EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018AE3034

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Programm għas-suq uniku, il-kompetittività tal-intrapriżi, inkluż l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, u għall-istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 99/2013, (UE) Nru 1287/2013, (UE) Nru 254/2014, (UE) Nru 258/2014, (UE) Nru 652/2014 u (UE) 2017/826” (COM(2018) 441 final – 2018/0231 (COD))

EESC 2018/03034

ĠU C 62, 15.2.2019, p. 40–44 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 62/40


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Programm għas-suq uniku, il-kompetittività tal-intrapriżi, inkluż l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, u għall-istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 99/2013, (UE) Nru 1287/2013, (UE) Nru 254/2014, (UE) Nru 258/2014, (UE) Nru 652/2014 u (UE) 2017/826”

(COM(2018) 441 final – 2018/0231 (COD))

(2019/C 62/06)

Relatur:

Oliver RÖPKE

Korelatur:

Violeta JELIĆ

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 14.6.2018

Kunsill, 26.6.2018

Bażi legali

Artikoli 114(1), 169(3) 43(2) u 173(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

 

 

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adottata fis-sezzjoni

02.10.2018

Adottata fil-plenarja

17.10.2018

Sessjoni plenarja Nru

538

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

187/4/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Is-suq uniku jipprovdi bażi essenzjali għall-ħolqien tat-tkabbir ekonomiku u l-kompetittività. Dan jagħti kontribut sinifikanti lill-ħolqien ta’ impjiegi u jiggarantixxi lill-konsumaturi għażla wiesgħa ta’ prodotti u servizzi. Barra minn hekk, dan jista’ jservi bħala l-bażi għall-ħolqien ta’ ġid fl-Unjoni Ewropea.

1.2.

Il-KESE jilqa’ fil-prinċipju l-integrazzjoni ta’ ħames programmi predeċessuri (bħall-Programm Ewropew tal-Istatistika, li madankollu jmur lil hinn mis-suq intern) u numru ta’ intestaturi tal-baġit fi programm tas-suq uniku, peress li huwa mistenni li jipproduċi sinerġiji u jtejjeb il-kosteffiċjenza.

1.3.

Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li jiġu eliminati l-ostakoli eżistenti u jiġu avvanzati l-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-applikazzjoni xierqa tal-leġislazzjoni tas-suq intern tal-Unjoni. Dan huwa partikolarment il-każ fil-qasam tal-prodotti u s-servizzi, l-akkwist pubbliku, is-sorveljanza tas-suq, il-liġi tal-kumpaniji, il-liġi kuntrattwali u mhux kuntrattwali, il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, il-moviment liberu tal-kapital, is-servizzi finanzjarji u l-kompetizzjoni kif ukoll l-iżvilupp ta’ għodod ta’ governanza. Il-KESE jappella għall-ħolqien ta’ suq intern ġust u sħiħ li għandu jqis ukoll il-konformità ma’ standards tax-xogħol, tal-konsumatur u dawk ambjentali.

1.4.

Madankollu, fir-rigward tal-katina alimentari, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura finanzjament taħt kategorija 3 – “riżorsi naturali u ambjent” – minħabba r-relazzjoni mill-qrib tal-programm mal-politika agrikola.

1.5.

Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni li jiddedika 25 % tal-finanzjament disponibbli sabiex jilħaq l-objettivi tat-tibdil fil-klima tal-Ftehim ta’ Pariġi, iżda jixtieq aktar informazzjoni dwar liema nefqa hija meqjusa relatata mal-klima.

1.6.

Il-KESE jinnota li l-volum ta’ xogħol fil-politika dwar il-protezzjoni tal-konsumatur qiegħed jiżdied b’mod kostanti, mhux l-anqas minħabba t-trasformazzjoni diġitali. Għalhekk, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżviluppa aktar il-kooperazzjoni man-netwerks u mal-organizzazzjonijiet tal-konsumatur u biex iżżid il-finanzjament għall-protezzjoni tal-konsumatur kif xieraq.

1.7.

