EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AR1272

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “L-istrateġija riveduta tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku”

ĠU C 391, 18.12.2012, p. 11–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

18.12.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 391/11


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “L-istrateġija riveduta tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku”

2012/C 391/03

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jenfasizza li l-Istrateġija tal-UE għall-Baħar Baltiku toffri bażi soda biex jiġi ttestjat sa liema punt strateġija speċifika għal makroreġjun ġeografiku usa’ tista ġenwinament isaħħaħ il-kompetittività tal-UE u tirfed it-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv;

jilqa’ l-isforzi li qed isiru sabiex l-għanijiet riveduti tal-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku sabiex insalvaw il-baħar, nikkollegaw ir-reġjun u nżidu l-prosperità ikunu iktar konformi mal-għanijiet l-Istrateġija tal-Ewropa 2020;

josserva li għat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika u l-kompetittività reġjonali hemm bżonn ta’ rabtiet iktar sodi bejn ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-partijiet interessati. Ir-reġjuni u l-universitajiet għandhom jikkooperaw fi ħdan il-makroreġjun kollu tal-Baħar Baltiku biex jagħmluh mudell għan-netwerks tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti;

iqis li għandha tkompli tingħata attenzjoni lill-appoġġ tal-inizjattivi tal-iżvilupp sostenibbli u li jinġiebu ’l quddiem iktar miżuri li jżidu l-impjieg u l-ħiliet kif ukoll it-tisħiħ tal-prosperità u l-inklużjoni;

jenfasizza li minkejja li l-Istrateġija tal-UE għall-Baħar Baltiku hija strateġija interna tal-UE, il-kooperazzjoni mal-pajjiżi mhux membri fl-UE b’mod partikolari r-Russja hija element prinċipali tas-suċċess tal-Istrateġija;

jenfasizza li l-istrutturi tad-Dimensjoni tat-Tramuntana għandhom jintużaw kemm jista’ jkun fil-kuntest ta’ kooperazzjoni iżjed mill-qrib bejn l-UE u r-Russja fir-Reġjun tal-Baħar Baltiku;

huwa mħasseb dwar il-muniċipalitajiet u n-nuqqas ta’ viżibbiltà tar-reġjuni fl-implimentazzjoni tal-istrateġija u jipproponi li, kemm fl-istrateġija kif ukoll fil-pjan rivedut ta’ azzjoni, jissemma b’mod espliċitu li l-implimentazzjoni jkollha fil-qalba tagħha l-prinċipju tal-governanza f’diversi livelli;

jenfasizza li l-partijiet politiċi interessati għandhom juru impenn ċar u jieħdu pożizzjoni ta’ tmexxija jekk nixtiequ li naraw progress fl-implimentazzjoni tal-istrateġija fil-pajjiżi parteċipanti kollha;

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li għandu jiġi ċċarat il-kontribut tal-programmi nazzjonali fi ħdan il-Fondi Strutturali għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku, filwaqt li jitqiesu d-differenzi bejn ir-reġjuni fi ħdan l-Istati Membri u l-ħtiġijiet tagħhom relatati mal-iżvilupp.

Relatur

Is-Sinjura Pauliina HAIJANEN (FI/PPE), Membru tal-Bord Eżekuttiv tal-Kunsill tal-Belt ta’ Laitila

Dokument ta’ referenza

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku

COM(2012) 128 final

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Marzu 2012 u huwa tal-fehma li l-miżuri li tressaq huma pass fid-direzzjoni t-tajba, għat-titjib tal-għan prinċipali tal-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku, għall-allinjament tal-politiki u l-fondi, il-kjarifika tar-responsabbiltajiet tal-atturi differenti u t-titjib tal-komunikazzjoni;

2.

josserva li l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku tfittex li ttejjeb il-koordinazzjoni u l-koeżjoni tal-politika bejn ir-reġjuni taż-żona bil-għan li jissolvew il-problemi komuni li jiffaċċja r-Reġjun tal-Baħar Baltiku u tissaħħaħ il-prosperità tar-reġjun fuq bażi sostenibbli. L-istrateġija tittratta kwistjonijiet li r-reġjuni u l-Istati Membri individwali ma jistgħux isolvu waħidhom. Fattur prinċipali huwa l-kooperazzjoni u l-azzjoni kkoordinata fost l-Istati Membri, ir-reġjuni u l-muniċipalitajiet tal-makroreġjun, l-UE, l-organizzazzjonijiet pan-Baltiċi, l-istituzzjonijiet tal-finanzjament u l-korpi mhux governattivi;

