostenibbiltà u għanijet ċari, fejn it-tkabbir ekonomiku, il-koeżjoni soċjali u l-protezzjoni ambjentali jimxu id f’id u jappoġġjaw lil xulxin.

3.5

Approċċ għall-perjodu ta’ żmien twil għal tkabbir sostenibbli jeħtieġ jimxi id f’id ma’ politiki pubbliċi li jivvalutaw b’mod adatt l-esternalitajiet negattivi u l-alternattivi ta’ investiment sostenibbli u mhux sostenibbli. Dan għandu jkun akkumpanjat ukoll mill-prevedibbiltà tajba li toffri politika industrijali integrata aħjar fi ħdan il-ktajjen tal-valur globali, madwar l-Istati Membri kollha. Dan għandu jsir permezz ta’ analiżi dettaljata segwita minn proċess politiku adatt li jeħtieġ ikun appoġġjat mill-Kummissjoni u l-Istati Membri.

3.6

Il-KESE jenfasizza li t-tkabbirsostenibbli għandu jirreferi għal dimensjonijiet ambjentali, ekonomiċi, soċjali u ta’ governanza f’approċċ ibbilanċjat, globali u komprensiv allinjat mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli kollha u mal-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima, li jistabbilixxi kundizzjonijiet trasversali minimi li ma jistgħux jiġu ssostitwiti. Dan il-livell limitu invjolabbli minimu huwa inkorporat fil-konvenzjonijiet internazzjonali dwar id-drittijiet ta’ persuni vulnerabbli (bħan-nisa u t-tfajliet; it-tfal; ir-refuġjati u l-ħaddiema migranti; il-persuni b’diżabbiltà, eċċ.) (15) u huwa msaħħaħ permezz ta’ konformità ma’ governanza fiskali tajba.

3.7

Fid-dawl tal-evidenza vasta li ċ-ċittadini Ewropej jixtiequ li t-tfaddil u l-investimenti tagħhom ikunu relatati ma’ għanijiet soċjali u ambjentali, huma għandhom ikunu awtonomizzati u jkunu konnessi mal-kwistjonijiet marbutin mal-finanzi sostenibbli.

3.8

Għal dan il-għan, is-sistema finanzjarja għandha fl-aħħar mill-aħħar għandha tfittex li tkun trasparenti, fattwali u komprensibbli għaċ-ċittadini tal-UE. It-titjib fl-aċċess għall-informazzjoni dwar il-prestazzjoni tas-sostenibbiltà u l-promozzjoni tal-litteriżmu finanzjarju (fehim aħjar ta’ kif jaħdem il-finanzjament) huma elementi essenzjali f’dan ir-rigward.

4.   Riorjentazzjoni tal-flussi kapitali lejn ekonomija sostenibbli

4.1

Sa mill-ħolqien tiegħu, il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) immobilizza investiment pubbliku u privat fi proġetti tal-UE strateġikament importanti u ġie ġestit f’konformità mal-lista ta’ proġetti tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI): investimenti f’enerġija ambjentali u effiċjenza fir-riżorsi, ilma, setturi diġitali, trasport, eċċ.

4.2

Madankollu, lil hinn mill-FEIS, tinħtieġ kopertura akbar f’setturi oħra, speċjalment dawk iffukati fuq l-infrastruttura soċjali u l-istituzzjonijiet li jsaħħu l-pożizzjoni tal-kapital intanġibbli taż-żgħażagħ, tan-nisa u ta’ setturi soċjali esklużi jew vulnerabbli oħra.

4.3

L-għoti ta’ self li jirriżulta mit-tfaddil lokali jidher li huwa kritiku biex jippermetti tkabbir ekonomiku sostenibbli, u dan ifisser l-iffinanzjar ta’ proġetti sostenibbli tal-SMEs permezz ta’ banek lokali.

4.4

Fil-fehma tal-KESE, il-finanzjament tal-FEIS għandu jiżdied billi jinkorpora kapital mill-aġenziji finanzjarji u l-banek pubbliċi tal-Istati Membri tal-UE, li għandhom jaġixxu bħala netwerk sabiex flimkien ifasslu perspettiva fit-tul aktar strateġika u inklużiva, li ssegwi definizzjoni komuni ta’ dak li “sostenibbli” tfisser fil-verità, kif ukoll jiddeskrivu pjan direzzjonali tranżizzjonali biex il-kumpaniji jiġu dekarbonizzati.

