EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018AE3007

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar (a) Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Orizzont Ewropa — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni u li jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni fih u t-tixrid tiegħu (COM(2018) 435 final — 2018/0224 (COD)) u dwar (b) Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment tal-programm speċifiku li jimplimenta Orizzont Ewropa — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (COM(2018) 436 final — 2018/0225 (COD))

EESC 2018/03007

ĠU C 62, 15.2.2019, p. 33–39 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 62/33


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar (a) Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Orizzont Ewropa — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni u li jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni fih u t-tixrid tiegħu

(COM(2018) 435 final — 2018/0224 (COD))

u dwar (b) Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment tal-programm speċifiku li jimplimenta Orizzont Ewropa — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni

(COM(2018) 436 final — 2018/0225 (COD))

(2019/C 62/05)

Relatur:

Gonçalo LOBO XAVIER

Konsultazzjoni

(a)

Parlament Ewropew, 14.6.2018

Kunsill, 25.6.2018

(b)

Parlament Ewropew, 14.6.2018

Kunsill, 27.6.2018

Bażi legali

(a)

Artikolu 173(3), Artikolu 182(1), (4) u (5), Artikolu 188 tat-TFUE; u Artikolu 7(5) tat-Trattat Euratom

(b)

Artikolu 173(3) u Artikolu 182(4) tat-TFUE

 

 

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adottata fis-sezzjoni

2.10.2018

Adottata fil-plenarja

17.10.2018

Sessjoni plenarja Nru

538

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

187/1/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni Ewropea għamlitha ċara li r-riċerka u l-innovazzjoni għandhom ikomplu jkunu prijorità essenzjali tal-UE anke fil-kuntest tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss 2021-2027. Il-KESE jieħu ħafna sodisfazzjon josserva li ħafna mir-rakkomandazzjonijiet li saru mill-Kumitat għall-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-Orizzont 2020 ġew adottati f’oqsma bħar-riċerka kollaborattiva u l-mobbiltà, kif ukoll passi biex tissaħħaħ l-innovazzjoni, jingħelbu l-inugwaljanzi bejn ir-reġjuni, jiġu promossi x-xjenza u l-attivitajiet ta’ innovazzjoni fost iċ-ċittadini, jiġu rimedjati r-rati baxxi ta’ suċċess u jitnaqqas il-piż amministrattiv (1).

1.2.

Il-KESE jenfasizza li x-xjenza, ir-riċerka u l-innovazzjoni għandhom ikunu elementi ewlenin tal-proċess tal-bini tal-komunità Ewropea u għalhekk jappoġġja l-approċċ tal-Orizzont Ewropa li jressaq liċ-ċittadini eqreb lejn dawn l-attivitajiet u l-kisbiet. Għal dan il-għan, komunikazzjoni effettiva mhux biss dwar l-opportunitajiet tal-programm iżda wkoll dwar l-effetti tal-attivitajiet ta’ innovazzjoni u ta’ riċerka fuq il-ħajja taċ-ċittadini għandha tkun parti mill-istrateġija biex tinkoraġġixxi appoġġ akbar mill-Istati Membri għal dan l-isforz.

1.3.

Il-KESE jappoġġja t-tfassil ta’ missjonijiet ta’ riċerka u innovazzjoni bħala parti mill-istrateġija tal-Orizzont Ewropa biex jinkisbu eżiti ta’ riċerka u innovazzjoni b’impatt akbar u biex verament jinbidel il-mod kif iċ-ċittadini jipperċepixxu x-xjenza u l-impatti tagħha fil-ħajja ta’ kuljum tagħhom. Il-KESE jitlob biex jiġu ddefiniti b’mod urġenti missjonijiet strateġiċi li jistgħu jistimulaw l-ekosistemi tar-riċerka u l-innovazzjoni fl-Ewropa kollha u li jagħtu spinta lir-riċerka kollaborattiva bħala l-mezz ewlieni biex jitwassal l-għarfien u jinħoloq impatt. Il-missjonijiet għandhom jiffukaw fuq mira speċifika, kwantifikabbli u li tista’ tintlaħaq u għandhom ikunu miftuħa għal kull min jista’ jipparteċipa, waqt li jattiraw ħiliet ta’ eċċellenza minn partijiet differenti tal-Ewropa.

1.4.

Il-KESE jappoġġja l-fatt li l-missjonijiet se jkunu miftuħin għal soluzzjonijiet diversi minn isfel għal fuq u jkopru ċ-ċiklu kollu tar-riċerka u l-innovazzjoni. Peress li l-missjonijiet għandhom jindirizzaw l-għanijiet fuq terminu medju sa twil, l-importanza kbira ta’ riċerka tat-Technological Readiness Level (TRL) baxx għandha tiġi riflessa wkoll fl-approċċ tagħhom. Dawn m’għandhomx ikunu ffokati biss fuq mudelli ta’ innovazzjoni lineari, li spiss huma ristretti għal innovazzjoni inkrementali, iżda għandhom espliċitament jinċentivaw mudelli ta’ innovazzjoni rivoluzzjonarji.

1.5.

Il-KESE bħala r-rappreżentant tas-soċjetà ċivili organizzata huwa miftuħ biex jagħti kontribut attiv għall-proċess ta’ kodisinn u jappoġġja l-idea tal-missjonijiet, iżda wieħed m’għandux jinsa li deċiżjonijiet li jittieħdu ħafna mill-qrib tal-utenti aħħarija jista’ jkun li jillimitaw il-kamp ta’ applikazzjoni tal-missjonijiet kif ukoll ikunu ta’ tfixkil. Il-bordijiet ta’ missjoni għandu jkollhom massa kritika ta’ kwalità għolja u suffiċjenti mill-partijiet ikkonċernati kollha, sabiex jevitaw riċerka inkrimentali jew, fl-estrem oppost, missjonijiet li jmorru lil hinn mill-kapaċitajiet tekniċi/teknoloġiċi eżistenti.