Il-KESE jinnota li, skont il-Kummissjoni, il-finanzjament għall-prijoritajiet fil-Programm tas-Suq Uniku l-ġdid huwa stabbilit għal madwar EUR 3,9 biljun, jiġifieri, madwar l-istess livell fil-perjodu ta’ finanzjament attwali 2014-2020, iżda huwa mħasseb li n-negozjati dwar il-qafas finanzjarju tal-UE jistgħu jirriżultaw fi tnaqqis u għalhekk f’baġit aktar baxx mill-passat. Madankollu, il-KESE jilqa’ l-fatt li, fil-kuntest tal-COSME, hemm disponibbli EUR 2 biljun addizzjonali taħt il-programm InvestEU u li huwa possibbli li jiġi kkombinat finanzjament minn programmi oħra.

1.8.

L-istatistika li jipproduċi l-Programm Ewropew tal-Istatistika għandha valur miżjud Ewropew għoli u tikkostitwixxi waħda mill-bażijiet għall-politiki tal-Unjoni Ewropea, inkluż, b’mod partikolari, dwar is-suq uniku. Għalhekk, il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li huwa meħtieġ ukoll, taħt il-Programm tas-Suq Uniku l-ġdid, li jitkompla l-provvediment tar-riżorsi meħtieġa għall-Programm Ewropew tal-Istatistika eżistenti.

1.9.

Il-KESE jitlob li s-sħab soċjali Ewropej jiġu involuti kif xieraq fil-fażijiet kollha tal-Programm tas-Suq Uniku l-ġdid.

2.   Kummenti ġenerali dwar il-Programm tas-Suq Uniku l-ġdid

2.1.

Il-KESE diġà saħaq ripetutament li s-suq uniku huwa pedament tal-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea u jikkontribwixxi b’mod konsiderevoli għat-tkabbir ekonomiku u għall-ħolqien tax-xogħol. Barra minn hekk, is-suq uniku jista’ wkoll jikkontribwixxi għall-prosperità (1)

2.2.

Il-KESE, fl-Opinjoni tiegħu dwar il-qafas finanzjarju pluriennali wara l-2020 (2), jinnota, b’mod kritiku, li għall-perjodu ta’ finanzjament li jmiss se jkunu disponibbli saħansitra inqas mezzi sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Unjoni milli hemm fil-perjodu attwali.

2.3.

Taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali tal-UE, il-Kumitat jipproponi li jiġi kkonsolidat numru ta’ programmi u intestaturi tal-baġit relatati mal-kompetittività tal-intrapriżi (inklużi l-SMEs), il-protezzjoni tal-konsumatur, il-konsumaturi u l-utenti aħħarin fis-servizzi finanzjarji, it-tfassil ta’ politika fis-servizzi finanzjarji, il-katina alimentari, u l-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid ta’ statistika Ewropea. Il-KESE jilqa’ din il-proposta fil-prinċipju, għax din tista’ tikseb sinerġiji u titjib fl-effiċjenza fil-finanzjament tal-proġetti appoġġjati. Il-programm joffri wkoll qafas finanzjarju aktar flessibbli, li se jagħmilha aktar faċli għall-benefiċjarji biex jimplimentaw il-proġetti.

2.4.

Evalwazzjoni tal-programmi individwali li issa se tiġi inkorporata fil-Programm tas-Suq Uniku l-ġdid turi wkoll il-valur miżjud Ewropew għoli li jipprovdu dawn id-diversi inizjattivi.

2.5.

Għandu jiġi nnutat li għad hemm xkiel u ostakli għas-suq uniku. Għalhekk huwa importanti li jiġu segwiti l-iżviluppi f’dan il-qasam, li jinżamm kont tal-ostakoli li fadal u li jiġi stabbilit pjan direzzjonali għas-suq uniku sabiex jaħdem bla xkiel fl-interessi ta’ kulħadd. Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li l-programm il-ġdid jista’ jgħin biex jittejjeb il-funzjonament tas-suq uniku permezz tat-tfassil, l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġislazzjoni tal-UE. L-azzjoni tal-UE għandha twassal għal qafas regolatorju sempliċi, ċar, stabbli u li jista’ jiġi previst għan-negozji, il-ħaddiema u ċ-ċittadini. Il-KESE jappella għal ħolqien ta’ suq intern ġust u sħiħ li għandu jqis ukoll il-konformità ma’ standards tax-xogħol, tal-konsumatur u ambjentali.

