EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018IE1241

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Patt Ewropew dwar il-Finanzjament għall-Klima” — (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

EESC 2018/01241

ĠU C 62, 15.2.2019, p. 8–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 62/8


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Patt Ewropew dwar il-Finanzjament għall-Klima”

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2019/C 62/02)

Relatur:

Rudy DE LEEUW

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

15.2.2018

Bażi legali

Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adottata fis-sezzjoni

5.10.2018

Adottata fil-plenarja

17.10.2018

Sessjoni plenarja Nru

538

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

172/4/1

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE huwa impenjat bis-sħiħ fil-qafas tal-programm tal-Iżvilupp Sostenibbli 2030 stabbilit min-Nazzjonijiet Uniti u mill-Ftehim ta’ Pariġi. Madankollu, it-trajettorja li ninsabu fuqha tippermetti li nillimitaw bl-aħjar mod iż-żieda fit-temperatura sa 3 oC jew aktar, ferm lil hinn minn dik prevista fil-Ftehim ta’ Pariġi.

1.2.

B’mod parallel, l-Ewropa teħtieġ nifs ġdid u proġett ġdid, ibbażat fuq il-kooperazzjoni u l-konverġenza aktar milli fuq il-kompetizzjoni, li juri l-valur miżjud konkret li din tista’ ġġib liċ-ċittadini, b’mod speċjali liż-żgħażagħ. Issa huwa essenzjali li tiġi adottata politika Ewropea proattiva u li tingħata direzzjoni ċara għall-mudell soċjoekonomiku li nixtiequ għal żmienna, iżda speċjalment għall-ġenerazzjonijiet futuri.

1.3.

L-Ewropa għandha turi li tista’ tipprovdi ambjent favorevoli ta’ negozju għall-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità għolja li jħallsu tajjeb u li jirrispettaw l-ambjent, kif ukoll ekonomija reali għall-benefiċċju tal-intraprendituri, tal-ħaddiema u taċ-ċittadini Ewropej kollha.

1.4.

Madankollu, masses kbar ta’ kapital qed isostnu bżieżaq finanzjarji ġodda minflok ma jaqdu l-ekonomija reali, u istituzzjonijiet bħall-FMI qed iħabbru l-possibbiltà ta’ kriżi ġdida u aktar devastanti minn dik tal-2008 (1).

1.5.

Il-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss (2021-2027) għandu jaqdi l-iżvilupp ekonomiku (2) u l-impjiegi (3) u jippermetti li l-UE tilħaq l-għanijiet tagħha u li tikkontribwixxi għat-tranżizzjoni għal ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju sal-2050.

1.6.

Ma jista’ jkun hemm ebda ħajja, ebda impjieg u ebda intraprenditorija fuq pjaneta mejta. It-tibdil fil-klima jirrappreżenta opportunità għall-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità għolja u għandu jkun kapaċi joffri soluzzjoni profittabbli għal min iħaddem, il-ħaddiema u għas-soċjetà ċivili. Id-dewmien fl-adattament, jew in-nuqqas totali ta’ azzjoni, jista’ jżid b’mod sostanzjali l-ispiża totali tat-tibdil fil-klima (4).

1.7.

Il-Kummissjoni, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri u l-Bank Dinji jirreferu għall-istess ammonti: ser jinħtieġ investiment ta’ EUR 1,115-il biljun fis-sena fl-UE mill-2021 ’l quddiem biex tittieħed azzjoni u jintlaħqu l-għanijiet tal-UE sal-2030 (5). Dawn l-EUR 1,115-il biljun jinkludu xi wħud mill-investimenti attwali li għandhom jiġu allokati mill-ġdid favur l-iżvilupp sostenibbli (allokazzjoni ekoloġika). L-ispejjeż marbutin man-nuqqas ta’ azzjoni huma ta’ EUR 190 biljun fis-sena (jiġifieri 2 % tal-PDG tal-UE) (6).

1.8.

Kif irrakkomandaw bosta ekonomisti u figuri politiċi tas-soċjetà ċivili (7), huwa importanti li ninkoraġġixxu u nappoġġjaw kwalunkwe proġett li jista’ jgħaqqad il-forzi Ewropej fl-interess tal-ħaddiema, tal-intrapriżi u taċ-ċittadini Ewropej kollha. Dan huwa l-għan ta’ patt dwar il-finanzjament għall-klima għal impjiegi ta’ kwalità għolja.

1.9.

Il-patt dwar il-finanzjament għall-klima għandu l-għan li jidderieġi lejn il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-ekonomija reali l-kapital li jista’ jwassal għal bużżieqa finanzjarja ġdida. Dan għandu jkun soġġett ukoll għal finanzjament ġdid, b’mod partikolari għall-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju. Il-patt għandu jikkostitwixxi pjan direzzjonali ġdid għal tmexxija Ewropea u jsejjaħ biex jiġi adottat pjan integrat (bil-kooperazzjoni taċ-Ċina u tal-Indja li huma parteċipanti ewlenin fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima).

1.10.

