EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018AE2993

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-programm spazjali tal-Unjoni u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 912/2010, (UE) Nru 1285/2013 u (UE) Nru 377/2014 u d-Deċiżjoni 541/2014/UE” (COM(2018) 447 final — 2018/0236 (COD))

EESC 2018/02993

ĠU C 62, 15.2.2019, p. 51–55 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 62/51


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-programm spazjali tal-Unjoni u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 912/2010, (UE) Nru 1285/2013 u (UE) Nru 377/2014 u d-Deċiżjoni 541/2014/UE”

(COM(2018) 447 final — 2018/0236 (COD))

(2019/C 62/08)

Relatur:

Raymond HENCKS

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 12.7.2018

Kunsill, 13.7.2018

Bażi legali

Artikolu 304 tat-TFUE

 

 

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adottata fis-sezzjoni

2.10.2018

Adottata fil-plenarja

17.10.2018

Sessjoni plenarja Nru

538

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

189/3/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

L-Unjoni Ewropea tista’ tiftaħar b’suċċessi kbar fis-settur spazjali. Permezz tal-programmi spazjali tagħha, din tikkontribwixxi fir-rispons għal ċerti sfidi globali, b’mod partikolari dawk relatati mat-tibdil fil-klima, mas-sigurtà u mat-titjib tal-kundizzjonijiet tal-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini, filwaqt li tibqa’ żżomm is-sovranità u l-indipendenza strateġika tagħha fir-rigward ta’ potenzi spazjali oħrajn.

1.2.

Il-KESE jappoġġja lill-Unjoni fl-isforzi komplementari tagħha biex tibqa’ potenza spazjali indipendenti ewlenija. Huwa japprova li din tipprovdi l-mezzi finanzjarji adegwati għall-ambizzjonijiet tagħha, f’dan il-każ “ammont ta’ referenza primarja” ta’ EUR 16-il biljun, li għall-KESE jikkostitwixxi pakkett finanzjarju minimu. Il-KESE jtenni t-talba tiegħu li, flimkien mal-Bank Ewropew tal-Investiment, jiġu mfittxija opportunitajiet ġodda ta’ finanzjament għal proġetti ta’ riċerka, ta’ disinn u ta’ manifattura spazjali minn impriżi privati, SMEs u negozji ġodda.

1.3.

Rigward l-objettivi speċifiċi tal-Programm Spazjali Ewropew, il-KESE jilqa’ l-fatt li minbarra l-evoluzzjoni kostanti taż-żewġ inizjattivi tal-programm, Galileo u Copernicus, l-Unjoni tattribwixxi lis-“sorveljanza u l-insegwiment fl-ispazju” (space surveillance and tracking) aktar awtonomija u kapaċitajiet sabiex tipproteġi l-infrastrutturi spazjali minn riskji bħall-għadd ta’ residwi spazjali li jduru madwar id-dinja. Huwa jilqa’ wkoll l-inizjattiva ġdida dwar is-sistema Govsatcom li tissodisfa l-ħtiġijiet tal-komunikazzjonijiet Ewropej siguri permezz tas-satellita.

1.4.

Madankollu, il-KESE jinnota li l-Unjoni għadha diskreta ħafna fil-komunikazzjonijiet tagħha liċ-ċittadini dwar il-benefiċċji li jirrappreżentaw l-attivitajiet komunitarji fl-ispazju għas-soċjetà u għall-ekonomija. Għalhekk qiegħed jipproponi kampanja adegwata sabiex iċ-ċittadini jsiru konxji mill-valur miżjud tal-attivitajiet spazjali Ewropej, li saru indispensabbli fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum, li jistimulaw l-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment, u li jikkostitwixxu vantaġġ għas-sigurtà tagħhom.

1.5.

