EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AE1317

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi Strument għall-Kooperazzjoni fis-Sikurezza Nukleari” COM(2011) 841 final

ĠU C 229, 31.7.2012, p. 103–107 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

31.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 229/103


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi Strument għall-Kooperazzjoni fis-Sikurezza Nukleari”

COM(2011) 841 final

2012/C 229/19

Relatur: is-Sur ADAMS

Nhar is-7 ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 203 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi Strument għall-Kooperazzjoni fis-Sikurezza Nukleari

COM (2011) 841 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-10 ta’ Mejju 2012.

Matul l-481 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-23 u l-24 ta’ Mejju 2012 (seduta tat-23 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’146 vot favur, 5 voti kontra u 6 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-Kumitat jilqa’ r-Regolament propost u jappoġġja fuq kundizzjoni l-applikazzjoni usa’ tal-għarfien espert tal-UE fis-sikurezza nukleari għall-pajjiżi terzi.

1.2   Il-Kumitat jinnota li s-sorveljanza tal-ammont ta’ referenza finanzjarja sostanzjali ta’ EUR 631 miljun matul il-perjodu 2014-2020 ser issir mill-EuropeAid – id-DĠ tal-Iżvilupp u l-Kooperazzjoni - u ser tkun ibbażata fuq regoli u proċeduri komuni għall-politiki kollha tal-għajnuna u l-iżvilupp. Il-Kumitat jistenna li dan iżid ir-responsabbiltà, it-trasparenza u l-konsistenza ma’ programmi oħra ta’ għajnuna.

1.3   Il-Kumitat jinnota li huwa ser jirċievi rapport mill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni, ir-riżultati, ir-riżultati prinċipali u l-impatti ta’ dan il-programm fuq l-għajnuna finanzjarja esterna tal-Unjoni kull sentejn, proċess li ser jibda fl-2016 u jistenna b’ħerqa l-impenn sħiħ f’ dan il-proċess ta’ skrutinju u reviżjoni. L-ippjanar f’waqtu tar-reviżjonijiet ta’ nofs it-term tal-programm għandhom jimmassimizzaw il-kapaċità li jintwerew ir-riżultati u mingħajr dubju ta’ xejn ser isiru f’kollaborazzjoni mal-programmi ġeografiċi/Delegazzjonijiet tal-UE fil-pajjiżi msieħba.

1.4   Huwa nnotat li b’mod ġenerali l-fehmiet tas-soċjetà ċivili Ewropea fir-rigward tal-iżvilupp tal-enerġija nukleari jvarjaw b’mod konsiderevoli u dan l-element għandu jiġi rikonoxxut b’mod iktar ċar f’ċerti aspetti tar-Regolament.

1.5   B’mod partikolari, jeħtieġ li quddiem iċ-ċittadini tal-Ewropa, bħala dawk li jħallsu t-taxxi, jiġi ċċarat li l-maġġoranza tan-nefqa tal-programm ser tmur lejn ir-rimedjazzjoni u li parti żgħira biss tan-nefqa ser tintuża għall-programmi ta’ sikurezza nukleari fl-ekonomiji emerġenti fejn tista’ tiġi garantita l-istabbiltà politika u ċivili.

1.6   Għall-finijiet tal-għoti ta’ għajnuna lill-pajjiżi emerġenti, il-Kummissjoni għandha tipproponi konvenzjoni internazzjonali dwar il-kriterji u l-kundizzjonalità relatata mal-ħidma konsultattiva dwar is-sikurezza nukleari li għandha tiġi żviluppata bejn numru żgħir ta’ pajjiżi li huma kapaċi joffru dan it-tip ta’ konsulenza. Irrispettivament minn konvenzjoni bħal din, fl-Istrument għall-Kooperazzjoni għas-Sikurezza Nukleari għandhom jiġu implimentati kriterji ċari li jippermettu li tittieħed deċiżjoni dwar jekk pajjiż emerġenti:

jilħaqx il-kriterji minimi ta’ stabbiltà nazzjonali u internazzjonali

huwiex kapaċi jiggarantixxi l-installazzjoni tal-istruttura amministrattiva, xjentifika u teknika li hemm bżonn sabiex tiġi realizzata l-għażla nukleari

jistax b’mod sostenibbli joffri r-riżorsi finanzjarji, tekniċi u industrijali li hemm bżonn sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ kompetenza regolatorja, jiġu żgurati l-mezzi kollha ta’ operazzjonijiet sikuri u jipprovdi programm sikur ta’ ġestjoni tal-iskart fuq perjodu twil.