1.6.

Il-KESE jenfasizza lill-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni (EIC) bħala strument importanti biex jappoġġja innovazzjoni rivoluzzjonarja u jagħti spinta lill-intraprenditorija u l-kompetittività fil-livell tal-UE. B’dan il-mod, u filwaqt li jitqies ix-xenarju Ewropew, il-KESE jemmen li l-EIC għandu jiffoka b’mod partikolari fuq SMEs u negozji ġodda innovattivi ħafna u rivoluzzjonarji.

1.7.

Il-KESE jaqbel li l-Orizzont Ewropa għandu jintroduci x-xjenzi soċjali u umanistiċi b’mod sistematiku. Ix-xjenzi soċjali u umanistiċi għandhom jiġu indirizzati flimkien mal-approċċ teknoloġiku. L-innovazzjoni tmur ferm lil hinn mit-teknoloġija, u meta jinġiebu flimkien il-viżjonijiet differenti, il-kompromessi u l-isfidi, ix-xenarju tar-riċerka u l-innovazzjoni fl-Ewropa se jissawwar aħjar. Fil-fehma tal-KESE li tmur lil hinn mit-teknoloġija se tagħti spinta lix-xjenzi soċjali u umanistiċi madwar l-Orizzont Ewropa.

1.8.

Il-KESE jappoġġja approċċ ta’ politika ta’ “xjenza miftuħa” bħala mezz biex ikun hemm iffukar fuq xjenza eċċellenti u għarfien ta’ kwalità għolja. Ix-xjenza miftuħa hija vitali għall-iżvilupp xjentifiku ġenerali tal-istituzzjonijiet Ewropej, iżda wieħed għandu jikkunsidra l-introduzzjoni ta’ ċerta skeda ta’ żmien għall-pubblikazzjoni tar-riżultati xjentifiċi kollha sabiex jiġi żgurat li l-eżiti kollha tal-proġett se jkunu disponibbli f’repożitorji xierqa u fi ħdan skedi ta’ żmien definiti sew. Il-KESE jilqa’ l-aċċess miftuħ għal pubblikazzjonijiet u data tar-riċerka, iżda konsultazzjoni regolari mal-partijiet ikkonċernati tar-riċerka dwar rekwiżiti futuri tax-xjenza miftuħa hija ferm rakkomandata. Il-possibbiltajiet ta’ nonparteċipazzjoni stabbiliti għandhom jinżammu taħt l-Orizzont tal-Ewropa.

1.9.

Il-KESE jaqbel li l-istruttura tal-pilastri ddisinjata b’mod konġunt se ttejjeb il-koerenza interna, b’mod partikolari permezz tal-integrazzjoni tat-teknoloġiji industrijali fil-Pilastru 2, li se ttejjeb il-kontribut tal-industrija biex tindirizza l-isfidi globali u tlaqqa’ l-provvista mad-domanda għal soluzzjonijiet ġodda. Dan l-approċċ huwa apprezzat ħafna, u wieħed mis-suġġerimenti jista’ jkun li jiġu ffavoriti konsorzji li jagħlqu ċ-ċiklu ta’ innovazzjoni, jiġifieri jinkludu msieħba mid-dinja akkademika li joħolqu, il-fornituri ta’ soluzzjonijiet li jiżviluppaw soluzzjonijiet innovattivi, u l-utenti finali li jesprimu l-bżonnijiet tagħhom sabiex ikunu jistgħu joperaw b’mod sostenibbli.

1.10.

Il-KESE jilqa’ wkoll l-għan li r-regoli tal-għajnuna mill-Istat jiġu ssemplifikati aktar sabiex jiffaċilitaw il-kombinazzjoni ta’ fondi differenti, li tista’ tkun strumentali sabiex jingħelbu d-differenzi ewlenin bejn l-Istati Membri u r-reġjuni f’termini tan-numru ta’ proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni li jkollhom suċċess. Is-sinerġiji bejn id-diversi programmi ta’ finanzjament tal-Unjoni u l-politiki tal-Unjoni, jiġifieri mal-fondi strutturali permezz ta’ regolamenti kompatibbli, huma vitali biex jiggarantixxu l-akbar impatt ta’ proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni.

1.11.

Il-KESE jenfasizza l-fatt li l-appoġġjar tal-mobilità tar-riċerkaturi permezz tal-Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie huwa fundamentali wkoll għat-tisħiħ ulterjuri taż-Żona Ewropea tar-Riċerka, filwaqt li l-politiki tal-UE u dawk nazzjonali għandhom jimmiraw għal kundizzjonijiet tax-xogħol adegwati u attraenti għall-professjonisti biex jiġi evitat il-fenomenu tal-“eżodu tal-imħuħ” li huwa verament kontroproduttiv għall-kisba ta’ koeżjoni fl-UE. Barra minn hekk, huwa vitali li jissaħħaħ l-appoġġ għal riċerkaturi fil-bidu tal-karriera tagħhom fill-programm tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka.

1.12.

