EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018AE3992

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar a) Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 tat-28 ta’ Mejju 2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta’ xhieda f’materji ċivili jew kummerċjali (COM(2018) 378 final — 2018/203 (COD)) u dwar (b) Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar in-notifika fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (notifika ta’ dokumenti) (COM(2018) 379 final — 2018/204 (COD))

EESC 2018/03992

ĠU C 62, 15.2.2019, p. 56–62 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 62/56


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar a) Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 tat-28 ta’ Mejju 2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta’ xhieda f’materji ċivili jew kummerċjali

(COM(2018) 378 final — 2018/203 (COD))

u dwar (b) Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar in-notifika fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (notifika ta’ dokumenti)

(COM(2018) 379 final — 2018/204 (COD))

(2019/C 62/09)

Relatur:

Bernardo HERNÁNDEZ BATALLER

Konsultazzjoni

(a)

Il-Parlament Ewropew, 10.9.2018

(b)

Il-Parlament Ewropew, 10.9.2018

Bażi legali

Artikolu 304 tat-TFUE

 

 

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adottata fis-sezzjoni

2.10.2018

Adottata fis-sessjoni plenarja

17.10.2018

Sessjoni tal-plenarja Nru

538

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

184/0/9

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jieħu nota tal-proposti tal-Kummissjoni biex jiġi emendat ir-Regolament dwar il-kumpilazzjoni ta’ xhieda u r-Regolament dwar in-notifika ta’ dokumenti.

1.2.

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tqis il-kummenti ta’ dan id-dokument dwar il-proposti tagħha, b’mod partikolari dawk imniżżla fil-punti 5.2, 5.3, 5.4, 5.5, 5.9, 5.10, 6.3, 6.4 u 6.6, għaliex mingħajr żona ġudizzjarja ġenwina, il-libertajiet tas-suq uniku ma jistgħux jitgawdew bis-sħiħ.

2.   Sfond

2.1.

Bil-għan li tinħoloq żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja fl-Unjoni Ewropea (UE), l-Artikolu 81 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jistabbilixxi l-bażijiet għall-iżvilupp tal-hekk imsejħa “kooperazzjoni ġudizzjarja ċivili” għall-kawżi b’riperkussjoni transkonfinali, attribwiti lill-kompetenzi tal-UE li jagħtuha s-setgħa biex jiġu adottati miżuri ta’ approċċ tad-dispożizzjonijet legali u regolamentari tal-Istati Membri.

2.2.

Meta jirriżulta li tkun meħtieġa għall-funzjonament bla xkiel tas-suq intern, għandha tiġi stabbilita dispożizzjoni legali li tadotta miżuri biex jiġi ggarantit ir-rikonoxximent reċiproku – bejn l-Istati Membri – tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji u extraġudizzjarji, l-eżekuzzjoni tagħhom u l-kooperazzjoni fil-kumpilazzjoni ta’ xhieda.

2.3.

Biex tirregola l-assistenza ġudizzjarja bejn l-Istati Membri, l-UE ssostitwixxiet is-sistemi kkontemplati mill-Konvenzjonijiet tal-Aja bl-approvazzjoni tal-istrumenti legali li ġejjin:

2.3.1.

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 (1) dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta’ xhieda f’materji ċivili jew kummerċjali, approvat fuq inizjattiva tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ ir-“Regolament dwar il-kumpilazzjoni ta’ xhieda”), applikabbli fl-Istati Membri kollha ħlief fid-Danimarka.

2.3.2.

Dan ir-Regolament jistabbilixxi sistema diretta u rapida fil-livell tal-UE għat-trażmissjoni u l-eżekuzzjoni ta’ talbiet għall-ġbir ta’ provi bejn il-qrati u jistabbilixxi regoli preċiżi dwar il-forma u l-kontenut ta’ dawk it-talbiet. Dan daħħal sistema ta’ kuntatt bilaterali dirett bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji li tissostitwixxi dik ta’ qabel, li permezz tagħha t-talbiet kienu jintbagħtu minn qorti ta’ Stat Membru lill-korp ċentrali tal-Istat Membru l-ieħor.

2.3.3.

Ir-Regolament (KE) Nru 1393/2007 (2) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (servizz ta’ dokumenti) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar in-notifika ta’ dokumenti”), li japplika fl-Istati Membri kollha (3).

