EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018IR0065

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Tkabbir: L-inklużjoni tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali tal-Punent tal-Balkani fl-Inizjattivi ta’ Kooperazzjoni Makroreġjonali, Transkonfinali u Transnazzjonali tal-UE

COR 2018/00065

ĠU C 247, 13.7.2018, p. 22–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

13.7.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 247/22


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Tkabbir: L-inklużjoni tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali tal-Punent tal-Balkani fl-Inizjattivi ta’ Kooperazzjoni Makroreġjonali, Transkonfinali u Transnazzjonali tal-UE

(2018/C 247/05)

Relatur Ġenerali:

Prof. Franz Schausberger (AT/PPE), Rappreżentant tal-Provinċja ta’ Salzburg fil-Kumitat tar-Reġjuni

Dokument ta’ referenza:

COM(2018) 65 final

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

Kummenti ġenerali

1.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Presidenza Bulgara tat prijorità lit-tema dwar il-Balkani tal-Punent u talbet għal kontribut tal-KtR f’dan ir-rigward;

2.

jilqa’ u jappoġġja l-Istrateġija li ppreżentat il-Kummissjoni Ewropea (KE) fis-6 ta’ Frar 2018 għal Perspettiva kredibbli għat-tkabbir u involviment akbar tal-UE mal-Balkani tal-Punent;

3.

huwa tal-istess konvinzjoni tal-Kummissjoni li l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent huma parti mill-Ewropa u għandhom wirt Ewropew, storja u futur komuni u li prospett kredibbli biex jingħaqdu mal-UE huwa fundamentali għat-trasformazzjoni fir-reġjun u għaldaqstant għas-sigurtà, il-prosperità, il-benesseri soċjali, ir-rikonċiljazzjoni u l-istabilità;

4.

jilqa’ l-possibilità li s-Serbja u l-Montenegro jsiru Stati Membri tal-UE sal-2025, li jinfetħu negozjati ta’ adeżjoni mal-Albanija u l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, li jitwiegħed status ta’ pajjiż kandidat lill-Bożnija-Ħerzegovina, u li l-Kosovo (1) jingħata s-setgħa jagħmel aktar progress biex ikompli miexi fit-triq Ewropea tiegħu bl-implimentazzjoni tal-FSA;

5.

fl-istess ħin, jappoġġja bis-sħiħ id-dikjarazzjoni ċara tal-Kummissjoni li dawn ix-xenarji jistgħu jinkisbu biss jekk il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jissodisfaw il-kriterji u l-kundizzjonijiet kollha meħtieġa, speċjalment dawk dwar it-tisħiħ tad-demokrazija, u jwettqu r-riformi kollha meħtieġa, b’mod partikolari fir-rigward tal-istat tad-dritt, ir-rispett tad-drittijiet fundamentali, il-kompetittività, il-kooperazzjoni reġjonali u r-rikonċiljazzjoni, u li m’għandu jkun hemm l-ebda eċċezzjonijiet politiċi f’dan ir-rigward jew tibdil tal-kundizzjonijiet matul il-proċess;

6.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipprovdi żieda sostanzjali fl-appoġġ tagħha għall-proċess ta’ trasformazzjoni fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, pereżempju permezz ta’ żieda gradwali tal-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA) fit-tħejjija lejn l-2020, skont pjan ta’ azzjoni speċifiku b’sitt inizjattivi ewlenin;

7.

huwa tal-fehma li l-istrateġija tat-tkabbir tal-UE mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent għandha tifforma parti minn strateġija usa’ biex tissaħħaħ l-UE sal-2025, għax l-Unjoni Ewropea għandha tkun aktar b’saħħitha u aktar stabbli qabel ma tkun tista’ tikber aktar u s-27 Stati Membri u l-popolazzjonijiet tagħhom iridu jkunu konvinti mill-valur miżjud ta’ dan it-tkabbir tal-UE;

8.