Fil-fehma tal-KESE għandu jkun hemm enfasi speċjali fuq l-edukazzjoni xjentifika u l-komunikazzjoni tax-xjenza fil-pilastru “Tisħiħ taż-Żona Ewropea tar-Riċerka”. Din se ssaħħaħ ix-xjenza ma’ u għas-soċjetà f’dan il-pilastru u konsegwentement fi ħdan l-Orizzont Ewropa.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir l-isforz reċenti tal-Kummissjoni biex jissaħħaħ it-tkabbir Ewropew permezz ta’ politiki Ewropej ġodda u meqjusa appoġġjati minn promozzjoni akbar ta’ attivitajiet tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni li jistgħu jipprovdu tmexxija Ewropea f’ħafna oqsma (2). Il-Komunità Ewropea ta’ innovaturi u riċerkaturi kisbet ħafna għanijiet f’dawn l-aħħar snin, iżda jibqa’ l-fatt li din is-sitwazzjoni mhijiex kompletament apprezzati miċ-ċittadini Ewropej għal diversi raġunijiet, bħan-nuqqas ta’ komunikazzjoni, nuqqas ta’ impenn mill-komunità jew anki indifferenza taċ-ċittadini lejn kisbiet xjentifiċi. Għalhekk, huwa kruċjali li din l-attitudni tas-soċjetà Ewropea tinbidel, mhux biss fuq perjodu qasir iżda wkoll sabiex tikkontribwixxi għal ekosistema ta’ innovazzjoni u xjentifika fuq perjodu twil integrata fis-soċjetà kollha kemm hi.

2.2.

Il-KESE jappoġġja l-approċċ li l-fehmiet taċ-ċittadini jistgħu jiġu mibdula billi jiġu ddefiniti l-isfidi globali ewlenin, bħala parti minn sforz qawwi ħafna biex is-soċjetà tkun immobilizzata u involvuta fil-proġett Ewropew. Li tingħata spinta lill-kompetittività tal-Ewropa permezz tal-innovazzjoni huwa fundamentali, u għandu jkun fil-ħsieb tal-mexxejja meta jiġu stabbiliti l-prijoritajiet politiċi. Wieħed ma jistax sempliċement jgħid li l-attivitajiet tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni jagħtu kontribut ewlieni għall-ħolqien u t-tkabbir tal-impjiegi. Mhuwiex biżżejjed biss li tingħata informazzjoni li żewġ terzi tat-tkabbir ekonomiku fl-Ewropa llum huwa r-riżultat ta’ attivitajiet tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni. L-Istati Membri għandhom jieħdu sehem f’dan l-isforz kollettiv.

2.3.

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir il-proposta għal Programm Ewropew ġdid għar-riċerka u l-innovazzjoni biex jiġu appoġġjati u mtejba r-riċerka u l-innovazzjoni fil-livell tal-UE għall-perjodu 2021-2027, u l-karatteristiċi ewlenin tiegħu, jiġifieri l-enfasi fuq ix-xjenza miftuħa, l-isfidi globali u l-kompetittività industrijali, u l-innovazzjoni miftuħa. Il-KESE jemmen bis-sħiħ li l-approċċ tal-kokreazzjoni, li jinvolvi lill-partijiet ikkonċernati kollha fil-komunità ta’ għarfien u innovazzjoni, huwa l-bażi biex tingħata spinta lill-kompetittività Ewropea, il-ħolqien tal-impjiegi, il-koeżjoni soċjali, b’mod partikolari l-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-ħarsien tal-ambjent f’konformità mal-Aġenda tan-NU għall-2030 u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli.

2.4.

Il-Programm Orizzont Ewropa jidher li jirrifletti l-prijorità tal-Kummissjoni biex tibni ekosistema ta’ innovazzjoni u xjentifika li tista’ tippermetti lill-UE ttejjeb l-kompetittività tagħha permezz ta’ attivitajiet strutturali li se jkollhom impatt ekonomiku u soċjali. Dan huwa kkonfermat mhux biss miż-żieda proposta fil-pakkett finanzjarju iżda wkoll mill-attivitajiet ipproġettati taħt it-tliet pilastri tal-programm.

2.5.

Il-KESE jappoġġja l-elementi l-ġodda ewlenin li huma msemmija fil-proposta ta’ Orizzont Ewropa, jiġifieri: (i) l-appoġġ għall-innovazzjoni rivoluzzjonarja permezz tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni; (ii) il-ħolqien ta’ impatt ikbar permezz tal-orjentazzjoni tal-missjoni u l-involviment taċ-ċittadini: missjonijiet ta’ riċerka u innovazzjoni; (iii) it-tisħiħ tal-kooperazzjoni internazzjonali; (iv) it-tisħiħ tal-ftuħ permezz ta’ politika aktar b’saħħitha dwar ix-xjenza miftuħa; u (v) ir-razzjonalizzazzjoni tax-xenarju finanzjarju permezz ta’ approċċ ġdid għas-Sħubijiet Ewropej.

2.6.

It-twaqqif ta’ missjonijiet tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni minn isfel għal fuq iffukati fuq sfidi globali u kompetittività industrijali jista’ jkun mod tajjeb kif is-soċjetà timpenja ruħha aktar f’attivitajiet ta’ xjenza u innovazzjoni. Dan l-approċċ jista’ jkun metodu ta’ suċċess biex jiġu involuti s-soċjetà u ċ-ċittadini fil-missjonijiet li għandhom jiġu ddefiniti, u se joħloq sens ta’ komunità li jista’ jkun essenzjali biex jinkisbu riżultati u impatt sinifikanti. Ir-rwol tas-soċjetà ċivili organizzata f’dan il-proċess, għal darb’oħra, jista’ jkun kruċjali.

2.7.

Il-KESE japprezza wkoll il-fatt li l-Orizzont Ewropa se jappoġġja “sħubijiet pubbliċi-privati” bħala strument effiċjenti biex tingħata spinta lir-riċerka kollaborattiva ffukata fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni xprunata mill-industrija, b’enfasi fuq inqas sħubijiet b’impatt ogħla. L-Ewropa għandha taċċetta l-fatt li għad hemm triq twila ħafna biex jinkiseb proċess sempliċi f’termini ta’ kollaborazzjoni effiċjenti bejn id-dinja akkademika u l-industrija. Naturalment, hemm ħafna eżempji tajbin u l-aħjar prattiki, iżda hemm ukoll lok għal titjib. Is-sħubijiet pubbliċi-privat huma waħda mill-għodod biex titnaqqas id-differenza eżistenti bejn dawn iż-żewġ dinjiet differenti iżda komplementari: id-dinja akkademika u dik tal-industrija/tas-suq.