Barra minn hekk, għadu ferm ’il bogħod milli jiġu mmassimizzati l-benefiċċji li jirrappreżenta l-ispazju għall-ekonomija Ewropea. L-opportunitajiet li joffri l-programm ta’ osservazzjoni tad-Dinja u l-isfruttar tal-ammont kbir ta’ data li huwa ġenera, ġeneralment għadhom mhux użati biżżejjed. Il-KESE jitlob li titnieda azzjoni ta’ sensibilizzazzjoni u informazzjoni indirizzata lejn il-benefiċjarji potenzjali, speċjalment fis-settur tal-baħar u dak agrikolu.

1.6.

Fil-livell internazzjonali, is-settur spazjali Ewropew huwa espost għal kompetizzjoni qawwija, ġaladarba l-attivitajiet spazjali qed isiru iktar u iktar kummerċjali minħabba l-parteċipazzjoni dejjem tiżdied tas-settur privat fis-suq ta’ barra l-UE. Dan ifisser li se jkun essenzjali li tiżdied l-importanza tas-suq intern u li jiġi applikat prinċipju ta’ “preferenza Ewropea” fis-settur spazjali.

1.7.

L-Ewropa teħtieġ lanċjaturi kompetittivi adattati għas-swieq kummerċjali u istituzzjonali jekk tassew trid iżżomm l-aċċess indipendenti tagħha għall-ispazju minkejja l-għadd dejjem jikber ta’ lanċjaturi u kompetizzjoni qawwija. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tesplora mezzi ta’ appoġġ għar-riċerka u għall-infrastrutturi Ewropej tal-illanċjar.

1.8.

Il-KESE jemmen li l-proġett futuristiku tal-estrazzjoni u tal-irkupru ta’ riżorsi naturali mhux terrestri (space mining), li fih Stat Membru partikolari stabbilixxa ruħu bħala pijunier, jixraqlu li l-Unjoni ssegwi mill-qrib l-evoluzzjoni tiegħu sabiex jinżamm valur miżjud Ewropew ċar.

2.   Introduzzjoni

2.1.

Mis-sena 1990, l-UE żviluppat politika spazjali Komunitarja li tiffoka fuq l-indipendenza minn potenzi spazjali oħra, b’mod partikolari bl-iżvilupp ta’ programmi u ta’ applikazzjonijiet f’setturi industrijali ewlenin, bħall-komunikazzjoni, is-sigurtà, is-servizzi ta’ emerġenza, is-sistemi ta’ navigazzjoni, l-informazzjoni, ir-ritrażmissjonijiet ta’ avvenimenti, it-tibdil fil-klima, il-previżjonijiet metereoloġiċi, eċċ.

2.2.

L-UE, bl-appoġġ tal-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA), issa għandha netwerk satellitari kbir u aċċess tagħha stess għall-ispazju, permezz tal-Gujana Franċiża, minn lanċjaturi Ewropej. L-Istati Membri tal-ESA (1), min-naħa tagħhom, għandhom l-aġenziji u l-programmi spazjali, iċ-ċentri ta’ riċerka, l-installazzjonijiet fuq l-art u kapaċitajiet industrijali sostanzjali tagħhom stess. Dawn huma, b’mod ġenerali, fl-oriġini tal-inizjattivi spazjali li mbagħad jittieħdu fil-qafas tal-UE jew l-ESA.

2.3.

L-Unjoni tintervjeni b’mod partikolari permezz tat-tfassil, tal-finanzjament sħiħ u tal-esplojtazzjoni tal-programmi spazjali sussegwenti, li għalihom għandha r-responsabbiltà ġenerali tal-implimentazzjoni tagħhom, inkluż fil-qasam tas-sigurtà:

Galileo huwa l-ewwel infrastruttura ta’ radjunavigazzjoni bi preċiżjoni għolja u ta’ pożizzjonament bis-satellita, imfassal speċifikament għall-użu ċivili, ipprovdut bla ħlas lill-utenti;

Copernicus huwa fornitur ta’ data dwar l-osservazzjoni tad-dinja li tinkludi sitt oqsma: is-sorveljanza tal-art, tal-baħar, tal-atmosfera u tat-tibdil fil-klima kif ukoll il-ġestjoni ta’ emerġenzi u s-sigurtà;

