EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AR0747

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “White Paper — aġenda għal pensjonijiet adegwati, sikuri u sostenibbli”

ĠU C 391, 18.12.2012, p. 7–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

18.12.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 391/7


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “White Paper — aġenda għal pensjonijiet adegwati, sikuri u sostenibbli”

2012/C 391/02

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jindika li l-atturi kollha ewlenin, inklużi l-awtoritajiet lokali u reġjonali, li joperaw skemi tal-pensjoni addizzjonali għall-maġġoranza tal-impjegati pubbliċi, għandhom ikunu involuti fil-proċess ta’ konsultazzjoni għar-riforma tas-sistemi tal-pensjonijiet nazzjonali;

jenfasizza li diversi aspetti tal-politika tal-pensjonijiet tal-UE u tal-Istrateġija Ewropa 2020 jsaħħu lil xulxin. Jekk fil-qafas tal-Istrateġija Ewropa 2020 tinkiseb rata ogħla ta’ impjieg, dan itejjeb ukoll is-sostenibbiltà ġenerali tas-sistemi tal-protezzjoni soċjali u tal-pensjonijiet. Benefiċċji tal-pensjonijiet adegwati huma prerekwiżit essenzjali għat-twettiq tal-għan tal-Istrateġija Ewropa 2020 li tnaqqas il-faqar, billi l-anzjani fl-UE għadhom grupp dgħajjef mil-lat soċjoekonomiku. Apparti riforma tas-sistema tal-pensjonijiet, hemm bżonn ukoll għadd ta’ miżuri ta’ akkumpanjament fil-politika tas-suq tax-xogħol bil-għan li jiġi żgurat li l-anzjani jibqa’ jkollhom dħul adatt fil-futur;

fid-dawl tat-tħassib dwar it-trasparenza kif ukoll il-livell tat-tariffi u l-imposti assoċjati mal-forom differenti ta’ arranġamenti ta’ pensjonijiet privati, jilqa’ analiżi komparattiva sabiex tiġi applikata l-aħjar prattika madwar l-UE kollha.

Relatur

Is-Sur LINDQUIST (SE/PPE), President tal-Kunsill Muniċipali ta’ Lidingö

Dokument ta’ referenza

White Paper - Aġenda għal Pensjonijiet Adegwati, Sikuri u Sostenibbli

COM(2012) 55 final

I.   IL-POŻIZZJONI TAL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Introduzzjoni

1.

jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni sabiex tindirizza l-isfidi serji li qed jiffaċċjaw is-sistemi tal-pensjonijiet ta’ bosta Stati Membri;

2.

jaħseb li l-iżgurar ta’ pensjonijiet sostenibbli u adegwati huwa importanti ħafna mhux biss fid-dawl tal-prospetti Ewropej ta’ tkabbir iżda anki għall-għajnuna soċjali taċ-ċittadini tal-Unjoni u l-benesseri tagħhom;

3.

huwa tal-fehma li s-sostenibbiltà ekonomika fit-tul tas-sistemi tal-pensjonijiet hija prerekwiżit prinċipali għal pensjonijiet sikuri u adegwati;

4.

jenfasizza li l-pensjonijiet pubbliċi ġenerali ser ikomplu jaqdu rwol importanti fil-futur f’li jagħtu sigurtà bażika adegwata lil kull pensjonant;

5.

iqis li sistema tal-pensjonijiet ibbażata fuq il-qligħ adegwat tul il-ħajja tikkontrobwixxi sabiex tkun tista’ tiġi żgurata pensjoni sostenibbli fuq perjodu twil;

6.

jenfasizza li s-sistemi tal-pensjonijiet żviluppaw tul iż-żmien skont il-kundizzjonijiet ta’ kull Stat Membru. L-organizzazzjoni tas-sistemi tal-pensjonijiet statutorji, għalhekk, hija kompitu tal-Istati Membri individwali;

7.