4.5

Fl-istess ħin, il-KESE jitlob lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jeżamina l-fattibbiltà ta’ rata ta’ interess ekoloġika u soċjali sabiex jitħeġġeġ l-investiment u s-self sostenibbli, u jaqbel mal-Parlament Ewropew sabiex jitqiesu b’mod espliċitu l-Ftehim ta’ Pariġi u l-għanijiet ambjentali, soċjali u ta’ governanza fil-linji gwida tiegħu dwar il-programmi ta’ xiri.

4.6   Sistema ta’ klassifikazzjoni unifikata għal attivitajiet sostenibbli

4.6.1

Il-metodi tradizzjonali għall-kalkoli u t-twettiq tal-valutazzjoni tal-impatt għandhom jiġu eżaminati mill-ġdid. Definizzjonijiet mill-ġdid aktar affidabbli tal-indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi għandhom jiġu stabbiliti, filwaqt li jiġu rrikonċiljati l-valuri ekonomiċi u ambjentali ta’ prijorità ma’ dawk tas-soċjetà u s-sopravivenza tar-razza umana.

4.6.2

Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni Ewropea dwar il-ħtieġa urġenti li jiġi attivat l-ewwel stadju tal-bini ta’ “Tassonomija tas-Sostenibbiltà” robusta iżda dinamika, li tiżgura konsistenza tas-suq u gwida ċara dwar dak li huwa ekoloġiku, soċjali u relatat ma’ governanza tajba, abbażi ta’ approċċ olistiku.

4.6.3

Is-sinsla ta’ dan il-proċess huwa Grupp Espert tekniku dwar il-finanzi sostenibbli li għandu f’kull ħin ikun jista’ jipprovdi għarfien espert bi kwalifiki għoljin dwar is-setturi industrijali strateġiċi sabiex tinbena tassonomija ekoloġika u soċjali soda u affidabbli.

4.6.4

Il-mandat tal-grupp għandu jibda b’għanijiet ċari mil-lat tal-kontenut u taż-żmien, u l-ewwel pass għandu jkun ir-riunifikazzjoni tat-tassonomija l-ġdida ma’ klassifikazzjonijiet internazzjonali eżistenti oħra (attivitajiet ekonomiċi, okkupazzjonijiet, studji, eċċ.), sabiex dawn jikkonformaw aktar mill-qrib mal-kriterji u r-referenzi tan-NU.

4.6.5

It-tassonomija Ewropea għandha tinkludi tliet livelli:

standard minimu allinjat mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) 2030, mal-Ftehim ta’ Pariġi u mal-prinċipju “tagħmilx ħsara” b’konformità mal-analiżi tar-riskju ESG;

livell intermedju li jiddetermina l-attivitajiet li qed jiksbu “impatt pożittiv” verifikabbli kif iddefinit mill-Inizjattiva Finanzjarja tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP FI), u

livell li jinkludi attivitajiet li jistgħu jaċċelleraw trasformazzjoni u appoġġ pożittivi għal sfidi ta’ natura ekoloġika, ekonomika u soċjali, b’konformità mal-ħtiġijiet ta’ partijiet interessati differenti li ser jikkunsidraw it-tassonomija bħala referenza.

4.6.6

Hemm bżonn urġenti li jiġu kklassifikati t-tipi differenti ta’ benefiċċji ta’ investimenti li jistgħu jiġu attribwiti għall-introduzzjoni tal-fattur ta’ sostenibbiltà (tassonomija). Barra minn hekk, il-kriterji pożittivi għandhom jiġu kkomplementati minn impatti negattivi għall-ambjent (16), sabiex ikunu jistgħu jiġu ddeterminati l-assi mhux sostenibbli.

4.6.7

It-tassonomija l-ġdida għandha tkun marbuta mal-istrateġija u l-pjan ta’ investiment tal-UE għal tranżizzjoni għal ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Jeħtieġ li tinkludi l-attivitajiet finanzjarji favur it-tnaqqis tal-emissjonijiet fis-setturi tal-iskema tal-UE għan-negozjar ta’ emissjonijiet (ETS) (17) u fis-setturi tar-Regolament dwar il-Qsim tal-Isforz (18).

4.7   Standards u tikketti għal prodotti finanzjarji sostenibbli

4.7.1

L-iffaċilitar ta’ aċċess aktar faċli u sikur għall-investituri huwa essenzjali biex jitwessgħu s-swieq finanzjarji sostenibbli. L-istandards Ewropej dwar il-finanzi sostenibbli għandhom jitfasslu bir-reqqa, filwaqt li jiġi esplorat l-istandard minimu ta’ Investiment Soċjalment Responsabbli (SRI).