2.3.4.

Dan ir-Regolament huwa applikabbli f’materji ċivili u kummerċjali fejn dokument ġudizzjarju jew extra-ġudizzjarju jenħtieġ li jiġi trasmess minn Stat Membru għal ieħor biex jiġi nnotifikat hemmhekk. Dan ma japplikax, madankollu, għal kawżi fiskali, doganali jew amministrattivi, u lanqas għar-responsabbiltà tal-Istat għal atti jew ommissjonijiet fl-eżerċitar tal-awtorità tiegħu (acta iure imperii).

2.4.

Il-KESE dejjem wera li kien favur il-ħolqien ta’ żona komuni ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja fl-UE, li – fost affarijiet oħra – jinvolvi t-teħid ta’ miżuri fil-qasam tal-koperazzjoni ġudizzjarja u f’materji ta’ kawżi ċivili meħtieġa sabiex iċ-ċittadini u l-kumpaniji ma jiġux miżmuma jew skoraġġuti milli jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom minħabba l-inkumpatibbiltà jew il-kumplessità tas-sistemi ġudizzjarji tal-Istati Membri.

2.5.

Fi kwalunkwe każ, sabiex tinħoloq iż-żona ġudizzjarja Ewropea, huwa imperattiv li titjieb il-kooperazzjoni bejn il-qrati u, għaldaqstant, li jiġu ssimplifikati u mħaffa l-proċeduri biex jiġu eliminati l-fallimenti u d-dewmien.

3.   Il-proposti tal-Kummissjoni

3.1.

Il-proposti tal-Kummissjoni għandhom l-intenzjoni li jemendaw iż-żewġ regolamenti eżistenti dwar il-kumpilazzjoni ta’ xhieda u n-notifika ta’ dokumenti.

3.2.   Il-proposta biex jiġi emendat ir-Regolament dwar il-kumpilazzjoni ta’ xhieda

3.2.1.

Il-proposta għandha l-għan li ttejjeb il-funzjonament taż-żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja u tas-suq intern billi ttejjeb u tħaffef il-kumpilazzjoni transkonfinali ta’ xhieda.

3.2.2.

Għandha l-għan li tadatta r-Regolament għall-iżviluppi tekniċi li jisfruttaw il-vantaġġi tad-diġitalizzazzjoni, billi tagħmilha obbligatorja li l-kob’munikazzjoni u l-iskambju ta’ dokumenti jsiru b’mezzi elettroniċi waqt li tiġi mħarsa l-protezzjoni tad-data u l-privatezza, mingħajr ma jiġu mittiefsa bl-ebda mod id-drittijiet proċedurali tal-partijiet. Għal dan il-għan, jenħtieġ li s-sistema tinkorpora struttura deċentralizzata li tippermetti komunikazzjoni diretta bejn l-utenti finali.

3.2.3.

Il-proposta tinkoraġġixxi l-użu ta’ metodi moderni għall-kumpilazzjoni ta’ xhieda, bħal vidjokonferenzi meta tkun meħtieġa dikjarazzjoni minn persuna fi Stat Membru ieħor. Għandha l-għan li tiżgura li ssir b’mod aktar dirett, frekwenti u rapidu l-kumpilazzjoni diretta ta’ xhieda fit-teħid ta’ dikjarazzjoni ta’ xhud jew ta’ espert jew fl-interrogazzjoni ta’ parti kkonċernata meta dawn il-persuni jkunu residenti fi Stat Membru ieħor.

3.2.4.

Tneħħi ostakli legali għall-aċċettazzjoni ta’ provi elettroniċi (diġitali). Il-proposta tistabbilixxi r-rikonoxximent reċiproku tal-provi diġitali. Dan se jnaqqas il-piż proċedurali għaċ-ċittadini u n-negozji u jillimita n-numru ta’ każijiet li fihom il-provi elettroniċi jistgħu ma jkunux permessi.

3.2.5.

Tipproponi soluzzjoni għall-problema ta’ interpretazzjonijiet diverġenti tat-terminu “qorti”, li bħalissa mhux definit fir-Regolament dwar il-kumpilazzjoni ta’ xhieda. Il-proposta tipprova tiċċara l-inċertezza f’dan ir-rigward.