1.7   Dawn il-kriterji m’għandhomx ikunu parti mill-anness tar-Regolament iżda inklużi fit-test prinċipali għax iħaddnu prinċipji ġenerali relatati mas-sikurezza nukleari internazzjonali, is-sikurezza tar-relazzjonijiet internazzjonali u s-sikurezza internazzjonali li huma ta’ sinifkat kbir.

1.8   Il-proġetti ta’ assistenza għandhom jiġu implimentati f’pajjiż emerġenti jekk dan ikun parti tat-Trattat tan-Nonproliferazzjoni u l-Protokoll Addizzjonali, il-Konvenzjoni dwar is-Sikurezza Nuklear u l-Konvenzjoni Konġunta dwar il-ġestjoni responsabbli tal-iskart radjuattiv.

1.9   Huwa biss taħt ċirkustanzi eċċezzjonali relatati mal-assigurazzjoni tas-sikurezza li r-riżorsi għandhom jingħataw għall-akkwist tat-tagħmir tekniku. Il-kriterji għandhom jiġu żviluppati mill-Kummissjoni u jiġu rrappurtati. M’għandhiex tingħata assistenza lill-operaturi.

1.10   Għall-finijiet ta’ trasparenza huwa rakkomandat li jkunu disponibbli studji tal-każijiet tal-programm attwali kif ukoll li jittejbu l-preżentazzjoni u r-referenzi interni tas-sit tal-EuropeAid.

1.11   L-Istrument għall-Kooperazzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari (INSC) għandu jħeġġeġ u jevalwa l-kapaċità tal-istrumenti obbligatorji li jiġu stabbiliti fil-pajjiżi attivi f’ċirkustanzi fejn dawn jimplimentaw jew itejbu t-trattati, l-konvenzjonijiet u l-ftehimiet tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (AIEA).

1.12   Nirrakkomandaw b’mod partikolari l-inklużjoni tal-appoġġ għall-organizzazzjonijiet indipendenti tas-soċjetà ċivili fi stati benefiċjarji jew pajjiżi viċin tagħhom li jixtiequ jtejbu r-responsabbiltà u t-trasparenza tal-kultura tas-sikurezza nukleari permezz ta’ azzjonijiet speċifiċi.

2.   Daħla

2.1   Minn żmien għal żmien kwistjonijiet ta’ sikurezza u sigurtà nukleari lil hinn mill-Ewropa jispiċċaw fuq quddiem nett, b’mod partikolari pereżempju l-każijiet tat-Three Mile Island fl-1979, ta’ Chernobyl fl-1986 u ta’ Fukushima fl-2011. Inċidenti bħal dawn għandhom impatt globali u jiġbdu l-attenzjoni lejn il-konsegwenzi katastrofiċi ta’ disinn debboli, kultura ta’ sikurezza dgħajfa u sikurezza operattiva u qafas regolatorji inadegwati.

2.2   Fl-2010 kienu qed joperaw 441 reattur nukleari kummerċjali fi 30 pajjiż madwar id-dinja. Ħafna minnhom inbnew fis-snin sebgħin u tmenin u kellhom medja ta’ tul ta’ ħajja ta’ madwar 35 sena. 56 pajjiż ieħor joperaw reatturi simili ta’ riċerka ċivili. Bħalissa qed jinbnew iktar minn 60 reattur ieħor tal-enerġija nukleari u huma ppjanati iktar minn 150 oħra. Ser jinbnew reatturi ġodda primarjament fiċ-Ċina, l-Indja u r-Russja iżda possibbilment ukoll fix-Xlokk tal-Ażja, l-Amerka t’Isfel u l-Lvant Nofsani. Id-domanda għall-elettriku qed togħla bil-kbir u l-pajjiżi jistgħu jiddeċiedu li jespandu l-esportazzjoni tagħhom tal-enerġija nukleari li jiġġeneraw.

