EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AE1296

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2009/65/KE dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) u d-Direttiva 2011/61/UE dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi fir-rigward tad-dipendenza eċċessiva fuq il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu” COM(2011) 746 final — 2011/0360 (COD)

ĠU C 229, 31.7.2012, p. 64–67 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

31.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 229/64


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2009/65/KE dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) u d-Direttiva 2011/61/UE dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi fir-rigward tad-dipendenza eċċessiva fuq il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu”

COM(2011) 746 final — 2011/0360 (COD)

2012/C 229/12

Relatur: is-Sur Jörg Freiherr FRANK VON FÜRSTENWERTH

Nhar id-9 ta’ Frar 2012, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 53(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2009/65/KE dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) u d-Direttiva 2011/61/UE dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi fir-rigward tad-dipendenza eċċessiva fuq il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu

COM(2011) 746 final – 2011/0360 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-8 ta’ Mejju 2012.

Matul l-481 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-23 u l-24 ta’ Mejju 2012 (seduta tat-23 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’130 vot favur u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Din l-opinjoni tagħmel parti mill-ħidma tal-Kumitat b’rabta mar-regolamentazzjoni tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu fil-kuntest tal-isforzi biex jiġu indirizzati l-kriżijiet tal-aħħar snin (1). Dan l-aħħar il-Kumitat laqa’ l-isforzi tal-Kummissjoni biex telimina, permezz ta’ atti legali ġodda, in-nuqqasijiet kbar relatati mat-trasparenza, l-indipendenza, il-kunflitti ta’ interess u l-kwalità tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu u tal-metodoloġiji użati għal dawn il-klassifikazzjonijiet (2). Fl-istess ħin, il-Kumitat stqarr li huwa diżappuntat li r-reazzjoni għan-nuqqas ta’ regolamentazzjoni fl-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu damet daqshekk ma waslet u ma kinitx konsistenti.

1.2   Il-proposta għal Direttiva temenda b’mod formali d-Direttiva dwar il-UCITS (impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli) u d-Direttiva dwar il-Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi (AIF). Il-qofol tar-regolamentazzjoni huwa l-bidliet fil-ġestjoni tar-riskji li għandhom jillimitaw, jew saħansitra jimpedixxu, l-aċċettazzjoni sistematika u awtomatika tal-klassifikazzjonijiet esterni tal-kreditu mingħajr ma l-ewwel jiġu ċċekkjati. Flimkien ma’ dawn ir-regoli ssir ukoll bidla fir-Regolament dwar l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu, li fuqha l-Kumitat diġà esprima l-opinjoni tiegħu (3). F’dak li hu kontenut, iż-żewġ proposti leġislattivi huma marbutin mill-qrib ma’ xulxin.

1.3   Il-Kumitat jilqa’ l-fatt li l-proposta tindirizza l-problema tad-dipendenza eċċessiva tal-parteċipanti fis-suq fuq il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu għall-UCITS u l-AIF, u li jsir sforz biex tiġi evitata t-tendenza li l-atturi finanzjarji jaġixxu bħall-massa (“herd mentality”) minħabba li l-klassifikazzjonijiet tal-kreditu ma jkunux adegwati. Dawn l-isforzi għandhom ikopru l-liġi kollha tal-UE, il-liġijiet nazzjonali kif ukoll il-kuntratti rregolati bil-liġi privata.

1.4   Il-Kumitat jemmen li l-approċċ regolamentarju li jiġu speċifikati dispożizzjonijiet għall-ġestjoni tar-riskji tal-UCITS u l-AIF huwa wieħed adatt. Huwa jiġbed l-attenzjoni għall-problema li jista’ jkollhom l-istituzzjonijiet finanzjarji ż-żgħar biex jiżviluppaw il-kapaċitajiet tagħhom li janalizzaw ir-riskji. Għalhekk jipproponi li l-atti delegati jinkludu regoli dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-għarfien speċjalizzat estern sabiex tiżdied l-indipendenza tal-istituzzjonijiet finanzjarji ż-żgħar mill-aġenziji esterni ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu. Il-Kumitat huwa deċiżament kontra kwalunkwe talba li tippermetti lill-impriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju li jesternalizzaw id-deċiżjoni dwar l-affidabbiltà kreditizja ta’ impenn.