3.2.6.

Il-proposta hija koerenti ma’ strumenti oħra tal-UE fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u ma tirrappreżentax ostaklu għall-iskambju ta’ informazzjoni li jistgħu jwettqu l-awtoritajiet fil-qasam tar-rikonoxximent u l-implimentazzjoni fi kwistjonijiet matrimonjali u responsabbiltà tal-ġenituri (4) lanqas f’materji ta’ obbligi ta’ manteniment (5), anke jekk din l-informazzjoni jkollha valur probatorju, sabiex l-awtorità applikanti tkun libera li tagħżel l-aktar metodu xieraq.

3.2.7.

Tirregola l-possibbiltà li jinkisbu provi minn rappreżentanti diplomatiċi jew konsulari ta’ Stat Membru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor u fiż-żona li fiha jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom mingħajr ma hemm bżonn li jitolbu minn qabel lill-korp ċentrali jew lill-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru.

3.2.8.

Sabiex tiggarantixxi r-rikonoxximent reċiproku ta’ evidenza diġitali, jenħtieġ li ma tiġix miċħuda il-forza probatorja ta’ tali evidenza, dejjem jekk tkun inkisbet fi Stat Membru skont is-sistema legali tagħha, dovuta esklussivament għan-natura diġitali tagħha.

3.2.9.

Sabiex isiru bidliet fil-forom standardizzati tal-annessi jew biex jiġu aġġornati, id-delegazzjoni lill-Kummissjoni hija prevista skont l-Artikolu 290 tat-TFUE.

3.3.   Regolament dwar in-notifika ta’ dokumenti

3.3.1.

L-għan ewlieni tar-regoli tiegħu huwa li jistabbilixxi kanali uniformi għat-trażmissjoni ta’ dokumenti minn Stat Membru għal ieħor għan-notifika ta’ dokumenti fl-Istat Membru l-ieħor. Għal dan, l-esperjenza fl-applikazzjoni tar-Regolament attwali u fil-ġurisprudenza stabbilita dwar dan is-suġġett mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) kienet partikolarment utli.

3.3.1.1.

Il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu huwa emendat, għalkemm tinżamm il-formulazzjoni attwali tal-parti relatata mad-dokumenti extra-ġudizzjarji. Min-naħa l-oħra, rigward id-dokumenti ġudizzjarji, ir-Regolament se japplika għas-sitwazzjonijiet kollha fejn id-destinatarju jkun residenti fi Stat Membru ieħor.

3.3.1.2.

Din is-sistema l-ġdida, fejn il-każijiet kollha ta’ notifika ta’ dokumenti lil destinatarji residenti fi Stat Membru ieħor huma rregolati b’mod obbligatorju, tapplika biss għan-notifika tal-att promotur jew tat-talba. Rigward in-notifiki sussegwenti ta’ dokumenti ġudizzjarji fil-kuntest ta’ proċess ġudizzjarju, il-protezzjoni addizzjonali hija inqas rilevanti.

3.4.

Il-komunikazzjoni u l-iskambju ta’ dokumenti bejn l-awtoritajiet emittenti u riċevituri jenħtieġ li jsiru b’mod elettroniku, permezz ta’ sistema ta’ informazzjoni komputerizzata u deċentralizzata li tikkonsisti f’sistemi ta’ informazzjoni komputerizzata nazzjonali interkonnessi permezz ta’ infrastruttura ta’ komunikazzjoni sikura u affidabbli, għalkemm hemm il-possibbiltà li jintużaw metodi ta’ komunikazzjoni alternattivi (tradizzjonali) f’każ ta’ interruzzjoni imprevedibbli u eċċezzjonali tas-sistema ta’ informazzjoni komputerizzata.

3.5.

Huwa stabbilit li l-Istati Membri għandhom jipprovdu assistenza biex jinstab id-destinatarju fi Stat Membru ieħor, li għaliha tliet għażliet alternattivi huma ppreżentati:

assistenza ġudizzjarja pprovduta minn awtoritajiet nominati mill-Istati Membri;

aċċess għal informazzjoni tar-reġistru pubbliku residenzjali permezz tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika;

informazzjoni dettaljata permezz tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika dwar l-għodod disponibbli biex jinstabu persuni fit-territorji tagħhom.