4.7.2

Għal dan il-għan, l-ewel pass għandu jkun l-introduzzjoni ta’ Standard tal-UE tal-Bonds Ekoloġiċi (EU GBS) uffiċjali u li tiġi kkunsidrata tikketta jew ċertifikat tal-Bonds Ekoloġiċi tal-UE, soġġett għal reviżjoni esterna obbligatorja, sabiex jiġu ggarantiti investimenti b’impatt pożittiv. Fil-kuntest tal-“Pjan ta’ Azzjoni għas-Servizzi Finanzjarji għall-Konsumatur: Prodotti Aħjar, Aktar Għażla”, il-KESE jirrakkomanda (19) li l-Kummissjoni tiddefinixxi prodotti li jistgħu jitqabblu faċilment u li jkunu kompletament trasparenti, sempliċi u li għandhom l-istess karatteristiċi.

4.7.3

Dan jiftaħ il-possibbiltà li jiġu offruti “prodotti sostenibbli prinċipali pan-Ewropej” u li jiġu pprovduti għodod ta’ tqabbil (20) adatti, indipendenti, u ċċertifikati b’mod obbligatorju għal prodotti finanzjarji sostenibbli differenti fid-diversi ġurisdizzjonijiet legali tal-UE.

4.7.4

Il-konfigurazzjoni ta’ “Prodotti tal-Pensjoni Personali pan-Ewropej”(PEPP) (21), kif prevista fil-proposta leġislattiva adottata mill-Kummissjoni fid-29 ta’ Ġunju 2017, se teżiġi li l-fornituri tal-pensjoni jiżvelaw pubblikament jekk u kif dawn jinkludu fatturi ESG fis-sistemi tal-immaniġġjar tar-riskju tagħhom, iżda dawn id-dispożizzjonijiet ma jobbligawhomx iqisu l-fatturi ESG fil-politiki ta’ investiment tagħhom. L-inklużjoni ta’ dan l-obbligu jgħin biex jiġi estiż l-użu tagħha bħala waħda mis-soluzzjonijiet ta’ sostenibbiltà.

4.7.5

Il-KESE jitlob lill-Istati Membri biex jestendu f’mument f’waqtu dan l-obbligu fil-prodotti kollha marbuta mal-pensjonijiet. Dan jgħin biex jiġi estiż l-użu tiegħu bħala wieħed mis-soluzzjonijiet ta’ sostenibbiltà għall-problemi bl-iskema attwali tad-distribuzzjoni.

4.8   It-trawwim tal-investiment fi proġetti sostenibbli

4.8.1

Skont l-għanijiet strateġiċi mġedda tal-politika industrijali tal-UE, ir-riorjentazzjoni tal-allokazzjoni tal-kapital lejn investimenti fit-tul għandha tiġi allinjata mal-ħidma li ġejja: għajnuna għat-tkabbir tal-SMEs, appoġġ lir-reġjuni inqas żviluppati, l-immodernizzar tal-infrastruttura u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-persuni permezz tal-edukazzjoni u tat-taħriġ.

4.8.2

Fir-rigward tal-isfida li jiġi kkompletat l-investiment ta’ infrastruttura sostenibbli, hija meħtieġa politika makroprudenzjali usa’ li tqis l-impatti fiżiċi (żieda fl-esponiment għar-riskji tat-tibdil fil-klima), b’konformità ma’ Solvibbiltà II. Pereżempju, kodiċijiet tal-bini li jnaqqsu l-impatt ta’ katastrofi naturali jeżiġi li l-kumpaniji tal-assigurazzjoni jikkalibraw mill-ġdid l-immaniġġjar tar-riskju f’konformità mal-prinċipji l-ġodda ta’ assigurazzjoni sostenibbli.

4.8.3

Il-KESE jappoġġja t-tisħiħ tal-FEIS 2.0 u l-EFSD. Fir-rigward tal-QFP 2021-2027, jilqa’ b’sodisfazzjon il-ħolqien ta’ InvestEU, li għandha tinvolvi aktar kapital privat u għandha tkun tista’ tilħaq is-suq tal-bonds, assigurazzjoni u pjani tal-pensjoni.

4.8.4

Jeħtieġ jiġi identifikat aktar kapital privat biex l-intrapriżi, b’mod partikolari l-SMEs, jiġu mħeġġin u appoġġjati fl-investimenti tagħhom fl-innovazzjoni u fir-riċerka u l-iżvilupp.