3.

josserva li l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020” (CdR 72/2011 fin) tenfasizza l-potenzjal tar-Reġjun tal-Baħar Baltiku li jwitti t-triq għall-Ewropa;

4.

jenfasizza li, bħala l-ewwel strateġija makroreġjonali integrata, l-Istrateġija tal-UE għall-Baħar Baltiku toffri bażi soda biex jiġi ttestjat sa liema punt strateġija speċifika għal makroreġjun ġeografiku usa’ tista ġenwinament isaħħaħ il-kompetittività tal-UE u tirfed it-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Dawn l-esperjenzi għandhom jaqdu rwol attiv fid-dibattitu dwar il-politika Ewropea ta’ koeżjoni b’mod partikolari, bi tħejjija għall-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss;

5.

jiġbed l-attenzjoni għall-pożizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, li l-implimentazzjoni tal-istrateġiji makroreġjonali m’għandhiex tfisser il-ħolqien ta’ regoli ġodda, it-twaqqif ta’ korpi ġodda, jew l-approvazzjoni ta’ finanzjament ġdid; jemmen madanakollu li għandu jkun hemm ukoll “tliet affermazzjonijiet”: l-applikazzjoni u l-monitoraġġ konġunti tar-regoli li jeżistu fil-makroreġjuni; il-ħolqien ta’ pjattaforma, netwerk jew cluster territorjali ta’ awtoritajiet lokali u reġjonali u Stati Membri bil-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati u taħt ir-responsabbiltà tal-korpi tal-UE; l-użu miftiehem tal-fondi eżistenti tal-Unjoni għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji makroreġjonali;

Rabtiet bejn approċċ imsejjes fuq strateġija makroreġjonali u l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020

6.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-ħidma li qed issir biex l-għanijiet tal-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku jixbhu iżjed lil dawk tal-Istrateġija tal-Ewropa 2020. It-tliet għanijiet prinċipali għall-istrateġija ppreżentati fil-Komunikazzjoni – insalvaw il-baħar, nikkolegaw ir-reġjun u nżidu l-prosperità – jorbtu tajjeb mal-għanijiet tal-Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Barra minn hekk, mill-perspettiva tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020, huwa importanti ħafna li nenfasizzaw kooperazzjoni reġjonali iżjed mill-qrib fl-attività relatata mal-innovazzjoni;

7.

josserva li l-implimentazzjoni tal-inizjattivi ewlenin tal-Istrateġija Ewropa 2020 f’attivitajiet konkreti hija importanti għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-Baħar Baltiku. Minn fost l-inizjattivi ewlenin tal-Ewropa 2020, għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-Aġenda Diġitali u l-inizjattivi relatati mal-Unjoni tal-Innovazzjoni, u lill-pjan ta’ azzjoni aġġornat li jagħmel enfasi akbar fuq il-promozzjoni tal-għanijiet tagħhom fir-Reġjun tal-Baħar Baltiku. L-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku u n-netwerks ta’ kooperazzjoni li joperaw f’dak ir-reġjun jipprovdu bażi eċċellenti għall-iżvilupp ta’ strateġiji reġjonali fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni għal speċjalizzazzjoni intelliġenti;

8.

jinkoraġġixxi lill-Istati Membri u l-atturi fil-livell lokali u reġjonali biex jirriflettu dwar il-mod li bih l-għan aġġornat li tikber il-prosperità fl-Istrateġija għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku tal-UE, jista’ jiġi trasformat b’mod kollaborattiv f’miżuri konkreti. Fil-ġejjieni, il-pjan ta’ azzjoni ser ikollu jindika b’mod ċar miżuri li ġew imfassla biex jiżdiedu l-impjieg u l-ħiliet kif ukoll jissaħħu l-prosperità u l-inklużjoni. Fil-preżent, il-pjan ta’ azzjoni m’għandux rabta qawwija mal-inizjattivi ewlenin tal-Ewropa 2020 f’dan il-qasam.