3.6.

Il-partijiet barranin f’tilwima jistgħu jintalbu jinnominaw rappreżentant fl-Istat Membru li fih tkun qed issir in-notifika tal-atti tal-proċess.

3.7.

Hemm titjib fil-proċedura dwar id-dritt tad-destinatarju li jirrifjuta li jaċċetta dokument jekk mhux abbozzat jew tradott f’lingwa xierqa.

3.8.

Il-proposta tobbliga lill-fornituri tas-servizz postali biex jużaw prova ta’ ħlas speċifika (konferma ta’ riċevuta) wara n-notifika ta’ dokumenti bil-posta skont ir-Regolament. Qed tiddaħħal ukoll regola minima rigward il-persuni li lilhom tista ssir notifika minflok lid-destinatarju meta l-fornitur tas-servizz postali ma jistax iwassal id-dokument lill-persuna personalment.

3.9.

Il-proposta tintroduċi n-notifika elettronika ta’ dokumenti bħala metodu alternattiv addizzjonali ta’ snotifika skont ir-Regolament.

3.10.

F’każijiet fejn il-konvenut ma jidhirx, jiġu introdotti żewġ elementi ġodda sostanzjali:

(a)

il-qorti li quddiemha tkun tinsab il-kawża, tintalab tibgħat avviż bid-data tal-bidu tal-proċess jew dwar is-sentenza b’kontumaċja lill-kont tal-utent magħruf mill-konvenut;

(b)

jiġi ffissat perjodu komuni ta’ sentejn, li jibda mid-data li fiha tingħata s-sentenza b’kontumaċja, biex tippreżenta azzjoni straordinarja għal eżenzjoni mill-preskrizzjoni li ttiriżulta mill-iskadenza tal-perjodi għall-preżentata ta’ rikors kontra r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ dik id-deċiżjoni fi Stat Membru ieħor.

4.   Kummenti ġenerali

4.1.

Il-KESE jilqa’ l-proposti tal-Kummissjoni għall-emenda tar-Regolament dwar il-kumpilazzjoni ta’ xhieda u r-Regolament dwar in-notifika ta’ dokumenti, peress li jiffaċilitaw l-integrazzjoni ġudizzjarja bejn l-Istati Membri billi jistabbilixxu proċeduri uniformi fil-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tagħhom.

4.2.

Iż-żewġ proposti jikkontribwixxu għat-titjib tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fl-UE, ibbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji (Artikolu 81 TFUE), għat-tisħiħ taż-żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (Artikolu 3, paragrafu 2, u Artikolu 67 tat-TFUE) u biex jiġi stabbilit is-suq intern (Artikolu 26 tat-TFUE).

4.3.

Fil-qosor, l-adozzjoni u l-applikazzjoni tal-qafas regolatorju propost mill-Kummissjoni għandhom jikkontribwixxu oġġettivament għat-tneħħija ta’ diversi ostakli inviżibbli li jaffettwaw direttament il-ħajjiet taċ-ċittadini kollha – kemm ta’ ċittadini tal-Istati Membri kif ukoll ta’ persuni residenti fl-UE – u għat-traffiku kummerċjali tal-kumpaniji li joperaw fl-UE.

4.4.

Sabiex jiġi ggarantit l-aċċess għall-ġustizzja u proċess ġust, huwa essenzjali li d-dispożizzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ proposti jiġu applikati f’materji ġudizzjarji b’effetti transkonfinali u jsiru b’mod xieraq.

4.5.

Il-proposti huma konformi wkoll mal-istrateġija għas-suq diġitali fil-qasam tal-amministrazzjoni elettronika, speċjalment rigward il-ħtieġa li jittieħdu miżuri biex tiġi modernizzata l-amministrazzjoni pubblika u tinkiseb interoperabbiltà transkonfinali, li tiffaċilita l-interazzjoni maċ-ċittadini.

4.6.

Il-proposti jżidu ċ-ċertezza legali u, għalhekk, jgħinu biex jiġu evitati dewmien u spejjeż żejda għal ċittadini, kumpaniji u amministrazzjonijiet pubbliċi, u jikkoreġu n-nuqqasijiet fil-protezzjoni tad-drittijiet proċedurali tal-partijiet, peress li jippruvaw jevitaw in-nuqqas ta’ difiża skont l-hekk imsejjaħ “prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet”.