4.8.5

Finalment, il-KESE jirrakkomanda identifikazzjoni aħjar ta’ fejn inizjattivi pubbliċi u privati eżistenti jiksbu infrastruttura sostenibbli u reżiljenti massima sabiex jiġu rreplikati fl-UE kif ukoll f’pajjiżi msieħba, bl-użu ta’ soluzzjonijiet skont l-iskala.

4.9   Konsiderazzjonijiet ta’ sostenibbiltà f’pariri finanzjarji

4.9.1

Kif ġie ddikjarat fl-Opinjoni tiegħu dwar “L-obbligi ta’ investituri istituzzjonali u ta’ maniġers tal-assi rigward is-sostenibbiltà” (22), il-KESE huwa favur l-emendar tad-Direttiva MiFID II u tad-Direttiva dwar id-Distribuzzjoni tal-Assigurazzjoni (IDD), sabiex jiġi żgurat li jsir neċessarju li jiġi eżaminat kif jistgħu jiġu inklużi l-preferenzi ta’ sostenibbiltà tal-investuri. Għaldaqstant il-konsulenti jkunu jistgħu joħorġu rakkomandazzjonijiet adatti dwar prodotti finanzjarji, jipprovdu informazzjoni ċara dwar ir-riskji u l-benefiċċji potenzjali assoċjati mad-diversi fatturi ta’ sostenibbiltà.

4.9.2

Il-KESE jappoġġja l-idea li l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) tinkludi preferenzi tad-dispożizzjoni dwar is-sostenibbiltà fil-linji gwida tal-valutazzjoni tal-adegwatezza.

4.10   Punti ta’ riferiment tas-sostenibbiltà

4.10.1

Metodoloġija komuni li tkejjel il-prestazzjoni mhux finanzjarja ta’ investiment sostenibbli hija l-aħjar għan. Għalhekk, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon ir-regolament favur l-armonizzazzjoni tal-punti ta’ riferiment li jinkludu l-emittenti b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, u jqisha bħala l-ewwel pass li għandu jiġi estiż għal punti oħra ta’ riferiment tas-sostenibbiltà.

4.10.2

Għalhekk il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex testendi l-fokus tagħha għall-qasam soċjali permezz tal-Grupp Espert tekniku, li għandu jkun responsabbli biex jikkonsulta lill-partijiet interessati kollha u jippubblika rapport dwar it-tfassil u l-metodoloġija tal-indiċi tal-punt ta’ riferiment dwar il-karbonju.

5.   L-integrazzjoni tas-sostenibbiltà fl-immaniġġjar tar-riskji

Is-sostenibbiltà tindirizza s-sett ta’ riskji assoċjati mal-ġenerazzjoni tal-ġid u ma tistax tevita l-impatt tal-estrazzjoni, tal-ksib u tad-deterjorament tar-riżorsi.

5.1   Sostenibbiltà fir-riċerka tas-suq u fil-klassifikazzjonijiet tal-kreditu

5.1.1

Il-KESE insista li l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni għandhom ikunu ħielsa mill-kunflitti ta’ interess kollha sabiex jiggarantixxu l-indipendenza tal-fornituri tar-riċerka/tal-għoti ta’ punteġġ. Barra minn hekk, hija meħtieġa ġustifikazzjoni trasparenti u f’waqtha tal-metodoloġija li jużaw, każ b’każ.

5.1.2

L-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu eżistenti ma jqisux biżżejjed l-influwenza tat-tendenzi ESG ta’ tfixkil fuq l-affidabbiltà tal-kreditu futura tal-emittenti. Il-KESE jitlob li jkun hemm standards u superviżjoni tal-UE ċari dwar l-inklużjoni tal-fatturi ESG fil-klassifikazzjonijiet għall-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu kollha li joperaw fl-UE. Huwa jitlob ukoll li jiġi stabbilit proċess ta’ akkreditament għal “Ditta ta’ Finanzjament Ekoloġiku” (Green Finance Brand) mill-aġenti ċċertifikati tal-ESMA.

5.1.3

Għandha tiġi kkunsidrata wkoll l-akkreditazzjoni tal-atturi: banek, maniġers tal-fondi, eċċ. Dan jimponi iżjed obbligi fuq l-atturi finanzjarji differenti u jevita ċerti tendenzi li jiġi inkluż pjan ta’ prodotti sostenibbli bħala elemnt ta’ greenwashing.