2.8.

Il-KESE għal darb’oħra (3) jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagħmel sforzi kontinwi biex tnaqqas il-livell ta’ burokrazija fi ħdan il-programm Orizzont. Għalhekk, il-KESE jilqa’ bi pjaċir il-proposta tal-Kummissjoni li jkun hemm tnaqqis fil-burokrazija u titjib “fiż-żmien għat-tqegħid fis-suq”/livell ta’ reazzjoni għall-proposti, hekk kif jidher, pereżempju, f’Orizzont 2020, b’relazzjoni mal-“Istrument tal-SMEs” speċifiku. Is-semplifikazzjoni għandha tkun għan ewlieni fi ħdan Orizzont Ewropa, jiġifieri dwar il-perjodu għall-għotja u sussegwentement id-dħul fis-suq, rati kostanti ta’ finanzjament, numru mnaqqas ta’ strumenti, użu limitat ta’ reġistri tal-ħinijiet, użu mifrux ta’ somom f’daqqa, eċċ.

2.9.

Il-KESE jemmen li, flimkien mat-tnaqqis tal-burokrazija, it-titjib fis-semplifikazzjoni u kampanja aktar viżibbli biex l-SMEs jiġu attirati lejn l-innovazzjoni u lejn attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni, il-kunċett li fuqu huwa bbażat il-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni huwa milqugħ tajjeb ħafna, speċjalment fir-rigward tal-ixprunar tal-kummerċjalizzazzjoni, l-espansjoni tal-innovazzjonijiet, u l-intraprendituri. Fil-fatt, il-KESE jemmen li, skont din l-istrateġija, il-livell ta’ suċċess jista’ jiżdied jekk wieħed iżomm f’moħħu li xi wħud min-negozji l-ġodda u l-ideat ma rnexxewx fil-passat, għal diversi raġunijiet li l-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni jixtieq jindirizza. M’għandniex ninsew il-ħtieġa li nagħmlu l-kultura Ewropea inqas avversa għar-riskju u, f’dan il-kuntest, l-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni se jikkontribwixxi għal dan l-isforz u għandu jikkunsidra azzjonijiet ta’ riskju għoli fir-riċerka u l-innovazzjoni fl-għanijiet ġenerali u l-kriterji ta’ evalwazzjoni tiegħu.

2.10.

Il-KESE jappoġġja l-idea li jkun hemm aktar SMEs u negozji ġodda involuti fil-programm iżda għandu xi dubji dwar il-proposta ta’ espansjoni. Minkejja l-isforzi preċedenti matul il-programmi ta’ qafas, l-SMEs għandhom ikunu aktar involuti f’attivitajiet ibbażati fuq l-innovazzjoni u r-riċerka u l-Orizzont Ewropa se jkun l-aħjar ċans li jinvolvihom. L-idea ta’ involviment akbar permezz tal-kapital tista’ tkun waħda tajba, iżda l-messaġġ irid ikun ċar għall-kumpaniji kollha. Il-fatt li l-SMEs għad għandhom perspettiva differenti fejn tidħol “sjieda ta’ kapital” jirrikjedi spjegazzjoni sħiħa mill-programm sabiex tingħata spinta lill-parteċipazzjoni tal-komunità u jiġu evitati interpretazzjonijiet ħżiena. L-SMEs għandhom tradizzjoni twila ta’ kapital ibbażata fuq intraprendituri tal-familja, u proposti sabiex il-kapital tagħhom jinfetaħ għas-suq, iffinanzjati minn dan il-programm, jistgħu jqajmu mistoqsijiet speċifiċi. Għalhekk, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkun ċara ħafna dwar din il-proposta interessanti.

2.11.

Il-KESE jaqbel ukoll mal-prinċipju li ma jkunx hemm aktar investiment finanzjarju tal-UE għall-intraprendituri mingħajr djalogu mal-UE. Dan il-“motto”, imħabbar reċentement mill-Kummissarju Moedas f’sessjoni pubblika, juri idea ambizzjuża ta’ interazzjoni aktar diretta ma’ intraprendituri u kandidati, iżda huwa wkoll attitudni riskjuża ħafna: għadu mhux ċar x’tip ta’ riżorsi se jkunu allokati għall-intervisti mal-kandidati, u l-proċess kollu xorta waħda jrid ikun effiċjenti. Iżda l-KESE huwa mħejji bis-sħiħ biex jappoġġja dan l-approċċ il-ġdid kif ukoll joffri l-għajnuna tiegħu biex jikkollabora fil-proċess permezz tal-kompetenza tal-membri tiegħu u l-appoġġ tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jappoġġjaw il-membri tagħhom.

2.12.

Fl-aħħar nett, il-KESE jilqa’ wkoll bi pjaċir l-isforzi li jidher li qed isiru biex tissaħħaħ is-sinerġija tal-fondi bejn il-programmi. Is-sinerġiji tal-fondi jista’ jkollhom rwol importanti x’jaqdu fil-valorizzazzjoni u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni f’reġjuni differenti tal-Ewropa. Żieda fis-sinerġiji ma’ programmi oħra ta’ finanzjament tal-Unjoni u politiki tal-Unjoni, jiġifieri b’fondi strutturali permezz ta’ regolamenti kompatibbli, għandha tkun punt kruċjali. Fil-fatt, skont ir-regolamenti tal-QFP fir-rigward tal-fondi ta’ koeżjoni, l-Istati Membri jistgħu jittrasferixxu sa 5 % tal-allokazzjonijiet tagħhom minn fond għall-ieħor, li jippermettilhom li jittrasferixxu flus għall-investiment għal oqsma ewlenin oħra li ġew identifikati. Dan jista’ jkun pass importanti ieħor lejn l-involviment aħjar tal-Istati Membri fil-kisba tal-għan tal-programm tal-innovazzjoni u biex tingħata aktar prijorità lill-aġenda xjentifika. Il-KESE jemmen li huwa biss bl-involviment tas-setturi pubbliċi u privati li l-programm jista’ jiġi kkunsidrat bħala storja ta’ suċċess, b’impatt fuq il-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini. Aspett importanti ieħor ikun l-armonizzazzjoni tar-regoli u r-regolamenti tal-fondi differenti, mill-inqas għall-istess tipi ta’ attività, u b’mod partikolari għar-riċerka u l-innovazzjoni.