EGNOS huwa sistema pan-Ewropea ta’ 3 satelliti li ttejjeb il-kwalità tas-sinjali miftuħa mis-sistemi globali eżistenti tan-navigazzjoni bis-satellita u tipprovdi data dwar il-ġeolokalizzazzjoni aktar preċiża;

SST (space surveillance and tracking) hija sistema ta’ sorveljanza spazjali u ta’ osservazzjoni ta’ madwar 780 000 biċċa skart fl-ispazju (skart spazjali) f’orbita madwar id-dinja;

Govsatcom huwa sistema ta’ telekomunikazzjonijiet governattivi (ċivili u militari) bis-satellita, rikonoxxut bħala wieħed mill-elementi tal-istrateġija ġenerali tal-politika esterna u ta’ sigurtà tal-UE.

2.4.

Il-Kummissjoni dan l-aħħar iddelegat l-iżvilupp u l-iskjerament tal-infrastruttura spazjali lill-ESA, li hija responsabbli mill-iskjerament tal-infrastruttura Galileo, filwaqt li l-aġenzija tal-UE li tinsab fi Praga (Aġenzija tal-GNSS Ewropea – GSA) hija responsabbli mill-iffaċilitar tal-penetrazzjoni ta’ Galileo fis-suq. L-ESA tamministra wkoll parti mill-operazzjonijiet ta’ Copernicus.

2.5.

L-industrija spazjali Ewropea timpjega aktar minn 231,000 persuna, 41,333 minnhom fil-qasam tal-kostruzzjoni spazjali u tiġġenera valur miżjud li fl-2017 ġie stmat mill-Kummissjoni Ewropea bejn EUR 53 u 62 biljun.

3.   Il-proposta tal-Kummissjoni

3.1.

Il-programm spazjali propost iwieġeb għall-istrateġija industrijali proposta mill-President Juncker fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2017, u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar “Strateġija Spazjali għall-Ewropa” ġdida.

3.2.

L-atti li ġejjin:

Ir-Regolament(UE) Nru 1285/2013 dwar l-implimentazzjoni u l-esplojtazzjoni tas-sistemi Ewropej tar-radjunavigazzjoni bis-satellita, Galileo u EGNOS,

ir-Regolament (UE) Nru 377/2014 li jistabbilixxi l-Programm Copernicus,

id-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE li tistabbilixxi Qafas għall-Appoġġ tas-Sorveljanza u l-Insegwiment fl-Ispazju (SST) u

r-Regolament (UE) Nru 912/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea GNSS

huma mħassra u sostitwiti bir-regolament inkwistjoni li jistabbilixxi regoli komuni għall-komponenti kollha tal-programm, inklużi b’mod partikolari l-kontribuzzjonijiet u l-mekkaniżmi baġitarji, id-dispożizzjonijiet finanzjarji, l-akkwisti pubbliċi u l-governanza u s-sigurtà. Ir-Regolament imsemmi jistabbilixxi wkoll ċerti regoli speċifiċi għal kull wieħed minn dawn il-komponenti.

3.3.

L-Aġenzija Ewropea GNSS, responsabbli biex tiżgura l-implimentazzjoni ta’ ġenerazzjoni ġdida ta’ sistemi ta’ radjunavigazzjoni bis-satellita (GNSS), saret “Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali”, responsabbli biex tikkontribwixxi għall-programm, b’mod partikolari fir-rigward tas-sigurtà, tal-attivitajiet ta’ komunikazzjoni u ta’ promozzjoni, kif ukoll tal-attivitajiet ta’ kummerċjalizzazzjoni tas-servizzi offruti minn Galileo u EGNOS.

3.4.