jilqa’ pożittivament l-impenn imġedded li ħadu l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fis-Summit ta’ Trieste fl-2017 biex jappoġġjaw lil xulxin fil-mixja lejn l-Ewropa u biex isolvu d-differenzi politiċi fil-qafas tal-istituzzjonijiet demokratiċi tagħhom, u jsaħħu id-djalogu politiku reċiproku, peress li l-bini ta’ relazzjonijiet tajba bejn il-ġirien huwa punt ewlieni fit-triq lejn l-Unjoni Ewropea;

9.

jagħmel referenza għall-bosta opinjonijiet tiegħu li ripetutament enfasizzaw li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom ikunu involuti b’mod attiv fl-integrazzjoni Ewropea u li l-istandards tal-UE u l-aħjar prattiki għandhom jiġu implimentati fil-livell reġjonali u lokali kemm jista’ jkun kmieni fil-proċess tat-tkabbir. Huwa biss b’dan il-mod li l-għarfien meħtieġ jista’ jinkiseb fil-livelli sottonazzjonali b’mod adegwat u f’waqtu għall-kompiti u r-responsabbiltajiet futuri skont l-acquis tal-UE;

10.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-Aġenda tal-Konnettività tal-UE u inizjattivi reġjonali oħrajn bħall-Proċess ta’ Berlin, u jħeġġeġ bil-qawwa sforzi biex ikunu involuti l-awtoritajiet lokali u reġjonali mill-pajjiżi tat-tkabbir u li wieħed jagħmel użu mill-esperjenza tal-Istati Membri l-ġodda matul il-proċess ta’ implimentazzjoni, speċjalment fl-oqsma tat-trasport, l-enerġija, l-iżvilupp diġitali, l-edukazzjoni u ż-żgħażagħ;

11.

jitlob li jiġu implimentati arranġamenti speċjali u impenji irrevokabbli sabiex jiżguraw li l-Istati Membri l-ġodda mhumiex f’pożizzjoni li jimblokkaw l-adeżjoni ta’ pajjiżi oħra tal-Balkani tal-Punent bħala kandidati;

Is-sinifikat tal-livelli sottonazzjonali fil-proċess tat-tkabbir

12.

jinnota bi tħassib li l-amministrazzjoni pubblika fil-livelli kollha tal-gvern, speċjalment l-awtonomija lokali, għadha dgħajfa fil-parti l-kbira tal-pajjiżi tal-Balkani, b’kapaċità amministrattiva limitata, b’livell għoli ta’ politiċizzazzjoni u korruzzjoni kif ukoll nuqqas ta’ trasparenza u nuqqas ta’ riżorsi finanzjarji;

13.

jenfasizza li l-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi għandu jissaħħaħ fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, bi sforzi biex ikunu żgurati proċessi elettorali sodi u l-funzjonament xieraq tal-assemblej reġjonali u l-kunsilli muniċipali, flimkien ma’ djalogu kostruttiv u sostenibbli mas-soċjetà ċivili;

14.

jistieden lill-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent biex ifasslu u jimplimentaw programmi biex jirriformaw u jtejbu l-kwalità u d-dover ta’ rendikont tal-amministrazzjoni – b’mod partikolari bil-ħsieb li jiġu żgurati finanzi pubbliċi trasparenti – kif ukoll strateġiji tal-gvern elettroniku. Jappella wkoll għall-iżvilupp u l-introduzzjoni ta’ servizzi aħjar għaċ-ċittadini kif ukoll liġijiet ġodda dwar proċeduri amministrattivi ġenerali, ibbilanċjati u strutturi tal-pagi ġusti għas-servizz ċivili u għall-uffiċjali tal-gvern reġjonali u lokali, flimkien ma’ proċeduri trasparenti ta’ reklutaġġ u sensja;

15.