5.1.4

Fl-aħħar nett, il-KESE jissuġġerixxi li jiġi eżaminat il-ħolqien ta’ klassifikazzjoni sovrana tal-kreditu ekoloġiku. L-għoti ta’ klassifikazzjoni “ekoloġika” ċara flimkien ma’ klassifikazzjoni għall-oajjiż tinkoraġġixxi wkoll lill-pajjiżi jkomplu jtejbu l-prestazzjoni tagħhom. Fl-istess ħin, tista’ tkun ta’ stimolu biex jiġi attirat l-investiment barrani.

5.2   L-obbligi ta’ sostenibbiltà tal-investituri istituzzjonali u tal-maniġers tal-assi: dmir fiduċjarju

5.2.1

L-awtoritajiet superviżorji Ewropej (ASEs) għandhom jiggarantixxu konformità stretta mal-funzjonijiet tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni finanzjarja.

5.2.2

Dan jirrikjedi approċċ aktar olistiku minn dak previst fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni, li jipprijoritizza r-relazzjonijiet fil-qasam edukattiv, fattorjali, tal-ġeneru, ġeografiku, razzjali jew etniku, reliġjuż, kulturali jew oqsma oħra ta’ diversità.

5.2.3

Bħala parti fundamentali mill-obbligi legali tagħhom, l-investituri għandhom jinteraġixxu mal-klijenti b’mod proattiv biex jiksbu fehim tal-interessi mhux finanzjarji tagħhom, filwaqt li jipprovdu wkoll informazzjoni ċara dwar ir-riskji u l-benefiċċji finanzjarji potenzjali assoċjati mal-fatturi ESG.

5.2.4

Ir-regolaturi, l-investituri, il-maniġers tal-assi, l-impjegati fl-industrija tal-finanzi u l-konsulenti għandhom jaġixxu fl-aħjar interessi tal-benefiċjarju (pereżempju pensjonanti futuri) jew tal-klijent (investituri fil-livell tal-konsumatur jew istituzzjonali). L-attivitajiet kollha fil-korpi ta’ governanza u tal-votazzjoni għandhom ikunu mmirati lejn il-protezzjoni tal-valur sostenibbli tal-assi ta’ investiment, f’konformità mad-dmirijiet fiduċjarji. Dawn għandhom jirrapportaw dwar kif jużaw id-drittijiet tal-vot tagħhom bħala detenturi tal-assi tal-fondi.

5.2.5

Billi tiċċara l-obbligi tal-investituri b’rabta mal-fatturi tas-sostenibbiltà, l-UE ssaħħaħ l-investiment fit-tul (il-finanzi sostenibbli huma marbuta b’mod assjomatiku ma’ perspettiva fit-tul).

5.3   Rekwiżiti prudenzjali għall-banek u l-kumpaniji tal-assigurazzjoni

5.3.1

Dan l-aħħar, il-KESE enfasizza r-rwol li jistgħu jaqdu l-banek permezz tal-funzjonijiet tagħhom ta’ intermedjazzjoni bejn it-tfaddil responsabbli u l-investiment soċjalment responsabbli. Il-Kumitat jirrakkomanda li r-rekwiżiti kapitali għall-banek jiksbu trattament aktar favorevoli meta jinvestu fl-ekonomija ekoloġika u fid-diversi operazzjonijiet ta’ “self inklużiv” mhux kumplessi u fit-tul, bħall-ipoteki, partikolarment dawk marbuta mal-effiċjenza enerġetika, l-installazzjoni tal-pannelli solari, eċċ. Barra minn hekk, għandhom jitqiesu ħlasijiet addizzjonali ta’ kapital għall-investimenti f’assi b’impatti negattivi għall-ambjent sabiex jingħata inċentiv għal tranżizzjoni pożittiva għal attivitajiet sostenibbli. Konsiderazzjoni għandha possibbilment tingħata lil alternattivi li minnhom jibbenefikaw direttament dawk li jissellfu u l-investituri finali eż. inċentivi fiskali. Il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) għandu jeżerċita superviżjoni speċifika f’dan ir-rigward (23).

5.3.2

Madankollu, fil-kalkolu tal-Assi Mwieżna għar-Riskju (RWAs), mudelli ta’ klassifikazzjoni tal-banek aġġornati għandhom dejjem jirriflettu l-aktar livell ta’ riskju attwali assoċjat ma’ dawk l-assi sostenibbli, li jippreservaw livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur.

