EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 42015Y1215(02)

Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar l-inkoraġġiment tal-parteċipazzjoni politika taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika fl-Ewropa

ĠU C 417, 15.12.2015, p. 10–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 417/10


Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar l-inkoraġġiment tal-parteċipazzjoni politika taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika fl-Ewropa

(2015/C 417/02)

IL-KUNSILL U R-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI, IMLAQQGĦIN FIL-KUNSILL:

WAQT LI JFAKKRU FL-ISFOND POLITIKU GĦAL DIN IL-KWISTJONI, B'MOD PARTIKOLARI:

1.

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar qafas imġedded għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ (2010-2018) (1) li tidentifika l-parteċipazzjoni bħala wieħed mill-oqsma ta' azzjoni u l-għan tiegħu li jappoġġa l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fid-demokrazija rappreżentattiva u fil-livelli kollha tas-soċjetà ċivili u fis-soċjetà inġenerali; u li tiddefinixxi l-inizjattiva ġenerali tal-inkoraġġiment u l-appoġġ tal-involviment u l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ fit-tfassil, l-implimentazzjoni u s-segwitu tal-politika permezz ta' djalogu strutturat kontinwu maż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ.

2.

Ir-Riżoluzzjoni tal-20 ta' Mejju 2014 tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar Pjan ta' Ħidma tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ għall-2014-2015 (2).

3.

Ir-Rakkomandazzjonijiet Konġunti tar-raba' ċiklu ta' ħidma dwar djalogu strutturat, iddefiniti waqt il-Konferenza tal-UE dwar iż-Żgħażagħ organizzata mill-Presidenza Lussemburgiża, 21–24 ta' Settembru 2015 (3).

JISSOTTOLINJAW LI:

4.

Id-demokrazija, il-pluraliżmu u ċ-ċittadinanza attiva huma valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Dawn jinkludu l-valuri tal-libertà ta' espressjoni u t-tolleranza (4) u jimmiraw lejn l-inklużjoni taċ-ċittadini Ewropej kollha. Id-demokrazija ma għandhiex titqies bħala fatt ovvju u jeħtieġ li tiġi ppreservata u titrawwem b'mod kostanti.

5.

Iż-żgħażagħ fl-Ewropa juru appoġġ u twemmin ġenerali fis-sistema tad-demokrazija u l-korpi rappreżentattivi tagħha, iżda jikkritikaw il-mod kif is-sistema titħaddem fil-prattika u r-riżultati prodotti. (5)

6.

Ta' spiss qegħdin isibuha dejjem aktar diffiċli biex jidentifikaw ma' mezzi tradizzjonali ta' parteċipazzjoni politika bħal partiti politiċi u trade unions iżda jinvolvu ruħhom f'forom alternattivi li jippermettu aktar għażliet individwali bħal kampanji, petizzjonijiet, dimostrazzjonijiet u avvenimenti immedjati li għandhom l-għan li jippromwovu kawża speċifika u bidla tanġibbli f'ħajjithom. (6)

7.

It-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, b'mod partikolari l-mezzi ta' komunikazzjoni soċjali u l-użu mobbli tagħhom joffru opportunitajiet ġodda għall-involviment fi proċessi politiċi u għall-informazzjoni dwarhom, iħaffu t-tixrid ta' informazzjoni u jaċċelleraw l-iżvilupp ta' forom ta' parteċipazzjoni alternattivi.

FIR-RIGWARD TAL-PROĊESS TA' DJALOGU STRUTTURAT, JIRRIKONOXXU LI:

8.

Id-djalogu strutturat huwa strument fi ħdan il-qafas għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ biex iż-żgħażagħ jiġu involuti fl-iżvilupp tal-politiki tal-UE. L-eżitu tar-raba' ċiklu ta' ħidma ta' 18-il xahar fuq il-prijorità tematika ġenerali “it-tisħiħ tal-awtonomija taż-żgħażagħ li jindirizza l-aċċess għad-drittijiet u l-importanza tal-parteċipazzjoni politika taż-żgħażagħ (7)” huwa bbażat fuq ir-riżultati miksuba mill-konsultazzjonijiet ma' żgħażagħ qabel u matul il-Presidenza Taljana, Latvjana u dik Lussemburgiża kif ukoll il-Konferenzi tal-UE dwar iż-Żgħażagħ f'Ruma f'Ottubru 2014, f'Riga f'Marzu 2015 u fil-Lussemburgu f'Settembru 2015 (8).

