EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AE1318

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Inżidu l-impatt tal-Politika tal-UE għall-Iżvilupp: Aġenda għall-Bidla/L-approċċ futur għall-appoġġ baġitarju tal-UE għal pajjiżi terzi” COM(2011) 637 final u COM(2011) 638 final

ĠU C 229, 31.7.2012, p. 133–139 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

31.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 229/133


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Inżidu l-impatt tal-Politika tal-UE għall-Iżvilupp: Aġenda għall-Bidla/L-approċċ futur għall-appoġġ baġitarju tal-UE għal pajjiżi terzi”

COM(2011) 637 final u COM(2011) 638 final

2012/C 229/26

Relatur: is-Sinjura LE NOUAIL MARLIÈRE

Nhar it-30 ta’ Ottubru 2011, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Inżidu l-impatt tal-Politika tal-UE għall-Iżvilupp: Aġenda għall-Bidla/L-approċċ futur għall-appoġġ baġitarju tal-UE għal pajjiżi terzi

COM (2011) 637 final u COM (2011) 638 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-30 ta’ April 2012.

Matul il- … sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-23 u l-24 ta’ Mejju 2012 (seduta tal-24 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’146 vot favur, 60 vot kontra u 30 astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

Il-Kumitat japprova u jappoġġja ż-żewġ proposti iżda jisħaq fuq il-prijorità li għandha tingħata sabiex l-objettivi mħabbrin jiġu trasposti fir-realtà tal-popolazzjonijiet li għalihom fl-aħħar mill-aħħar hija maħsuba l-għajnuna, u għaldaqstant jissuġġerixxi dan li ġej:

1.1

L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ, kull waħda bl-ispeċifiċitajiet partikolari tagħha, bħall-organizzazzjonijiet trejdunjonistiċi, il-kooperattivi, l-NGOs jew l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem) għandhom jiġu involuti mhux biss fil-linji gwida ġenerali iżda matul il-proċess kollu li jinvolvi l-għażla tal-proġetti, l-implimentazzjoni u l-valutazzjoni tar-riżultati, sabiex jiġu appoġġjati u kkompletati l-proċeduri amministrattivi, diplomatiċi u legali ta’ kontroll u ta’ valutazzjoni tal-finanzjamenti tal-UE.

1.2

L-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet l-oħra tas-soċjetà ċivili għandhom jiġu involuti, u mhux biss ikkonsultati; permezz ta’ hekk, inkunu nistgħu nibbenefikaw mill-għarfien espert tagħhom imsejjes fuq l-esperjenza soċjali, ekonomika u ambjentali, u mill-impenn volontarju taċ-ċittadini involuti, filwaqt li jitjiebu l-kriterji ta’ rappreżentattività u ta’ demokrazija – ftuħ, tkabbir?, trasparenza, indipendenza (objettiv ta’ sjieda).

1.3

F’dan ir-rigward, il-kunsilli ekonomiċi u soċjali, meta jeżistu, jikkostitwixxu riżorsa prezzjuża. Flimkien mal-imsieħba differenti tiegħu: l-organizzazzjonijiet tat-tielet settur, it-trejdjunjins u l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem, il-KESE impenja ruħu bla heda, kienu x’kienu l-ostakli. Huwa serva ta’ interlokutur tal-awtoritajiet pubbliċi Ewropej mad-delegazzjonijiet li kellu kuntatt magħhom, kemm billi serva ta’ pont bejn l-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet ċivili, soċjali u ekonomiċi kif ukoll billi f’bosta okkażjonijiet irrakkomanda lill-awtoritajiet tal-UE biex joqogħdu aktar attenti fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem.

1.4

Il-bilanċ għandu jkun żgurat aħjar waqt il-proċeduri ta’ konsultazzjoni tal-OSĊ Ewropej, minn naħa waħda, u tal-pajjiżi benefiċjarji, min-naħa l-oħra. Huwa vitali li tiġi evitata l-istrumentalizzazzjoni tal-politika Ewropea għall-iżvilupp filwaqt li għandha tiġi partikolarment żgurata konsultazzjoni inkroċjata tal-atturi mhux statali (1).

1.5

L-Aġenda tax-Xogħol Deċenti, li tikkontribwixxi għat-tkabbir inklużiv u sostenibbli, għandha tiġi inkluża fir-rigward tal-konċentrazzjoni tas-setturi fil-livell tal-pajjiżi. L-imsieħba soċjali għandhom jiġu inklużi sa mill-bidu fid-djalogu dwar il-politiki sabiex tiġi żgurata sjieda demokratika tal-politiki tal-iżvilupp li tmur lil hinn mill-parteċipazzjoni tal-gvern;

1.6

Id-divrenzjar bejn il-pajjiżi jew gruppi ta’ pajjiżi għandu jkun ibbażat fuq indikaturi rilevanti bħall-Indiċi ta’ Żvilupp Uman tan-NU, li jkunu adatti għat-tnaqqis tal-faqar. Fi kwalunkwe każ, għandha tiġi stabbilita strateġija ta’ eliminazzjoni gradwali (phasing out) għall-hekk imsejħa pajjiżi b’“ekonomiji emerġenti”.