jinnota li f’bosta pajjiżi tal-Balkani tal-Punent sar progress importanti bl-adozzjoni ta’ liġijiet ġodda għar-riforma tal-amministrazzjoni lokali, iżda jemmen li għad hemm bżonn ta’ sforzi konsiderevoli li jridu jsiru u jridu jiġu trasferiti riżorsi finanzjarji fundamentali sabiex tiżdied il-kapaċità amministrattiva tal-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex dawn ikunu jistgħu jaqdu r-rwoli estiżi tagħhom bi tħejjija għall-adeżjoni u wara għall-benefiċċju tal-popolazzjonijiet tagħhom;

16.

jenfasizza, bħala eżempju pożittiv, id-deċiżjoni meħuda fir-rigward tal-liġi Serba dwar is-servizz ċivili fil-provinċja awtonoma ta’ Vojvodina u fil-livell lokali, iżda jinnota li l-liġi dwar ir-riżorsi ta’ Vojvodina – kif meħtieġ mill-kostituzzjoni – għad trid tiġi adottata;

17.

iqis b’mod pożittiv, li f’diversi Stati tal-Balkani, speċjalment fl-Albanija, ġew konklużi u implimentati r-riformi territorjali lokali bit-trasferiment ta’ setgħat ġodda lill-muniċipalitajiet, minkejja l-progress kajman tal-konsolidazzjoni finanzjarja u amministrattiva tal-muniċipalitajiet il-ġodda;

18.

iqis b’mod pożittiv ħafna li l-istrateġija tat-tkabbir tal-KE titlob espliċitament bilanċ xieraq bejn il-gvernijiet ċentrali, reġjonali u lokali fis-sens tal-governanza f’diversi livelli, peress li d-dimensjoni tal-gvern reġjonali u lokali hija ġeneralment assenti fl-ippjanar strateġiku u operattiv għat-tkabbir tal-UE fil-pajjiżi tat-tkabbir tal-Balkani tal-Punent;

19.

iqis li “approċċ minn isfel għal fuq” bħala assolutament essenzjali għas-suċċess f’waqtu ta’ aktar integrazzjoni tal-UE biex tinkludi l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent;

20.

bi pjaċir jinnota li, speċjalment fil-livell lokali fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, il-kooperazzjoni transkonfinali ġiet imsaħħa permezz tal-iskambju ta’ esperjenza, it-trasferiment ta’ għarfien, trasferiment tal-aħjar prattiki u l-introduzzjoni ta’ metodi u approċċi ġodda. B’mod partikolari, għandhom jiġu enfasizzati l-attivitajiet u l-inizjattivi ta’ assoċjazzjonijiet muniċipali u reġjonali u organizzazzjonijiet bħall-Ewroreġjun Adrijatiku Jonju (AIE) n-Netwerk NALAS – in-Netwerk tal-Assoċjazzjonijiet tal-Awtoritajiet Lokali fix-Xlokk tal-Ewropa, li għandhom ikunu involuti u promossi aktar mill-qrib fil-livell Ewropew;

21.

jiddispjaċih li bħalissa m’hemm l-ebda pjattaforma komprensiva u sostenibbli għal kooperazzjoni lokali u lanqas xi rabtiet sodi mal-istituzzjonijiet tal-UE sabiex tkun appoġġjata l-implimentazzjoni tal-istandards tal-UE u t-traspożizzjoni tal-acquis tal-UE fil-livell lokali, u li l-inizjattivi ta’ kooperazzjoni pożittiva bħall-Kunsill għall-Kooperazzjoni Reġjonali (KKR), ir-ReSPA (2) u l-Proċess ta’ Berlin huma mmirati prinċipalment lejn il-gvernijiet ċentrali, filwaqt li ma jitqiesx il-livell lokali u reġjonali;

Id-deċentralizzazzjoni u d-demokrazija

22.

jiddeplora l-fatt li l-iżvilupp tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent matul dawn l-aħħar għaxar snin kien ikkaratterizzat minn imblukkar ta’ riformi, nuqqas ta’ paċenzja u xettiċiżmu dejjem jikber lejn sħubija mal-UE u sinjali ta’ aktar instabbiltà, korruzzjoni, nazzjonaliżmu u politiċizzazzjoni estrema tal-istituzzjonijiet tal-istat u tal-amministrazzjonijiet pubbliċi, li sa ċertu punt wasslu għal bidla lejn aktar forom awtokratiċi ta’ gvern u ċentralizzazzjoni;