5.3.3

Fid-dawl ta’ dan, jeħtieġ li jiġu ddefiniti aħjar il-perimetri tal-hekk imsejjaħ “fattur ta’ sostenn ekoloġiku”, biex b’hekk jiġi żgurat li hemm evidenza empirika kompleta u rigoruża abbażi ta’ definizzjoni ċara u preċiża ta’ x’nifhmu b’investiment ekoloġiku. Ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Responsabbli (RRI), fil-qafas tal-Orizzont 2020 u tal-Orizzont Ewropa takl-ġejjieni, jistgħu jkunu mezz eċċellenti biex jinkisbu riżultati xjentifiċi.

5.3.4

Fil-qosor, sabiex tinżamm ir-reżiljenza u l-istabbiltà finanzjarja, dan ix-xenarju l-ġdid jirrikjedi taħlita soda tal-immaniġġjar tar-riskji finanzjarji mar-riskji mhux finanzjarji, filwaqt li jitqies l-impatt tal-ESG fuq ir-redditu finanzjarju, u jiġu adatti r-regoli kif imiss, fi proċess dinamiku. Kif iddikjarat fir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar Finanzi Sostenibbli (24), il-Kummissjoni għandha tippromovi l-inklużjoni ta’ riskji ta’ sostenibbiltà fil-qafas ta’ Basel IV.

6.   It-trawwim tat-trasparenza u ta’ perspettiva fit-tul

6.1.1

Il-finanzi sostenibbli jitolbu qafas ta’ inċentivi li jidderieġi mill-ġdid il-flussi kapitali lejn l-investimenti meħtieġa, li jiżgura tranżizzjoni ekoloġika u soċjali ġusta għall-Ewropa, fejn it-tmexxija tiegħu fil-valuri tagħti lin-negozji Ewropej vantaġġ kompetittiv.

6.2   Divulgazzjoni u kontabilità

6.2.1

Il-KESE jinnota li d-Direttiva tal-UE dwar id-divulgazzjoni ta’ Informazzjoni Mhux Finanzjarja ġiet trasposta bi ftit ambizzjoni u b’metodoloġija li ma kinitx armonizzata, li taffettwa biss korporazzjonijiet kbar u li b’hekk ikkontribwixxiet ftit li xejn għal investiment sostenibbli ġust u komprensiv fl-Ewropa.

6.2.2

Is-sostenibilità toħloq għadda ta’ tħassib u sfidi ġodda fejn jirrigwarda l-iżvelar ta’ informazzjoni mhux finanzjarja bħat-trasformazzjoni diġitali, kriterji ġodda ta’ kejl, standardizzazzjoni, dmirijiet obbligatorji, mudelli ekonomiċi sostenibbli ġodda, eċċ.. Fil-fatt, it-tassonomiji u l-metodoloġiji għar-rappurtar għandhom ikunu standardizzati kemm jista’ jkun possibbli u regoli għandhom jiġu adattati sabiex jilħqu aktar NFI u NFI aktar disponibbli. Dan jagħti lir-regolaturi u lis-superviżuri tas-suq perspettiva aħjar tat-tendenzi globali u, għalhekk, kapaċità aħjar biex jaġixxu f’dan ir-rigward. Dan l-istadju attwali nirreferu għalih bħala “kontroll tal-idoneità” u se jqis konsiderazzjonijiet b’konformità mat-Task Force tal-Bord għall-Istabilità Finanzjarja dwar Divulgazzjoni Finanzjarja relatata mal-Klima, wara l-konsultazzjoni pubblika li nediet il-Kummissjoni.

6.2.3

Fir-rigward tal-pjattaformi ta’ finanzjament kollettiv, l-“Iskeda bl-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment” għandha tinkorpora wkoll ir-riskji u l-benefiċċji intanġibbli iżda finanzjarjament materjali, mill-perspettiva tal-kontabilità (25), assoċjati mal-finanzjament ta’ proġett ta’ finanzjament kollettiv.

6.2.4

Il-KESE jappoġġja wkoll ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS 9) (26) u jitlob b’mod urġenti li ssir valutazzjoni tal-impatt tal-IFRSs fuq l-investimenti sostenibbli.

6.2.5

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-obbligu tal-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtar Finanzjarju (EFRAG) li jivvaluta l-impatt tal-IFRSs ġodda jew riveduti fuq l-investimenti sostenibbli u li jeżamina t-trattamenti ta’ kontabilità alternattivi potenzjali.