1.7

L-appoġġ tal-UE għall-governanza tajba u għad-drittijiet tal-bniedem (pilastru tal-Aġenda għall-Bidla) għandu jkun immirat lejn il-promozzjoni ta’ approċċ lejn l-iżvilupp li jkun imsejjes fuq id-drittijiet tal-bniedem u li jkollu dawn il-karatterstiċi: parteċipazzjoni fil-proċessi politiċi, sjieda demokratika u għoti ta’ poter lid-detenturi tad-drittijiet; sistemi konformi mad-drittijiet tal-bniedem dwar impenji miftiehma fil-livell internazzjonali; koerenza politika bejn id-drittijiet tal-bniedem, l-għajnuna u l-politiki ekonomiċi.

1.8

Il-Kumitat jissuġġerixxi li tingħata attenzjoni speċjali lit-titjib li ġej sabiex ikun hemm riallokazzjoni aktar effikaċi tal-għajnuna pubblika u privata:

peress li ħafna drabi l-pajjiżi fejn l-għajnuna hija l-aktar meħtieġa huma wkoll il-pajjiżi bl-eħrex forom ta’ korruzzjoni, jeħtieġ li tingħata attenzjoni speċjali lill-miżuri kontra l-korruzzjoni u fil-każ ta’ pagamenti għall-appoġġ baġitarju, jeħtieġ li l-atturi mhux statali, l-imsieħba soċjali, l-assoċjazzjonijiet attivi fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem u n-netwerks Ewropej jiġu kkonsultati u involuti fit-tfassil tal-prijoritajiet, fil-monitoraġġ, eċċ.;

it-temi settorjali għandhom ikunu fil-qalba tar-ridefinizzjoni strategika tal-objettivi tal-għajnuna; fost dawn it-temi, il-Kumitat jagħti prijorità lill-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lis-setturi soċjali, lill-edukazzjoni, inkluż it-taħriġ vokazzjonali kontinwu, lis-saħħa, lill-iżvilupp tan-NICTs (teknoloġiji ġodda tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni) u l-aċċess għalihom, id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità, id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tax-xogħol, id-drittijiet kollha li jikkonċernaw in-nisa fix-xogħol u fil-ħajja privata tagħhom u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja pubblika;

l-għajnuna mill-Istat tibqa’ essenzjali u neċessarja għall-iżvilupp tal-pajjiżi mmirati. Madankollu, sabiex ikun hemm koordinazzjoni aħjar tal-għajnuna diretta tal-Istati Membri u dik tal-UE, l-għajnuna mis-settur privat u mill-NGOs għandha tiġi kkunsidrata fil-proċess ta’ koordinazzjoni u tkun soġġetta għall-istess prinċipji dwar il-konsistenza tal-objettivi u l-kontabbiltà;

il-Kumitat għadu mħasseb dwar it-tendenza lejn it-tnaqqis fl-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp mill-biċċa l-kbira tal-Istati Membri u jenfasizza l-ħtieġa li s-soċjetà ċivili tiġi involuta aktar fid-deċiżjonijiet tal-appoġġ baġitarju.

1.9

Il-Kumitat iqis li l-Kummissjoni jmissha ssaħħaħ kemm tista’ l-involviment dirett tas-soċjetà ċivili Ewropea u tal-pajjiżi benefiċjarji, f’perspettiva ta’ sħubija bil-għan li tħalli impatt pożittiv fuq id-drittijiet tal-bniedem, l-antikorruzzjoni u tnaqqas ir-riskju ta’ għajnuna mhux effettiva u l-problemi soċjali.

1.10

L-Istati Membri għandhom iġiegħlu lilhom infushom jikkoordinaw l-għajnuna tagħhom fil-qafas Komunitarju. F’kuntest ta’ kriżi ekonomika severa għall-UE, il-kontribwenti tat-taxxa Ewropej għandhom ikunu jistgħu jiġu sensibilizzati aħjar għall-objettivi tal-għajnuna, ikunu informati dwarha, ikollhom id-dritt isemmgħu leħinhom dwar l-objettivi, u biex ikunu jistgħu jappoġġjawhom aħjar, ikollhom għad-dispożizzjoni tagħhom informazzjoni rilevanti permezz ta’ azzjonijiet ta’ taħriġ immirati lejn il-pubbliku ġenerali u lejn l-atturi volontarji u professjonali tal-OSĊ.

1.11

L-UE għandha wkoll tkun kapaċi ttejjeb serjament il-prestazzjoni tal-għajnuna tagħha billi tivvaluta l-impatt tal-ftehimiet ta’ sħubija ekonomika jew ta’ assoċjazzjoni jew ta’ kummerċ ħieles, fil-qasam ekonomiku, industrijali u agrikolu, qabel ma tikkonkludihom u fil-kuntest tal-monitoraġġ tagħhom.