23.

jirrimarka, b’mod speċjali b’rabta mal-Bożnija-Ħerzegovina, l-importanza ta’ koordinazzjoni tajba bejn il-livelli kollha ta’ governanza u amministrazzjoni għall-kapaċità tal-pajjiż biex jiffunzjona, għall-implimentazzjoni effettiva tal-aġenda ta’ riforma, il-mobbiltà u għall-ħolqien ta’ żona ekonomika unika, u jilqa’ l-fatt li l-livelli kollha issa qablu dwar risposta għall-kwestjonarju komprensiv tal-Kummissjoni;

24.

jinnota li l-liġijiet elettorali għall-elezzjonijiet lokali u reġjonali fil-Balkani tal-Punent huma fil-biċċa l-kbira konformi mal-istandards Ewropej, u li l-elezzjonijiet lokali huma prinċipalment immexxija b’mod kalm u ordinat, iżda li għad hemm nuqqasijiet sostanzjali minħabba n-nuqqas ta’ imparzjalità u l-politiċizzazzjoni tal-amministrazzjoni elettorali u b’rabta mat-trasparenza tal-finanzjament tal-kampanji, il-proċess ta’ reġistrazzjoni u r-riżoluzzjoni ta’ tilwimiet elettorali;

25.

huwa konvint li, bħala pilastru tal-proċess ta’ riforma demokratika, id-deċentralizzazzjoni hija fundamentali għall-koeżjoni soċjali, l-istabbiltà u l-paċi u r-rikonċiljazzjoni fil-Balkani tal-Punent u għaldaqstant għall-futur tal-Ewropa;

26.

huwa konxju li, fl-impenn tal-passi fundamentali meħtieġa biex tissaħħaħ id-deċentralizzazzjoni fil-veru sens tal-kelma, wieħed għandu joqgħod attent li ma joħloqx diviżjonijiet u tensjonijiet etniċi;

27.

huwa konvint li l-depolitiċizzazzjoni tas-servizz ċivili hija essenzjali għat-tisħiħ tal-fiduċja bejn is-servizz pubbliku u ċ-ċittadini fil-livell reġjonali u lokali;

L-istat tad-dritt, id-drittijiet fundamentali u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-livell lokali u reġjonali fil-Balkani tal-Punent

28.

jiddispjaċih li, wara ħafna snin ta’ involviment tal-UE, il-gvern u l-amministrazzjoni ċentrali, reġjonali u lokali fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent għad għandhom konnessjoni mill-qrib mal-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni, bl-interessi pubbliċi u dawk privati marbutin mill-qrib;

29.

għalhekk jirrakkomanda li s-servizzi tal-prosekuzzjoni speċjali fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, kif ukoll l-awtoritajiet ġudizzjarji, jissaħħu sostanzjalment, b’tali mod li dawn ikunu jistgħu jikkonfiskaw assi miksuba illegalment, jneħħu persuni minn karigi pubbliċi, jistabbilixxu regoli iktar stretti għall-persuni li jkollhom karigi u jiżguraw li jkun hemm mekkaniżmi biex iċ-ċittadini jiksbu l-informazzjoni u jressqu l-ilmenti;

30.

jenfasizza, għalhekk, li m’hemmx biss il-ħtieġa li jittejbu b’mod sinifikattiv u jiġu salvagwardjati l-indipendenza, il-kwalità u l-effiċjenza tal-ġudikatura fil-livell nazzjonali. Hemm ukoll il-ħtieġa ta’ trasparenza ċara fl-awtoritajiet reġjonali u lokali, b’mod partikolari fil-qasam tal-akkwist pubbliku; barra minn hekk, jilqa’ eżempji pożittivi bħat-twaqqif tal-uffiċċju kontra l-korruzzjoni u l-abbozzar ta’ pjanijiet ta’ azzjoni rilevanti fi kważi l-muniċipalitajiet kollha fil-Montenegro u l-isforzi kontinwi fl-Albanija;