9.

iqis li l-prijorità tal-Istrateġija Ewropa 2020, Tkabbir inklużiv: it-tħeġġiġ ta’ ekonomija b’rata għolja ta’ okkupazzjoni li ġġib il-koeżjoni soċjali u territorjali, għandha tiġi kkunsidrata fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-Baħar Baltiku, peress li għad hemm differenzi notevoli fil-prosperità u l-potenzjal ekonomiku bejn il-partijiet differenti tal-Baħar Baltiku. Għandha tkompli tingħata attenzjoni lill-promozzjoni ta’ miżuri għat-titjib tal-ambjent u l-appoġġ għall-inizjattivi ewlenin għall-iżvilupp sostenibbli;

10.

jenfasizza li fil-futur ser ikun iktar importanti li jiġu kkunsidrati s-sinerġiji bejn id-diversi programmi ta’ finanzjament bil-għan li jintlaħqu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020. B’rabta mal-programm futur Orizzont 2020 għar-riċerka u l-innovazzjoni, għandu jkun hemm kooperazzjoni mill-qrib u integrata mal-istrumenti tal-politika ta’ koeżjoni, li jintużaw mill-Istati Membri fir-reġjun tal-Baħar Baltiku, sabiex tiġi enfasizzata l-perspettiva reġjonali u r-reġjuni jitħeġġu jżidu l-attività tagħhom fir-riċerka u l-innovazzjoni;

11.

jixtieq josserva li l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku pprovdiet il-livell lokali u reġjonali b’opportunitajiet ġodda għat-tisħiħ tal-kompetittività reġjonali u l-potenzjal innovattiv tagħhom, u għall-promozzjoni tal-ispeċjalizzazzjoni reġjonali intelliġenti. Għalhekk, ir-reġjuni u l-universitajiet għandhom jikkooperaw fi ħdan il-makroreġjun kollu tal-Baħar Baltiku biex jagħmluh mudell għan-netwerks tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti, b’enfasi fuq il-kwistjonijiet ewlenin u l-attivitajiet ta’ kull reġjun u l-ksib tal-eċċellenza u l-massa kritika permezz tan-netwerking. Huma kruċjali l-iżvilupp u t-tisħiħ tas-sistemi għall-innovazzjoni tat-tliet spirali (triple helix) u l-erba’ spirali (quadruple helix) bil-kooperazzjoni tal-qasam akkademiku, is-settur pubbliku, is-settur privat u ċ-ċittadini tar-Reġjun tal-Baħar Baltiku f’dan ir-rigward;

12.

jipproponi li l-Istati Membri tal-UE fir-Reġjun tal-Baħar Baltiku jħeġġu liċ-ċentri ta’ riċerka jiffokaw fuq l-oqsma ta’ riċerka li jappoġġjaw l-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti fir-reġjun tagħhom stess u biex jaqsmu l-kompetenzi tagħhom bħala parti minn netwerk ta’ kooperazzjoni fir-reġjun Baltiku. Ikun importanti li pajjiżi li m’humiex fl-UE li għandhom il-fruntiera mar-reġjun tal-baħar Baltiku jitħeġġu jieħdu sehem f’din il-kooperazzjoni ta’ riċerka wkoll, pereżempju dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw l-ambjent u l-enerġija li jolqtu l-baċir tal-baħar komuni;

13.

jixtieq jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li biex tissaħħaħ il-kompetittività u l-koeżjoni ekonomika jinħtieġu rabtiet iżjed b’saħħithom bejn il-partijiet interessati involuti fir-riċerka, l-innovazzjoni u l-industrija. In-negozju u l-industrija, kif ukoll l-universitajiet, għandhom jingħataw l-opportunità jaqdu rwol iżjed attiv fi kwalunkwe ħidma li ssir dwar l-istrateġija;

14.

jirrakkomanda li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri tal-UE u pajjiżi mhux imsieħba fl-UE fil-qasam tal-innovazzjoni u l-clusters, kif ukoll li tiġi promossa l-kooperazzjoni dwar il-kummerċjalizzazzjoni fir-Reġjun tal-Baħar Baltiku bil-għan li tingħata spinta lill-investiment u t-turiżmu lil hinn mill-UE. Dawn il-miżuri, flimkien mad-dimensjoni ambjentali qawwija tal-istrateġija, jirrappreżentaw pass effettiv lejn l-ilħiq tal-għanijiet tal-Ewropa 2020 fir-Reġjun tal-Baħar Baltiku;

15.

jenfasizza li, fid-dawl ta’ dan kollu, il-pajjiżi fir-Reġjun tal-Baħar Baltiku għandhom jindirizzaw dawk il-kwistjonijiet fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma (PNR) u li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom ikunu involuti mill-qrib f’din il-ħidma preparatorja;