6.2.6

Il-KESE jissuġġerixxi wkoll li l-Kummissjoni tistieden lill-ESMA:

tivvaluta l-prattiki attwali fis-suq tal-klassifikazzjoni tal-kreditu, filwaqt li tanalizza l-punt sa fejn jitqiesu l-konsiderazzjonijiet ESG, u

tinkludi informazzjoni dwar is-sostenibbiltà ambjentali u soċjali fil-linji gwida tagħha dwar l-informazzjoni li għandha tiġi divulgata mill-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu, u tqis miżuri addizzjonali, fejn ikun meħtieġ.

6.3   Governanza korporattiva u perspettiva fuq perjodu qasir wisq ta’ żmien tas-suq kapitali

6.3.1

Bosta investituri jixtiequ jkunu jafu jekk kumpanija tużax metodi ta’ kontabbiltà preċiżi u trasparenti, u jekk l-azzjonisti komuni jistgħux jivvutaw fuq kwistjonijiet importanti. Huma jridu wkoll li l-kumpaniji jevitaw kunflitti ta’ interess fl-għażla tagħhom tal-membri tal-bord, tal-aġenziji tal-klassifikazzjoni u tal-awdituri.

6.3.2

Wasal iż-żmien li nqisu serjament mhux biss il-fattur E (ambjentali) u l-fattur S (soċjali) (standards, tikketti, fattur ta’ sostenn ekoloġiku u soċjali għal rekwiżiti prudenzjali, punti ta’ riferiment ta’ sostenibbiltà), iżda wkoll il-fattur G (ta’ governanza korporattiva), filwaqt li neskludu l-benefiċċji kollha u nneħħu l-klassifikazzjonijiet ta’ sostenibbiltà għal dawk il-kumpaniji li jevitaw id-divulgazzjoni trasparenti ta’ aspetti ewlenin, bħal governanza fiskali, drittijiet tal-bniedem, korruzzjoni, ħasil tal-flus u attivitajiet illeċiti oħra.

7.   L-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni

7.1

Il-KESE jitlob li jiġu allinjati l-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-mekkaniżmi Ewropej kollha involuti, billi jinbidlu l-mandati tagħhom jekk ikun meħtieġ, sabiex dawn jinġiebu konformi mal-implimentazzjoni tal-perjodu ta’ żmien tal-Pjan ta’ Azzjoni.

7.2

L-inċertezza dwar ir-riskji futuri u n-nuqqas ta’ divulgazzjoni tar-riskju fit-tul huma r-restrizzjonijiet ewlenin għal analiżi tal-medda ta’ żmien (tabilħaqq, għadd żgħira ta’ stimi tal-analiżi ikopru aktar minn 5 snin).

7.3

L-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej għandhom jaqdu rwol ewlieni fil-monitoraġġ tas-sostenibbiltà. Għandha tiġii eżaminata l-possibbiltà li tinkiseb metodoloġija komuni tal-UE għall-analiżi tax-xenarji rilevanti, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-fatturi tar-riskji ESG minn perspettiva fit-tul, u l-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) jista’ jinkorporahom gradwalment fl-ittestjar tal-istress tagħhom.

7.4

Fl-aħħar nett, l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli (IOSCO) għandha tħejji u tippromovi l-konformità mal-istandards internazzjonali ta’ regolazzjoni u superviżjoni (27) fl-ambitu tal-finanzi sostenibbli, sabiex b’hekk jiġi żgurat li l-arkitettura l-ġdida tas-sostenibbiltà tkun konsistenti fid-dinja kollha.

Brussell, is-17 ta’ Ottubru 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  Pjan ta' Azzjoni: Il-Finanzjament tat-Tkabbir Sostenibbli (COM(2018)97 final), kapitolu 6 — It-triq 'il quddiem.

(2)  Ara l-abbozz ta’ tassonomija tal-BEI: https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/180131-sustainable-finance-final-report-annex-3_en.pdf

(3)  Qafas ta’ materjalità tanalizza dawk il-fatturi li huma l-aktar rilevanti għall-prestazzjoni finanzjarja tal-kumpaniji, li jinkludi fatturi ta’ sostenibbiltà finanzjarjament materjali.