2.6.

Il-KESE speċifikament jilqa’ l-għażla ta’ attivitajiet u proġetti ta’ finanzjament b’mod kumulattiv f’bosta programmi tal-UE, bħal InvestEU, Orizzont Ewropa u l-Fond Soċjali Ewropew. Din tista’ toħloq sinerġiji u tista’ wkoll tiffaċilita l-finanzjament ta’ proġetti.

2.7.

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni wkoll lejn l-importanza partikolari ta’ aktar żvilupp tal-politika tat-taxxa tal-UE għall-promozzjoni ta’ suq uniku effiċjenti, kompetittiv u ġust (3).

3.   Objettivi tal-programm

3.1.

Intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju għandhom rwol ċentrali fl-ekonomija Ewropea. 99 % tan-negozji fl-UE huma SMEs, u żewġ terzi tal-impjegati jaħdmu f’waħda minnhom. Fil-fehma tal-KESE, għalhekk, huwa essenzjali li l-SMEs jiġu appoġġjati mill-Unjoni Ewropea fit-titjib tal-kompetittività tagħhom. Il-KESE jenfasizza l-importanza ta’ miżuri ta’ appoġġ għal servizzi professjonali u kummerċjali peress li dawn huma maħsubin biex jippromovu l-kompetittività tal-SMEs Ewropej. Dawn huma wkoll essenzjali għal ħafna setturi oħra u jaqdu rwol ċentrali għall-orjentazzjoni tal-ekonomija Ewropea.

3.2.

Il-KESE jixtieq jenfasizza l-esperjenza pożittiva tal-programm COSME, li kien ta’ benefiċċju kbir għall-SMEs bis-saħħa tal-appoġġ tiegħu orjentat lejn il-ħtiġijiet f’oqsma bħat-turiżmu, l-industrija tat-tessuti u setturi oħra, u għalhekk ta kontribut ewlieni lit-tkabbir ekonomiku u lill-ħolqien ta’ impjiegi ġodda. Għalhekk, l-appoġġ permezz ta’ COSME għandu jkompli u jiġi żviluppat iktar.

3.3.

Fi snin riċenti, l-SMEs iltqagħu ma’ diffikultajiet partikolari fl-aċċess għall-finanzjament. Nuqqas ta’ affidabbiltà kreditizja jagħmilha impossibbli għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju biex jagħmlu investimenti xierqa f’oqsma li jħarsu ’l quddiem bħad-diġitalizzazzjoni, l-innovazzjoni u l-globalizzazzjoni. Dan għandu impatt negattiv fuq it-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tax-xogħol, u saħansitra jista’ jhedded is-sopravivenza tan-negozji. Għalhekk, il-KESE jilqa’ l-possibbiltà addizzjonali ta’ rifinanzjament permezz ta’ dejn u strumenti ta’ ekwità taħt il-Fond InvestEU ġdid.

3.4.

Barra minn hekk, jeħtieġ appoġġ fil-qasam tal-bini tal-kapaċità għall-imsieħba soċjali, l-amministrazzjoni pubblika u benefiċjarji oħra biex il-partijiet interessati jingħataw il-possibbiltà li jipparteċipaw fil-programmi tal-UE.

3.5.

L-appoġġ għall-intraprendituri żgħażagħ u għal prodotti u servizzi innovattivi se jkun wieħed mill-elementi ewlenin tal-Programm tas-Suq Uniku. Fil-fehma tal-KESE, l-użu ta’ inizjattivi tar-raggruppamenti biex jiġu appoġġjati mudelli kummerċjali ġodda, teknoloġiji avvanzati, soluzzjonijiet b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju u effiċjenti fir-riżorsi u oqsma oħra bħall-inizjattivi għal attivitajiet internazzjonali, li jinstab persunal u t-titjib tal-ħiliet huwa approċċ pożittiv; il-Kumitat jappoġġja l-ħidma tal-Pjattaforma ta’ Kollaborazzjoni ta’ Raggruppament Ewropea.

3.6.