2.3   Irrispettivament minn jekk jiżviluppax “rinaxximent” nukleari jew le, sakemm ser ikunu qed joperaw l-impjanti nukleari, dejjem ser ikun hemm kwistjonijiet ta’ sikurezza nukleari sinifikanti li jista’ jkollhom impatt globali. L-UE għalhekk tqis li l-qasam tal-kwistjonijiet tas-sikurezza nukleari internazzjonli huwa qasam leġittimu li jikkonċernaha u li fih għandha tipparteċipa, b’mod partikolari billi mit-Trattat tal-Euratom tal-1957 ’l quddiem, l-Unjoni żviluppat riċerka u għarfien tekniku, operattiv u regolatorju fil-qasam. B’terz tal-kapaċità nukleari globali installata fl-Ewropa u l-iktar ammont ta’ esperjenza fir-reġimi regolatorji u ta’ sikurezza diversi u dinamiċi, l-Ewropa għandha ġabra ta’ għarfien sinifikanti fil-qasam. Id-diżastru ta’ Chernobyl kien stimula approċċ dinamiku u proattiv ta’ kooperazzjoni u disseminazzjoni fil-qasam tas-sikurezza nukleari hekk kif ħarġu fid-dieher traġikament id-dgħjufijiet potenzjali tar-reġimi ta’ sikurezza tal-pajjiżi terzi.

2.4   Mill-1991 ’l quddiem, bħala parti mill-programm TACIS tal-UE (Assistenza Teknika lill-Istati Indipendenti tal-Commonwealth) ingħata appoġġ sinifikanti fil-qasam tas-sikurezza nukleari lill-pajjiżi li mhumiex membri. L-appoġġ ingħata fil-qasam tal-analiżi tas-sikurezza; assistenza fuq il-post fl-impjanti tal-enerġija nukleari (NPPs) u f’ċerti każijiet provvista ta’ tagħmir li jtejjeb il-kontroll tat-tħaddim tal-impjanti; attivitajiet regolatorji u ta’ ċertifikazzjoni; u ġestjoni tal-iskart. Sar kontribut ukoll f’inizjattivi internazzjonali iktar mifruxa b’mod partikolari azzjoni f’Chernobyl. Ġew allokati madwar EUR 1,3 biljun f’għajnuna fil-qasam tas-sikurezza nukleari, b’mod partikolari fir-Russja u l-Ukraina u ftit inqas fl-Armenja u l-Kazakistan.

2.5   Mill-2007, l-INSC (1), li huwa dedikat speċifikament għall-promozzjoni u l-iżvilupp tas-sikurezza nukleari ħa post it-TACIS li ma kienx iktar limitat għall-pajjiżi li nħolqu b’riżultat tax-xoljiment tal-Unjoni Sovjetika. L-INSC għandu baġit ta’ EUR 524 miljun għall-perjodu 2007-2013 u l-azzjonijiet finanzjarji dwar it-titjib tas-sikurezza nukleari, it-trasport,, it-trattament u r-rimi sikur tal-iskart radjuattiv, ir-rijabilitazzjoni ta’ dawk li qabel kienu siti nukleari u l-protezzjoni kontra r-radjazzjoni jonizzanti tal-materjal radjuattiv, it-tħejjija għall-emerġenzi u l-promozzjoni tal-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tas-sikurezza nukleari.

2.6   L-UE taħdem mill-qrib mal-IAEA billi ħafna drabi tipprovdi l-finanzjament għall-programmi rakkomandati li kieku jibqgħu mingħajr fondi.

2.7   L-intenzjoni tal-pajjiżi terzi li jibnu l-kapaċità tal-enerġija nukleari tagħhom toħloq sfida kbira. Uħud minn dawn il-pajjiżi emerġenti mhux dejjem ikollhom strutturi politiċi stabbli u separazzjoni tas-setgħat, kontroll demokratiku, strutturi amministrattivi esperjenzati u għarfien espert fil-ġestjoni ta’ teknoloġiji ta’ riskju għoli. Li dawn il-pajjiżi jiġu mħeġġa b’mod indirett li jiżviluppaw teknoloġija nukleari billi l-programm nukleari tagħhom jakkwistaw impressjoni ta’ kredibbiltà mill-assistenza tal-UE jista’ joħloq riskji ġodda f’dik li hi sikurezza nukleari.

