EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AE1315

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050” COM(2011) 885 final

ĠU C 229, 31.7.2012, p. 126–132 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

31.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 229/126


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050”

COM(2011) 885 final

2012/C 229/25

Relatur: is-Sur COULON

Korelatur: is-Sur ADAMS

Nhar il-15 ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050

COM(2011) 885 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura, u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-10 ta’ Mejju 2012.

Matul l-481 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-23 u l-24 ta’ Mejju 2012 (seduta tat-23 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'137 vot favur, 6 voti kontra u 9 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE jieħu nota b'interess kbir tal-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050 u l-għan tiegħu li jipprovdi qafas għall-politika maqbula tad-dekarbonizzazzjoni sostanzjali tas-settur tal-enerġija fl-Ewropa sal-2050 (Kunsill Ewropew ta’ Ottubru 2009). L-isfida mhix biss li tinkiseb taħlita tal-enerġija sostenibbli, sigura u b'emissjonijiet baxxi ta’ karbonju f'suq kompetittiv, iżda wkoll li s-soċjetà ċivili tiġi konvinta li dan l-għan jista' jinkiseb.

1.2   L-Istati Membri tal-UE għandhom riżorsi tal-enerġija u infrastruttura differenti u l-għan ta’ dekarbonizzazzjoni huwa sfida wisq ikbar għal xi pajjiżi minn oħrajn. Il-Pjan Direzzjonali joffri ħafna flessibbiltà fl-approċċ tiegħu li jippermetti lill-pajjiżi jiżviluppaw pjanijiet ta’ azzjoni xierqa. Dan jeħtieġ ammont konsiderevoli ta’ tqassim tal-piż sabiex jintlaħaq l-għan ta’ dekarbonizzazzjoni.

1.3   Din hi mira ambizzjuża iżda vitali sabiex l-Ewropa tagħti sehemha fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u sabiex tinkiseb aktar sigurtà tal-enerġija. Ser ikun hemm bżonn li jinfetaħ l-usa' dibattitu possibbli fost il-pubbliku Ewropew, u l-Kumitat jemmen li l-Pjan Direzzjonali jista' jkun effettiv biex jinbeda dan id-djalogu. Iżda għandu jippromovi l-impenn f'kull livell – personali, komunitarju, reġjonali, nazzjonali, fil-livell tal-UE – u b'mod partikolari, flimkien ma’ azzjoni globali komplementari.

1.4   Il-Pjan Direzzjonali jikkonkludi b'għaxar kundizzjonijiet jew prijoritajiet għal azzjoni immedjata. Il-KESE jaqbel ma’ dawn kollha u, b'mod partikolari, mal-aħħar waħda li tirrakkomanda l-istabbiliment ta’ miri konkreti u speċifiċi biex jiggwidaw il-progress matul il-ftit snin li ġejjin. Il-Kumitat jaqbel ukoll li issa qed isir importanti li jinħoloq qafas ta’ politika għall-2030 sabiex jipprovdi gwida affidabbli għad-deċiżjonijiet ta’ investiment matul il-ftit snin li ġejjin, liema deċiżjonijiet iridu jittieħdu abbażi ta’ riflessjoni li tmur lil hinn sew mill-2020 fil-kalkolu tal-benefiċċji u r-redditi tagħhom.

1.5   Qabel dan, il-KESE jirrakkomanda li ssir reviżjoni urġenti tal-Istrateġija tal-Enerġija għall-2020. Din hija essenzjali biex tiġi stabbilita t-triq finali lejn l-2030 jew l-2050. Il-Kumitat jixtieq jara rapporti għal kull pajjiż u settur individwali dwar it-tliet għanijiet ewlenin stabbiliti għall-għaxar snin attwali.

1.6   Huwa importanti li tinkiseb indikazzjoni minn kmieni dwar jekk l-għanijiet esiġenti tal-Pjan Direzzjonali jistgħux jinkisbu, u li jiġi rivedut l-impatt tagħhom fuq l-ekonomija tal-UE, inklużi l-kompetittività globali, l-impjieg u s-sigurtà soċjali.

1.7   Huwa essenzjali l-involviment tal-pubbliku fil-kwistjonijiet tat-tranżizzjoni tal-enerġija. Forum Ewropew tas-soċjetà ċivili u passi attivi lejn it-twaqqif ta’ Komunità Ewropea tal-Enerġija jkunu passi kostruttivi fil-kisba tal-għan mixtieq ta’ futur b'enerġija sostenibbli.

2.   Introduzzjoni

2.1   Il-Pjan Direzzjonali 2050 jikkonkludi sensiela ta’ proposti għal qafas ta’ politika li ħejjiet il-Kummissjoni Ewropea bħala bażi għall-politiki Ewropej dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima (Ara, b'mod partikolari, il-Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b'livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-2050 – COM(2011) 112 final). Il-Pjan Direzzjonali jipprovdi qafas li fih jistgħu jinkisbu t-tliet għanijiet, jiġifieri d-dekarbonizzazzjoni, is-sigurtà tal-provvista u l-kompetittività fil-politika Ewropea dwar l-enerġija. Il-Pjan ma jagħmel l-ebda rakkomandazzjoni speċifika dwar l-azzjonijiet ta’ politika jew il-miri intermedji, u x-xenarji ppreżentati m'għandhomx jitqiesu bħala proposti ta’ politika.

2.1.1   Globalment, fuq il-bażi tat-tendenzi attwali u l-politiki preżenti, huwa mistenni li d-domanda primarja għall-enerġija tiżdied b'terz bejn l-2010 u l-2035, żieda li ser tiġi affettwata biss b'mod marġinali mit-tkabbir ekonomiku aktar dgħajjef. Is-sehem tal-karburanti fossili fil-konsum globali tal-enerġija primarja ser jonqos bi ftit biss (minn 81 % fl-2010 għal 75 % fl-2035), u għalhekk l-emissjonijiet tas-CO2 relatati mal-enerġija ser jiżdiedu b'20 % oħra f'dan il-perjodu. Dan jindika li f'perjodu twil ta’ żmien it-temperatura medja globali ser tiżdied b'aktar minn 3.5 °C (Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija (Novembru 2011), World Energy Outlook).