F’bosta setturi ekonomiċi, l-użu ta’ soluzzjonijiet diġitali diġà jitqies bħala fatt. Is-suċċess kontinwu u l-kompetittività tal-SMEs jiddependu mhux l-anqas fuq l-investiment fl-infrastruttura diġitali xierqa f’waqtu. Għalhekk, il-KESE jappoġġja l-idea li l-SMEs jiġu appoġġjati meta jinvestu fi proġetti diġitali. Dawn il-proġetti għandhom jitfasslu sabiex ikunu ta’ benefiċċju kemm għas-settur tan-negozju kif ukoll għas-soċjetà ċivili kollha kemm hi.

3.7.

Il-KESE huwa favur li jitkompla l-appoġġ għall-portals diġitali L-Ewropa Tiegħek, SOLVIT u Pariri tal-Ewropa Tiegħek, għas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern u għat-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Uniku, u l-promozzjoni tal-ħolqien u l-espansjoni ta’ servizzi diġitali pubbliċi addizzjonali u kooperazzjoni mill-awtoritajiet fi ħdan u bejn l-Istati Membri fil-qasam diġitali, inkluż flimkien mal-programm Ewropa Diġitali.

3.8.

B’rabta ma’ dan, il-KESE jilqa’ l-approċċ progressiv tal-Kummissjoni li jiddedika 25 % tal-finanzjament disponibbli sabiex jilħaq l-objettivi tat-tibdil fil-klima tal-Ftehim ta’ Pariġi, iżda jixtieq aktar informazzjoni dwar liema nefqa hija meqjusa relatata mal-klima.

3.9.

L-għan tal-Programm tas-Suq Uniku huwa li jappoġġja l-interessi tal-konsumatur u li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur. Il-KESE jinnota li, inġenerali, l-isfidi tal-politika dwar il-protezzjoni tal-konsumatur qegħdin dejjem jiżdiedu, parzjalment minħabba l-kummerċ online fl-oġġetti u fis-servizzi u minħabba t-trasformazzjoni diġitali, u parzjalment minħabba miżuri ta’ deregolazzjoni mhux xierqa bħall-abolizzjoni ta’ miżuri legali ta’ assigurazzjoni tal-kwalità jew dispożizzjonijiet relatati mal-aċċess għall-professjonijiet. Għalhekk, il-programm il-ġdid għandu jiżgura li l-konsumaturi jingħataw l-informazzjoni u l-appoġġ xieraq fl-attivitajiet tal-konsumatur tagħhom. Jeħtieġ ukoll li jiġu żgurati appoġġ u informazzjoni adegwati għan-negozji dwar il-protezzjoni tal-konsumatur.

3.10.

Il-kriżi finanzjarja u ekonomika li bdiet fl-2008 uriet li huwa partikolarment essenzjali li l-konsumaturi jingħataw pariri u informazzjoni komprensiva dwar is-servizzi finanzjarji, inkluż pariri dwar id-dejn. Barra minn hekk, is-soċjetà ċivili jeħtieġ li tkun involuta aktar bis-sħiħ fit-tfassil ta’ politika f’dan il-qasam, b’mod partikolari billi jiġu promossi organizzazzjonijiet li jappoġġjaw l-interessi tal-politika tal-konsumaturi fil-qasam tas-servizzi finanzjarji.

3.11.

L-għoti ta’ informazzjoni dwar is-suq u l-konsumatur, u l-aċċess għal rimedju legali, għandu jiġi żgurat permezz ta’ appoġġ għal organizzazzjonijiet tal-protezzjoni tal-konsumatur u l-awtoritajiet tal-infurzar responsabbli. Il-KESE jinnota, madankollu, li l-Patt Ġdid għall-konsumaturi ma jilħaqx l-aspettattivi leġittimi tal-konsumaturi, li kien enfasizza dwarhom fl-Opinjoni riċenti tiegħu dwar il-proposta tal-Kummissjoni.

3.12.