Fil-fehma tal-KESE, dan il-pjan direzzjonali għandu jħaddan l-aspetti kollha tal-politika dwar il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima: tranżizzjoni ġusta (miżuri sabiex jittaffew l-effetti tat-tibdil, iżda li jikkumpensaw ukoll għad-danni u għat-telf) kif ukoll politiki reali ta’ adattament għat-tibdil fil-klima. Il-mudell tal-ekonomija ċirkolari għandu jiġi preferut (8) kemm jista’ jkun u għandu jittejjeb il-qafas regolatorju tiegħu. Kollox għandu jkun iffinanzjat minn baġits adatti għar-riorjentazzjoni tal-investimenti eżistenti (direzzjoni ekoloġika) u minn sorsi ġodda u aċċessibbli ta’ finanzjament.

1.11.

Din it-tranżizzjoni twassal għat-trasformazzjoni meħtieġa fis-suq tax-xogħol u tista’ tikkontribwixxi għall-ħoqien ta’ impjiegi ta’ kwalità għolja fil-qafas tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (9).

1.12.

Huwa indispensabbli li tiġi appoġġjata evoluzzjoni soċjali lejn mudell ta’ soċjetà sostenibbli u li jkun hemm pjan ta’ azzjoni għal tranżizzjoni ġusta li ma twarrab lil ħadd fil-ġenb.

1.13.

Din it-tranżizzjoni tinvolvi investimenti kbar fir-riċerka u fl-iżvilupp (R&Ż) u innovazzjoni li tinkoraġġixxi u tappoġġja l-proġetti innovattivi li jissodisfaw it-tassonomija Ewropea.

1.14.

Din tirrikjedi li ma nerġgħux nirrepetu l-iżbalji tal-imgħoddi (is-sussidji tal-karburanti u l-isfruttament eċċessiv tal-enerġiji fossili) u li nwaqqfu kull inkoraġġiment għal proġetti li jagħmlu ħsara lill-klima u/jew li jmorru kontra l-Ftehim ta’ Pariġi.

1.15.

Biil-għan li jintlaħqu l-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi, parti sinifikanti mill-investimenti fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima għandha ssir mis-settur privat, flimkien mal-fondi pubbliċi.

1.16.

Il-patt jirrikjedi l-istabbiliment ta’ qafas Ewropew ċar u prevedibbli ta’ politika fuq medda twila ta’ żmien sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-ippjanar b’rabta mal-investimenti (10). Dan il-qafas għandu jkun akkumpanjat minn mekkaniżmi ta’ aġġustament fil-fruntieri għall-prodotti li ma jkunux soġġetti għall-istess standards soċjali u ambjentali.

1.17.

Fil-fehma tal-KESE, u kif innutat mill-Kummissjoni, huwa indispensabbli li tiġi stabbilita sistema ta’ klassifikazzjoni unifikata (tassonomija) tal-UE, biex jinżammu l-proġetti sostenibbli (u jitwarrbu dawk li mhumiex) u biex jiġu identifikati l-oqsma li fihom l-investimenti jista’ jkollhom l-akbar impatt. Il-Parlament Ewropew jappoġġja dan l-approċċ u jipproponi wkoll l-istabbiliment ta’ “tikketta ekoloġika”. Din it-tikketta għandha mbagħad tingħata lil investimenti li jissodisfaw it-tassonomija tal-UE u l-iktar standards eżiġenti mil-lat tas-sostenibbiltà, bil-għan li l-investimenti jiġu allokati b’mod pożittiv (11).

1.18.

Il-proġetti li għandhom jiġu appoġġjati, li ser ikunu konsistenti mal-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti u li jitolbu mezzi sostanzjali fil-qasam tal-innovazzjoni u r-R&Ż, għandhom jiġu infurzati permezz ta’ għodda, b’mod li jkun possibbli li jiġu viżwalizzati s-sorsi differenti ta’ finanzjament (fosthom, il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss) u permezz ta’ azzjonijiet differenti:

direzzjoni ġdida tal-finanzjamenti lejn investimenti sostenibbli permezz ta’ “allokazzjoni ekoloġika” u, f’dan il-kuntest, il-promozzjoni ta’ self mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) b’“tikketta ekoloġika”;

l-użu tat-tnaqqis kwantitattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) bħala sors ta’ finanzjament;

żieda sa 40 % tas-sehem tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi ddedikat għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;

jeħtieġ li l-UE turi livell ta’ ambizzjoni li jirrifletti l-isfida tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; jeħtieġ li tiġi allokata medja ta’ 40 % tal-baġit globali tagħha (QFP 2014-2020) għal dan l-għan;

żieda tas-sehem tal-Fond Ewropew ta’ Koeżjoni li taqbeż l-20 % attwali;

il-mobilizzazzjoni ta’ 3 % tal-fondi tal-pensjoni u tal-assigurazzjoni;

appoġġ lill-intrapriżi, b’mod partikolari l-SMEs, fl-investiment fir-R&Ż sa mhux iżjed minn EUR 100 biljun iddedikati għal dan l-għan;

ir-rispett tal-impenji tal-assistenza finanzjarja fir-rigward tal-pajjiżi tan-Nofsinhar li jieħdu sehem fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;

l-introduzzjoni ta’ klawżola rigward il-“Ftehim ta’ Pariġi” li tkun vinkolanti tabilħaqq fil-ftehimiet kummerċjali tal-UE.