Il-programm spazjali l-ġdid għandu l-għan li:

jipprovdi data, informazzjoni u servizzi spazjali ta’ kwalità, aġġornati u, fejn meħtieġ, siguri;

jimmassimizza l-benefiċċji soċjoekonomiċi;

isaħħaħ is-sigurtà tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha;

jippromovi r-rwol tal-Unjoni fix-xena internazzjonali bħala attur ewlieni.

3.5.

Il-proposta għal regolament tistabbilixxi allokazzjoni baġitarja totali għall-attivitajiet spazjali kollha tal-Unjoni, inkluża r-riċerka, ta’ EUR 16-il biljun għall-perjodu 2021-2027 (minflok EUR 12,6 biljuni għall-perjodu 2014-2020). Dan il-pakkett finanzjarju jikkostitwixxi l-ammont ta’ referenza primarja skont il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 dwar id-dixxiplina baġitarja, u huwa mqassam kif ġej:

Galileo + EGNOS EUR 9,7 biljuni;

Copernicus EUR 5,8 biljuni;

SST/Govsatcom EUR 0,5 biljuni.

3.6.

Ir-regolament il-ġdid jindirizza wkoll forom differenti ta’ kooperazzjoni u ta’ sħubija bejn il-partijiet interessati, kif ukoll relazzjonijiet mal-organizzazzjonijiet internazzjonali u mal-pajjiżi terzi.

3.7.

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta kull sena lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-implimentazzjoni tal-programm spazjali bbażat fuq indikaturi tal-prestazzjoni li għandhom jiġu stabbiliti.

3.8.

Barra minn hekk, il-programm għandu jiġi evalwat tal-inqas kull erba’ snin. Il-konklużjonijiet tal-evalwazzjonijiet, flimkien mal-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni, għandhom jiġu kkomunikati lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill kif ukoll lill-KESE u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

4.   Kummenti ġenerali

4.1.

Mal-ewwel daqqa t’għajn, għandu jiġi rikonoxxut li l-UE tista’ tiddikjara li żviluppat, fiż-żmien dovut, il-politika spazjali tagħha stess u li llum hija indipendenti minn potenzi spazjali oħra, inklużi dawk preċedentement meqjusa bħala sħab affidabbli iżda fl-istess waqt imprevedibbli.

4.2.

Il-KESE jappoġġja lill-Unjoni fl-isforzi komplementari tagħha biex tibqa’ potenza spazjali indipendenti ewlenija u jipprovdi l-mezzi biex din tikkonsolida l-assi tekniċi tagħha. L-ispazju huwa settur li jeħtieġ riżorsi finanzjarji konsiderevoli. Ma jista’ jkun hemm ebda politika spazjali ambizzjuża mingħajr baġit korrispondenti.

4.3.

Għalhekk nistgħu nilqgħu l-fatt li l-abbozz ta’ regolament biħsiebu jalloka lill-Unjoni l-mezzi finanzjarji adegwati għall-ambizzjonijiet tagħha, f’dan il-każ pakkett finanzjarju ta’ programm ta’ EUR 16-il biljun li jikkostitwixxi “ammont ta’ referenza primarja” minimali. Dan ifisser li l-Parlament u l-Kunsill, kif ukoll il-Kummissjoni meta fasslet l-abbozz tal-baġit, impenjaw ruħhom li ma jiddevjawx b’aktar minn 10 % minn dan l-ammont tul il-programm kollu (ħlief f’ċirkostanzi eċċezzjonali). Il-KESE madankollu jtenni t-talba tiegħu li, flimkien mal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), jiġu mfittxija opportunitajiet ġodda ta’ finanzjament għal proġetti ta’ riċerka, ta’ disinn u ta’ manifattura spazjali minn impriżi privati, SMEs u negozji ġodda, pereżempju fil-qasam tan-nanosatelliti, is-sistemi ta’ propulsjoni minjaturizzati, modi kif tittawwal il-ħajja tas-satelliti, applikazzjonijiet ġodda ta’ osservazzjoni tad-dinja, eċċ.

4.4.