2.8   Apparti dan u irrispettivament minn kwalunkwe għan tal-pajjiżi terzi li jibnu l-kapaċità tagħhom tal-enerġija nukleari, il-KESE huwa konxju tal-fatt li l-użu ċivili tal-enerġija nukleari huwa marbut mal-produzzjoni tal-plutonju jew materjali radjoattivi oħra u mal-iżvilupp tal-għarfien tekniku li jista’ joħloq theddid nukleari internazzjonali u jżid it-tensjonijiet internazzjonali. Dawn ir-riskji jistgħu jiżdiedu fil-pajjiżi terzi li mhumiex stabbli.

3.   Taqsira tar-Regolament propost

3.1   Ir-Regolament propost, li huwa verżjoni riveduta tar-Regolament tal-INSC tal-2007, fost elementi oħra jipprovdi għal reviżjoni tal-ambitu ġeografiku sabiex jibda jinkludi l-pajjiżi terzi kollha tad-dinja u jispeċifika l-prijoritajiet u l-kriterji ta’ kooperazzjoni. Ir-responsabbiltà tal-implimentazzjoni tal-azzjonijiet tkun f’idejn il-EuropeAid – id-DĠ tal-Iżvilupp u l-Kooperazzjoni b’kollaborazzjoni mad-DĠ tal-Azzjoni Esterna, id-DĠ tal-Enerġija u ċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka. B’mod partikolari r-Regolament ser ikun soġġett għar-regoli u l-proċeduri komuni tal-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-Unjoni għal azzjoni esterna (COM(2011) 842 final). Dan jipprovdi wkoll għal approċċ semplifikat ta’ implimentazzjoni lejn l-Istrument ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp, l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR), l-Istrument Ewropew ta’ Viċinat (ENI), l-Istrument għall-Istabbiltà, l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA) u l-Istrument ta’ Sħubija (PI).

3.2   Ir-Regolament jappoġġja l-promozzjoni ta’ livell għoli ta’ sikurezza nukleari, protezzjoni mir-radjazzjoni u l-applikazzjoni ta’ salvagwardji effiċjenti u effettivi tal-materjal nukleari fil-pajjiżi terzi. Dan ikopri t-tħaffir tal-minjieri għall-fjuwil u kwistjonijiet ta’ ġestjoni, id-diżattivazzjoni u r-rimi tal-iskart – approċċ komprensiv. Fil-fehma tal-Kummissjoni, il-progress ser jiġi evalwat permezz ta’ reviżjoni bejn il-pari tal-IAEA, l-istatus tal-iżvilupp ta’ fjuwil użat, l-iskart nukleari u l-istrateġiji tad-diżattivazzjoni, il-qafas rispettiv leġiżlattiv u regolatorju u l-implimentazzjoni tal-proġetti u l-għadd u l-importanza ta’ kwistjonijiet identifikati fir-rapporti rilevanti tal-IAEA dwar is-salvagwardji nukleari.

3.3   Ir-Regolament ifittex li jiżgura l-konsistenza fl-għanijiet ta’ politika tal-UE u miżuri oħra ta’ żvilupp tal-pajjiżi terzi permezz tal-formulazzjoni ta’ karti ta’ strateġija segwiti minn programmi indikattivi multiannwali li jkopru perjodu inizjali ta’ erba’ snin, segwiti minn perjodu sussegwenti ta’ tliet snin.

3.4   L-Anness jiddefinixxi l-miżuri speċifiċi appoġġjati u l-kriterji għall-kooperazzjoni, inkluż il-prijoritajiet li għalihom ser jintuża l-baġit ta’ EUR 631 miljun matul seba’ snin.

4.   Kummenti ġenerali

4.1   Il-Kumitat jinnota l-proċess li permezz tiegħu żviluppaw il-programmi ta’ assistenza u kooperazzjoni fil-qasam tas-sikurezza nukleari matul dawn l-aħħar 20 sena. Ir-Regolament propost jibni fuq din it-tendenza u jipprova jiċċara l-fatt li s-sikurezza u mhux il-promozzjoni tal-enerġija nukleari hija l-għan prinċipali (COM(2011) 841 final, Anness-Kriterji - l-aħħar punt). Il-Kumitat jifhem li l-għan tal-programm mhuwiex li jħeġġeġ lill-pajjiżi emerġenti li jimplimentaw it-teknoloġija nukleari. Għalhekk għandu jiġi provdut b’mod iktar ċar bilanċ tan-nefqa ta’ programmi tal-INSC preċedenti u proposti. B’mod partikolari jkun jista’ jitnaqqas ċertu tħassib, jekk jiġi ċċarat li l-maġġoranza tan-nefqa tal-programm ser tmur lejn ir-rimedjazzjoni u minoranza żgħira tan-nefqa biss ser tmur għall-programmi dwar is-sikurezza nukleari fl-ekonomiji emerġenti.