2.1.2   Għalkemm il-Pjan Direzzjonali jiffoka fuq id-dekarbonizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija, hu jirrikonoxxi żewġ vulnerabbiltajiet kbar. L-importazzjonijiet tal-enerġija jsawru mal-55 % tat-taħlita tal-enerġija tal-UE, u s-suq internazzjonali tal-enerġija huwa kompetittiv u volatili ħafna. Fl-aħħar mill-aħħar, din il-problema globali tista' tissolva biss permezz ta’ azzjoni kkoordinata f'livell globali. L-Ewropa tista' taqdi rwol ta’ mexxej billi turi kif it-trasformazzjoni tal-enerġija tista' tiġi ġestita f'wieħed mill-akbar reġjuni tad-dinja, u possibbilment tikseb il-benefiċċji talli kienet minn tal-ewwel li ħadet azzjoni f'dan il-proċess u tnaqqas id-dipendenza mill-importazzjoni.

2.2   L-isfida hija urġenti. Normalment, l-investimenti fl-enerġija jdumu 40 sena jew aktar. Sabiex tinkiseb it-tranżizzjoni tal-enerġija meħtieġa b'bidliet sinifikanti fil-provvista u d-domanda, irridu nibdew minn issa u nevitaw s-saturazzjoni (“lock-in”) ta’ investimenti li jipproduċu ħafna karbonju. L-inċertezzi politiċi, tekniċi u ekonomiċi jfissru li l-Pjan Direzzjonali ma joffri l-ebda mudell ta’ żvilupp għall-2050. Huwa jesplora l-modi ta’ kif tista' ssir it-tranżizzjoni u jirrikonoxxi l-bżonn tal-flessibbiltà f'dinja inċerta u li qed tinbidel. Għalkemm it-Trattat ta’ Lisbona estenda s-setgħat tal-Kummissjoni fir-rigward tal-politika dwar l-enerġija, huwa jistabbilixxi b'mod speċifiku li t-taħlita tal-enerġija hija riservata għall-gvernijiet nazzjonali u kull azzjoni f'livell Ewropew trid taċċetta din id-diviżjoni tar-responsabbiltà. Madankollu, il-Pjan Direzzjonali jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ spirtu ġdid ta’ kooperazzjoni prattika sabiex jinkiseb l-aqwa riżultat, u l-Kumitat jappoġġja bis-sħiħ dan l-approċċ prammatiku, pereżempju l-iżvilupp ta’ Komunità Ewropea tal-Enerġija.

3.   Sommarju tal-Pjan Direzzjonali 2050

3.1   Sal-2020, it-triq li trid tittieħed fir-rigward tal-enerġija hija fil-biċċa l-kbira diġà determinata permezz tal-pjani eżistenti u l-politiki stabbiliti għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020. Il-Pjan Direzzjonali issa jenfasizza l-bżonn urġenti li jiġu żviluppati strateġiji tal-enerġija għal wara l-2020. Il-gvernijiet iridu jaġixxu minnufih biex jiżguraw il-kontinwità tal-provvista u ċ-ċertezza tal-investituri u biex jimminimizzaw l-effetti ta’ saturazzjoni. Id-dewmien ser iżid kemm l-ispejjeż kif ukoll l-isforzi li jridu jsiru wara biex jiġi minimizzat il-karbonju.

3.2   Filwaqt li ġiet rikonoxxuta d-diffikultà li jitbassar il-futur tal-enerġija, ġew żviluppati seba' xenarji illustrattivi alternattivi. L-ewwel tnejn jippreżentaw x'ser ikun aktarx ir-riżultat jekk ma jsir xejn aktar ħlief jitkomplew il-politiki eżistenti u l-inizjattivi ta’ politika attwali – l-objettivi tat-tnaqqis tal-karbonju sal-2050 ma jintlaħqux fiż-żewġ xenarji. Il-ħamsa l-oħra joffru toroq alternattivi għall-objettiv tal-2050 abbażi ta’ għażliet differenti ta’ teknoloġiji u politiki:

miżuri stretti ħafna għall-użu effiċjenti tal-enerġija;

użu qawwi tal-ipprezzar tal-karbonju sabiex tinħoloq varjetà ta’ soluzzjonijiet b'emissjonijiet baxxi ta’ karbonju għall-kompetizzjoni fis-suq;

miżuri estensivi ta’ appoġġ għall-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli;

aktar enerġija nukleari u inqas ġbir u ħżin tad-diossidu tal-karbonju (CCS);

aktar ġbir tad-diossidu tal-karbonju u inqas enerġija nukleari.

3.3   Abbażi ta’ dawn ix-xenarji, il-Kummissjoni tressaq għaxar konklużjonijiet dwar il-bidla strutturali fis-sistema tal-enerġija. L-istampa li jippreżentaw turi li d-dekarbonizzazzjoni hi possibbli, u fit-tul din għandha tqum inqas flus mill-politiki attwali. Dan huwa l-każ fil-kuntest ta’ taħlita tal-enerġija fejn l-elettriku jaqdi rwol dejjem akbar, filwaqt li l-prezzijiet jogħlew kemm f'termini reali kif ukoll bħala parti mill-infiq tad-djar sal-2030. L-infiq kapitali ser jiżdied, iżda l-ispejjeż tal-karburanti ser jonqsu u l-iffrankar sinifikanti ħafna tal-enerġija fis-sistema kollha ser ikun kruċjali. Is-sehem tal-enerġiji rinnovabbli ser jiżdied b'mod sostanzjali fix-xenarji kollha u wieħed jassumi li l-ġbir u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju ser jaqdu rwol sinifikanti u vitali fit-trasformazzjoni tas-sistema, filwaqt li l-enerġija nukleari ser tkompli tagħti kontribut importanti u l-interazzjoni bejn is-sistemi ċentralizzati u deċentralizzati ser tikber hekk kif il-firxa ta’ possibbiltajiet jiżdiedu.