31.

jistenna li l-pajjiżi kkonċernati jżidu l-isforzi tagħhom biex isaħħu l-istat tad-dritt u l-ġustizzja, biex jiggarantixxu d-drittijiet fundamentali, il-libertà u s-sigurtà u biex jipproteġu l-minoranzi, notevolment il-komunità tar-Roma – li għalihom l-inklużjoni soċjali għandha tiġi promossa b’mod aktar qawwi – u l-komunità LGBTI kif ukoll l-ugwaljanza bejn is-sessi, inkluż l-indirizzar tal-vjolenza domestika; jilqa’, f’dan ir-rigward, il-fatt li s-Serbja hija l-ewwel pajjiż kandidat li introduċa l-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi tal-UE;

32.

għandu tama kbira li l-Presidenza Bulgara tal-Kunsill se jirnexxilha tiddirezzjona l-forzi politiċi kollha fil-Bożnija-Ħerzegovina f’qasir żmien lejn soluzzjoni komuni fir-rigward tar-riformi leġittimi kostituzzjonali tal-liġi elettorali qabel l-elezzjonijiet ta’ Ottubru 2018. Hawnhekk wieħed irid iqis id-dispożizzjonijiet li jirriżultaw mill-fatt li t-tliet gruppi etniċi tal-Bożnija-Ħerzegovina huma popli kostitwenti u ugwali. Dan ifisser ukoll li d-deċiżjonijiet ta’ Sejdić-Finci, Zornić u ta’ Pilav tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jeħtieġu li jiġu implimentati sabiex membri tal-komunitajiet Lhud u Rom u rappreżentanti ta’ minoranzi nazzjonali oħrajn ikunu jistgħu joħorġu għall-elezzjoni tal-presidenza u l-Federazzjoni tal-Popli u li l-elezzjonijiet lokali jkunu jistgħu jerġgħu jsiru f’Bestar wara aktar minn seba’ snin;

33.

jenfasizza l-importanza tal-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-istampa f’kultura politika demokratika biex b’hekk ikun żgurat il-pluraliżmu ta’ soċjetà demokratika. Kwistjoni waħda hawnhekk hija t-tentattivi mhux xierqa li jkunu influwenzati l-ġurnalisti u r-rappurtar tagħhom fuq il-bażi tas-sjieda tal-midja opaka;

34.

jirrimarka li sistema Ewropea ta’ kultura demokratika tirrikjedi li jittieħdu d-deċiżjonijiet politiċi fil-livelli politiċi kollha biex tintwera mġiba eżemplari, bħall-evitar ta’ konfrontazzjoni u provokazzjoni, l-evitar ta’ azzjonijiet radikali u retorika nazzjonalistika, tintwera sensittività fil-konfront tal-gruppi vulnerabbli u żvantaġġati, il-kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni tal-minoritajiet etniċi, lingwistiċi jew reliġjużi kif ukoll li jintwera r-rispett totali lejn kulħadd, irrispettivament mill-kulur tal-ġilda, l-orjentazzjoni sesswali jew l-identità tal-ġeneru;

35.

jistieden lill-mexxejja politiċi biex jevitaw u jikkundannaw kwalunkwe ħaġa li tista’ tħeġġeġ tensjonijiet interetniċi, biex jikkonfrontaw b’mod attiv narrattivi nazzjonalisti u l-glorifikazzjoni ta’ delitti tal-gwerra, biex jiġu miġġielda r-razziżmu, il-ksenofobija, l-estremiżmu, ir-radikalizzazzjoni u t-terroriżmu u biex iwettqu xogħol preventiv maż-żgħażagħ;

Kooperazzjoni transkonfinali reġjonali u lokali

36.