jindika li l-atturi kollha ewlenin, inklużi l-awtoritajiet lokali u reġjonali, li joperaw skemi tal-pensjoni addizzjonali għall-maġġoranza tal-impjegati pubbliċi, għandhom ikunu involuti fil-proċess ta’ konsultazzjoni għar-riforma tas-sistemi tal-pensjonijiet nazzjonali;

8.

jiġbed l-attenzjoni li f’bosta Stati Membri l-imsieħba soċjali huma responsabbli għat-tfassil tal-pensjonijiet okkupazzjonali. F’każijiet bħal dawn, hija ħaġa naturali li kwalunkwe tibdil għandu jsir mill-imsieħba soċjali;

9.

jinnota li l-White Paper hija bbażata fuq l-Artikolu 153 tat-TFUE, u li huma l-Istati Membri li għandhom ir-responsabbiltà prinċipali fit-tiswir tas-sistemi tal-pensjoni tagħhom. Madankollu, l-UE għandha tappoġġja u tikkomplementa l-attivitajiet tagħhom fil-qasam tal-protezzjoni soċjali. Il-White Paper ma fiha l-ebda proposta leġislattiva konkreta, u għalhekk huwa kkunsidrat li ma tqajjem l-ebda problema f’termini tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità. Madankollu, il-Kumitat jixtieq jenfasizza li kwalunkwe proposta leġislattiva futura fil-qasam tal-pensjonijiet għandha tiġi analizzata bir-reqqa fir-rigward tal-prinċipju tas-sussidjarjetà;

10.

jenfasizza li diversi aspetti tal-politika tal-pensjonijiet tal-UE u tal-Istrateġija Ewropa 2020 jsaħħu lil xulxin. Jekk fil-qafas tal-Istrateġija Ewropa 2020 tinkiseb rata ogħla ta’ impjieg, dan itejjeb ukoll is-sostenibbiltà ġenerali tas-sistemi tal-protezzjoni soċjali u tal-pensjonijiet. Benefiċċji tal-pensjonijiet adegwati huma prerekwiżit essenzjali għat-twettiq tal-għan tal-Istrateġija Ewropa 2020 li tnaqqas il-faqar, billi l-anzjani fl-UE għadhom grupp dgħajjef mil-lat soċjoekonomiku (1). Apparti riforma tas-sistema tal-pensjonijiet, hemm bżonn ukoll għadd ta’ miżuri ta’ akkumpanjament fil-politika tas-suq tax-xogħol bil-għan li jiġi żgurat li l-anzjani jibqa’ jkollhom dħul adatt fil-futur;

Relazzjoni bilanċjata bejn il-ħajja tax-xogħol u l-irtirar

11.

jappoġġja l-għan tal-Kummissjoni li żżid l-età tal-irtirar skont iż-żieda fl-għomor mistenni tal-persuna, fejn dan ikun adatt. Dan jista’ jikkontribwixxi għas-sostenibbiltà finanzjarja tas-sistemi tal-pensjonijiet. Dan ser jeħtieġ soluzzjonijiet prattiċi differenti fl-Istati Membri differenti;

12.

huwa tal-fehma li, bis-saħħa ta’ età tal-irtirar flessibbli, ċerti individwi jistgħu jagħżlu li jieqfu jaħdmu iżjed tard milli kieku kien possibbli b’età tal-irtirar fissa. B’hekk, ikun possibbli li l-ħajja tax-xogħol tiġi estiża abbażi ta’ fatturi individwali;

13.

jenfasizza l-importanza ta’ parteċipazzjoni ogħla tal-ħaddiema mdaħħlin fiż-żmien (bejn 55 u 64 sena) fis-suq tax-xogħol. Żieda sinifikanti fir-rata tal-impjieg (2) ser ikollha aspetti pożittivi kbar kemm fid-dawl tat-tkabbir ekonomiku kif ukoll f’termini ta’ sostenibbiltà mtejba tas-sistemi tal-pensjonijiet;

14.