Barra minn hekk, ir-riċerka u l-innovazzjoni spazjali, li għandhom jissaħħu b’mod imperattiv jekk l-Unjoni trid tibqa’ fuq quddiem nett, jistgħu jiġu ffinanzjati mill-programm “Orizzont Ewropa”, fil-qafas tal-programm ta’ ħidma “tmexxija fit-teknoloġiji abilitanti u industrijali”, b’baġit ta’ EUR 13,5 biljuni.

4.5.

Ma nistgħux ma napprovawx, f’dan il-kuntest, il-fatt li wara Brexit ir-Renju Unit biħsiebu jkompli jipparteċipa fil-Programm Spazjali Ewropew. Il-KESE jiddispjaċih, madankollu, li 20 biss mit-28 Stat Membru attwali tal-UE huma membri tal-ESA.

4.6.

Fir-rigward tal-objettivi speċifiċi tal-programm spazjali, il-KESE jilqa’ l-fatt li l-applikazzjonijiet u s-servizzi l-ġodda jqisu l-evoluzzjonijiet fil-vetturi awtonomi, fid-droni, fir-robotika u fl-Internet tal-Oġġetti (Galileo), u jiffoka, fl-interess tal-umanità, fuq is-sorveljanza tat-tibdil fil-klima (pereżempju, is-sorveljanza tal-emissjonijiet antropoġeniċi ta’ CO2 u ta’ gassijiet serra), l-użu tal-art b’appoġġ għall-agrikoltura, l-osservazzjoni taż-żoni polari, il-ġestjoni tal-foresti u tal-ilma u d-detezzjoni ta’ oġġetti żgħar (pereżempju l-vapuri) biex jiġi ssorveljat it-traffiku illegali (Copernicus).

4.7.

Il-KESE jappoġġja wkoll il-proposta li SST tingħata aktar awtonomija u kapaċitajiet biex tipproteġi l-infrastrutturi spazjali u d-dinja mir-riskji spazjali, kif ukoll il-ħolqien ta’ attivitajiet ġodda li josservaw ir-residwi spazjali u l-fenomeni metereoloġiċi spazjali estremi li jirriżultaw mill-attività solari, jew mill-asterojdi u l-kometi (oġġetti qrib id-dinja). Il-kwistjoni tar-residwi fl-ispazju tikkonċerna direttament aktar minn 60 Stat li bħalissa għandhom u joperaw is-satelliti. Din is-sorveljanza spazjali hija effettivament kruċjali minħabba r-riskju ta’ ħsarat fl-infrastrutturi essenzjali li jaffettwaw il-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini, bl-interruzzjonijiet tas-servizzi, bl-inkonvenjenzi u bit-telf ekonomiku relatat.

4.8.

L-inizjattiva ġdida rigward is-sistema Govsatcom tindirizza l-ħtiġijiet tal-komunikazzjonijiet Ewropej siguri bis-satellita (sorveljanza tal-fruntieri, komunità marittima, missjonijiet tal-pulizija, protezzjoni ċivili, għajnuna umanitarja, azzjoni esterna tal-UE, eċċ.) u tippermetti li titjieb is-sigurtà u n-nondipendenza Ewropea tas-sistemi u s-servizzi sikuri ta’ komunikazzjoni futuri, li l-KESE japprova b’mod qawwi.

4.9.

Għalhekk l-Unjoni tista’ tiftaħar b’suċċessi kbar fis-settur spazjali. Madankollu, il-KESE jinnota li l-Unjoni għadha diskreta ħafna fil-komunikazzjonijiet tagħha liċ-ċittadini dwar il-benefiċċji li jirrappreżenta l-ispazju għas-soċjetà u għall-ekonomija. Ħafna ċittadini ma jirrealizzawx li meta, pereżempju, jużaw il-mowbajl jew l-ismartphone, igawdu s-sistemi ta’ navigazzjoni, jaraw it-televiżjoni bis-satellita, jivvjaġġaw bl-art, bil-baħar jew bl-ajru, jew meta jiġbdu l-flus, ikunu qed jużaw is-servizzi spazjali. Għalhekk jeħtieġ li jiġi żgurat, permezz ta’ kampanja ta’ informazzjoni xierqa, li ċ-ċittadini jirrealizzaw li l-attivitajiet spazjali Ewropej huma indispensabbli fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum, jistimulaw l-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment u jikkostitwixxu vantaġġ għas-sigurtà tagħhom.