4.7.

Huwa nnutat li d-dispożizzjoni dwar l-atti delegati biex jiġi aġġornat u emendat l-anness għaż-żewġ proposti ta’ Regolament mhijiex konformi mal-pożizzjoni tal-KESE (6) f’dan ir-rigward, peress li l-proposta tipprevedi li d-delegazzjoni tkun għal żmien indefinit minkejja r-rekwiżit li l-eżerċitar tal-adozzjoni tal-atti ddelegati jiġi ddeterminat fil-ħin.

4.8.

Fil-qosor, il-KESE jikkunsidra li, mingħajr żona ġudizzjarja vera, il-libertajiet tas-suq uniku ma jistgħux jitgawdew b’mod sħiħ.

5.   Osservazzjonijiet ġenerali dwar ir-Regolament dwar il-kumpilazzjoni ta’ xhieda

5.1.

Il-proposta biex jiġi emendat ir-Regolament dwar il-kumpilazzjoni ta’ xhieda għandha l-għan li ssaħħaħ il-komunikazzjonijiet elettroniċi bejn il-korpi kompetenti kkonċernati minflok ma jintużaw il-karti, fejn il-proċess jiswa aktar flus u jieħu aktar żmien, kif ukoll li jintużaw il-vidjokonferenzi għat-teħid ta’ stqarrijiet fi Stat Membru ieħor, mingħajr ma jiġu mittiefsa bl-ebda mod id-drittijiet proċedurali tal-partijiet ikkonċernati.

5.2.

Għalkemm din il-proposta tippresumi aġir diliġenti u effiċjenti tal-awtoritajiet ġudizzjarji kkonċernati u rispett strett tal-prinċipji ta’ kooperazzjoni leali u rikonoxximent reċiproku –dan tal-aħħar invokat espressament biex jimpedixxi ċ-ċaħda tal-forza probatorja tal-provi diġitali (ir-raba’ premessa u l-Artikolu 18 a tal-proposta) –, din ma tistabbilixxi l-ebda dispożizzjoni għall-każijiet ta’ ċaħda min-naħa tal-qorti rikjesta minħabba:

dewmien bla bżonn;

nuqqas ta’ motivazzjoni jew

motivazzjoni insuffiċjenti.

Dawn il-każijiet fil-prattika jfissru li huwa impossibbli li jkun hemm aċċess għal protezzjoni legali effettiva u jeħtieġ li tinstab soluzzjoni sabiex jiġi evitat li dan iseħħ.

5.2.1.

Din iċ-ċirkustanza hija rilevanti fl-istat attwali tad-Dritt tal-UE, fejn is-sempliċi ċaħda ta’ qorti li tkun obbligata li tippreżenta deċiżjoni preliminari lill-QĠUE f’każ ta’ ftehim tagħha tista’ titqies bħala ksur serju tal-obbligi tal-Istat li jirriżultaw mid-Dritt tal-UE (7).

5.2.2.

Hemm ħafna sitwazzjonijiet fejn il-qorti rikjesta tista’ tagħmel ħsara serja lid-drittijiet tal-individwi jekk ma tikkooperax b’diliġenza, speċjalment fil-protezzjoni kawtelatorja, billi tiddependi fuq riservi ta’ sovranità nazzjonali, sigurtà nazzjonali, ordni pubbliku, eċċ. [ara l-Artikolu 4(2) tat-TUE] jew f’każ ta’ diverġenzi li jirriżultaw mill-prattika proċedurali differenti fl-Istati Membri.

5.2.3.

Din is-sitwazzjoni tal-aħħar isseħħ, pereżempju, fl-iskoperta qabel is-smigħ tal-kawża, peress li l-Artikolu 23 tal-Konvenzjoni tal-Aja tat-18 ta’ Marzu 1970, dwar il-ksib ta’ provi barra mill-pajjiż f’materji ċivili jew kummerċjali, jippermetti li l-Istati Partijiet jintroduċu riżerva ta’ sovranità biex jirrifjutaw ittri rogatorji li oriġinaw fil-fażi preliminari tal-proċess (wara l-preżentata tat-talba iżda qabel ma tibda tintemal-kawża).