3.4   Il-Pjan Direzzjonali jinnota li s-sigurtà tal-enerġija teħtieġ politika Ewropea speċifika dwar is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u l-iżvilupp tal-infrastruttura u r-relazzjonijiet mal-pajjiżi terzi produtturi u dawk ta’ tranżitu. Il-politiki għall-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda, l-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli fis-suq, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, l-iffrankar tal-enerġija u l-iżvilupp tal-infrastruttura jkunu aktar effiċjenti jekk jiġu kkoordinati fil-livell Ewropew.

3.5   Ix-xenarji kollha se jinvolvu bidla u adattament min-naħa tal-utenti tal-enerġija, u l-Kummissjoni tinnota l-bżonn li l-pubbliku jieħu impenn u jipparteċipa u li l-impatt soċjali jiġi rikonoxxut. Ser jinħtieġu livelli ogħla ta’ investiment fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni teknoloġika, u ser ikun hemm bżonn li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet pendenti tas-suq uniku u tar-regolamentazzjoni. L-infrastruttura tal-enerġija għandha bżonn ta’ aġġornament sinifikanti u ta’ kapaċità ġdida, filwaqt li l-Istati Membri u l-investituri jeħtieġu miri konkreti. Il-Kummissjoni beħsiebha tippubblika komunikazzjonijiet rilevanti oħrajn dwar l-enerġija rinnovabbli, is-suq intern, il-ġbir u ħżin tad-diossidu tal-karbonju, is-sikurezza nukleari u t-teknoloġiji tal-enerġija. Dawn ser jifformaw il-qafas ta’ politika għall-2030.

4.   Kummenti ġenerali

4.1   Minħabba l-ħafna inċertezzi tekniċi u politiċi dwar il-futur, il-Kumitat jaqbel li l-metodu użat fil-Pjan Direzzjonali, jiġifieri li jitfasslu xenarji alternattivi għall-2050, huwa wieħed adatt u jippermetti li jiġi mqabbel u evalwat l-impatt ta’ żviluppi tekniċi differenti, taħlitiet differenti ta’ politiki u avvenimenti esterni differenti.

4.2   Hemm daqsxejn ta’ nuqqas ta’ trasparenza fil-metodoloġija użata għat-tfassil tax-xenarji u fl-ipotesi msejsin fuqhom. Għandha tingħata aktar informazzjoni dwar din il-kwistjoni sabiex esperti oħrajn ikunu jistgħu jittestjaw dan l-approċċ u jiżviluppaw xenarji oħra abbażi ta’ ipotesi differenti. Madankollu, il-Kumitat jemmen li l-informazzjoni inkluża fl-annessi tal-Pjan Direzzjonali tirrappreżenta pass pożittiv u jappoġġja l-konklużjoni prinċipali tal-Pjan Direzzjonali, jiġifieri li d-dekarbonizzazzjoni sostanzjali sal-2050 hija fattibbli, u li fit-tul dan ir-riżultat għandu jipprovdi lill-Ewropa bażi tal-enerġija aktar sigura u sostenibbli għall-futur milli kieku tissokta bil-politiki eżistenti, u dan bi spiża bejn wieħed u ieħor komparabbli matul l-40 sena li ġejjin sal-2050. Madankollu, għalkemm fattibbli, l-isfidi tad-dekarbonizzazzjoni tal-Pjan Direzzjonali huma sostanzjali ħafna u attwalment qed jaffrontaw bosta ostakli.

4.3   Il-Pjan Direzzjonali juri li jeżistu modi differenti biex tinkiseb id-dekarbonizzazzjoni. Ilkoll għandhom xi elementi ewlenin komuni – sforz sinifikanti fl-użu effiċjenti tal-enerġija, espansjoni kbira tal-enerġiji rinnovabbli, użu akbar tal-elettriku fit-taħlita tal-enerġija, grid aktar estensiva u intelliġenti, arranġamenti ġodda għall-ħżin tal-elettriku jew għall-kapaċità ta’ back-up. Elementi oħrajn jiddependu aktar minn żviluppi tekniċi li għadhom ma tawx prova sħiħa tal-użu tagħhom jew mill-bażi tar-riżorsi u l-għażliet tal-pajjiżi individwali (faħam nadif, enerġija nukleari, eċċ.). L-aċċettazzjoni mill-pubbliku u l-varjazzjoni tal-ispejjeż huma fatturi sinifikanti fl-għażliet kollha, u l-ebda għażla mhi mingħajr riskji.

4.4   Il-Kumitat jaqbel ma’ din l-analiżi u l-konklużjoni impliċita li l-UE għandha tiffoka l-isforz kollettiv primarju tagħha fuq l-avvanz tal-elementi komuni li ser ikunu meħtieġa madwar l-Ewropa mill-aktar fis u b'mod kemm jista' jkun koerenti u effiċjenti.

4.5   Il-Kumitat jaqbel ukoll mal-analiżi, li ssir fil-Pjan Direzzjonali, tal-opportunitajiet u l-isfidi ewlenin li għandhom jiġu indirizzati f'livell Ewropew sabiex tiġi ttrasformata s-sistema tal-enerġija, jerġgħu jinħasbu s-swieq tal-enerġija, jiġu mobilizzati l-investituri, jiġi involut il-pubbliku u titħeġġeġ il-bidla f'livell internazzjonali. Il-Kumitat daqt jirrikonoxxi bħala validi l-prijoritajiet proposti fir-rigward tal-oġġezzjonijiet u l-osservazzjonijiet imressqa fil-kummenti ta’ hawn taħt, u b'mod partikolari s-sezzjoni finali li tidentifika għaxar kundizzjonijiet jew kwistjonijiet ewlenin li għandhom jiġu indirizzati b'mod urġenti sabiex jitħeġġeġ il-progress.

4.6   Madankollu, il-Kumitat huwa mbeżża' mill-fatt li l-progress fl-UE u f'ċerti Stati Membri diġà qiegħed lura sew mill-miri attwali. Il-Kumitat jinsisti li jiġi rikonoxxut li d-dimensjoni ta’ dan in-nuqqas hija moħbija mit-tnaqqis tal-proċessi tal-produzzjoni li jemettu ħafna karbonju fl-UE, l-espansjoni tagħhom f'partijiet oħra tad-dinja u l-importazzjoni sussegwenti fl-UE.