2.   Introduzzjoni

2.1

B’segwitu għall-Green Paper tagħha dwar “Politika tal-żvilupp tal-UE għall-appoġġ ta’ tkabbir inklussiv u żvilupp sostenibbli – Żieda fl-impatt tal-politika tal-iżvilupp tal-UE” (COM(2010) 629 final), il-Kummissjoni qed tippreżenta ż-żewġ proposti li qed jiġu analizzati hawnhekk.

2.2

Sfidi globali ġodda, il-mira tal-2015 għall-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju (MDGs) dejjem toqrob u t-tħejjijiet għall-Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF) li jmiss – l-UE qed tfittex it-taħlita t-tajba tal-politiki, tal-għodod u tar-riżorsi li trid tuża biex tkun effikaċi fil-ġlieda kontra l-faqar fil-kuntest tal-iżvilupp sostenibbli. Il-Kummissjoni qiegħda tipproponi Aġenda għall-Bidla biex issaħħaħ is-solidarjetà tal-Ewropa man-nazzjonijiet tad-dinja li qegħdin jiżviluppaw fil-kuntest ta’ din il-ġlieda kontra l-faqar.

2.3

L-UE diġà tat kontribut kbir biex tnaqqas il-faqar u b’mod partikolari biex tappoġġja l-kisba tal-MDGs. Madankollu, il-faqar estrem għadu jippersisti f’bosta partijiet tad-dinja. Barra minn hekk, il-movimenti mmexxija mill-poplu fl-Afrika ta’ Fuq u fil-Lvant Nofsani enfasizzaw li huwa essenzjali li jsir progress tajjeb fil-ksib tal-MDGs. Skont il-Kummissjoni Ewropea, il-politika tal-UE għall-iżvilupp trid tqis id-divrenzjar miżjud bejn il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. L-UE għandha wkoll l-opportunità li tikkollabora aktar mill-qrib mas-settur privat, il-fondazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali u reġjonali, peress li dawn l-atturi jaqdu rwol kruċjali fl-iżvilupp. L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jitkellmu b’leħen wieħed u jaġixxu flimkien sbiex jiksbu riżultati aħjar u sabiex itejbu l-viżibilità tal-UE.

2.4

Iż-żminijiet ekonomiċi u baġitarji attwali jagħmluha essenzjali li jiġi żgurat li l-għajnuna tintefaq b’mod effettiv, tagħti l-aħjar riżultati possibbli u tintuża biex isservi ta’ lieva għal aktar finanzjament għall-iżvilupp.

2.5

L-istrateġiji tal-iżvilupp immexxija mill-pajjiżi msieħba ser ikomplu jfasslu l-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE, skont il-prinċipji ta’ sjieda u ta’ sħubija. L-UE qiegħda tfittex impenn reċiproku akbar mal-pajjiżi msieħba tagħha, speċjalment responsabbiltà reċiproka fir-rigward tar-riżultati. Id-djalogu mniedi fil-livell tal-pajjiżi fi ħdan qafas ikkoordinat ta’ donaturi għandu jiddetermina eżattament fejn u kif tintervjeni l-UE. Ser tipprova tinkiseb ukoll kollaborazzjoni aktar effikaċi fi ħdan is-sistema multilaterali.

2.6

Fis-7 ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni adottat ukoll “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi strument ta’ finanzjament tal-koperazzjoni għall-iżvilupp” (2), li tagħti bixra formali lil-linji gwida proposti fil-Green Paper u fiż-żewġ komunikazzjonijiet li ser jiġu analizzati hawn taħt.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-Kumitat ifakkar li għadd ta’ kummenti li ressaq f’opinjonijiet preċedenti għadhom rilevanti, speċjalment:

L-Istrument ta’ Finanzjament tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp tal-Unjoni Ewropea (3)

L-Istrument Ewropew għad-demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR) (4), fejn il-KESE talab “li titnieda diskussjoni istituzzjonali dwar ir-rwol tas-soċjetà ċivili fil-politika barranija tal-Unjoni b’rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem u dwar il-possibbiltà li s-soċjetà ċivili organizzata tipparteċipa b’mod aktar dirett fit-tfassil u fl-implimentazzjoni ta’ din il-politika. Il-konsultazzjoni tas-soċjetà ċivili organizzata għandha ssir b’mod sistematiku qabel ma jitfassal kull dokument ta’ strateġija fosthom id-dokumenti ta’ strateġija speċifiċi għall-pajjiżi (…)”.

3.2

Il-Kumitat jixtieq b’mod partikolari jappoġġja l-objettivi relatati mad-drittijiet tal-bniedem, speċjalment fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem fil-qasam tax-xogħol, l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tat-tfal, inkluż bil-għan li jinqered ix-xogħol tat-tfal, u x-xogħol informali bla protezzjoni soċjali (Xogħol deċenti u Konvenzjonijiet tal-ILO).