9.

Ir-riżultati tad-djalogu bejn iż-żgħażagħ u r-rappreżentanti tal-politika jikkostitwixxu kontribut importanti għal din ir-riżoluzzjoni, inklużi l-perspettivi taż-żgħażagħ, il-ħaddiema fil-qasam taż-żgħażagħ u l-esperti oħra fil-qasam taż-żgħażagħ u jiffaċilitaw l-iżvilupp ta' politiki tal-UE effettivi u bbażati fuq l-evidenza.

JIKKUNSIDRAW LI:

10.

L-Unjoni Ewropea tiddependi fuq żgħażagħ impenjati favur il-prinċipji tad-demokrazija u valuri Ewropej.

11.

Il-politika Ewropea u l-politika b'mod ġenerali għandhom jirreaġixxu għall-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet taż-żgħażagħ. Għaldaqstant jeħtieġ li l-kwistjonijiet politiċi jkunu trasparenti u jiġu kkomunikati liċ-ċittadini kollha, inkluż liż-żgħażagħ. Jeħtieġ li ż-żgħażagħ jifhmu l-kwistjonijiet involuti sabiex jinħoloq interess u jiġi ffaċilitat l-impenn politiku. L-opportunitajiet għall-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fi proċessi sinifikanti tat-teħid ta' deċiżjonijiet għandhom jiġu pprovduti minn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet minn oqsma u livelli differenti ta' politika u jeħtieġ li jkollhom impatt.

12.

Il-kunċett ta' parteċipazzjoni politika jinkludi, l-ewwel nett, ir-rappreżentazzjoni taż-żgħażagħ fl-istrutturi ta' demokrazija rappreżentattiva, jiġifieri li jipparteċipaw f'elezzjonijiet bħala votanti, jikkontestaw f'elezzjonijiet bħala kandidati u jipparteċipaw f'partiti politiċi. Il-parteċipazzjoni politika tista' sseħħ ukoll permezz ta' sħubija f'organizzazzjonijiet (taż-żgħażagħ) li jippromwovu l-interessi taż-żgħażagħ, dibattiti politiċi wiċċ imb wiċċ jew online u forom oħra ta' tiswir ta' opinjonijiet u espressjonijiet kulturali. Il-parteċipazzjoni politika tista' tiġi esperjenzata wkoll fil-qafas ta' attivitajiet u azzjonijiet ta' edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza u d-drittijiet tal-bniedem biex ikun hemm bidla pożittiva fis-soċjetà.

13.

Permezz tal-parteċipazzjoni fil-proċessi politiċi, iż-żgħażagħ jistgħu jtejbu l-fehim tagħhom dwar il-proċessi tal-iffurmar ta' opinjonijiet u tal-interessi differenti inkwistjoni. Fuq livell personali, huma jiżviluppaw ħiliet soċjali, responsabbiltà, fiduċja fihom infushom, inizjattiva, attitudni kritika kif ukoll ħiliet ta' komunikazzjoni u nnegozjar, sens ta' kompromess, empatija u rispett lejn l-opinjonijiet tal-oħrajn.

14.

Il-karatteristiċi tal-proċessi politiċi effettivi u reali tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ jinkludu:

Rilevanza tal-kwistjoni u l-impatt reali fuq il-ħajjiet taż-żgħażagħ

Prattika u esperjenza tal-parteċipazzjoni fil-ħajja ta' kuljum f'kuntesti differenti bħall-familja, il-komunità, l-iskola, il-post tax-xogħol, il-ħidma fost iż-żgħażagħ u l-ħajja lokali (soċjalizzazzjoni politika)

Rispons u segwitu komprensibbli mill-persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet

Inklużività u aċċess ugwali għaż-żgħażagħ kollha fir-rigward tal-ġeneru, l-ambjent etniku, kulturali, edukattiv u soċjali, l-orjentazzjoni sesswali, l-età u l-ħtiġiet speċifiċi.

15.