4.7   L-iżvilupp teknoloġiku jieħu ż-żmien biex isir disponibbli b'mod sħiħ u bi prezzijiet kompetittivi. L-investimenti fl-enerġija għandhom ċiklu partikolarment twil, normalment 40 sena, u dan joħloq il-bżonn li l-UE u l-Istati Membri jistabbilixxu b'mod urġenti miri indikattivi għall-2030 flimkien ma’ politiki ta’ appoġġ bil-għan li tiġi evitata s-saturazzjoni tal-impjanti b'livell għoli ta’ karbonju. Huwa preċiżament il-perjodu ta’ dawn iċ-ċikli ta’ investiment li jista' jiddetermina l-pass tal-progress lejn l-għan finali tal-2050 u jekk dan jistax verament jinkiseb. Se jkun meħtieġ li l-konverġenza politika u l-avvjament kummerċjali jinqalbu f'azzjoni prattika permezz ta’ programmi ta’ appoġġ u leġislazzjoni.

4.8   Bħalissa l-effiċjenza u l-iffrankar fl-użu tal-enerġija mhix qed tavvanza b'mod rapidu biżżejjed, b'mod partikolari fid-dawl tan-negozjar interistituzzjonali dwar il-proposta attwali għad-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika. Ir-reviżjoni tal-programmi nazzjonali għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija li daqt tagħmel il-Kummissjoni għandha tistimola azzjoni addizzjonali filwaqt li jiġi kkunsidrat li t-tnaqqis fid-domanda jista' jaffettwa wkoll l-investiment fl-enerġija. Il-progress tal-enerġiji rinnovabbli qed jinżamm lura mill-fluttwazzjonijiet fl-appoġġ mill-gvernijiet u, f'ċerti każijiet, mir-reżistenza lokali. Il-modernizzazzjoni tal-grid u tal-ħżin tal-enerġija miexja bil-mod wisq. Grid “intelliġenti” tassew flessibbli toħloq spejjeż ta’ investiment addizzjonali, però l-Kumitat jemmen li l-benefiċċji tal-bini ta’ bażi għal Komunità Ewropea tal-Enerġija vantaġġuża għal kulħadd huma predominanti. Dwar dan tkellimna aktar fl-opinjoni fuq ir-Regolament dwar l-infrastruttura (1).

4.9   Il-prezz tal-emissjonijiet tal-karbonju li kellu jiġi stabbilit mill-iskema tal-UE għan-negozjar ta’ emissjonijiet (ETS) huwa wisq baxx u volatili biex jagħti sinjal utli lill-investituri. Madankollu, il-konsegwenzi marbutin mal-ipotesi li fil-futur l-ETS ikollha prezzijiet unitarji għaljin (EUR 200-300/tunnellata fl-2040-2050) għandhom jiġu analizzati iżjed fil-fond. Dawn il-kwistjonijiet, u oħrajn li għadhom mhux solvuti, ixekklu milli jiġu sodisfatti l-għaxar kundizzjonijiet għall-progress identifikati fil-Pjan Direzzjonali. L-ewwel prijorità għandha tkun li jiġu eżaminati dawn il-problemi b'mod miftuħ u onest, u li jissolvew fil-pront sabiex ikun jista' jkompli jsir il-progress.

4.10   Fit-tul dan ser jagħmel lill-ekonomija Ewropea aktar reżistenti u kompetittiva fid-dinja milli tkun li kieku sempliċement jissoktaw il-politiki preżenti. Iżda f'perjodu qasir ta’ żmien, l-investiment meħtieġ inevitabbilment ser iwassal għal żieda fil-prezz tal-enerġija u spejjeż addizzjonali għall-konsumaturi, in-negozji jew il-gvernijiet (jew probabbilment għat-tlieta li huma b'modi differenti). Barra minn hekk, x'aktarx dan ser ikollu impatti differenti fi Stati Membri differenti, li bħalissa jvarjaw b'mod sostanzjali fil-livell ta’ dipendenza mill-karburanti fossili, fil-livelli attwali ta’ użu effiċjenti tal-enerġija u fil-potenzjal tagħhom b'rabta mal-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli.

4.11   F'dan ir-rigward, id-dipendenza mill-faħam, li aktarx ser tibqa' preżenti fil-ġenerazzjoni tal-elettriku f'ħafna partijiet mill-Ewropa, flimkien mal-interess dejjem akbar fil-potenzjal tal-gass tax-shale ser jeħtieġu sforzi kollaborattivi ta’ riċerka u finanzjament sabiex jiġu implimentati programmi komplementari għall-ġbir u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju. Il-gass tax-shale, għalkemm utli fit-tnaqqis tad-dipendenza tal-Pajiżi Terzi fil-provvista tal-enerġija, għandu riskji ambjentali sinifikanti li għandhom jiġu kompletament valutati. Jeħtieġ li jiġu stabbiliti prinċipji għall-qsim tal-piżijiet u l-allokazzjoni tal-ispejjeż ta’ programmi infrastrutturali kbar bejn il-pajjiżi. Il-pajjiżi li huma dipendenti fuq il-faħam għall-produzzjoni tal-enerġija jeħtieġu appoġġ ta’ simpatija u inċentivi sabiex jagħmlu l-ikbar sforz ta’ dekarbonizzazzjoni possibbli.

4.12   Fil-fehma tal-KESE, huwa importanti immens li dawn l-impatti jiġu totalment ikkwantifikati, diskussi u aċċettati minn dawk kollha kkonċernati, u li jittieħdu miżuri biex jinqasam il-piż tal-aġġustament skont il-kapaċitajiet u fi spirtu ta’ solidarjetà kemm fil-livell Ewropew kif ukoll fil-livell tal-Istati Membri. L-esperjenza turi li l-komunitajiet jistgħu jaslu biex jaċċettaw il-bżonn ta’ bidla u l-ispejjeż involuti f'dawn it-trasformazzjonijiet – iżda dan iseħħ biss jekk ikunu involuti b'mod sħiħ, ma jaħsbux li huma żvantaġġati b'mod inġust u jkunu jistgħu jaraw u jaċċettaw huma stess ir-raġunijiet. Il-gvernijiet nazzjonali għandhom jagħtu liċ-ċittadini tagħhom l-għodod biex jipparteċipaw f'dawn il-bidliet mistennija, u għandhom ukoll jippreżentaw l-għanijiet b'mod ċar u jispjegaw għaliex dawn il-passi huma meħtieġa.