5.2.4.

Ir-Regolament (KE) Nru 1206/2001 li attwalment jinsab fis-seħħ, għalkemm ma jindirizzax espressament din il-kwistjoni, jeskludiha mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, kif jidher mid-Dikjarazzjoni tal-Kunsill 54/01 tal-4 ta’ Lulju 2001 (dok. 10571/01, p. 1).

5.2.5.

Xi kultant, dewmien żejjed jista’ jiġi kkawżat minn kwalifika teknika insuffiċjenti tal-korpi rikjesti jew meta l-infrastrutturi teknoloġiċi ma jaħdmux sew. Sabiex tipprevjeni u teqred kemm jista’ jkun dawn is-sitwazzjonijiet, jenħtieġ li l-proposta tistabbilixxi xi tip ta’ dispożizzjoni li teħtieġ li l-Istati Membri jiggarantixxu l-aġġornament diġitali tal-awtoritajiet ġudizzjarji tagħhom u l-adattament tal-infrastrutturi teknoloġiċi.

5.3.

Min-naħa l-oħra, jenħtieġ li jiġu speċifikati ċerti dispożizzjonijiet tal-proposta. Pereżempju, l-Artikolu 1(4) jistabbilixxi kunċett restrittiv ta’ “qorti” billi jiddefinixxiha bħala “kull awtorità ġudizzjarja fi Stat Membru li hija kompetenti għat-twettiq tal-kumpilazzjoni ta’ xhieda skont dan ir-Regolament” skont ir-Regolament.

5.3.1.

Minkejja li din id-definizzjoni tista’ tinkludi servizzi ta’ uffiċjal pubbliku (pereżempju, nutara), teskludi tribunali tal-arbitraġġ ta’ natura privata, kemm fil-qasam ta’ arbitraġġ fl-oqsma ta’ investiment, tal-kummerċ, tal-konsumaturi jew kwalunkwe korp tal-arbitraġġ li jsolvi materji oħra.

5.3.2.

B’hekk ir-rilevanza kbira tal-korpi tal-arbitraġġ fil-kummerċ u l-ekonomija tal-Istati Membri u ta’ pajjiżi terzi mhijiex rikonoxxuta.

5.3.3.

Rigward dawn tal-aħħar, jistgħu jinqalgħu sitwazzjonijiet ta’ lis pendens jew problemi relatati mal-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet tagħhom mill-korpi rikjesti tal-Istati Membri (pereżempju, twissija kontra s-smigħ) li jistgħu joħolqu inċertezza legali.

5.3.4.

Ċertament, din id-definizzjoni restrittiva ta’ “qorti” hija allinjata mal-ġurisprudenza tal-QĠUE, li ġeneralment tiċħad li t-tribunali tal-arbitraġġ privati għandhom l-istatus ta’ “qorti” (8).

5.3.5.

Fil-fehma tal-KESE, l-applikazzjoni awtomatika ta’ din il-ġurisprudenza tal-QĠUE għall-qasam ikkonċernat tista’ twassal għal sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ rikonoxximent tad-deċiżjonijiet tat-tribunali arbitrali jew ta’ kooperazzjoni negattiva tal-qorti rikjesta, dik li – f’xi każijiet – tista’ twassal li tħalli lill-partijiet interessati bla difiża.

5.3.6.

Madankollu, jenħtieġ li klawżoli ta’ arbitraġġ bejn l-investitur u l-Istat imsemmija fit-trattati ta’ investiment bilaterali jiġu esklużi minn din l-evalwazzjoni, peress li huma inkompatibbli mal-Liġi tal-UE u m’għandhomx effetti legali peress li huma illegali billi jinsabu f’kunflitt mar-regoli tas-suq uniku u jiddiskriminaw bejn l-investituri fl-UE, fit-termini stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-QĠUE fis-Sentenza “Achmea” (9).

5.4.

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 17 b ifakkar lir-rappreżentanti diplomatiċi jew konsulari ta’ Stat Membru dwar il-possibbiltà li jwettqu proċeduri ta’ ġbir ta’ provi mingħajr talba minn qabel fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor fejn huma akkreditati. Din is-setgħa hija limitata strettament għat-teħid ta’ stqarrijiet jew interrogazzjonijiet volontarji ta’ ċittadini tal-Istat Membru li jirrappreżentaw fil-kuntest ta’ kawża ġudizzjarja li għaliha l-qorti ta’ dak l-Istat Membru jkollha ġurisdizzjoni.