16.

jinnota li l-għan primarju tal-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku hija li jiġi mnaddaf l-aktar baħar imniġġes tal-Ewropa u li l-istat tiegħu jitjieb, dan ifisser ukoll l-iżgurar ta’ żvilupp soċjali u ekonomiku armonjuż fir-reġjuni ġirien kemm tal-UE kif ukoll dawk barra mill-UE;

L-importanza tad-dimensjoni esterna tal-Istrateġija u l-kooperazzjoni

17.

jenfasizza li, għalkemm din hija strateġija interna tal-UE, il-kooperazzjoni mal-pajjiżi mhux imsieħba fl-UE, ir-Russja b’mod partikolari, hija ta’ importanza ewlenija għas-suċċess tal-istrateġija;

18.

jixtieq jenfasizza li, fl-2011, ir-Russja approvat f’livell federali l-Istrateġija għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku tad-Distrett tal-Majjistral tar-Russja sal-2020. L-istrateġija għall-Majjistral tar-Russja tistabbilixxi għanijiet għall-ekonomija, l-infrastruttura u l-loġistika tar-reġjun. Huwa ttamat li din l-istrateġija tippromovi kooperazzjoni strateġika iżjed mill-qrib bejn ir-Reġjun tal-UE tal-Baħar Baltiku u r-Russja, b’mod partikolari dwar l-ambjent, l-ekonomija, it-trasport, l-enerġija, it-turiżmu u l-protezzjoni ċivili;

19.

jenfasizza li l-istrutturi tad-Dimensjoni tat-Tramuntana għandhom jintużaw kemm jista’ jkun fil-kuntest ta’ kooperazzjoni iżjed mill-qrib bejn l-UE u r-Russja fir-Reġjun tal-Baħar Baltiku. Il-politika tad-Dimensjoni tat-Tramuntana tikkunsidra r-reġjun tat-Tramuntana bħala entità waħda, bil-għan li tissaħħaħ il-koordinazzjoni bejn il-mekkaniżmi differenti ta’ kooperazzjoni fir-reġjuni tal-Baħar Baltiku u tal-Barents;

20.

jilqa’ b’sodisfazzjon u jappoġġja l-passi konkreti li ħa l-livell lokali u reġjonali biex jiżviluppa kooperazzjoni prattika, l-iżjed fil-belt ta’ St. Petersburg u r-reġjun ta’ Leningrad. Eżempju tajjeb ta’ approċċ minn isfel għal fuq ta’ din ix-xorta huwa l-hekk imsejjaħ Proċess ta’ Turku, li huwa inizjattiva kondiviża bejn il-belt ta’ Turku, ir-reġjun tal-Lbiċ tal-Finlandja u l-bliet ta’ Hamburg u St. Petersburg;

Governanza f’diversi livelli u r-rwol tal-muniċipalitajiet u r-reġjuni fl-implimentazzjoni tal-istrateġija

21.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tikkunsidra l-fehmiet dwar it-tisħiħ ta’ implimentazzjoni u governanza flessibbli iżda determinanti tal-istrateġija, kif stabbilit fl-Opinjoni tal-KtR dwar l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku (CdR 255/2009 fin), meta tispeċifika r-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-partijiet interessati prinċipali (punti ta’ kuntatt nazzjonali, il-koordinaturi tal-oqsma ta’ prijorità, il-mexxejja ta’ azzjoni orizzontali u l-mexxejja ta’ proġetti ewlenin);

22.

jikkunsidra l-proposti tal-Kummissjoni biex tiġi ċċarata l-istruttura ta’ governanza tal-istrateġija u ssir iżjed effettiva bħala pass fid-direzzjoni t-tajba, iżda huwa mħasseb dwar il-muniċipalitajiet u n-nuqqas ta’ viżibbiltà tar-reġjuni fl-implimentazzjoni tal-istrateġija. Għalhekk, il-Kumitat jipproponi li, kemm fl-istrateġija kif ukoll fil-pjan rivedut ta’ azzjoni, jissemma b’mod espliċitu li l-implimentazzjoni tkun tħaddan il-prinċipju tal-governanza f’diversi livelli;

23.