4.13   Huwa essenzjali wkoll li l-konsumaturi vulnerabbli jiġu protetti mill-impatt taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija, u li n-negozji vulnerabbli jiġu protetti mill-kompetizzjoni inġusta li tkun ġejja minn reġjuni barra mill-UE mhux soġġetti għall-istess restrizzjonijiet. L-Istati Membri u r-reġjuni li jkollhom problemi speċjali biex iwettqu t-trasformazzjoni tal-enerġija, jista' jkun li jkollhom bżonn ukoll ta’ appoġġ addizzjonali mill-fondi strutturali jew minn mekkaniżmi oħra, iżda l-użu ta’ skemi ta’ appoġġ differenti m'għandux joħloq kompetizzjoni inġusta bejn il-pajjiżi u r-reġjuni. L-idea aktar għandha tkun li jiġu armonizzati l-iskemi ta’ appoġġ ġustifikati kif ukoll il-prinċipji għall-allokazzjoni tal-ispejjeż ta’ proġetti infrastrutturali kbar bejn il-pajjiżi. Għandhom jiġu nnotati r-riskji konkomitanti li jinsabu fil-proċessi ta’ ppjanar ċentrali meħtieġa għal dan kollu.

4.14   Il-Kummissjoni Ewropea għandha tissorvelja b'mod effettiv l-istrateġiji tal-Istati Membri biex jiggarantixxu li l-interessi tal-konsumaturi jiġu żgurati u li l-implimentazzjoni ta’ teknoloġiji intelliġenti u b'emissjonijiet baxxi ta’ karbonju hija bbażata fuq il-kosteffiċjenza. B'mod partikolari, suq intern li jaħdem tajjeb, it-tisħiħ tas-setgħat u l-indipendenza tar-regolaturi tal-enerġija u l-obbligu ta’ servizz universali lkoll għandhom ikunu stabbiliti f'kuntest ta’ trasparenza, responsabbiltà u informazzjoni lill-pubbliku dwar il-konsum sostenibbli.

4.15   Bħalissa qed ikun hemm xi problemi wkoll biex titkompla l-espansjoni tal-enerġiji rinnovabbli. Mil-lat tekniku, s'issa għadhom ma nħolqux pjani u investimenti biex jakkomodaw it-tkomplija tal-espansjoni ta’ sorsi varjabbli u mifruxin b'mod wiesa' għall-provvista fil-grid u s-sistema tal-ħżin. Mil-lat ekonomiku, għalkemm il-medja tal-ispiża unitarja tal-enerġiji rinnovabbli qed tkompli tinżel, s'issa din l-għażla għall-ġenerazzjoni tal-elettriku tiswa iktar mill-metodi konvenzjonali (b'mod partikolari, l-impjanti tal-enerġija mħaddma bil-gass). Min-naħa tal-konsumatur hemm xi ftit oppożizzjoni lokali għal ċerti tipi ta’ installazzjonijiet (b'mod partikolari l-enerġija mir-riħ). Għaldaqstant, għalkemm ix-xenarju tas-“Sorsi tal-Enerġija Rinnovabbli Għolja” għall-2050 jidher l-aktar wieħed attraenti, bl-akbar sigurtà tal-provvista u prattikament bl-ebda spiża tal-karburanti użati (xemx, riħ, eċċ.), fl-istess ħin jidher li l-problemi biex naslu hemm minn fejn qegħdin bħalissa huma l-aktar diffiċli u ser tinħtieġ tmexxija politika determinata u konsistenti ħafna sabiex jinkiseb dan. Anke f'dan il-każ, l-argumenti preċedenti huma validi biss jekk ikun hemm sistemi għall-ħżin tal-enerġija mingħajr karbonju jew impjanti tal-elettriku ta’ back-up sabiex jikkumpensaw għall-fluttwazzjonijiet ta’ ħafna mis-sorsi rinnovabbli.

4.16   Il-ġestjoni tat-trasformazzjoni ser tirrikjedi sforzi determinati u kkoordinati fil-livelli kollha. Hemm bżonn ta’ azzjoni Ewropea qawwija biex jiġu stabbiliti standards komuni għall-użu effiċjenti tal-enerġija fis-setturi kollha, biex titħeġġeġ l-innovazzjoni fit-teknoloġiji ewlenin, biex jiġi integrat is-suq u jiġu armonizzati l-miżuri fiskali u s-sistemi ta’ inċentivi, biex tiġi riformata l-ETS, biex jiġu kkoordinati l-pjani għal grid intelliġenti integrata madwar l-Ewropa kollha u s-sistemi tal-ħżin tal-enerġija, eċċ. Huwa essenzjali li, qabel l-Ewropa titpoġġa fit-triq finali lejn l-2030 jew l-2050, issir reviżjoni minn kmieni tal-Istrateġija tal-Enerġija għall-2020. Il-Kumitat jixtieq jara rapporti għal kull pajjiż u settur individwali dwar it-tliet għanijiet ewlenin stabbiliti għall-għaxar snin attwali.

4.17   Il-Kumitat jemmen li huwa essenzjali li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jistabbilixxu mekkaniżmu effettiv biex imexxi t-trasformazzjoni 'l quddiem fi spirtu ta’ kooperazzjoni. Il-Kumitat huwa favur li tiġi stabbilita minn kmieni Komunità Ewropea tal-Enerġija integrata. Sadanittant, jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri kif ukoll lir-regolaturi u l-operaturi tal-enerġija biex jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni li jippermettilhom jaħdmu flimkien kważi daqslikieku kienet teżisti diġà l-Komunità tal-Enerġija.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1   Taħlita tal-enerġija

5.1.1   Fuq perjodu medju, id-dekarbonizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija Ewropea tista' tkun tassew ta’ vantaġġ għall-kompetittività tal-Ewropa. Din ser iġġib bidliet kbar fit-taħlita tal-produzzjoni tal-enerġija tal-Istati Membri u ser tinvolvi t-twarrib progressiv tal-karburanti fossili (żejt, gass, faħam) li għadhom jammontaw għal 80 % tat-taħlita tal-enerġija Ewropea. Dawn il-karburanti fossili huma fil-biċċa l-kbira importanti u, għalhekk, ipoġġu lill-Unjoni Ewropea f'sitwazzjoni ta’ dipendenza ekonomika u finanzjarja (kważi 55 % tal-enerġija tagħna tiġi minn sorsi minn barra l-Ewropa). L-Unjoni Ewropea tixtri b'EUR 270 biljun żejt u b'EUR 40 biljun gass fis-sena, u hemm ir-riskju li l-ispejjeż biex jinkisbu dawn il-karburanti saħansitra jkomplu jiżdiedu fis-snin li ġejjin minħabba l-volatilità tal-prezzijiet taż-żejt u tal-gass.