2.   Introduzzjoni

2.1.

L-Artikolu 3 tat-Trattat UE jiddikjara li l-UE għandha tippromovi tkabbir sostenibbli li jirrispetta l-ambjent. L-urġenza klimatika issa saret prijorità assoluta, inkluż għall-KESE, u tikkostitwixi qafas globali ta’ azzjoni mhux biss għall-awtoritajiet pubbliċi, iżda wkoll għall-atturi ekonomiċi, għall-ħaddiema u għaċ-ċittadini. Għaldaqstant, għandha tiġi organizzata tranżizzjoni ekonomika, soċjali u ambjentali wiesgħa u, fuq kollox, iffinanzjata (12).

2.2.

Għalhekk, id-diskussjoni li għadha kif ġiet imnedija dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali futur tal-UE għall-perjodu 2021-2027 għandha tintegra, b’mod orizzontali, suġġetti relatati mal-kwistjoni tat-tibdil fil-klima u għandha tiffoka fuq l-għan prijoritarju ta’ tranżizzjoni għal dinja aktar sostenibbli.

2.3.

Din it-tranżizzjoni twassal għat-trasformazzjoni meħtieġa fis-suq tax-xogħol u tista’ tikkontribwixxi għall-ħoqien ta’ impjiegi ta’ kwalità għolja fil-qafas tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

2.4.

L-Ewropa teħtieġ proġett ġdid biex tibni fuq il-valur miżjud tagħha u biex turi li tista’ tipprovdi ambjent favoerevoli għan-negozju għall-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità għolja li jħallsu tajjeb u ekonomija reali u sostenibbli għall-benefiċċju ta’ kulħadd.

2.5.

L-Ewropa ser tkun parti mis-soluzzjoni, peress li ser tagħmel differenza fil-konfront tal-atturi ekonomiċi internazzjonali l-oħrajn jekk tindirizza, fl-istess waqt, it-tliet aspetti soċjali, ambjentali u ekonomiċi tal-iżvilupp sostenibbli.

2.6.

Studji reċenti mwettqa mill-FMI u l-OECD ikkritikaw il-mod li bih ġiet ġestita l-kriżi tal-2008 billi ġew adottati miżuri ekonomiċi li ġiegħlu lill-individwi, l-intrapriżi u l-gvernijiet jagħmlu tnaqqis baġitarju.

2.7.

Jinħtieġ investiment akbar fl-innovazzjoni u fir-R&Ż biex jiġu indirizzati sfidi soċjoekonomiċi ġodda bħat-tranżizzjoni tal-enerġija, l-ekonomiji ċirkolari u kollaborattivi u l-awtomatizzazzjoni, u bh’ekk tiġi pprevenuta d-degradazzjoni tal-kwalità tal-impjiegi.

2.8.

Minbarra l-kriżi finanzjarja u soċjali hemm ukoll kriżi politika, jew, f’ċerti pajjiżi, taqlib politiku qawwi, u kriżi ekoloġika.

2.9.

Għalhekk, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima tirrappreżenta ħtieġa, iżda wkoll opportunità, biex nerġgħu nibnu l-ekonomiji tagħna, biex nippromovu mudell sostenibbli ta’ tkabbir, biex niġġieldu aħjar kontra l-inugwaljanzi u biex insaħħu d-demokraziji tagħna.

3.   Il-fatti

3.1.

Il-KESE huwa impenjat bis-sħiħ fl-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti, li għandha l-għan li tiddefinixxi sett ta’ għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli biex jinqered il-faqar, tiġi protetta l-pjaneta, tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tiġi garantita l-prosperità ta’ kulħadd. L-adozzjoni ta’ dan il-programm tirrappreżenta tranżizzjoni storika għal mudell ġdid li jindirizza d-disparitajiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali fil-kuntest ta’ approċċ universali u integrat.

3.2.

Il-Ftehim ta’ Pariġi għandu l-għan li jżomm sal-2100 t-tisħin globali “sew taħt iż-2 oC aktar mil-livelli preindustrijali” u, jekk possibbli, li jistinka biex “jitkomplew l-isforzi biex iż-żieda fit-temperatura tinżamm taħt il-1,5 oC”. Madankollu, skont in-Nazzjonijiet Uniti, it-trajettorja li ninsabu fuqha ma tippermettix li nillimitaw iż-żieda fit-temperatura sa aktar minn 3 oC (jew aktar).

3.3.

It-tibdil fil-klima jġib miegħu spejjeż umani u finanzjarji sinifikanti ħafna, l-aktar minħabba ż-żieda fid-diżastri naturali: il-mewġiet ta’ sħana u t-tlugħ fil-livelli tal-baħar ikkontribwixxew għall-mewt ta’ tmien miljun ruħ fid-dinja kollha mill-bidu tas-seklu 20 ’l hawn, bi spiża ta’ USD 7 000 biljun (13). Qed nosservaw ukoll żieda fl-għadd ta’ refuġjati minħabba l-klima (250 miljun minn issa sal-2050). Għaldaqstant, l-iżjed dgħajfa huma wkoll l-ewwel vittmi tat-tibdil fil-klima, li jżid l-inugwaljanzi. Skont il-FMI, iż-żieda fl-inugwaljanzi tipperikola t-tkabbir ekonomiku sostenibbli (14).