1.5   Il-Kumitat jemmen li hemm bżonn ta’ sforzi akbar sabiex fil-proċessi tal-ġestjoni tar-riskji jiġu żviluppati proċeduri u punti ta’ riferiment li jkunu jistgħu jintużaw bħala alternattivi għall-klassifikazzjonijiet tal-kreditu.

1.6   Il-Kumitat jenfasizza l-ħtieġa ta’ approċċ komuni fil-livell tal-G-20. In-nuqqas ta’ regolamentazzjoni fuq livell globali jista’ jissolva biss jekk ikun hemm koerenza minima bejn l-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali.

1.7   Il-Kumitat itenni li, kif diġà stqarr fid-dettall fl-opinjoni tiegħu tat-12 ta’ Marzu 2012 (4), huwa xettiku li la jekk il-valutazzjoni tar-riskji ssir mill-parteċipanti fis-suq finanzjarju stess u lanqas jekk tonqos id-dipendenza fuq il-klassifikazzjonijiet esterni tal-kreditu ma jistgħu jiġu ggarantiti l-oġġettività tad-deċiżjonijiet li jieħdu l-parteċipanti fis-suq finanzjarju u l-inklużjoni tal-aspetti importanti kollha b’rabta mal-konsegwenzi tal-valutazzjoni. Barra minn hekk, iqis li waħda mill-problemi fundamentali tal-valutazzjoni tar-riskji hija l-kredibbiltà (u l-indipendenza) tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu maħruġa mill-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu, li fl-aħħar snin kemm-il darba kienu żbaljati jew kienu influwenzati wisq mill-interessi, il-mentalità u l-istrutturi tas-suq ta’ oriġini barra mill-Ewropa jew mill-interessi ta’ dawk li ffinanzjawhom. F’dan il-kuntest, ifakkar li fid-diskussjonijiet dwar ir-regolamentazzjoni tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu, wieħed għandu dejjem iżomm quddiem għajnejh li, sa dan l-aħħar stess, l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu kienu ta’ ħsara diretta jew indiretta fit-tul għall-partijiet kollha tas-soċjetà. Għaldaqstant, il-Kumitat jiddispjaċih li l-isforzi biex titwaqqaf aġenzija Ewropea indipendenti ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu għad ma kellhomx suċċess.

2.   Sinteżi u kuntest tal-proposta

2.1   Il-proposta tagħmel parti mill-miżuri li għandhom jittieħdu b’rabta mas-superviżjoni tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu bħala risposta għal dik li l-ewwel kienet kriżi tal-banek, imbagħad saret kriżi finanzjarja u fl-aħħar mill-aħħar żviluppat fi kriżi tad-dejn sovran. Fis-7 ta’ Diċembru 2010 daħal fis-seħħ b’mod sħiħ ir-Regolament dwar l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu, u minn dakinhar ’l hawn dawn l-aġenziji huma obbligati jirrispettaw ċerti regoli dwar il-kondotta tagħhom, liema regoli għandhom jillimitaw il-kunflitti ta’ interess u jiżguraw kwalità għolja u ċerta trasparenza fil-klassifikazzjonijiet tal-kreditu u fil-proċessi tal-istess klassifikazzjonijiet. Nhar il-11 ta’ Mejju 2011, ir-Regolament dwar l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu ġie emendat (5) sabiex l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (AETS) tingħata s-setgħa esklużiva li tissorvelja l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu reġistrati fl-UE.