5.1.2   It-tranżizzjoni lejn sorsi tal-enerġija lokali b'emissjonijiet baxxi ta’ karbonju ser tkun tiswa inqas flus għall-Ewropa milli kieku tinżamm sistema tal-enerġija li tiddependi mill-enerġija primarja importata, b'mod partikolari fil-kuntest ta’ domanda globali li qiegħda tiżdied b'mod regolari. Sistema ta’ sorsi tal-enerġija mifruxa tistimula l-ekonomija lokali u l-ħolqien tal-impjiegi u twassal biex il-pubbliku jsir iżjed konxju tal-enerġija. L-iżvilupp tagħha jista' jagħti kontribut kbir biex jinkisbu l-għanijiet tal-UE għall-enerġija u l-klima. Il-progress fl-introduzzjoni ta’ sistema lokali ta’ sorsi tal-enerġija b'livell baxx tal-karbonju jiddependi mill-politiki tal-Istati Membri dwar l-enerġija u l-finanzi. Il-Kummissjoni hija mistennija tieħu azzjoni iżjed deċiżiva biex tappoġġja l-politiki nazzjonali għall-iżvilupp ta’ sorsi ta’ enerġija lokali.

5.1.3   F'dan ir-rigward, l-enerġija rinnovabbli għandha tiġi inkoraġġuta flimkien mat-teknoloġiji kollha li jistgħu jgħinu biex jintlaħaq l-għan tad-dekarbonizzazzjoni bi spiża aktar baxxa. Il-bijomassa tista' taqdi rwol ukoll, però huwa importanti li jiġi żgurat li l-metodi magħżula jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-karbonju abbażi ta’ analiżi taċ-ċiklu kollu tal-ħajja u ma jikkontribwixxux għan-nuqqas ta’ sigurtà tal-ikel. Madwar l-Ewropa hemm it-tħassib dwar l-enerġija nukleari u reżistenza kontra l-iżvilupp tagħha. Madankollu, l-enerġija nukleari tista' tgħin biex issir it-trasformazzjoni tas-sistema tal-enerġija u biex jonqsu l-emissjonijiet tas-CO2 fil-pajjiżi li jagħżlu l-għażla nukleari, billi tagħmilha possibbli li jitnaqqsu l-ispejjeż tas-sistema tal-elettriku u l-prezzijiet tal-elettriku, għalkemm għad hemm xi mistoqsijiet dwar jekk xi spejjeż, pereżempju dawk relatati mas-sigurtà, il-ħżin tal-iskart, il-kwistjonijiet tad-diżattivazzjoni u kontabilità, għandhomx jibqgħu esternalizzati jew soċjalizzati.

5.1.4   L-elettriku għandu jaqdi rwol aktar importanti milli għandu llum, għaliex hu jikkontribwixxi bil-kbir għad-dekarbonizzazzjoni tat-trasport u tat-tisħin/tkessiħ. Flimkien mal-irduppjar ippjanat tas-sehem tiegħu fil-konsum tal-enerġija finali, għandhom isiru bidliet kbar fil-metodi tal-produzzjoni tiegħu u fil-mod kif jiġi skambjat bejn il-pajjiżi Ewropej, u għandha tiżdied il-kompetizzjoni attwali bejn dawk li jiġġeneraw u dawk li jbigħu l-elettriku.

5.1.5   Iż-żejt għandu jkompli jintuża l-aktar għall-merkanzija u t-trasport tal-passiġġieri fuq distanzi twal; fir-rigward tal-gass, dan jista' jintuża bħala sostitut temporanju għall-aktar sorsi tal-enerġija li jniġġsu (bħall-faħam jew iż-żejt), iżda r-rwol ewlieni tiegħu għandu jkun li minn issa sal-2050 jservi ta’ karburant ta’ tranżizzjoni lejn enerġiji b'emissjonijiet baxxi ta’ karbonju. F'dan il-kuntest, għandu jsir inventarju dettaljat tar-riżorsi tal-gass interni tal-UE, għaliex dawn jistgħu jgħinu biex iżidu l-indipendenza tal-UE fir-rigward tal-enerġija.

5.1.6   Fir-rigward tal-karburanti fossili b'mod ġenerali, l-Ewropa għandha b'mod urġenti twettaq iżjed riċerka dwar il-fatturi lokali u ekonomiċi marbuta mal-ġbir u l-ħżin tal-karbonju flimkien mal-għoti ta’ valur realistiku lill-karbonju u aktar informazzjoni lill-pubbliku.

5.1.7   Tliet setturi ta’ attività, b'mod partikolari, ser ikollhom jagħmlu bidliet radikali fl-organizzazzjoni tagħhom. Il-produzzjoni tal-elettriku għandha tnaqqas l-emissjonijiet b'mill-inqas 95 %, u kull Stat ser ikun ħieles li jiddetermina l-bilanċ tiegħu bejn enerġija rinnovabbli, enerġija nukleari u ġbir u ħżin tal-karbonju. Il-bini residenzjali u kummerċjali wkoll ser ikollu jadatta, b'objettivi ta’ tnaqqis ta’ 90 % permezz ta’ standards aktar stretti għall-kostruzzjonijiet ġodda u għall-konsum tal-enerġija mill-apparat domestiku kif ukoll permezz tar-rinnovazzjoni tal-bini eżistenti. L-industrija ser ikollha tnaqqas l-emissjonijiet tagħha b'85 %, filwaqt li toqgħod attenta għar-riskju potenzjali ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju permezz ta’ rilokazzjoni tal-produzzjoni lejn pajjiżi li japplikaw standards ta’ emissjoni inqas restrittivi.