4.10.

Barra minn hekk, għadu ferm ’il bogħod milli jiġu mmassimizzati l-benefiċċji li jirrappreżenta l-ispazju għall-ekonomija Ewropea. L-opportunitajiet li joffri l-programm ta’ osservazzjoni tad-Dinja u l-isfruttar tal-ammont kbir ta’ data li huwa ġenera, ġeneralment għadhom mhux użati biżżejjed. Il-KESE jitlob li titnieda azzjoni ta’ sensibilizzazzjoni u informazzjoni indirizzata lejn il-benefiċjarji potenzjali, speċjalment fis-settur tal-baħar u dak agrikolu.

4.11.

Kif tindika l-Kummissjoni, is-settur spazjali qed jiffaċċja diffikultajiet marbuta mal-kapaċità tiegħu li jimpjega persunal xieraq. Il-KESE jqis li x-xjenza spazjali għandha tiġi integrata fis-sistema edukattiva u li l-universitajiet tal-Istati Membri għandhom ikunu konxji li għandhom joffru Masters fl-inġinerija spazjali.

4.12.

Fil-livell internazzjonali, l-Ewropa spazjali se jkollha taffronta l-isfida ta’ kompetizzjoni qawwija, ġaladarba l-attivitajiet spazjali qed isiru iktar u iktar kummerċjali minħabba l-parteċipazzjoni dejjem tiżdied mis-settur privat. L-atturi ewlenin Ewropej iwettqu l-parti l-kbira tal-attivitajiet tagħhom barra mill-Ewropa. Dan ifisser li se jkun essenzjali li tiżdied l-importanza tas-suq intern u li jiġi applikat prinċipju ta’ “preferenza Ewropea” fis-settur spazjali.

4.13.

Kif speċifikat il-Kummissjoni, l-ispazju huwa parti minn katina ta’ valur globali, li qed taffaċċja bidliet maġġuri li qed iwessgħu l-konfini tradizzjonali tas-settur spazjali. L-hekk imsejjaħ “Spazju Ġdid” qed joħloq rivoluzzjoni fis-settur spazjali, mhux biss mil-lat teknoloġiku iżda wkoll mil-lat tal-mudell ta’ negozju. Għalhekk, huwa kruċjali li l-Unjoni tagħti sostenn attivament lis-settur spazjali kollu, b’mod partikolari r-riċerka u l-iżvilupp, in-negozji ġodda u l-inkubaturi ta’ kumpaniji attivi fis-settur spazjali. Il-KESE jiddispjaċih li f’dan ir-Regolament, il-Kummissjoni sempliċement tħabbar li l-programm spazjali jappoġġja l-kooperazzjoni bejn l-intrapriżi fil-forma ta’ ċentri spazjali li jlaqqgħu flimkien, fil-livell nazzjonali u reġjonali, l-atturi fil-qasam tal-ispazju u dak diġitali, mingħajr ebda indikazzjoni oħra dwar il-funzjonament u l-finanzjament ta’ dawn iċ-ċentri.

Proġett minnhom, “New Space”, jista’ jikkonsisti fl-iżvilupp tal-ekonomija tar-riżorsi spazjali (space mining), u jkollu bħala objettiv l-estrazzjoni u l-irkupru ta’ riżorsi naturali mhux terrestri. L-asterojdi, pereżempju, jista’ jkun fihom in-nikil, il-platinu, il-ħadid u l-kobalt. In-NASA tistma $ 700 triljun il-valur taċ-ċintura (li jammonta għal aktar minn miljun) ta’ asterojdi bejn Marte u Ġjove. Dawn ir-riżorsi jistgħu jinġiebu lejn id-dinja jew jintużaw fl-ispazju bħala enerġija għas-satelliti, jew biex jinbnew bażijiet minn fejn tista’ titlaq esplorazzjoni spazjali aktar fil-bogħod.