3.   Il-proposta Orizzont Ewropa (2021-2027)

3.1.

Il-proposta tal-Kummissjoni għal Orizzont Ewropa hija bbażata fuq it-tħabbira ta’ kisba ewlenija: programm ta’ EUR 100 biljun għar-riċerka u l-innovazzjoni li diġà huwa pass kbir ’il quddiem għal soċjetà ta’ għarfien Ewropea bbażata fuq ix-xjenza u l-innovazzjoni. F’dan ir-rigward, il-fatt li l-Istati Membri qablu ma’ din iż-żieda fil-baġit turi mhux biss impenn politiku imma wkoll messaġġ ċar lid-dinja: l-Ewropa trid tkun minn ta’ quddiem fil-qasam tal-innovazzjoni, u għaldaqstant inħolqu l-kundizzjonijiet ta’ finanzjament biex dan jitwettaq.

3.2.

Minbarra ż-żieda finanzjarja, hemm ftit ideat ġodda u innovattivi li l-KESE jixtieq jenfasizza bħala punti meħuda direttament mill-proposta li huma importanti għal din l-Opinjoni. Għaldaqstant nixtiequ nelenkaw il-punti li ġejjin:

(a)

L-istruttura ta’ tliet pilastri ta’ Orizzont Ewropa: kif iddikjarata mill-KE, Orizzont Ewropa mhux rivoluzzjoni imma evoluzzjoni. Għalhekk hija bbażata fuq tliet pilastri ewlenin: Xjenza Miftuħa, li tinkludi l-Kunsill Ewropew tar-Riċerka, l-Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie u l-infrastruttura tar-riċerka; l-Isfidi Globali u l-Kompetittività Industrijali, li jinkludu ħames raggruppamenti: saħħa; soċjetà inklużiva u sigura; diġitali u industrija; il-klima, l-enerġija u l-mobilità; u r-riżorsi tal-ikel u naturali; u l-Pilastru Innovazzjoni Miftuħa, mal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni, l-ekosistemi Ewropej tal-innovazzjoni u l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija. It-tliet pilastri se jkunu msaħħa b’attivitajiet li jsaħħu ż-Żona ta’ Riċerka Ewropea.

(b)

Il-ħolqien tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni biex jgħin lill-UE tkun minn ta’ quddiem nett fl-innovazzjoni li toħloq l-iswieq; l-Ewropa ilha ssegwi dan l-objettiv għal ħafna snin, iżda minkejja dawn l-isforzi, minkejja ideat eċċellenti, u minkejja komunità innovattiva u xjentifika b’saħħitha ħafna, il-livell ta’ tkabbir u l-ħolqien ta’ impjiegi ma jirriflettix il-livell ta’ impenn. Għalhekk il-proposta tal-Kummissjoni se tistabbilixxi punt uniku ta’ kuntatt biex twassal l-aktar teknoloġiji promettenti b’potenzjal għoli u dawk rivoluzzjonarji mil-laboratorju għall-użu fis-suq, u se tgħin biex in-negozji l-ġodda l-aktar innovattivi u l-kumpaniji jespandu l-ideat tagħhom. Il-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni l-ġdid se jgħin biex jiġu identifikati u ffinanzjati innovazzjonijiet b’pass mgħaġġel u b’riskju għoli li għandhom potenzjal qawwi biex joħolqu swieq kompletament ġodda. Huwa se jipprovdi appoġġ dirett lill-innovaturi permezz ta’ żewġ strumenti ewlenin ta’ finanzjament, wieħed għall-istadji bikrija u l-ieħor għall-iżvilupp u l-użu fis-suq. Huwa se jikkomplementa l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija. Il-KESE jemmen li l-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni għandu jiffoka fuq SMEs u negozji ġodda innovattivi u rivoluzzjonarji.

(c)

Fi ħdan l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija, il-proposti għal Komunitajiet futuri ta’ Konoxxenza u Innovazzjoni tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija se jiġu indikati fl-Aġenda Strateġika ta’ Innovazzjoni tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija. Il-KESE jemmen li dawn m’għandhomx jiżdiedu b’mod sinifikanti u għandhom jinżammu f’numru limitat f’konformità mal-prinċipju tas-semplifikazzjoni tax-xenarju tar-riċerka u l-innovazzjoni. Barra minn hekk, il-Komunitajiet futuri ta’ Konoxxenza u Innovazzjoni għandhom jiggarantixxu r-rappreżentazzjoni ta’ pajjiżi Ewropej differenti, partikolarment fir-rigward tal-lok taċ-ċentri ta’ innovazzjoni. L-intraprenditorija mrawma mill-pilastru akkademiku (pereżempju edukazzjoni intraprenditorjali; trawwim ta’ kollaborazzjoni qawwija mhux akkademika bejn l-industrija u d-dinja akkademika u l-identifikazzjoni ta’ ħiliet prospettivi għall-innovaturi futuri) għandha tissaħħaħ.