Il-politika taż-żgħażagħ, il-ħidma fost iż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ għandhom rwol importanti f'dan ir-rigward billi jippromwovu ċ-ċittadinanza attiva, opportunitajiet ta' parteċipazzjoni politika u l-prevenzjoni tal-emarġinazzjoni u r-radikalizzazzjoni vjolenti, speċjalment f'żoni lokali, fejn il-ħidma miftuħa fost iż-żgħażagħ u l-ħidma ta' sensibilizzazzjoni fost iż-żgħażagħ jindirizzaw liż-żgħażagħ.

16.

Il-benesseri fiżiku u mentali u s-salvagwardja tal-ħtiġiet bażiċi inklużi aspetti marbutin mal-edukazzjoni u t-taħriġ, is-saħħa, l-impjieg, is-sigurtà finanzjara u l-integrazzjoni soċjali huma neċessarji għall-parteċipazzjoni bis-sħiħ u effettiva min-naħa taż-żgħażagħ.

JISTIEDNU LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI FL-ISFERI TA' KOMPETENZA RISPETTIVI TAGĦHOM U B'RISPETT DOVUT GĦALL-PRINĊIPJU TA' SUSSIDJARJETÀ BIEX:

17.

Jistabbilixxu, jimplimentaw jew jiżviluppaw ulterjorment strateġiji, programmi, strutturi jew mekkaniżmi rilevanti oħra li huma ta' natura nazzjonali, reġjonali u/jew lokali għat-tisħiħ tal-parteċipazzjoni politika taż-żgħażagħ kollha, speċjalment iż-żgħażagħ b'inqas opportunitajiet. Dawn il-mekkaniżmi għandhom ikunu bbażati fuq l-għarfien u l-evidenza, mibnijin fuq il-kooperazzjoni transettorjali u jinkludu l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha. It-tfassil ta' strateġiji effettivi ta' parteċipazzjoni għandu jinkludi l-involviment tal-grupp fil-mira matul il-fażijiet ta' ppjanar, implimentazzjoni, monitoraġġ u evalwazzjoni. L-istrateġiji jistgħu jinkludu l-prijoritajiet li ġejjin.

Edukazzjoni formali u tagħlim mhux formali

18.

Irawmu u jippromwovu kooperazzjoni u sħubijiet transettorjali bejn dawk li joffru edukazzjoni formali, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u dawk li jipprovdu ħidma fost iż-żgħażagħ sabiex jiġu żviluppati approċċi integrati ta' programmi ta' edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza filwaqt li jiġu involuti żgħażagħ, għalliema, ħaddiema fil-qasam taż-żgħażagħ, ġenituri u atturi rilevanti oħra.

19.

Isaħħu l-istrutturi parteċipattivi sostenibbli f'kuntesti ta' edukazzjoni formali u mhux formali sabiex jiġi promoss l-iżvilupp ta' ħiliet u kompetenzi soċjali relatati mal-valuri demokratiċi u d-drittijiet tal-bniedem bħal-libertà ta' espressjoni u r-rispett għad-diversità, permezz tal-prattika ta' kuljum tal-prinċipji demokratiċi.

20.

Jippromwovu l-istabbiliment u l-iżvilupp ta' organizzazzjonijiet u/jew strutturi fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali li jirrappreżentaw l-interessi tal-istudenti fil-konfront ta' istituzzjonijiet edukattivi formali.

21.

Jippromwovu l-iżvilupp ta' programmi dwar il-litteriżmu medjatiku li jippromwovu l-kapaċità li l-informazzjoni fis-soċjetà tal-għarfien tal-lum tiġi analizzata b'mod kritiku kif ukoll programmi dwar il-litteriżmu informatiku li jimmiraw lejn l-iżvilupp tal-ħiliet teknoloġiċi tal-utent li jippermettu l-aċċess, il-ġestjoni, il-valutazzjoni u l-ħolqien ta' informazzjoni online utli.

Opportunitajiet ta' parteċipazzjoni lokali u reġjonali

22.

Jippermettu u jiffaċilitaw l-iżvilupp ta' proċessi ta' parteċipazzjoni bħal kunsilli taż-żgħażagħ b'kollaborazzjoni mill-qrib ma' awtoritajiet pubbliċi lokali u reġjonali, bil-għan li ż-żgħażagħ jingħataw l-opportunità li jgħidu tagħhom fil-proċessi lokali u reġjonali tat-teħid ta' deċiżjonijiet.