jemmen li l-kooperazzjoni reġjonali u relazzjonijiet tajba bħala ġirien bejn il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent huma prerekwiżiti ewlenin għal progress Ewropew u opportunitajiet ekonomiċi ġodda;

37.

jappoġġja l-inizjattivi kollha li għandhom l-għan li jtejbu r-relazzjonijiet reċiproċi bejn il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u l-kooperazzjoni transkonfinali fil-livell reġjonali u lokali, kif ukoll programmi ta’ ġemellaġġ u ta’ TAIEX, u joffri l-appoġġ tiegħu għall-inklużjoni possibbli tal-pajjiżi kandidati mill-Balkani tal-Punent fir-REKT;

38.

jagħmilha ċara li tilwimiet bilaterali transkonfinali għandhom jiġu solvuti mill-aktar fis minn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-pajjiżi kkonċernati jew ikunu soġġetti għal deċiżjoni ġudizjarja jew arbitraġġ internazzjonali vinkolanti u mingħajr kundizzjoni; jikkundanna, f’dan ir-rigward, it-tilwim li għadu għaddej bejn is-Slovenja u l-Kroazja fir-rigward tal-ibħra internazzjonali tal-Bajja ta’ Piran, li sar problema interna tal-UE bl-adeżjoni taż-żewġ pajjiżi mal-Unjoni, u jilqa’ l-iffirmar tat-trattati tal-fruntiera bejn il-Montenegro, min-naħa waħda, u l-Bożnija-Ħerzegovina u l-Kosovo, min-naħa l-oħra;

39.

jilqa’ bi pjaċir l-adeżjoni riċenti tar-Repubblika tas-Serbja mal-Konvenzjoni ta’ Madrid, u jistenna li l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u l-Kosovo jingħaqdu ma’ din il-konvenzjoni, li toffri soluzzjonijiet konkreti biex jingħelbu l-ostakli prinċipali tal-kooperazzjoni territorjali transfruntiera;

40.

huwa konvint li ma jista’ jkun hemm l-ebda stabbiltà fit-tul mingħajr normalizzazzjoni effettiva u komprensiva tar-relazzjonijiet bejn Belgrad u Priština permezz ta’ djalogu sponsorjat mill-UE fir-reġjun, u għalhekk hu meħtieġ urġentement ftehim ta’ normalizzazzjoni vinkolanti u komprensiv; jilqa’ n-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn is-Serbja u l-Kroazja u l-progress li sar fid-djalogu bejn Belgrad u Priština;

41.

jinnota b’sodisfazzjon li s-sitwazzjoni fit-Tramuntana tal-Kosovo baqgħet ġeneralment kalma u l-komunikazzjoni bejn il-muniċipalitajiet tat-Tramuntana u l-istituzzjonijiet ċentrali tjiebet u li l-provokazzjonijiet okkażjonali u l-atti ta’ vjolenza, li għandhom jiġu kkundannati, ma wasslux għal dgħufija fid-djalogu bejn Belgrad u Priština;

42.

iqis li ż-żona ekonomika reġjonali miftiehma waqt is-summit tal-Balkani tal-Punent fi Trieste f’Lulju 2017 bħala pass sinifikanti lejn l-avvanz tal-integrazzjoni ekonomika bejn l-UE u l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u lejn il-fatt li s-suq reġjonali jsir aktar attraenti, u jittama li l-pjan ta’ azzjoni miftiehem jista’ jiġi implimentat f’qasir żmien;

43.

iqis li huwa ta’ importanza kbira li tissaħħaħ il-kooperazzjoni strateġika u operazzjonali transkonfinali ma’ u fost il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fl-oqsma tal-migrazzjoni u l-ġestjoni tal-fruntieri, billi jkun garantit l-aċċess għall-protezzjoni internazzjonali, l-iskambju ta’ informazzjoni rilevanti, jittejjeb l-kontroll mal-fruntieri, eċċ., u jħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali jappoġġjaw il-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali u t-traffikar tal-bnedmin;