3.4.

F’xenarju ta’ status quo, jekk ma jittiħdux miżuri ta’ adattament, it-tibdil fil-klima mistenni sal-2080 ser jiswa lill-unitajiet domestiċi tal-UE EUR 190 biljun kull sena (meta wieħed iqis biss l-ispejjeż tal-assigurazzjoni li jinkludu d-danni klimatiċi) bi prezzijiet kostanti (15).

3.5.

Minkejja li nkiseb progress fil-finanzjament tal-ġlieda kontra t-tisħin globali u l-effetti tiegħu, dan mhuwiex biżżejjed. Għandha tingħata prijorità politika lil finanzjament u lil ekonomija sostenibbli, b’mod partikolari permezz ta’ qafas a’ politika ċar, stabbli u bbażat fuq l-inċentivi, li għandu jinkoraġġixxi wkoll l-implimentazzjoni ta’ proġetti innovattivi, b’valur miżjud għoli u favur l-ambjent.

3.6.

Minkejja li l-Ewropa għadha ma rkupratx għalkollox mill-kriżi finanzjarja tal-2008, illum il-FMI qiegħed iwissi u jissuġġerixxi riskju ta’ kriżi aktar serja u aktar mifruxa minn dik tal-2008 (16).

3.7.

Skont P. Larrouturou and J. Jouzel, mill-EUR 2,200 biljun allokati mill-Bank Ċentrali Ewropew mill-2015 ’l hawn, 11 % biss ġew injettati fl-ekonomija reali, filwaqt li 89 % sostnew l-ispekulazzjoni u bużżieqa finanzjarja ġdida (17). Barra minn hekk, l-OECD identifikat kważi 800 programm ta’ nfiq u ta’ ħelsien mit-taxxa implimentati fil-35 pajjiż tal-OECD u f’sitt ekonomiji emerġenti ewlenin tal-G20 (18), li jħeġġu l-produzzjoni jew il-konsum ta’ karburanti fossili, u dan imur għalkollox kontra l-linji gwida stabbiliti fil-Ftehim ta’ Pariġi.

3.8.

Dawn l-orjentazzjonijiet ħżiena tal-finanzjamenti, kemm jekk minħabba spekulazzjoni u kemm jekk minħabba allokazzjoni ta’ fondi li tmur kontra l-għanijiet tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima stabbiliti mill-UE, ifissru spejjeż għaljin fil-livell ekonomiku, soċjali u ekoloġiku għall-komunità Ewropea kollha.

3.9.

Il-Parlament Ewropew jinnota li l-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-perjodu 2014-2020 wera l-inkapaċità tiegħu li jissodisfa l-ħtiġijiet attwali. Barra minn hekk, dan ma jindirizzax sensiela ta’ kriżijiet u ta’ sfidi ġodda (fost l-oħrajn, l-agrikoltura, l-impjieg fost iż-żgħażagħ, l-investiment sostenibbli u l-ambjent). Din hija r-raġuni għaliex dan il-qafas finanzjarju futur issa għandu jitpoġġa għas-servizz tal-kwistjoni ewlenija tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, u permezz tiegħu jinħolqu impjiegi ta’ kwalità għolja.

4.   L-opportunitajiet

4.1.

L-intraprendituri l-kbar iqisu bis-sħiħ il-possibbiltajiet li joffri t-tibdil fil-klima. Bosta minnhom jemmnu li l-intrapriżi għandhom ikunu parti mis-soluzzjoni u qed jenfasizzaw li dawk li ħatfu l-opportunitajiet disponibbli fis-setturi b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju qed jiġu dejjem aktar ippremjati.

4.2.

Fil-fehma tal-intraprendituri, huwa possibbli li jinħolqu l-impjiegi u l-innovazzjoni filwaqt li nersqu lejn ekonomija prospera u b’livell baxx ta’ karbonju (19), filwaqt li xorta jiġu ġġenerati l-profitti. Dan huwa importanti ħafna peress li l-għan ta’ “emissjonijiet żero tal-karbonju” mistenni jkun effettiv sa nofs is-seklu sabiex jintlaħaq l-għan ta’ tisħin taħt iż-2 oC.

4.3.

Il-patt dwar il-finanzjament għall-klima għandu jgħin biex nittrasformaw il-ħtieġa li nirrispondu għat-tibdil fil-klima f’opportunità biex nibdlu l-industrija Ewropea u niġġeneraw intrapriżi ġodda. Għalhekk huwa importanti li ninvestu b’mod sinifikanti fl-ekonomija reali u fir-riċerka u l-iżvilupp sabiex noħolqu impjiegi sostenibbli u ta’ kwalità.

4.4.

Ir-rata ġenerali tal-impjieg fl-Unjoni Ewropea żdiedet, filwaqt li l-qgħad naqas bis-saħħa tat-titjib ekonomiku ta’ dan l-aħħar. Iżda l-qgħad fit-tul, il-prekarjetà tal-impjieg, b’mod partikolari dak tan-nisa, kif ukoll il-qgħad fost iż-żgħażagħ, għadhom inkwetanti ħafna. It-tranżizzjoni għall-iżvilupp sostenibbli għandha tippermetti li l-intrapriżi dinamiċi u innovattivi jaħtfu kull opportunità li tiġihom u jgħinu safejn possibbli biex tittejjeb is-sitwazzjoni tal-qgħad.