Il-protezzjoni tal-konsumatur fil-livell tal-Unjoni Ewropea hija appoġġjata ħafna, b’mod partikolari permezz tan-Netwerk taċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi u l-Uffiċċju Ewropew tal-Għaqdiet tal-Konsumaturi (BEUC). Fi snin riċenti, in-netwerk seta’ jilħaq miljuni ta’ konsumaturi u jżommhom infurmati, u wieġeb ukoll għal bosta mijiet ta’ eluf ta’ mistoqsijiet tal-konsumaturi. Il-BEUC kien attiv billi rrappreżenta l-interessi tal-konsumatur fl-oqsma ta’ politika tal-UE rilevanti kollha. L-appoġġ għan-netwerk u għall-BEUC ipproduċa valur miżjud Ewropew għoli. Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda li din il-kooperazzjoni ta’ suċċess man-Netwerk taċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi u mal-Uffiċċju Ewropew tal-Għaqdiet tal-Konsumaturi titwettaq fit-tul u tkompli tiġi żviluppata. Il-Kumitat jilqa’ wkoll il-kooperazzjoni ippjanata mal-organizzazzjonijiet nazzjonali tal-konsumatur.

3.13.

Sabiex tittejjeb ir-rappreżentazzjoni tal-interessi tal-konsumatur fis-servizzi finanzjarji, ġie pprovdut finanzjament għal żewġ assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ, Finance Watch u Better Finance – l-ewwel bħala proġett pilota mbagħad permezz ta’ azzjoni ta’ tħejjija. Ir-Regolament (UE) 2017/826 dwar il-bini ta’ kapaċità f’dan il-qasam jipprevedi kofinanzjament ulterjuri għal dawn l-assoċjazzjonijiet. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli ttejjeb il-kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet f’dan il-qasam ta’ politika.

3.14.

Il-KESE josserva li, fid-dawl tal-għadd kbir ta’ kompiti li għandhom jitwettqu, il-baġit għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi huwa limitat ħafna għal EUR 198,5 miljun. Il-KESE jħeġġeġ lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex iżidu l-baġit disponibbli kif xieraq.

3.15.

Data u statistika jipprovdu l-bażi għal deċiżjonijiet f’bosta oqsma, inkluża l-politika soċjali, ekonomika, reġjonali, ambjentali u agrikola. Għalhekk, l-istatistika li jipproduċi l-Programm Ewropew tal-Istatistika għandha valur miżjud Ewropew għoli u tikkostitwixxi waħda mill-bażijiet għall-politiki tal-Unjoni Ewropea, inkluż, b’mod partikolari, dwar is-suq uniku. Għalhekk, il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li il-Programm Ewropew tal-Istatistika eżistenti għandu jkompli jirċievi r-riżorsi meħtieġa taħt il-Programm tas-Suq Uniku, b’mod partikolari fid-dawl tal-ħtieġa li jiġu mmodernizzati l-proċessi ta’ produzzjoni statistika u tal-ħtieġa dejjem tikber għal data statistika.

3.16.

Fir-rigward tal-istandards, il-KESE jirrakkomanda li dawn jiġu żviluppati malajr u fil-ħin opportun, b’kooperazzjoni ma’ rappreżentanti tal-SMEs, tal-impjegati, tal-konsumaturi u dawk ambjentali.

3.17.

Il-programm tal-katina tal-provvista tal-ikel jappoġġja l-miżuri sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ ħarsien ta’ saħħa tal-bnedmin, l-annimali u l-pjanti. Barra minn hekk, is-sostenibbiltà tal-produzzjoni tal-ikel u l-għalf u l-istandards ta’ kwalità fil-livell tal-UE għandhom jittejbu. L-impatt tal-mard tal-annimali u tal-pesti għandu jiġi mminimizzat permezz ta’ programmi ta’ prevenzjoni appoġġjati mill-UE. Il-livell ta’ protezzjoni ambjentali u tal-bijodiversità għandu jiġi appoġġjat ukoll.

3.18.

Bosta mill-attivitajiet fil-programm tal-katina tal-provvista tal-ikel jaqgħu taħt il-politika agrikola u l-politika ambjentali. Għalhekk, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura finanzjament għal dawn l-attivitajiet tal-katina alimentari permezz tal-kategorija 3 dwar “riżorsi naturali u ambjent”.

4.   Baġit

4.1.