jinnota li jeżisti potenzjal kbir biex jiżdied l-impjieg tan-nisa, iż-żgħażagħ u l-immigranti u għalhekk jixtieq jenfasizza kemm huwa importanti li tiżdied ir-rata tal-impjieg fost l-etajiet kollha. Huwa importanti wkoll li jkun hemm kundizzjonijiet imtejba għal dħul iktar kmieni fis-suq tax-xogħol għaż-żgħażagħ u l-immigranti;

15.

jistieden lill-Istati Membri u lil dawk li jħaddmu biex jimplimentaw miżuri li jagħmluha iktar faċli għall-ħaddiema mdaħħlin fiż-żmien li jibqgħu fis-suq tax-xogħol u jinċentivawhom biex jagħmlu dan;

16.

fejn applikabbli, jilqa’ użu ikbar tal-irtirar gradwali, tranżizzjoni gradwali minn impjieg full-time għal irtirar sħiħ;

17.

jinnota li biż-żieda fl-età tiżdied ukoll b’mod konsiderevoli l-possibbiltà ta’ kapaċità limitata tax-xogħol minħabba problemi kontinwi relatati mas-saħħa jew diżabbiltà (3). Għalhekk huwa partikolarment importanti li jkun hemm miżuri effettivi ta’ taħriġ mill-ġdid u ta’ adattament għal tibdil fil-karriera u l-impjiegi tul il-ħajja tax-xogħol kollha u li s-soċjetà tappoġġja t-tagħlim tul il-ħajja kif ukoll it-tixjiħ b’saħħtu u attiv;

18.

huwa tal-fehma li l-awtoritajiet u l-imsieħba soċjali għandhom ifasslu u jimplimentaw iktar miżuri sabiex jippromovu u jappoġġjaw l-impjieg fost il-ħaddiema mdaħħlin fiż-żmien sabiex tintaqqas u tiġi eliminata d-diskrepanza bejn l-età tal-ħruġ mis-suq tax-xogħol u l-età legali tal-irtirar;

Pensjonijiet supplimentari

19.

huwa tal-fehma li l-pensjonijiet okkupazzjonali jistgħu jkunu suppliment importanti għall-pensjoni statutorja. Għalhekk l-UE għandha tħeġġeġ il-prattika tajba bil-għan li tgħin l-iżvilupp ta’ skemi ta’ pensjonijiet okkupazzjonali fl-Istati Membri u li żżid il-kontribut tagħha għal sistemi ta’ pensjonijiet bbażati fuq diversi pilastri;

20.

jitlob lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri sabiex jagħtu aktar attenzjoni lill-impjegati fl-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju (SME) u l-ħaddiema bi ftit kwalifiki, atipiċi jew strutturalment prekarji li ħafna drabi ma jibbenefikawx minn skemi ta’ pensjonijiet okkupazzjonali bl-istess mod bħal ħaddiema oħra;

21.

jinnota li l-pensjoni okkupazzjonali hija differenti minn dik privata. Bejn il-pensjonijiet okkupazzjonali u l-prodotti tal-assigurazzjoni hemm differenza kbira. Jekk ikun hemm aktar regoli dwar is-solvenza, dan jista’ jwassal għal spejjeż ogħla għas-sistemi ta’ pensjonijiet okkupazzjonali mingħajr ma jtejbu l-kundizzjonijiet tal-pensjonijiet tal-impjegati;

22.

huwa tal-fehma li l-pensjonijiet statutorji, flimkien ma’ pensjonijiet okkupazzjonali għandhom jitfasslu b’mod li meta jirtiraw iċ-ċittadini kemm jista’ jkun ikunu jistgħu jżommu livell ta’ għajxien adegwat iżda li għandhom jiġu inkoraġġuti t-tfaddil privat u l-pensjonijiet tat-tielet pilastru;

23.

jenfasizza l-possibbiltà li jitħeġġeġ tnaqqis fl-ostakli għal żieda fil-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol. Il-pensjonijiet okkupazzjonali bbażati fuq l-età, bħas-sistemi bbażati fuq il-prestazzjoni, irendu r-reklutaġġ u ż-żamma ta’ ħaddiema mdaħħlin fiż-żmien relattivament għaljin;