5.5.

Ikun rilevanti li l-kompiti ta’ assistenza ġudizzjarja ta’ dawn l-uffiċjali previsti fil-proposta jistgħu jiġu estiżi biex jadattawhom għar-realtà attwali tal-UE, speċjalment fil-qafas tal-moviment liberu u r-residenza taċ-ċittadini tal-Istati Membri u tal-libertà tal-istabbiliment tal-kumpaniji tagħhom. Konsegwentement, il-prattika tal-proċeduri minn dawn l-uffiċjali tista’ tiġi estiża għal barranin mingħajr il-ħtieġa ta’ awtorizzazzjoni minn qabel jew għaċ-ċittadini tal-Istat riċevitur jekk tkun awtorizzata minn dak l-Istat.

5.6.

Huwa importanti ħafna —u hija xi ħaġa li jaqbel magħha il-KESE— in-neċessità li jiġi stabbilit l-obbligu li l-Istat Membru li jibgħat it-talba jingħata għajnuna fit-tfittxija tar-residenza tal-persuna li lilha jkun irid jiġi nnotifikat dokument ġudizzjarju jew extra-ġudizzjarju fi Stat Membru ieħor riċevitur meta r-residenza ma tkunx magħrufa.

5.7.

Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-proposta kkonċernata, hemm l-Aġenda tal-Ġustizzja tal-UE għall-2020, li tfittex li ssaħħaħ id-drittijiet fundamentali, inklużi d-drittijiet proċedurali ċivili.

5.8.

F’dan ir-rigward, il-miżuri ta’ diġitizzazzjoni tal-proposta jqisu l-ħtiġijiet tal-protezzjoni tad-data u tal-privatezza fis-sistema għal skambji elettroniċi bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji kkonċernati, bħall-istabbiliment ta’ sett predefinit ta’ utenti tas-sistema (il-qrati u l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri biss).

5.9.

Madankollu, għalkemm l-attakki fuq dawn l-infrastrutturi elettroniċi huma mistennija jimmultiplikaw fil-futur —riskju li jista’ jiżdied permezz tal-interkonnessjoni bejn is-sistemi tal-kompjuter ikkonċernati— m’hemm l-ebda dispożizzjoni dwar kif l-imputazzjoni tar-responsabbiltà tkun solvuta jekk attakki ċibernetiċi, jew jekk is-sistema ta’ informazzjoni kompjuterizzata ma taħdimx sew jew taqa’, jirnexxilhom ixerrdu informazzjoni sensittiva jew saħansitra jeqirdu elementi probatorji ta’ proċess.

5.10.

Għaldaqstant, ħsara serja fid-drittijiet tal-individwi tista’ sseħħ mingħajr ma jkun hemm mod prevedibbli biex tintalab ir-responsabbiltà ta’ dawk li kkawżawha jew jista’ jkun li l-individwi stess ibatu dawn il-konsegwenzi jekk dawk li kkawżawhom jinvokaw l-eżistenza ta’ forza maġġuri.

6.   Osservazzjonijiet ġenerali dwar il-proposta għar-Regolament dwar in-notifika tad-dokumenti

6.1.

Il-KESE jemmen li r-Regolament propost dwar in-notifika u t-trasferiment ta’ dokumenti se jtejjeb u jħaffef il-proċessi ġudizzjarji, peress li se jissimplifika u jħaffef il-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni għan-notifika tad-dokumenti. Dan se jtejjeb l-amministrazzjoni tal-ġustizzja fi kwistjonijiet b’riperkussjonijiet transkonfinali, isaħħaħ id-drittijiet proċedurali ċivili u jżid il-fiduċja reċiproka bejn is-sistemi ġudizzjarji tal-Istati Membri.

6.2.