4.5.

Huwa għalhekk li huwa essenzjali li l-Unjoni Ewropea, bil-kooperazzjoni tal-Istati Membri, taħdem biex tistabbilixxi strateġija kkoordinata għall-provvediment ta’ ambjent favorevoli għall-ħolqien ta’ impjiegi sostenibbli u ta’ kwalità għolja. Jeħtieġ li l-Kummissjoni teżamina l-possibbiltà li jiġu esklużi maill-kalkolu tad-dejn (20) l-investimenti pubbliċi li jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità għolja u għal ekonomija sostenibbli li tibbenefika lill-intrapriżi u l-ħaddiema kollha.

4.6.

L-UE tħeġġeġ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri. Din tappoġġja u tevalwa l-isforzi tagħhom, prinċipalment fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, tal-linji gwida dwar l-impjieg u tal-monitoraġġ tal-politiki nazzjonali (rapporti konġunti dwar l-impjieg, il-programmi nazzjonali ta’ riforma u r-rakkomandazzjonijiet għall-pajjiżi). Iżda l-UE għandha tkun kapaċi wkoll tallinja l-politiki tagħha mal-finijiet u mal-għanijiet li jappoġġjaw prosperità kondiviża bejn l-intraprendituri, il-ħaddiema u ċ-ċittadini Ewropej.

4.7.

L-ADEME (21) tqis li l-potenzjal tal-ħolqien tal-impjiegi netti relatati mal-klima fl-Ewropa huwa ta’ 5 sa 6 miljuni ta’ impjiegi sal-2050 u, skont il-Kummissjoni Ewropea, jistgħu jinħolqu 3 miljun impjieg fl-enerġiji rinnovabbli minn issa sal-2020.

4.8.

Il-konfederazzjoni tal-impjegaturi BDI fil-Ġermanja, min-naħa tagħha, ħabbret li tista’ tilħaq l-għan li tnaqqas l-emissjonijiet tas-CO2 bi 80 % fl-2050 jekk ikollha EUR 50 biljun fis-sena matul dan il-perjodu.

4.9.

Nistgħu ninnotaw żieda fl-impjiegi ekwivalenti ta’ ingaġġ full-time fl-ekonomija ekoloġika (minn 2,8 miljuni fl-2000 għal 4,2 miljuni fl-2014). Ċerti setturi huma dinamiċi ħafna: l-enerġiji rinnovabbli (miljun impjieg maħluq mis-sena 2000 ’l hawn: + 182 %) jew l-immaniġġjar tal-iskart (minn 0,8 miljun fl-2000 għal 1,1 miljun fl-2014: + 36 %).

4.10.

Madankollu, huwa essenzjali li l-SMEs kif ukoll il-kooperattivi u l-iżgħar organizzazzjonijiet preżenti fil-livelli lokali kollha jkunu jistgħu jinvolvu ruħhom ukoll fi proġetti sostenibbli u li l-finanzjament tagħhom jingħatalhom bħala prijorità. Għalhekk għandu jiġi żgurat li l-aċċess għall-finanzjamenti ma jirrappreżenta l-ebda ostaklu għalihom (22).

4.11.

Barra minn hekk, huwa importanti li jiġi adottat approċċ b’diversi livelli u li jiġu involuti l-partijiet interessati kollha, kemm pubbliċi kif ukoll privati, b’tali mod li jitħeġġu u jiġu integrati l-inizjattivi, il-pjani u l-azzjonijiet tan-netwerks tar-reġjuni, tal-bliet u tal-muniċipalitajiet involuti fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi, kif indikat mill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni f’Opinjoni reċenti (23).

4.12.

Finalment, il-patt dwar il-finanzjament għall-klima, li jeħtieġ li jimmobilizza l-enerġiji kollha u r-rieda t-tajba, sew fil-livell pubbliku kif ukoll dak privat, għandu jqis il-miżuri ta’ akkumpanjament proposti mill-kummissjoni, bħal, fost l-oħrajn, it-tassonomija (klassifikazzjoni), ir-rekwiżit għall-investituri istituzzjonali li jintegraw is-“sostenibbiltà”, l-informazzjoni għall-investituri, ir-rikalibrar tal-fondi proprji tal-banek, it-tisħiħ tat-trasparenza fir-rigward tal-informazzjoni ppubblikata mill-intrapriżi jew it-tikketti tal-UE (issuġġeriti mill-Parlament Ewropew).

5.   Is-sorsi differenti ta’ finanzjament u l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu

Ir-riorjentazzjoni (allokazzjoni ekoloġika) u sorsi ġodda ta’ finanzjament

5.1.

Il-Kummissjoni Ewropea u l-Qorti tal-Awdituri jikkwotaw l-istess ċifri u jaqblu dwar il-bżonn li jiġu allokati madwar EUR 1,115-il biljun fis-sena għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-effetti tiegħu.

5.2.