24.

jiġbed l-attenzjoni li l-pensjonijiet okkupazzjonali ħafna drabi jitolbu ċertu perjodu ta’ impjieg sabiex ikunu jistgħu jintirtu l-kontributi. Madanakollu bosta ħaddiema żgħażagħ spiss ibiddlu l-post tax-xogħol u anki l-pajjiż tax-xogħol tagħhom. Il-Kumitat jemmen li huwa importanti li dawn il-ħaddiema jingħataw id-drittijiet tal-pensjoni li għaliha taw kontribut;

25.

fil-prinċipju, jaqbel li d-drittijiet tal-pensjoni jkunu jistgħu jiġu trasferiti u jistenna bil-ħerqa l-proposti tal-Kummissjoni. Madankollu, il-kwistjoni hija kumplessa ħafna. Għandha tiġi kkunsidrata l-varjetà kbira tas-sistemi ta’ pensjonijiet okkupazzjonali fl-Istati Membri individwali. B’mod partikolari, m’għandhiex titnaqqas ir-rieda ta’ dawk li jħaddmu li jiffinanzjaw il-pensjonijiet okkupazzjonali. Barra minn hekk, għandhom jiġu kkunsidrati l-implikazzjonijiet fiskali, il-liġijiet dwar il-kondiviżjoni tal-beni u aspetti oħra;

26.

fid-dawl tat-tħassib dwar it-trasparenza kif ukoll il-livell tat-tariffi u l-imposti assoċjati mal-forom differenti ta’ arranġamenti ta’ pensjonijiet privati, jilqa’ analiżi komparattiva sabiex tiġi applikata l-aħjar prattika madwar l-UE kollha;

L-ugwaljanza bejn is-sessi

27.

ifaħħar lill-Kummissjoni li laqgħet ir-rakkomandazzjoni tal-Kumitat (4) li tagħti iktar attenzjoni lill-kwistjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi. Dan l-aspett huwa ta’ importanza partikolari għall-awtoritajiet lokali u reġjonali billi n-nisa jinsabu f’maġġoranza f’bosta oqsma tax-xogħol fis-settur pubbliku (5);

28.

jappoġġja r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni li l-Istati Membri jintroduċu l-istess età tal-irtirar għan-nisa u l-irġiel sabiex jintaqqsu d-differenzi bejn is-sessi u sabiex in-nisa jkunu jistgħu jingħataw pensjonijiet aħjar;

29.

huwa tal-fehma li d-differenzi kbar fir-rati ta’ impjieg tan-nisa u l-irġiel ta’ bejn il-55 u l-64 sena jitolbu li tingħata attenzjoni partikolari lill-kwistjonijiet ta’ ugwaljanza b’relazzjoni ma’ ħajja tax-xogħol iktar twila u t-tixjiħ attiv pereżempju permezz ta’ miżuri ta’ rikonċiljazzjoni bejn ix-xogħol u r-responsabbiltajiet tal-familja;

30.

jindika li n-nuqqas ta’ faċilitajiet ta’ kura joħloq piżijiet addizzjonali f’bosta Stati Membri, b’mod partikolari għan-nisa, u dan ħafna drabi jwassal għall-irtirar kmieni;

31.

jenfasizza li rata ogħla ta’ parteċipazzjoni tan-nisa ser tagħmel l-aċċess għal kura ta’ kwalità tat-tfal u tax-xjuħ iktar diffiċli. Huwa importanti li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkollhom biżżejjed mezzi biex iwettqu dan il-kompitu;

32.

jistqarr li f’xi Stati Membri, in-nisa jintlaqtu iktar mill-irġiel minn diżabbiltà jew mard kroniku kontinwu u dan iwassal għal kapaċità limitata tax-xogħol mentri huwa iktar probabbli li fi Stati Membri oħra l-irġiel jintlaqtu iktar. L-awtoritajiet lokali u reġjonali għaldaqstant għandhom responsabbiltà partikolari li jiżguraw ambjent tax-xogħol tajjeb lill-persunal tagħhom;