4.2   Dan jirrikonoxxi wkoll il-possibbiltà li fil-fażijiet preċedenti tal-programm, ir-raġunament dominanti fir-rigward tas-sikurezza u l-appoġġ ta’ ċerti miżuri operattivi li jikkontribwixxu wkoll biex l-NPPs ikomplu jaħdmu b’mod sikur, ma kienx totalment ċar jew spjegat. L-esplojtazzjoni tal-enerġija nukleari għadha kwistjoni li taqsam l-opinjoni pubblika Ewropea filwaqt li t-tħeġġiġ tal-ogħla standards ta’ sikurezza huwa appoġġjat universalment.

4.3   Il-Kumitat jemmen li kwistjoni ta’ jekk l-impenn tal-UE permezz tal-INSC joffrix appoġġ taċitu u jekk iħeġġiġx programmi nukleari li għadhom fil-bidu b’mod partikolari f’ekonomija emerġenti li mhix stabbli, għadha ma ġietx indirizzata b’mod sħiħ. Il-Kumitat jifhem li l-finanzjament speċifiku tal-proġetti taħt l-INSC ser iseħħ biss taħt kundizzjonijiet rigorużi. Madanakollu, huwa jappoġġja djalogu u dibattitu inizjali dwar il-kwistjonijiet ta’ enerġija nukleari ma’ kwalunkwe pajjiż terz, mingħajr l-ebda kundizzjonalità.

4.4   Wieħed mill-għanijiet tal-UE għandu jkun li ma tikkontribwixxix għall-iżvilupp tal-kapaċità nukleari f’pajjiż terz fejn jistgħu jinħolqu riskji ġodda ta’ sikurezza nukleari jew theddid nukleari li jistgħu jolqtu s-sikurezza internazzjonali. Kriterji ta’ kwalifikazzjoni ġew suġġeriti f’punt 1.6. Billi tapplika l-ogħla standards ta’ sikurezza nukleari fl-Unjoni, l-UE jista’ jkollha pożizzjoni ta’ tmexxija fl-użu ċivili l-iktar sikur u sigur tal-enerġija nukleari fid-dinja.

4.5   Il-kontribut tal-programm tal-INSC lill-pajjżi b’bażi industrijali, xjentifika u ta’ riċerka iktar limitata u li jew għandhom jew beħsiebhom jistabbilixxu programmi kummerċjali tal-ġenerazzjoni tal-enerġija nukleari u jilħqu l-kriterji minimi ta’ stabbiltà huwa meqjus ukoll ta’ valur u fl-interess pubbliku tal-UE. Bl-assoċjazzjoni mal-IAEA, huwa possibbli li l-appoġġ għall-aħjar prattika saħħaħ ir-reġimi tekniċi u regolatorji fil-pajjiżi terzi b’riżorsi iktar limitati. Madanakollu, jista’ jkun diffiċli li tinkiseb viżjoni ċara ta’ kif il-programmi tal-INSC attwali u futuri jiksbu dawn il-benefiċċji.

4.6   Għalhekk qed jiġi suġġerit li l-Kummissjoni tieħu iktar passi sabiex tiċċara r-rwol kruċjali tas-sikurezza fil-programm li jmiss tal-INSC. Dan jista’ jinvolvi l-pubblikazzjoni ta’ studju ta’ każijiet aċċessibbli mill-programm attwali, it-titjib tal-preżentazzjoni u r-referenza interna tas-sit tal-EuropeAid u b’mod ġenerali li jinkiseb profil ikbar għall-programm li huwa sostanzjali. Approċċ bħal dan jgħin it-trasparenza u jħeġġeġ ir-responsabbiltà. Billi dan ir-Regolament jappoġġja l-promozzjoni ta’ livell għoli ta’ sikurezza nukleari qed jiġi suġġerit li jsiru referenzi eżemplari għal standards għolja bħal dawn, pereżempju l-Istqarrija ta’ WENRA dwar l-Għajnijiet ta’ Sikurezza għal Impjanti Nukleari Ġodda.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1   Ta’ min jinnota li d-Direttivi Ewropej dwar is-sikurezza nukleari, għall-kuntrarju tal-impressjoni li jista’ jagħti r-Regolament propost, ma fihomx standards tekniċi ta’ sikurezza u bl-istess mod l-obbligi tal-qafas regolatorju fihom biss xi rekwiżiti ġenerali b’konformità mal-Konvenzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari.