F’dan il-pakkett ta’ EUR 1,115-il biljun, għall-perjodu 2021-2030, jinħtieġ li ssir distinzjoni bejn żewġ kategoriji ta’ proġetti li għandhom jiġu ffinanzjati (24):

minn naħa, il-proġetti b’redditu fuq l-investiment u li jaqgħu fl-oqsma ta’ intervent tal-BEI u tal-banek pubbliċi tal-iżvilupp (25), tal-banek privati, tal-fondi tal-pensjoni u tal-assigurazzjoni jew tal-fondi sovrani;

min-naħa l-oħra, il-proġetti li jeħtieġu sussidji pubbliċi, li għandhom jiġu ffinanzjati minn kontribuzzjonijiet Ewropej.

5.3.

Dan jinvolvi li tingħata direzzjoni ġdida lill-finanzjamenti attwali kollu jew parti minnu lejn investimenti sostenibbli, jiġifieri li “nekoloġizzaw” il-qafas finanzjarju Ewropew u li nallokaw mill-ġdid il-fondi fid-direzzjoni tal-ġlieda kontra l-effetti tat-tibdil fil-klima. Il-finanzjamenti kkonċernati huma dawn:

is-self tal-BEI: il-banek privati jista’ jkollhom il-finanzjament tal-BEI għall-investimenti li jissodisfaw it-tassonomija (klassifikazzjoni) tal-UE;

il-ħolqien monetarju tal-BĊE, billi l-masses monetarji maħruġa mit-tnaqqis kwantitattiv jiġu orjentati lejn l-ekonomija reali u sostenibbli: 50 % tat-tnaqqis kwantitattiv annwali jippermetti li jiġu ġġenerati mijiet ta’ biljuni ta’ euro kull sena;

sehem ta’ 40 % (minflok l-20 % attwali) tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (BEI u l-Kummissjoni) għandu jiġi ddedikat għall-ġlieda kontra t-tisħin globali u l-effetti tiegħu, inklużi d-dimensjonijiet soċjali u edukattivi tiegħu;

jeħtieġ li l-UE turi livell ta’ ambizzjoni li jirrifletti l-isfida tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima: jeħtieġ li tiġi allokata medja ta’ 40 % tal-baġit tagħha għal dan l-għan klimatiku, b’mod partikolari l-Fond Ewropew ta’ Koeżjoni, li jiddedika biss 20 % tal-mezzi tiegħu għal din il-ġlieda fil-baġit li jkopri l-perjodu 2014-2020;

flimkien ma’ dan il-finanzjament, 3 % tal-investimenti tal-fondi tal-pensjonijiet u tal-assigurazzjoni għandhom ikunu ddedikati għall-ġlieda kontra t-tisħin globali.

5.4.

Jeħtieġ li jsir sforz partikolari fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp u t-taħriġ vokazzjonali; għandhom jitwarrbu EUR 100 biljun fis-sena għal dan l-għan biss. Il-Kumitat ser iressaq proposti fi żmien propizju biex jiġi deċiż liema strument jew strumenti għandhom jintużaw sabiex jissupplimentaw il-finanzjament attwali u futur meħtieġ għal dan l-għan.

L-azzjonijiet li jridu jittieħdu

5.5.

Bosta strumenti finanzjarji jistgħu jsiru disponibbli għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, iżda l-finanzjamenti se jkunu disponibbli biss jekk l-Ewropa jkollha pjan koerenti b’direzzjoni ċara u fit-tul (26). Dan il-pjan għandu jqis l-elementi li ġejjin:

5.5.1.

Għandu jiġi stabbilit qafas ta’ politika ċar, stabbli u fit-tul. Dan jirrikjedi li nipprovdu s-sigurtà għall-ippjanar u għall-investimenti, ġaladarba ma hemm xejn iżjed ta’ ħsara għall-impenn mitlub mill-insigurtà marbuta mat-tibdil kostanti fil-politika.

5.5.2.

Sa minn Jannar 2018, il-BEI sar l-akbar emittent tal-bonds ekoloġiċi fid-dinja. Jekk irridu nippermettulu jsellef taħt kundizzjonijiet saħansitra aktar favorevoli lill-promoturi ta’ proġetti rilevanti għall-patt dwar il-finanzjament għall-klima, jistgħu jiġu adottati żewġ miżuri:

L-ewwel nett, il-“Pjan Juncker” għandu jiġi estiż billi jiġu mmirati dawn il-proġetti, u dan għandu jippermetti li l-BEI jibbenefika mill-garanzija tal-“Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi”.

Imbagħad il-BEI jkun jista’ jikseb aktar fondi mill-BĊE. Il-BEI diġà għandu aċċess għall-programm tax-xiri tal-assi tal-BĊE, iżda b’mod limitat ħafna. Madankollu, minħabba l-ammonti previsti, il-BEI malajr ikollu jiffaċċja problema tal-proporzjon tal-fondi proprji. Huwa għalhekk li nistgħu nimmaġinaw li l-BEI ser isir il-bank għall-iżvilupp sostenibbli, prinċipalment billi jiffinanzja t-tranżizzjoni tal-enerġija, il-mobbiltà ekoloġika u l-innovazzjoni, u billi jirrifjuta li jiffinanzja proġetti tradizzjonali li, attwalment, jirrappreżentaw il-biċċa l-kbira tas-self tiegħu.