5.2   Impenn industrijali u finanzjarju

5.2.1   It-tranżizzjoni tal-enerġija ser tipprovdi opportunità biex l-industrija Ewropea tingħata ħajja ġdida, tinħoloq l-attività u jiġu riveduti fil-fond il-modi tal-produzzjoni u tal-konsum. Il-kompetittività tal-Ewropa għandha tissejjes fuq ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-kapaċità li jiġu kummerċjalizzati t-teknoloġiji nodfa. F'dan il-kuntest, l-UE u l-Istati Membri għandhom jagħtu prijorità lill-proġetti l-kbar li jinvolvu lill-operaturi Ewropej sabiex jgħinu lill-industrija b'mod ġenerali, iżda b'mod partikolari lill-SMEs u għandu jitqies u jiġi valutat ukoll ir-rwol tal-produzzjoni tal-enerġija lokalizzata.

5.2.2   It-tranżizzjoni lejn ekonomija b'emissjonijiet baxxi ta’ karbonju għandha tippromovi l-impjieg fis-suq intern. Flimkien mat-trasformazzjoni tal-industrija tal-enerġija, jeħtieġ li jinħolqu l-kundizzjonijiet adegwati għall-iżvilupp ta’ impjiegi ġodda. Is-setturi tal-bini u tal-enerġija rinnovabbli għandhom ikunu jistgħu joħolqu 1,5 miljun impjieg addizzjonali sal-2020.

5.2.3   Il-KESE jaqbel mal-analiżi tal-Kummissjoni li l-investimenti addizzjonali (EUR 270 biljun fis-sena minn issa sal-2050), jiġifieri 1,5 % tal-PDG tal-UE, ser jgħinu lill-Ewropa ssaħħaħ it-tkabbir. Mill-importazzjonijiet tal-idrokarburi biss jistgħu jiġu ffrankati bejn EUR 175 biljun u EUR 320 biljun. Madankollu, il-komunità tal-investiment qed titlob qafas tas-suq koerenti u konsistenti madwar l-Ewropa kollha u kollaborazzjoni akbar bejn l-Istati Membri. Għandhom jiġu żviluppati strumenti innovattivi għall-investiment finanzjarju b'mod partikolari għall-appoġġ tal-SMEs fil-qasam tal-enerġija.

5.2.4   Ir-riżorsi finanzjarji meħtieġa għandhom jingħaqdu flimkien sabiex ma jibqgħux jintużaw is-sistemi ta’ appoġġ nazzjonali ineffikaċi li joħonqu l-kompetizzjoni. Ir-reviżjoni tal-qafas tal-għajnuna mill-Istat b'rabta mal-ambjent, li hija ppjanata għall-2013, għandha tippermetti li tiġi appoġġjata l-promozzjoni tat-teknoloġiji kollha li jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2.

5.3   It-titjib u t-tnaqqis tal-konsum tagħna: użu aktar effiċjenti tal-enerġija u aktar skambji bejn l-Istati Membri

5.3.1   Hemm bżonn ta’ impuls Ewropew akbar biex jonqos il-konsum tal-enerġija, biex jitjieb il-mod kif tintuża – bil-promozzjoni ta’ mġiba li tiffranka l-enerġija u ta’ tekniki li jużaw inqas enerġija – u biex l-enerġija tiġi skambjata b'mod effiċjenti. Il-bini (39 % tal-konsum finali kollu tal-enerġija fl-Ewropa), it-trasport (30 %) u l-industrija (25 %) ilkoll għandhom bżonn qafas komuni ta’ regoli vinkolanti. Il-potenzjal tal-iffrankar tal-enerġija huwa konsiderevoli: is-settur industrijali jista' jnaqqas il-konsum tiegħu b'19 % u s-settur tat-trasport b'20 %.

5.3.2   Il-KESE jirrakkomanda li titkompla b'mod razzjonali l-azzjoni mibdija fil-qafas tal-pakkett tal-enerġija u l-klima, filwaqt li jitqies il-bżonn li jiġu appoġġjati l-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant.

5.3.3   Iż-żieda kbira tal-enerġiji rinnovabbli fil-Baħar tat-Tramuntana u potenzjalment, iżda xi ftit inqas, fir-reġjun tal-Baħar Baltiku, u dik tal-enerġija mix-xemx u mir-riħ fin-Nofsinhar tal-Ewropa ser jeħtieġu infrastrutturi ġodda u aktar “intelliġenti” sabiex jittejjeb l-iskambju tal-enerġija bejn ir-reġjuni u l-pajjiżi Ewropej. L-iżvilupp ta’ dawn il-“grids intelliġenti” jista' jippermetti li l-konsum jonqos b'9 % u l-emissjonijiet tas-CO2 jonqsu b'bejn 9 % u 15 %. Dan jirrikjedi li minn issa sal-2050 isir investiment prijoritarju ta’ bejn EUR 1,5 triljun u EUR 2,2 triljun fl-infrastrutturi strateġiċi, bil-għan li jiġu modernizzati u żviluppati n-netwerks Ewropej tal-elettriku u tal-gass.

5.3.4   Jista' jkun utli li gruppi ta’ Stati Membri f'żona ġeografika partikolari jikkoordinaw it-taħlitiet tal-enerġija, l-infrastruttura u r-regoli tas-suq tagħhom sabiex jaqsmu l-benefiċċji tad-diversi sorsi ta’ enerġija li jkollhom. Is-swieq tagħhom, peress li jkunu aktar interkonnessi u armonizzati, ikunu wkoll aktar reżistenti għall-fluttwazzjonijiet tal-produzzjoni u l-konsum, u b'mod kollettiv, ikunu f'pożizzjoni aħjar biex jiżguraw il-provvista tal-enerġija tal-UE.