5.2   Il-proposta tistqarr ukoll li hemm valutazzjoni komprensiva tas-sikurezza fl-UE. Madanakollu, “l-istress tests” huma biss valutazzjoni komplementari tas-sikurezza mingħajr kriterji tas-sikurezza li jirrispondu għall-mistoqsija ta’ “x’jiġri meta jfallu s-sistemi ta’ sikurezza”. Huwa rikonoxxut ukoll li l-proċess huwa limitat minħabba l-perjodu ta’ żmien estremament qasir impost. Minkejja dawn il-limiti, il-punti pożittivi tal-approċċ tal-UE lejn is-sikurezza nukleari huma bbażati fuq l-għan li jsiru l-istress tests bħala l-ewwel pass sabiex tkompli tevolvi u tittejjeb il-kultura tas-sikurezza u jiġu implimentati l-ogħla standards ta’ sikurezza nukleari. Il-konklużjonijiet interim mit-testijiet attwali tal-istress tal-NPPs Ewropej juru li għad hemm bżonn iktar tibdil, titjib u azzjoni statutorja. Dan għandu jiġi rifless fl-implimentazzjoni u l-ħidma konsultattiva tal-programm tal-INSC kemm jista’ jkun malajr.

5.3   Jeħtieġ li nikkunsidraw li l-UE, istituzzjonalment, għandha għarfien espert limitat fi kwistjonijiet nukleari u li l-proġetti tal-INSC jitwettqu l-iktar mill-organizzazzjonijiet tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni tista’ tkun fil-pożizzjoni li toffri analiżi kritika u riflessjoni ta’ valur dwar id-diversità tal-istandards u l-prattiki Ewropej iżda hija għandha tfittex li tibni l-kapaċità interna u l-għarfien espert indipendenti tagħha.

5.4   Il-proposta tal-INSC tistqarr li l-għan tal-INSC huwa li telimina r-riskju nukleari iżda jeħtieġ li jiġi nnotat li, teknikament, bħall-eliminazzjoni tar-riskju fi kwalunkwe proċess industrijali kumpless, ma jistax jiġi garantit li dan l-għan ser jinkiseb, b’mod partikolari l-prevenzjoni tal-inċidenti katastrofiċi nukleari. Jeħtieġ li jiġi kjarifikat li għan huwa l-prevenzjoni tal-inċidenti skont l-għola standards li jeżistu. Jeħtieġ li jiġi nnotat ukoll li l-konvinzjoni li r-riskju ġie eliminat fil-proċess ma tħeġġiġx kultura ta’ livell għoli tta’ sikurezza.

5.5   Il-Kummissjoni tipproponi missjonijiet tas-Servizz ta’ Reviżjoni Integrat tar-Regolamentazzjoni (IRRS) u tat-Tim Operattiv tal-Eżaminazzjoni tas-Sikurezza (OSART) bħala indikaturi iżda dawn jipprovdu biss valur limitat peress li mhumiex maħsuba għal għanijiet ta’ superviżjoni. Pereżempju, huma ma taw l-ebda protezzjoni kontra l-inċident ta’ Fukushima. Barra minn hekk, iż-żewġ tipi ta’ missjonijiet ma jimmirawx għall-istatus ta’ sikurezza nukleari tal-impjanti tal-enerġija nukleari (NPP). Is-superviżjoni internazzjonali tal-impjanti tal-enerġija nukleari tibqa’ kwistjoni kumplessa u kontroversjali.