44.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li riċentement in-negozjati bejn il-Greċja u l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja imxew b’mod pożittiv fir-rigward tad-differenzi jaħarqu dwar l-isem li ilhom għaddejjin għal bosta snin, u jittama, li l-Presidenza Bulgara, flimkien man-negozjati li għaddejjin taħt il-patroċinju tan-NU, jirnexxilha tmewwet dan il-konflitt u twassalhom għal soluzzjoni;

Is-sitwazzjoni ekonomika u l-istrateġiji makroreġjonali fil-Balkani tal-Punent

45.

jinnota b’dispjaċir li, fil-mument, l-ebda mill-Balkani tal-Punent ma jistgħu jitqiesu bħala ekonomiji tas-suq li jiffunzjonaw u lanqas ma huma kapaċi jaffaċċjaw il-pressjoni kompetittiva u l-forzi tas-suq fl-UE, speċjalment minħabba l-influwenza politika u settur privat sottosżviluppat. Dan għandu impatt negattiv ferm fuq is-swieq tax-xogħol u speċjalment fir-rigward tal-opportunitajiet ta’ impjieg għaż-żgħażagħ, li huma ftit;

46.

jindika li fil-biċċa l-kbira tal muniċipalitajiet tal-pajjiżi kandidati, hemm fehma ġenerali li proġetti u programmi tal-UE huma kkumplikati wisq għaċ-ċirkostanzi fl-amministrazzjonijiet lokali, u b’hekk l-isforzi tal-Kummissjoni biex tissimplifika l-aċċess għal proġetti u programmi jixxejnu minħabba mekkaniżmu ta’ sorveljanza dejjem aktar sofistikat u komplikat;

47.

jappoġġja l-estensjoni tan-netwerk TEN-T attwali, inkluża t-tlestija tal-kuritur u t-tkabbir lejn ix-Xlokk tal-Ewropa, li jista’ jsolvi l-problema attwali ta’ nuqqas ta’ konnessjonijiet ta’ trasport fil-Balkani tal-Punent u t-titjib tal-konnessjoni bejn il-Lvant u l-Punent permezz tat-triq, tal-baħar, bl-ajru u bin-netwerk ferrovjarju bħala prerekwiżit għall-iżvilupp tar-reġjun sħiħ;

48.

jissuġġerixxi, għalhekk, l-involviment tar-rappreżentanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali jew assoċjazzjonijiet lokali fil-proċess ta’ negozjati tal-IPA, il-programmazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni;

49.

jilqa’ l-fatt li, bil-ħsieb li timplimenta l-istrateġija proposta, l-UE għandha l-intenzjoni li żżid il-finanzjament tal-IPA b’mod gradwali fit-tħejjija għall-2020, b’enfasi aktar b’saħħitha fuq il-bżonnijiet tal-pajjiżi;

50.

ifakkar l-eżempju pożittiv tal-Fond għall-Innovazzjoni ffinanzjat mill-IPA, li l-għan ewlieni tiegħu huwa li jipprovdi finanzjament għal proġetti pilota għall-innovazzjoni u biex tingħata spinta lir-riċerka u l-iżvilupp f’intrapriżi privati. Il-fond jappoġġja wkoll, permezz pereżempju tal-Proġetti ta’ Innovazzjoni tas-Serbja, it-twettiq ta’ start-ups u spin-offs innovattivi kif ukoll teknoloġiji u servizzi orjentati lejn is-suq, għaldqastant jaqdu rwol prinċipali biex irendu lis-settur privat Serb aktar kompetittiv;

51.

jenfasizza, bħala eżempju pożittiv ta’ kooperazzjoni transkonfinali reġjonali ta’ suċċess, l-inizjattiva konġunta bejn ir-Rumanija u s-Serbja dwar il-kanċer taħt il- “Programm ta’ Kooperazzjoni Transkonfinali Interreg-IPA”, immirat lejn it-titjib u d-dijanjożi u t-trattament ta’ tumuri malinji;

52.