33.

jiġbed l-attenzjoni li l-possibbiltà ta’ xogħol part-time, pereżempju meta jkunu qed jieħdu ħsieb it-tfal żgħar, hija prerekwiżit importanti għal ħafna, u mhux l-inqas fosthom in-nisa, sabiex huma jkunu jistgħu jibqgħu fis-suq tax-xogħol. Fl-istess waqt jeħtieġ li jiġi żgurat li ħadd ma jispiċċa blukkat f’sitwazzjoni mhux mixtieqa ta’ xogħol part-time, peress li jkollha impatt negattiv fuq il-futur tal-pensjonijiet tal-irtirar;

34.

sabiex jiġi evitat li l-leave statutorju tal-ġenituri jwassal għal pensjonijiet iktar baxxi, l-Istati Membri għandhom jiġu mħeġġa jfittxu possibbiltajiet ta’ kif dan iż-żmien jista’ jiġi kkunsidrat fid-drittijiet pensjonijiet. Dan għandu japplika wkoll għas-servizz militari;

Informazzjoni

35.

huwa tal-fehma li r-riformi għandu jkollhom l-għan li jistabbilixxu sistema ta’ pensjonijiet li, fuq perjodu twil ta’ żmien, tiggarantixxi l-istabbiltà. Jinnota li r-riformi ser ikunu ta’ suċċess biss jekk jitqiesu bħala ġusti. Dan jitlob li l-pubbliku jkun informat tajjeb dwar il-problemi u s-soluzzjonijiet possibbli relatati;

36.

jenfasizza li informazzjoni sħiħa dwar il-pensjonijiet hija importanti sabiex tkun iktar faċli għaċ-ċittadini li jieħdu deċiżjonjiet dwar l-ippjanar tal-pensjoni. Il-moviment ħieles fl-UE jfisser li fil-futur ħafna iktar ċittadini tal-Unjoni ser jakkwistaw id-drittijiet tal-pensjoni f’pajjiżi differenti tul il-ħajja tax-xogħol tagħhom u dan iżid il-bżonn ta’ informazzjoni komprensiva;

37.

għaldaqstant jitlob lill-Kummissjoni sabiex tqis l-iżvilupp ta’ pjattaforma komuni onlajn ta’ informazzjoni komprensiva dwar il-pensjonijiet;

Kwistjonijiet oħra

38.

jenfasizza li sistemi ta’ pensjonijiet adegwati huma importanti għall-benesseri taċ-ċittadini u għandhom importanza partikolari sabiex jiġi evitat piż finanzjarju eċċessiv fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali;

39.

jitlob lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li l-miżuri futuri tagħha fil-qasam jiġu akkumpanjati minn valutazzjonijiet adatti tal-impatt li jistudjaw b’mod partikolari l-impatt fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali;

40.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni tivvaluta jekk hemmx bżonn ta’ koordinazzjoni f’dan il-qasam, permezz tal-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni, biex jiġi promoss kemm il-moviment liberu tal-persuni kif ukoll is-sostenibbiltà tas-sistemi tal-pensjonijiet.

Brussell, 10 ta’ Ottubru 2012.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


(1)  CdR 319/2010 fin.

(2)  Skont il-Eurostat, din iċ-ċifra, hekk kif kwotata fil-White Paper, hija ta’ inqas minn 40 % f’diversi pajjiżi.

(3)  Applica & CESEP & Alphametrics (2007): Men and women with disabilities in the EU: Statistical analysis of the LFS ad hoc module and the EU-SILC.

(4)  CdR 319/2010 fin.

(5)  Eurostat (2008): Il-ħajja tan-nisa u l-irġiel fl-Ewropa: is-sitwazzjoni statistika.


Top