3.3

Anke jekk il-ksib tal-MDG 1 (eliminazzjoni tal-faqar estrem) huwa appoġġjat mill-Kummissjoni, il-Kumitat jinnota li għadha qed tingħata ftit wisq importanza lill-għanijiet l-oħrajn, billi dan ikollu effett reċiproku. Pereżempju, il-ksib tal-Għan 7 dwar ambjent uman sostenibbli jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-faqar.

3.4

Il-Kumitat jisħaq fuq il-bżonn li jiġu allokati riżorsi finanzjarji speċifiċi għall-kwistjonijiet relatati mas-sessi (MDG 3), fil-qafas tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp. Fuq kollox, jiddispjaċih għan-nuqqas ta’ informazzjoni u ta’ data u għan-nuqqas ta’ sorveljanza sistematika, billi dan jagħmilha diffiċli ħafna li jiġi identifikat kwalunkwe impatt, kemm jekk pożittiv u kemm jekk negattiv, fir-rigward tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa. Dan jillimita b’mod konsiderevoli l-possibbiltà li jiġu adottati politiki fid-dawl ta’ għarfien adegwat tas-sitwazzjoni u li jitfasslu strateġiji u interventi adatti għat-tnaqqis tal-inugwaljanzi. Sabiex tkun effettiva, l-integrazzjoni tal-kwistjonijet relatati mas-sessi fil-politiki kollha għandha tiġi implimentata u appoġġjata permezz ta’ prevedibbiltà tal-finanzjamenti u s-sussidji, inkella tkun f’riskju li titħalla fil-ġenb, għall-benefiċċju ta’ objettivi oħrajn li jkunu jidhru aktar urġenti (5).

3.5

Rigward id-deċentralizzazzjoni u l-fiduċja delegata lir-rappreżentanti tal-UE, il-KESE, permezz tal-gruppi ta’ kuntatt u ta’ segwitu tiegħu u l-parteċipazzjoni tiegħu fir-Round Tables tal-UE (l-Indja, il-Brażil, l-AKP, eċċ.) kif ukoll permezz tal-proċess tal-Mediterran u dak tal-Viċinat tal-Lvant, iltaqa’ mad-delegazzjonijiet Ewropej f’kull waħda mill-missjonijiet tiegħu. Il-Kumitat josserva li l-appoġg mid-delegazzjonijiet Ewropej għandu jiġi estiż lejn l-OSĊ Ewropej preżenti fit-territorju billi dan itejjeb il-viżibilità tal-għajnuna Ewropea.

3.6

Il-KESE jappoġġja l-għanijiet li jimmiraw lejhom il-proposti li qed jiġu eżaminati hawnhekk, filwaqt li għandu xi suġġerimenti għall-istrument ta’ “appoġġ baġitarju” minħabba n-nuqqas ta’ appoġġ li jirċievi mill-pubbliku ġenerali. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-imsieħba soċjali u ta’ oħrajn għandhom jiġu kkunsidrati aktar fit-tfassil u l-monitoraġġ tal-programmi: id-demokrazija, it-trasparenza, it-traċċabbiltà għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-ħela, il-korruzzjoni, l-evażjoni fiskali, l-abbuż minn pożizzjoni ta’ poter u ta’ awtorità politika, tal-pulizija jew militari (6) u oħrajn.

3.7

L-ewwel nett, jeħtieġ li l-valutazzjoni ssir fil-fond jekk irridu nevitaw li minn hawn u tmien snin oħra (Perspettivi finazjarji 2014-2020) naslu mill-ġdid għall-konklużjoni li l-Kummissjoni bla dubju vvalutat tajjeb li r-riżultati huma diżappuntanti u li ppruvat tikkoreġi s-sitwazzjoni billi tikkunsidra wkoll il-kompiti fdati mit-Trattat il-ġdid, iżda fl-aħħar mill-aħħar baqgħet tagħmel l-istess bħal qabel: konsultazzjonijiet ex post u tisħiħ tal-kontroll permezz ta’ dettall eċċessiv, mingħajr tisħiħ tar-riżorsi umani, mingħajr il-verifika tar-rilevanza tal-miri li tikkontrolla u mingħajr netwerks organizzati jew individwi. L-għajnuna għandha tingħata bi prijorità lill-gruppi tas-soċjetà li huma l-aktar vulnerabbli u li għandhom problemi ta’ aċċess, inklużi dawk li jgħixu f’żoni rurali u fl-aktar reġjuni periferiċi.

3.8

It-tieni nett, billi niffavorixxu l-akbar atturi ekonomiċi involuti fiż-żewġ naħat tal-għajnuna (donaturi/benefiċjarji), inkunu qed nippreferu d-dehra tal-effikaċja għad-detriment tal-investiment uman sostenibbli.