Il-Kummissjoni tipproponi baġit totali għall-Programm tas-Suq Uniku ta’ EUR 4 089 miljun għall-perjodu 2021-2027. Dan jinkludi:

madwar EUR 438 miljun għall-objettiv tas-suq intern;

EUR 1 biljun għall-programm tal-SME COSME;

EUR 198,5 miljun għall-konsumaturi;

EUR 220,5 miljun għall-istandardizzazzjoni;

EUR 552 miljun għall-istatistika; u

EUR 1,68 biljun għall-katina alimentari.

4.2.

Il-KESE jinnota li, fir-rigward tal-kumparabbiltà ta’ dawn il-pakketti finanzjarji mal-perjodu ta’ finanzjament attwali 2014-2020, Brexit u l-integrazzjoni tal-programmi individwali fil-Programm tas-Suq Uniku jfissru li jistgħu jsiru biss stqarrijiet limitati fir-rigward tal-baġit attwali.

4.3.

Il-KESE jinnota li, skont il-Kummissjoni Ewropea, il-finanzjament ipprovdut għall-Programm tas-Suq Uniku huwa komparabbli għall-perjodu finanzjarju attwali (madwar EUR 3,9 biljun), iżda huwa mħasseb li n-negozjati jistgħu jirriżultaw fi tnaqqis u b’hekk f’riduzzjoni fir-riżorsi disponibbli meta mqabbel mal-2014-2020.

4.4.

Il-KESE jinnota li aktar minn 41 % tal-baġit totali – EUR 1,68 biljun – jiġu allokati għall-katina alimentari, li s’issa jagħmilha l-element iffinanzjat l-aħjar fil-Programm tas-Suq Uniku, filwaqt li inqas minn 5 % se jkunu disponibbli għal proġetti tal-politika tal-konsumatur.

4.5.

Il-KESE jinnota bi pjaċir li, minbarra l-programm COSME ta’ EUR 1 biljun, se jkunu disponibbli EUR 2 biljun addizzjonali permezz tat-tieqa ta’ InvestEU għall-appoġġ tal-SMEs (4).

4.6.

Il-KESE jitlob li l-finanzjament għall-element tal-politika tal-konsumatur tal-Programm tas-Suq Uniku jiżdied b’mod konsiderevoli, peress li l-isfidi li qiegħda taffaċċja l-politika tal-protezzjoni tal-konsumatur qegħdin jiżdiedu b’mod konsiderevoli, mhux l-anqas minħabba l-importanza li qiegħda tikber ta’ kummerċ elettroniku transkonfinali u servizzi online.

4.7.

Fir-rigward tal-katina alimentari, il-KESE jitlob li jiġi pprovdut finanzjament taħt il-kategorija 3 dwar “riżorsi naturali u ambjent” għal miżuri li mhumiex koperti mis-sorveljanza tas-suq. Dan jinkludi, pereżempju, attivitajiet għall-ġlieda kontra l-mard tal-annimali u l-pesti tal-pjanti, u miżuri tal-benessri tal-annimali.

4.8.

Il-KESE jilqa’ l-opinjoni li jiġi kkombinat finanzjament tal-proġetti minn programmi oħra bħall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Soċjali Ewropew Plus jew il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali.

4.9.

Minbarra l-appoġġ għall-SMEs u għan-negozji ġodda u t-tisħiħ tal-kompetittività u t-tkabbir tal-intrapriżi, l-eliġibbiltà skont l-Artikolu 3 tal-Programm tas-Suq Uniku għandha tiġi estiża wkoll għal miżuri li jippermettu lill-pubbliku, konsumaturi, utenti aħħarin, trejdjunjins, u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u negozju biex ikollhom sehem attiv f’dibattitu politiku, tfassil ta’ politika u teħid ta’ deċiżjonijiet, inkluż appoġġ għall-attivitajiet ta’ organizzazzjonijiet rappreżentattivi nazzjonali u madwar l-UE.

Brussell, 17 ta’ Ottubru 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  ĠU C 125, 21.4.2017, p. 1.

(2)  ECO/460 – Opinjoni dwar Qafas Finanzjarju Pluriennali wara l-2020 (adottata fis-sessjoni plenarja ta’ Settembru 2018).

(3)  ĠU C 125, 21.4.2017, p. 1..

(4)  COM(2018) 439 final.


Top