23.

Jiżviluppaw u jipprovdu informazzjoni u opportunitajiet ta' taħriġ għal dawk li jfasslu l-politika dwar il-metodi u l-għodod ta' komunikazzjoni u parteċipazzjoni xierqa u maħluqin apposta għaż-żgħażagħ sabiex tiġi ffaċilitata mentalità miftuħa u riċettiva lejn iż-żgħażagħ.

24.

Jikkunsidraw jekk huwiex xieraq li titbaxxa l-età tal-votazzjoni għall-elezzjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi lokali u reġjonali għal 16-il sena fir-rigward taċ-ċirkostanzi nazzjonali u l-oqfsa legali nazzjonali.

Forom alternattivi u parteċipazzjoni elettronika

25.

Jirrikonoxxu u jappoġġaw liż-żgħażagħ, il-ħidma fost iż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ fl-iżvilupp ta' forom differenti ta' parteċipazzjoni politika inklużi petizzjonijiet, dimostrazzjonijiet, kampanji kif ukoll l-użu tal-kultura, l-arti u l-isport, peress li dawn l-istrumenti jippermettu diversità fl-espressjoni ta' opinjonijiet u fl-aċċess għall-parteċipazzjoni politika, speċjalment meta jiġu indirizzati żgħażagħ b'inqas opportunitajiet.

26.

Jiżviluppaw għodod diġitali għall-parteċipazzjoni politika taż-żgħażagħ ikkombinati b'elementi wiċċ imb wiċċ u jiżviluppaw taħriġ adegwat għall-għalliema, il-ħaddiema fil-qasam taż-żgħażagħ, min iħarreġ u multiplikaturi li jaħdmu ma' gruppi differenti fil-mira f'kuntesti ta' edukazzjoni formali u tagħlim mhux formali sabiex isir kuntatt maż-żgħażagħ fil-livelli kollha; jagħrfu u jinvolvu kanali eżistenti ta' informazzjoni għaż-żgħażagħ u fornituri ta' informazzjoni għaż-żgħażagħ fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali.

27.

Jinvolvu l-qasam taż-żgħażagħ fl-implimentazzjoni tal-istrateġija tas-suq uniku diġitali għall-Ewropa, filwaqt li jindirizzaw suġġetti bħall-ħiliet u l-kompetenzi diġitali, l-użu online aktar sikur u l-ġlieda kontra l-kontenuti illegali bħar-razziżmu, il-ksenofobija u s-sejħiet għall-vjolenza.

Djalogu ma' dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet politiċi

28.

Jappoġġaw, fejn xieraq, proċessi ta' informazzjoni u komunikazzjoni u għodod li jippermettu l-fehim u l-approprjazzjoni miż-żgħażagħ tal-politiki pubbliċi, filwaqt li jenfasizzaw l-aspetti rilevanti għaż-żgħażagħ u jagħmlu użu effettiv mill-għodod differenti tal-mezzi tal-komunikazzjoni u l-ICT.

29.

Jesploraw u jespandu l-opportunitajiet għad-djalogu fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali bejn iż-żgħażagħ u dawk li jfasslu l-politika mill-oqsma kollha tal-politika li jaffettwaw liż-żgħażagħ.

30.

Iħeġġu l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fl-elezzjonijiet u fi ħdan l-istrutturi formali tad-demokraziji rappreżentattivi, bħall-partiti politiċi, sabiex il-partiti politiċi jinteressaw ruħhom aktar fl-iżvilupp tal-proposti tal-politika li jwieġbu għall-ħtiġiet taż-żgħażagħ.

31.

Jappoġġaw kampanji u avvenimenti ta' informazzjoni għaż-żgħażagħ fl-okkażjoni tal-elezzjonijiet lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropej permezz tal-użu ta' għodod interattivi online u ta' streaming kif ukoll programmi ta' sensibilizzazzjoni speċifiċi li għandhom fil-mira tagħhom nies li ser jivvutaw għall-ewwel darba u żgħażagħ b'inqas opportunitajiet.

32.