3.9

Fl-aħħar nett, hija u tanalizza l-għanijiet tal-għajnuna l-Kummissjoni għandha tkun ċara – u tesprimi b’mod ċar – dwar kif il-programm ta’ għajnuna tagħha huwa relatat mal-għanijiet ta’ negozjar tagħha kemm fir-rigward tal-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika kif ukoll tal-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles u dwar kif hu differenti minnhom. Nuqqas ta’ ċarezza hawnhekk mhux biss iwassal għal konfużjoni u nuqqas ta’ ftehim iżda jista’ jwassal ukoll għal nuqqas ta’ rikonoxximent tal-fatt li s’issa l-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA) ma stimolatx biżżejjed il-ksib tal-Għanijiet tal-Millennju minħabba nuqqas ta’ koerenza bejn l-għanijiet tal-għajnuna u l-bqija tal-politika esterna tal-UE, speċjalment dik kummerċjali.

3.10

B’hekk, l-UE tista’ tistimola aktar u aħjar l-iżvilupp ta’ tkabbir inklużiv orjentat lejn it-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika, iffukata fuq l-iżvilupp uman, il-qsim u t-trasferiment tal-għarfien u tat-teknoloġija meħtieġa. Tista’ ttejjeb il-prestazzjoni tal-għajnuna tagħha billi tivvaluta l-impatt tal-ftehimiet li tikkonkludi fil-qasam ekonomiku, ussaħħaħ ir-rendiment tal-“Istrument Ewropew għad-demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR) (7).

3.11

Ta’ min ifakkar li l-objettiv ta’ 0,7 % tad-Dħul Nazzjonali Gross (DNG) tal-Istati Membri stabbilit fid-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi baqa’ l-objettiv f’termini ta’ volum, iżda li bosta huma dawk l-Istati Membri li sa minn qabel il-kriżi finanzjarja tal-2008 sabu rifuġju wara l-islogan “inqas għajnuna, imma ta’ kwalità aħjar” (Monterrey 2002, Johannesburg 2002). L-Istati Membri tal-UE kollha jikkontribwixxu għal programmi ta’ għajnuna Ewropej jew internazzjonali iżda biż-żmien, partijiet kbar mis-soċjetà jiġu esklużi mill-benefiċċji mħabbra tagħhom, kemm ekonomiċi kif ukoll ambjentali. Għalhekk, jeħtieġ li tiġi stabbilita mill-ġdid il-fiduċja fil-qasam tal-għajnuna kif ukoll fl-isfera ekonomika, bejn is-soċjetà ċivili u l-mexxejja politiċi u ekonomiċi tagħha, kemm fit-Tramuntana kif ukoll fin-Nofsinhar.

3.12

Sabiex iwettqu għajnuna li tkun ikkoordinata u effettiva, l-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea għandhom jaqsmu l-isforzi ta’ konverġenza tal-għanijiet. L-istituzzjonijiet Ewropej huma diskreti wisq fir-rigward tal-interessi partikolari ta’ kull Stat Membru kontribwenti. B’hekk, il-gvernijiet tal-pajjiżi benefiċjarji rnexxielhom jibbenefikaw mill-interessi ekonomiċi ħafna drabi diverġenti tal-Istati Membri tal-UE, u jużaw il-karta tar-rivalità jew tal-kompetizzjoni bejn il-finanzjamenti tal-għajnuna u bejn il-kontinenti (UE, G20, OECD, eċċ.).

3.13

Huwa importanti li jittieħdu miżuri biex jiġi appoġġjat il-proċess demokratiku. Dejjem għandu jipprova jintlaħaq bilanċ bejn il-konsultazzjoni tal-imsieħba soċjali u dik tal-organizzazzjonijiet l-oħra tas-soċjetà ċivili, sabiex jinkiseb effett pożittiv u jitwettqu b’mod konkret l-objettivi tematiċi.

3.14

Ma nistgħux nirraġunaw daqslikieku l-UE ma ntlaqtitx minn konsegwenzi soċjali ta’ kriżi finanzjarja li nfirxet għall-qasam ekonomiku, imbagħad għal dak baġitarju, soċjali u politiku. Permezz tal-għajnuna tagħha u tal-kooperazzjoni tagħha għall-iżvilupp, l-UE għandha tħeġġeġ it-tnaqqis tal-konsum ta’ materja prima, tiffaċilita t-trasferimenti tat-teknoloġiji, tippromovi l-industriji tal-ipproċessar fil-pajjiżi li huma esportaturi netti ta’ riżorsi naturali, sabiex tnaqqas l-impronta ekoloġika tagħha, filwaqt li tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-effetti tat-tibdil fil-klima.

Ambjent tan-negozju, integrazzjoni reġjonali u swieq globali

3.15

F’dan il-kuntest, ir-riżultati tal-Konferenza ta’ Busan ma wrewx li l-UE appoġġjat xi konvinzjoni partikolari jew soda fil-qasam tal-appoġġ għat-trasferimenti tat-teknoloġija, it-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien fil-kuntest tat-tibdil fil-klima jew it-tisħiħ tas-servizzi pubbliċi. Jeħtieġ li nagħrfu li l-isforzi tagħha huma mitfija mill-profużjoni ta’ sponsorjar u finanzjament privat mill-interessi ekonomiċi multinazzjonali jew transnazzjonali (dan huwa sinjal ta’ impenn qawwi mis-settur privat favur l-iżvilupp), għad li sehemha u l-kontribuzzjoni pubblika tagħha xorta għadhom jirrappreżentaw bejn wieħed u ieħor nofs l-ODA (għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp).