Din il-proposta għandha l-għan li teqred id-dewmien u l-ksur frekwenti tad-dati ta’ skadenza stabbiliti – sitwazzjonijiet li jseħħu minħabba li d-dokumenti huma trażmessi mill-korpi kompetenti – li jġiegħlu n-notifika ta’ dokumenti titwettaq elettronikament. Issaħħaħ ukoll id-drittijiet tad-difiża tar-riċevitur permezz ta’ diversi interventi speċifiċi tal-korpi kompetenti minħabba l-inċertezza li tirriżulta mir-rifjut ta’ dokument jew mill-każijiet ta’ sentenzi mogħtija b’kontumaċja.

6.3.

Ta’ min jinnota l-firxa wiesgħa ta’ applikazzjoni suġġettiva u materjali ta’ din il-proposta, peress li tinkludi l-persuni kollha, kemm fiżiċi kif ukoll ġuridiċi, li jinkludu l-kummerċjanti kollha, jiġifieri l-mikrointrapriżi, u li tammetti biss l-eċċezzjonijiet li tistabbilixxi espressament [Artikolu 1(1) u (3)].

Ikun meħtieġ li jiġu allinjati l-verżjonijiet lingwistiċi kollha sabiex ikun ċar li r-Regolament propost jikkonċerna mhux biss id-dokument li jniedi l-proċedura, iżda wkoll id-dokumenti ġudizzjarji kollha tal-proċess.

6.4.

Il-KESE jaqbel mal-garanziji u s-salvagwardji stabbiliti biex jipproċedi “bir-rifjut ta’ aċċettazzjoni ta’ dokument” mir-riċevitur u l-obbligu li għandu l-korp riċevitur ha l-entità riċevitura li jagħti informazzjoni f’dan ir-rigward. Min-naħa l-oħra, sabiex jiġu bbilanċjati d-drittijiet tal-partijiet tal-proċess, huwa meħtieġ li l-konvenut ikollu għarfien sħiħ tad-dokument li jagħti lok għall-proċess, u għalhekk jidher rilevanti li r-reġim lingwistiku jinkludi lingwa mifhuma mir-riċevitur jew waħda mil-lingwi uffiċjali tal-post tan-notifika.

6.5.

Tidher adegwata d-dispożizzjoni dwar mezzi supplimentari għan-notifika ta’ dokumenti previsti permezz tal-posta, in-notifika magħmula direttament permezz ta’ aġenti ġudizzjarji, uffiċjali jew persuni kompetenti oħra tal-Istat Membru rikjest, u n-notifika elettronika.

6.6.

Fi kwalunkwe każ, l-importanti hu li jiġu mħarsa u ggarantiti l-integrità u l-għan tad-dokument, kemm jekk ġudizzjarju kif ukoll jekk extra-ġudizzjarju.

Brussell, is-17 ta’ Ottubru 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  Regolament tal-Kunsill Nru 1206/2001/KE tat-28 ta’ Mejju 2001 (ĠU L 174, 27.6.2001, p.1).

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tat-13 ta’ Novembru 2007, li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1348/2000 (ĠU L 324, 10.12.2012, p. 79).

(3)  Skont l-hekk imsejjaħ “ftehim parallel” mad-Danimarka (ĠU L 300 tas-17.11.2005, p.55). Min-naħa tagħhom, ir-Renju Unit u l-Irlanda, skont l-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 21 tat-Trattat, innotifikaw fil-mument opportun ix-xewqa tagħhom li jipparteċipaw fl-adozzjoni u l-applikazzjoni taż-żewġ Regolamenti.

(4)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003/KE tas-27 ta’ Novembru 2003 (ĠU L 338, 23.12.2003, p. 1).

(5)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009/KE tat-18 ta’ Diembru 2008 (ĠU L 7, 10.1.2009, p. 1).

(6)  ĠU C 288, 31.8.2017, p. 29; ĠU C 345, 13.10.2017, p. 67.

(7)  Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża C-416/17, Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Franċiża, punti 95-103.

(8)  Pereżempju, fil-kawżi li ġejjin: il-kawża Nordsee 102/81 (1982), punti 10-13; il-kawża Eco Swiss C-126/97 (1999), punt 34; il-kawża Denuit u Cordier C-125/04 (2005), punt 13; il-kawża Gazprom C-536/13 (2015), punt 36; il-kawża Achmea C-284/16 (2018), punti 45-49, eċċ.

(9)  Sentenza “Achmea”, Kawża C-284/16, mogħtija fis-6 ta’ Marzu 2018 (ECLI:UE:C:2018:158).


Top