Jiżviluppaw kultura ta' teħid ta' deċiżjonijiet fil-livelli kollha tal-gvern li tappoġġa proċessi ta' parteċipazzjoni minn isfel għal fuq immexxija miż-żgħażagħ u li twieġeb għall-inizjattivi informali għaż-żgħażagħ.

33.

Jippromwovu u jiżguraw li l-programmi tal-UE li jappoġġaw liż-żgħażagħ, bħall-Erasmus+ jappoġġaw:

it-tixrid ta' informazzjoni adatta għaż-żgħażagħ dwar l-iżviluppi politiċi attwali li jaffettwaw liż-żgħażagħ fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali,

it-twettiq ta' kampanji ta' informazzjoni mmirati lejn iż-żgħażagħ matul l-elezzjonijiet nazzjonali u Ewropej,

il-ħolqien u l-iżvilupp ta' pjattaformi għall-promozzjoni taż-żgħażagħ u organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ li jirrappreżentaw u jaħdmu favur l-interessi taż-żgħażagħ,

l-involviment ta' fornituri operazzjonali ta' informazzjoni bħall-istrutturi nazzjonali ta' informazzjoni għaż-żgħażagħ u l-pjattaformi Ewropej bħal ERYICA, EYCA, Eurodesk u l-Portal Żgħażagħ Ewropej,

l-inizjattivi transnazzjonali għaż-żgħażagħ u d-Djalogu Strutturat.

Ħidma fost iż-żgħażagħ u organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ

34.

Jappoġġaw u jiżviluppaw aktar inizjattivi ta' ħidma fost iż-żgħażagħ imfasslin apposta li jiffokaw fuq l-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza, l-edukazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-edukazzjoni interkulturali u dik dwar twemmin differenti, permezz tal-użu ta' taħriġ mhux formali u metodi bejn il-pari, sabiex titrawwem l-integrazzjoni taż-żgħażagħ fis-soċjetà u jiġu miġġielda t-tendenzi estremisti, ir-radikalizzazzjoni vjolenti u d-diskors ta' mibegħda; jisfruttaw prattiki tajbin li jirriżultaw minn netwerks eżistenti ta' kooperazzjoni fil-qasam tal-politika dwar iż-żgħażagħ, bħaċ-ċentru Ewropew tal-għarfien għall-politika taż-żgħażagħ (EKCYP) u ċ-Ċentru għall-Parteċipazzjoni taż-Żgħażagħ SALTO.

35.

Isaħħu l-kapaċità tal-fornituri ta' informazzjoni għaż-żgħażagħ sabiex jippermettu t-tixrid ta' informazzjoni dwar l-opportunitajiet ta' parteċipazzjoni politika speċjalment għaż-żgħażagħ li ma mhumiex parti minn moviment organizzat taż-żgħażagħ jew organizzazzjoni taż-żgħażagħ.

JISTIEDNU LILL-KUMMISSJONI BIEX:

36.

Tagħmel disponibbli informazzjoni dwar prattiki tajbin u stejjer ta' suċċess ta' proġetti fl-Istati Membri fil-kuntest tal-programm Erasmus+ dwar inizjattivi li għandhom bħala għan il-parteċipazzjoni politika taż-żgħażagħ; tieħu kont ta' studji ta' riċerka u inizjattivi oħra f'dan il-qasam u xxerred ir-riżultati tagħhom.

37.

Tistabbilixxi rapport fil-qosor ta' studji ta' riċerka disponibbli inklużi fost oħrajn dawk tal-Grupp tar-Riċerkaturi Żgħażagħ Ewropej, dwar il-parteċipazzjoni elettronika u l-medda ta' mezzi ta' komunikazzjoni diġitali differenti u għodod online kif ukoll analiżi dwar kif dawn l-għodod jintużaw miż-żgħażagħ, sabiex tinkiseb stampa ġenerali dwar metodoloġiji eżistenti u effettivi.

38.

Tiddefinixxi l-kontribut speċifiku tal-ħidma fost iż-żgħażagħ kif ukoll tat-tagħlim mhux formali u informali għat-trawwim taċ-ċittadinanza attiva u l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ f'soċjetajiet ta' kulturi differenti u tolleranti kif ukoll għall-prevenzjoni tal-emarġinazzjoni u r-radikalizzazzjoni li jistgħu potenzjalment iwasslu għal imġiba vjolenti.