2.2   Madankollu, ir-Regolament dwar l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu u l-emenda li saritlu f’Mejju 2011 ma jsolvux problema li kienet waħda mill-kawżi tal-kriżijiet, jiġifieri r-riskju li l-parteċipanti fis-suq finanzjarju, fosthom l-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) u l-Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi (AIF), jistrieħu wisq u b’mod “awtomatiku” fuq il-klassifikazzjonijiet (esterni) tal-kreditu biex joperaw is-sistemi ta’ ġestjoni tar-riskji tagħhom, u b’hekk ma jevalwawx huma stess ir-riskji u ma jwettqux l-obbligu tagħhom li jiċċekkjaw id-diliġenza tal-klassifikazzjonijiet. Dan isir għal raġunijiet ta’ spejjeż u semplifikazzjoni. Però, għall-pubbliku inġenerali, il-periklu hu li l-parteċipanti fis-suq jibdew jagħmlu bħan-“nagħaġ ta’ Bendu” (6). Din it-tendenza awtomatika u bbażata fuq l-istess klassifikazzjonijiet tal-kreditu tista’ twassal, f’każ li jintilef il-grad ta’ investiment (“investment grade”), għall-bejgħ parallel tal-istrumenti tad-dejn bil-possibbiltà li tiġi kompromessa l-istabbiltà finanzjarja. Il-proċikliċità u l-“cliff effects” (it-tbaxxija tal-klassifikazzjoni ta’ titolu taħt ċertu limitu li twassal, bħala katina ta’ reazzjonijiet, għall-bejgħ ta’ titoli oħra) ukoll jiddeskrivu l-istess riskju. Kemm-il darba ntqal li hemm bżonn urġenti li jiġu minimizzati dawn ir-riskji (7).

2.3   Il-prosposta analizzata f’din l-opinjoni tindirizza l-problema tad-dipendenza eċċessiva tal-parteċipanti fis-suq fuq il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu għall-UCITS u l-AIF. Proposti oħra jikkonċernaw ir-riżoluzzjoni tal-istess problema fil-każ tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, impriżi ta’ assigurazzjoni u ditti tal-investiment f’konglomerat finanzjarju (8). Id-dispożizzjonijiet dwar il-ġestjoni tar-riskji għall-UCITS u l-AIF jinsabu fl-Artikoli 1 u 2, li jistabbilixxu li l-kumpaniji m’għandhomx jistrieħu b’mod esklużiv jew awtomatiku fuq il-klassifikazzjonijiet esterni tal-kreditu. Dan jikkomplementa r-regoli eżistenti dwar is-superviżjoni li jgħidu li l-atturi finanzjarji jridu jużaw sistemi ta’ ġestjoni tar-riskji li jippermettulhom jimmonitorjaw u jkejlu, f’kull ħin, ir-riskju marbut mal-pożizzjoni tal-investiment tagħhom kif ukoll il-kontribut tagħhom għall-profil ta’ riskju globali. Fl-istess ħin, is-setgħa tal-Kummissjoni tiżdied biex tkun tista’ tiddefinixxi, permezz ta’ atti delegati, il-kriterji għall-evalwazzjoni ta’ jekk is-sistemi ta’ ġestjoni tar-riskji humiex adegwati, bil-għan li tiġi evitata wkoll id-dipendenza eċċessiva fuq il-klassifikazzjonijiet esterni tal-kreditu.

2.4   Il-proposta analizzata f’din l-opinjoni għandha titqies fid-dawl tad-dokument ippreżentat fl-istess jum bit-titolu “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu [l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu]” (9). Dan id-dokument, minbarra li jittrattata punti oħrajn, iressaq proposti li għandhom jimpedixxu d-dipendenza eċċessiva tal-parteċipanti fis-suq fuq il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu billi jobbligaw lill-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu jipprovdu informazzjoni komprensiva lill-atturi finanzjarji. Dan jinkludi informazzjoni dwar il-metodoloġiji tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu, l-ipotesi li fuqhom ikunu msejsin il-klassifikazzjonijiet u t-tipi differenti ta’ klassifikazzjonijiet. Mill-banda l-oħra, l-emittenti ta’ strumenti ta’ finanzjament strutturat għandhom jipprovdu lis-suq aktar informazzjoni dwar il-prodotti tagħhom (kwalità tal-kreditu, prestazzjoni tal-assi sottostanti, struttura tat-tranżazzjoni tat-titolizzazzjoni, ħruġ u dħul ta’ flus, eċċ.). Kollox ma’ kollox, il-bidliet tar-Regolament dwar l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu għandhom jagħmluha aktar faċli għall-UCITS u l-AIF biex jevalwaw huma stess il-kwalità tal-kreditu tal-istrumenti. Għaldaqstant, iż-żewġ proposti ma jistgħux jiġu kkunsidrati b’mod iżolat minn xulxin.