jenfasizza li s-suċċess tal-istrateġiji makroreġjonali fl-Ewropa jiddependi ħafna mill-impenn u l-kontribut tal-partijiet interessati fil-livell lokali u reġjonali biex jilħqu l-għanijiet. Huwa kruċjali wkoll li jiġi involut is-settur privat. Il-partijiet politiċi interessati għandhom juru impenn ċar u jieħdu pożizzjoni ta’ tmexxija jekk nixtiequ li naraw progress fl-implimentazzjoni tal-istrateġija fil-pajjiżi parteċipanti kollha;

24.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li għadu meħtieġ sehem ikbar min-naħa tal-partijiet interessati fil-livell lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-Baħar Baltiku. Dan għandu jiġi kkunsidrat mhux biss meta jiġi aġġornat il-pjan ta’ azzjoni relatat mal-istrateġija iżda wkoll meta jiġi definit ir-rwol tal-partijiet interessati differenti. Pereżempju, attwalment, għadd kbir ta’ koordinaturi tal-oqsma ta’ prijorità ġejjin mill-ministeri settorjali jew korpi oħra tal-gvern ċentrali. Il-punti ta’ kuntatt nazzjonali, b’mod partikolari, għandhom jinħtieġu jkunu f’kuntatt regolari mal-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet lokali u reġjonali;

Finanzjament; sistema għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni

25.

josserva li, għalkemm l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku ġiet approvata biss wara li kien diġà beda l-perjodu ta’ programmazzjoni attwali tal-UE, għadd ta’ programmi differenti fi ħdan il-Fondi Strutturali għamluha possibbli li jitwettqu bosta proġetti li jappoġġjaw l-istrateġija. Il-programmi Ewropej implimentati fir-Reġjun tal-Baħar Baltiku relatati mal-kooperazzjoni territorjali kienu għodda prinċipali ta’ finanzjament biex jiġu xprunati l-miżuri, b’mod partikolari fil-livell lokali u reġjonali;

26.

jiġbed l-attenzjoni għall-iskarsezza tal-istrumenti ta’ finanzjament disponibbli għall-proġetti transnazzjonali u dawk immexxija minn partijiet interessati differenti. Il-fatt li d-deċiżjonijiet dwar il-finanzjament għal kull imsieħeb jittieħdu fi żminijiet differenti joħloq problema meta jintużaw sorsi differenti ta’ finanzjament, peress li dan inaqqas ferm il-pass tal-implimentazzjoni. Mhux bilfors hemm koordinazzjoni bejn id-deċiżjonijiet dwar il-finanzjament, u ċerti msieħba jibqgħu mingħajr appoġġ, li jista’ jxekkel it-tnedija ta’ proġett partikolari;

27.

jaħseb li huwa importanti li l-proposti għal regolamenti maħruġa mill-Kummissjoni f’Ottubru 2011 jobbligaw l-Istati Membri jqisu strateġija makroreġjonali potenzjali fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-programmi l-ġodda tal-Fondi Strutturali, u jenfasizza li l-Programm transnazzjonali l-ġdid għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku, b’mod partikolari, għandu jkun konformi mal-prijoritajiet tal-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku. Jeħtieġ li l-programmazzjoni għall-perjodu li jmiss tibda fil-bidu nett tal-2014 sabiex jiġi evitat dewmien bla bżonn fil-kontinwazzjoni tal-proġetti;

28.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li għandu jiġi ċċarat il-kontribut tal-programmi nazzjonali fi ħdan il-Fondi Strutturali għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku, filwaqt li jitqiesu d-differenzi bejn ir-reġjuni fi ħdan l-Istati Membri u l-ħtiġijiet tagħhom relatati mal-iżvilupp. Jekk tingħata attenzjoni speċjali lill-promozzjoni ta’ speċjalizzazzjoni reġjonali intelliġenti fl-attivitajiet nazzjonali relatati mal-programm, ikun hemm opportunitajiet kbar biex jintlaħqu l-għanijiet tal-istrateġija. Bl-istess mod, il-Kuntratt ta’ Sħubija bejn l-Istat Membru u l-Kummissjoni Ewropea għandu jinkludi wkoll referenza għall-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku;

29.

huwa tal-fehma li huwa importanti li jiġi żgurat il-kapital inizjali (fund seeding), kif propost fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, bħala mezz għall-promozzjoni tal-kooperazzjoni fil-proġetti, għax b’hekk kemm il-partijiet interessati lokali u reġjonali kif ukoll ir-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet u s-soċjetà ċivili jiġu involuti iżjed fl-attivitajiet relatati mal-proġetti;