(4)  Il-bonds koperti huma obbligi ta’ dejn maħruġin minn istituzzjonijiet ta’ kreditu u garantiti minn pool ta’ assi delimitat li d-detenturi tal-bonds għandhom rikors dirett għalih bħala kredituri preferuti. Ara l-Proposti l-ġodda għal Regolament li ġejjin: COM(2018) 93 final – 2018/0042 (COD) u COM(2018) 94 final – 2018/043 (COD)

(5)  Il-qafas ta’ Basel huwa ftehim regolatorju internazzjonali li introduċa sensiela ta’ riformi għat-titjib tar-regolamentazzjoni, is-superviżjoni u l-ġestjoni tar-riskji fis-settur bankarju. L-istandards kollha tal-Kumitat ta’ Basel huma rekwiżiti minimi li japplikaw għall-banek attivi internazzjonalment u, għalhekk, inklużi fid-dispożizzjonijiet f’dan il-qafas dwar is-sostenibbiltà ser jgħinu sabiex id-dinja kollha timxi fl-istess direzzjoni. https://www.bis.org/bcbs/basel3.html

(6)  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=uriserv%3AOJ.L_.2016.078.01.0011.01.ENG

(7)  Għall-pożizzjoni komprensiva tal-KESE, ara l-Opinjoni ECO/460 dwar Qafas Finanzjarju Pluriennali għal wara l-2020 (ĠU C 440, 6.12.2018, p. 106).

(8)  Il-Kummissjoni Ewropea pproponiet li tal-inqas 25 % tal-infiq tal-UE għandhom jikkontribwixxu għall-għanijiet klimatiċi għall-perjodu 2021-2027 (fil-perjodu 2014-2020, il-persentaġġ kien stabbilit għal 20 %).

(9)  https://www.morganstanley.com/pub/content/dam/msdotcom/ideas/sustainable-signals/pdf/Sustainable_Signals_Whitepaper.pdf

(10)  Ara r-rapport tal-OECD/IOSCOThe Application of Behavioural Insights to Financial Literacy and Investor Education Programmes and Initiatives

(11)  Supra, il-Pjan ta’ Azzjoni, Introduzzjoni Ġenerali, punt 1.1.

(12)  L-għan huwa li jiġi definit kif is-sistema tan-nazzjonijiet Uniti ser tappoġġja l-użu ta’ dawn it-teknoloġiji biex jitħaffef il-pass tat-tilħiq tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u li jiġi ffaċilitat l-allinjament tagħhom għall-valuri minquxa fil-Karta tan-NU, id-Dikjarazjoni Universali tad-0Drittijiet tal-Bniedem u r-regoli u l-istandards tal-Liġijiet Internazzjonali. http://www.un.org/en/newtechnologies/images/pdf/SGs-Strategy-on-New-Technologies.pdf

(13)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni tal-FinTech (ĠU C 367, 10.10.2018, p. 61).

(14)  COP21: Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima 2015.

(15)  Ara b’mod partikolari, il-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u l-istandards tax-xogħol tal-ILO.

(16)  Ara “Recommendation of the Council on Common Approaches for Officially Supported Export Credits and Environmental and Social Due Diligence” tal-OECD [Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-OECD dwar Approċċi Komuni għal Krediti ta’ Esportazzjoni Appoġġati Uffiċjalment u Diliġenza Dovuta Ambjentali u Soċjali].

(17)  Kif elenkati fid-Direttiva 2008/87/KE, Anness I – emendata bid-Direttiva 2009/29.

(18)  Regolament dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxu għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta’ Pariġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013.

(19)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar is-servizzi finanzjarji għall-konsumaturi (ĠU C 434, 15.12.2017, p. 51).

(20)  Abbażi tal-prinċipji ewlenin tal-għodod ta’ tqabbil (Key principles for comparison tools).

(21)  Fi tmiem l-2016, l-assi f’arranġamenti dwar pensjonijiet iffinanzjati u privati qabżu l-USD 38 triljun fiż-żona tal-OECD.

(22)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar “L-obbligi ta’investituri istituzzjonali u ta’ maniġers tal-assi igward is-sostenibbiltà”, punt 3.8 (Ara p. 97 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(23)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar It-tlestija tal-Unjoni Bankarja (ĠU C 237, 6.7.2018, p. 46).

(24)  http://www.europarl.europa.eu/news/mt/press-room/20180529IPR04517/meps-back-resolution-on-sustainable-finance

(25)  L-entrati ta’ dikjarazzjoni finanzjarja huma materjali jekk dawn jistgħu jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet ekonomiċi tal-utenti. Il-kunċett tal-materjalità huwa l-prinċipju tal-kontabilità aċċettat universalment li jgħid li d-ditti tar-rappurtar għandhom jiżvelaw kwalunkwe kwistjoni bħal din. https://www.business-case-analysis.com/materiality-concept.html

(26)  http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//TEXT+TA+P8-TA-2016-0381+0+DOC+XML+V0//MT

(27)  Ara “Methodology for Assessing Implementation of the IOSCO Objectives and Principles of Securities Regulation”


Top