39.

Tippubblika permezz ta' għodod ta' komunikazzjoni li jistgħu jiġu aċċessati faċilment, informazzjoni mfassla apposta għaż-żgħażagħ li tikkjarifika u/jew tispjega żviluppi f'politiki u deċiżjonijiet differenti tal-UE li b'mod partikolari jaffettwaw liż-żgħażagħ, sabiex dawn isiru trasparenti u jinftiehmu.


(1)  ĠU C 311, 19.12.2009, p. 1.

(2)  ĠU C 183, 14.6.2014, p. 5.

(3)  12651/15.

(4)  It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 2.

“L-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi. Dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f'soċjetà fejn jipprevalu l-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.”

(5)  Youth participation in democratic life — Final Report, London School of Economics, EACEA 2010/03, Frar 2013.

(6)  Parteċipazzjoni politika u Ċittadinanza tal-UE: Perċezzjonijiet u mġiba taż-żgħażagħ, EACEA, Kummissjoni Ewropea, 2013.

(7)  ĠU C 183, 14.6.2014, p. 1.

(8)  Dokumenti 14429/14, 8095/15 u 12651/15.


ANNESS I

SFOND POLITIKU

1.

It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li fl-Artikolu 165 jistipula li azzjoni tal-Unjoni Ewropea għandha tkun immirata lejn “l-inkoraġġiment tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika tal-Ewropa”.

2.

Il-Konvenzjoni dwar id-drittijiet tat-tfal tan-Nazzjonijiet Uniti li tiddeskrivi d-dritt tat-tfal u ż-żgħażagħ li jesprimu l-opinjonijiet tagħhom b'mod ħieles fuq il-kwistjonijiet kollha li jolqtuhom.

3.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' April 2015 dwar l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà li tistipula li l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ għandha rwol ewlieni fil-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni vjolenti billi tippromwovi l-valuri komuni Ewropej, trawwem l-inklużjoni soċjali, isaħħaħ il-fehim reċiproku u t-tolleranza.

4.

Id-Dikjarazzjoni ta' Pariġi tas-17 ta' Marzu 2015 tal-Ministri għall-Edukazzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar il-promozzjoni taċ-ċittadinanza u l-valuri komuni tal-libertà, it-tolleranza u n-nondiskriminazzjoni permezz tal-edukazzjoni.

5.

Ir-Riżoluzzjoni tal-20 ta' Mejju 2014 tal-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar il-ħarsa ġenerali lejn il-proċess ta' djalogu strutturat inkluż l-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ li stipulat li l-prijorità ġenerali għaċ-ċiklu ta' 18-il xahar mill-1 ta' Lulju 2014 sal-31 ta' Diċembru 2015 hi t-tisħiħ tal-awtonomija taż-żgħażagħ li tindirizza l-aċċess għad-drittijiet u l-importanza tal-parteċipazzjoni politika taż-żgħażagħ.

6.

Id-Dikjarazzjoni tat-Tieni Konvenzjoni Ewropea dwar il-Ħidma fost iż-Żgħażagħ (Brussell, 27-30 ta' April 2015) li ddikjarat li l-parteċipazzjoni hija waħda mill-prinċipji ewlenin tal-ħidma fost iż-żgħażagħ, peress li l-Konvenzjoni kienet konvinta li ma jistax ikun hemm aktar żvilupp fil-ħidma fil-qasam iż-żgħażagħ ħlief jekk iż-żgħażagħ jiġu involuti b'mod attiv mill-bidu fil-livelli kollha — Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali.


ANNESS II

PRIJORITÀ GĦAD-DJALOGU STRUTTURAT EWROPEW FIL-QASAM TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ MATUL IL-PERIJODU MILL-1 TA' JANNAR 2016 SAT-30 TA' ĠUNJU 2017