(d)

It-twaqqif ta’ missjonijiet tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-UE ffukati fuq sfidi globali u kompetittività industrijali. Dan l-approċċ jista’ jkun metodu li b’suċċess jinvolvi lis-soċjetà u liċ-ċittadini fil-missjonijiet li għandhom jiġu identifikati u se joħloq sens ta’ komunità li jista’ jkun essenzjali biex jinkisbu riżultati u impatt sinifikanti. L-eżempji jistgħu jvarjaw mill-ġlieda kontra l-kanċer għal trasport nadif, oċeani ħielsa mill-plastik, jew ilma sigur u nadif għal kulħadd. Dawn il-missjonijiet se jiġu ddisinjati b’mod konġunt maċ-ċittadini, il-partijiet ikkonċernati, il-Parlament Ewropew u l-Istati Membri. Il-KESE, bħala r-rappreżentant tas-soċjetà ċivili organizzata, huwa miftuħ biex jagħti kontribut attiv għall-proċess ta’ kodisinn.

(e)

Il-massimizzazzjoni tal-potenzjal tal-innovazzjoni madwar l-UE u t-tisħiħ taż-Żona Ewropea tar-Riċerka: l-appoġġ se jiġi rduppjat għall-Istati Membri li juru potenzjal ta’ rendiment fir-R&I baxx. Barra minn hekk, sinerġiji mal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (pereżempju l-Fondi Strutturali u ta’ Koeżjoni) jagħmluha faċli biex ikun hemm koordinazzjoni u biex il-fondi jiġu kkombinati flimkien u jgħinu lir-reġjuni jħaddnu l-innovazzjoni u jiksbu valorizzazzjoni fil-livell tal-UE.

(f)

Aktar trasparenza: il-prinċipju ta’ “xjenza miftuħa/innovazzjoni miftuħa” se jsir il-modus operandi ta’ Orizzont Ewropa, li jirrikjedi aċċess liberu għal pubblikazzjonijiet u data. Dan se jippromovi t-tixrid u l-isfruttament, jgħin fl-adozzjoni tas-suq u jżid il-potenzjal ta’ innovazzjoni tar-riżultati ġġenerati mill-fondi tal-UE.

(g)

Ġenerazzjoni ġdida ta’ sħubijiet Ewropej u aktar kollaborazzjoni ma’ programmi oħra tal-UE: l-aspettattiva hija li Orizzont Ewropa se jissemplifika n-numru ta’ sħubijiet li l-UE tipprogramma f’kooperazzjoni jew li tikkofinanzja ma’ msieħba bħall-industrija, is-soċjetà ċivili u aġenziji ta’ finanzjament, sabiex tiżdied l-effettività u l-impatt tagħhom fil-ksib tal-prijoritajiet ta’ politika tal-Ewropa. Orizzont Ewropa se jippromovi rabtiet effettivi u operazzjonali ma’ programmi futuri oħra tal-UE, bħall-politika ta’ koeżjoni, il-Fond Ewropew għad-Difiża, il-Programm Ewropa Diġitali u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, kif ukoll il-proġett internazzjonali għall-enerġija mill-fużjoni ITER.

(h)

Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, is-servizz tal-Kummissjoni dwar ix-xjenza u l-għarfien, se jkompli jikkontribwixxi permezz ta’ pariri xjentifiċi, appoġġ tekniku u riċerka ddedikata.

4.   Ix-xjenza u l-innovazzjoni għall-Ewropej kollha

4.1.

Iċ-ċittadini għandhom ikunu konxji dwar il-potenzjal u l-kisbiet Ewropej fir-rigward tal-attivitajiet tax-xjenza u l-innovazzjoni. Dawn l-attivitajiet huma tassew parti mill-ħajjiet ta’ kulħadd u huma opportunità reali biex is-soċjetà tkun involuta fil-proġett Ewropew. Il-kunċett u l-miżuri proposti mill-Kummissjoni huma ambizzjużi, u huma “proċess li ma jintemm qatt”, iżda dan huwa wkoll l-“aħħar ċans” biex iċ-ċittadini jkunu impenjati b’valuri Ewropej marbuta mal-innovazzjoni u x-xjenza għal kulħadd.

4.2.

L-edukazzjoni tax-xjenza u l-komunikazzjoni tax-xjenza għandhom jiġu kkunsidrati bħala approċċ fundamentali sabiex jiġi involut kulħadd fil-proġett Ewropew. L-istabbiliment tal-involviment pubbliku bħala prijorità fi ħdan l-Orizzont Ewropa se jirrappreżenta pass ċar ’il quddiem biex jitwassal dak li jitwettaq fir-riċerka u l-innovazzjoni għas-suq u għal ħajjitna ta’ kuljum. Il-proċess ta’ ħolqien konġunt, ibbażat fuq approċċ ta’ diversi partijiet ikkonċernati se jikkostitwixxi messaġġ ċar għall-involviment pubbliku fix-xenarju tar-riċerka u l-innovazzjoni. L-innovazzjoni soċjali bl-involviment tal-pubbliku u l-fiduċja fl-innovazzjoni se jkunu kruċjali sabiex jitħeġġu tendenzi ġodda ta’ governanza, produzzjoni u konsum.

4.3.

It-tixrid, il-komunikazzjoni u l-isfruttament tas-suċċess tax-xjenza u l-innovazzjoni Ewropea jidhru pjuttost ineffettivi. Iċ-ċittadini jagħtu valur lill-innovazzjonijiet tar-reġjuni l-oħra u jonqsu milli jirrikonoxxu “il-kisbiet Ewropej” anke meta dawn ikunu evidenti. Dan għandu jinbidel, għal diversi raġunijiet: minbarra l-idea li jkollna “valur Ewropew” mill-investimenti li jsiru mill-Ewropa, huwa importanti wkoll li nkunu kburin bil-kisbiet u l-għanijiet tal-UE b’rabta mal-proġett Ewropew għal kulħadd.

4.4.