4.14.

Il-Lussemburgu huwa t-tieni pajjiż fid-dinja, wara l-Istati Uniti, li għandu qafas legali, ikkontestat minn uħud, li jawtorizza l-esplorazzjoni u l-użu kummerċjali tar-riżorsi spazjali. Il-BEI ngħaqad mal-proġett b’missjoni ta’ konsulenza, bl-istess mod bħall-ESA, li biħsiebha tipprovdi pariri u gwida permezz tas-servizz konsultattiv tagħha dwar l-innovazzjoni finanzjarja.

4.15.

Il-KESE jemmen li l-UE għandha tipparteċipa aktar mill-qrib fir-riċerka fil-qasam tal-ispace mining, mil-lat teknoloġiku, finanzjarju u legali, u tiżgura li l-proġett iżomm valur Ewropew ċar, billi xi organizzazzjonijiet oħra jew intrapriżi Amerikani, Għarbin jew Ażjatiċi diġà ssieħbu fil-proġett.

4.16.

L-Ewropa teħtieġ lanċjaturi adattati għas-swieq kummerċjali u istituzzjonali jekk tassew trid tkun kapaċi żżomm l-awtonomija tagħha fl-aċċess għall-ispazju. Ir-rokits riużabbli jirrappreżentaw avvanz partikolarment promettenti li se jnaqqas l-ispejjeż u d-dewmien fir-rotazzjoni bejn illanċjar u ieħor. Fis-suq kummerċjali, il-kompetizzjoni għadha qawwija u kultant mhux ġusta. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tesplora mezzi ta’ appoġġ għar-riċerka u għall-infrastrutturi Ewropej ta’ llanċjar filwaqt li tibqa’ tirrispetta l-karattru vitali tal-preżervazzjoni tal-aċċess indipendenti tal-Ewropa għall-ispazju.

4.17.

Għalkemm, skont it-TFUE, l-Istati Membri għandhom is-setgħa li jiddefinixxu s-servizzi ta’ interess ġenerali, dan ma jnaqqas xejn mis-setgħat tal-Unjoni li tiddefinixxi fil-livell tagħha servizzi bħal dawn, malli dan jidher meħtieġ biex jiġu implimentati l-objettivi tal-Unjoni. Il-KESE jappella lill-istituzzjonijiet Komunitarji biex jirrikonoxxu l-eżistenza u l-ħtieġa ta’ servizzi Komunitarji ta’ interess ġenerali f’oqsma fejn l-azzjoni tal-UE tkun iktar effettiva biex jintlaħqu l-objettivi tagħha, kif inhu ċar fil-każ tas-settur spazjali.

Brussell, is-17 ta’ Ottubru 2018.

President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  L-ESA tħaddan 22 Stat Membru L-entitajiet nazzjonali responsabbli għall-ispazju fil-pajjiżi li ġejjin huma bbażati fi ħdan il-Kunsill tal-gvernaturi tal-ESA: il-Ġermanja, l-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, Spanja, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, in-Norveġja, in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall, ir-Repubblika Ċeka, ir-Rumanija, ir-Renju Unit, l-Iżvezja u l-Iżvizzera. Il-Kanada tipparteċipa wkoll fil-Kunsill kif ukoll f’ċerti proġetti fil-qafas ta’ ftehim ta’ kooperazzjoni. Is-Slovenja hija membru assoċjat. Seba’ membri oħġrajn tal-UE kkonkludew ftehimiet ta’ kooperazzjoni mal-ESA: il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, il-Litwanja, il-Latvja, Malta u s-Slovakkja.


Top