Il-qasam taż-żgħażagħ għandu prattika stabbilita sew ta' kooperazzjoni mal-Presidenza fil-kuntest tad-Djalogu Strutturat bejn l-awtoritajiet pubbliċi u ż-żgħażagħ. Il-prijorità tematika ġenerali għall-Kooperazzjoni Ewropea għad-Djalogu Strutturat fil-qasam taż-żgħażagħ għall-perijodu mill-1 ta' Jannar 2016 — 30 ta' Ġunju 2017 ser tkun “Il-possibbiltà għaż-żgħażagħ kollha li jinvolvu ruħhom f'Ewropa diversa, konnessa u inklużiva — Lesti għall-Ħajja, Lesti għas-Soċjetà”. Din it-tema tirrifletti r-Rapport tal-UE dwar iż-Żgħażagħ u tikkunsidra r-reazzjonijiet fil-fażi ta' qabel il-konsultazzjoni, li twettqet mit-Triju ta' Presidenzi li jmiss. Din it-tema ser tkun l-element komuni li ser jiżgura l-kontinwità u l-konsistenza fil-ħidma tat-tliet Presidenzi, f'konformità mal-Pjan ta' Ħidma tal-UE għaż-Żgħażagħ 2016-2018.


ANNESS III

PRINĊIPJI GĦAD-DJALOGU STRUTTURAT EWROPEW FIL-QASAM TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ MATUL IL-PERIJODU MILL-1 TA' JANNAR 2016 SAT-30 TA' ĠUNJU 2017

1.

L-arkitettura simplifikata ta' 18-il xahar fil-qafas tal-kooperazzjoni tat-triju ta' presidenzi dwar id-Djalogu Strutturat għandha tinżamm u tiġi żviluppata aktar biex tiġi żgurata l-kontinwità tal-prijorità tematika ġenerali u biex tkun possibbli ġestjoni aħjar tal-ħin għall-Gruppi ta' Ħidma Nazzjonali f'konsultazzjonijiet maż-żgħażagħ.

2.

Sabiex jittejbu r-rappreżentanza u d-diversità taż-żgħażagħ fil-proċess, għandhom jiġu investiti aktar sforzi fil-ħidma ta' sensibilizzazzjoni tal-gruppi differenti fil-mira li huma affettwati mill-prijorità ġenerali, inklużi l-użu ta' konsultazzjonijiet online ikkombinati ma' laqgħat wiċċ imb wiċċ, metodi li jikkombinaw modi differenti ta' espressjoni u avvenimenti ta' konsultazzjoni lokali li jinvolvu NGOs lokali, organizzazzjonijiet (ta' informazzjoni) għaż-żgħażagħ, awtoritajiet lokali u gruppi ta' ħidma nazzjonali.

3.

Sabiex il-kwalità tal-eżiti tad-Djalogu Strutturat tiġi arrikkita, il-ħaddiema fil-qasam taż-żgħażagħ, l-esperti fil-qasam taż-żgħażagħ, l-esperti akkademiċi, il-fornituri professjonali ta' servizz għaż-żgħażagħ u organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ rilevanti affettwati mill-prijorità ġenerali għandhom jipparteċipaw f'konsultazzjonijiet, fejn rilevanti, u f'Konferenzi tal-UE dwar iż-Żgħażagħ.

4.

Sabiex ikun iffaċilitat is-segwitu tal-eżiti tad-Djalogu Strutturat, it-Triju ta' Presidenzi għandu jinforma liż-żgħażagħ li pparteċipaw fil-proċessi ta' konsultazzjoni u fil-Konferenzi tal-UE dwar iż-Żgħażagħ, permezz ta' nota ta' spjegazzjoni jew b'mezzi oħra ta' komunikazzjoni, dwar il-livell sa fejn l-eżitu finali tad-Djalogu Strutturat ġie kkunsidrat mill-Kunsill u mill-Kummissjoni fit-tielet fażi taċ-ċiklu.

5.

Sabiex ikun żgurat impatt effettiv tad-Djalogu Strutturat, it-Triju ta' Presidenzi għandu jinvolvi, fejn rilevanti, atturi oħra tal-UE, bħall-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni.

6.

Il-prijorità ġenerali għaċ-ċiklu li jmiss tat-Triju ta' Presidenzi (mill-1 ta' Lulju 2017 sal-31 ta' Diċembru 2018) għandha tiġi ddefinita qabel il-bidu tal-mandat tiegħu u tiġi ppreżentata fil-ħin opportun għall-konsultazzjoni liż-żgħażagħ u l-Gruppi ta' Ħidma Nazzjonali qabel l-adozzjoni tagħha.


Top