L-Ewropa sikwit hija kkritikata minħabba n-“nuqqas ta’ investiment” tagħha u n-“nuqqas ta’ kultura ta’ riskju u intraprenditorija”. L-idea ġenerali tal-proposta tal-KE hija li tindirizza dawn l-isfidi u li toħloq narrattiva ġdida dwar dawn l-ideat. Il-kontribut tal-attivitajiet tax-xjenza u l-innovazzjoni biex tinbena Ewropa aħjar u aktar inklużiva huwa parti mill-bidla meħtieġa biex jiġu evitati nuqqasijiet ta’ ftehim rigward il-proġett Ewropew, u ċertament jirrappreżenta kontribut tajjeb biex iċ-ċittadini jkunu aktar involuti u jħossuhom kburin li huma parti mis-soluzzjoni. Huwa importanti wkoll li jiġu miġġielda ideat mhux preċiżi dwar l-użu ta’ fondi Ewropej fil-komunitajiet lokali: jekk iċ-ċittadini jkollhom jirrikonoxxu li flus il-kontribwenti qed jintużaw sew, dan ikun pass tajjeb lejn il-ġlieda kontra narrativi populisti estremi li għandhom jiġu kkontestati.

4.5.

Il-programm għandu, b’mod partikolari, jikkontribwixxi għat-tisħiħ taż-Żona Ewropea tar-Riċerka billi jiżgura li l-parti l-kbira tal-fondi tiegħu jintużaw għal riċerka kollaborattiva li tinvolvi parteċipanti minn Stati Membri u/jew Pajjiżi Assoċjati, biex joffri valur miżjud sinifikanti għall-UE. Il-kollaborazzjoni fost ir-riċerkaturi Ewropej, l-industriji (inklużi l-SMEs), u istituzzjonijiet pubbliċi u privati oħra kienet strumentali fil-ħolqien taż-Żona Ewropea tar-Riċerka u hija marka tal-Programmi Qafas Ewropej tar-riċerka u l-innovazzjoni, li huma apprezzati ħafna mill-partijiet ikkonċernati u għandhom jiġu ppreservati f’Orizzont Ewropa.

4.6.

L-attivitajiet tal-Orizzont Ewropa għandhom jitwettqu prinċipalment permezz ta’ sejħiet għall-proposti. Għandu jiġi żgurat li l-biċċa l-kbira tal-baġit tal-Orizzont Ewropa jintefaq permezz ta’ “sejħiet kompetittivi” li huma amministrati direttament mill-Kummissjoni Ewropea jew l-aġenziji eżekuttivi tagħha b’mod trasparenti u effiċjenti, u li n-numru u l-baġit tal-missjonijiet u s-sħubijiet għandhom ikunu limitati f’livelli raġonevoli sabiex ikun razzjonalizzat ix-xenarju tar-riċerka u l-innovazzjoni, f’konformità mal-għan ewlieni tas-simplifikazzjoni.

4.7.

L-Orizzont Ewropa għandu jirrazzjonalizza l-ħtiġijiet u l-prijoritajiet urġenti msemmija fil-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati mnedija fil-bidu tal-2018 bħala parti mill-eżerċizzju ta’ valutazzjoni tal-impatt (4). L-għan tal-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati kien li jinġabru l-fehmiet taċ-ċittadini u l-partijiet ikkonċernati dwar it-tfassil tal-Orizzont Ewropa, b’mod partikolari fir-rigward tat-trawwim tar-riċerka u l-innovazzjoni fl-UE kollha; appoġġ għall-edukazzjoni, il-ħiliet u t-taħriġ; u assigurazzjoni ta’ ambjent nadif u tajjeb għas-saħħa u l-protezzjoni tar-riżorsi naturali.

4.8.

Sabiex jikkontribwixxi b’mod attiv għall-koeżjoni tar-reġjuni differenti fl-Ewropa, iż-żieda fil-finanzjament għall-Kunsill Ewropew tar-Riċerka qed tintlaqa’ b’mod pożittiv, b’mod partikolari jekk ikun assenjat l-ewwel u qabel kollox lil riċerkaturi fil-bidu tal-kariera tagħhom, bħala l-grupp li joffri l-ikbar potenzjal possibbli għall-futur tal-Ewropa. L-eżodu ta’ mħuħ minn reġjuni periferiċi lejn oqsma oħra jeħtieġ jitrażżan u l-awtonomizzazzjoni tar-riċerkaturi fil-bidu tal-karriera tagħhom għandha ssir realtà.

4.9.

Sabiex tittejjeb l-approprjazzjoni tal-eżiti tar-riċerka mis-soċjetà ċivili, huwa importanti li jiġi enfasizzat ir-rwol fundamentali tal-innovazzjoni soċjali. Huwa importanti wkoll li tiġi enfasizzata l-importanza ta’ Intrapriżi tal-Ekonomija Soċjali u l-partijiet interessati globali, li flimkien mal-industrija u l-SMEs, attwalment jikkostitwixxu parti importanti mis-sistema ekonomika Ewropea.

5.   Ir-rwol tal-intrapriżi

5.1.

Il-KESE qed jerġa’ jtenni l-fatt li l-SMEs jirrappreżentaw il-komunità tan-negozju l-aktar sinifikanti fl-Ewropa. L-SMEs huma responsabbli għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi u għalhekk għandhom ikunu fil-qalba tal-proċess tat-tfassil tal-politika. Din il-proposta tidher li tirrifletti din l-idea, iżda fl-istess ħin il-KESE jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-fatt li m’hemmx soluzzjoni waħda tajba għal kulħadd għall-Istati Membri kollha dwar kif tista’ tingħata spinta lill-parteċipazzjoni tal-SMEs fl-Orizzont Ewropa. L-Istati Membri għandhom livelli differenti ta’ tkabbir u ekosistemi ta’ innovazzjoni strutturali, u dan għandu b’xi mod jiġi rifless fil-miżuri speċifiċi proposti.