3.16

Fil-livell internazzjonali, xi intrapriżi kbar, li joperaw speċjalment fis-setturi tal-infrastruttura: il-kostruzzjoni, l-ilma, l-agroalimentari, l-enerġija, eċċ., jipprovdu lill-gvernijiet li jirċievu l-għajnuna studji preliminari ta’ vijabbiltà li jservu biex jikkonvinċu lid-donaturi futuri u jibbenefikaw mill-obbligu tal-Istati benefiċjarji li jirrispettaw id-drittijiet fundamentali u li jimplimentawhom b’mod pożittiv billi jissuġġerixxu t-tnedija ta’ ħidmiet kbar. Iżda ġieli ġara li l-fondi mill-għajnuna miksuba tqiegħdu fis-swieq finanzjarji minn membri tal-gvernijiet lokali jew nazzjonali benefiċjarji, mingħajr ma kkontribwixxew neċessarjament għat-twettiq tal-proġetti li kienu inizjalment maħsuba għalihom, billi ntbagħtu lejn ċentri finanzjarji Ewropej, “f’postijiet sikuri” fuq kontijiet privati.

3.17

Għaldaqstant, il-Kumitat japprova l-objettivi ta’ ġlieda kontra l-evażjoni fiskali u kontra l-korruzzjoni, li għandhom jinkludu l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus li jkunu ġejjin minn attivitajiet kriminali jew mill-evażjoni fiskali, mill-isfruttament tax-xogħol informali jew imġiegħel, jew mix-xogħol tat-tfal. B’hekk, l-UE tkun tista’ tilħaq aħjar l-objettiv ta’ koerenza mad-donaturi l-oħra.

3.18

Għaldaqstant, huwa kruċjali li l-UE tħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu l-kontribut tagħhom iżda b’mod ikkoordinat u integrat, tikkonsulta lis-soċjetà ċivili tagħha fuq ir-rilevanza tal-objettivi tagħha biex tikkonvinċi lill-Istati Membri li l-għajnuna għall-iżvilupp mhijiex biss kwistjoni ta’ immaġni u ta’ ishma mis-suq u tippromovi u tiffaċilita d-djalogu bejn l-organizzazzjonijiet differenti tas-soċjetà ċivili, l-imsieħba soċjali u l-Istati Membri, filwaqt li tinvolvi lill-awtoritajiet lokali u reġjonali, kemm ġewwa l-UE kif ukoll barra minnha.

4.   Kummenti partikolari

4.1

Wara l-appoġġ li ngħataw mill-Forum ta’ Accra f’Settembru 2010, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili adottaw il-“Prinċipji ta’ Istanbul” dwar l-effikaċja tal-iżvilupp, li huma l-frott ta’ proċess twil ta’ konsultazzjonijiet li saru f’aktar minn 70 pajjiż u settur. Dawn il-prinċipji jikkostitwixxu s-sisien ta’ qafas internazzjonali għall-effikaċja tal-iżvilupp adottat f’Ġunju 2011 li jistabbilixxi għadd ta’ kriterji sabiex il-prattiki tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jiġu interpretati u allinjati mal-Prinċipji ta’ Istanbul, filwaqt li jiġu adattati għaċ-ċirkostanzi lokali u settorjali. F’dan il-qafas, il-Kumitat intalab mill-Kummissjoni jħejji opinjoni esploratorja biex jiddefinixxi x’forma tista’ tieħu l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-politiki ta’ żvilupp u ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp, fil-qafas tad-djalogu strutturat (8).

4.2

Il-Kumitat qed jagħti importanza kbira għat-tħejjija tal-Konferenza tal-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli li ser issir f’Rio de Janeiro f’Ġunju 2012.

4.3

Għal dan il-għan, ifakkar fil-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet espressi fl-opinjoni tal-KESE dwar “Rio+20: lejn l-ekonomija ekoloġika u governanza aħjar – Kontribut tas-soċjetà ċivili organizzata Ewropea (9) kif ukoll fil-messaġġ inkluż fl-opinjoni addizzjonali reċenti tiegħu dwar “Il-pożizzjoni tal-KESE dwar it-tħejjija tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (Rio+20) (10).

4.4

Fl-okkażjoni tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti Rio+20, il-mexxejja dinjin għandhom jieħdu impenn favur pjan konkret ta’ azzjoni li jwassal għall-verifika tat-twettiq tal-Għanijiet tal-Millennju, it-tnedija ta’ żvilupp sostenibbli u l-qerda tal-faqar (Għan 1), fil-limiti tal-kapaċitajiet tal-pjaneta.