3.   Kummenti ġenerali

3.1   Il-proposta tal-Kummissjoni tikkonċerna aspett wieħed biss min-nuqqasijiet ta’ regolamentazzjoni għall-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu, jiġifieri l-impatt tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu fuq l-attività tal-atturi tas-suq finanzjarju u l-konsegwenzi ta’ din l-attività fuq is-swieq. Il-proposta hija r-riżultat ta’ analiżi tal-fatturi li kkawżaw il-kriżijiet fl-aħħar snin. L-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu kienu fost dawn il-fatturi. Dawn l-aġenziji jesprimu l-fehma tagħhom dwar il-possibbiltajiet ta’ ħlas li jkollhom il-kredituri u r-rieda tagħhom li jħallsu, kemm jekk dawn ikunu kredituri privati kif ukoll jekk ikunu l-Istati. Huma għandhom influwenza sinifikanti fuq is-swieq finanzjarji globali, peress li ħafna mill-atturi finanzjarji (UCITS, AIF, istituzzjonijiet ta’ kreditu u impriżi ta’ assigurazzjoni) jistrieħu fuq il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu meta jkunu ser jieħdu xi deċiżjoni dwar l-investiment tagħhom. Fl-aħħar snin, l-aktar reċenti fl-opinjoni tiegħu tat-12 ta’ Marzu 2012 (10), il-Kumitat kemm-il darba indirizza n-nuqqasijiet fir-regolamentazzjoni tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu u esprima fehmiet ċari f’dan ir-rigward, liema fehmiet isawru l-bażi ta’ din l-opinjoni u ssir referenza għalihom.

3.2   Reċentement, il-kriżijiet għamluha ċara li, minn banda, il-valutazzjonijiet żbaljati tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu jistgħu jkunu ta’ ħsara kbira għal bosta oqsma ekonomiċi, u saħansitra għal Stati sħaħ u s-soċjetà b’mod ġenerali. Mill-banda l-oħra, urew ukoll li s-swieq ma kinux f’pożizzjoni li jimpedixxu l-eċċessi. Għalhekk tinħtieġ regolamentazzjoni stretta u konsistenti għall-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu fil-livell tal-Istat. Fid-dawl tal-kuntest globali tal-G-20, ir-regolamentazzjoni fil-livell tal-UE għandha tiġi appoġġjata bil-għan li tiġi żgurata koerenza minima bejn ir-regoli. Huwa assolutament indispensabbli (11) li, bħala standard minimu, il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu jitħejjew b’mod li jiġu żgurati u rispettati l-prinċipji tal-integrità, it-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-governanza tajba.

3.3   Il-Kumitat jikkonferma li fl-aħħar snin, għalkemm tard, sar progress konsiderevoli fir-regolamentazzjoni tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu. Jekk minn issa ’l quddiem il-proposta għal emenda tar-Regolament dwar l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu tal-15 ta’ Novembru 2011 (12) tindirizza l-oqsma problematiċi tal-“prospetti tal-klassifikazzjonijiet”, l-“indipendenza tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu”, l-“iżvelar ta’ informazzjoni”, il-“klassifikazzjonijiet sovrana”, ir-“responsabbiltà ċivili” u l-“użu tal-klassifikazzjonijiet esterni tal-kreditu”, allura dan huwa ta’ min jilqgħu bi pjaċir. Il-Kumitat diġà esprima l-fehma tiegħu (13) u ressaq suġġerimenti konkreti dwar dan. Madakollu, huwa diżappuntanti li ma jiġux indirizzati biżżejjed l-oqsma problematiċi tad-dominanza tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu l-kbar fis-suq u l-mudelli ta’ ħlas alternattivi.

3.4   Il-proposta issa tindirizza, b’mod komplementari, il-problema tal-aċċettazzjoni awtomatika u mingħajr riflessjoni tal-klassifikazzjonijiet esterni tal-kreditu anke mill-UCITS u l-AIF. Dan jista’ jwassal, kif tgħid il-proposta stess, biex l-atturi finanzjarji jġibu ruħhom bħall-massa, jew inkella biex it-tbassir jikkondizzjona dak li jiġri verament (“self-fulfilling prophecy”), kif jingħad f’opinjoni preċedenti tal-Kumitat (14). Dan il-punt jinsab ukoll fl-emendi ppreżentati fl-istess jum għar-Regolament dwar l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu. Dan l-“approċċ doppju” jagħmel sens. L-atturi tas-suq finanzjarju, li għalihom ikunu indirizzati l-klassifikazzjonijiet (esterni) tal-kreditu, iridu jeliminaw jew għall-inqas jillimitaw l-approċċ awtomatiku tagħhom, filwaqt li r-regolamentazzjoni tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu trid tiżgura li l-aġenziji jkunu trasparenti skont kemm ikun meħtieġ u li jipprovdu l-informazzjoni neċessarja lill-parteċipanti fis-suq.