5.5.3.

L-għan għandu jkun li jiġu identifikati s-setturi li fihom dawn il-baġits ikunu l-aktar ta’ benefiċċju u l-aktar interessanti mill-perspettiva tal-proporzjon kostijiet-benefiċċji għall-ambjent, għaċ-ċittadini u għall-ekonomija (l-enerġija, l-abitazzjoni, l-agrikoltura, il-mobbiltà, it-trasport, ir-riċiklaġġ, l-ilma, eċċ.). Għalkemm jinħtieġ aċċess ġust għan-netwerk, huwa importanti li nqisu l-fatt li xi setturi huma kosteffettivi biżżejjed u m’għadhomx jeħtieġu sussidji, pereżempju l-fotovoltajċi.

5.5.4.

L-azzjoni tal-BEI għandha tissaħħaħ, mhux biss fil-volum iżda wkoll fil-kapaċità tagħha li tieħu aktar riskji. Għalhekk, il-BEI jkun iktar utli fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima billi jappoġġja setturi emerġenti, anke żgħar, milli billi jalloka biljuni ta’ euro lill-industrija fotovoltajka jew lill-industrija tar-riħ konvenzjonali, li fil-biċċa l-kbira diġà huma ffinanzjati mis-settur privat.

5.5.5.

Il-finanzjamenti kollha għandhom, kif propost mill-Kummissjoni, jissodisfaw tassonomija (klassifikazzjoni) komuni tal-UE. Il-KESE, bħala rappreżentant tas-soċjetà ċivili, għandu jkun involut fl-arranġamenti prattiċi għat-tfassil ta’ din il-klassifikazzjoni.

5.5.6.

Il-mudell tal-ekonomija ċirkolari għandu jiġi preferut kemm jista’ jkun u għandu jittejjeb il-qafas regolatorju tiegħu. L-ekonomija ċirkolari għandha tagħmilha possibbli li titnaqqas jew li maż-żmien saħansitra titwaqqaf l-estrazzjoni tar-riżorsi naturali billi jiġu rriċiklati l-oġġetti (3 % biss tat-telefons ċellulari jiġu rriċiklati; oġġetti oħra ma jiġu rriċiklati xejn) u l-metalli prezzjużi. Dawn il-metalli, pereżempju l-kobalt jew il-litju, li jintużaw fil-manifattura ta’ prodotti tal-ġejjieni, huma disponibbli biss fi kwantitajiet żgħar apparagun mal-ħtiġijiet tal-ġejjieni, għall-elettrifikazzjoni tal-vetturi u għall-ħażna tal-elettriku.

5.5.7.

B’mod ġenerali, il-produzzjoni ta’ dawn il-metalli hija sproporzjonata għall-ħtiġijiet emerġenti. Għandhom jitħeġġu wkoll l-investimenti fl-effiċjenza enerġetika tal-binjiet, li jammontaw għal 30 % tal-emissjonijiet tas-CO2 (speċjalment peress li r-redditu fuq l-investiment huwa rapidu). Barra minn hekk, jinħtieġu linji tal-elettriku u pajpijiet perfettament interkonnessi sabiex jinkiseb suq tal-enerġija Ewropew integrat, b’konnessjoni mal-Afrika u mal-Lvant Nofsani.

5.5.8.

Fl-interess ta’ tranżizzjoni ġusta u soċjali, kif previst fil-Ftehim ta’ Pariġi u difiż mill-Istitut Jacques Delors (27), jeħtieġ li parti mill-finanzjamenti tkun allokata għal fond ta’ aġġustament għar-reġjuni u għall-ħaddiema kkonċernati mis-setturi fi tranżizzjoni. F’dan ir-rigward, ikun tajjeb li parti sostanzjali mill-Fond Ewropew ta’ Koeżjoni ddedikata għar-reġjuni tiġi allokata għall-għanijiet tal-klima u għall-effetti soċjoekonomiċi pożittivi tagħhom. Il-fond ta’ aġġustament għat-tranżizzjoni għandu wkoll jipprovdi appoġġ għall-ħaddiema li jkunu qed jingħataw taħriġ mill-ġdid. Dan għandu wkoll jantiċipa l-bidliet aktar milli jbatihom, billi jalloka parti mill-baġits tiegħu għall-innovazzjoni u għar-R&Ż fis-setturi li ġew identifikati bħala prijoritarji.

5.5.9.

F’kull ftehim dwar il-kummerċ ħieles, il-klawżoli soċjali u ambjntali għandhom ikunu kkomplementati minn impenn vinkolanti fil-konfront tal-Ftehim ta’ Pariġi. (Dan ikun japplika għall-imsieħba kummerċjali potenzjali kollha tal-UE, peress li 195 mill-197 membru tan-Nazzjonijiet Uniti ffirmaw il-Ftehim).

5.5.10.

Sabiex tiġi enfasizzata l-importanza politika assoluta ta’ din l-azzjoni, il-mezzi baġitarji u finanzjarji mwarrba b’dan il-mod għandhom jiġu infurzati permezz ta’ għodda, b’mod li jkun possibbli li jiġu viżwalizzati, b’mod konkret u trasparenti, il-fondi kkonċernati.