4.5

Il-KESE jenfasizza b’mod partikolari li l-qerda tal-faqar u l-garanzija li kulħadd ikollu biżżejjed aċċess għall-ikel, għal ilma tajjeb għax-xorb u għal enerġija sostenibbli għandhom ikunu prijoritajiet essenzjali tal-aġenda ta’ Rio+20. Il-promozzjoni ta’ agrikoltura lokali li tirrispetta l-ambjent fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw taqdi rwol kruċjali fil-ġlieda kontra l-faqar u fit-titjib tas-sigurtà tal-provvista tal-ikel, u hija xprun għall-iżvilupp ta’ reġjuni rurali prosperi fil-livell ekonomiku.

4.6

Rigward is-settur privat, jeħtieġ li jiġu appoġġjati r-rikonoxximent tal-imsieħba soċjali (organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem u tal-ħaddiema) u dak tad-djalogu soċjali f’bosta pajjiżi msieħba. Id-djalogu soċjali huwa essenzjali sabiex tiġi żgurata sjieda demokratika wiesgħa tal-objettivi ta’ żvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali, kif jirrakkomandaw l-UNDP u l-UNEP (tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika), kif ukoll tar-rispett tal-istandards fundamentali tax-xogħol u l-promozzjoni tal-ġustizzja soċjali. Bis-saħħa tad-djalogu u l-ġustizzja soċjali, ir-rappreżentanti ta’ min iħaddem u tal-ħaddiema jikkontribwixxu għad-definizzjoni ta’ strateġiji effikaċi ta’ żvilupp soċjali, ekonomiku u ambjentali u jsaħħu l-prevenzjoni tal-kunflitti kif ukoll l-istabbiltà soċjali.

4.7

Filwaqt li jitħeġġeg l-użu mifrux tar-responsabbiltà soċjali korporattiva u inizjattivi simili, huwa importanti li l-atturi tas-settur privat involuti japplikaw il-prinċipji u l-istandards tax-xogħol kif stabbiliti fil-konvenzjonijiet tal-ILO u kif ikkontrollati mis-sistema ta’ monitoraġġ imwaqqfa mill-ILO. B’mod partikolari, l-intrapriżi multinazzjonali, speċjalment meta dawn f’xi stadju jew ieħor jibbenefikaw mill-użu simultanju tal-appoġġ pubbliku, għandhom jieħdu passi attivi biex juru li jirrispettaw il-Prinċipji Gwida dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem fil-qafas ta’ referenza “Protezzjoni, Rispett, Rimedju” tan-Nazzjonijiet Uniti, id-Dikjarazzjoni Tripartitika tal-Prinċipji tal-ILO dwar l-Intrapriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali, il-Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali u l-Patt Globali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Intrapriżi (“Global Compact”). Għandhom ukoll il-possibbiltà li jsegwu l-aħjar prattika tal-kooperazzjoni bejn il-Korporazzjoni Finanzjarja Internazzjonali (Bank Dinji) u l-ILO fil-qasam tal-promozzjoni tal-istandards fundamentali tax-xogħol matul il-katina kollha tal-produzzjoni.

4.8

L-appoġġ tas-settur privat jista’ jirriżulta vantaġġ għall-iżvilupp, imma l-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp m’għandhiex tintuża biex tiggarantixxi r-riskji tas-settur privat jew biex tieħu post is-servizzi pubbliċi. Rigward is-sħubijiet pubbliċi-privati (PPPs), filwaqt li jibbażaw fuq analiżi profonda tal-bżonnijiet reali fuq perjodu twil, għandhom jippermettu u jiggarantixxu qsim ġust tar-riskji għall-komunità, l-aċċessibbiltà u n-natura ekonomikament affordabbli u ambjentalment sostenibbli tal-oġġetti u tas-servizzi prodotti. Jeħtieġ li jirrispettaw tabilħaqq approċċ multipartitiku u li ma jservux ta’ għodda ta’ privatizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi, meta dawn jeżistu, jagħtu rendiment tajjeb jew inkella jistgħu jittejbu.

4.9

Bħala atturi essenzjali tal-iżvilupp sostenibbli fil-pajjiżi destinatarji, l-intrapriżi u l-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali (inklużi l-kooperattivi) għandhom jiġu kkonsultati u involuti fid-definizzjoni tal-objettivi u għandhom jiġu appoġġjati fit-twettiq tagħhom, u b’hekk il-potenzjal tagħhom jiġi żviluppat bħala atturi tal-għajnuna u tas-sjieda tal-għajnuna.

4.10

F’ħafna pajjiżi tal-Afrika, tal-Asja u tal-Amerika Latina li llum il-ġurnata huma kklassifikati bħala “pajjiżi bi dħul intermedju”, il-faqar għad baqagħlu ħafna biex jgħib, speċjalment fir-rigward tad-diskrepanza dejjem tikber bejn l-għonja u l-foqra. B’mod partikolari, 75 % tal-foqra għadhom jgħixu f’pajjiżi bi dħul intermedju. Dan ifisser li l-objettiv li jinbnew soċjetajiet demokratiċi u ġusti, bi msieħba soċjali b’saħħithom, għadu rilevanti għall-programmi ġeografiċi.