30.

jenfasizza li, fil-ġejjieni, ser ikun importanti li l-finanzjament jingħadda b’mod dirett lejn il-miżuri għall-implimentazzjoni tal-istrateġiji, u li jkun possibbli li jiġu kkombinati forom differenti ta’ finanzjament. Minbarra l-fondi pubbliċi, għandu jiġi promoss l-użu ta’ servizzi pprovduti minn istituzzjonijiet differenti ta’ finanzjament filwaqt li jiġi enfasizzat ir-rwol tal-fondi privati. Għandhom jiġu żviluppati t-tekniki li jagħmluha possibbli li jiġu inklużi iżjed miżuri fil-qasam tal-kooperazzjoni internazzjonali fi proġetti ffinanzjati mill-programmi tal-Fondi Strutturali;

31.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-indikaturi għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-istrateġija proposti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, iżda jenfasizza li s-sistema tal-monitoraġġ u l-valutazzjoni għandha tkun sempliċi kemm jista’ jkun u tkun ibbażata fuq indikaturi li jistgħu jiddeskrivu b’mod realistiku r-riżultati miksuba permezz tal-kooperazzjoni abbażi tal-istrateġija. Il-Kumitat tar-Reġjuni huwa lest jipparteċipa fil-ħolqien ta’ indikaturi u diskussjonijiet dwar dawk magħżula;

Il-promozzjoni tal-komunikazzjoni u s-sehem tal-partijiet interessati

32.

jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-istrateġiji makroreġjonali titlob proċess trasparenti relatat mat-teħid tad-deċiżjonijiet, skambju komprensiv ta’ informazzjoni u l-iżvilupp ta’ prattiki komuni fil-livelli kollha. B’mod partikolari, jeħtieġ li jitjieb il-fluss tal-informazzjoni, kemm bejn l-Istati Membri tar-Reġjun tal-Baħar Baltiku, kif ukoll fi ħdan dawk il-pajjiżi. Dan jippromovi impenn iżjed wiesa’ fil-konfront tal-implimentazzjoni tal-għanijiet tal-istrateġija;

33.

jenfasizza li ż-żieda fil-komunikazzjoni dwar l-istrateġija tiġġenera wkoll għarfien ikbar dwar l-attivitajiet tal-UE fost il-pubbliku ġenerali. Il-paġni tal-internet iddedikati għall-istrateġija u l-konsultazzjoni pubblika dwar l-aġġornament tal-pjan ta’ azzjoni tal-istrateġija huma pass fid-direzzjoni t-tajba;

34.

jipproponi li l-Kummissjoni tiġbor u tippubblika b’mod sistematiku l-informazzjoni dwar il-programmi ta’ finanzjament biex ikunu jistgħu jiġu pprovduti pariri finanzjarji b’mod ċentrali kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak lokali. Il-kwistjoni bħalissa hija li l-partijiet interessati li jmexxu l-proġett m’għandhomx aċċess adegwat għall-informazzjoni. L-għarfien dwar l-istrumenti adatti ta’ finanzjament għandu jinfirex b’mod iżjed effettiv biex il-partijiet interessati ma jsibux problema jagħżlu l-istrumenti adatti għall-ħtiġijiet tagħhom;

Konklużjonijiet

35.

josserva li l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku provdiet lill-Istati Membri, ir-reġjuni u l-muniċipalitajiet b’opportunitajiet ġodda għat-tisħiħ tal-kompetittività u l-innovazzjoni reġjonali kif ukoll speċjalizzazzjoni reġjonali intelliġenti. L-istrateġija żiedet ukoll l-interess ġenerali fost il-partijiet interessati fil-livell lokali u reġjonali u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-kooperazzjoni tar-Reġjun tal-Baħar Baltiku, u saħħet u żiedet tipi ġodda ta’ kooperazzjoni;

36.

jipproponi li l-Kumitat tar-Reġjuni jkompli jissorvelja b’mod attiv l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku fuq il-bażi tal-pjan ta’ azzjoni aġġornat li ser jiġi ppublikat lejn l-aħħar tal-2012, u jkompli jressaq l-osservazzjonijiet u l-konklużjonijiet tiegħu fid-dibattitu usa’ dwar l-istrateġiji makroreġjonali, partikolarment fid-dawl tal-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss (2014-2020).

Brussell, 10 ta’ Ottubru 2012.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


Top