3.5   Wieħed m’għandux jinsa li l-UCITS u l-AIF għandhom jagħtu sehemhom biex jevitaw l-“imġiba tal-massa” u l-“ktajjen ta’ reazzjonijiet”. Sakemm is-sistemi ta’ ġestjoni tar-riskji jkunu jippermettu dan it-tip ta’ effetti, huma ser jibqgħu parti mill-problema. F’dan ir-rigward, il-KESE jaqbel bis-sħiħ mal-Kummissjoni. Għalhekk, fl-implimentazzjoni tal-proposta analizzata f’din l-opinjoni, ser ikun fuq kollox importanti li l-atti delegati japplikaw b’mod adegwat ix-xewqa tal-leġislatur. Barra minn hekk, kwalunkwe regolamentazzjoni finanzjarja tiswa biss daqskemm tkun tiswa l-implimentazzjoni finali tagħha fil-prattiki ta’ superviżjoni.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   M’hemmx dubju li l-aċċettazzjoni sistematika u awtomatika tal-klassfikazzjonijiet esterni tal-kreditu mingħajr ma jiġu ċċekkjati twassal jew tista’ twassal għall-bejgħ parallel tat-titoli kkonċernati, u b’hekk jistgħu jitħarbtu s-swieq bil-konsegwenza li l-istabbiltà finanzjarja titpoġġa fil-periklu. Din hija wkoll il-konklużjoni li tintlaħaq fil-konsultazzjonijiet esterni komprensivi tal-Kummissjoni (15), fir-riżoluzzjoni mhux leġislattiva tal-Parlament Ewropew tat-8 ta’ Ġunju 2011 (16) u fil-prinċipji ppubblikati mill-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja (17).

4.2   Sabiex jieqaf dan l-approċċ awtomatiku, hemm bżonn ta’ sensiela ta’ miżuri. L-ewwel nett għandu jiġi żgurat li qed jintużaw u jkomplu jiġu żviluppati l-possibbiltajiet kollha, u li qed isir użu mill-istandards ta’ affidabbiltà bħala alternattivi għall-klassifikazzjonijiet tal-kreditu mħejjija mill-aġenziji l-kbar. Fl-istess ħin għandhom jiġu eżaminati r-regoli prudenzjali eżistenti li joħolqu, fuq bażi legali jew ta’ regoli amministrattivi, ċertu awtomatiżmu bejn klassifikazzjoni esterna tal-kreditu u valutazzjoni, kif jiġri fl-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-impriżi ta’ assigurazzjoni. L-istess miżuri għandhom iwaqqfu l-awtomatiżmu li jeżisti fis-sistemi ta’ ġestjoni tar-riskji tal-atturi finanzjarji. B’mod ġenerali, jeħtieġ li l-liġi tal-UE u l-liġijiet nazzjonali jiggarantixxu li ma tinżamm l-ebda dispożizzjoni li twassal għal dan l-awtomatiżmu. Għandu jiġi żgurat ukoll li l-kuntratti rregolati bil-liġi privata li jipprevedu dan it-tip ta’ awtomatiżmu ma jibqgħux effettivi. Barra minn hekk, l-atturi finanzjarji għandhom bżonn biżżejjed informazzjoni biex iwettqu b’mod aktar faċli l-valutazzjonijiet tagħhom.

4.3   Il-proposta tinkludi, bħala gwida ġenerali, il-ħtieġa ta’ kjarifika rigward il-forma tas-sistemi ta’ ġestjoni tar-riskji tal-UCITS u l-AIF. Dan l-approċċ huwa bażikament tajjeb, iżda jista’ jieħu l-ħajja biss permezz tal-atti delegati korrispondenti. Dan ifisser li l-parti l-kbira tax-xogħol biex jieqaf il-funzjonament ħażin minħabba l-awtomatiżmu fl-aċċettazzjoni tal-klassifikazzjonijiet esterni tal-kreditu għad trid issir.