4.11

Hu x’inhu l-każ, il-pajjiżi kollha li qed jiżviluppaw għandhom jibqgħu eliġibbli għall-programmi tematiċi, li għaldaqstant għandhom jissaħħu. F’dan ir-rigward, l-intenzjoni li jiġu indirizzati massimu ta’ tliet temi għal kull pajjiż għandha tittaffa, b’kollaborazzjoni tajba kemm mal-gvernijiet tal-Istati benefiċjarji kif ukoll mal-atturi ekonomiċi u soċjali privati u l-organizzazzjonijiet l-oħra tas-soċjetà ċivili.

4.12

Għalhekk, l-għażla politika li progressivament ma jibqax jingħata appoġġ lill-ogħna pajjiżi li qed jiżviluppaw għandha tkun ibbażata fuq indikaturi rilevanti tal-iżvilupp uman u soċjali tan-Nazzjonijiet Uniti u għandha ssir fil-qafas tal-kunsens internazzjonali tal-OECD, sabiex jitnaqqsu d-diskrepanzi interni.

4.13

Il-Kumitat japprova l-objettiv li jissaħħu l-vuċi u l-leġittimità tal-atturi nazzjonali tal-proċess baġitarju tal-pajjiżi msieħba u jqis li t-tqegħid fid-dominju pubbliku tal-informazzjoni fattwali u verifikabbli dwar operazzjonijiet ta’ appoġġ baġitarju, jekk isir b’mod effettiv, jista’ jwassal għal progress konsiderevoli fil-ksib tal-għanijiet tal-għajnuna u tal-Millennju. Għaldaqstant, jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward.

Brussell, 24 ta’ Mejju 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU C 211, 19.8.2008, p. 77-81, relatur: is-sur Moreno Preciado: “Il-libertà ta’ assoċjazzjoni fil-pajjiżi msieħba tal-Euromed” u l-punt 3.13 tal-opinjoni preżenti.

(2)  COM(2011) 840 final, 7.12.2011, SEC (2011) 1469 u 1470.

(3)  Opinjoni tal-KESE dwar Strument ta’ Finanzjament tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI) tal-Unjoni Ewropea: ir-rwol tas-soċjetà ċivili organizzata u l-imsieħba soċjali. ĠU C 44, 11.2.2011, relatur: is-Sur Iuliano.

(4)  Opinjoni tal-KESE dwar l-Istrument Ewropew għad-demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR). ĠU C 182, 4.8.2009, relatur: is-Sur Iuliano.

(5)  Rapport tal-Kumitat tad-Drittijiet tan-Nisa fi ħdan il-Parlament Ewropew dwar il-Qafas Multiannwali 2014-2020 – Il-valutazzjoni tar-rilevanza tal-azzjonijiet esterni tal-UE fir-rigward tas-sessi (mhux disponibbli bil-Malti).

(6)  Opinjoni tal-KESE: “Integrazzjoni reġjonali għall-iżvilupp fil-pajjizi tal-AKP”. ĠU C 317, 23.12.2009, p. 126–131, relatur: is-Sur Dantin u korelatur: is-Sur Jahier.

(7)  Ara nota 4 f’qiegħ il-paġna.

(8)  Opinjoni tal-KESE “Il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-politiki tal-iżvilupp u tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-Unjoni Ewropea”, ĠU C 181, 21.6.2012, p. 28.

(9)  ĠU C 376, 22.12.2011, p. 102.

(10)  ĠU C 143, 22.5.2012. p. 39.


APPENDIĊI

għall-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-emendi li ġejjin inċaħdu waqt id-diskussjoni iżda rċevew aktar minn kwart tal-voti:

Emenda 14: Punt 3.16

 (1)

Raġuni

Il-punt donnu mhuwiex ċar u/jew ma jżidx il-valur tal-opinjoni. L-aħħar sentenza donnha ma turix problema ġenerali iżda att kriminali uniku mwettaq minn persuna waħda jew minn diversi persuni. Il-valur miżjud tagħha huwa tassew dubjuż.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur

57

Kontra

137

Astensjonijiet

29

Emenda 10: Punt 4.8

L-appoġġ tas-settur privat iżvilupp. Rigward is-sħubijiet pubbliċi-privati (PPPs), filwaqt li jibbażaw fuq analiżi profonda tal-bżonnijiet reali fuq perjodu twil, għandhom jippermettu u jiggarantixxu qsim ġust tar-riskji għall-komunità, l-aċċessibbiltà u n-natura ekonomikament affordabbli u ambjentalment sostenibbli tal-oġġetti u tas-servizzi prodotti. Jeħtieġ li jirrispettaw tabilħaqq approċċ multipartitiku u li ma jservux ta’ għodda ta’ privatizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi, meta dawn jeżistu, jagħtu rendiment tajjeb jew inkella jistgħu jittejbu.

Raġuni

Sabiex jinżamm approċċ bilanċjat.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur

96

Kontra

126

Astensjonijiet

11


(1)  


Top