5.4   L-involviment tal-pubbliku fit-tranżizzjoni tal-enerġija

5.4.1   Illum il-ġurnata, li l-pubbliku jaċċetta l-għażliet li jsiru fil-qasam tal-enerġija (nukleari, ġbir u ħżin tad-diossidu tal-karbonju, wind farms, linji tal-elettriku b'vultaġġ għoli, eċċ.) hija sfida għad-demokraziji Ewropej. Il-KESE kif ukoll il-KES nazzjonali, l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur u l-NGOs l-oħra għandhom rwol ċentrali x'jaqdu biex jippromovu informazzjoni ċara u trasparenti dwar dawn il-politiki u biex jinvolvu lill-pubbliku b'mod aktar effettiv. Il-Pjan Direzzjonali huwa opportunità biex tiġi żviluppata d-demokrazija parteċipattiva b'rabta ma’ kwistjoni li taffettwa lil kull ċittadin.

5.4.2   Il-KESE jissuġġerixxi li titnieda kampanja wiesgħa ta’ informazzjoni u ta’ sensibilizzazzjoni biex il-pubbliku Ewropew jiġu informat dwar id-diversi għażliet għat-tranżizzjoni tal-enerġija, ir-rwol ċentrali tal-infrastruttura u l-imġiba ġdida mistennija mill-poplu Ewropew f'dak li hu konsum tal-enerġija.

5.4.3   Il-KESE jemmen li l-ħolqien ta’ forum Ewropew tas-soċjetà ċivili jgħin biex isaħħaħ il-fluss ta’ informazzjoni fl-UE billi jiġbor b'mod regolari lill-partijiet interessati lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropej kollha bil-għan li jiddiskutu flimkien il-kwistjonijiet prinċipali tat-tranżizzjoni tal-enerġija fil-perjodu sal-2050.

5.4.4   Il-ħolqien ta’ Komunità Ewropea tal-Enerġija jiffoka l-attenzjoni fuq id-dimensjoni strateġika u vitali tal-enerġija (aċċessibbiltà, tariffi u prezzijiet affordabbli, regolarità, affidabbiltà, eċċ.) u l-bidliet li jridu jsiru matul l-40 sena li ġejjin. Hija tikkonkretizza l-idea ta’ Ewropa li tisma' liċ-ċittadini tagħha u li tindirizza l-kwistjonijiet li jolqtuhom direttament. Dan il-proġett iwassal għal aktar armonizzazzjoni soċjali, li hija meħtieġa sabiex il-proġett Ewropew jissaħħaħ u jingħata tifsira ġdida.

5.4.5   Il-KESE jirrakkomanda li jiġu appoġġjati aktar l-inizjattivi lokali u reġjonali, li jinsabu fuq quddiem nett fir-rigward tal-mobbiltà, l-infrastruttura u t-trasport intelliġenti, il-proġetti ta’ bini ġdid u rinnovazzjoni, in-netwerks tat-tisħin u tat-tkessiħ u l-ippjanar urban. Il-KESE jemmen li l-inizjattivi tagħhom għandhom jiġu inkoraġġuti għaliex huma ħafna drabi jippromovu politiki tal-enerġija innovattivi, deċentralizzati u demokratiċi.

Brussell, 23 ta’ Mejju 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea, ĠU C 143, 22.5.2012, p. 125.


APPENDIĊI

għall-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

It-testi li ġejjin tal-opinjoni tas-sezzjoni nċaħdu favur emendi jew kompromessi adottati mill-Assemblea iżda kisbu mill-inqas kwart tal-voti mixħuta:

1.1

Il-KESE jilqa’ l-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050 u l-għan tiegħu li jipprovdi qafas għall-politika maqbula tad-dekarbonizzazzjoni sostanzjali tas-settur tal-enerġija fl-Ewropa sal-2050  (1). L-isfida mhix biss li tinkiseb taħlita tal-enerġija sostenibbli, sigura u b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju f’suq kompetittiv, iżda wkoll li s-soċjetà ċivili tiġi konvinta li dan l-għan jista’ jinkiseb.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur

88

Kontra

41

Astensjonijiet

13

4.5

Il-Kumitat jaqbel ukoll mal-analiżi, li ssir fil-Pjan Direzzjonali, tal-opportunitajiet u l-isfidi ewlenin li għandhom jiġu indirizzati f’livell Ewropew sabiex tiġi ttrasformata s-sistema tal-enerġija, jerġgħu jinħasbu s-swieq tal-enerġija, jiġu mobilizzati l-investituri, jiġi involut il-pubbliku u titħeġġeġ il-bidla f’livell internazzjonali. Bla ħsara għall-kummenti aktar dettaljati mressqin hawn taħt, il-Kumitat jappoġġja l-prijoritajiet suġġeriti, u b’mod partikolari s-sezzjoni finali li tidentifika għaxar kundizzjonijiet jew kwistjonijiet ewlenin li għandhom jiġu indirizzati b’mod urġenti sabiex jitħeġġeġ il-progress.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur

75

Kontra

51

Astensjonijiet

24

5.1.3

F’dan ir-rigward, l-enerġija rinnovabbli għandha tiġi inkoraġġuta flimkien mat-teknoloġiji kollha li jistgħu jgħinu biex jintlaħaq l-għan tad-dekarbonizzazzjoni bi spiża aktar baxxa. Il-bijomassa tista’ taqdi rwol ukoll, però huwa importanti li jiġi żgurat li l-metodi magħżula jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-karbonju abbażi ta’ analiżi taċ-ċiklu kollu tal-ħajja u ma jikkontribwixxux għan-nuqqas ta’ sigurtà tal-ikel. L-enerġija nukleari tista’ tgħin biex issir it-trasformazzjoni tas-sistema tal-enerġija u biex jonqsu l-emissjonijiet tas-CO2 fil-pajjiżi li jagħżlu l-għażla nukleari, billi tagħmilha possibbli li jitnaqqsu l-ispejjeż tas-sistema tal-elettriku u l-prezzijiet tal-elettriku, għalkemm għad hemm xi mistoqsijiet dwar jekk xi spejjeż, pereżempju dawk relatati mas-sigurtà, il-ħżin tal-iskart, il-kwistjonijiet tad-diżattivazzjoni u kontabilità, għandhomx jibqgħu esternalizzati jew soċjalizzati.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur

89

Kontra

53

Astensjonijiet

8


(1)  Kunsill Ewropew, Ottubru 2009.


Top