5.2.

Il-KESE jirrikonoxxi r-rwol tan-negozji l-ġodda fl-ekosistemi ta’ innovazzjoni u xjentifiċi, iżda jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-fatt li l-intraprendituri għandu jkollhom approċċ orjentat lejn in-negozju jekk iridu jirnexxu. Huwa għalhekk mixtieq li l-intraprendituri jingħataw xi pariri dwar il-potenzjal u l-ħtiġijiet tas-suq. Il-kumpaniji l-kbar għandhom ukoll ikunu parti mill-proċess. Il-kumpaniji l-kbar jipprovdu aktar opportunitajiet għan-negozji l-ġodda u l-SMEs, mhux biss minħabba l-isfidi li joħolqu iżda wkoll minħabba l-opportunitajiet ta’ negozju li normalment jiġu mal-attivitajiet tagħhom. Għalhekk tkun idea tajba ħafna li tinħoloq ekosistema ta’ innovazzjoni aktar effiċjenti li tiġbor flimkien ir-realtajiet kollha tagħhom.

5.3.

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni tal-komunità tal-intraprendituri, u tal-Kummissjoni, għall-ħtieġa li tkun żviluppata narrattiva ġdida dwar attivitajiet industrijali. Is-setturi industrijali tradizzjonali jistgħu verament jibbenefikaw mill-attivitajiet tan-negozji l-ġodda meta dawn ikunu mmirati lejn l-isfidi li jirriżultaw mid-diġitalizzazzjoni u r-robotizzazzjoni tal-attivitajiet industrijali – lejn, pereżempju, l-ekonomija ċirkolari, jew billi tingħata spinta lill-introduzzjoni ta’ teknoloġiji tal-manifattura ġodda u avvanzati ħafna permezz tal-parteċipazzjoni tal-SMEs u tan-negozji l-ġodda u billi tiġi promossa l-kooperazzjoni tagħhom ma’ industriji kbar. Il-livell ta’ suċċess jista’ jiżdied jekk il-komunità tan-negozji l-ġodda tkun b’xi mod infurmata bl-isfidi industrijali li ġejjin.

6.   Kwistjonijiet finanzjarji

6.1.

L-allokazzjoni baġitarja proposta ta’ EUR 100 biljun għall-2021-2027 tinkludi EUR 94,1 biljun taħt Orizzont Ewropa, EUR 3,5 biljun taħt il-Fond InvestEU, u EUR 2,4 biljun għall-Programm ta’ Riċerka u Taħriġ tal-Euratom. Il-programm Euratom, li jiffinanzja r-riċerka u t-taħriġ dwar is-sigurtà nukleari, is-sigurtà u l-protezzjoni mir-radjazzjoni, se jkollu enfasi ikbar fuq applikazzjonijiet mhux relatati mal-enerġija bħall-kura tas-saħħa u t-tagħmir mediku, u se jappoġġja wkoll il-mobilità tar-riċerkaturi nukleari permezz ta’ Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie.

6.2.

Id-distribuzzjoni indikattiva tal-baġit tal-Orizzont Ewropa tenfasizza żieda sinifikanti (madwar 20 %) għall-baġit tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka u għall-Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie (madwar 10 %) meta mqabbla mal-Programm Qafas Orizzont 2020 għall-perjodu 2014-2020. Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ din iż-żieda u li l-Kunsill Ewropew tar-Riċerka għandu jiddedika l-biċċa l-kbira tal-baġit tiegħu għal riċerkaturi fil-bidu tal-karriera tagħhom fil-fażi l-aktar produttiva u kreattiva tagħhom (Għotja għar-Riċerkaturi Debuttanti (5) u Għotja ta’ Konsolidazzjoni (6)).

6.3.

Il-baġit tal- Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni jirrappreżenta l-akbar żieda fl-Orizzont Ewropa b’ammont totali ta’ EUR 13,5-il biljun. Fi ħdan il-pilastru tal-Isfidi Globali u l-Kompetittività Industrijali, ir-raggruppament “Ikel u Riżorsi u Naturali” juri l-akbar żieda, għal total ta’ EUR 10 biljun. Il-pilastru trasversali ddedikat għat-“Tisħiħ taż-Żona Ewropea tar-Riċerka” juri wkoll żieda sostanzjali fil-baġit tiegħu għal total ta’ EUR 2,1 biljun. Il-KESE jemmen li dawn ix-xejriet baġitarji qed jiġu milqugħa b’mod pożittiv u se jsaħħu ż-Żona Ewropea tar-Riċerka u jibnu ekosistema aktar b’saħħitha tar-riċerka u l-innovazzjoni magħmula minn diversi atturi madwar ir-reġjuni Ewropej kollha.

Brussell, is-17 ta’ Ottubru 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  ĠU C 34, 2.2.2017, p. 66 u Rapport ta’ informazzjoni dwar Orizzont 2020 (evalwazzjoni).

(2)  ĠU L 197, 8.6.2018, p. 10.

(3)  ĠU C 34, 2.2.2017, p. 66.

(4)  https://ec.europa.eu/info/publications/horizon-europe-impact-assessment-swd-2018-307_mt

(5)  Għal riċerkaturi ta’ kwalunkwe nazzjonalità b’sentejn sa seba’ snin esperjenza mit-tlestija ta’ PhD, rekord ta’ karriera xjentifika li tipprometti u proposta ta’ riċerka eċċellenti (https://erc.europa.eu/funding/starting-grants).

(6)  Għal riċerkaturi ta’ kwalunkwe nazzjonalità b’seba’ snin sa 12-il sena esperjenza mit-tlestija ta’ PhD, rekord ta’ karriera xjentifika li tipprometti ħafna u proposta ta’ riċerka eċċellenti. (https://erc.europa.eu/funding/consolidator-grants).


Top