5.5.11.

Barra minn hekk, għalkemm din mhix direttament kwistjoni ta’ fond Ewropew għall-finanzjament għall-klima, l-UE għandha tirrispetta l-impenji politiċi internazzjonali tagħha (Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Klima tal-2009), li jiġu mobilizzati USD 100 biljun kull sena għall-finanzjament tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima fl-Afrika u fir-reġjun tal-Mediterran mill-2020 ’l quddiem.

Brussell, is-17 ta’ Ottubru 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  https://www.theguardian.com/business/2018/oct/03/world-economy-at-risk-of-another-financial-crash-says-imf; IMF: Global Financial Stability Report October 2018

(2)  Opinjoni tal-KESE dwar Qafas Finanzjarju Pluriennali, punt 3.1.8 (adottata fid-19.9.2018, għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  KESE, Prijoritajiet tas-Sezzjoni ECO għall-2018 u lil hinn

(4)  OECD, The Economic Consequences of Climate Change, 2.9.2016.

(5)  Il-Kummissjoni Ewropea, Impact assessment accompanying the document “Proposal for a Directive of the European Parliament and of the Council amending Directive 2012/27/EU on Energy Efficiency”, (Valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja d-dokument “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija”) SWD(2016) 405 final/2 tas-6.12.2016 (mhux disponibbli bil-Malti), tabella 22 (xenarju EUCO30 – sors: mudell PRIMES).

Il-Qorti tal-Awdituri, https://www.euractiv.fr/section/climat/news/la-cour-des-comptes-fustige-linefficacite-de-la-politique-climat-de-lue/

(6)  Ciscar, M., et al., Climate Impacts in Europe – The JRC PESETA II Project (L-Impatti Klimatiċi fl-Ewropa – il-Proġett PESETA II tal-JRC), 2014.

(7)  https://climat-2020.eu/en/les-premiers-signataires/

(8)  Opinjoni tal-KESE dwar Tfassil mill-ġdid possibbli tal-Politika Agrikola Komuni (ĠU C 227, 28.6.2018, p. 70).

(9)  Opinjoni tal-KESE dwar Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (ĠU C 125, 21.4.2017, p. 10).

(10)  Opinjoni tal-KESE dwar Koalizzjoni sabiex jiġu ssodisfati l-impenji tal-Ftehim ta’ Pariġi (ĠU C 389, 21.10.2016, p. 20).

(11)  Rapport tal-4 ta’ Mejju 2018 [2018/2007 (INI)] dwar il-finanzi sostenibbli, rapporteur: Molly Scott Cato.

(12)  Opinjoni tal-KESE dwar Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Finanzi Sostenibbli, (ara paġna 73 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(13)  Studju ta’ James Daniell, Istitut Tekonoloġiku ta’ Karlsruhe, April 2016.

(14)  https://blogs.imf.org/2017/02/22/the-imfs-work-on-inequality-bridging-research-and-reality/

(15)  Ciscar, M., et al., Climate Impacts in Europe – The JRC PESETA II Project (L-Impatti Klimatiċi fl-Ewropa – il-Proġett PESETA II tal-JRC), 2014.

(16)  https://www.theguardian.com/business/2018/oct/03/world-economy-at-risk-of-another-financial-crash-says-imf; IMF: Global Financial Stability Report October 2018

(17)  Avoiding climate and financial chaos (Nevitaw il-kaos klimatiku u finanzjarju) (P. Larrouturou u J. Jouzel, – ed. Odile Jacob).

(18)  OECD Companion to the Inventory of Support Measures for Fossil Fuels 2015

(19)  Paul Polman, Uffiċjal Kap Eżekuttiv ta’ Unilever, u Jean-Pascal Tricoire, Uffiċjal Kap Eżekuttiv ta’ Schneider Electric u President tal-Patt Globali fi Franza, fl-okkażjoni tas-Summit dwar il-Kummerċ u l-Klima: http://www.epe-asso.org/wp-content/uploads/2015/06/20150521_Business-Climate-Summit-Communiqu%C3%A9-de-presse.pdf

(20)  Opinjoni tal-KESE dwar Il-finanzjament tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (ĠU C 262, 25.7.2018, p. 1).

(21)  L-Aġenzija Franċiża tal-Ambjent u tal-Ġestjoni tal-Enerġija.

(22)  L-Opinjoni tal-KESE dwar It-triq minn Pariġi (ĠU C 487, 28.12.2016, p. 24).

(23)  Opinjoni tal-KtR dwar Il-finanzjament tal-azzjoni klimatika: għodda essenzjali għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi (ĠU C 54, 13.2.2018, p. 9).

(24)  Skont Philippe Maystadt, eks-President tal-BEI.

(25)  Il-KfW fil-Ġermanja, is-CDC fi Franza, is-CDP fl-Italja, l-ICO fi Spanja.

(26)  Jeffrey Sachs, seduta tal-KESE tat-18 ta’ Mejju 2018.

(27)  http://institutdelors.eu/wp-content/uploads/2018/01/Pactesocialtransitionénergétique-FernandesPellerinCarlin-janvier18.pdf


Top