4.4   Fil-prattika, mhux possibbli li l-klassifikazzjonijiet esterni tal-kreditu jitneħħew għalkollox. Bħalissa sew il-kapaċitajiet meħtieġa u sew l-għarfien espert u l-esperjenza neċessarji biex jiġu sostitwiti l-klassifikazzjonijiet esterni tal-kreditu huma limitati ħafna. L-istituzzjonijiet finanzjarji ż-żgħar, b’mod partikolari, mhux dejjem ikollhom il-mezzi biex jiżviluppaw jew jibnu d-dipartimenti ta’ analiżi tagħhom. Minbarra l-possibbiltà ta’ valutazzjoni interna msaħħa tar-riskji u l-indipendenza li tinkiseb b’dan il-mod mill-aġenziji esterni ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu, il-Kumitat itenni t-talba li l-impriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju jkollhom il-possibbiltà li jesternalizzaw l-analiżi tar-riskji. M’hemmx dubju li permezz ta’ aċċess aktar faċli għall-informazzjoni esterna jista’ jinbena l-għarfien espert u tinħoloq aktar kosteffiċjenza għal ċerti swieq speċifiċi abbażi tal-kooperazzjoni. Bis-saħħa ta’ dan, l-impriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju wkoll jkunu jistgħu jsiru indipendenti mill-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu. Il-Kumitat jilqa’ kwalunkwe miżura għal dan il-għan. Madankollu, il-Kumitat huwa deċiżament tal-fehma li d-deċiżjoni attwali dwar l-affidabbiltà kreditizja ta’ impenn għandha tibqa’ dejjem f’idejn l-impriża, u ma tistax tiġi esternalizzata.

4.5   Il-KESE jemmen li l-implimentazzjoni tal-proposta jaf iżżid, kultant b’mod konsiderevoli, l-ispejjeż tar-regolamentazzjoni minħabba l-espansjoni tas-sistemi ta’ ġestjoni tar-riskji, bħall-iżvilupp u l-bini ta’ mudelli interni. Madankollu, fid-dawl tal-perikli li qed jheddu lis-soċjetà b’mod ġenerali, ma teżisti l-ebda alternattiva oħra għal dan.

Brussell, 23 ta’ Mejju 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Ara, b’mod partikolari, ĠU C 277, 17.11.2009, p. 117 ĠU C 54, 19.2.2011, p. 37.

(2)  ĠU C 181, 21.06.2012, p. 68 dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu [l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu], COM(2011) 747 final – 2011/0361 (COD).

(3)  Ara nota 2 f’qiegħ il-paġna.

(4)  Ara nota 2 f’qiegħ il-paġna.

(5)  ĠU L 145, 31.5.2011, p. 30.

(6)  Ara “The Financial Cycle, Factors of Amplifiction and possible Implications for Financial and Monetary Authorities” (Iċ-ċiklu finanzjarju, fatturi ta’ amplifikazzjoni u implikazzjonijiet possibbli għall-awtoritajiet finanzjarji u monetarji), Banque de France, Bulletin Nru 95, Novembru 2001, p. 68.

(7)  COM(2010) 301 final; dokument ta’ konsultazzjoni dwar ir-reviżjoni tar-Regolament dwar l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu, http://ec.europa.eu/internal_market/consultations/2010/cra_en.htm; Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2011; prinċipji tal-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja ta’ Ottubru 2010 dwar it-tnaqqis tad-dipendenza tal-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet finanzjarji fuq il-klassifikazzjonijiet esterni tal-kreditu.

(8)  COM(2011) 453 final.

(9)  COM(2011) 747 final – 2011/0361 (COD).

(10)  Ara nota 2 f’qiegħ il-paġna.

(11)  Ara nota 2 f’qiegħ il-paġna, punt 1.2.

(12)  COM(2011) 747 final – 2011/0361 (COD).

(13)  Ara nota 2 f’qiegħ il-paġna.

(14)  Ara nota 2 f’qiegħ il-paġna, punt 1.7.

(15)  Ara nota 6 f’qiegħ il-paġna.

(16)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar Aġenziji tal-Klassifikazzjoni tal-Kreditu: prospettivi futuri (2010/2302 (INI)).

(17)  Ara nota 6 f’qiegħ il-paġna.


Top