jiġbed l-attenzjoni wkoll għad-disparitajiet ekonomiċi u soċjali maġġuri bejn ir-reġjuni tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, u jilqa’ b’sodisfazzjon il-programm tal-UE għall-kompetittività tal-intrapriżi u l-SMEs mmirat lejn l-iżvilupp ta’ settur privat sod, u l-ħolqien ippjanat ta’ programm li jappoġġja t-trasferiment tat-teknoloġija u negozji ġodda;

53.

jenfasizza li l-istrateġiji makroreġjonali (MRSs) u strumenti oħra tal-UE għall-kooperazzjoni transkonfinali bħar-REKT u l-programmi Interreg huma elementi fundamentali għall-ġejjieni tal-UE;

54.

jilqa’ l-fatt li l-Presidenza Bulgara tal-Kunsill għamlet mill-ekonomija diġitali prijorità oħra u jappoġġja l-isforzi kollha biex jingħaqdu l-infrastrutturi bejn il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u l-UE fl-oqsma tat-trasport, l-enerġija u s-servizzi diġitali;

55.

jistenna li l-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent jaqdu rwol kostruttiv f’inizjattivi ta’ kooperazzjoni reġjonali bħall-Proċess ta’ Berlin, l-Istrateġija tad-Danubju, l-Inizjattiva Adrijatika u Jonika, il-Proċess ta’ Kooperazzjoni fix-Xlokk tal-Ewropa, il-Kunsill għall-Kooperazzjoni Reġjonali, il-Ftehim dwar il-Kummerċ Ħieles tal-Ewropa Ċentrali u jenfasizza l-importanza tal-uffiċċju reġjonali ta’ kooperazzjoni għaż-żgħażagħ tal-Balkani tal-Punent għar-rikonċiljazzjoni fir-reġjun;

56.

jemmen li l-istrateġija tal-UE għar-Reġjun Adrijatiku u Joniku (EUSAIR) tista’ tipprovdi opportunità kbira għar-reġjun kollu, iżda jindika wkoll problemi persistenti bħal pereżempju n-nuqqas ta’ riżorsi, il-governanza kif ukoll l-isfidi kkawżati mill-kriżi tal-migrazzjoni;

57.

huwa favur strateġiji makroreġjonali bħala strument għall-integrazzjoni Ewropea, ibbażati fuq l-istabbiltà, ir-rikonċiljazzjoni u relazzjonijiet tajba bejn il-ġirien bejn Stati Membri tal-UE, pajjiżi kandidati u pajjiżi kandidati potenzjali; huwa tal-opinjoni li l-istrateġiji makroreġjonali tal-UE għandhom ikopru l-Balkani tal-Punent kollu b’mod sħiħ. il-Kosovo u l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja la qed jipparteċipaw fl-istrateġija makroreġjonali għar-reġjun tad-Danubju u lanqas fl-istrateġija makroreġjonali tal-Adrijatiku-Jonju; għaldaqstant jirrakkomanda li anke dawk il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent li għadhom mhux jipparteċipaw fl-imsemmijin strateġiji, iżda li għandhom rabta magħhom f’termini ġeografiċi u ekonomiċi, jagħmlu dan issa, biex b’hekk il-Balkani tal-Punent kollu jkun inkluż fiż-żona koperta mill-istrateġiji makroreġjonali u jkun jista’ jagħmel użu mill-possibilitajiet ta’ finanzjament bħala parti mill-proġetti implimentati taħt dawk l-istrateġiji;

Brussell, it-22 ta’ Marzu 2018.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Karl-Heinz LAMBERTZ


(1)  Din ir-referenza hija mingħajr ħsara għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus tal-Kosovo, u hija konformi mar-Riżoluzzjoni 1244/99 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u l-Opinjoni tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (QIĠ) dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.

(2)  ReSPA hija organizzazzjoni internazzjonali li ġiet fdata bil-missjoni li ssaħħaħ il-kooperazzjoni reġjonali fil-qasam tal-amministrazzjoni pubblika fil-Balkani tal-Punent (https://www.respaweb.eu)


Top