5.6   Il-programmi tal-INSC għandhom iqisu wkoll, fejn adatt, li jħeġġu li jiġu stabbiliti strumenti obbligatorji fil-liġi tal-pajjiżi attiv f’ċirkustanzi fejn dawn itejbu t-trattati, l-konvenzjonijiet u l-ftehimiet tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA).

5.7   Il-memorandum ta’ spjegazzjoni tar-Regolament jinnota li fil-konsultazzjoni pubblika li saret dwar l-azzjoni esterna, il-maġġoranza kbira ta’ dawk li wieġbu appoġġaw enfasi aktar qawwija fuq sistemi għall-monitoraġġ u l-evalwazzjonijiet għall-istrumenti futuri u għall-implimentazzjoni ta’ proġetti/programmi. Il-Kumitat jirrikonoxxi li l-EuropeAid – id-DĠ tal-Iżvilupp u l-Kooperazzjoni - minkejja li m’ilux stabbilit ser jibbaża lilu nnifsu fuq esperjenza u għarfien estensivi fil-qasam li, mingħajr l-ebda dubju, ser jiġu implimentati b’mod sħiħ.

5.8   Madanakollu, ninnutaw li l-lista ta’ miżuri speċifiċi appoġġjati ma tinkludix appoġġ tal-organizzazzjonijiet indipendenti tas-soċjetà ċivili f’pajjiżi benefiċjarji jew barra minnhom, li jixtiequ jtejbu r-responsabbiltà u t-trasparenza tal-kultura tas-sikurezza nukleari permezz ta’ azzjonijiet speċifiċi. Dan huwa permess taħt l-Istrument għall-Istabbiltà u anke l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Kumitat jirrakkomanda bis-sħiħ li l-programm tal-INSC jinkludi appoġġ bħal dan fil-miżuri permessi tiegħu.

5.9   Il-Kumitat jinnota li l-flessibbiltà li tinħoloq bil-ġbir tal-miżuri appoġġjati u l-kriterji ta’ kooperazzjoni fl-Anness, li hu stess jista’ jiġi modifikat skont il-proċedura ta’ eżami prevista fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Komuni. Madanakollu, jeħtieġ li jitqies ukoll jekk il-kwistjonijiet prinċipali relatati mas-sikurezza u s-sigurtà nukleari internazzjonali għandhomx jiġu inklużi fil-korp prinċipali tar-Regolament.

5.10   Il-kriterji ta’ kooperazzjoni huma mfassla b’ċertu flessibbiltà. Il-Kumitat jilqa’ dan għall-pajjiżi kollha li għandhom impjanti tal-enerġija nukleari jaħdmu. Jista’ jkun adegwat ukoll li fi stadju esploratorju u preliminari ssir ħidma ma’ firxa wiesgħa ħafna ta’ pajjiżi terzi. Mhuwiex fl-aħjar interess tas-sikurezza tal-pubbliku Ewropew li jitpoġġew iktar kriterji restrittivi fuq liema pajjiżi jistgħu jkunu benefiċjari tal-INSC. Fir-rigward tal-pajjiżi li huma determinati li jieħdu l-ewwel passi fil-produzzjoni tal-eletrikku nukleari nemmnu li l-aċċess, l-għarfien espert, l-analiżi u l-pariri tal-UE jistgħu u għandhom ikunu applikati fejn hemm vantaġġi f’soċjetà ċivili organizzata, attiva u indipendenti. Madanakollu, għandha tingħata l-iktar attenzjoni lill-kwistjoni ta’ stabbiltà politika fuq perjodu twil u l-kapaċità li tiġi żgurata s-sikurezza tas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi msieħba.

5.11   Il-Kumitat jissuġġerixxi għalhekk li jiġu definiti kundizzjonijiet minimi ta’ għajnuna fil-qafas tal-INSC u li tiġi żviluppata konvenzjoni internazzjonali dwar il-kundizzjonalità relatata mal-ħidma konsultattiva dwar is-sikurezza nukleari bejn l-UE u n-numru żgħir ta’ pajjiżi li huma kapaċi joffru dan it-tip ta’ konsultazzjoni (id-diskussjonijiet tal-Grupp ta’ Ħidma dwar is-Sikurezza Nukleari tal-G8 u diskussjonijiet simili fl-IAEA u l-UE jistgħu jkunu punt tat-tluq).

Brussell, 23 ta’ Mejju 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU L 81, 22.3.2007, p. 1.


Top